Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2026 (1)
Kawża C‑357/25
Groupama Asigurări S.A.
vs
Consiliul Concurenței
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Prattiki miftiehma – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba għan – Skambju ta’ informazzjoni bejn l-assiguraturi ta’ responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Klassifikazzjoni ta’ tali skambju bħala restrizzjoni minħabba għan mingħajr analiżi tal-ispjegazzjonijiet alternattivi pprovduti mill-parti kkonċernata – Standard ta’ prova”
Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, u b’mod iktar preċiż il-kwistjoni tal-prova ta’ prattika miftiehma.
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa, Groupama Asigurări S.A., kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ assigurazzjoni (iktar ’il quddiem “Groupama”), u min-naħa l-oħra, il-Consiliul Concurenței (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem iċ-“CC”), fir-rigward tad-deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkonstata li Groupama kienet kisret l-Artikolu 101(1) TFUE u d-dispożizzjoni korrispondenti fid-dritt Rumen, billi pparteċipat fl-implimentazzjoni ta’ prattika miftiehma li għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni RCA”) billi żiedet it-tariffi tal-primjums tal-poloz ta’ dan it-tip ta’ assigurazzjoni.
3. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża ċerti aspetti tal-kunċett ta’ “prattiki miftiehma”, b’mod partikolari, minn naħa, il-grad ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni skambjata bejn kompetituri li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk skambju jistax jikkostitwixxi tali prattika miftiehma, u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, għal impriża implikata, li tipprovdi spjegazzjonijiet alternattivi dwar l-aġir tagħha kif ukoll l-effetti tiegħu fis-suq.
Il-kuntest ġuridiku
4. L-Artikolu 5(1) tal-Legea concurenței nr. 21/1996 (il-Liġi Nru 21/1996 dwar il-Kompetizzjoni), tal‑10 ta’ April 1996 (2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kompetizzjoni”), huwa fformulat kif ġej:
“Huma pprojbiti [...] il-prattiki miftiehma kollha, li għandhom l-għan jew l-effett li jipprekludu, jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Rumen jew f’parti minnu, b’mod partikolari dawk li:
a) jiffissaw b’mod dirett jew indirett il-prezzijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ jew kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni;
[...]”
Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
5. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018, iċ-CC ikkonstata li diversi kumpaniji li joffru servizzi ta’ assigurazzjoni fir-Rumanija, fosthom Groupama, ipparteċipaw, matul iktar minn erba’ snin, fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni u tal-Artikolu 101(1) TFUE, billi implimentaw prattika miftiehma li għandha l-għan li żżid tariffi ta’ primjums ta’ poloz ta’ assigurazzjoni RCA, permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). F’dan ir-rigward, Groupama ġiet immultata 35 378 902 lei Rumeni (RON) (madwar 7.58 miljun euro).
6. B’mod iktar preċiż, iċ-CC ikkonstata, permezz ta’ din id-deċiżjoni, li disa’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni u l-assoċjazzjoni professjonali tagħhom, l-Uniunea Națională a Societăților de Asigurare și Reasigurare din România (l-Unjoni Nazzjonali tal-Kumpanniji ta’ Assigurazzjoni u ta’ Riassigurazzjoni tar-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“UNSAR”), ipparteċipaw fi prattika miftiehma li tikkonsisti fi skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva relatata mal-intenzjonijiet futuri ta’ żieda ta’ tariffi ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni RCA, li seħħew kemm waqt laqgħat tal-UNSAR kif ukoll permezz ta’ avviżi fl-istampa. Iċ-CC irrileva wkoll li dawn il-kumpanniji ma kinux irtiraw pubblikament minn dawn l-iskambji, u għalhekk ikkontribwixxew għat-tkomplija tal-prattika antikompetittiva inkwistjoni. Dan il-ksur uniku u kontinwu beda mit‑18 ta’ Ottubru 2012, data tal-ewwel laqgħa tal-UNSAR li matulha seħħew diskussjonijiet dwar iż-żieda ta’ tariffi tal-assigurazzjoni RCA, sat‑18 ta’ Novembru 2016, data li fiha l-Gvern Rumen stabbilixxa, għal perijodu ta’ sitt xhur, miżura ta’ limitu massimu ta’ dawn it-tariffi.
