Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)
23 ta’ April 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Benefiċċji tal-qgħad – Kalkolu – Artikolu 62(1) u (2) – L-aħħar attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha eżerċitata taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Artikolu 62(3) – Residenza tal-benefiċjarju tal-benefiċċji tal-qgħad li jinsab fi Stat Membru li ma jkunx l-‘Istat Membru kompetenti’ – Regola ta’ kalkolu li ma tiħux inkunsiderazzjoni ‘esklużivament’ is-salarju jew id-dħul professjonali rċevut mill-persuna kkonċernata abbażi tal-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi regola ta’ kalkolu differenti għall-persuni li kienu eżerċitaw l-aħħar impjieg tagħhom fi Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C‑116/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad - Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2025, fil-proċedura
Ts. E. S.
vs
Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Blagoevgrad
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),
komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tas-Sitt Awla, u A. Kumin, Imħallef,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Ts. E. S., minn D. Grozdanova u K. Spiriev, advokati,
– għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u T. Tsingileva, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u G. Koleva, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ts. E.S., ċittadina Bulgara, u d-Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Blagoevgrad Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Blagoevgrad (id-Direttur tad-Diviżjoni Territorjali tal-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) dwar l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad li dan tal-aħħar taha skont regola ġdida introdotta fid-dritt Bulgaru għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 883/2004
3 Il-premessi 1, 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:
“(1) Ir-regoli għall-kordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jaqgħu taħt il-qafas tal-moviment liberu ta’ persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.
[...]
(4) Huwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.
[...]
(45) Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-miżuri ta’ kordinazzjoni sabiex jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, ma jistax jintlaħaq kif suppost mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-livell u l-effetti ta’ dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. [...]”
4 L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:
“[...]
j) ‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha
[...]”.
5 L-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:
“1. L-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu taħseb għall-kalkulazzjoni ta’ benefiċċji fuq il-bażi ta’ l-ammont tal-paga li l-persuna kellha qabel jew fuq dħul professjonali għandha tikkunsidra biss il-paga jew id-dħul professjonali li l-persuna konċernata rċeviet fir-rigward ta’ l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha taħt il-leġislazzjoni msemmija.
2. Il-paragrafu 1 għandhu japplika wkoll meta l-leġislazzjoni amministrata mill-istituzzjoni kompetenti taħseb għal perjodu ta’ referenza speċifiku għad-determinazzjoni tal-paga li sservi bħala bażi għall-kalkulazzjoni ta’ benefiċċji u meta, għall-perjodu kollu jew għal parti minnu, il-persuna konċernata kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, sa fejn huma konċernati l-persuni qiegħda koperti mill-Artikolu 65(5)(a), l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza għandha tikkunsidra l-paga jew id-dħul professjonali li l-persuna konċernata rċeviet fl-Istat Membru li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni tiegħu matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna impjegata għal rasha, skond ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.”
6 L-Artikolu 65 tal-istess regolament, intitolat “Persuni li ma għandhomx xogħol li kienu residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti”, jipprovdi:
“[...]
2. Persuna li ma għandha l-ebda impjieg u li, matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti u li tibqa’ residenti f’dak l-Istat Membru jew tmur lura lejn dak l-Istat Membru, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 64, persuna li ma għandha l-ebda impjieg tista, bħala pass supplimentari, tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istat Membru fejn hija wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.
Persuna li ma għandhiex impjieg, minbarra persuna li taħdem bejn il-fruntieri, li ma tmurx lura lejn l-Istat Membru ta’ residenza tagħha, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru fejn l-aħħar li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni tiegħu.
3. Il-persuna li ma għandhiex xogħol imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 għandha tirreġistra bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mas-servizzi ta’ impjieg kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn hija għandha r-residenza tagħha. Hija għandha tkun suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll użata hemmhekk u għandha tirrispetta l-kondizzjonijiet stabbiliti mil-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. Jekk din il-persuna tagħżel li tirreġistra wkoll bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol fl-Istat Membru fejn hija wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, hija għandha tirrispetta l-obbligi li japplikaw f’dak l-Istat.
