Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
30 ta’ April 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 10 – Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) – Tneħħija tal-immunità – Membru li l-immunità tiegħu tneħħiet fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fir-rigward ta’ atti li jmorru kontra d-dritt kriminali – Ħatra fil-kuntest ta’ leġiżlatura ġdida – Assenza ta’ neċessità ta’ tneħħija ta’ immunità ġdida għall-istess atti”
Fil-Kawża C‑30/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance francophone de Brussell (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura kriminali kontra
FR,
fil-preżenza ta’:
Auditeur du travail,
ZT,
GQ,
KH,
AN,
FU,
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal FR, minn M. Aboudi u M. Casado García-Hirschfeld, avocats,
– għall-auditeur du travail, minn M. Laurent, assistent tal-auditeur du travail,
– għal ZT, minn N. de Montigny, avocate,
– għal GQ, KH, AN u FU, minn V. Bodson u L. Levi, avocats,
– għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, minn L. Camarena Januzec, K. Gambino u M. Pascua Mateo, bħala aġenti,
– għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, L. Jans u C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Frar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mressqa kontra FR, Membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), minħabba l-allegat twettiq ta’ atti ta’ vjolenza jew ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol fir-rigward ta’ ZT, ta’ GQ, ta’ KH, ta’ AN u ta’ FU.
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat FUE
3 Skont l-Artikolu 300(4) TFUE, “[i]l-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [...] m’għandhom ikunu marbuta b’ebda mandat obbligatorju. Għandhom jaqdu dmirijiethom f’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali ta’ l-Unjoni [Ewropea].”
4 L-Artikolu 343 TFUE jipprovdi:
“L-Unjoni għandha tgawdi fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawk il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skond il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll [...] dwar il-privileġġi u l-immunitajiet [...]. L-istess għandu japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment.”
Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet
5 L-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jipprovdi li:
“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
(a) fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
(b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
[...]”
6 L-Artikolu 10 ta’ dan il-protokoll huwa fformulat kif ġej:
“Rappreżentanti ta’ Stati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fil-qadi tad-doveri tagħhom u waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post tal-laqgħa jgawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji.
Dan l-Artikolu japplika wkoll għal membri ta’ korpi ta’ konsulenza ta’ l-Unjoni.”
L-Istatut tal-Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
7 L-Istatut tal-Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tax-xahar ta’ Jannar 2012, adottat b’mod partikolari abbażi tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ dan il-korp konsultattiv, kien jipprevedi, fl-Artikolu 9 tiegħu, intitolat “Dritt għal protezzjoni u għal immunità fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet”:
“[...]
3. Immunità
3.1. Kull restrizzjoni tal-libertà personali tal-Membri, marbuta direttament jew indirettament ma’ dmirijiethom, tista’ ssir biss bl-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat, ħlief fejn il-Membri jinqabdu jwettqu reat fil-fatt.
[...]
4. Proċeduri dwar l-immunità
4.1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità tal-Membri għandha tiġi kkomunikata lill-Bureau.
[...]
6. Id-dmirijiet tal-istituzzjoni u tal-President tagħha
6.1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu marbuta mal-privileġġi u mal-immunitajiet, il-Kumitat għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala korp konsultattiv demokratiku u għandu jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ aġir li jmur kontra d-dritt kriminali mwettaq minn FR, Membru tal-KESE mill‑1 ta’ Mejju 2004, fir-rigward tal-membri tal-persunal ta’ dan il-korp konsultattiv.
9 Fl‑10 ta’ Jannar 2020, l-OLAF bagħat ir-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu lill-ministère public (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Belġju). Dan ir-rapport jirrigwarda aġir abbużiv u atti ta’ fastidju min-naħa ta’ FR fil-konfront, b’mod partikolari, ta’ GQ, ta’ KN, ta’ AN u ta’ FU.
10 Bħala Membru tal-KESE, FR kien jibbenefika, matul il-perijodu kkonċernat mill-allegazzjonijiet ta’ aġir li jmur kontra d-dritt kriminali, minn immunità bbażata fuq l-Artikolu 343 TFUE u fuq l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.
11 Fl‑4 ta’ Ġunju 2020, wara l-komunikazzjoni tal-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF, l-auditorat du travail (l-Uffiċċju tal-Awditur Industrijali, il-Belġju) talab lill-KESE jneħħi l-immunità ta’ FR.
12 Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, l-Assemblea Plenarja tal-KESE, bil-kunsens ta’ FR, neħħiet l-immunità ta’ dan tal-aħħar. Din id-deċiżjoni tapplika għall-proċedura kollha bbażata fuq l-investigazzjoni tal-OLAF u għall-proċeduri ġudizzjarji li jirriżultaw minnha fir-rigward tar-reati allegatament imwettqa fil-kuntest tal-mandat bejn il-perijodu inkluż bejn Ottubru 2015 u Settembru 2020.