7. Iċ-CC indika li l-iskambji ta’ informazzjoni kkonstatati għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih seħħew. Minn naħa, is-suq Rumen tal-assigurazzjoni RCA esperjenza pressjoni kompetittiva qawwija matul is-snin 2010 sa 2012, jiġifieri “gwerra tal-prezzijiet”, li rriżultat fi tnaqqis annwali ta’ madwar 20 % tal-primjums tal-assigurazzjoni RCA, li affettwa b’mod sinjifikattiv il-profitabbiltà tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni. Skont iċ-CC, din id-deterjorazzjoni kienet il-bażi tal-implimentazzjoni ta’ prattika miftiehma bejn l-assiguraturi li joffru din il-kopertura, li nkoraġġiethom ifittxu soluzzjonijiet sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ finanzjarju tagħhom. Min-naħa l-oħra, matul l-istess perijodu, il-kumpanniji li jikkummerċjalizzaw kuntratti ta’ assigurazzjoni “għal kull riskju” akkumulaw krediti kbar mingħand kumpanniji ta’ assigurazzjoni li joffru prinċipalment poloz ta’ assigurazzjoni RCA, minħabba azzjonijiet ta’ rkupru li setgħu jeżerċitaw kontra dawn tal-aħħar. Din is-sitwazzjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet waqt laqgħat tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni membri tal-UNSAR, li fihom dawn żvelaw l-intenzjonijiet futuri tagħhom li jżidu t-tariffi tal-assigurazzjoni RCA.
8. F’dan il-kuntest, iċ-CC ibbaża d-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-ħames elementi li ġejjin:
– fit‑18 ta’ Ottubru 2012, waqt laqgħa tal-UNSAR, seħħew diskussjonijiet fir-rigward taż-żieda tat-tariffi tal-assigurazzjoni RCA li kienu jirrigwardaw, minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rkupru bejn l-impriżi li joffru poloz ta’ assigurazzjoni “għal kull riskju” u dawk li joffru poloz ta’ assigurazzjoni RCA, peress li tal-ewwel qiesu li l-attività kurrenti ma kinitx ser tippermetti lit-tliet kumpanniji debituri jħallsu l-ammonti dovuti, u min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ta’ rispons li l-UNSAR kienet qed tikkunsidra li tissottometti lill-Comisia de Supraveghere a Asigurărilor (il-Kummissjoni Rumena ta’ Sorveljanza tal-Assigurazzjonijiet, iktar ’il quddiem iċ-“CSA”) li kien jinkludi proposti ta’ emenda tar-regoli fil-qasam tal-assigurazzjoni RCA;
– fit‑3 ta’ Diċembru 2012, waqt laqgħa li nżammet mar-regolatur, jiġifieri ċ-CSA, li fiha pparteċipaw id-Direttur Ġenerali tal-UNSAR u parti mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni implikati fil-prattika miftiehma, seħħew diskussjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ żieda tat-tariffi tal-assigurazzjoni RCA, dwar l-istudji ta’ impatt imwettqa minn tnejn minn dawn il-kumpanniji kif ukoll dwar l-ammont ta’ eventwali żieda tat-tariffi tal-poloz ta’ assigurazzjoni RCA;
– f’Novembru 2013 il-Generali et Uniunea Națională a Societăților de Intermediere și Consultanță în Asigurări din România (l-Unjoni Nazzjonali tal-Kumpanniji ta’ Senserija u ta’ Konsulenza tal-Assigurazzjoni tar-Rumanija), l-assoċjazzjoni professjonali li tiġbor is-sensara ta’ assigurazzjoni li jikkooperaw mal-impriżi implikati kollha, ħabbret fl-istampa żieda ta’ bejn 10 u 15 % tal-primjums tal-assigurazzjoni RCA għas-sena 2014;
– fil‑11 ta’ Jannar 2016, waqt laqgħa tal-UNSAR li fiha ltaqgħu d-disa’ kumpanniji kkonċernati kollha, Groupama informat lill-kompetituri tagħha li hija kienet innotifikat lill-Autoritatea de Supraveghere Financiară (l-Awtorità ta’ Sorveljanza Finanzjarja, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ASF”) indiċjar ta’ 50 % tal-primjums, u
– fi Frar 2016, Allianz ħabbret fl-istampa żieda tal-primjums ta’ bejn 5 u 10 %, li kienet se tiġi nnotifikata lill-ASF sa mill-aħħar tax-xahar ta’ Marzu.
