SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
20 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra – Impossibbiltà li tinsab il-persuna akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża – Proċedura ġudizzjarja li tippermetti li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dritt għal proċess ġdid – Obbligu ta’ ħeffa”
Fil-Kawża C‑135/25 PPU [Kachev] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2025, fil-proċedura kriminali kontra
S. T.,
fil-preżenza ta’:
Varhovna kasatsionna prokuratura na Republika Bulgaria,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, N. Piçarra, O. Spineanu–Matei u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall- Varhovna kasatsionna prokuratura na Republika Bulgaria, minn N. Georgiev, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura kriminali, imressqa minn S. T. wara li ġie kkundannat fil-kontumaċja għal piena ta’ sena priġunerija minħabba serq aggravat. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2016/343
|
3 |
Il-premessi 33, 36 u 38 tad-Direttiva 2016/343 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:
|
|
5 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu: “2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
[…] 4. Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.” |
|
6 |
L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid” huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.” |
Ir‑Regolament (UE) 2018/1862
|
7 |
L-Artikolu 34(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU 2018, L 312, p. 56), jipprevedi: “Għall-finijiet li jikkomunikaw il-post ta’ residenza jew ta’ domiċilju ta’ persuna, l-Istati Membri għandhom, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti, idaħħlu allerti fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)] dwar: […]
|
Id-dritt Bulgaru
|
8 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 219(3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) (DV Nru 86, tat-28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprovdi: “Id-digriet ta’ akkuża […] għandu jispeċifika […] il-fatti li bihom [il-persuna kkonċernata] tkun akkużata u l-kwalifika legali ta’ dawn il-fatti.” |
|
9 |
L-Artikolu 247c(1) tan-NPK jipprovdi: “Kopja tal-att tal-akkuża għandha tintbagħat lill-persuna akkużata fuq ordni tal-Imħallef Relatur. In-notifika tal-att tal-akkuża għandha tinforma lill-persuna akkużata bid-data ffissata għas-seduta preliminari […] u li l-kawża tista’ tiġi eżaminata u deċiża fl-assenza tagħha, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 269”. |
|
10 |
Skont l-Artikolu 269 tan-NPK: “1. Il-preżenza tal-persuna akkużata waqt il-proċess hija obbligatorja meta din tiġi akkużata b’reat kriminali gravi. […] 3. Meta dan ma jipprekludix li tiġi skoperta l-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata jekk:
[…]
|
|
11 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 423(1) tan-NPK: “F’terminu ta’ sitt xhur minn meta ssir taf bil-kundanna kriminali definittiva […], il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-[proċeduri] kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul [din il-proċedura]. Din it-talba għandha tiġi milqugħa, sakemm il-persuna kkundannata, wara li jkunu ġew ikkomunikati lilha l-kapi tal-akkuża matul il-kumpilazzjoni, ma tkunx ħarbet, b’mod li l-proċedura prevista fl-Artikolu 247c(1) ma setgħetx tiġi eżegwita, jew saħansitra, wara li din il-proċedura tal-aħħar tkun ġiet eżegwita, hija ma tkunx dehret fis-seduta mingħajr raġuni valida.” |
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
12 |
Fil‑5 ta’ Frar 2024, S. T. u l-avukat tiegħu maħtura ex officio ġew innotifikati bl-att tal-akkuża, stabbilit konformement mal-Artikolu 219 tan-NPK (iktar ’il quddiem l-“att tal-akkuża preliminari”), dwar serq aggravat imwettaq fix-xahar ta’ Ottubru 2023. L-att tal-akkuża preliminari kien jimponi fuq S. T. l-obbligu li jiffirma perjodikament reġistru miżmuma mill-awtoritajiet tal-pulizija fil-post ta’ residenza tiegħu. Dan l-att informah, barra minn hekk, li huwa ma kellux jitlaq minn dan il-post u li kellu l-obbligat li jidher quddiem l-awtoritajiet fil-każ li jissejjaħ. |
|
13 |
Matul il-fażi tal-kumpilazzjoni, S. T. ġie intervistat u pprovda indirizz fejn seta’ jiġi milħuq mill-awtoritajiet. Huwa ddikjara wkoll li kien ġie informat bl-obbligu li jħallas, fil-każ ta’ kundanna, l-ispejjeż relatati mal-ħatra tal-avukat maħtur ex officio. |
|
14 |
