Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
17 ta’ Settembru 2026 (*)
“Rinviju preliminari – Trasport – Regolament (UE) Nru 165/2014 – Artikoli 27 u 41 – Użu ta’ karta ta’ sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor – Sanzjoni – Ammont fiss – Impossibbiltà ta’ individwalizzazzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑437/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Gabrovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gabrovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura
FT
vs
Nachalnik Oblasten otdel “Avtomobilna administratsia” – Gabrovo,
fil-preżenza ta’:
Okrаzhna prokuratura Gabrovo,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn O. Spineanu–Matei, Presidenta ta’ Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li jaġixxi bħala Imħallef tat-Tmien Awla, u N. Fenger, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal FT, minn Y. Lalova, avukata,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Álvarez Vinagre, C. Georgieva u K. Walkerová, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 646/2012 tas‑16 ta’ Lulju 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar multi u ħlasijiet penali perjodiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 187, p. 29), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn FT u n-Nachalnik Oblasten otdel “Avtomobilna administratsia” – Gabrovo [Kap tad-Diviżjoni Reġjonali tal-Amministrazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur – Gabrovo (il-Bulgarija)] dwar il-legalità ta’ multa amministrattiva imposta fuq FT, sewwieq li wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija b’karta tas-sewwieq li ma kinitx tiegħu.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 646/2012
3 L-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 646/2012 jipprovdi:
“1. Meta wara t-teħid ta’ deċiżjonijiet stipulati fit-Taqsima 2, il-Kummissjoni [Ewropea] ssib li d-detentur taċ-ċertifikat ikun kiser, bi ħsieb jew bi traskuraġni, ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2008, L 79, p. 1)] jew ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, hija tista’ tadotta deċiżjoni li timponi multa li ma tkunx iktar minn 4 % tad-dħul jew tal-fatturat annwali tad-detentur taċ-ċertifikat fis-sena ta’ negozju preċedenti.
2. Meta d-detentur taċ-ċertifikat ma jkunx temm il-ksur meta tkun ġiet adottata d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, f’dik id-deċiżjoni, tista’ timponi ħlasijiet penali perjodiċi għal kull jum li ma jkunux iktar minn 2,5 % tad-dħul jew tal-fatturat medju ta’ kuljum tad-detentur taċ-ċertifikat fis-sena ta’ negozju preċedenti.
Dawn il-ħlasijiet penali perjodiċi jistgħu jiġu imposti għal perjodu li jibda jiddekorri mid-data ta’ notifika tad-deċiżjoni sal-jum meta jintemm il-ksur.
3. Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, is-sena ta’ negozju preċedenti tirreferi għas-sena ta’ negozju li tippreċedi d-data tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.
4. Il-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi huma ta’ natura amministrattiva.
5. Id-deċiżjoni li timponi multi u ħlasijiet penali perjodiċi hija eżegwibbli. ”
4 L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“1. Meta tiġi biex tiddetermina jekk għandhiex timponi multi u ħlasijiet penali perjodiċi u l-ammont ta’ dawk il-multi u ta’ dawk il-ħlasijiet, il-Kummissjoni għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tal-effikaċja, tal-proporzjonalità u tad-dissważjoni.
2. F’kull każ, il-Kummissjoni għandha tqis, meta jkun rilevanti, iċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) is-serjetà u l-effetti tal-ksur u b’mod partikolari, l-implikazzjonijiet u l-effetti ta’ ksur bħal dan fuq is-sikurezza u l-ambjent;
(b) il-grad ta’ diliġenza u ta’ kooperazzjoni li wera d-detentur taċ-ċertifikat fl-identifikazzjoni tal-ksur u fl-applikazzjoni tal-azzjoni korrettiva, jew waqt il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità jew kwalunkwe ostaklu li jkun għamel id-detentur taċ-ċertifikat għall-identifikazzjoni ta’ ksur u għat-twettiq ta’ proċedura għal nuqqas ta’ konformità, jew kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mid-detentur taċ-ċertifikat mat-talbiet magħmula mill-Aġenzija [Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni], mill-Kummissjoni jew minn awtorità nazzjonali tal-avjazzjoni b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(c) il-bona fidi tad-detentur taċ-ċertifikat fl-interpretazzjoni u fit-twettiq tal-obbligi konnessi mad-detenturi taċ-ċertifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu jew kwalunkwe evidenza ta’ ingann intenzjonat min-naħa tad-detentur taċ-ċertifikat;
(d) il-fatturat involut fil-każ u l-kapaċità ekonomika tad-detentur taċ-ċertifikat ikkonċernat;
(e) il-ħtieġa li jkunu adottati miżuri provviżorji jew urġenti;
(f) ir-repetizzjoni, il-frekwenza jew it-tul ta’ żmien tal-ksur mid-detentur taċ-ċertifikat;
(g) sanzjonijiet preċedenti, inklużi penali finanzjarji, imposti fuq l-istess detentur ta’ ċertifikat.