4. L-implimentazzjoni tat-tieni sentenza tal-paragrafu 2 u tat-tieni sentenza tal-paragrafu 3, kif ukoll l-arranġamenti għal skambji ta’ informazzjoni, koperazzjoni u ssistenza reċiproka bejn l-istituzzjonijiet u s-servizzi ta’ l-Istat Membru ta’ residenza u l-Istat Membru fejn il-persuna wettqet l-aħħar attività tagħha, għandhom ikunu stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.
5. a) Il-persuna li ma għandhiex impjieg imsemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 għandha tirċievi benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha bħallikieku kienet suġġetta għal dik il-leġislazzjoni matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.
[...]”
Id-dritt Bulgaru
7 Intitolat “Dritt għall-benefiċċji tal-qgħad”, l-Artikolu 54a tal-Kodeks za sotsialno osiguryavane (il-Kodiċi tas-Assigurazzjonijiet Soċjali) (DV Nru 110, tas‑17 ta’ Diċembru 1999), fil-verżjoni tiegħu kif emendata (DV Nru 67, tad‑9 ta’ Awwissu 2024), fis-seħħ mit‑13 ta’ Awwissu 2024 (iktar ’il quddiem il-“KSO”), jipprovdi:
“Għandhom dritt għal benefiċċji tal-qgħad, il-persuni li fir-rigward tagħhom tħallsu jew kienu dovuti benefiċċji soċjali taħt l-assigurazzjoni mill-Fond għal ‘qgħad’ matul mill-inqas 12-il xahar matul 18-il xahar qabel it-tmiem tal-affiljazzjoni u li:
1. kienu ġew irreġistrati bħala persuni qiegħda mal-Aġenzija tal-Impjieg;
2. ma jkunux kisbu d-dritt għal pensjoni tal-irtirar fil-Bulgarija jew għal pensjoni tax-xjuħija fi Stat ieħor jew ma jirċevux pensjoni tax-xjuħija mnaqqsa skont l-Artikolu 68a jew pensjoni professjonali skont l-Artikolu 168;
3. ma jeżerċitaw ebda attività professjonali li għaliha huma suġġetti għall-assigurazzjoni obbligatorja skont dan il-kodiċi jew skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor, bl-eċċezzjoni tal-persuni msemmija fl-Artikolu 114a(1) tal-Kodeks na truda ((il-Kodiċi tax-Xogħol) (DV Nru 26, tal‑1 ta’ April 1986, u DV Nru 27, tal‑4 ta’ April 1986)).”
8 L-Artikolu 54b tal-KSO, intitolat “Ammont tal-benefiċċji tal-qgħad”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 5 u 8 tiegħu:
“(1) Il-benefiċċju tal-qgħad ta’ kuljum jammonta għal 60 % tas-salarju medju ta’ kuljum jew tad-dħul medju ta’ kuljum suġġett għal kontribuzzjoni li għaliha huma dovuti jew kienu tħallsu kontribuzzjonijiet lill-Fond “Qgħad” għall-aħħar 24 xahar kalendarju qabel ix-xahar ta’ waqfien tal-assigurazzjoni u ma jistax ikun inqas mill-ammont ta’ kuljum minimu u lanqas ogħla mill-ammont ta’ kuljum massimu tal-benefiċċju tal-qgħad.
[...]
(5) L-ammont fix-xahar tal-benefiċċju tal-qgħad għandu jiġi ddeterminat billi jiġi mmultiplikat l-ammont irċevut skont il-paragrafu 1, immultiplikat bin-numru ta’ jiem ta’ xogħol tax-xahar li għalih jirreferi.
[...]
