Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/943 – Artikolu 18(1) – Direttiva (UE) 2019/944 – Artikolu 9, Artikolu 57(4) u (5) u Artikolu 59(1)(a) – Imposti għall-aċċess għan-networks, għall-użu tan-networks u għar-rinfurzar – Spejjeż mhux relatati li jappoġġaw għanijiet strateġiċi oħra – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni fit-tariffi tan-network tal-ispejjeż relatati mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq il-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni – Indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali fit-twettiq tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tagħha – Metodoloġija tariffarja għad-distribuzzjoni tal-elettriku li tuża metodu tax-xejra tal-ispejjeż storiċi”

Fil-Kawża C‑199/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura

Fluvius Halle-Vilvoorde, li kienet Sibelgas,

Fluvius Kempen, li kienet Intercommunale Vereniging voor de Energiedistributie in de Kempen en het Antwerpse (IVEKA),

Fluvius IMEWO, li kienet Intercommunale Maatschappij voor Energievoorziening in West- en Oost-Vlaanderen (IMEWO),

Fluvius West, li kienet Fluvius West u Intercommunale Maatschappij voor Gas en Elektriciteit van het Westen (GASELWEST),

Fluvius Zenne-Dijle, li kienet Iverlek u Provinciale Brabantse Energiemaatschappij (P.B.E.),

Fluvius Midden-Vlaanderen, li kienet Intercommunale Vereniging voor Energieleveringen in Midden-Vlaanderen (INTERGEM),

Fluvius Antwerpen,

Fluvius Limburg

vs

Vlaamse Nutsregulator, li kien Vlaamse Regulator van de Elektriciteits-en Gasmarkt (VREG),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen, M. Condinanzi (Relatur) u A. Kornezov, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Frar 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fluvius Halle-Vilvoorde, li kienet Sibelgas, Fluvius Kempen, li kienet Intercommunale Vereniging voor de Energiedistributie in de Kempen en het Antwerpse (IVEKA), Fluvius IMEWO, li kienet Intercommunale Maatschappij voor Energievoorziening in West- en Oost-Vlaanderen (IMEWO), Fluvius West, li kienet Fluvius West u Intercommunale Maatschappij voor Gas en Elektriciteit van het Westen (GASELWEST), Fluvius Zenne-Dijle, li kienet Iverlek u Provinciale Brabantse Energiemaatschappij (P.B.E.), Fluvius Midden-Vlaanderen, li kienet Intercommunale Vereniging voor Energieleveringen in Midden-Vlaanderen (INTERGEM), Fluvius Antwerpen u Fluvius Limburg, minn T. Chellingsworth, P. Neven u L. Pellens, advocaten,

–        għall-Vlaamse Nutsregulator, li kien il-Vlaamse Regulator van de Elektriciteits-en Gasmarkt (VREG), minn V. Verbelen, u D. Verhoeven, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn C. Mathieu, S. Spiniello, F. Vandendriessche u P. Wytinck, advocaten,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Baeckelmans, O. Beynet, T. Scharf u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn għaxar ġestjonarji ta’ network tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali li jinsabu fil-Vlaanderen (il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“ĠND rikorrenti”) u l-Vlaamse Nutsregulator, li kien il-Vlaamse Regulator van de Elektriciteits-en Gasmarkt (ir-Regolatur Fjamming tal-Elettriku u tal-Gass) (iktar ’il quddiem il-“VREG”) dwar il-legalità tad-Deċiżjoni BESL‑2024‑41 ta’ dan tal-aħħar li tistabbilixxi l-metodu ta’ tarifikazzjoni applikabbli għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali matul il-perijodu regolatorju 2025‑2028 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir‑Regolament 2019/943

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/943, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jimmira li:

(a)      jistabbilixxi l-bażi għall-kisba effiċjenti tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u l-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill‑2050, b’mod partikolari l-qafas għall-klima u l-enerġija għall‑2030, billi jinkisbu, permezz tas-sinjali tas-suq, żieda fl-effiċjenza, sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli, sigurtà tal-provvista, flessibbiltà, integrazzjoni tas-sistema permezz ta’ diversi vetturi tal-enerġija, sostenibbiltà, dekarbonizzazzjoni u innovazzjoni;

(b)      jistabbilixxi prinċipji fundamentali għal swieq tal-elettriku integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri kollha tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, jippermettu l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku forward biex jippermettu lill-fornituri u lill-konsumaturi jiħħeġġjaw jew jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskju ta’ volatilità futura fil-prezzijiet tal-elettriku, jagħtu s-setgħa u jipproteġu lill-konsumaturi, jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali, itejbu s-sigurtà tal-provvista u l-flessibbiltà permezz tar-rispons tad-domanda, il-ħżin tal-enerġija u soluzzjonijiet oħrajn ta’ flessibbiltà mhux fossili, jiżguraw l-effiċjenza fl-enerġija, jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista distribwiti, u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni abbażi tas-suq għal elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija;

[…]”

4        L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Imposti għall-aċċess għan-netwerks, l-użu tan-netwerks u r-rinfurzar”, jipprevedi:

“1.      L-imposti applikati mill-operaturi tan-netwerks għall-aċċess għan-netwerks, inklużi l-imposti għall-konnessjoni man-netwerks, l-imposti għall-użu tan-netwerks u, fejn applikabbli, l-imposti għar-rinfurzar tan-netwerk, għandhom jirriflettu l-kostijiet, ikunu trasparenti, filwaqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà u l-flessibbltà tan-netwerk u jirriflettu l-kostijiet reali mġarrba sakemm jikkorrispondu għal dawk ta' operatur tan-netwerk effiċjenti u strutturalment komparabbli u jkunu applikati b'mod mhux diskriminatorju. Dawk l-imposti ma għandhomx jinkludu l-kostijiet mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati.

