SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Artikolu 67(3) u 82(1) TFUE – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Talba għal estradizzjoni minn pajjiż terz – Ċittadin tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Deċiżjoni preċedenti meħuda minn Stat Membru ieħor li jirrifjuta l-estradizzjoni minħabba riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali – Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt tal-persuna mfittxija li ma tiġix estradita lejn Stat fejn jeżisti riskju serju li hija tkun suġġetta għal tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ xieraq – Fiduċja reċiproka – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni preċedenti ta’ rifjut ta’ estradizzjoni – Assenza ta’ obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ din id-deċiżjoni”
Fil-Kawża C‑219/25 PPU [Kamekris] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mix-chambre de l’instruction de la cour d’appel de Montpellier (l-Awla Istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura għall-estradizzjoni ta’
KN
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, N. Piçarra (Relatur), O. Spineanu-Matei u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Şereş, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal KN, minn J.-C. De Block u M. Poirot, avocats, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn B. Dourthe u M. Guiresse, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u A. Sahner, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, J. Hottiaux, H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 67(3) u tal-Artikolu 82(1) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 19 u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata mill-awtoritajiet Ġeorġjani lill-awtoritajiet Franċiżi li tirrigwarda lil KN, ċittadin ta’ nazzjonalità Griega u Ġeorġjana, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fil-Ġeorġja, ta’ piena ta’ priġunerija għal għomor il-ħabs. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Konvenzjoni Ewropea dwar l‑Estradizzjoni
|
3 |
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”), li għaliha huma partijiet b’mod partikolari r-Repubblika Franċiża u l-Ġeorġja, tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Obbligu ta’ estradizzjoni”: “Il-partijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-parti rikjedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
Waqt ir-ratifika ta’ din il-konvenzjoni, ir-Repubblika Franċiża esprimiet b’mod partikolari ż-żewġ riżervi li ġejjin: “L-estradizzjoni tista’ tiġi rrifjutata jekk l-estradizzjoni tista’ twassal għal konsegwenzi partikolarment serji għall-persuna mfittxija, b’mod partikolari minħabba l-età tagħha jew l-istat ta’ saħħa tagħha. L-estradizzjoni ma tiġix approvata meta l-persuna mfittxija ser tiġi ġġudikata fl-Istat rikjedenti minn qorti li ma tiżgurax il-garanziji proċedurali fundamentali u d-drittijiet tad-difiża jew minn qorti stabbilita għall-każ partikolari tagħha, jew meta tintalab l-estradizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà imposta minn tali qorti.” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
5 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprovdi: “Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.” |
|
6 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 TFUE jipprevedi: “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.” |
|
7 |
L-Artikolu 67(1) u (3) TFUE jispeċifika: “1. L-Unjoni [Ewropea] għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta’ l-Istati Membri. […] 3. L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet kriminali.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 82(1) TFUE: “Il-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 83. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li:
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 19 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni” jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.” |
|
10 |
L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu: “Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.” |
Id‑dritt Franċiż
|
11 |
L-Artikolu 696-4 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi: “L-estradizzjoni ma tiġix approvata jekk: 1° Il-persuna mfittxija jkollha n-nazzjonalità Franċiża fiż-żmien li fih seħħ ir-reat li għalih hija meħtieġa l-estradizzjoni; […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
12 |
Fit‑3 ta’ Diċembru 2010, KN, ċittadin ta’ nazzjonalità Griega u Ġeorġjana, ġie kkundannat in absentia għal piena ta’ priġunerija għal għomru l-ħabs mit-tribunal municipal de Poti (il-Qorti Muniċipali ta’ Poti, il-Ġeorġja). Din il-piena ġiet ikkonfermata in absentia fit‑3 ta’ Ġunju 2011 mill-cour d’appel de Koutaïssi (il-Qorti tal-Appell ta’ Koutaïssi, il-Ġeorġja). Il-fatti inkriminati, imwettqa fil-Ġeorġja u fit-Turkija matul is-snin 2008 u 2009, kienu jikkonċernaw traffikar internazzjonali ta’ kokaina fi kwantitajiet partikolarment kbar u fi grupp organizzat, il-preparazzjoni ta’ qtil fi grupp u l-pussess illegali ta’ armi tan-nar. |
|
13 |