9. Iċ-CC irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet alternattivi dwar iż-żieda tat-tariffi matul il-perijodu eżaminat, ippreżentati minn Groupama, għar-raġuni li tali spjegazzjonijiet ikunu rilevanti biss meta l-awtorità tal-kompetizzjoni tibbaża ruħha biss fuq il-paralleliżmu fl-aġir ta’ impriżi sabiex tiddeduċi minnu l-eżistenza ta’ prattika miftiehma.
10. Fis‑6 ta’ Mejju 2019, Groupama ppreżentat rikors quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
11. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ April 2022, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors (3). Essenzjalment, hija kkunsidrat, qabel kollox, li l-provi sostnuti fid-deċiżjoni kontenzjuża li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ prattika miftiehma ta’ żieda tat-tariffi tal-primjums tal-assigurazzjoni RCA, implimentata mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni sensittiva, ippermettew li titneħħa l-inċertezza dwar suq oligopolistiku trasparenti, ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ elastiċità tad-domanda marbut man-natura obbligatorja tal-assigurazzjoni RCA, kif ukoll mill-assenza ta’ innovazzjoni u ta’ setgħa ta’ negozjar tal-konsumaturi. Imbagħad, l-imsemmija qorti kkonstatat li, matul il-perijodu kkonċernat, it-tariffi tal-assigurazzjoni RCA kienu s-suġġett ta’ modifiki frekwenti, li kienu bbażati ġeneralment mhux fuq il-kalkoli interni relatati mar-rata ta’ inċidenti, iżda fuq sorveljanza tat-tariffi pprattikati mill-assiguraturi l-oħra, sabiex jiżdied il-primjum medju tas-suq. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li, il-prattika miftiehma kienet stabbilita bl-eżistenza ta’ kuntatti bejn kompetituri, in-natura miftiehma tagħha ma kinitx ikkontestata mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-espert, ipprovdut minn Groupama, li jipprovdu li l-kalkolu tal-primjum gross kien konformi mat-tekniki attwarjali standard kif ukoll mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Fl-aħħar nett, l-istess qorti ma identifikat ebda spjegazzjoni plawżibbli għaż-żieda komuni tal-prezzijiet ħlief dik li tirriżulta mill-prattika miftiehma stabbilita mill-provi eżaminati. F’dan ir-rigward, bħaċ-CC, hija rrifjutat l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Groupama intiżi sabiex jiġġustifikaw il-kontenut u l-għan tad-diskussjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u ż-żidiet tariffarji.