(8) Meta l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, li fuq il-bażi tiegħu huwa ddeterminat is-salarju ta’ kuljum medju jew id-dħul ta’ kuljum medju suġġett għal kontribuzzjoni, jew ix-xahar li fih tintemm l-assigurazzjoni, jinkludi perijodi ta’ assigurazzjoni miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat li japplika r-regolamenti Ewropej dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad, għandu jittieħed kont ta’ dan li ġej:
1. id-dħul irċevut mill-persuna matul l-aħħar impjieg tagħha;
2. id-dħul kollu irċevut fil-Bulgarija, [...] kif ukoll id-dħul irċevut fi Stati oħra li fir-rigward tiegħu japplikaw ir-regolamenti Ewropej dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali matul l-aħħar 24 xahar kalendarju qabel ix-xahar li fih intemmet l-assigurazzjoni.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Ts. E.S., hija ċittadina Bulgara, li tirrisjedi b’mod permanenti fil-Bulgarija, fejn jinsab iċ-ċentru ta’ interess tagħha.
10 Sa minn tmiem Mejju 2024, hija eżerċitat attività bħala persuna impjegata fil-Bulgarija. F’Ġunju 2024, hija marret temporanjament lejn Spanja fejn okkupat, matul perijodu inkluż bejn is‑7 ta’ Ġunju u t‑13 ta’ Lulju 2024, jiġifieri perijodu totali ta’ 28 jum, impjieg bħala ħaddiema staġjonali ma’ persuna li timpjega Spanjola, li għalih hija rċeviet salarju ta’ EUR 2 590.80.
11 Mill‑14 ta’ Lulju 2024, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet u rritornat fil-Bulgarija fejn hija ressqet, fit‑2 ta’ Awwissu 2024, talba għall-għoti ta’ benefiċċju tal-qgħad quddiem l-awtoritajiet Bulgari kompetenti.
12 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2024, it-Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Blagoevgrad (id-Diviżjoni Territorjali tal-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) laqgħet din it-talba u tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali d-dritt għall-benefiċċju tal-qgħad għal ammont kuljum ta’ 29.71 leva Bulgari (BGN) (madwar EUR 15) għall-perijodu inkluż bejn il‑25 ta’ Lulju 2024 u t‑22 ta’ Lulju 2025.
13 Dan l-ammont ġie ddeterminat abbażi tad-dħul kollu suġġett għal kontribuzzjoni rċevut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul l-aħħar 24 xahar kalendarju qabel ix-xahar tal-waqfien tal-kontribuzzjonijiet tagħha, jiġifieri għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2022 u t‑13 ta’ Lulju 2024, jiġifieri ammont totali ta’ BGN 25 154.03 (madwar EUR 12 860), li jinkludi kemm is-salarji rċevuti matul il-perijodu ta’ impjieg u ta’ kontribuzzjoni fil-kuntest tal-aħħar impjieg tagħha fi Spanja kif ukoll kull dħul ieħor suġġett għal kontribuzzjoni relatat ma’ perijodi ta’ impjieg u ta’ kontribuzzjoni preċedenti mwettqa fil-Bulgarija matul dan il-perijodu ta’ 24 xahar.
14 Fid-dawl ta’ dan kollu, matul l-aħħar 24 xahar kalendarju qabel ix-xahar tal-waqfien tal-kontribuzzjonijiet tagħha, billi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet perijodi ta’ impjieg u ta’ kontribuzzjoni kemm taħt il-leġiżlazzjoni Bulgara kif ukoll taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, it-Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Blagoevgrad (id-Diviżjoni Territorjali tal-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Blagoevgrad) applikat l-Artikolu 54b(8) tal-KSO. Din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fit‑13 ta’ Awwissu 2024, tidderoga mill-metodu ta’ kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad stabbilit fl-Artikolu 54b(1) tal-KSO applikabbli għall-persuni li kienu eżerċitaw matul l-imsemmi perijodu ta’ 24 xahar attivitajiet bħala persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom fil-Bulgarija biss.
15 Wara din iċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tad-Diviżjoni Territorjali tal-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Blagoevgrad, tas‑16 ta’ Ottubru 2024, tal-azzjoni amministrattiva tagħha kontra d-deċizjoni msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem il-Administrativen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinivju, rikors li insostenn tiegħu hija ssostni li l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprevedi li “jittieħed inkunsiderazzjoni” s-salarju rċevut mill-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li għal-leġiżlazzjoni tiegħu hija kienet suġġetta matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata, ma huwiex applikabbli għaliha. Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt l-Artikolu 62(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li jimponi li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad, li “jiġi kkunsidrat esklużivament” is-salarju rċevut għall-aħħar impjieg eżerċitat mill-persuna kkonċernata.