Fit‑28 ta’ Frar 2024, il-prosekutur pubbliku ħareġ att tal-akkuża kontra S. T., b’applikazzjoni tal-Artikolu 246 tan-NPK, u ressaq il-kawża quddiem ir-Rayonen sad Montana (il-Qorti Distrettwali ta’ Montana, il-Bulgarija). L-akkuża mressqa f’dan l-att kienet tikkorrispondi, fil-fatt u fid-dritt, għal dik li kienet tinsab fl-att tal-akkuża preliminari li kien ingħata lil S. T. matul il-fażi tal-kumpilazzjoni. |
|
15 |
Ir-Rayonen sad Montana (il-Qorti Distrettwali ta’ Montana) bagħtet notifika dwar id-data u l-post tal-proċess fl-indirizz li S. T. kien ipprovda matul il-fażi tal-kumpilazzjoni. Madankollu, din in-notifika ntbagħtet lura lil dik il-qorti, flimkien ma nota tal-uffiċjal kompetenti li kienet tgħid li mill-informazzjoni pprovduta mill-qraba tiegħu kien jirriżulta li S. T. kien jaħdem fil-Ġermanja. |
|
16 |
Sussegwentement, l-imsemmija qorti fittxet li tħarrek lil S. T. personalment, b’mod partikolari billi ordnat li huwa jiġi kkonvokat bit-telefon fuq numru li huwa kien ipprovda, billi wettqet verifika tal-vjaġġi tiegħu barra mill-pajjiż u billi ordnat lill-pulizija sabiex ifittxu. Madankollu, dawn l-atti ma pproduċewx ir-riżultat mixtieq u l-informazzjoni miġbura kienet tindika li S. T. kien telaq mill-Bulgarija fis-16 ta’ Frar 2024. |
|
17 |
Ir-Rayonen sad Montana (il-Qorti Distrettwali ta’ Montana) eżaminat l-att tal-akkuża maħruġ kontra S. T. fl-assenza tiegħu. L-avukat maħtur ex officio li kien assista lil S. T. matul il-fażi tal-kumpilazzjoni pparteċipa fil-proċedura quddiem dik il-qorti. |
|
18 |
Fit‑8 ta’ Mejju 2024, l-imsemmija qorti kkundannat fil-kontumaċja lil S. T. għal piena ta’ sena priġunerija. Dik is-sentenza saret definittiva fl-24 ta’ Mejju 2024 u S. T. beda jiskonta l-piena tiegħu fis-16 ta’ Ġunju 2024. |
|
19 |
S. T. ressaq, quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li wasslu għall-kundanna tiegħu fil-kontumaċja. |
|
20 |
Dik il-qorti tippreċiża li hija tinterpreta, b’mod stabbilit, l-Artikolu 423(1) tan-NPK bħala li jimplika li persuna kkundannata fil-kontumaċja ma għandhiex dritt għal proċess ġdid meta l-qorti li tkun tat il-kundanna tkun wettqet il-passi proċedurali meħtieġa sabiex tinformaha, fi żmien xieraq, bid-data u bil-post tal-proċess tagħha, iżda meta din il-persuna tkun ħarbet wara li tkun irċeviet l-att tal-akkuża preliminari maħruġ kontriha matul il-fażi tal-kumpilazzjoni, meta l-akkuża mressqa kontra l-imsemmija persuna ma tkunx inbidlet sostanzjalment, fil-fatt u fid-dritt, minn dak iż-żmien-il hawn u meta l-istess persuna tkun ġiet irrappreżentata minn avukat maħtur ex officio. |
|
21 |
Peress li hija tqis li persuna kkundannata ma għandhiex tkun tista’ tinvoka assenza ta’ dehra li toriġina mill-aġir irregolari tagħha stess, il-qorti tar-rinviju tqis li persuna li ħarbet, li kisret miżura preventiva jew li telqet illegalment mill-indirizz li hija kienet ipprovdiet lill-awtoritajiet ma għandhiex tibbenefika mid-dritt għal proċess ġdid. Minn dan ir-raġunament dik il-qorti tiddeduċi li l-leġiżlazzjoni Bulgara, kif interpretata minnha, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, kemm mal-Artikolu 8(4) kif ukoll mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. |
|
22 |
Madankollu l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mal-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022 Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, EU:C:2025:16). Hija għandha, b’mod partikolari, dubji dwar jekk il-konsenja ta’ att tal-akkuża preliminari tistax titqies li hija ekwivalenti għall-għarfien, mill-persuna kkonċernata minn dan l-att, tal-fatt li għandu jiġi organizzat proċess kontriha u tal-konsegwenzi legali tal-ħarba tagħha qabel ma titressaq quddiem qorti għall-ġudizzju. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it-talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
25 |
Insostenn ta’ din it-talba, dik il-qorti tindika li S. T. qiegħed attwalment jiskonta l-piena ta’ priġunerija mogħtija kontrih fil-kontumaċja u li hija tista’ tordna l-ħelsien tiegħu fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li taw lok għall-għoti ta’ din il-piena. Hija tippreċiża wkoll li proċedura kriminali ġdida tista’ twassal għal patteġġjament, li fil-kuntest tiegħu S. T. jista’ jingħata piena inqas severa mill-minimu legali għal serq aggravat. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, li tagħmel parti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
