Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fil‑15 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑568/25
Verein für Konsumenteninformation
vs
Universal Versand GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Bejgħ mill-bogħod lill-konsumaturi – Ħlas bin-nifs jew differit (‘ħlas inċert’) – Evalwazzjoni tal-probabbiltà tan-nuqqas ta’ ħlas – Tfassil tal-profili – Proċess deċiżjonali awtomatizzat – Intervent uman”
Introduzzjoni
1. Dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri bejn il-Verein für Konsumenteninformation, assoċjazzjoni Awstrijaka li tmexxi azzjonijiet rappreżentattivi (iktar ’il quddiem il-“Verein”), u Universal Versand GmbH, impriża ta’ bejgħ b’korrispondenza. B’mod konkret, it-tilwima tirrigwarda prattika kummerċjali ta’ Universal Versand li tikkonsisti f’li tiġi rrifjutata lill-klijenti l-possibbiltà li jagħżlu ċerti modi ta’ ħlas imsejħa “inċerti”, jiġifieri l-ħlasijiet “bin-nifs” u “differiti”, abbażi ta’ evalwazzjoni esklużivament awtomatizzata tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ dawn il-klijenti.
2. Fl-era tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà, din il-kawża tirrigwarda b’mod iktar ġenerali l-problemi li tqajjem iż-żieda fl-awtomatizzazzjoni tad-deċiżjonijiet fis-suq uniku. Il-perikoli ta’ tali awtomatizzazzjoni ilhom magħrufa; pereżempju, Stanley Kubrick kien għażel l-allegorija tal-magna tal-apokalissi biex jikkundannahom (Dr. Strangelove, 1964), u dan kien l-approċċ iktar pragmatiku li ggwida l-pinna tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea meta dan indirizza dan is-suġġett fundamentali. Għaldaqstant, fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, il-GDPR għandu l-għan li jipproteġi lis-suġġetti tad-data kontra r-riskji inerenti fl-ipproċessar esklużivament awtomatizzat, li huma b’mod partikolari marbutin man-nuqqas eventwali ta’ affidabbiltà tad-data involuta u mal-opaċità ta’ dan l-ipproċessar. Dawn ir-riskji jistgħu b’mod partikolari jimmanifestaw ruħhom f’diskriminazzjoni jew f’deċiżjonijiet li xi kultant ikun diffiċli biex wieħed jifhimhom u jikkontestahom (2).
3. F’dan il-każ, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali, li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom japplika d-dritt previst fl-Artikolu 22(1) tal-GDPR li wieħed ma jkunx is-suġġett ta’ xi deċiżjoni individwali bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat, kif ukoll il-portata ta’ din il-protezzjoni fid-dawl ta’ waħda mid-derogi għal dan id-dritt, prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri dik ibbażata fuq il-ħtieġa tad-deċiżjoni għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
4. Il-premessa 71 tal-GDPR tipprovdi:
“Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni, li tista’ tinkludi miżura, li tevalwa aspetti personali relatati miegħu li hija bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat u li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li taffettwah b’mod ugwalment sinifikanti, bħal rifjut awtomatiku ta’ applikazzjoni għal kreditu online [...] mingħajr l-ebda intervent tal-bniedem. Tali pproċessar jinkludi ‘tfassil ta’ profili’ li jikkonsisti fi kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li tevalwa l-aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassrin aspetti li jikkonċernaw [...], is-sitwazzjoni ekonomika, [...] l-affidabbiltà jew l-imġiba, [...] fejn dan jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew jaffettwah b’mod ugwalment sinifikanti. Madankollu, it-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq tali pproċessar, inkluż it-tfassil ta’ profili, għandu jkun permess fejn dan ikun [...] meħtieġ biex wieħed jidħol f’kuntratt jew jeżegwixxi kuntratt bejn is-suġġett tad-data u kontrollur, jew meta s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu tiegħu. Fi kwalunkwe każ, dan l-ipproċessar għandu jkun soġġett għal salvagwardji adatti, li għandhom jinkludu informazzjoni speċifika dwar is-suġġett tad-data u d-dritt li dan jikseb intervent uman, id-dritt li jesprimi l-fehma tiegħu, id-dritt li jikseb spjegazzjoni tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet wara tali valutazzjoni u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjoni [...]”
5. L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[...]
(4) ‘tfassil tal-profil’ tfisser kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward […] is-sitwazzjoni ekonomika, […] l-affidabbiltà, l-imġiba […] ta’ dik il-persuna fiżika;
[...]”
6. L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi li:
“1. Id-data personali għandha:
(a) tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);
[…]
(c) tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);
[…]
2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’)”.
7. L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
[…]
(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;
[…]”
8. L-Artikolu 22 tal-GDPR, intitolat “Teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati, inkluż tfassil ta’ profili”, jipprovdi:
“1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwa lilu b’mod sinifikanti.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk id-deċiżjoni:
(a) tkun meħtieġa biex wieħed jidħol f'kuntratt, jew iwettaq kuntratt, bejn is-suġġett tad-data u kontrollur tad-data;
[…]
(c) tkun ibbażata fuq il-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data.
3. F’każijiet imsemmija fil-punt (a) u (c) tal-paragrafu 2, il-kontrollur tad-data għandu jimplimenta miżuri adatti biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, mill-inqas id-dritt li jikseb intervent uman min-naħa tal-kontrollur, li jesprimi l-fehma tiegħu u li jikkontesta d-deċiżjoni.
[...]”
Id-dritt Awstrijak
9. L-Artikolu 28a tal-Konsumentenschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi), tat‑30 ta’ Marzu 1979 (BGBl., 140/1979), fil-verżjoni tagħha applikabbli (BGBl. I, 50/2017), jipprevedi:
“Kull min, f’relazzjonijiet kummerċjali mal-konsumaturi, fil-kuntest [...] ta’ relazzjonijiet ta’ kreditu għall-konsum [...] jieħu azzjoni kuntrarja għal xi obbligu jew projbizzjoni legali [...] u b’hekk jagħmel ħsara lill-interessi ġenerali tal-konsumaturi, jista’ jkun suġġett għal azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni […]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10. Universal Versand teżerċita l-attività tagħha ta’ bejgħ b’korrispondenza fis-suq Awstrijak, fejn tirċievi għexieren ta’ eluf ta’ ordnijiet fix-xahar, li madwar 90 % minnhom huma s-suġġett ta’ ħlas “inċert”. Qabel ma tippermetti lil klijent juża dan il-metodu ta’ ħlas, Universal Versand twettaq verifika tas-solvenza tiegħu bl-użu ta’ proċess awtomatizzat. Għaldaqstant, dan il-metodu ta’ ħlas jista’ jiġi rrifjutat abbażi ta’ proċess ta’ klassifikazzjoni intern dwar il-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas u, għal klijenti ġodda, tintbagħat talba għal verifika tas-solvenza tagħhom lil impriża terza. Jekk din l-impriża ma tkunx familjari mal-klijent inkwistjoni, l-użu ta’ ħlas inċert jiġi rrifjutat. Jekk dan il-klijent ikun magħruf mill-imsemmija impriża, tliet xenarji huma possibbli, kull wieħed indikat b’kulur differenti. Jekk il-kulur ikun aħmar, il-ħlas “inċert” jiġi rrifjutat awtomatikament u, jekk il-kulur ikun isfar, ikun hemm impjegat ta’ Universal Versand li jwettaq verifika fuq database. Fil-każ ta’ rifjut awtomatiku, il-klijent jista’ jitlob li ssir reviżjoni manwali tad-deċiżjoni awtomatizzata jew jikkontesta dik id-deċiżjoni.