[…] il-metodu użat biex jiddetermina l-imposti tan-netwerk għandu jappoġġa b’mod newtrali l-effiċjenza kumplessiva tas-sistema fit-tul taż-żmien permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet lill-klijenti u lill-produtturi u b’mod partikolari għandu jiġi applikat b’mod li ma jiddiskriminax b’mod pożittiv jew b’mod negattiv bejn il-produzzjoni konnessa fil-livell ta’ distribuzzjoni u l-produzzjoni konnessa fil-livell ta’ trażmissjoni. […]

2.      Il-metodoloġiji tariffarji għandhom jirriflettu l-kostijiet fissi tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni [iktar’ il quddiem il-‘ĠND’] u għandhom jipprovdu inċentivi xierqa lill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u [l-ĠND], kemm fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul, sabiex, biex iżidu l-effiċjenzi, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, irawmu l-integrazzjoni tas-suq, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jappoġġaw l-investimenti effiċjenti, biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati, u biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-interess tal-konsumatur f’oqsma bħal ma huma d-diġitalizzazzjoni, is-servizzi ta’ flessibbiltà u l-interkonnessjoni.

[…]

4.      Meta jiġu stabbiliti l-imposti għall-aċċess għan-netwerk, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

[…]

(b)      pagamenti reali li saru u li ġew riċevuti kif ukoll pagamenti mistennija għal perjodi futuri, stmati abbażi tal-perjodi preċedenti.

[…]

7.      It-tariffi ta’ distribuzzjoni għandhom jirriflettu l-kost filwaqt li jqisu l-użu tan-netwerk ta’ distribuzzjoni mill-utenti tas-sistema inklużi l-klijenti attivi. It-tariffi ta’ distribuzzjoni jista’ jkun fihom elementi ta’ kapaċità ta’ konnessjoni ta’ netwerk u jistgħu jkunu differenzjati abbażi tal-profili ta’ konsum jew ta’ ġenerazzjoni tal-utenti tas-sistema[.] […]

8.      Il-metodoloġiji tariffarji tad-distribuzzjoni għandhom jipprovdu inċentivi lill-[ĠND] għat-tħaddim u l-iżvilupp l-aktar effiċjenti f’termini tal-kostijiet tan-netwerks tagħhom anki permezz tas-servizzi ta’ akkwist. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikonoxxu l-kostijiet rilevanti bħala eliġibbli għandhom jinkludu dawk il-kostijiet fit-tariffi ta’ distribuzzjoni, u jistgħu jintroduċu miri ta’ prestazzjoni sabiex jipprovdu inċentivi lill-[ĠND] biex iżidu l-effiċjenzi fin-netwerks tagħhom, […]

[…]

10.      L-awtoritajiet regolatorji għandhom iqis b’mod debitu r-rapport dwar l-aħjar prattika meta jiffissaw jew japprovaw tariffi ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom skont l-Artikolu59 tad-Direttiva (UE) 2019/944 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L. 158, p. 125)].”

 Id-Direttiva 2019/944

5        Il-premessi 80, 87 u 90 tad-Direttiva 2019/944 jipprovdu:

“(80)      Jekk is-suq intern għall-elettriku għandu jiffunzjona tajjeb jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji rilevanti kollha u jenħtieġ li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. […]

[…]

(87)      Din id-Direttiva [ma ċċaħħadx] lill-Istati Membri il-possibbiltà li jistabbilixxu u joħorġu l-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija. Dan ifisser li, skont l-arranġamenti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, jista’ jkun fi ħdan il-kompetenza tal-Istat Membru li jiddetermina l-qafas ta’ politika li fih iridu joperaw l-awtoritajiet regolatorji, pereżempju dwar is-sigurtà tal-provvista. Madankollu, il-linji gwida ġenerali dwar il-politika tal-enerġija maħruġa mill-Istat Membru jenħtieġ li ma jolqtux l-indipendenza jew l-awtonomija tal-awtoritajiet regolatorji.

[…]

(90)      Din id-Direttiva jenħtieġ li tinqara flimkien mar-Regolament [2019/943], li jistipula l-prinċipji ewlenin ta’ disinn ġdid tas-suq tal-elettriku li jippermetti riżultati aħjar għal-flessibilità, jipprovdi sinjali adegwati ta’ prezzar u jiżgura l-iżvilupp ta’ swieq għal perjodu qasir li jiffunzjonaw. Ir-Regolament [2019/943] jistipula wkoll regoli ġodda f’oqsma varji, inklużi dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità u kooperazzjoni bejn operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni.”

6        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-TFUE, b’mod partikolari l-Artikolu 106 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni [Ewropea] għall-konsumaturi nazzjonali. […]

3.      Fejn hemm ipprovdut kumpens finanzjarju, jew forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklużivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew għall-forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikolu 27, dan għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti.”

7        L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.      L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u l-leġislazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:

(a)      tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;

(b)      għandha tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:

(i)      jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u

(ii)      ma jitolbux jew jieħdu istruzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dak ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra rilevanti jew għal-linji gwida ġenerali ta’ politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 59.

5.      Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:

(a)      l-awtorità regolatorja tista’ tieħu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika;

[…]”

8        L-Artikolu 59 tal-istess direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a)      jiffissaw jew japprovaw, bi qbil mal-kriterji ta’ trasparenza, tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma;

[…]”

9        L-Anness I tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Rekwiżiti minimi għall-ħruġ tal-kontijiet u informazzjoni dwar il-kontijiet”, jipprevedi, fil-punt 3 tiegħu:

“Il-prezz tal-klijent huwa t-total tat-tliet komponenti li ġejjin: il-komponent tal-enerġija u l-provvista, il-komponent tan-netwerk (trażmissjoni u distribuzzjoni) u l-komponent li jinkorpora t-taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti.

Fejn it-tqassim tal-prezz tal-klijent finali jiġi ppreżentat fil-kontijiet, id-definizzjonijiet komuni tat-tliet komponenti f’dak it-tqassim, stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE (ĠU 2016, L 311, p. 1)], għandhom jintużaw fl-Unjoni kollha.”

 Ir‑Regolament 2016/1952

10      Il-punt 5(a) tal-Anness II tar-Regolament 2016/1952 jippreċiża li l-prezz tal-elettriku ffatturat lill-klijent finali għal kull livell ta’ konsum huwa s-somma tat-tliet komponenti prinċipali, jiġifieri l-komponent “Enerġija u provvista”, il-komponent “Netwerk” (trażmissjoni u distribuzzjoni) u l-komponent li jinkludi taxxi, sisa, tariffi u imposti. B’mod partikolari, il-komponent “Netwerk” jinkludi, għall-utent finali, l-ispejjeż marbuta mat-trażmissjoni u mad-distribuzzjoni, it-telf matul it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, l-ispejjeż tan-network, is-servizzi ta’ wara l-bejgħ, l-ispejjeż tal-manutenzjoni tas-servizzi, il-kiri tal-meters kif ukoll l-ispejjeż tal-qari tal-meters. B’kuntrast ma’ dan, il-komponent li jiġbor fih it-taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti huwa ddefinit bħala s-somma tad-diversi subkomponenti elenkati f’dan il-punt 5(a), li fosthom hemm b’mod partikolari t-taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti relatati mal-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tal-effiċjenza enerġetika u tal-koġenerazzjoni.