|
27 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kriterju dwar l-urġenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-kriterju jkun issodisfatt meta l-persuna kkonċernata fit-tilwima fil-kawża prinċipali tkun, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imċaħħda mil-libertà u ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni ta’ dik it-tilwima (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2023, Lin,C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li S. T. huwa mċaħħad mil-libertà, li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li wasslu għall-kundanna tiegħu fil-kontumaċja jista’ jwassal għall-ħelsien tiegħu fl-istennija ta’ proċess ġdid u li d-domandi magħmula huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk tali ftuħ mill-ġdid għandux jiġi ordnat fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-26 ta’ Frar 2025, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domandi preliminari
|
30 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-akkużati li jaħarbu, persuna kkundannata fil-kontumaċja li ressqet talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċess tiġi rrifjutata dan id-dritt għal proċess ġdid meta,
|
|
31 |
Għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2016/343 huwa, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti elementi tal-proċeduri kriminali, fosthom id-“dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu”. Kif tikkonferma espliċitament il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jagħmel parti integrali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022 Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub)C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 25 u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 34). |
|
32 |
L-Istati Membri jistgħu madankollu, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343, jipprovdu, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żamma ta’ proċess fil-kontumaċja, dejjem sakemm, kemm-il darba tali proċess jinżamm mingħajr madankollu ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, il-persuna kkonċernata jkollha, abbażi tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, li għandhom effett dirett, dritt “għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża […] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali” (iktar ’il quddiem id-“dritt għal proċess ġdid”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022 Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punti 26 sa 28, u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 35). |
|
33 |
Minn dan jirriżulta li persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ tiċċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ssodisfatti (sentenza tad-19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 31, u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 36). |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu 8(2) huma applikabbli alternattivament u li kull wieħed minnhom jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, li l-ewwel waħda minnhom teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun informata biż-żamma tal-proċess tagħha. |
|
35 |
Kif jirriżulta mill-premessa 38 ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija kundizzjoni hijiex issodisfatta, hemm lok li tingħata attenzjoni partikolari, minn naħa, għad-diliġenza li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu eżerċitaw sabiex jinformaw lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja biż-żamma tal-proċess tagħha u, min-naħa l-oħra, għad-diliġenza murija minn din il-persuna sabiex tirċievi l-informazzjoni relatata miegħu. Konsegwentement, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istess kundizzjoni, huma rilevanti eventwali indizji preċiżi u oġġettivi li l-imsemmija persuna, minkejja li tkun ġiet informata uffiċjalment li hija akkużata li wettqet reat kriminali u, għalhekk minkejja li kienet konsapevoli li kien ser jiġi organizzat proċess kontriha, deliberatament tevita li tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess. L-eżistenza ta’ tali indizji preċiżi u oġġettivi tista’, pereżempju, tiġi kkonstatata meta l-istess persuna tkun ikkomunikat volontarjament indirizz żbaljat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew ma tkunx għadha tinsab fl-indirizz li hija tkun ikkomunikatilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022 Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punti 48 sa 50, u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 38). |