Fit‑2 ta’ Lulju 2021, l-awtoritajiet Ġeorġjani talbu l-ħruġ mill-Interpol ta’ “avviż aħmar” fil-konfront ta’ KN, li jikkostitwixxi talba għal arrest provviżorju għall-finijiet ta’ estradizzjoni, abbażi tas-sentenza tal-cour d’appel de Koutaïssi (il-Qorti tal-Appell ta’ Koutaïssi) tat‑3 ta’ Ġunju 2011. |
|
14 |
Fl‑4 ta’ Ottubru 2021, KN ġie arrestat provviżorjament fil-Belġju, fejn kien jirrisjedi, abbażi ta’ dan l-“avviż aħmar”. Fit‑13 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Ġeorġja ressaq talba għal estradizzjoni lill-awtoritajiet Belġjani. Inizjalment imqiegħed taħt arrest għall-estradizzjoni, KN inħeles, iżda suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju mid‑29 ta’ Ottubru 2021, fl-istennija ta’ deċiżjoni tal-qrati Belġjani fuq it-talba għal estradizzjoni. |
|
15 |
Fl‑20 ta’ Jannar 2025, KN ġie arrestat fi Franza abbażi tal-imsemmi “avviż aħmar”. L-għada, l-awtoritajiet Ġeorġjani ressqu quddiem l-awtoritajiet Franċiżi talba għal estradizzjoni analoga għal dik imressqa quddiem l-awtoritajiet Belġjani u KN tqiegħed taħt arrest għall-estradizzjoni fi Franza. |
|
16 |
Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Frar 2025, ix-chambre des mises en accusation de la cour d’appel de Bruxelles (l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), abbażi tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-estradizzjoni kif ukoll tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), irrifjutat it-talba għal estradizzjoni mressqa mill-awtoritajiet Ġeorġjani, peress li qieset li kienu jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jibża’ li l-estradizzjoni ta’ KN lejn il-Ġeorġja tesponih għal ċaħda ta’ ġustizzja u għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti. |
|
17 |
Fit‑28 ta’ Frar 2025, fil-kuntest tal-proċedura ta’ estradizzjoni miftuħa fi Franza, KN deher quddiem il-Prosekutur Ġenerali ta’ Montpellier (Franza) u ddikjara li ma tax il-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni tiegħu. |
|
18 |
Wara dan ir-rifjut, KN intbagħat, fl‑1 ta’ Marzu 2025, quddiem ix-chambre de l’instruction de la cour d’appel de Montpellier (l-Awla Istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni quddiemha li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda mill-Istati Membri, jimponi fuq l-awtoritajiet Franċiżi l-obbligu li jirrikonoxxu s-sentenza tax-chambre des mises en accusation de la cour d’appel de Bruxelles (l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑19 ta’ Frar 2025 u, konsegwentement, li jirrifjutaw l-estradizzjoni tiegħu lejn il-Ġeorġja. Din is-sentenza, ta’ natura kriminali, irrikonoxxietlu d-dritt iggarantit mill-Unjoni, jiġifieri dak li ma jiġix estradit lejn pajjiż terz jekk ikun hemm riskju reali li hemmhekk ikun espost għal trattament inuman jew degradanti jew għal ċaħda tal-ġustizzja. |
|
19 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Prosekutur Ġenerali ta’ Montpellier enfasizza li l-ipproċessar ta’ din it-talba għal estradizzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi huwa suġġett għall-osservanza tal-Artikoli 3 u 6 tal-KEDB u li KN, ċittadin ta’ nazzjonalità Griega u Ġeorġjana, kien invoka l-eżistenza tar-riskju serju li jiġi espost mhux biss għal ċaħda tal-ġustizzja, iżda wkoll għal trattamenti inumani jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-Ġeorġja. Fid-dawl tal-instabbiltà politika f’dan il-pajjiż mix-xahar ta’ Novembru 2024, dan il-maġistrat stieden lil din il-qorti tikkonstata li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb garanziji affidabbli min-naħa tal-awtoritajiet Ġeorġjani fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet previsti f’dawn l-artikoli. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, li l-Ġeorġja hija parti għaliha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, jimponi l-estradizzjoni tal-persuna mfittxija meta l-kundizzjonijiet legali jkunu ssodisfatti, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti u għar-riżervi magħmula mill-partijiet kontraenti. Din il-qorti tenfasizza li r-Repubblika Franċiża esprimiet riżervi li abbażi tagħhom l-estradizzjoni ma tiġix approvata meta l-persuna mfittxija tkun ser tiġi ġġudikata minn qorti li ma tiżgurax id-drittijiet fundamentali tad-difiża u l-estradizzjoni tista’ tiġi rrifjutata jekk din tista’ twassal għal konsegwenzi partikolarment serji għal din il-persuna. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sentenza tax-chambre des mises en accusation de la cour d’appel de Bruxelles (l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑19 ta’ Frar 2025, li permezz tagħha din iddeċidiet li, fil-każ ta’ estradizzjoni lejn il-Ġeorġja, KN ikun espost għal riskju serju ta’ ċaħda tal-ġustizzja u li jkun suġġett għal tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti, hijiex vinkolanti fir-rigward tal-qrati Franċiżi, skont il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa biss meta tali rikonoxximent ikun espressament previst mid-dritt tal-Unjoni li l-qrati ta’ Stat Membru huma obbligati, skont dawn il-prinċipji, jirrikonoxxu l-awtorità tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-chambre de l’instruction de la cour d’appel de Montpellier (l-Awla Istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-[Artikolu] 67(3) u [l-Artikolu] 82(1) TFUE, flimkien mal-Artikoli 19 u 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li: Stat Membru huwa obbligat jirrifjuta li jeżegwixxi talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea lejn [pajjiż] terz meta Stat Membru ieħor ikun preċedentement irrifjuta li jeżegwixxi l-istess talba għal estradizzjoni għar-raġuni li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tirriskja li tippreġudika d-dritt fundamentali li persuna ma tkunx suġġetta għal tortura jew trattament inuman jew degradanti stabbilit fl-Artikolu 19 tal-[Karta] u d-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta]?” |