 Id-dritt Belġjan

11      L-Artikolu 4.1.30(1) tad-decreet van 8 mei 2009 houdende algemene bepalingen betreffende het energiebeleid (Energiedecreet) (id-Digriet tat‑8 ta’ Mejju 2009 dwar Dispożizzjonijiet Ġenerali fil-Qasam tal-Politika tal-Enerġija (id-Digriet dwar l-Enerġija)) (Belgisch Staatsblad, 7 ta’ Lulju 2009, p. 46145), adottat mill-Vlaams Gewest (ir-Reġjun Fjamming), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Enerġija”), jipprovdi:

“Il-[VREG] għandu jistabbilixxi metodu ta’ tarifikazzjoni u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta’ tarifikazzjoni bil-għan li jippromwovi regolazzjoni stabbli u prevedibbli li tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq liberalizzat u tippermetti lill-[ĠND] jagħmlu l-investimenti meħtieġa fin-networks tad-distribuzzjoni tagħhom.”

12      L-Artikolu 4.1.32(1) ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“Il-[VREG] għandu jistabbilixxi l-metodu ta’ tarifikazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li ġejjin:

[…]

5°      it-tariffi għandhom jirriflettu l-ispejjeż verament imġarrba, bil-kundizzjoni li dawn ikunu jikkorrispondu għal dawk ta’ entità jew attività effikaċi paragunabbli;

[…]

10°      l-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit għall-kompiti tas-servizz pubbliku, imposti bid-digriet jew skont id-digriet, li ma humiex iffinanzjati minn imposti, taxxi, sussidji, kontribuzzjonijiet u dazji, għandhom jiġu kkalkolati b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju fit-tariffi, wara verifika mill-[VREG].

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Il-ĠND rikorrenti nħatru mill-VREG sabiex jiġġestixxu n-networks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali f’żoni speċifiċi li jinsabu fil-Vlaanderen.

14      L-operat ta’ dawn in-networks jinvolvi spejjeż għall-ĠND rikorrenti, li jistgħu jiġu rkuprati mingħand l-utenti ta’ dawn in-networks, f’ċerti limiti u taħt ċerti kundizzjonijiet, permezz ta’ tariffi għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali (iktar ’il quddiem it-“tariffi tan-network”). Madankollu, peress li l-ĠND rikorrenti jikkostitwixxu monopolji legali, il-VREG jirregola dawn it-tariffi billi jiddetermina l-metodu ta’ tarifikazzjoni applikabbli. Dan il-metodu, ġeneralment stabbilit għal perijodu ta’ erba’ snin, jistabbilixxi l-livell ta’ dħul li l-ĠND rikorrenti huma awtorizzati jirċievu permezz tat-tariffi tan-network sabiex ikopru l-ispejjeż tal-operat tagħhom.

15      Id-dħul hekk awtorizzat ikopri żewġ kategoriji ta’ spejjeż. Minn naħa, komponent ta’ dan id-dħul ikopri l-ispejjeż eżoġeni, jiġifieri l-ispejjeż li fuqhom il-ĠND rikorrenti ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda influwenza u li ma jistgħux jitnaqqsu permezz ta’ ġestjoni iktar effikaċi. Dawn l-ispejjeż huma kompletament mgħoddija lill-utenti tan-networks ta’ distribuzzjoni permezz tat-tariffi tan-network.

16      Min-naħa l-oħra, komponent ieħor tal-imsemmi dħul ikopri l-ispejjeż endoġeni, jiġifieri l-ispejjeż raġonevoli u neċessarji marbuta mal-ġestjoni tan-networks u tad-data, li fuqhom il-ĠND rikorrenti jistgħu jeżerċitaw influwenza, bħall-ispejjeż ta’ deprezzament, l-ispejjeż tal-operat u l-ispejjeż relatati mal-kapital investit.

17      Fil‑21 ta’ Ġunju 2024, il-VREG adotta, abbażi tad-Digriet dwar l-Enerġija, id-Deċiżjoni kontenzjuża li tistabbilixxi l-metodu ta’ tarifikazzjoni applikabbli għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali għall-perijodu 2025‑2028. Dan il-metodu jinkludi formuli intiżi sabiex jiġi ddeterminat id-dħul awtorizzat li jkopri l-ispejjeż endoġeni raġonevoli u neċessarji tal-ĠND rikorrenti, li jikkorrispondu għall-ispejjeż endoġeni massimi li dawn tal-aħħar jistgħu jgħaddu lill-utenti tan-networks ta’ distribuzzjoni.

18      Għal dan l-għan, l-imsemmi metodu jieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet fl-ispejjeż imġarrba mill-ĠND rikorrenti. B’mod iktar preċiż, il-VREG jieħu, l-ewwel nett, inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-ispejjeż endoġeni settorjali, jiġifieri l-ispejjeż endoġeni aggregati tal-ĠND kollha li jinsabu fil-Vlaanderen għall-istess attività rregolata, matul il-perijodu tariffarju preċedenti, jiġifieri l-perijodu 2019‑2023. It-tieni nett, huwa previst li, matul il-perijodu 2025‑2028 kollu, il-komponent bażiku tad-dħul awtorizzat għall-ispejjeż endoġeni jevolvi kull sena skont l-inflazzjoni. Konsegwentement, dan il-komponent huwa s-suġġett ta’ korrezzjoni ex post abbażi tal-inflazzjoni effettivament ikkonstatata. It-tielet nett, il-VREG stabbilixxa wkoll fattur ta’ inċentiv għall-effikaċja msejjaħ “frontier shift”, li jirrifletti ż-żieda fil-produttività miksuba mill-ĠND l-iktar effikaċi permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar prattiki u tal-progress teknoloġiku, u li, skont din l-awtorità, huwa neċessarju sabiex tiġi kkumpensata l-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva bejn il-ĠND rikorrenti. Ir-raba’ u l-aħħar nett, ħames elementi endoġeni addizzjonali huma miżjuda ma’ dan il-komponent bażiku tad-dħul awtorizzat għall-ispejjeż endoġeni, li ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

19      Fid‑19 ta’ Lulju 2024, il-ĠND rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-metodu ta’ tariffikazzjoni għall-perijodu 2025‑2028 jikser l-Artikoli 4.1.30 u 4.1.32 tad-Digriet dwar l-Enerġija, id-Direttiva 2019/944, il-prinċipju ta’ tarifikazzjoni li tirrifletti l-ispejjeż kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 kif ukoll diversi prinċipji marbuta ma’ amministrazzjoni tajba.