13 Fil‑21 ta’ Settembru 2020, bdiet leġiżlatura ġdida u FR inħatar bħala Membru tal-KESE għal mandat ġdid ta’ ħames snin.
14 Permezz ta’ taħrika nnotifikata lil FR fl‑20 ta’ Marzu 2024, l-Uffiċċju tal-Awditur Industrijali ressaq lil dan tal-aħħar quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, akkużat bit-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza jew ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol fir-rigward ta’ ZT, ta’ GQ, ta’ KN, ta’ AN u ta’ FU. Il-fatti invokati kontrih kienu allegatament twettqu bejn l‑1 ta’ Jannar 2011 u s‑17 ta’ Lulju 2020.
15 FR sostna li huwa għandu mandat ġdid li miegħu hija marbuta wkoll l-immunità prevista fl-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, b’tali mod li l-Uffiċċju tal-Awditur Industrijali kellu, fil-fehma tiegħu, jitlob u jikseb mill-ġdid it-tneħħija tal-immunità tiegħu wara din il-ħatra ġdida.
16 Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-argument ta’ FR jista’ jsib ċertu sostenn fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, li kien neċessarju li tintalab it-tneħħija tal-immunità ta’ persuna eletta fil-Parlament Ewropew sabiex din il-persuna tkun tista’ tinżamm taħt arrest preventiv meta l-bidu tal-arrest preventiv u l-fatti li kienu jiġġustifikawh kienu jippreċedu din l-elezzjoni u, għaldaqstant, il-mandat li kien jagħti l-immunità lill-imsemmija persuna, deċiżjoni li, skont il-qorti tar-rinviju, tista’ tindika li, sabiex tkun tista’ titkompla l-proċedura meta jkun hemm mandat ġdid, huwa meħtieġ li terġa’ tintalab it-tneħħija tal-immunità.
17 Dik il-qorti tirrileva, madankollu, li dik is-sentenza ma kinitx tikkonċerna, bħal f’dan il-każ, rappreżentant ta’ Stat Membru, li għalih japplika l-Artikolu 10 ta’ dan il-protokoll, iżda membru tal-Parlament Ewropew, li għalih japplika l-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Sabiex l-istituzzjonijiet Ewropej u l-membri tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw il-kompiti u l-mandati tagħhom b’indipendenza sħiħa, mingħajr restrizzjoni jew pressjoni żejda, l-Artikolu 10 tal-[Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet] jirrikjedi, qabel kull proċeduri minn qorti kriminali kontra rappreżentant tal-Istati Membri li jipparteċipa fix-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-tneħħija tal-immunità tiegħu. Talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità għandha titressaq quddiem l-istituzzjoni Ewropea kkonċernata meta wara l-ewwel tneħħija tal-immunità u matul l-investigazzjoni, iżda qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji, il-persuna kkonċernata tkun inħatret sabiex isservi mandat ġdid fi ħdan l-istess istituzzjoni Ewropea, fil-qafas ta’ leġiżlatura ġdida?”
Fuq id-domanda preliminari
19 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-KESE jkun neħħa l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu fir-rigward ta’ atti speċifiċi li jmorru kontra d-dritt kriminali, għar-raġuni li tali tneħħija ma kinitx kuntrarja għall-interess tal-Unjoni, huwa neċessarju li tiġi indirizzata lil dan il-korp konsultattiv talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun inħatret għal mandat ġdid fi ħdan l-imsemmi korp konsultattiv, fil-kuntest ta’ leġiżlatura ġdida.
20 Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 343 TFUE, l-Unjoni għandha tgawdi fit-territorji tal-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħha, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.
21 Barra minn hekk, mir-riferiment għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 ta’ dan il-protokoll magħmul fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-Membri ta’ korp konsultattiv tal-Unjoni, bħalma huwa l-KESE, jibbenefikaw, matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u matul il-vjaġġi tagħhom lejn u mill-post tal-laqgħa, mill-privileġġi, mill-immunitajiet u mill-faċilitajiet konswetudinarji.
22 B’dan premess, il-“faċilitajiet konswetudinarji” msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-imsemmi protokoll, li jirreferu għall-immunitajiet previsti mill-Konvenzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961, mogħtija lid-diplomatiċi sabiex jiġi żgurat it-twettiq effettiv tal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari fl-Istat ta’ residenza, jipproteġu lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 43).