Fuq it‑talba għal applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
24 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, suġġett tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, għandhom ikunu kkaratterizzati minn sitwazzjoni ta’ urġenza. |
|
25 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(3) u tal-Artikolu 82(1) TFUE, dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ dan it-Trattat, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, din it-talba tista’ tkun is-suġġett ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
|
26 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-urġenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-persuna kkonċernata tkun attwalment imċaħħda mil-libertà tagħha u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata hekk kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li KN tqiegħed taħt arrest għall-estradizzjoni sa mill‑21 ta’ Jannar 2025, b’tali mod li huwa attwalment imċaħħad mil-libertà tiegħu. Barra minn hekk, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk hija għandhiex tirrifjuta li testradixxi lil din il-persuna abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Risposta pożittiva għal din id-domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk, bħala prinċipju, twassal għal-liberazzjoni ta’ KN. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, iddeċidiet, fit‑3 ta’ April 2025, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 67(3) u l-Artikolu 82(1) TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru huwa obbligat jirrifjuta li jestradixxi lejn pajjiż terz ċittadin ta’ Stat Membru ieħor meta l-awtoritajiet ta’ tielet Stat Membru jkunu preċedentement irrifjutaw li jeżegwixxu talba għal estradizzjoni, li toriġina minn dan il-pajjiż terz u intiża għall-eżekuzzjoni tal-istess piena imposta fuq dan iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, minħabba l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikolu 19(2) u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
30 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ ftehim ta’ estradizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat, ir-regoli fil-qasam tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 26, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 28). |
|
31 |
Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE kif ukoll tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri ggarantit mill-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Talba għal estradizzjoni lejn il-Bosnja-Ħerzegovina), C‑237/21, EU:C:2022:1017, punt 29). |
Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 18 u 21 TFUE
|
32 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li jiċċaqlaq jew li jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor għandu d-dritt jinvoka l-Artikolu 21(1) TFUE u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 27, u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Talba għal estradizzjoni lejn il-Bosnja-Ħerzegovina), C‑237/21, EU:C:2022:1017, punt 30). |
|
33 |
Il-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru, li ma huwiex l-Istat Membru li quddiemu titressaq talba għal estradizzjoni fir-rigward tiegħu, għandu wkoll in-nazzjonalità tal-pajjiż terz li għamel din it-talba ma jistax jipprekludi lil dan iċ-ċittadin milli jinvoka d-drittijiet u l-libertajiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk iggarantiti mill-Artikoli 18 u 21(1) TFUE. Fil-fatt, il-fatt li l-persuna mfittxija tkun simultanjament ċittadina ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż terz ma jistax iċaħħadha minn dawn id-drittijiet u libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Talba għal estradizzjoni lejn il-Bosnja-Ħerzegovina), C‑237/21, EU:C:2022:1017, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li KN, li għandu b’mod partikolari n-nazzjonalità Griega, eżerċita, bħala ċittadin tal-Unjoni, id-dritt tiegħu, previst fl-Artikolu 21(1) TFUE, li jiċċaqlaq liberament fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, u dan minkejja l-fatt li huwa għandu wkoll in-nazzjonalità tal-pajjiż terz li ħareġ it-talba għal estradizzjoni li tiegħu huwa s-suġġett. |
|
35 |
Barra minn hekk, il-fatt li KN ma kienx residenti b’mod permanenti fit-territorju tar-Repubblika Franċiża fil-mument meta l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ġew aditi bit-talba għal estradizzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, iżda fuq dak tar-Renju tal-Belġju, ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, in-natura tranżitorja tar-residenza fit-territorju tal-Istat Membru rikjest ma hijiex ta’ natura li teskludi s-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, kopert minn din it-talba, mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti, C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 34). |