11. Il-kawża prinċipali għandha bħala suġġett azzjoni kollettiva mressqa mill-Verein, li tqis li l-prattika deskritta fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet tikser l-Artikolu 22 tal-GDPR b’mod sistematiku. Min-naħa l-oħra, Universal Versand issostni li l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament ma japplikax peress li d-deċiżjoni li l-klijenti kkonċernati ma jitħallewx jużaw metodu ta’ ħlas inċert ma tipproduċix effetti legali li jikkonċernawhom u lanqas ma taffettwahom bl-istess mod b’mod sinjifikattiv. Fi kwalunkwe każ, tali deċiżjoni hija meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, skont l-Artikolu 22(2)(a) tal-imsemmi regolament.
12. Il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija) ċaħdet ir-rikors tal-Verein. L-appell ippreżentat minn din tal-aħħar ġie wkoll miċħud mill-Oberlandesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz, l-Awstrija). Adita b’appell għal reviżjoni ppreżentat mill-Verein, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tal-istess regolament.
13. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 22(1) tal-GDPR u, b’mod iktar speċifiku, dwar l-interpretazzjoni tat-tielet kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, li tirrigwarda l-produzzjoni ta’ effetti legali jew li bl-istess mod deċiżjoni bbażata fuq ipproċessar awtomatizzat taffettwa b’mod sinjifikattiv lis-suġġett tad-data. Hija tosserva li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jista’ jiġi kkunsidrat li deċiżjoni bħal din ma taffettwax l-istatus legali tal-klijent inkwistjoni u ma tiddeterminax l-istabbiliment ta’ relazzjoni legali ma’ dan il-klijent. Madankollu, jista’ jiġi argumentat ukoll, minn naħa, li l-istess deċiżjoni tiddetermina jekk, u kif, kuntratt jista’ jiġi konkluż jew emendat u, min-naħa l-oħra, li l-għażla ta’ ċerti metodi ta’ ħlas tista’ taffettwa l-interessi ekonomiċi jew personali ta’ dan il-klijent fis-sens tas-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring).
14. Fit-tieni lok, fil-każ li l-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament ikun applikabbli, il-qorti tar-rinviju tosserva li mbagħad ikun neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu tistax tiġi implimentata. Hija tistaqsi jekk id-determinazzjoni dwar kemm huma meħtieġa deċiżjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiddependi fuq l-eżistenza eventwali ta’ rabta oġġettiva bejn l-evalwazzjoni awtomatizzata tal-solvenza tal-klijent ikkonċernat u s-suġġett speċifiku tal-kuntratt ta’ bejgħ.
15. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(2)(a) tal-imsemmi regolament ma huwiex ċar u tistaqsi jekk għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni tiddependi fuq l-adozzjoni ta’ “deċiżjoni awtomatizzata”, jew sempliċement fuq deċiżjoni, sabiex tiġġustifika l-fatt li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma japplikax.
16. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 22(1) ta[l-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod [bejgħ b’korrispondenza] li tirrifjuta bħala metodu ta’ ħlas il-‘ħlas bin-nifs’ jew il-‘ħlas differit’ mitlub mill-klijent meta jwettaq l-ordni, iżda li tinforma lill-klijent li hija lesta tidħol f’relazzjoni kummerċjali jekk jintuża l-metodu ta’ ħlas b’‘karta ta’ kreditu’ jew bil-‘PayPal’, tipproduċi ‘effetti legali’ li jikkonċernaw lill-klijent jew ‘li bl-istess mod [jaffettwawh] [...] b’mod sinifikanti’ meta din id-deċiżjoni tkun ibbażata esklużivament fuq evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-klijent, liema evalwazzjoni tirriżulta jew mill-fatt li r-risposta għal talba awtomatika indirizzata lil aġenzija ta’ kreditu tiżvela li ma għandhiex għarfien tal-klijent, jew inkella, fil-każ ta’ klijent li jkun magħruf, mill-fatt li l-klassifikazzjoni tal-kreditu interna tiżvela li l-klijent ma għandux sodezza kreditizja [solvenza suffiċjenti], sa fejn din id-deċiżjoni ma timplikax iċ-ċaħda tal-ordni bħala tali, iżda tillimita lill-klijent għall-metodi ta’ ħlas imposti mill-kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod?
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:
2) [a)] L-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni ta’ kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod ibbażata fuq evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-klijent potenzjali, kif deskritta fl-ewwel domanda, hijiex ‘meħtieġa’ għall-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-klijent u l-kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod, għandu jkun hemm rabta diretta u oġġettiva bejn l-għan tal-kuntratt li għandu jiġi konkluż mal-klijent u l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas minn dan il-klijent?
[b)] Sabiex tiġi kkonstatata l-ħtieġa skont l-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR, il-kategoriji ta’ data miġbura għandhom ikunu oġġettivament xierqa, fihom infushom jew ikkombinati flimkien, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas?
Il-kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod jew il-klijent għandhom jiddikjaraw u jipproduċu prova dwar liema kategoriji ta’ data jkunu nġabru konkretament għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas u dwar il-fatt li dawn il-kategoriji ta’ data huma oġġettivament xierqa, fihom infushom jew ikkombinati flimkien, sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas?
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:
3) L-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa preċiżament it-teħid deċiżjonali awtomatizzat tal-kontrollur li huwa meħtieġ għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt?
Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv :
[a)] L-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni ta’ kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod, kif deskritta fl-ewwel domanda, hijiex meħtieġa għall-konklużjoni tal-kuntratt, għandu jiġi ddeterminat jekk it-teħid deċiżjonali awtomatizzat dwar l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tal-metodu ta’ ħlas mitlub jistax jitwettaq, bi sforz raġonevoli, anki mill-bniedem? X’sinjifikat għandhom, f’dan ir-rigward, in-numru ta’ ordnijiet irċevuti mill-kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod u l-aspettattiva tipika tal-klijenti fil-kuntest tal-proċess tal-ordnijiet online li jiġu informati immedjatament dwar jekk il-metodu ta’ ħlas li huma jixtiequ huwiex aċċettat mill-kumpannija ta’ bejgħ mill-bogħod?”
Evalwazzjoni
17. L-Artikolu 22 tal-GDPR jistabbilixxi, bħala prinċipju, projbizzjoni, stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li tgħid li suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx suġġett għal deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat u li tipproduċi effetti legali li jikkonċernawh jew li bl-istess mod jaffettwawh b’mod sinjifikattiv. Din il-projbizzjoni hija suġġetta għal xi eċċezzjonijiet, previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li japplikaw fil-limiti previsti fil-paragrafi 3 u 4 tal-istess artikolu. Filwaqt li l-għanijiet prinċipali mfittxija mill-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament huma faċli biex jinftiehmu, il-modalitajiet għall-implimentazzjoni konkreta tiegħu, min-naħa l-oħra, huma inqas ċari minħabba l-ambigwità ta’ ċerti kunċetti li jirreferu għalihom (3).
18. Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw kemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament (l-ewwel domanda), kif ukoll waħda mid-derogi minn din il-projbizzjoni, jiġifieri dik li tirrigwarda l-ħtieġa li jiġi konkluż jew jiġi eżegwit kuntratt ta’ deċiżjoni, kif previst fl-Artikolu 22(2)(a) tal-istess regolament (it-tieni u t-tielet domanda).
Fuq l-applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 22(1) tal-GDPR (l-ewwel domanda)
19. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ bejgħ b’korrispondenza, id-deċiżjoni li klijent jiġi eskluż milli jagħżel ċerti modi ta’ ħlas, ibbażata b’mod esklużiv fuq evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà li dan il-klijent jonqos milli jħallas, tipproduċi effetti legali fuq dan il-klijent jew, għall-inqas, taffettwah bl-istess mod b’mod sinjifikattiv.
20. Kif diġà indikajt fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) tal-GDPR jirriżulta li s-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili, li tipproduċi effetti legali li jikkonċernawh jew li bl-istess mod jaffettwawh b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex jiġġustifikaw l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. L-ewwel, is-suġġett tad-data għandu jkun is-suġġett ta’ “deċiżjoni”. It-tieni, din id-deċiżjoni għandha tkun “[i]bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili”, u, it-tielet, din id-deċiżjoni għandha tipproduċi “effetti legali li jikkonċernaw [lill-persuna interessata]” jew li “bl-istess mod jaffettwa lilu b’mod sinifikanti”.
21. Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, u għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi li fihom deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jkollha effetti legali fuq is-suġġett tad-data jew li taffettwah bl-istess mod b’mod sinjifikattiv. Fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, nikkunsidra li dan il-kunċett huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Unjoni, konformement mat-tifsira abitwali tat-terminu inkwistjoni fil-lingwaġġ kurrenti u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħol l-imsemmi kunċett kif ukoll l-għanijiet li l-imsemmija dispożizzjoni għandha l-intenzjoni li tilħaq (4).
22. Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-tifsira abitwali tat-terminu użat, nosserva li t-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 22(1) tal-GDPR tirreferi għal żewġ sitwazzjonijiet distinti, iddifferenzjati bil-konġunzjoni “jew”. Għaldaqstant hemm riferiment għad-deċiżjonijiet li jistgħu jipproduċu “effetti legali” fuq persuna jew, alternattivament, li jaffettwaw lil din il-persuna “bl-istess mod b’mod sinifikanti”. Huwa biżżejjed li tiġi stabbilita xi waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet biex tapplika l-projbizzjoni prevista.
23. Fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni, jiġifieri dik fejn deċiżjoni tipproduċi “effetti legali”, nikkunsidra li dak li huwa rilevanti hija l-kapaċità ta’ dik id-deċiżjoni li timmodifika d-drittijiet jew l-obbligi ta’ persuna, fis-sustanza tagħhom jew fl-eżerċizzju tagħhom.
24. Għal dak li jirrigwarda t-tieni sitwazzjoni, l-ewwel nett dak li huwa importanti huwa l-impatt fuq is-suġġett tad-data, li jimplika effett konkret, u mhux sempliċement astratt, tad-deċiżjoni inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna. Imbagħad, trid tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura “sinifikanti” ta’ dawn l-effetti, lil hinn mill-isfera legali. Filwaqt li t-tifsira ta’ dan it-terminu hija ambigwa bil-lingwa Franċiża, min-naħa l-oħra, hija ċara f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-GDPR, pereżempju, bil-lingwa Ingliża (“significantly”), bil-lingwa Spanjola (“significativamente”), jew bil-lingwa Latvjana (“ievērojami”), fejn tirreferi għall-importanza tal-kunċett li tikkwalifika (5). Għalhekk, l-effetti tad-deċiżjoni inkwistjoni jridu jilħqu ċertu limitu biex jattivaw il-protezzjoni offruta mill-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, li jeskludi impatt sempliċement inċidentali jew marġinali. Fl-aħħar nett, minbarra dan l-aspett kwantitattiv, il-formulazzjoni adottata tippreċiża li s-suġġett tad-data għandu jkun affettwat “bl-istess mod”, u b’hekk tintroduċi element ta’ paragunabbiltà mal-kriterju tal-“effetti legali” rigward il-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni fuq is-sitwazzjoni tas-suġġett tad-data. Għaldaqstant, l-impatt ta’ dik id-deċiżjoni jrid ikun tal-inqas analogu għal dak li jirriżulta mill-modifika jew mit-tneħħija ta’ dritt jew ta’ obbligu (6).
25. It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-kuntest, il-premessa 71 tal-imsemmi regolament tipprovdi eżempji konkreti ta’ sitwazzjonijiet li fihom deċiżjoni għandha titqies li għandha effetti legali fuq persuna jew li taffettwaha b’mod sinjifikattiv, mingħajr minn daqshekk ma ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ effetti. Iż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija huma ċ-ċaħda awtomatika ta’ applikazzjoni għal kreditu online u l-prattiki ta’ reklutaġġ online mingħajr ebda intervent uman.
26. Għal dak li jirrigwarda, it-tielet u l-aħħar nett, l-iskopijiet imfittxija, l-għan tal-istess regolament huwa, b’mod partikolari, li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 16 TFUE u ggarantit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (7). Dawn l-elementi huma msemmija fil-premessa 1 tal-GDPR.
27. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk iċ-ċirkustanzi bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, ir-rifjut li klijent jitħalla juża ċerti mezzi ta’ ħlas wara verifika awtomatizzata tas-solvenza tiegħu, jistgħux ibiddlu direttament id-drittijiet jew l-obbligi ta’ dan il-klijent jew li jkollhom impatt konkret u sinjifikattiv biżżejjed fuq is-sitwazzjoni tiegħu biex tali impatt jammonta għal tali bidla. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat fis-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring) li individwu jitqies li huwa affettwat, għall-inqas, b’mod sinjifikattiv li huwa simili għall-effetti legali, meta l-kalkolu awtomatizzat ta’ valur ta’ probabbiltà bbażat fuq l-analiżi tad-data personali tiegħu jwassal, kważi sistematikament, biex bank jirrifjuta li jagħtih self (8).
28. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi mistoqsi jekk, f’dan il-każ partikolari, ir-rifjut li jingħataw ċerti mezzi ta’ ħlas lil konsumatur jipproduċix effetti fuq dan il-konsumatur simili jew paragunabbli għal dawk prodotti mir-rifjut li jingħata self. Issa, filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-effetti konkreti ta’ tali rifjut fil-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwima pendenti quddiemha, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha neċessarji sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni (9).