23 Issa, mill-Artikolu 300(4) TFUE jirriżulta li l-Membri tal-KESE ma għandhom ikunu marbuta b’ebda mandat obbligatorju u għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.
24 Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Membri tal-KESE, għalhekk, ma jirrappreżentawx lill-Istati Membri u jaġixxu b’indipendenza sħiħa fil-konfront tagħhom.
25 Minn dan isegwi li r-riferiment, magħmul fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, għall-faċilitajiet konswetudinarji, imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, ma jistax ifisser li l-immunità rrikonoxxuta, skont it-tieni paragrafu tal-istess Artikolu 10, għall-Membri tal-KESE hija tal-istess natura bħall-immunità mogħtija, skont l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 10, għar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Unjoni.
26 Fit-tieni lok, mill-għan imfittex mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jirriżulta li l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet, irrikonoxxuti lill-Unjoni minn dan il-protokoll, huma ta’ natura funzjonali peress li huma maħsuba biex jiġi evitat ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, u dan jimplika, b’mod partikolari, li l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet mogħtija lill-Membri tal-KESE huma mogħtija lilhom esklużivament fl-interess tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 57, u tal‑5 ta’ Frar 2026, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament (Tneħħija tal-immunità parlamentari), C‑572/23 P, EU:C:2026:70, punti 75 sa 77).
27 Minn dan isegwi li Membru tal-KESE għandu jibbenefika, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, mill-privileġġi, mill-immunitajiet u mill-faċilitajiet li jkunu neċessarji għat-twettiq tal-kompiti ta’ dan il-korp konsultattiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 46).
28 Barra minn hekk, huwa inerenti għall-immunità mogħtija lill-Membri tal-KESE li, meta l-interess tal-Unjoni ma jeżiġix li tinżamm l-immunità li tibbenefika minnha l-persuna kkonċernata, din l-immunità għandha titneħħa. Fil-fatt, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li għandhom l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni fil-konfront tal-Istati Membri, talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Membru ta’ korp konsultattiv tal-Unjoni għandha tintlaqa’ sakemm ma jkunx stabbilit li l-interess tal-Unjoni jipprekludi din it-tneħħija (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 74).
29 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-immunità funzjonali tal-Membri tal-KESE ma hijiex assoluta u għandha tiġi kkonċiljata mad-drittijiet u mal-interessi pubbliċi l-oħra, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-Istat ta’ dritt u, b’mod iktar speċifiku, mal-ħtieġa li tiġi ggarantita istruttorja kif ukoll sentenza indipendenti u imparzjali tar-reati kriminali u li tiġi evitata impunità tal-persuni suġġetti għal investigazzjonijiet kriminali. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE), C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 103).
30 F’dan il-każ, il-KESE, konformement mal-Artikolu 9 tal-Istatut tal-Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ġie adit minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru b’talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Membru ta’ dan il-korp konsultattiv, fir-rigward ta’ allegati atti li jmorru kontra d-dritt kriminali, u laqa’ din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020.
31 Din id-deċiżjoni, li ma ġietx ikkontestata minn FR, timplika l-KESE kkunsidra li t-tressiq ta’ dan il-membru quddiem qorti kriminali fir-rigward ta’ tali atti ma kienx imur kontra l-interess tal-Unjoni.
32 Issa, la mit-Trattati tal-Unjoni, la mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, u lanqas minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jirriżulta li tali deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità għandha validità limitata ratione temporis jew li titlef is-saħħa tagħha fil-każ li l-Membru tal-KESE li immunità tiegħu tkun tneħħiet jinħatar għal mandat ġdid fi ħdan dan il-korp konsultattiv fil-kuntest ta’ leġiżlatura ġdida. Barra minn hekk, jidher li d-deċiżjoni tat-tneħħija tal-immunità inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma hija, hija stess, limitata ratione temporis.
33 Kif isostnu, essenzjalment, il-KESE u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, meta l-KESE jkun ta l-kunsens tiegħu għat-tneħħija tal-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu u jkun ikkonstata li t-tressiq ta’ dan il-membru quddiem qorti kriminali ma kienx imur kontra l-interess tal-Unjoni, din il-konstatazzjoni ma tistax tinbidel mis-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata tkun inħatret għal mandat ġdid li għandu jiġi eżerċitat fi ħdan il-KESE, fil-kuntest ta’ leġiżlatura ġdida, peress li l-interess li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma huwiex marbut, bħala tali, ma’ dan il-fatt.
34 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tittieħed mill-KESE bħala korp tal-Unjoni, u mhux mill-persuni li jkunu jikkostitwixxuh f’mument partikolari, u, min-naħa l-oħra, li din id-deċiżjoni, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tittieħed billi jittieħed inkunsiderazzjoni esklużivament l-interess tal-Unjoni, u mhux l-interess personali tal-Membri tal-KESE.