20      Fil-kuntest tat-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, il-VREG, min-naħa tiegħu, ammetta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ dik il-qorti, li l-metodu ta’ tarifikazzjoni għall-perijodu 2025‑2028 jista’ jmur kontra t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, sa fejn, konformement mal-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32(1) tad-Digriet dwar l-Enerġija, it-tariffi jinkludu spejjeż mhux marbuta, li jappoġġaw għanijiet strateġiċi oħra.

21      Il-VREG isostni b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni Fjamminga timponi fuq il-ĠND rikorrenti diversi obbligi tas-servizz pubbliku (iktar ’il quddiem l-“OSP”), li wħud minnhom huma ta’ natura finanzjarja, bħall-OSP marbuta mal-promozzjoni tal-użu effiċjenti tal-enerġija u tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll max-xiri ta’ ċertifikati ekoloġiċi u ta’ ċertifikati ta’ koġenerazzjoni. Inkambju għal dawn l-obbligi, il-ĠND rikorrenti jibbenefikaw minn kumpens iffinanzjat parzjalment minn riżorsi allokati mill-Energiefonds (il-Fond tal-Enerġija) u mill-baġit tal-ispejjeż ġenerali tar-Reġjun Fjamming. Wara li jitnaqqas dan il-kumpens, l-ispejjeż li jifdal relatati mal-OSP ta’ natura finanzjarja jiġu riflessi fuq it-tariffi tan-network tal-elettriku. Madankollu, skont il-VREG, il-parti l-kbira ta’ dawn l-OSP għandhom għanijiet ta’ natura soċjali u ambjentali u għalhekk ma humiex marbuta mal-ġestjoni tan-networks ta’ distribuzzjoni.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet dwar l-Enerġija mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, li tipprovdi li t-tariffi tan-network ma għandhomx jinkludu “kostijiet mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati”. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-espressjoni “objettivi politiċi mhux relatati” tirreferi għall-iskopijiet li ma humiex relatati mal-iżvilupp u mal-operat tan-networks infushom. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari permezz tal-obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati ekoloġiċi u ta’ ċertifikati ta’ koġenerazzjoni, tidher li ssegwi għanijiet ta’ politika tal-enerġija distinti minn dawk relatati mal-iżvilupp jew mal-użu effikaċi tan-networks ta’ distribuzzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk ir-riperkussjoni, fuq it-tariffi tan-network, ta’ parti mill-ispejjeż marbuta mal-OSP, li ma humiex iffinanzjati mod ieħor, hijiex kompatibbli mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, minkejja li dawn l-ispejjeż ma għandhom l-ebda rabta mal-ġestjoni tan-networks.

23      Fit-tieni lok, dik il-qorti għandha dubji dwar il-konformità mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni bbażat fuq l-ispejjeż storiċi tal-ĠND rikorrenti, mingħajr stħarriġ apparenti tal-effiċjenza ta’ dawn l-ispejjeż. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-ispejjeż mgħoddija lill-utenti tan-networks jikkorrispondu għal dawk ta’ ĠND effikaċi u bi struttura paragunabbli, li, skont l-imsemmija qorti, jimplika li t-tariffi tan-network mitluba mill-ĠND rikorrenti ma jistgħux jaqbżu l-livell li jirriżulta minn suq kompetittiv. F’dan ir-rigward, filwaqt li tirrikonoxxi li l-użu ta’ data storika jista’ jkollu ċerta rilevanza, l-istess qorti tistaqsi jekk ir-regolazzjoni tat-tariffi bbażata esklużivament fuq il-kopertura ta’ tali spejjeż, mingħajr mekkaniżmu sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tagħhom, hijiex kompatibbli mal-għan imfittex mir-Regolament 2019/943 u, b’mod iktar ġenerali, mal-għan innifsu ta’ kwalunkwe regolazzjoni applikabbli għal suq monopolistiku, li huwa li tipprevjeni l-istabbiliment ta’ prezzijiet ogħla minn dawk prevalenti f’ambjent kompetittiv.

24      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li jinżammu temporanjament l-effetti tal-metodu ta’ tarifikazzjoni adottat permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża jekk din id-deċiżjoni kellha titqies li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija tqis li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jidhru li jiġġustifikaw iż-żamma provviżorja tal-effetti tal-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32(1) tad-Digriet dwar l-Enerġija u/jew tad-Deċiżjoni kontenzjuża, f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li annullament mingħajr modulazzjoni ratione temporis jista’ jippreġudika ċ-ċertezza legali.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament [2019/943], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali bħall-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32[(1) tad-Digriet dwar l-Enerġija], li tipprevedi li l-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni [tal-OSP] imposti minn jew skont [dan id-]digriet li ma jkunux iffinanzjati permezz ta’ imposti, taxxi, sussidji, kontribuzzjonijiet jew dazji jiġu inklużi fit-tariffi?

2)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-adozzjoni minn awtorità regolatorja ta’ metodoloġija ta’ tarifikazzjoni għad-distribuzzjoni ta’ elettriku li, fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva mill-ispejjeż [tal-ĠND] suġġett għal regolazzjoni tad-dħul, tuża metodu bbażat fuq il-metodu tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi (li jiddetermina d-dħul b’riferiment għall-ispejjeż tal-passat), jew l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għandha tiġi sosntuta permezz ta’ kontroll tal-livell tal-ispejjeż storiċi fid-dawl tal-effikaċità tagħhom?