16 Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sad-dħul fis-seħħ tar-regola l-ġdida dwar il-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, stabbilita fl-Artikolu 54b(8) tal-KSO, l-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 kien is-suġġett, fil-ġurisprudenza nazzjonali, ta’ interpretazzjoni stabbilita li tgħid li l-kalkolu tal-benefiċċju tal-qgħad għandu jkun ibbażat esklużivament fuq is-salarju jew fuq id-dħul irċevut għall-aħħar attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Madankollu, sa mill-adozzjoni ta’ din ir-regola l-ġdida, ċerti qrati nazzjonali kienu abbandunaw il-ġurisprudenza preċedenti u kienu kkunsidraw li, peress li r-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż biss sabiex jikkoordina l-iskemi ta’ sigurtà soċjali mingħajr ma jistabbilixxi skema ġenerali ta’ sigurtà soċjali, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Konsegwentement, dawn il-qrati issa jikkunsidraw li l-Artikolu 62(1) u (2) ta’ dan ir-regolament ma jeżiġix li l-Istati Membri jiddeterminaw l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad billi jieħdu inkunsiderazzjoni esklużivament is-salarju jew id-dħul irċevut għall-aħħar attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, indipendentement mill-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtha din l-attività kienet twettqet.
17 Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 54b(8) tal-KSO mal-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004.
18 Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 32 sa 37 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit (C‑29/19, EU:C:2020:36), li din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija fid-dawl tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema, timponi, għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, it-teħid inkunsiderazzjoni esklużiv tas-salarju rċevut abbażi tal-aħħar attività bħala persuna impjegata eżerċitata minn ħaddiem li kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed.
19 Min-naħa l-oħra, billi jistabbilixxi regola ta’ kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad li tidderoga minn dik prevista fl-Artikolu 54b(1) tal-KSO, meta parti jew il-perijodu ta’ riferiment kollu jkunu twettqu taħt leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 54b(8) tal-KSO jista’ jkun inkompatibbli mal-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad-Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 62(1) u (2) tar-[Regolament Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-kalkolu talammont tal-benefiċċji tal-qgħad ma jkunx iddeterminat esklużivament abbażi tas-salarju miksub matul l-aħħar perijodu ta’ impjieg f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, applikata mill-awtorità kompetenti, tipprevedi perijodu ta’ referenza speċifiku għad-determinazzjoni tal-bażi tal-kalkolu tal-benefiċċju u f’sitwazzjoni fejn il-perijodu tal-aħħar impjieg ikun iqsar mill-perijodu ta’ referenza speċifiku iżda l-perijodi kollha ta’ impjieg jew parti minnhom ikunu twettqu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor?
2) L-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi regoli differenti għall-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad f’sitwazzjoni fejn il-perijodi ta’ impjieg neċessarji jkunu twettqu kompletament taħt din il-leġiżlazzjoni u f’sitwazzjoni fejn ikunu twettqu kompletament jew parzjalment taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
21 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004.
22 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tistabbilixxi regola ta’ kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ persuna li kienet wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha taħt il-leġiżlazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru.
23 Fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad li għalihom għandha dritt din il-persuna min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti tal-imsemmi Stat Membru, l-Artikolu 62(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji huwa bbażat fuq l-ammont tas-salarju jew tad-dħul professjonali preċedenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni “biss il-paga jew id-dħul professjonali li l-persuna konċernata rċeviet fir-rigward ta’ l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha”, din ir-regola ta’ kalkolu tapplika wkoll fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni applikata tipprevedi perijodu ta’ riferiment.
