Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)
30 ta’ April 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Addendum għal kuntratt ta’ self ipotekarju – Konsegwenzi tan-nullità ta’ dan l-addendum fuq il-validità ta’ dan il-kuntratt – Prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità – Effett dissważiv – Kundizzjonijiet ta’ sussistenza tal-kuntratt – Obbligi tal-qorti nazzjonali”
Fil-Kawża C‑246/25 [Hańczynek] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ April 2025, fil-proċedura
AS
vs
BNP Paribas Bank Polska S.A.,
IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Ziemele (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, S. Gervasoni u M. Bošnjak, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal AS, minn K. Pilawska u A. Zorski, avukati,
– għal BNP Paribas Bank Polska S.A., minn T. Spyra, P. Węc, radcowie prawni, u D. Wróbel, avukat,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u A. Szmytkowska, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività, u ta’ proporzjonalità.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AS u BNP Paribas Bank Polska S.A. (iktar ’il quddiem “BNP Paribas”) dwar il-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ addendum għal kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn AS u l-predeċessur legali ta’ BNP Paribas.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 93/13
3 L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi:
“Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.
4 L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
5 L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”
Id‑dritt Pollakk
6 Skont l-Artikolu 58(1) tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U., Nru 16, pożizzjoni 93), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):
“Att legali li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż li jevita l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk din id-dispożizzjoni tipprovdi li d-dispożizzjonijiet invalidi ta’ dan l-att legali għandhom jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.”
7 Skont l-Artikolu 385 1 tal-Kodiċi Ċivili:
“1. Il-klawżoli ta’ ftehim konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lil dan il-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi manifestament jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.
2. Meta klawżola tal-kuntratt ma tkunx torbot lill-konsumatur skont il-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta bil-klawżoli l-oħrajn tal-kuntratt.”
8 L-Artikolu 385 2 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:
“Il-kompatibbiltà tal-klawżoli ta’ kuntratt mal-moralità għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li jitqiesu l-kontenut tiegħu, iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tiegħu kif ukoll kuntratti oħra konnessi mal-kuntratt li fih jinsabu l-klawżoli li jkunu s-suġġett ta’ tali evalwazzjoni.”
9 Skont l-Artikolu 506(1) tal-Kodiċi Ċivili, meta, fid-dawl tal-estinzjoni tal-obbligu, id-debitur jintrabat, bil-kunsens tal-kreditur, li jwettaq benefiċċju ieħor, jew anki l-istess benefiċċju, iżda bbażat fuq bażi legali oħra, l-obbligu preċedenti jiġi estint.
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
10 Fit‑3 ta’ Jannar 2007, AS ikkonkludiet mal-predeċessur legali ta’ BNP Paribas kuntratt ta’ self ipotekarju fl-ammont ta’ 415 144.09 zlote Pollakki (PLN) (madwar EUR 97 000), intiż li jiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli, għal perijodu sal‑20 ta’ Diċembru 2021. Ir-rata tal-interessi kienet stabbilita f’dan il-kuntratt għal 4.7 %, abbażi tar-rata ta’ riferiment WIBOR 3M (Warsaw Interbank Offered Rate 3‑month, rata interbankarja offruta f’Varsavja għal 3 xhur), miżjuda bil-marġni tal-bank ikkonċernat.
11 Fl‑20 ta’ Frar 2008, il-partijiet għall-imsemmi kuntratt iffirmaw addendum għalih, li permezz tiegħu l-ammont tas-self li għandu jiġi rrimborsat ġie miżjud għall-ammont ta’ PLN 465 144.09 (madwar EUR 108 700).