29. Konsegwentement tqum il-kwistjoni, b’mod partikolari, dwar jekk iċ-ċirkustanzi legali ta’ din il-kawża humiex simili għal dawk li wasslu għas-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring), li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tat-tagħlim li jista’ jinsilet minn dik is-sentenza għal kuntratti bħal dawk li huma s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, fi ħdan l-Unjoni, id-Direttiva 2008/48/KE (10) tittratta speċifikament il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi. Madankollu, skont l-Artikolu 2(2)(f) (11) tagħha, u fid-dawl tal-provi fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva tista’ teskludi kuntratti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’hekk tipprekludi li ssir analoġija diretta bejn il-kuntratti inkwistjoni u l-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur paragunabbli għal dawk diskussi fis-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring).
30. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-Direttiva (UE) 2023/2225 (12), li ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali (13), tispeċifika fil-premessa 15 tagħha li, skont id-Direttiva 2008/48, ċertu numru ta’ Stati Membri għażlu li japplikaw din tal-aħħar għal oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sabiex jgħollu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Awstrija kellha d-dritt, matul il-perijodu rilevanti, li tikkunsidra li kuntratti bħal dawk li huma s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u kienu simili għal kuntratti ta’ kreditu bħal dawk inkwistjoni fis-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring). Fi kwalunkwe każ, xejn ma żamm lir-Repubblika tal-Awstrija milli tiddefinixxi kuntratti li jinvolvu ħlasijiet inċerti bħala kuntratti ta’ kreditu. It-tagħlim tas-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring) huwa għalhekk applikabbli mutatis mutandis.
31. Anki jekk dan ma jkunx il-każ, l-impossibbiltà li jintużaw ċerti mezzi ta’ ħlas, minħabba deċiżjoni bbażata fuq evalwazzjoni kompletament awtomatizzata tas-solvenza ta’ klijenti potenzjali, tista’ ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jikkonkludu kuntratt ta’ bejgħ jekk ma jkunux jistgħu jħallsu l-prezz tal-bejgħ mal-konklużjoni tal-kuntratt bl-użu tal-mezzi ta’ ħlas li fil-fatt ikunu imposti fuqhom. F’xenarju bħal dan, dawn il-klijenti mbagħad isibu ruħhom f’sitwazzjoni simili għal dawk fil-kawża li wasslet għas-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring), peress li hija simili għar-rifjut ta’ talba għal self u għandha bħala konsegwenza potenzjali l-impossibbiltà li jiġi konkluż kuntratt.
32. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ bejgħ b’korrispondenza, id-deċiżjoni li klijent jiġi eskluż milli jagħżel ċerti modi ta’ ħlas, ibbażata b’mod esklużiv fuq evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà li dan il-klijent jonqos milli jħallas, tipproduċi effetti legali fuq dan il-klijent jew, għall-inqas, taffettwah bl-istess mod b’mod sinjifikattiv jekk hija tista’ tipprevjeni l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ inkwistjoni.
Fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR (it-tieni u t-tielet domanda)
33. It-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li taħthom huwa possibbli li tiġi adottata deċiżjoni individwali bbażata b’mod esklużiv fuq ipproċessar awtomatizzat, skont id-deroga prevista fl-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR, li tirrigwarda n-natura meħtieġa tal-ipproċessar għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. B’mod iktar speċifiku, it-tieni domanda tikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura “meħtieġa” ta’ tali deċiżjoni, u t-tielet domanda hija intiża li tistabbilixxi jekk din in-natura “meħtieġa” għandhiex tiġi ddeterminata fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħala tali, jew biss fir-rigward ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali.
34. B’mod preliminari, huwa utli li jitfakkar, fl-ewwel lok, il-kuntest li fih saru dawn id-domandi. Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan ġenerali tal-protezzjoni tad-data personali tal-individwi mfittex mill-imsemmi regolament, li diġà fakkart fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-possibbiltà li tirriżulta mill-Artikolu 22(2) tal-istess regolament li potenzjalment tiġi adottata tali deċiżjoni tikkostitwixxi, fis-sustanza, deroga minn din il-projbizzjoni u, bħal kull deroga, trid tiġi għalhekk interpretata b’mod strett (14).
35. Fit-tieni lok, Universal Versand targumenta li, f’dan il-każ, l-użu ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati jibbenefika primarjament lill-konsumaturi, li b’hekk jistgħu jirċievu tweġiba kważi immedjata dwar il-modi ta’ ħlas disponibbli għalihom, li jistgħu eventwalment jinkludu mezzi ta’ ħlas inċerti. Madankollu, filwaqt li nifhem il-vantaġġ li joħroġ minn deċiżjoni pożittiva, dan huwa inqas ċar meta d-deċiżjoni tkun negattiva. Għaldaqstant, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni tar-rikonċiljazzjoni bejn l-interessi kummerċjali tal-impriżi, u anki ta’ ċerti konsumaturi, u l-protezzjoni tad-data personali.
Fuq it-tieni domanda
36. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta kumpannija tal-bejgħ b’korrispondenza tikkonkludi kuntratt ma’ klijent, huwa meħtieġ, minn naħa, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn is-suġġett ta’ dan il-kuntratt u l-evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-klijent sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li tali evalwazzjoni awtomatizzata hija neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt u, min-naħa l-oħra, li d-data miġbura għandha tkun kemm oġġettivament xierqa għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni kif ukoll tippreċiża x’kienet din id-data u għaliex inġabret. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-oneru tal-prova jaqax fuq il-kumpannija tal-bejgħ b’korrispondenza jew fuq il-klijent.
– Fuq in-natura li l-ipproċessar awtomatizzat tad-data jkun “meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt”
37. L-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR jistabbilixxi waħda mid-derogi għall-applikazzjoni l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li minnha tista’ toħroġ il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni individwali bbażata esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali. Hija l-ħtieġa li tiġi adottata d-deċiżjoni għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li tiġġustifika din l-esklużjoni, u l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-evalwazzjoni ta’ tali ħtieġa tiddependix fuq l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn din id-deċiżjoni u s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.
38. Il-kunċett tan-“natura meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt” ta’ deċiżjoni awtomatizzata ma jsir ebda riferiment għalih fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri biex jiġi ddefinit f’dan ir-regolament. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ, minn naħa, li dan il-kunċett jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tiġi ddeterminata t-tifsira tiegħu billi jiġi applikat l-istess metodu.
39. L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna s-sens normali tal-imsemmi kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-aġġettiv “meħtieġ”, jirreferi għal dak li huwa meħtieġ jew indispensabbli sabiex jintlaħaq għan partikolari (15).
40. It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-kuntest, taħt it-titolu “Prinċipji”, il-Kapitolu II tal-GDPR jipprevedi obbligi li magħhom iridu jikkonformaw ir-riċevituri kollha ta’ dan ir-regolament. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikolu 6, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, li l-paragrafu 1(b) tiegħu, jipprovdi li l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali jekk ikun “meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sabiex din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, l-ipproċessar tad-data inkwistjoni għandu jkun oġġettivament indispensabbli sabiex jitwettaq skop li jagħmel parti integrali mill-provvista kuntrattwali intiża għas-suġġett tad-data, ħaġa li timplika li l-kontrollur ikun f’pożizzjoni li juri kif l-għan prinċipali tal-kuntratt ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza tal-ipproċessar inkwistjoni. Hija ppreċiżat li l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun essenzjali sabiex jippermetti l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt u, għaldaqstant, li ma jeżistux soluzzjonijiet oħra prattiċi u inqas intrużivi (16).