|
36 |
Persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ b’mod partikolari titqies li kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tqis li kien ser jiġi organizzat proċess kontriha jekk hija rċeviet att tal-akkuża preliminari li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, fir-rigward tal-fatti allegati u tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, għall-kontenut tal-att tal-akkuża definittiv finalment maħruġ kontriha. |
|
37 |
Minn dan isegwi li, meta l-persuna kkonċernata tkun ħarbet wara li tkun irċeviet tali att tal-akkuża preliminari, l-Istati Membri jistgħu jqisu li t-trażmissjoni, fi żmien xieraq, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ dokument uffiċjali li jsemmi d-data u l-post ta’ proċess fl-indirizz li din il-persuna tkun ikkomunikat lil dawn l-awtoritajiet matul l-investigazzjoni tal-kawża u l-prova prodotta li dan id-dokument effettivament ġie kkunsinnat f’dan l-indirizz jgħoddu bħala informazzjoni lill-imsemmija persuna dwar din id-data u dan il-post, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Madankollu, dan jista’ jkun il-każ biss bil-kundizzjoni li l-imsemmija awtoritajiet ikunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu lill-imsemmija persuna u jħarrkuha personalment jew sabiex jinformawha uffiċjalment, b’mezzi oħra, dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess, kif previst fil-premessa 36 ta’ din id-direttiva. F’dak il-każ, il-persuna kkonċernata titqies bħala li ġiet informata biż-żamma tal-imsemmi proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022 Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 48, u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 42). |
|
38 |
It-tieni kundizzjoni meħtieġa sabiex il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tkun tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid tista’ tiġi ssodisfatta jew, konformement mal-Artikolu 8(2)(a) u (4) tad-Direttiva 2016/343, jekk din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra fil-proċess tagħha jew inkella, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(2)(b) u (4) ta’ din id-direttiva, jekk matul il-proċess tagħha l-imsemmija persuna tkun ġiet irrappreżentata minn avukat li ngħata mandat, li jkun inħatar minnha jew mill-Istat. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-informazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra tista’ tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata meta tissejjaħ għall-proċess tagħha, ma jistax jiġi eskluż li din tista’ tkun diġà ġiet trażmessa lilha matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta, matul il-fażi tal-kumpilazzjoni, persuna kkonċernata minn att tal-akkuża preliminari tiġi informata b’mod ċar li hija kienet ser tesponi ruħha għaż-żamma ta’ proċess fl-assenza tagħha jekk hija tevita lill-awtoritajiet kompetenti, pereżempju billi tikser il-miżura preventiva li ġiet imposta fuqha jew billi ma tkunx tista’ tiġi iktar ikkuntattjata fl-indirizz ipprovdut lil dawn l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 51). |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ komunikazzjoni effettiva lill-persuna kkonċernata, fi żmien xieraq, tal-informazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra fil-proċess tagħha, skont modalitajiet li jippermettu li jkun hemm iċ-ċertezza li din l-informazzjoni ġiet ipprovduta u effettivament rċevuta minn din il-persuna, it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343 ma tistax titqies li ġiet issodisfatta. Għalhekk, l-imsemmija persuna fl-ebda ċirkustanza ma tista’ sempliċement titqies li rċeviet l-imsemmija informazzjoni, anki meta hija ħarbet qabel l-istadju tal-proċedura li matulu din l-istess informazzjoni kellha normalment tiġi trażmessa lilha konformement mar-regoli nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, għalkemm il-konsapevolezza li hija tkun is-suġġett ta’ att tal-akkuża preliminari jista’ raġonevolment jippermetti li l-persuna suspettata jew akkużata tkun taf li probabbilment ser jiġi organizzat proċess kontriha, din il-konsapevolezza waħedha ma tippermettilhiex li tifhem il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra f’dan il-proċess. |
|
41 |