12 Fl‑20 ta’ Marzu 2008, dawn il-partijiet iffirmaw it-tieni addendum għall-istess kuntratt (iktar ’il quddiem it-“tieni addendum”). Skont l-Artikolu 1(1) tat-tieni addendum, l-ammont tas-self li għandu jiġi rrimborsat ġie kkonvertit fi franki Svizzeri (CHF). L-Artikolu 2 tat-tieni addendum kien jippreċiża li r-rata tal-interessi ta’ dan is-self kienet iddeterminata abbażi tal-indiċi ta’ riferiment Libor 6M (London Interbank Offered Rate 6‑month, rata interbankarja offruta f’Londra għal 6 xhur), miżjuda bil-marġni tal-bank ikkonċernat. Skont l-Artikolu 3(1) tat-tieni addendum, l-imsemmi self kien rimborsabbli f’PLN, peress li l-ammonti tal-pagamenti mensili ta’ rimbors kienu kkalkolati bl-applikazzjoni tar-rata ta’ bejgħ ta’ din il-munita fis-seħħ f’dan il-bank fid-data tar-rimbors tal-pagament mensili kkonċernat. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tat-tieni addendum kien jistipula li l-interessi, l-ispejjeż u l-kummissjonijiet kienu kkalkolati fil-munita tal-kreditu u kellhom jiġu rrimborsati f’PLN skont il-prezz tal-bejgħ ta’ din il-munita fis-seħħ fl-imsemmi bank fid-data ta’ dan ir-rimbors. L-Artikolu 3(5) tat-tieni addendum kien jindika li min jissellef kien ġie informat li huwa kien qiegħed iġorr ir-riskju tal-kambju. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5 tat-tieni addendum kien jistabbilixxi skadenza ġdida tal-istess self għall‑20 ta’ Diċembru 2026.
13 Il-partijiet fil-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkonkludew it-tielet addendum għalih, fit‑13 ta’ Frar 2015, li permezz tiegħu AS ingħatat id-dritt li tħallas il-pagamenti mensili ta’ rimbors direttament fi franki Svizzeri.
14 Wara li rrimborsat PLN 350 088.07 u CHF 83 920.95 (madwar EUR 171 800 b’kollox), AS adixxiet, fil‑25 ta’ Novembru 2022, lis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż, prinċipalment, li tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżoli ta’ indiċjar stipulati fit-tieni addendum u, sussidjarjament, sabiex tinkiseb, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intier tiegħu.
15 Il-qorti tar-rinviju tqis li l-klawżoli li jinsabu fl-Artikoli 1 u 3 tat-tieni addendum huma inġusti, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, sa fejn dawn iqiegħdu r-riskju tal-kambju kompletament fuq il-persuna li tissellef. Barra minn hekk, hija tindika li t-tieni addendum ma jistax jibqa’ jeżisti mingħajr dawn il-klawżoli.
16 Din il-qorti tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), in-nullità ta’ addendum għal kuntratt ta’ self ipotekarju għandha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid il-klawżoli inizjali ta’ dan il-kuntratt li kienu s-suġġett ta’ emenda permezz ta’ dan l-addendum, mingħajr ma l-validità tal-imsemmi kuntratt tiġi kkontestata.
17 Għalhekk, id-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-uniku addendum li tirriżulta min-natura inġusta tal-klawżoli tiegħu hija suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, peress li l-konsumatur ikkonċernat ma jkunx iktar marbut minn dawn il-klawżoli. Fi kwalunkwe każ, in-nullità tal-kuntratt kollu kemm hu bħala konsegwenza ta’ din il-konstatazzjoni hija sproporzjonata meta mqabbla mat-twettiq ta’ dan l-għan.
18 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva r-riskji li jinvolvi l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli tal-kuntratt inizjali fir-rigward tal-effett dissważiv li għandu jkollha t-tneħħija tal-klawżoli inġusti fuq l-aġir tal-bejjiegħa jew fornituri. Minn naħa, bejjiegħ jew fornitur ma jiġix ippenalizzat għall-użu ta’ klawżoli inġusti, peress li dan jista’ wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, jibbenefika mis-sostituzzjoni tal-klawżoli inġusti bil-klawżoli tal-kuntratt inizjali. Min-naħa l-oħra, in-nullità tal-kuntratt fl-intier tiegħu twassal għal konsegwenzi ekonomiċi favorevoli għall-konsumatur ikkonċernat, b’mod partikolari meta l-kreditu tal-persuna li ssellef ikun preskritt.
19 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk il-konstatazzjoni tan-nullità tal-kuntratt tistax tiġi ġġustifikata meta din tirriżulta biss minn evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva tal-vantaġġi li jikseb il-konsumatur ikkonċernat minn din in-nullità.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/93] kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li, meta jiġi kkonstatat li addendum għal kuntratt ikun fih klawżoli illegali li jwasslu għan-nullità ta’ dan l-addendum, dan tal-aħħar għandu jitqies li qatt ma ġie konkluż u l-kuntratt għandu jitqies applikabbli ab initio fil-verżjoni mhux emendata tiegħu?”
Fuq id-domanda preliminari
21 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ addendum għal kuntratt ta’ self ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti, għandhiex bħala effett l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli inizjali ta’ dan il-kuntratt li dan l-addendum kellu l-għan li jissostitwixxi.