41. Għaldaqstant, it-test legali applikabbli biex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar tad-data huwiex meħtieġ biex wieħed jikkonkludi jew jeżegwixxi kuntratt jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk dan l-ipproċessar tad-data huwiex indispensabbli biex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-provvista kuntrattwali, fis-sens li l-obbligi stipulati ma jistgħux jiġu eżegwiti mingħajru. Dan jimplika li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda soluzzjonijiet oħra prattiċi u inqas intrużivi għall-protezzjoni tad-data li jistgħu jiksbu dan l-għan.
42. Nikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma trasponibbli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR, peress li l-formulazzjoni tiegħu, kważi identika għal dik tal-Artikolu 6(1)(b) ta’ dan ir-regolament, tiġġustifika li l-kunċett ta’ “ħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt”, li jissemma f’kull wieħed minnhom, jiġi interpretat bl-istess mod. Fil-fatt, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’dan is-sens fl-imsemmi regolament, ikun kuntrarju għall-iskop ta’ dan tal-aħħar li jiġu interpretati b’mod differenti l-kunċetti li jinsabu espressi fih b’formulazzjoni identika (17). Il-loġika tal-istess regolament tkompli ssaħħaħ din l-interpretazzjoni, peress li l-kriterju tal-“ħtieġa għat-twettiq ta’ kuntratt” ma jistax jiġi evalwat skont limitu ta’ rekwiżit differenti skont jekk huwiex intiż li jiġġustifika jew il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali (l-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR) jew dik tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali awtomatizzata (l-Artikolu 22(2)(a) ta’ dan ir-regolament), anki jekk il-problema li toħloq tali adozzjoni fir-rigward tal-imsemmi regolament tinsab preċiżament fil-fatt li hija bbażata esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali (18).
43. It-tielet nett, l-iskopijiet imfittxija mill-istess regolament, diġà mfakkra fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jikkorroboraw l-imsemmija interpretazzjoni li tagħmilha possibbli li tiġi fformulata b’mod strett possibbiltà ta’ deroga mill-projbizzjoni li tiġi adottata deċiżjoni individwali awtomatizzata prevista fl-Artikolu 22(1) tal-GDPR.
44. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 38 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali bbażata esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tista’ tiġi ġġustifikata biss skont l-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR jekk tissodisfa test legali simili għal dak deskritt fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Issa, l-ewwel stadju ta’ dan it-test huwa li jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hijiex oġġettivament indispensabbli biex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-kuntratt inkwistjoni. Għalhekk, dan l-istadju jikkonsisti preċiżament fit-tfittxija tal-eżistenza ta’ rabta ta’ ħtieġa bejn id-deċiżjoni u l-kisba tal-għan ta’ dan il-kuntratt. Konsegwentement, it-turija tal-eżistenza ta’ rabta oġġettiva diretta bejn l-għan ta’ kuntratt li għandu jiġi konkluż u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali awtomatizzata hija prerekwiżit indispensabbli biex ikun jista’ jiġi konkluż li dik id-deċiżjoni hija meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Madankollu, din il-kundizzjoni neċessarja ma hijiex suffiċjenti, peress li jeħtieġ li jiġi ssodisfatt ukoll it-tieni stadju tat-test rilevanti, li jikkonsisti f’li jiġi kkonstatat li l-ebda soluzzjoni oħra inqas intrużiva ma hija possibbli biex jinkiseb l-istess riżultat.
45. F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa t-trasferiment tas-sjieda, minn impriża tal-bejgħ b’korrispondenza, ta’ oġġetti ta’ konsum lil klijenti bil-korrispettiv tal-ħlas tal-prezz tal-oġġetti inkwistjoni. L-iskop tal-użu ta’ deċiżjoni bbażata esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali huwa li tiġi aċċertata s-solvenza ta’ dawn il-klijenti, sabiex jiġi offruti lilhom mezz ta’ ħlas xieraq.
46. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jista’ jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali hija intiża li tilħaq l-għan ta’ kuntratti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, biex dan jiġi vverifikat, ikun meħtieġ li jiġi stabbilit li l-provvista ta’ mezz ta’ ħlas xieraq hija maħsuba biex tiggarantixxi t-twettiq xieraq ta’ dik il-provvista kuntrattwali (19), u li l-evalwazzjoni ta’ din in-natura xierqa tiddependi fuq l-evalwazzjoni awtomatizzata tas-solvenza tal-klijent ikkonċernat, li ma tistax titwettaq bl-użu ta’ soluzzjoni inqas intrużiva. Minn dan isegwi, fil-fatt, li l-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, u għalhekk il-kisba tal-għan tiegħu, tiddependi konkretament fuq din l-evalwazzjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, li dan huwa tabilħaqq il-każ u, min-naħa l-oħra, li tali pproċessar awtomatizzat huwa mezz xieraq biex jintlaħaq dan l-għan. Dik il-qorti se jkollha b’mod partikolari tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-elementi li huma s-suġġett tat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari.
– Fuq in-natura tad-data miġbura u t-tqassim tal-oneru tal-prova
47. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, meta tiġi adottata deċiżjoni bbażata esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali skont l-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR, dan l-ipproċessar għandux ikun limitat għal data li hija oġġettivament xierqa biex jintlaħaq l-għan tal-kuntratt, u jekk l-oneru tal-prova ta’ din in-natura xierqa jaqax fuq il-kontrollur jew fuq is-suġġett tad-data.
48. Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda n-natura xierqa tad-data magħżula biex tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat għall-iskop li jiġi konkluż jew li jiġi eżegwit kuntratt, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jidhirli li hija miftuħa għal żewġ interpretazzjonijiet fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet sottostanti. Minn naħa waħda, dik il-qorti tidher li tistaqsi dwar il-portata kwantitattiva tad-data li tista’ tkun suġġetta għal tali pproċessar. Min-naħa l-oħra, id-domandi magħmula minn dik il-qorti jistgħu wkoll jinftiehmu, b’mod iktar sostantiv, bħala li jirrigwardaw in-natura xierqa ta’ din id-data biex jintlaħaq l-iskop imfittex minn dan l-ipproċessar.
49. Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-portata kwantitattiva tad-data li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li dawn id-deċiżjonijiet iridu josservaw il-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali, stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR, li huma applikabbli b’mod kumulattiv. Fost dawn il-prinċipji hemm il-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, li jipprevedi li d-data personali għandha tkun “adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata” (20). Għaldaqstant, “il-kontrollur ma jistax iwettaq, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ġbir ta’ data personali, u [huwa] għandu jastjeni milli jiġbor data li ma hijiex strettament neċessarja fid-dawl tal-għanijiet tal-ipproċessar”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kontrollur għandu jimplimenta l-miżuri xierqa sabiex jiżgura li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss id-data personali li hija neċessarja fid-dawl ta’ kull għan speċifiku tal-ipproċessar (21).
50. Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li għandha tinġabar u tintuża biss data li hija oġġettivament xierqa u strettament meħtieġa biex jintlaħaq l-iskop imfittex mill-ipproċessar ta’ data personali mill-kontrollur tad-data. Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li d-data miġbura u pproċessata hija kollha indispensabbli għall-evalwazzjoni tas-solvenza tal-klijenti kkonċernati.
51. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-adegwatezza tad-data li tkun is-suġġett ta’ pproċessar awtomatizzat biex jilħaq l-iskop imfittex minn dan l-ipproċessar, tista’ tqum il-mistoqsija dwar jekk l-ommissjoni ta’ ċerta data jew l-użu ta’ tip wieħed ta’ data minflok ieħor jistax ikollhom influwenza deċiżiva u, jekk ikun il-każ, potenzjalment problematika, fuq l-evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmi pproċessar. It-tweġiba għal din il-mistoqsija tirriżulta wkoll mill-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, inkwantu dan għandu dimensjoni kwalitattiva relatata mal-adegwatezza u mar-rilevanza tad-data pproċessata, jiġifieri, preċiżament, mal-adegwatezza tagħha biex tilħaq l-iskopijiet li ġġustifikaw l-istess ipproċessar.
52. Lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, nosserva, madankollu, li l-GDPR ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar il-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ jekk id-data hijiex “adegwata” u “rilevanti”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat biss li meta d-data tissodisfa dawn iż-żewġ rekwiżiti, din tkun ta’ natura li tilħaq l-iskopijiet tal-ipproċessar ikkonċernat u, a fortiori, li tilħaq l-għan ta’ dan l-ipproċessar (22). Dan huwa spjegat b’mod loġiku, fil-fehma tiegħi, mill-varjetà wiesgħa ħafna ta’ sitwazzjonijiet koperti u mill-marġni ta’ manuvra meħtieġa li l-Istati Membri jrid ikollhom biex japplikaw dawn il-prinċipji. Barra minn hekk, filwaqt li dan ir-regolament huwa maħsub biex jirregola l-kwistjonijiet direttament relatati mal-ipproċessar tad-data, il-kontroll tar-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ rilevanza fid-dawl tal-iskop tal-ipproċessar jiddependi fuq l-eżami ta’ leġiżlazzjoni settorjali oħra li tista’ tispjega jew tippreċiża r-relazzjoni bejn id-data pproċessata u l-iskop imfittex.
53. Għalhekk, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-evalwazzjoni tas-solvenza ta’ klijent u tal-elementi li għandhom – jew ma għandhomx – jittieħdu inkunsiderazzjoni biex din tiġi stabbilita tista’, pereżempju, taqa’ jew taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur, jew taħt id-dritt nazzjonali, filwaqt li l-evalwazzjoni ġenerali tal-leġittimità tal-invokazzjoni ta’ dan l-iskop tkun suġġetta għall-istħarriġ ta’ proporzjonalità skont l-imsemmi regolament, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni speċifika rilevanti (23). Fil-każ preżenti, hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina jekk id-data li kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni awtomatizzata kinitx tabilħaqq xierqa u adattata biex tiġi stabbilita s-solvenza tal-klijenti kkonċernati (24), billi teżamina, għal dan l-għan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kuntratti inkwistjoni u għall-protezzjoni tal-konsumaturi.
54. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova, mill-formulazzjoni ċara ħafna tal-Artikolu 5(2) tal-istess regolament jirriżulta li l-kontrollur huwa responsabbli li josserva l-prinċipji previsti fil-forma ta’ obbligi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u li għandu jkun jista’ juri li dawn il-prinċipji huma osservati. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR, li fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet jiena wrejt ix-xebh tiegħu mal-Artikolu 22(2)(a) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa l-kontrollur li għandu jkun f’pożizzjoni li juri kif l-għan prinċipali tal-kuntratt inkwistjoni ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza tal-ipproċessar tad-data personali kontenzjuża (25).
55. Għalhekk huwa d-dmir tal-kontrollur tad-data li jindika liema data nġabret u ġiet ipproċessata, kif ukoll li jagħti prova tal-ħtieġa tagħha biex jintlaħaq l-iskop imfittex mill-ipproċessar kontenzjuż.
56. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari kif ġej: l-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kumpannija tal-bejgħ b’korrispondenza tikkonkludi kuntratt ma’ klijent, huwa meħtieġ, minn naħa, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn is-suġġett ta’ dan il-kuntratt u l-evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-klijent sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li tali evalwazzjoni awtomatizzata hija neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt u, min-naħa l-oħra, li d-data miġbura għal dan l-għan għandha tkun kemm oġġettivament xierqa għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni kif ukoll tippreċiża x’kienet din id-data u għaliex inġabret. F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-kumpannija tal-bejgħ b’korrispondenza.
Fuq it‑tielet domanda
57. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk, biex tkun applikabbli d-deroga mill-projbizzjoni li tiġi adottata deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat prevista fl-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR, hijiex “deċiżjoni” jew “deċiżjoni awtomatizzata” li hija meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt bejn is-suġġett tad-data u kontrollur u, min-naħa l-oħra, jekk elementi bħall-iffrankar ta’ ħin għall-klijenti u l-iffrankar tal-ispejjeż għall-impriża li tuża tali pproċessar awtomatizzat humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ dan l-ipproċessar, kif ukoll il-possibbiltà li dan l-ipproċessar jiġi sostitwit bi pproċessar imwettaq minn persuna bi sforz raġonevoli.
58. Fl-ewwel lok, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw prinċipalment il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li ssemmi biss “deċiżjoni” meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Għal raġunijiet simili għal dawk diġà spjegati fil-punti 21 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jeħtieġ li tiġi analizzata t-tifsira abitwali ta’ dan il-kunċett, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija dispożizzjoni.
59. L-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR tirreferi biss għat-terminu “deċiżjoni,” mingħajr ma tispeċifika li din trid tkun awtomatizzata, li jista’ jagħti lil wieħed x’jifhem li dan ma huwiex il-każ. Madankollu, dan it-terminu huwa ppreċedut mill-artiklu definit “id‑” u mhux mill-artiklu indefinit, li jimplika li d-deċiżjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni diġà hija identifikata. Konsegwentement, il-frażi nominali “id-deċiżjoni”, f’dan il-każ, tista’ tirreferi biss għad-“deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili” msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22(2)(a) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna d-deċiżjonijiet awtomatizzati (26).
60. It-tieni nett, il-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni jikkorrobora din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni tal-premessa 71 tal-imsemmi regolament, li, essenzjalment, tiċċara l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tal-istess regolament (27), huwa preċiżament “it-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq tali pproċessar, inkluż it-tfassil ta’ profili” li “għandu jkun permess fejn dan ikun [...] meħtieġ biex wieħed jidħol f’kuntratt jew jeżegwixxi kuntratt bejn is-suġġett tad-data u kontrollur” (28).