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda r-rappreżentanza minn avukat li ngħata mandat, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżistenza ta’ “mandat”, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, teħtieġ li l-persuna kkonċernata stess tkun fdat lil avukat, jekk ikun il-każ dak li jkun ġie maħtur lilha ex officio, il-missjoni li jirrappreżentaha waqt il-proċess fil-kontumaċja tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 56). |
|
42 |
Għaldaqstant, minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess tagħha jew meta, għalkemm hija tkun ġiet informata biż-żamma tiegħu jew għalkemm titqies li rċeviet tali informazzjoni, din il-persuna la tkun ġiet informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra u lanqas ma tkun ġiet irrappreżentata minn avukat li ngħata mandat f’dan il-proċess, l-imsemmija persuna tibbenefika, bħala prinċipju, minn meta ssir konsapevoli mid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, mid-dritt għal proċess ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022 Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 31, u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 37). |
|
43 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ħarbet wara li rċeviet att tal-akkuża preliminari jiġġustifika, waħdu, li din il-persuna tiġi mċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid previst minn din id-direttiva, peress li l-assenza tagħha fil-proċess hija, fl-aħħar mill-aħħar, il-frott ta’ aġir illegali min-naħa tagħha. |
|
44 |
Madankollu għandu neċessarjament jiġi kkonstatat, minn naħa, li, hekk kif dan ġie enfasizzat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-fatt li persuna kkundannata ħarbet wara li tkun irċeviet att tal-akkuża preliminari jippermetti li jiġi kkunsidrat li hija meqjusa li ġiet informata biż-żamma tal-proċess tagħha biss sa fejn, barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jkunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu lil din il-persuna u jħarrkuha personalment jew sabiex jinformawha uffiċjalment, permezz ta’ mezzi oħra, bid-data u bil-post ta’ dan il-proċess. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punti 33, 34 u 38 ta’ din is-sentenza, anki meta persuna titqies li ġiet informata biż-żamma tal-proċess tagħha, sabiex hija tkun tista’ tiġi validament imċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, huwa meħtieġ ukoll li t-tieni kundizzjoni stabbilita jew fl-Artikolu 8(2)(a) ta’ din id-direttiva, jew inkella fl-Artikolu 8(2)(b) tagħha tkun issodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 43). |
|
46 |
Issa, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din it-tieni kundizzjoni, li tfakkru fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija kundizzjoni ma tistax titqies li hija ssodisfatta mis-sempliċi fatt li din il-persuna ħarbet qabel iż-żamma tal-proċess tagħha. Bl-istess mod, il-fatt li l-ħarba tal-imsemmija persuna, fil-prattika, ostakolat il-komunikazzjoni lilha tal-informazzjoni dwar din iż-żamma u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra ma huwiex ta’ natura li jippermetti li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti. |
|
47 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħal dik imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2016/343. |
|
48 |
Dan espost, ma jistax jiġi eskluż li din il-leġiżlazzjoni tista’ tingħata interpretazzjoni differenti minn dik li ġiet adottata sa issa mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk, hija għandha tiddetermina jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tistax tiġi interpretata f’sens li jippermetti li l-esklużjoni mid-dritt għal proċess ġdid tiġi limitata biss għall-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ssodisfatti. Fil-każ li ma jkunx possibbli li l-leġiżlazzjoni Bulgara tingħata interpretazzjoni li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, u peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandhom effett dirett, l-imsemmija qorti hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tad-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li hija inkompatibbli magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov,C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju jkollha għalhekk teżamina hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti jew le fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt dwar jekk S. T. jistax jitqies li ġie informat biż-żamma tal-proċess tiegħu, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-punti 34 sa 37ta’ din is-sentenza. |