|
36 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Franċiż ippreċiża li, konformement mal-Artikolu 696-4(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, ir-Repubblika Franċiża ma twettaqx l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha stess lejn pajjiż terz, filwaqt li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li dan l-Istat Membru jipproċedi, mill-banda l-oħra, għall-estradizzjoni lejn pajjiż terz taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, għall-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija f’dan il-pajjiż. |
|
37 |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regola nazzjonali li tipprojbixxi l-estradizzjoni biss taċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat tintroduċi differenza fit-trattament skont jekk il-persuna mfittxija tkunx ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, b’tali mod li toħloq inugwaljanza fit-trattament li tista’ taffettwa l-libertà ta’ dawn tal-aħħar ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 32, u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 28). |
|
38 |
Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-inugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħal KN, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 33, u tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 30). |
|
39 |
F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġustifikazzjoni ta’ tali restrizzjoni minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hija tistaqsi, madankollu, jekk ċerti drittijiet fundamentali previsti mill-Karta jistgħux jostakolaw estradizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Fuq l‑eżami ta’ riskju serju ta’ ksur tad‑drittijiet fundamentali
|
40 |
Meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ waħda jew iktar mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati, f’dan il-każ id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri previst fl-Artikolu 21(1) TFUE, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni biss sa fejn tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, EU:C:1991:254, punti 42 u 43). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, tali leġiżlazzjoni għandha titqies li “[timplimenta] il-liġi ta’ l-Unjoni ”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2023, Bezirkshauptmannschaft Feldkirch, C‑55/22, EU:C:2023:670, punt 29, u tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Nemzeti Földügyi Központ, C‑419/23, EU:C:2024:1016, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Minn dan isegwi li l-Istat Membru rikjest, li ma jestradixxix liċ-ċittadini tiegħu stess, huwa obbligat jeżamina, qabel deċiżjoni ta’ estradizzjoni, b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jekk din id-deċiżjoni, bħala implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, tkunx tista’ tippreġudika d-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha, b’mod partikolari fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tagħha, li jistabbilixxi d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, jew fl-Artikolu 19(2) tagħha, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius,C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 49, kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Talba għal estradizzjoni lejn il-Bosnja-Ħerzegovina), C‑237/21, EU:C:2022:1017, punt 55). |
|
42 |
Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest trid tiddependi fuq informazzjoni li tkun oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ pajjiż terz li jagħmel it-talba kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra mfassla mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. L-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet u l-adeżjoni ma’ trattati internazzjonali li jiggarantixxu, bħala prinċipju, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiżguraw protezzjoni adegwata kontra r-riskju ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fejn sorsi affidabbli jindikaw prattiki, implimentati jew ittollerati mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż terz, li huma manifestament kuntrarji għall-prinċipji tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 57 u 59). |
|
43 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 67(3) u l-Artikolu 82(1) TFUE jobbligawhiex tirrikonoxxi s-sentenza tax-chambre des mises en accusation de la cour d’appel de Bruxelles (l-Awla tal-Atti ta’ Akkuża tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑19 ta’ Frar 2025, imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħha din il-qorti rrifjutat l-estradizzjoni ta’ KN, għar-raġuni li tali estradizzjoni tesponieh għal riskju serju ta’ ksur tad-dritt fundamentali li ma jkunx suġġett għat-tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti, stabbilit fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, kif ukoll għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li la l-Artikolu 67(3) TFUE u lanqas l-Artikolu 82(1) TFUE ma jistgħu jkunu l-bażi ta’ obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ rifjut, adottati mill-Istati Membri, ta’ talba għal estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz. |