3. Meta tiġi biex tiddetermina l-ammont tal-multa u tal-ħlas penali perjodiku, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe miżuri ta’ infurzar li diġà jkunu ttieħdu fil-konfront tad-detentur taċ-ċertifikat fil-livell nazzjonali jew mill-[AESA], u li jkunu msejsa fuq l-istess bażi legali u fuq l-istess fatti. ”
Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014
5 L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU 2014, L 60, p. 1), jipprovdi:
“B’żieda mad-definizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(d) ‘kard tat-takografu’ tfisser kard intelliġenti, intenzjonata għall-użu mat-takografu, li tippermetti l-identifikazzjoni permezz tat-takografu tar-rwol tad-detentur tal-kard u tippermetti t-trasferiment u l-ħżin tad-data;
[...]
(f) ‘kard tas-sewwieq’ tfisser kard tat-takografu, maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil xufier partikolari, li tidentifika s-sewwieq u tippermetti l-ħżin tad-data tal-attività tas-sewwieq;
[...] ”
6 L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“1. Il-kard tas-sewwieq hija personali.
2. Is-sewwieq jista’ jkollu kard valida waħda biss, u huwa biss awtorizzat li juża il-kard tiegħu personalizzata ta’ sewwieq. Sewwieq ma għandux juża kard tas-sewwieq li tkun diffettuża jew li tkun skadiet. ”
7 L-Artikolu 41 tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-arranġamenti kostituzzjonali nazzjonali, jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali, dissważivi u nondiskriminatorji u għandhom ikunu f’konformità mal-kategoriji tal-ksur stabbiliti fid-[Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE] (ĠU 2006, L 102, p. 35).
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri u r-regoli fuq il-pieni sat‑2 ta’ Marzu 2016. Dawn għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal dawk il-miżuri. ”
Id-Direttiva Nru 2006/22
8 L-Artikolu 2(3a) tad-Direttiva 2006/22, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 (ĠU 2020, L 249, p. 49), jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu jorganizza verifiki rigward il-konformità mad- Direttiva [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/15/KE tal‑11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224)], filwaqt li titqies is-sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju prevista fl-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva. Dawk il-verifiki għandhom ikunu mmirati lejn impriża jekk wieħed jew iktar mix-xufiera tagħha jkunu kontinwament jew serjament qed jiksru r-Regolament (KE) Nru 561/2006 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83),] jew [ir-Regolament] (UE) Nru 165/2014. ”
9 It-tabella tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/22, kif emendata bid-Direttiva 2020/1057, intitolata “Gruppi ta’ ksur tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Takografu)”, tippreċiża li s-sewqan b’karta tas-sewwieq li s-sewwieq tagħha ma huwiex id-detentur tagħha jifforma parti mill-iktar ksur serju tar-Regolament Nru 165/2014.
Ir-Regolament (UE) 2016/403
10 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/403 tat‑18 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ ksur serju tar-regoli tal-Unjoni, li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba tal-operatur tat-trasport bit-triq u li jemenda l-Anness III tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, L 74, p. 8), jipprovdi:
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi lista komuni ta’ kategoriji, tipi u gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju tar-regoli tal-Unjoni tat-trasport bit-triq kummerċjali, kif stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, li, b’żieda ma’ dawk stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009, jistgħu jwasslu għat-telf ta’ reputazzjoni tajba ta’ operatur tat-trasport tat-triq. ”
11 Mill-Anness I tar-Regolament 2016/403 jirriżulta, b’mod partikolari, li l-qbiż tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa minn sewwieq jikkostitwixxi ksur serju, serju ħafna jew l-iktar serju, skont it-tul ta’ dan il-qbiż. Min-naħa l-oħra, skont dan l-anness, is-sewqan b’karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor għandu jiġi kklassifikat, fi kwalunkwe każ, fil-kategorija tal-iktar ksur serju.