Fuq l‑ammissibbiltà
22 BNP Paribas issostni li d-domanda magħmula hija inammissibbli, peress li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi biss fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk.
23 F’dan ir-rigward, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, peress li dan il-kompitu jaqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et, C‑331/21, EU:C:2023:812, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Madankollu, il-proċedura stabbilita f’dan l-artikolu hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkunu tressqu quddiemhom (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
25 Issa, għalkemm l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 tippreċiża li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom”, il-qafas mid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi minn din id-direttiva ma jistax madankollu jbiddel il-portata u, għaldaqstant, is-sustanza ta’ din il-protezzjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza nazzjonali fil-kuntest ta’ tilwima li hija adita biha tistax tostakola t-twettiq tal-għan ta’ dissważjoni previst mid-Direttiva 93/13 u l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi ggarantita minn din id-direttiva.
27 Konsegwentement, is-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva u tal-prinċipju ta’ effettività mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li d-domanda magħmula għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.
Fuq il‑mertu
28 Skont l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jorbtux lill-konsumaturi, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.
29 F’dan ir-rigward, il-qafas mid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax ibiddel il-portata u, għaldaqstant, is-sustanza ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 F’dan il-kuntest, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”, kif jipprevedi l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Għalkemm huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, il-modalitajiet li bihom tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt u li l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni jimmaterjalizzaw, xorta jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid fid-dritt u fil-fatt is-sitwazzjoni li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi tibbaża dritt għall-ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew fornitur abbażi tal-imsemmija klawżola inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Fir-rigward tal-qrati nazzjonali, huma għandhom jeskludu l-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm dan tal-aħħar ma jopponix dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Dan ifisser li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li ma tkun qatt eżistiet, b’mod illi hija ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tirripristina s-sitwazzjoni legali u fattwali li dan il-konsumatur kien ikun fiha fin-nuqqas tal-imsemmija klawżola (sentenza tat‑-30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), in-nullità tat-tieni addendum għandha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid il-klawżoli inizjali tal-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ġew issostitwiti b’dan l-addendum. Dan l-istabbiliment mill-ġdid jippermetti li dan il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ, filwaqt li, skont il-qorti tar-rinviju, in-nullità ta’ dan tal-aħħar fl-intier tiegħu hija sproporzjonata fir-rigward tat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.
35 Skont il-ġurisprudenza, jekk qorti nazzjonali tqis li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha, is-sussistenza ta’ kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti inklużi fih ma hijiex possibbli, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix, bħala prinċipju, li dan jiġi invalidat, indipendentement mill-effetti konkreti li twassal għalihom in-nullità ta’ dan il-kuntratt (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li kuntratt jista’, konformement mar-regoli tad-dritt nazzjonali, jinżamm mingħajr il-klawżoli inġusti tiegħu għandha tiġi vverifikata skont approċċ oġġettiv. Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ waħda mill-partijiet f’dan il-kuntratt ma tistax titqies li hija l-kriterju determinanti li jirregola l-eżitu futur tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sussistenza tal-kuntratt ma tistax tiddependi mill-effetti eventwalment sproporzjonati tan-nullità tal-kuntratt meta mqabbel mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 93/13.
38 Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li tiġi stabbilita mill-ġdid fid-dritt u fil-fatt is-sitwazzjoni li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta. F’dan ir-rigward, billi timponi, minħabba n-natura inġusta tal-klawżoli tal-addendum għal kuntratt, l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli inizjali ta’ dan il-kuntratt li ġew issostitwiti b’dan l-addendum, ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, twassal, bħala prinċipju, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li kienet tkun dik tal-konsumatur fl-assenza ta’ dawn il-klawżoli inġusti.
39 Madankollu, għandu jitfakkar li, kieku l-qorti nazzjonali setgħet tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jidhru f’kuntratt, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Bħala fatt, din il-fakultà tkun tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw dawn il-klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn tal-aħħar kellhom jiġu ddikjarati invalidi, dan il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li b’hekk jiggarantixxi l-interess ta’ dawn il-bejjiegħa jew fornituri (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Issa, l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni, li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li ma jkunux iktar marbuta magħhom, jista’ mhux biss jikkontesta l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi ggarantita mid-Direttiva 93/13, iżda wkoll jikkomprometti t-twettiq tal-għan, marbut mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, ta’ dissważjoni tal-użu ta’ klawżoli inġusti mill-bejjiegħ jew fornitur li jirriżulta mis-sempliċi tneħħija ta’ dawn il-klawżoli inġusti.