|
45 |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 67(3) TFUE jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija”, b’mod partikolari “permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali” u, “jekk meħtieġ, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet kriminali” tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE jipprevedi li “[i]l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssi mazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri”, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 82(1), li jipprovdi li “[i]l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja: għandhom jadottaw il-miżuri li: jistabbilixxu regoli u proċeduri sabiex jassiguraw ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-forom kollha ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji”. |
|
46 |
Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn ma jistabbilixxux, bħala tali, obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali adottati fl-Istati Membri, iżda sempliċement jipprevedu li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ tali rikonoxximent. Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) TFUE sempliċement jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw il-miżuri intiżi li jistabbilixxu regoli u proċeduri sabiex jiżguraw ir-rikonoxximent tal-forom kollha ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. |
|
47 |
It-tieni nett, għalkemm id-dritt tal-Unjoni jinkludi diversi strumenti tad-dritt sekondarju li jipprevedu obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ ċerti sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), għandu jiġi kkonstatat li ebda att tad-dritt tal-Unjoni ma jipprevedi obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet adottati mill-Istati Membri fir-rigward tat-talbiet għal estradizzjoni li joriġinaw minn pajjiż terz. |
|
48 |
Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma japplikax għad-deċiżjonijiet ta’ rifjut tat-talbiet għal estradizzjoni adottati mill-Istati Membri. |
|
49 |
Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull Stat Membru jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali ggarantiti minn dan id-dritt (sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 57, u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 36). |
|
50 |
Fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju jeżiġi, meta jkun hemm deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat adottat fi Stat Membru ieħor minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru adita b’talba ġdida għall-konsenja tal-persuna kkonċernata tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 46). |
|
51 |
Għall-istess raġunijiet, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, meta jkun hemm deċiżjoni ta’ rifjut ta’ estradizzjoni tal-persuna mfittxija lejn pajjiż terz, adottata minn Stat Membru minħabba riskju serju għal din il-persuna ta’ ksur tad-dritt fundamentali li ma tkunx suġġetta għat-tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti, stabbilit fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, kif ukoll id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, adita b’talba ġdida għal estradizzjoni li toriġina mill-istess pajjiż terz u li tirrigwarda l-istess persuna, tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni ta’ rifjut, fil-kuntest tal-eżami tagħha stess tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. |
|
52 |
Fil-fatt, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, deċiżjoni preċedenti ta’ rifjut ta’ estradizzjoni, adottata fi Stat Membru ieħor, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, tagħmel parti mill-elementi, imsemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li l-Istat Membru adit b’talba ġdida għal estradizzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tiegħu stess. |
|
53 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 67(3) u l-Artikolu 82(1) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma huwiex obbligat jirrifjuta li jestradixxi lejn pajjiż terz ċittadin ta’ Stat Membru ieħor meta l-awtoritajiet ta’ tielet Stat Membru jkunu preċedentement irrifjutaw li jeżegwixxu talba għal estradizzjoni, li toriġina minn dan il-pajjiż terz u intiża għall-eżekuzzjoni tal-istess piena imposta fuq dan iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, minħabba l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikolu 19(2) u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
Fuq l‑ispejjeż
|
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 67(3) u l-Artikolu 82(1) TFUE |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
Stat Membru ma huwiex obbligat jirrifjuta li jestradixxi lejn pajjiż terz ċittadin ta’ Stat Membru ieħor meta l-awtoritajiet ta’ tielet Stat Membru jkunu preċedentement irrifjutaw li jeżegwixxu talba għal estradizzjoni, li toriġina minn dan il-pajjiż terz u intiża għall-eżekuzzjoni tal-istess piena imposta fuq dan iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, minħabba l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikolu 19(2) u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.