Id-dritt Bulgaru
12 L-Artikolu 93c(5) taż-Zakon za avtomobilnite prevozi (il-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq) (DV Nru 82 tas‑17 ta’ Settembru 1999), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZavtP”), jipprovdi:
“Sewwieq li juża karta tas-sewwieq maħruġa f’isem persuna oħra għandu jiġi ssanzjonat b’multa ta’ BGN 1 500 (lev Bulgaru) [(madwar EUR 767)]”.
13 L-Artikolu 27(5) taż-Zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi) (DV Nru 92 tat‑28 ta’ Novembru 1969), fil-verżjoni tagħha li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:
“Lanqas ma huwa awtorizzat li tiġi ffissata sanzjoni taħt l-ammont minimu previst tas-sanzjonijiet li jikkostitwixxu l-multa u ċ-ċaħda temporanja tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni jew attività ddeterminata, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi. ”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Fit‑28 ta’ Awwissu 2024, il-Kap tad-Diviżjoni Reġjonali tal-Amministrazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur – Gabrovo imponiet fuq FT, skont l-Artikolu 93c(5) taz-ZavtP, multa amministrattiva fl-ammont ta’ BGN 1 500 (madwar EUR 767) talli, bi ksur tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 165/2014, saq, fis‑26 ta’ Lulju 2024, vettura bil-mutur li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament billi uża karta tas-sewwieq f’isem persuna oħra.
15 Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ April 2025, ir-Rayonen sad Gabrovo (il-Qorti Distrettwali ta’ Gabrovo, il-Bulgarija) ikkonfermat din il-multa amministrattiva.
16 Fit‑13 ta’ Mejju 2025, FT ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Administrativen sad Gabrovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gabrovo, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Fl-appell tiegħu, FT isostni b’mod partikolari li l-multa amministrattiva li ġie kkundannat għaliha hija sproporzjonata meta mqabbla man-natura u mal-gravità tal-ksur ikkonċernat, peress li n-natura fissa ta’ din il-multa tipprekludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi bħad-distanza effettivament koperta mill-karta tas-sewwieq ta’ terz, il-fatt li dan huwa l-ewwel ksur jew il-fatt li l-persuna kkonċernata għandha, hija stess, karta tas-sewwieq.
17 Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 93c(5) taz-ZAvtP jipprevedi sanzjoni ta’ ammont fiss għall-ksur allegat fil-konfront ta’ FT, li l-livell tiegħu jaqbeż l-ammont tas-salarju minimu Bulgaru (BGN 1 077) (madwar EUR 550), kif ukoll dak tas-salarju medju Bulgaru fid-data tat-twettiq tal-ksur allegat u matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2025.
18 La l-awtorità amministrattiva li imponiet l-imsemmija multa, u lanqas il-qorti responsabbli għall-evalwazzjoni tal-legalità tagħha ma jistgħu jnaqqsu l-ammont tagħha, każ b’każ, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, in-natura u l-gravità tal-ksur ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, il-perikolożità tiegħu għall-kollettività.
19 Fil-fatt, mill-Artikolu 27(5) tal-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jirriżulta li ma huwiex permess li tiġi ffissata sanzjoni inqas mil-livell minimu tas-sanzjonijiet li jikkostitwixxu l-multa u ċ-ċaħda temporanja tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni jew attività partikolari, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi, li ebda wieħed minnhom ma japplika f’dan il-każ.
20 Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-ksur ikkonċernat twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, il-mument meta twettaq jew is-sezzjoni tat-triq li fuqha twettaq, u lanqas il-fatt li l-persuna kkonċernata kellha karta tas-sewwieq fid-data ta’ dan ir-reat jew inkella r-raġunijiet għalfejn huwa uża karta tas-sewwieq li tappartjeni lil terz.
21 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, huwa impost fuq l-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u tar-regoli dwar l-intensità tal-multi, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont tal-multa marbuta ma’ dan il-ksur.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Gabrovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gabrovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) 1) Is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 93c(5) taż-[ZavtP] għall-ksur li jikkonsisti fl-użu ta’ karta ta’ sewwieq ta’ persuna oħra hija konformi mal-kriterji li jirregolaw l-impożizzjoni u l-iffissar tal-ammont tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penalità previsti fl-Artikoli 13 u 15 ta-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 646/2012], li jirregolaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penalità min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea? Dawn is-sanzjonijiet huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-Istati Membri huma obbligati josservaw, konformement mal-Artikolu 5(4) TUE, sa fejn id-dispożizzjoni tipprevedi sanzjoni b’ammont fiss u għoli għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Bulgarija?
2) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Novembru 2024, Ekostroy [(C‑61/23, EU:C:2024:974)], għandha tiġi interpretata u applikata għad-dispożizzjonijiet kollha li jipprevedu sanzjonijiet fid-dritt amministrattiv tar-Repubblika tal-Bulgarija sa fejn, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li: ‘F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ multa jew ta’ sanzjoni pekunjarja b’ammont fiss għal kull ksur ta’ ċerti obbligi previsti mil-liġi, mingħajr tibdil fl-ammont ta’ din il-multa jew ta’ din is-sanzjoni pekunjarja skont il-gravità tal-ksur, kif previst mis-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tidher li hija sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni’? Fid-dawl ta’ dan, tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu tali ammont fiss tas-sanzjonijiet, bħalma jagħmel l-Artikolu 93c(5) [taż-ZavtP], għandhomx jitqiesu li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, u dan anki fid-dawl tas-sentenza ċċitata iktar ‘il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja? ”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
23 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2026, Županijsko državno odvjetništvo, C‑8/24, EU:C:2026:210, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Fl-ewwel lok, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 646/2012 u tal-Artikolu 5(4) TUE.
25 Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan ir-regolament jikkonċerna t-trasport bl-ajru u, min-naħa l-oħra, li dan l-Artikolu 5(4) jistabbilixxi l-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-azzjoni tal-Unjoni u mhux f’dik tal-Istati Membri. Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet huma manifestament inapplikabbli għall-kawża prinċipali b’tali mod li l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punti 64 sa 66 u 70).
26 Fit-tieni lok, mit-tieni domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom ġiet imposta multa amministrattiva b’rata fissa f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, dwar il-kompatibbiltà ma’ dan il-prinċipju ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru minbarra dawk li huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
27 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ewwel parti tat-tieni domanda titħallat mal-ewwel domanda, b’tali mod li ma hemmx lok li tingħata risposta separata għaliha.
28 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tat-tieni parti tat-tieni domanda, għandu jitfakkar li l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari tikkonsisti f’li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux f’li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya, C‑197/10, EU:C:2011:590, punt 18).
29 Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni domanda hija inammissibbli.
Fuq il-mertu
30 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M. N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkastiga ksur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’multa amministrattiva ta’ ammont għoli mingħajr ma jkun possibbli, la għall-awtorità amministrattiva li tkun imponiet din il-multa, u lanqas għall-qorti responsabbli għall-evalwazzjoni tal-legalità tagħha, li tnaqqas l-ammont tiegħu billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ.
32 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti fl-użu ta’ karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor, bi ksur tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 165/2014.
33 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dan l-artikolu japplika għas-sanzjonijiet kollha meħuda mill-Istati Membri sabiex jissanzjonaw il-ksur tal-istess regolament, irrispettivament minn jekk dawn is-sanzjonijiet humiex ta’ natura kriminali jew le, fis-sens tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
34 Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 165/2014, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li tiġi imposta multa ta’ ammont għoli fuq is-sewwieq ta’ vettura li jkun kiser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, billi jwaħħal mat-takografu tal-vettura tiegħu karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor, mingħajr ma tipprevedi ebda possibbiltà li dan l-ammont jitnaqqas fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.
35 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu u, konsegwentement, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2024, Еkоstroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 41, u tal‑11 ta’ Diċembru 2025, Staatssecretaris Jeugd, Preventie en Sport (Sigaretti elettroniċi), C‑665/24, EU:C:2025:960, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikkonkretizzat fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 165/2014, jeżiġi li s-severità ta’ sanzjoni tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat, b’mod partikolari, billi jiġi żgurat effett realment dissważiv. B’hekk, il-miżuri repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2024, Еkоstroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 45, kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et, C‑590/24, EU:C:2026:41, punti 105 u 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
37 Dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur, iżda wkoll id-determinazzjoni tar-regoli dwar l-intensità tal-multi u dwar l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2024, Еkоstroy, C‑61/23, EU:C:2024:974, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata)
38 F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Bulgara tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva li permezz tagħha l-konstatazzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur ikkonċernat hija biżżejjed biex l-awtorità amministrattiva timponi multa fl-ammont ta’ BGN 1 500 (madwar EUR 767).