35 Barra minn hekk, deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità, li l-validità tagħha ma hijiex marbuta mat-tul tal-mandat tal-Membru kkonċernat, hija ta’ natura li tikkontribwixxi għall-effettività tal-proċeduri kriminali fl-Istati Membri li tista’, hija stess, taqa’ direttament taħt l-interessi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 74).
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-KESE jkun kompost b’mod ġdid ma jimplikax li deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità diġà meħuda minnu għandha tiġi eżaminata mill-ġdid għas-sempliċi raġuni li l-mandat ta’ wieħed mill-Membri tiegħu ġie mġedded jew li l-kompożizzjoni tal-KESE nbidlet.
37 Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux, f’dan il-kuntest, jiddaħħlu inkwistjoni mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115).
38 Fil-fatt, dik is-sentenza kienet tikkonċerna esklużivament il-kwistjoni jekk persuna mqiegħda taħt arrest preventiv fil-mument meta ġew ipproklamati r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kinitx tibbenefika mill-immunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet mill-mument ta’ din il-proklamazzjoni, li, li kieku kien il-każ, kien jimplika t-tneħħija tal-miżura ta’ arrest, u mhux it-tneħħija tal-immunità parlamentari.
39 Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan il-protokoll, dwar it-tneħħija tal-immunità ta’ Membru ta’ korp konsultattiv, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ istruttorja kriminali fir-rigward ta’ atti li fir-rigward tagħhom diġà kienet tneħħiet l-immunità filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedura ta’ istruttorja setgħet twassal għal sanzjonijiet kriminali, mingħajr ma hija inkwistjoni l-eventwali impożizzjoni ta’ miżura koerċittiva ġdida jew distinta minn dik li kienet inkwistjoni matul il-mandat preċedenti.
40 Barra minn hekk, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 71 sa 73 tal-konklużjonijiet tagħha, minħabba differenzi strutturali u funzjonali bejn il-KESE u l-Parlament Ewropew, ir-regoli dwar l-immunità applikabbli għall-Membri tal-KESE ma jistgħux jiġu analizzati b’analoġija ma’ dawk previsti fl-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għall-Membri tal-Parlament Ewropew, kif interpretat fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115).
41 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni li titneħħa l-immunità ta’ FR ġiet adottata fid-dawl tal-fatti trażmessi lill-KESE mill-Uffiċċju tal-Awditur Industrijali fit-talba tiegħu għat-tneħħija tal-immunità. Għaldaqstant, huwa fir-rigward tal-proċeduri kriminali previsti minħabba dawn il-fatti biss li l-KESE qies li t-tressiq ta’ FR quddiem qorti kriminali ma kienx imur kontra l-interess tal-Unjoni u li għalhekk kellha titneħħa l-immunità tiegħu. Min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ma tistax tiġġustifika li dan il-membru tal-KESE jitressaq quddiem qorti kriminali għal fatti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu li jkunu differenti minn dawk li kienu msemmija fit-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
42 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, moqri flimkien mal-Artikolu 343 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-KESE jkun neħħa l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu fir-rigward ta’ atti speċifiċi li jmorru kontra d-dritt kriminali, għar-raġuni li tali tneħħija ma kinitx kuntrarja għall-interess tal-Unjoni, ma huwiex neċessarju li tiġi indirizzata lil dan il-korp konsultattiv talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun inħatret għal mandat ġdid fi ħdan l-imsemmi korp konsultattiv, fil-kuntest ta’ leġiżlatura ġdida, kemm-il darba s-suġġett tal-proċedura kriminali ma jkunx ġie estiż fil-frattemp. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-suġġett tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali huwiex effettivament kopert mid-deċiżjoni tal-KESE dwar it-tneħħija tal-immunità.
Fuq l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 10 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 343 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun neħħa l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu fir-rigward ta’ atti speċifiċi li jmorru kontra d-dritt kriminali, għar-raġuni li tali tneħħija ma kinitx kuntrarja għall-interess tal-Unjoni Ewropea, ma huwiex neċessarju li tiġi indirizzata lil dan il-korp konsultattiv talba ġdida għat-tneħħija tal-immunità fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun inħatret għal mandat ġdid fi ħdan l-imsemmi korp konsultattiv, fil-kuntest ta’ leġiżlatura ġdida, kemm-il darba s-suġġett tal-proċedura kriminali ma jkunx ġie estiż fil-frattemp. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-suġġett tal-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali huwiex effettivament kopert mid-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tneħħija tal-immunità.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.