3)      Jekk il-[qorti tar-rinviju] kellha tikkonkludi, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domandi preliminari li jippreċedu, li l-VREG naqas milli jwettaq obbligu wieħed jew iktar li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, hija tista’ żżomm temporanjament l-effetti ta’ dan in-nuqqas sabiex tevita inċertezza legali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li titressaq quddiemha. F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-fatt, il-fatt li, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju indikat, fid-domandi tagħha, ċerti dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti minn dik il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26, u tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab, C‑423/23, EU:C:2026:32, punt 29).

28      F’dan il-każ, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-inklużjoni fl-imposti ta’ aċċess għan-networks ta’ spejjeż mhux marbuta li jsostnu għanijiet strateġiċi oħra, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tariffi tan-network, tal-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tal-OSP imposti minn din il-leġiżlazzjoni fuq il-ĠND, meta dawn l-ispejjeż ma jkunux iffinanzjati minn imposti, taxxi, sussidji, kontribuzzjonijiet jew dazji.

29      Dik il-qorti tfittex għalhekk li tiddetermina jekk il-fatt li jiġu integrati, fit-tariffi tan-network, skont dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, l-ispejjeż marbuta mal-OSP, filwaqt li dawn l-OSP prima facie ma jkollhom l-ebda rabta diretta mal-ġestjoni tan-network, iżda jaqgħu pjuttost taħt politiki pubbliċi oħra, jiġifieri għanijiet ta’ politika tal-enerġija distinti minn dawk relatati mal-iżvilupp jew mal-operat effikaċi tan-networks ta’ distribuzzjoni, huwiex kompatibbli mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943.

30      Sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944, b’mod partikolari l-Artikolu 9, l-Artikolu 57(4) u (5), l-Artikolu 59(1)(a) u l-punt 3 tal-Anness I tagħha. Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw rispettivament l-OSP, l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-kompiti u l-kompetenzi tagħhom kif ukoll ir-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-fatturazzjoni u tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni.

31      Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, moqri flimkien mal-Artikolu 9, mal-Artikolu 57(4) u (5), mal-Artikolu 59(1)(a) u mal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tariffi tan-network, tal-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tal-OSP imposti minn din il-leġiżlazzjoni fuq il-ĠND, meta dawn l-ispejjeż ma jkunux iffinanzjati minn imposti, taxxi, sussidji, kontribuzzjonijiet jew dazji.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91).

33      Fl-ewwel lok, skont il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, l-imposti applikati mill-ġestjonarji ta’ network għall-aċċess għan-networks, inklużi l-imposti għall-konnessjoni man-networks, l-imposti għall-użu tan-networks u, fejn applikabbli, l-imposti għar-rinfurzar relatat tan-network, għandhom jirriflettu l-ispejjeż, ikunu trasparenti, filwaqt li jqisu n-neċessità għas-sigurtà u għall-flessibbiltà tan-networks u jirriflettu l-ispejjeż reali mġarrba sakemm jikkorrispondu għal dawk ta’ ġestjonarju ta’ network effiċjenti u strutturalment paragunabbli, u jkunu applikati b’mod mhux diskriminatorju. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li dawn l-imposti ma għandhomx jinkludu spejjeż mhux marbuta li jsostnu għanijiet strateġiċi oħra.

34      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirregola l-imposti ta’ aċċess għan-network billi jeżiġi li l-ispejjeż relatati magħhom ikunu marbuta mal-operat tan-network, iżda la l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas dik tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament 2019/943 ma jippermettu li jiġu ddefiniti, b’mod inekwivoku, il-kunċetti ta’ “imposti għall-aċċess għan-networks”, ta’ “spejjeż mhux relatati” u ta’ “għanijiet strateġiċi oħra”.

35      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, il-metodu użat sabiex jiġu ddeterminati l-imposti ta’ aċċess għan-networks għandu jappoġġa, b’mod newtrali, l-effiċjenza globali tas-sistema għal żmien twil permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet indirizzati lill-klijenti u lill-produtturi u, b’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiġi applikat b’mod li ma jwassalx għal diskriminazzjoni, kemm jekk tkun pożittiva jew negattiva, bejn il-produzzjoni konnessa fil-livell tad-distribuzzjoni u dik konnessa fil-livell tat-trasport.

36      Sussegwentement, il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 18 jipprovdi, essenzjalment, li l-metodi ta’ tarifikazzjoni għandhom jirriflettu l-ispejjeż fissi tal-ġestjonarji tas-sistema ta’ trażmissjoni u tal-ĠND u jinċentivawhom b’mod xieraq, fuq perijodu qasir u twil, sabiex itejbu l-effiċjenza, inkluża l-effiċjenza enerġetika, sabiex jiffavorixxu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista, sabiex isostnu l-investimenti effikaċi kif ukoll l-attivitajiet ta’ riċerka relatati u sabiex jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-interess tal-konsumaturi f’oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, is-servizzi ta’ flessibbiltà u l-interkonnessjoni.

37      Fl-aħħar nett, il-paragrafi 7 u 8 tal-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 jirregolaw b’mod iktar speċifiku t-tariffi ta’ distribuzzjoni kif ukoll il-metodi ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni. Huma jipprevedu b’mod partikolari, rispettivament, li tal-ewwel għandhom jirriflettu l-ispejjeż, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-użu tan-network ta’ distribuzzjoni mill-utenti tan-network, inklużi l-klijenti attivi, u li t-tieni għandhom jinkludu miżuri sabiex jinkoraġġixxu lill-ĠND għall-operat u għall-iżvilupp l-iktar profittabbli tan-networks tagħhom, u jistgħu jintroduċu għanijiet ta’ prestazzjoni sabiex jinkoraġġixxu lil dawn il-ġestjonarji jżidu l-effiċjenza tan-networks tagħhom.

38      Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux li dawn it-tariffi u dawn il-metodi jistgħu jinkludu spejjeż marbuta mat-twettiq tal-OSP.

39      Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, din id-dispożizzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest normattiv iktar wiesa’ li taqa’ taħtu u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944, li, kif jirriżulta mill-premessa 90 tagħha, għandha tinqara flimkien mar-Regolament 2019/943, kif jikkonferma r-riferiment espliċitu għal din id-direttiva li jinsab fl-Artikolu 18(7) tar-Regolament 2019/943.