24 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-persuni f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet li, matul l-aħħar attività tagħhom bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienu jirrisjedu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru kompetenti u li jkomplu jirrisjedu jew jirritornaw fl-istess Stat Membru, fis-sens tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004, kif imsemmi fl-Artikolu 65(5)(a) tiegħu, għandu għalhekk jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 62(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi deroga mir-regoli ta’ kalkolu stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 62.
25 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata taħt leġiżlazzjoni differenti minn dik li permezz tagħha hija tibbenefika mill-benefiċċji tal-qgħad. Fil-fatt, hija eżerċitat l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata fi Spanja, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li ġiet rikonoxxuta d-dritt għal benefiċċji tal-qgħad fil-Bulgarija, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.
26 Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrisjedi b’mod permanenti fil-Bulgarija fejn jinsab iċ-ċentru ta’ interess tagħha. Ebda element li jinsab fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-eżerċizzju tal-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew wara l-waqfien tagħha, ittrasferixxiet ir-residenza tagħha mill-Bulgarija lejn Spanja.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, li, waqt l-eżerċizzju tal-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata fi Spanja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tirrisjedi fil-Bulgarija u kompliet tirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru wara l-waqfien ta’ din l-aħħar attività bħala persuna impjegata, jiġifieri fi Stat Membru differenti minn dak tal-aħħar impjieg tagħha, b’tali mod li r-regola ta’ kalkolu stabbilita fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 883/2004 tista’ tapplika għas-sitwazzjoni tagħha.
28 Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, u tal‑11 ta’ Diċembru 2025, Staatssecretaris Jeugd, Preventie en Sport (Sigaretti elettroniċi), C‑665/24, EU:C:2025:960, punt 37).
29 Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 883/2004.
Fuq l-ewwel domanda
30 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-ewwel u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 65(2) u tal-Artikolu 62(5)(a) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ residenza, li bis-saħħa tagħha l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad dovuti lil persuna li tkun wettqet parti jew it-totalità tal-perijodu ta’ riferiment previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri dak tal-aħħar impjieg, ma huwiex iddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni “esklużivament” is-salarju jew id-dħul professjonali rċevut minn din il-persuna abbażi tal-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha eżerċitata taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.
31 Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha tfittex li tilħaq (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit, 283/81, EU:C:1982:335, punt 20, u tal‑11 ta’ Diċembru 2025, GKV-Spitzenverband, C‑743/23, EU:C:2025:954, punt 41).
32 Fl-ewwel lok, l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza “tikkunsidra l-paga jew id-dħul professjonali li l-persuna konċernata rċeviet fl-Istat Membru li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni tiegħu matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna impjegata għal rasha”.
33 Fit-tieni lok, l-Artikolu 62(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, hekk kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li, għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg għandha tieħu inkunsiderazzjoni “biss il-paga jew id-dħul professjonali li l-persuna konċernata rċeviet fir-rigward ta’ l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha”, fejn din ir-regola ta’ kalkolu tapplika wkoll fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni applikata mill-istituzzjoni kompetenti tipprevedi perijodu ta’ riferiment.
34 Konsegwentement, filwaqt li l-Artikolu 62(1) tal-imsemmi regolament jimponi fuq l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg it-teħid inkunsiderazzjoni esklużiv tas-salarju jew tad-dħul professjonali rċevut mill-persuna kkonċernata abbażi tal-aħħar attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, l-assenza ta’ tali preċiżjoni fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 62 timplika li l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni, mingħajr ma tkun imġiegħla tagħmel dan “esklużivament”, is-salarju jew id-dħul professjonali rċevut minn persuna qiegħda msemmija fl-Artikolu 65(5)(a) tal-istess regolament abbażi tal-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.
35 Fit-tielet lok, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 883/2004, dan josserva l-karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali u huwa intiż li jelabora biss sistema ta’ koordinazzjoni. Dan l-għan ma jeżiġix li l-Artikolu 62(3) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni esklużiv tas-salarju jew tad-dħul professjonali rċevut mill-persuna kkonċernata abbażi tal-aħħar attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha għall-kalkolu tal-benefiċċji mill-Istat Membru ta’ residenza, u dan minkejja l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tal-kuntest li tagħmel parti minnu, kif esposti fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza.