|
51 |
F’din il-perspettiva, il-fatt li din il-persuna kienet irċeviet att tal-akkuża preliminari u li hija kisret miżura preventiva imposta minn dan l-att, billi telqet mill-indirizz ipprovdut lill-awtoritajiet inkarigati mill-kumpilazzjoni mingħajr ma informathom b’dan, jidher, prima facie, li jikkostitwixxi indizju preċiż u oġġettiv li l-imsemmija persuna, konsapevoli mill-fatt li kienet ser tkun is-suġġett ta’ proċess, għamlet mod li deliberatament tevita li tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess. |
|
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-notifika tal-att tal-akkuża kif ukoll ta’ dokument li jindika d-data u l-post tal-proċess ippjanat, fl-indirizz li S.T. kien ipprovda lill-awtoritajiet inkarigati mill-kumpilazzjoni wara li kien irċieva l-att tal-akkuża preliminari, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, fir-rigward tal-fatti allegati u tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, għal dak tal-att tal-akkuża, hija ta’ natura li tippermetti li jiġi kkunsidrat li din il-persuna hija meqjusa li ġiet informata biż-żamma ta’ dan il-proċess, madankollu dan dejjem sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu lill-imsemmija persuna u jħarrkuha personalment jew sabiex jinformawha uffiċjalment, b’mezzi oħra, dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess. |
|
53 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, dan l-aħħar obbligu, passi bħal dawk imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza jidhru, ċertament, li jistgħu jikkontribwixxu sabiex il-persuna kkonċernata tinstab. |
|
54 |
Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi obbligu ġiex issodisfatt fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet kompetenti kellhomx mezzi effikaċi oħra li setgħu jippermettu li S. T. jinstab u li dawn l-awtoritajiet naqsu milli jużaw minkejja li huma setgħu raġonevolment jużawhom. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi osservat li l-Artikolu 34(1)(b) u (c) tar-Regolament 2018/1862 jippermetti li l-Istati Membri, għall-finijiet li jikkomunikaw il-post ta’ residenza jew ta’ domiċilju ta’ persuni, idaħħlu allerti fis-SIS dwar rispettivament, minn naħa, il-persuni mħarrka jew persuni mfittxija biex jitħarrku biex jidhru quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji b’rabta ma’ proċeduri kriminali sabiex jagħtu kont ta’ atti li jkunu qed jiġu akkużati bihom kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-persuni li għandhom ikunu s-suġġett ta’ notifika ta’ dokumenti relatati ma’ proċedura kriminali sabiex jirrispondu għal tali fatti. |
|
56 |
Fid-dawl tal-interess tal-introduzzjoni ta’ tali allert sabiex tinkiseb informazzjoni dwar persuna li tinsab fi Stat Membru ieħor, għandu jitqies li, meta, kif jidher li huwa l-każ fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom informazzjoni li tindika li persuna li lilha huma jixtiequ jikkomunikaw kemm att tal-akkuża kif ukoll dokument li jindika d-data u l-post tal-proċess tagħha marret fi Stat Membru ieħor, dawn l-awtoritajiet għandhom, sabiex jitqiesu li wettqu “sforzi raġonevoli”, fis-sens imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, jintroduċu fis-SIS allert skont l-Artikolu 34 tar-Regolament 2018/1862. |
|
57 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tieni kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex persuna kkundannata fil-kontumaċja tkun tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid, minn naħa, mill-elementi msemmija fit-tieni domanda u, b’mod iktar wiesa’, mill-preżentazzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirriżultax li d-domandi magħmula jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha l-persuna kkundannata, b’xi mod jew b’ieħor, ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, kif jeżiġi l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343. |
|
58 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tindikax li l-att tal-akkuża preliminari mogħti lil S. T. kien jinkludi informazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, filwaqt li l-kliem tal-ewwel domanda jindikaw, bil-kontra ta’ dan, li dik il-qorti għandha l-intenzjoni tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar sitwazzjoni li fiha l-ħarba tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja ostakolat il-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni lill-din persuna. |