40      B’mod partikolari, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 9, l-Artikolu 57(4) u (5), l-Artikolu 59(1)(a) u l-punt 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

41      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-OSP, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/944 jirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni kemm fid-definizzjoni tat-tip tal-OSP li huma għandhom l-intenzjoni li jimponu fuq il-ĠND kif ukoll fil-modalitajiet ta’ finanzjament tagħhom. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 106 tiegħu, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jimponu, fl-interess ekonomiku ġenerali, tali obbligi fuq l-impriżi tal-elettriku. Dawn l-obbligi jistgħu jirrigwardaw is-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvista, kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent, inklużi l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u l-protezzjoni tal-klima. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu lil dawn l-impriżi, b’mod nondiskriminatorju u trasparenti, kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens jew anki drittijiet esklużivi bħala korrispettiv għat-twettiq tal-OSP imposti.

42      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944, li jippreċiża r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-fatturazzjoni u tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni, il-prezz iffatturat lill-klijent finali jikkorrispondi għas-somma ta’ tliet komponenti prinċipali, jiġifieri l-komponent “tal-enerġija u l-provvista”, il-komponent “tan-netwerk” (trażmissjoni u distribuzzjoni) u l-komponent “[tat-]taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti”. Dan il-punt 3 jippreċiża wkoll li d-definizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-komponenti jinsabu fir-Regolament 2016/1952, li l-Anness II tiegħu jipprevedi espressament li t-tielet komponent dwar it-“taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti” jista’ jinkludi imposti relatati mal-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

43      Minn dan jirriżulta li l-“imposti” msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 jikkostitwixxu biss wieħed mit-tliet komponenti prinċipali tal-prezz iffatturat lill-klijent finali, jiġifieri dak relatat mal-imposti relatati man-“network” (iktar ’il quddiem l-“imposti tan-network”).

44      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tkopri biss l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-ĠND li għandhom rabta diretta mal-użu, mal-konnessjoni jew mar-rinfurzar tan-network, b’tali mod li l-portata tal-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi estiża għal komponenti tariffarji li ma għandhom l-ebda rabta mal-użu effettiv tan-network.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispejjeż marbuta mal-OSP iffatturati mill-ĠND ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “imposti tan-network”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943. Peress li, bħala prinċipju, jagħmlu parti mit-tielet komponent tal-prezz iffatturat lill-klijent finali msemmi fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944, dwar it-“taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti”, dawn l-ispejjeż ma jaqgħux, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 18.

46      Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/944 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà, għall-ĠND, li jgħaddu lill-klijenti finali l-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tal-OSP li huma imposti fuqhom mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm il-parametri u l-modalitajiet ta’ dan il-finanzjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, jiġifieri b’mod partikolari l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tar-rekwiżit ta’ trasparenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Оvergas Mrezhi et Balgarska gazova asotsiatsia, C‑5/19, EU:C:2020:343, punt 88).

47      F’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorja kif ukoll il-kompiti u l-kompetenzi tagħhom, l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2019/944 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw, għal dan l-għan, li, fl-eżekuzzjoni tal-kompiti regolatorji fdati lilha minn din id-direttiva u mil-leġiżlazzjoni relatata, din l-awtorità tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra, u li l-imsemmija awtorità tiżgura li l-persunal tagħha kif ukoll il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tagħha jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess kummerċjali u ma jitolbu jew jaċċettaw struzzjonijiet diretti minn ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti. Madankollu, skont l-Artikolu 57(4)(b)(ii) tal-imsemmija direttiva, dan l-aħħar rekwiżit huwa bla ħsara għal konsultazzjoni mill-qrib, jekk ikun il-każ, mal-awtoritajiet nazzjonali l-oħra jew ma’ linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Gvern tal-Istat Membru li jkun ħatar l-istess awtorità li ma jikkonċernawx il-funzjonijiet u l-kompetenzi regolatorji previsti fl-Artikolu 59 tal-istess direttiva, li jinkludu, konformement mal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-aħħar artikolu, il-funzjoni li jiffissaw jew japprovaw it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Alajärven Sähkö et, C‑48/23, EU:C:2025:144, punt 30).

48      Dan l-Artikolu 57 jipprevedi, fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 tiegħu, li, sabiex tiġi protetta l-indipendenza tal-awtorità regolatorja, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura b’mod partikolari li din l-awtorità tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet b’mod awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe korp politiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Alajärven Sähkö et, C‑48/23, EU:C:2025:144, punt 31).

49      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2019/944 jirriflettu, essenzjalment, il-kontenut tal-premessi 80 u 87 ta’ din id-direttiva, li skonthom, sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, huwa neċessarju, minn naħa, li l-awtoritajiet regolatorji jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-aspetti regolatorji kollha rilevanti u li jkunu totalment indipendenti minn kull interess pubbliku jew privat ieħor u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija direttiva ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu u jippubblikaw il-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Alajärven Sähkö et, C‑48/23, EU:C:2025:144, punt 32).

50      B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 87 tad-Direttiva 2019/944 u kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom. Din id-direttiva għalhekk ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu u jippubblikaw il-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija kif ukoll li jiddeterminaw il-qafas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet regolatorji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-provvista. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess dwar is-suq nazzjonali tal-elettriku, ħlief fir-rigward tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji previsti mill-imsemmija direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Alajärven Sähkö et, C‑48/23, EU:C:2025:144, punt 39).

51      Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, huwa neċessarju, minn naħa, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu awtorizzati jadottaw deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti regolatorji kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom u jgawdu minn indipendenza u, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2019/944 ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jiddefinixxu u jagħmlu pubblika l-politika nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija, kif ukoll li jiddeterminaw il-qafas li fih dawn l-awtoritajiet jeżerċitaw il-kompiti tagħhom.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm l-iffissar tal-imposti tan-network jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, dan ma jistax ikun il-każ ta’ taxxi, tariffi, sisa jew imposti li ma humiex marbuta mal-aċċess għan-network jew mal-użu tiegħu u li, għaldaqstant, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, anki jekk ikollhom impatt fuq il-prezz ta’ distribuzzjoni tal-elettriku għall-klijent finali.