36 Fi kwalunkwe każ, persuna qiegħda msemmija fl-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ma tistax tinvoka, quddiem awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza tagħha, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 62(1) u (2) ta’ dan ir-regolament kif adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Bundesagentur für Arbeit (C‑29/19, EU:C:2020:36), li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. Fil-fatt, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna ħaddiem li kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li kien jirrisjedi fl-Istat Membru li fih huwa kien wettaq l-aħħar attività professjonali tiegħu u li abbażi tal-leġiżlazzjoni tiegħu kien jibbenefika minn benefiċċju tal-qgħad. Tali sitwazzjoni kienet taqa’ taħt ir-regola ta’ kalkolu stabbilita fl-Artikolu 62(1) u (2) tal-imsemmi regolament u hija differenti, konsegwentement, minn dik li tinsab fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
37 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-ewwel u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 65(2) u (5)(a) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ residenza, li abbażi tagħha l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad dovuti lil persuna li tkun wettqet parti jew it-totalità tal-perijodu ta’ riferiment previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri dak tal-aħħar impjieg, ma huwiex iddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni “esklużivament” is-salarju jew id-dħul professjonali rċevut minn din il-persuna abbażi tal-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha eżerċitata taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.
Fuq it-tieni domanda
38 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, regoli differenti skont jekk il-persuni f’sitwazzjoni ta’ qgħad ikunux wettqu l-perijodu ta’ riferiment kollu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ikunux wettqu parti jew it-totalità ta’ dan il-perijodu ta’ riferiment taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra.
39 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 54b(8) tal-KSO jipprovdi, minn naħa, li l-perijodu ta’ riferiment jinkludi kemm il-perijodi ta’ impjieg u ta’ kontribuzzjoni miksuba taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll dawk miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, li, meta dan il-perijodu ta’ riferiment jinkludi perijodi ta’ impjieg u ta’ kontribuzzjoni miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad, għandu jitqies id-dħul irċevut abbażi tal-aħħar impjieg u dak irċevut abbażi tal-leġiżlazzjoni Bulgara u tal-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor matul l-aħħar 24 xahar kalendarju qabel ix-xahar ta’ waqfien tal-assigurazzjoni.
40 Issa, ir-regoli speċifiċi previsti minn dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-persuni li kienu għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u li s-sitwazzjoni tagħhom taqa’ taħt ir-regola ta’ kalkolu stabbilita fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 883/2004, jieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-perijodi ta’ impjieg imwettqa taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll dawk imwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, b’osservanza tal-għan li jirriżulta mill-premessi 1 u 45 ta’ dan ir-regolament, li jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-moviment liberu tal-persuni. Huma għandhom jiżguraw, barra minn hekk, konformement mal-imsemmi Artikolu 62(3), li jittieħed inkunsiderazzjoni s-salarju jew id-dħul professjonali rċevut abbażi tal-aħħar attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha eżerċitata taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra.
41 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, regoli differenti skont jekk il-persuni f’sitwazzjoni ta’ qgħad ikunux wettqu l-perijodu ta’ riferiment kollu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat jew jekk wettqux parti jew it-totalità ta’ dan il-perijodu ta’ riferiment taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L‑Artikolu 62(3) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, moqri flimkien mal-ewwel u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 65(2) u (5)(a) tar-Regolament Nru 882/2004, kif emendat,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ residenza, li abbażi tagħha l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad dovuti lil persuna li tkun wettqet parti jew it-totalità tal-perijodu ta’ riferiment previst mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri dak tal-aħħar impjieg, ma huwiex iddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni “esklużivament” is-salarju jew id-dħul professjonali rċevut minn din il-persuna abbażi tal-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha eżerċitata taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.
2) L-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad, regoli differenti skont jekk il-persuni f’sitwazzjoni ta’ qgħad ikunux wettqu l-perijodu ta’ riferiment kollu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat jew jekk wettqux parti jew it-totalità ta’ dan il-perijodu ta’ riferiment taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.