|
59 |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tkun irrappreżentata minn avukat li ngħata mandat għal dan il-għan, mill-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li persuna kkundannata fil-kontumaċja kienet ġiet difiża minn avukat maħtur ex officio matul il-proċedura ġudizzjarja kollha mmexxija fl-assenza tagħha ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tieni kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343 tkun issodisfatta. |
|
60 |
F’dan il-kuntest, għandu ċertament jiġi osservat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022 Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), u tas-16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, EU:C:2025:16). Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal dawk is-sentenzi, kien paċifiku li l-persuna akkużata ma kellha ebda kuntatt mal-avukat tagħha maħtur ex officio, filwaqt li mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-avukat li rrappreżenta lil S. T. quddiem il-qorti tal-ġudizzju kien diġà nħatar ex officio, qabel il-ħarba ta’ dan tal-aħħar, sabiex jassistih matul il-fażi tal-kumpilazzjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li dan l-avukat kien f’kuntatt ma’ S. T. f’din l-okkażjoni. |
|
61 |
Madankollu, ir-rappreżentanza minn avukat tippermetti li jintwera li l-persuna ġġudikata fl-assenza tagħha rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku għad-dritt tagħha li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha biss jekk din il-persuna intenzjonalment inkarigat lil dan l-avukat sabiex jiżgura d-difiża tagħha quddiem il-qorti tal-ġudizzju, li jippreżupponi li hija ħatritu speċifikament sabiex jirrappreżentaha, fl-assenza tagħha, waqt il-proċess tagħha. |
|
62 |
Minn dan isegwi li kuntatti bejn il-persuna kkundannata fil-kontumaċja u avukat maħtur ex officio li seħħew esklużivament matul il-fażi tal-kumpilazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex jintwera li din il-persuna kienet irrappreżentata, waqt il-proċess tagħha fil-kontumaċja, “minn avukat [li ngħata mandat]”, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343. |
|
63 |
Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk mill-elementi li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżultax li S. T. kien, inekwivokabbilment, ta lill-avukat maħtur ex officio mandat sabiex jirrappreżentah, fl-assenza tiegħu, quddiem il-qorti tal-ġudizzju. |
|
64 |
Barra minn hekk, indipendentement minn dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2016/343 ma tipprekludix li Stat Membru milli jistabbilixxi sistema proċedurali li teżiġi li l-persuni kkundannati fil-kontumaċja u interessati fil-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kriminali jressqu talba għal dan l-għan quddiem qorti oħra, differenti minn dik li tkun tat id-deċiżjoni fil-kontumaċja, sabiex din il-qorti l-oħra tivverifika li l-kundizzjoni li minnha jiddependi d-dritt għal proċess ġdid, jiġifieri l-assenza ta’ ssodisfar tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, kienet issodisfatta. Tali sistema hija kompatibbli mal-imsemmija direttiva sakemm, minn naħa, il-proċedura ta’ talba għal dan il-ftuħ mill-ġdid effettivament tippermetti ż-żamma ta’ proċess ġdid fil-każijiet kollha fejn jiġi stabbilit, wara verifika, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva ma kinux issodisfatti u sakemm, min-naħa l-oħra, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja, meta ġiet informata bil-kundanna tagħha, ġiet ukoll informata bl-eżistenza ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid),C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 46). |
|
65 |
Għaldaqstant, ma jidhirx li l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kriminali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tinvolvix, fiha nnifisha, proċess ġdid, iżda li tista’ twassal għal tali proċess, huwa inkompatibbli mad-Direttiva 2016/343, sakemm ikunu vverifikati l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti u sakemm din il-proċedura tkun tissodisfa r-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività u tosserva, barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid),C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 57). |
|