53      Dan japplika b’mod partikolari għall-ispejjeż marbuta mal-OSP fil-qasam tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli kif ukoll għall-modalitajiet ta’ kopertura ta’ dawn l-ispejjeż. Fil-fatt, l-għażla tal-metodu ta’ appoġġ li Stat Membru għandu l-intenzjoni li jagħti għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli fit-territorju tiegħu, kemm jekk ikunu sussidji diretti, mekkaniżmi fiskali jew, bħal f’dan il-każ, miżura li tikkonsisti fit-trasferiment tal-ispejjeż lill-konsumaturi finali, taqa’ taħt għażla ta’ politika tal-enerġija li ma taqax taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludi li l-Istati Membri jawtorizzaw lill-awtorità kompetenti nazzjonali tirregola t-tariffi marbuta mal-OSP. Barra minn hekk, ma jidhirx li awtorizzazzjoni tal-awtorità regolatorja sabiex tiddetermina t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tippreġudika l-indipendenza u l-funzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet.

54      Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2019/943, kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu, u b’mod partikolari t-twettiq effettiv tal-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, kif ukoll id-definizzjoni tal-prinċipji fundamentali fil-bażi tas-swieq tal-elettriku effiċjenti u integrati, li jippermettu li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għas-suq tal-fornituri kollha tar-riżorsi u tal-klijenti kollha tas-settur tal-elettriku, li jagħmlu awtonomi lill-konsumaturi, li jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tad-domanda, il-ħażna tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw l-interpretazzjoni adottata fil-punti 43 sa 46 kif ukoll fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza.

55      F’dan il-każ, il-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32(1) tad-Digriet dwar l-Enerġija jipprevedi li l-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-OSP imposti fuq il-ĠND skont dan id-digriet, li ma humiex iffinanzjati permezz ta’ imposti, ta’ taxxi, ta’ sussidji, ta’ kontribuzzjonijiet jew ta’ dazji, għandhom jingħaddu b’mod trasparenti u nondiskriminatorju fit-tariffi, wara kontroll tal-VREG, u huma konsegwentement mgħoddija lill-utenti tan-network.

56      B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tindika li l-OSP ta’ natura finanzjarja imposti mil-leġiżlatur Fjamming fuq il-ĠND rikorrenti huma ffinanzjati parzjalment mir-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Fond tal-Enerġija u parzjalment minn kumpens mill-baġit tal-ispejjeż ġenerali tar-Reġjun Fjamming. L-ispejjeż netti marbuta ma’ dawn l-OSP, b’mod partikolari dawk relatati mal-promozzjoni ta’ użu effiċjenti tal-enerġija, mal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll max-xiri ta’ ċertifikati ekoloġiċi u ta’ ċertifikati ta’ koġenerazzjoni, huma riflessi fit-tariffi tan-network.

57      Madankollu, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ispejjeż relatati mal-OSP ma ġewx inklużi fil-kategorija li tikkorrispondi għat-tielet komponent tat-tarifikazzjoni, previst fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944, iżda f’dik il-kategorija dwar l-imposti tan-network, li tikkorrispondi għat-tieni komponent tat-tarifikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, li fiha għandhom, bħala prinċipju, jidhru biss spejjeż marbuta man-network.

58      Madankollu, is-sempliċi fatt li l-ispejjeż marbuta mal-OSP kienu marbuta, fuq il-livell ta’ kontabbiltà, mal-imposti tan-network ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex tiġi stabbilita l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944 huma intiżi li jiggarantixxu li l-ispejjeż koperti mill-imposti tan-network jibqgħu oġġettivament identifikabbli, li jiġu kkalkolati skont metodoloġiji trasparenti u li ma jintużawx sabiex jiffinanzjaw, b’mod indirett, politiki mhux relatati mal-ġestjoni tan-network ta’ distribuzzjoni.

60      Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, għalkemm l-ispejjeż marbuta mal-OSP, minkejja li formalment koperti mill-imposti tan-network, huma madankollu sseparati b’mod ċar mill-metodu ta’ kalkolu u ta’ ffissar ta’ dawn l-imposti jew tat-tariffi tan-network, b’tali mod li jikkorrispondu għal tariffa speċifika li tiżdied, fir-realtà, mal-imposti hekk iddeterminati, tali sitwazzjoni ma tistax, fiha nnifisha, tikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 u b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ trasparenza li huwa jipprevedi.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, indipendentement mill-klassifikazzjoni formali tagħhom, il-modalitajiet ta’ integrazzjoni mill-ĠND rikorrenti tal-ispejjeż marbuta mal-OSP finanzjarji fl-imposti tan-network jew fit-tariffi tan-network għandhomx effett fuq il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-imposti, li huma rregolati mill-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 b’mod li ma jaqgħux taħt il-kompetenzi u l-kompiti tal-VREG, u jekk josservawx dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, moqri flimkien mal-Artikolu 9, mal-Artikolu 57(4) u (5), mal-Artikolu 59(1)(a) u mal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tariffi tan-network, tal-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tal-OSP imposti minn din il-leġiżlazzjoni fuq il-ĠND, meta dawn l-ispejjeż ma jkunux iffinanzjati mod ieħor, bil-kundizzjoni li l-imsemmija spejjeż ma jkunux integrati fil-metodu ta’ kalkolu u ta’ ffissar ta’ imposti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali u li dawn l-ispejjeż ikunu distinti b’mod ċar minn dawn l-imposti.

 Fuq it-tieni domanda

63      Fil-kuntest tat-tieni domanda, dwar il-kompatibbiltà ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku bbażat fuq l-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi tal-ĠND mad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju, teżiġi li l-imposti tan-network jirriflettu l-ispejjeż sostnuti mill-ĠND, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk l-ispejjeż ta’ ĠND effikaċi u li għandu struttura paragunabbli. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-paragrafi 2, 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu 18, li jispeċifikaw ir-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw it-tariffi u l-metodi ta’ tarifikazzjoni.

64      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, moqri flimkien mal-paragrafi 2, 7 u 8 ta’ dan l-artikolu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni, minn awtorità regolatorja ta’ Stat Membru, ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku bbażat fuq l-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi, li jiddetermina għalhekk id-dħul tal-ĠND b’riferiment għall-ispejjeż tagħhom sostnuti matul l-aħħar ħames snin finanzjarji disponibbli, jekk l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ma tkunx akkumpanjata minn kontroll tal-livell ta’ dawn l-ispejjeż li jippermetti li jiġi ggarantit li dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk l-ispejjeż ta’ ġestjonarju ta’ network effikaċi u li għandu struttura paragunabbli.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 33 sa 37 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 ma jippreskrivi l-ebda metodu partikolari ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku iżda jiddefinixxi r-rekwiżiti li tali metodu għandu jissodisfa.