61. It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-għanijiet imfittxija mill-GDPR, li diġà ġew imfakkra fil-punti 26 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirrileva li l-interpretazzjoni li qiegħda nipproponi tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2)(a) ta’ dan ir-regolament twassal biex tirrestrinġi l-portata tad-deroga mill-projbizzjoni fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati li tinsab stabbilita fih. Fil-każ kuntrarju, ikun biżżejjed li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni (awtomatizzata jew le) tkun meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt biex tingħata l-possibbiltà li dik id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq ipproċessar awtomatizzat tad-data. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma, fil-fehma tiegħi, iktar u iktar rilevanti fil-kuntest imfakkar fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li minnu jirriżulta li d-deroga prevista fl-Artikolu 22(2)(a) tal-imsemmi regolament tista’ tiġi interpretata biss b’mod strett.
62. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea tindika li ressqet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta għal regolament intiża b’mod partikolari biex jiġi emendat il-GDPR (29), li tneħħi kwalunkwe dubju dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 22(2)(a) ta’ dan ir-regolament, peress li minnha jkun joħroġ espliċitament li ma jkunx meħtieġ li deċiżjoni tkun ibbażata biss fuq ipproċessar esklużivament awtomatizzat sabiex tkun tista’ tiġi invokata d-deroga prevista fiha. Madankollu, peress li din il-proposta ma daħlitx fis-seħħ u lanqas biss ġiet approvata fil-forma attwali tagħha mill-Parlament u mill-Kunsill, ma tistax titqies b’xi mod rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett inkwistjoni.
63. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata l-ħtieġa ta’ teħid ta’ deċiżjoni awtomatizzata u, b’mod partikolari, f’dan il-każ, in-numru ta’ ordnijiet li impriżi bħal Universal Versand għandhom jimmaniġġjaw u l-aspettattivi tal-klijenti fir-rigward tal-ħeffa tas-servizz ipprovdut, il-qorti tar-rinviju għandha, fid-dawl tat-test legali deskritt fil-punt 41 kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 49 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tivverifika jekk tali elementi fattwali humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-użu ta’ deċiżjoni awtomatizzata hija meħtieġa, fis-sens, minn naħa, li l-evalwazzjoni awtomatizzata tas-solvenza tal-klijenti hija indispensabbli biex tiżgura l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li ma tistax tiġi ssostitwita b’intervent uman, li jkun alternattiva inqas intrużiva fis-sens tat-tieni stadju ta’ dan it-test u konformi, b’mod partikolari, mal-premessa 39 tal-imsemmi regolament.
64. Fil-fehma tiegħi, il-Linji gwida dwar it-Teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati u t-Tfassil ta’ profili għall-finijiet tar-Regolament 2016/679, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017, jindikaw sewwasew li qorti nazzjonali tista’, pereżempju, tasal għal tali konklużjoni meta tikkonstata li l-intervent uman ma jkunx realistiku fuq livell prattiku jew ikun impossibbli minħabba l-kwantità ta’ data pproċessata. Dan jimplika li l-użu ta’ deċiżjoni awtomatizzata huwa indispensabbli, inkwantu t-tieni stadju tat-test legali deskritt fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa ssodisfatt. Madankollu, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova dan, u l-fatt li tali pproċessar huwa sempliċement utli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward (30).
65. B’mod konkret, l-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-volum ta’ ordnijiet ipproċessati u l-ħeffa tar-rispons mogħti lill-klijent rigward il-metodu ta’ ħlas li jkun jista’ juża, ikun meħtieġ li jintwera, abbażi ta’ elementi oġġettivi (31), minn naħa waħda, għaliex il-kwantità ta’ data pproċessata kkawżata mill-volum ta’ dawn l-ordnijiet tfissirx li dan ma jistax isir ħlief awtomatikament billi wieħed jirrikorri għal alternattiva inqas intrużiva u, min-naħa l-oħra, li l-kisba ta’ rispons immedjat rigward il-mezzi ta’ ħlas hija fattur li jikkundizzjona l-għażla tal-klijent li jikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni mal-impriża kkonċernata.
66. It-tieni nett, nosserva wkoll li, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li l-modi ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, is-solvenza tal-klijenti jkollha mbagħad tiġi evalwata qabel ma jiġu konklużi l-kuntratti kontenzjużi, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod bħal fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, imbagħad tkun ir-responsabbiltà tal-impriża inkwistjoni li turi, abbażi ta’ provi oġġettivi, għaliex l-ipproċessar awtomatizzat ma jistax jiġi ssostitwit b’soluzzjoni oħra prattika u inqas intrużiva biex tissodisfa dan l-obbligu.
67. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkunsidra li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 22(2)(a) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li biex tkun applikabbli d-deroga mill-projbizzjoni li tiġi adottata deċiżjoni bbażata esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat prevista minnha, jeħtieġ li deċiżjoni awtomatizzata tkun meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt bejn is-suġġett tad-data u kontrollur, fis-sens, b’mod partikolari, li ma tistax tintuża alternattiva inqas intrużiva u, min-naħa l-oħra, li elementi bħall-iffrankar ta’ ħin għall-klijenti u l-iffrankar tal-ispejjeż għall-impriża li tuża tali pproċessar awtomatizzat jistgħu jkunu rilevanti biex tiġi evalwata l-ħtieġa ta’ dan l-ipproċessar awtomatizzat jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, ikunu kapaċi juru oġġettivament din il-ħtieġa, b’mod partikolari fis-sens li ma tistax tintuża alternattiva inqas intrużiva.
Konklużjoni
68. Fid-dawl tal-analiżi esposta f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):
1) L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
fil-kuntest ta’ bejgħ b’korrispondenza, id-deċiżjoni li klijent jiġi eskluż milli jagħżel ċerti modi ta’ ħlas, ibbażata b’mod esklużiv fuq evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà li dan il-klijent jonqos milli jħallas, tipproduċi effetti legali fuq dan il-klijent jew, għall-inqas, taffettwah bl-istess mod b’mod sinjifikattiv jekk hija tista’ tipprevjeni l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ inkwistjoni.
2) L-Artikolu 22(2)(a) tar-Regolament 2016/679
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
meta kumpannija tal-bejgħ b’korrispondenza tikkonkludi kuntratt ma’ klijent, huwa meħtieġ, minn naħa, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn is-suġġett ta’ dan il-kuntratt u l-evalwazzjoni awtomatizzata tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-klijent sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li tali evalwazzjoni awtomatizzata hija neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt u, min-naħa l-oħra, li d-data miġbura għal dan l-għan għandha tkun kemm oġġettivament xierqa għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni kif ukoll tippreċiża x’kienet din id-data u għaliex inġabret. F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-kumpannija tal-bejgħ b’korrispondenza.