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ effettività jimponi b’mod partikolari li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tirċievi, fil-mument li fih tiġi informata bil-kundanna tagħha jew fi żmien qasir wara dan il-mument, kopja tad-deċiżjoni kollha mogħtija fil-kontumaċja u komunikazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħha, inkluż f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tressaq talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kriminali, dwar il-qorti li quddiemha għandha titressaq din it-talba u t-terminu li fih din għandha titressaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid),C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 61). |
|
67 |
Il-prinċipju ta’ effettività jimplika wkoll li kull proċedura ta’ talba għal proċess ġdid għandha tiġi organizzata b’mod li din it-talba tiġi pproċessata b’ħeffa, sabiex jiġi ddeterminat mill-iktar fis possibbli jekk il-proċess fil-kontumaċja seħħx mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Meta Stat Membru jistabbilixxi sistema proċedurali li fiha jkun għadu ma ġiex iddeterminat, fil-mument li fih il-persuna kkonċernata tiġi informata bl-eżistenza ta’ kundanna fil-kontumaċja mogħtija fil-konfront tagħha, jekk din il-kundanna tkunx ingħatat mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-imsemmija kundizzjonijiet, huwa dan l-Istat Membru, taħt piena li jippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, li għandu jara li dan l-eżami jseħħ malajr wara t-tressiq tat-talba għal proċess ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid),C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 63). |
|
68 |
B’mod partikolari, fil-każijiet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-eżami tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali jitwettaq meta l-persuna kkonċernata tkun qiegħdha tiskonta l-piena ta’ detenzjoni li għaliha hija tkun ġiet ikkundannata, l-adozzjoni bl-ikbar ħeffa tad-deċiżjoni dwar din it-talba hija indispensabbli sabiex il-prinċipju ta’ effettività jiġi osservat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid),C‑400/23, EU:C:2025:14, punti 64 u 65). |
|
69 |
Dan ir-rekwiżit li tiġi adottata deċiżjoni bl-ikbar ħeffa huwa intiż li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja, billi jiġi evitat li din tkun tista’ tinżamm f’detenzjoni fit-tul abbażi ta’ piena mogħtija fl-assenza tagħha, filwaqt li jkun għadu ma ġiex iddeterminat jekk il-ħtija ta’ din il-persuna u l-piena imposta fuqha ġewx deċiżi b’osservanza tad-dritt għal smigħ xieraq, kif ikkonkretizzat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2016/343. |
|
70 |
Barra minn hekk, peress li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat normalment ikollhom, fid-data tas-sentenza fil-kontumaċja, l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti, il-qorti adita b’talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali għandha titqies bħala li hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi fi żmien qasir dwar din it-talba. |
|
71 |
Fid-dawl tar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-akkużati li jaħarbu, persuna kkundannata fil-kontumaċja li ressqet talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċess tiġi rrifjutata dan id-dritt għal proċess ġdid meta
sakemm, minn naħa, l-imsemmija awtoritajiet implimentaw il-mezzi kollha li huma setgħu raġonevolment jużaw sabiex isibu lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja qabel il-proċess tagħha u sakemm, min-naħa l-oħra, din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, jew tkun, inekwivokabbilment, tat lill-avukat maħtur ex officio mandat sabiex jirrappreżentaha, fl-assenza tagħha, quddiem il-qorti tal-ġudizzju. |
Fuq l-ispejjeż
|
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux li, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-akkużati li jaħarbu, persuna kkundannata fil-kontumaċja li ressqet talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċess tiġi rrifjutata dan id-dritt għal proċess ġdid meta |
|
|
sakemm, minn naħa, l-imsemmija awtoritajiet implimentaw il-mezzi kollha li huma setgħu raġonevolment jużaw sabiex isibu lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja qabel il-proċess tagħha u sakemm, min-naħa l-oħra, din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, jew tkun, inekwivokabbilment, tat lill-avukat maħtur ex officio mandat sabiex jirrappreżentaha, fl-assenza tagħha, quddiem il-qorti tal-ġudizzju. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.