39 Barra minn hekk, il-kategorija ta’ persuni li hija esposta għal tali multa hija kkostitwita, tal-inqas essenzjalment, minn persuni fiżiċi li jeżerċitaw missjonijiet ta’ xufier ta’ trakkijiet. Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ammont ta’ din il-multa huwa ogħla mis-salarju medju fil-Bulgarija. Minn dan isegwi li, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-ammont tal-imsemmija multa għandu jitqies li huwa għoli ħafna fid-dawl tal-livell medju tad-dħul professjonali tal-kategorija ta’ persuni li jistgħu jiġu kkundannati għal tali multa.
40 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li la l-awtorità amministrattiva inkarigata li timponi tali multa, u lanqas il-qorti responsabbli għall-eżami tar-regolarità tagħha ma huma f’pożizzjoni li jnaqqsu l-ammont tagħha, billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni.
41 Issa, il-fatt li tiġi imposta multa ta’ ammont għoli ħafna, mingħajr ma dan l-ammont ikun jista’ jitnaqqas skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, huwa ta’ natura li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 165/2014 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et, C‑590/24, EU:C:2026:41, punt 112).
42 Minn dan isegwi li, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-ammont tal-multa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ tali importanza li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 165/2014, jipprekludi li dan l-ammont ma jkun jista’ bl-ebda mod jitnaqqas fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.
43 Fit-tieni lok, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, taċ-ċirkustanzi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi aġġustat id-daqs ta’ multa amministrattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 165/2014, moqri flimkien mal-Anness I tar-Regolament 2016/403, jirriżulta li l-użu ta’ karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor jagħmel parti mill-ksur l-iktar serju f’dan il-qasam, ikun xi jkun it-tul li matulu jseħħ tali użu. Dan il-ksur huwa għalhekk differenti minn ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tat-trasport bit-triq u, b’mod partikolari, mill-ksur marbut mal-qbiż tal-perijodi massimi ta’ sewqan ta’ kuljum jew ta’ kull ġimgħa, li l-livell ta’ gravità tagħhom ivarja, konformement ma’ dan l-Anness I, skont it-tul ta’ dan il-qbiż.
44 Għaldaqstant, il-fatt li s-sewwieq uża karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor matul perijodu limitat ħafna ma jistax jikkostitwixxi element li jista’ jwassal biex jitnaqqas l-ammont tal-multa li għandha, bħala prinċipju, tiġi imposta fuqu.
45 Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet ta’ sigurtà fit-toroq u ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera li huma mfittxija mir-Regolament Nru 165/2014 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Bezirkshauptmannschaft Tulln (Ċertifikazzjoni ta’ jiem mingħajr sewqan), C‑96/19, EU:C:2020:353, punt 38).
46 Fil-fatt, l-użu ta’ karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor għandu l-għan jew, tal-inqas, l-effett li jipprekludi l-kontroll effettiv tal-osservanza tal-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ li huma imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Issa, tali impossibbiltà ta’ kontroll effettiv isseħħ sa mill-użu ta’ karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor, fatt li jiddistingwi tali ksur minn dawk inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229), u tal‑21 ta’ Novembru 2024, Ekоstroy (C‑61/23, EU:C:2024:974), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-impossibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur ikkonċernat fl-iffissar tal-ammont tal-multa kienet tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
47 Min-naħa l-oħra, jista’, b’mod partikolari, jidher fost iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-persuna kkonċernata tista’ turi li użat, b’negliġenza, il-karta tas-sewwieq ta’ ħaddieħor.
48 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ikkonkretizzat fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 165/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandha tiġi imposta multa ta’ ammont għoli ħafna fuq is-sewwieq ta’ vettura li jkun kiser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, billi jwaħħal mat-takografu tal-vettura tiegħu karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor, mingħajr ma tipprevedi ebda possibbiltà li dan l-ammont jitnaqqas fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandha tiġi imposta multa ta’ ammont għoli ħafna fuq is-sewwieq ta’ vettura li jkun kiser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 165/2014, billi jwaħħal mat-takografu tal-vettura tiegħu karta tas-sewwieq li tappartjeni lil ħaddieħor, mingħajr ma tipprevedi ebda possibbiltà li dan l-ammont jitnaqqas fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.