66      Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet iktar preċiżi fir-Regolament 2019/943 dwar il-metodu ta’ tarifikazzjoni intiż li jinċentiva lill-ĠND itejbu l-effettività, hija, konformement mal-Artikolu 18(10) ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, l-awtorità regolatorja tal-Istat Membru li għandha tiddetermina l-metodu xieraq ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

67      F’dan il-kuntest, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tan-natura kumplessa u teknika tal-missjoni tagħha, din l-awtorità għandu jkollha marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni sabiex tiddetermina l-metodu ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Madankollu, dan il-marġni jibqa’ rregolat mill-obbligu li jiġu osservati r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar is-suq nazzjonali tal-elettriku u l-kundizzjonijiet partikolari speċifiċi għalih. Għaldaqstant, tali awtorità ma tistax tkun obbligata tadotta metodoloġija partikolari, iżda għandha tkun tista’ tadatta l-metodu ta’ ffissar u ta’ kalkolu tat-tariffi skont diversi parametri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Gaso u Conexus Baltic Grid, C‑87/24, EU:C:2025:826, punt 86).

68      Is-sempliċi fatt li l-metodoloġija użata minn awtorità regolatorja ta’ Stat Membru hija bbażata fuq data storika, użata bħala punt tat-tluq għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż futuri sostnuti minn ĠND, ma jistax jirrendi din il-metodoloġija inkompatibbli mal-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943.

69      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-metodu ta’ tariffikazzjoni stabbilit mid-Deċiżjoni kontenzjuża jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, fid-dawl ta’ analiżi globali ta’ dan il-metodu.

70      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmi metodu huwa bbażat fuq mudell regolatorju tad-dħul, sa fejn jippermetti li jiġi ddeterminat id-dħul li l-ĠND rikorrenti huma awtorizzati jiġbru mingħand l-utenti tan-networks ta’ distribuzzjoni permezz ta’ tariffi tan-network, sabiex ikopru l-ispejjeż tal-operat. L-istess metodu jinkludi, barra minn hekk, fatturi ta’ aġġustament intiżi sabiex jiffavorixxu t-titjib tal-effiċjenza ġenerali, inkluża l-effiċjenza enerġetika tas-sistema, u jipprevedi wkoll mekkaniżmu ta’ kontroll tal-ispejjeż sostnuti mill-ĠND rikorrenti u mgħoddija fuq it-tariffi tan-network.

71      B’mod iktar preċiż, sabiex jiġi ddeterminat il-komponent bażiku tad-dħul awtorizzat sabiex ikopri l-ispejjeż endoġeni, il-VREG jieħu, fl-ewwel lok, inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-ispejjeż endoġeni settorjali, irreġistrati matul il-perijodu tariffarju preċedenti, jiġifieri l-perijodu 2019‑2023. Fit-tieni lok, huwa jipprevedi li, matul il-perijodu kollu 2025‑2028, dan il-komponent jevolvi kull sena skont l-inflazzjoni, b’rettifika ex post ibbażata fuq l-inflazzjoni effettivament ikkonstatata. Fit-tielet lok, il-VREG japplika fattur ta’ inċentiv għall-effikaċja msejjaħ “frontier shift”, li jirrifletti ż-żieda fil-produttività miksuba mill-impriżi l-iktar effikaċi permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar prattiki u tal-progress teknoloġiku, u intiż, skont il-VREG, sabiex jikkumpensa t-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-ĠND rikorrenti. Fir-raba’ u l-aħħar lok, ħames elementi endoġeni addizzjonali huma sussegwentement miżjuda mal-komponent bażiku tad-dħul awtorizzat sabiex ikopri l-ispejjeż endoġeni, li, kif indikat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, ma humiex rilevanti, għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li dan il-metodu ta’ tariffikazzjoni jipprevedi kontroll mill-VREG tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż iddikjarati mill-ĠND, sabiex dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk l-ispejjeż ta’ ĠND effikaċi u li għandu struttura paragunabbli.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-paragrafu 1 tal-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, moqri flimkien mal-paragrafi 2, 7 u 8 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni, minn awtorità regolatorja ta’ Stat Membru, ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku bbażat fuq l-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi, li jiddetermina għalhekk id-dħul tal-ĠND b’riferiment għall-ispejjeż tagħhom sostnuti matul l-aħħar ħames snin disponibbli, sakemm dan il-metodu jkun konformi mar-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 18 u, b’mod partikolari, jinkludi mekkaniżmi xierqa sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-imsemmi metodu jikkorrispondu, b’mod raġonevoli, għal dawk l-ispejjeż ta’ ĠND effikaċi u li għandu struttura paragunabbli.

 Fuq it-tielet domanda

74      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku, moqrija flimkien mal-Artikolu 9, mal-Artikolu 57(4) u (5), mal-Artikolu 59(1)(a) u mal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tariffi tan-network, tal-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku imposti minn din il-leġiżlazzjoni fuq il-ġestjonarji ta’ networks tad-distribuzzjoni, meta dawn l-ispejjeż ma jkunux iffinanzjati mod ieħor, bil-kundizzjoni li l-imsemmija spejjeż ma jkunux integrati fil-metodu ta’ kalkolu u ta’ ffissar ta’ imposti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali u li dawn l-ispejjeż ikunu distinti b’mod ċar minn dawn l-imposti.

2)      Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, moqri flimkien mal-paragrafi 2, 7 u 8 ta’ dan l-artikolu,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix l-adozzjoni, minn awtorità regolatorja ta’ Stat Membru, ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku bbażat fuq l-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi, li jiddetermina għalhekk id-dħul tal-ġestjonarji ta’ network tad-distribuzzjoni b’riferiment għall-ispejjeż tagħhom sostnuti matul l-aħħar ħames snin disponibbli, sakemm dan il-metodu jkun konformi mar-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 18 u, b’mod partikolari, jinkludi mekkaniżmi xierqa sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-imsemmi metodu jikkorrispondu, b’mod raġonevoli, għal dawk l-ispejjeż ta’ ġestjonarju ta’ network tad-distribuzzjoni effikaċi u li għandu struttura paragunabbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.