41 Fil-fatt, minn naħa, l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli inizjali tal-imsemmi kuntratt jista’ jwassal għal konsegwenzi negattivi għall-konsumatur li jirriżultaw direttament mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti. F’dan il-każ, il-Gvern Pollakk indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-istabbiliment mill-ġdid tal-indiċi applikabbli għar-rata tal-interessi kif miftiehem fil-kuntratt inizjali jimplika l-ħlas lura mill-persuna li tissellef tal-ammonti korrispondenti għad-differenza bejn l-applikazzjoni tal-indiċi stabbilit fit-tieni addendum u dak stabbilit fil-kuntratt inizjali għall-perijodu li segwa l-konklużjoni ta’ dan l-addendum. Barra minn hekk, peress li l-partijiet fil-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ftehmu fit-tieni addendum emenda tal-iskadenza ta’ dan is-self favur il-persuna li tissellef, b’mod partikolari fil-forma ta’ estensjoni tal-iskadenza tar-rimbors, l-istabbiliment mill-ġdid tal-iskadenza miftiehma fil-kuntratt inizjali jista’ wkoll ikun ta’ preġudizzju għall-konsumatur.
42 Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħa jew fornituri jirriskjaw li ma jiġux skoraġġuti milli jużaw klawżoli inġusti, jekk il-klawżoli inizjali ta’ kuntratt li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jissostitwixxu permezz tal-konklużjoni ta’ addendum, li fih jinsabu klawżoli li n-natura inġusta tagħhom tkun ġiet ikkonstatata, setgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid minflok il-klawżoli inġusti li jinsabu fl-addendum. B’mod partikolari, meta bejjiegħ jew fornitur jislet vantaġġ minn tali stabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli inizjali, l-effett dissważiv, b’mod partikolari marbut mar-restituzzjoni lill-konsumatur tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew fornitur abbażi ta’ klawżola inġusta jista’ jiġi parzjalment innewtralizzat.
43 Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika liema kienet ir-rieda tal-partijiet fil-kuntratt meta huma biddlu l-kontenut tiegħu bil-konklużjoni ta’ addendum.
44 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa intiż li jissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Soledil, C‑320/24, EU:C:2025:993, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli inizjali, issostitwiti b’addendum li n-nullità tiegħu tkun ġiet ikkonstatata minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti, jippermetti li jiġi stabbilit tali bilanċ reali li jiggarantixxi l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur mingħajr ma jiġi kkontestat it-twettiq tal-għan ta’ dissważjoni mfittex fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ addendum għal kuntratt ta’ self ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti, għandha bħala effett l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli inizjali ta’ dan il-kuntratt li dan l-addendum kellu l-għan li jissostitwixxi b’dawn il-klawżoli inġusti, sakemm jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi negattivi għal dan il-konsumatur u l-vantaġġi għal dan il-bejjiegħ jew fornitur li jirriżultaw minn tali stabbiliment mill-ġdid ta’ dawn il-klawżoli inizjali, b’tali mod li jiġi ggarantit li dan l-istabbiliment mill-ġdid tal-imsemmija klawżoli inizjali jippermetti li jiġi stabbilit bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti u, għalhekk, il-protezzjoni effettiva tal-konsumatur, mingħajr ma jiġi kkontestat it-twettiq tal-għan ta’ dissważjoni mfittex minn din id-direttiva.
Fuq l‑ispejjeż
47 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ addendum għal kuntratt ta’ self ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti, għandha bħala effett l-istabbiliment mill-ġdid tal-klawżoli inizjali ta’ dan il-kuntratt li dan l-addendum kellu l-għan li jissostitwixxi b’dawn il-klawżoli inġusti, sakemm jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi negattivi għal dan il-konsumatur u l-vantaġġi għal dan il-bejjiegħ jew fornitur li jirriżultaw minn tali stabbiliment mill-ġdid ta’ dawn il-klawżoli inizjali, b’tali mod li jiġi ggarantit li dan l-istabbiliment mill-ġdid tal-imsemmija klawżoli inizjali jippermetti li jiġi stabbilit bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti u, għalhekk, il-protezzjoni effettiva tal-konsumatur, mingħajr ma jiġi kkontestat it-twettiq tal-għan ta’ dissważjoni mfittex minn din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.