3) L-Artikolu 22(2)(a) tar-Regolament 2016/679
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
minn naħa, biex tkun applikabbli d-deroga mill-projbizzjoni li tiġi adottata deċiżjoni bbażata esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat prevista minnha, jeħtieġ li deċiżjoni awtomatizzata tkun meħtieġa għall-konklużjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt bejn is-suġġett tad-data u kontrollur, fis-sens, b’mod partikolari, li ma tistax tintuża alternattiva inqas intrużiva u, min-naħa l-oħra, elementi bħall-iffrankar ta’ ħin għall-klijenti u l-iffrankar tal-ispejjeż għall-impriża li tuża tali pproċessar awtomatizzat jistgħu jkunu rilevanti biex tiġi evalwata l-ħtieġa ta’ dan l-ipproċessar awtomatizzat jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, ikunu kapaċi juru oġġettivament din il-ħtieġa, b’mod partikolari fis-sens li ma tistax tintuża alternattiva inqas intrużiva.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Ara, fuq dan is-suġġett, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding et (Scoring) (C‑634/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza SCHUFA Holding et (Scoring)”, EU:C:2023:957, punti 57 sa 59).
3 Ara, fuq dan is-suġġett, Poullet, Y., “Cinq ans après : le RGPD et les défis du profilage à l’heure de l’intelligence artificielle”, Revue des affaires européennes, 2021/I, p. 97 u 98.
4 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2026, Pelham (Kunċett ta’ “pastiċċ”) (C‑590/23, EU:C:2026:290, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
5 F’dan ir-rigward, jidhirli, b’kuntrast, li dawn il-kunsiderazzjonijiet mhux bilfors jimplikaw li l-effetti tad-deċiżjoni inkwistjoni huma ta’ natura serja, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet esposti mill-grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni ta’ persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali stabbilit stabbilit fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), fil-Linji gwida dwar it-Teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati u t-Tfassil ta’ profili għall-finijiet tar-Regolament 2016/679, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017, kif riveduti u adottati fis‑6 ta’ Frar 2018 (ara p. 23). L-effetti ta’ deċiżjoni jistgħu jitqiesu sinjifikattivi, fis-sens li għandhom ċerta importanza għall-persuna kkonċernata (ekonomika, soċjali, professjonali, eċċ.), mingħajr ma neċessarjament ikollhom natura “serja”, fejn dan l-aħħar kunċett huwa kkaratterizzat mill-konnotazzjoni negattiva tiegħu u jissuġġerixxi konsegwenza sfavorevoli jew forma ta’ ħsara (dannu, riskju, eċċ.).
6 Fil-fehma tiegħi, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li sitwazzjonijiet bħall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal kreditu, l-iffissar ta’ primjum tal-assigurazzjoni, jew il-kopertura – jew le – ta’ kura medika, eċċ., jistgħu jaqgħu taħt it-tieni xenarju previst fl-Artikolu 22(1) tal-GDPR.
7 Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Dun & Bradstreet Austria et (C‑203/22, EU:C:2025:117, punt 51).
8 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SCHUFA Holding et (Scoring) (punti 48 u 49).
9 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Perle (C‑14/23, EU:C:2024:647, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).
11 “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin: […] ftehim ta’ kreditu fejn il-kreditu jingħata mingħajr interessi u mingħajr kwalunkwe drittijiet oħra u ftehim ta’ kreditu li taħt it-termini tagħhom il-kreditu għandu jintradd lura fi żmien tliet xhur u jkunu pagabbli biss imposti insinifikanti”.
12 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ottubru 2023 dwar ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva 2008/48/KE (ĠU L, 2023/2225, rettifiki fil-ĠU L, 2023/90205 u fil-ĠU L, 2026/90798).
13 Din id-direttiva fiha dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom influwenza sostanzjali fuq l-użu tad-deċiżjonijiet awtomatizzati, li hija tindirizza preċiżament fil-kuntest tal-evalwazzjoni obbligatorja tas-solvenza tal-konsumaturi, fl-Artikolu 18 tagħha, u b’mod partikolari fil-paragrafu 8 tagħha. Madankollu, mill-Artikolu 2(2)(h) jirriżulta li l-imsemmija direttiva tista’ ma tkunx applikabbli għal kuntratti bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.
14 Ara, f’dan is-sens u fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data personali u tad-derogi minnha li għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China) (C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 47). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li hija biss l-informazzjoni li mingħajrha l-investigazzjoni antidumping ma tistax tinġieb fi tmiemha li tista’ titqies bħala “neċessarja” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20).
16 Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punti 98 u 99).
17 Fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati fl-atti adottati fl-istess qasam irid ikollhom l-istess tifsira sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx esprima rieda differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Wellcome Trust (C‑459/19, EU:C:2021:209, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
18 Sal-punt li jiġi kkunsidrat li dik id-deċiżjoni tinkludi dan l-ipproċessar ta’ data.
19 Għall-kuntrarju, pereżempju, tar-raġunament mogħti fil-punti 39 sa 42 tas-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse (C‑394/23, EU:C:2025:2), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ikkunsidrat li l-personalizzazzjoni tal-komunikazzjoni kummerċjali bbażata fuq il-ġeneru tal-klijent ikkonċernat, ma kinitx neċessarja biex tipprovdi lil dak il-klijent servizz ta’ trasport ferrovjarju, peress li l-impriża kkonċernata tista’, pereżempju, tagħżel komunikazzjoni bbażata fuq tislim ġeneriku. B’kuntrast, f’dan il-każ, il-kapaċità tal-klijent li jagħmel il-ħlasijiet li huma parti integrali mis-servizz kuntrattwali inkwistjoni tista’ taffettwa direttament l-eżekuzzjoni xierqa tiegħu.
20 Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Schrems (Komunikazzjoni tad-data lill-pubbliku ġenerali) (C‑446/21, EU:C:2024:834, punti 47 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Schrems (Komunikazzjoni tad-data lill-pubbliku ġenerali) (C‑446/21, EU:C:2024:834, punti 59 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
22 Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, NTH Haustechnik (C‑484/24, EU:C:2026:496, punt 97).
23 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punti 82 sa 86).
24 Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ikun partikolarment rilevanti li jiġi stabbilit jekk id-data inkwistjoni għandhiex rabta diretta u oġġettiva mal-evalwazzjoni tas-solvenza tal-klijent ikkonċernat u jekk hijiex indispensabbli – waħedha jew flimkien ma’ data oħra – għal din l-evalwazzjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-riskji li tirrappreżenta għas-suġġett tad-data.
25 Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 98).
26 Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ssemmi “die Entscheidung”, filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Ingliża tuża “the decision”.
27 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol (C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Enfasi miżjuda minni.
29 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/679, (UE) 2018/1724, (UE) 2018/1725, (UE) 2023/2854 u d-Direttivi 2002/58/KE, (UE) 2022/2555 u (UE) 2022/2557 fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv diġitali, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1807, (UE) 2019/1150, (UE) 2022/868 kif ukoll id-Direttiva (UE) 2019/1024 (l-Omnibus Diġitali għall-acquis diġitali) (COM(2025) 837 final).
30 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 99).
31 Qiegħed naħseb, b’mod partikolari, dwar analiżijiet kwantifikati tal-ispejjeż u l-qliegħ, kif ukoll l-impatt finanzjarju tad-diversi miżuri possibbli fuq l-impriża inkwistjoni, u, pereżempju, l-istudji statistiċi.