12. Groupama ppreżentat appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), il-qorti tar-rinviju.
13. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlazzjoni Rumena dwar il-prattiki miftiehma hija analoga għal dik prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, u li l-kawża prinċipali tqajjem, essenzjalment, żewġ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
14. Minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk l-istandard ta’ prova meħtieġ sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma jippreżupponix il-prova ta’ skambju ta’ informazzjoni ddettaljata u individwalizzata li tirrigwarda d-data, il-portata u l-modalitajiet ta’ adattament ta’ aġir fil-qasam tal-prezzijiet, jew huwiex suffiċjenti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskussjonijiet iktar ġenerali bejn kompetituri, b’mod partikolari dwar il-livelli tat-tariffi jew dwar emendi leġiżlattivi li jista’ jkollhom effett fuq dawn tal-aħħar, b’mod partikolari meta l-impriżi kkonċernati jkollhom relazzjonijiet ekonomiċi stretti, b’mod partikolari minħabba djun kbar reċiproċi. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza T‑Mobile (4), li tipprovdi li skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri għandu għan antikompetittiv meta jkun jista’ jelimina l-inċertezzi dwar aġir ikkunsidrat mill-impriżi kkonċernati u li għandu jiġi kkunsidrat li għandu dan l-għan skambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina dawn l-inċertezzi dwar id-data, il-portata u l-modalitajiet ta’ adattament li l-impriża kkonċernata għandha timplimenta. Skont l-imsemmija qorti, minn din is-sentenza jirriżulta li l-iskambji ta’ informazzjoni ta’ ċertu ambitu u ta’ ċerta kwalità biss huma rilevanti sabiex tiġi kkonstatata prattika miftiehma. Għalhekk, minkejja li l-eżistenza ta’ tali prattika tidher diffiċilment kontestabbli fil-preżenza ta’ skambji ta’ informazzjoni ddettaljata jew individwalizzata relatata mal-intenzjonijiet futuri fil-qasam tal-prezz, jiġifieri skambju ta’ informazzjoni speċifika jew konkreta dwar id-data, il-portata u l-modalitajiet ta’ adattament tal-aġir futur fil-qasam tal-prezz, dan ma jkunx neċessarjament il-każ meta, bħal f’dan il-każ, id-diskussjonijiet ikunu limitati għal kunsiderazzjonijiet “ġeneriċi” dwar il-prezz, li ma jinkludux tali elementi preċiżi.
15. Min-naħa l-oħra, l-istess qorti tirrileva li ċ-CC eskluda l-possibbiltà li Groupama tipprovdi spjegazzjoni alternattiva tal-aġir tagħha fis-suq, billi bbaża ruħu fuq ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (5), li tipprovdi li l-eżistenza ta’ spjegazzjoni alternattiva tal-fatti hija rilevanti biss meta l-Kummissjoni Ewropea tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi kkonċernati fis-suq inkwistjoni. Tali spjegazzjoni tkun irrilevanti meta l-eżistenza tal-ksur ma hijiex biss preżunta, iżda stabbilita bil-provi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ma kinitx ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, hija tqis li tali approċċ jista’ jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, billi jċaħħadha mill-possibbiltà li tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-awtorità tal-kompetizzjoni għar-raġuni li huma bbażati fuq xi prova. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Pâte de bois (6), li paralleliżmu ta’ aġir ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova ta’ prattika miftiehma ħlief jekk il-ftehim jikkostitwixxi l-unika spjegazzjoni plawżibbli għaliha u li jista’ jkun hemm spjegazzjoni sodisfaċenti għal paralleliżmu tal-prezzijiet, pereżempju, fil-każ ta’ tendenzi oligopolistiċi tas-suq u ta’ ċirkustanzi partikolari.
16. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li: a) l-osservanza ta’ standard legali ta’ prattika miftiehma tinvolvi biss skambju ta’ informazzjoni ddettaljata jew individwalizzata dwar l-intenzjonijiet futuri għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet sabiex titqies li tista’ tnaqqas jew telimina l-inċertezza strateġika, jiġifieri skambju ta’ informazzjoni speċifika jew konkreta dwar id-data, il-portata u l-mod kif fil-futur l-imġiba fir-rigward tal-prezzijiet tista’ tiġi adattata, jew li (b) l-istandard legali ta’ prattika miftiehma huwa osservat ukoll meta tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskussjonijiet ġeneriċi bejn kompetituri dwar it-tariffi ta’ kumpanniji oħra tal-assigurazzjoni li jinsabu f’sitwazzjonijiet partikolari (bi djun kbar lejn assiguraturi oħra) jew dwar emendi leġiżlattivi li għandhom effett fuq it-tariffi, mingħajr ma l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun obbligata teżamina l-ispjegazzjonijiet alternattivi pprovduti mill-impriża għaż-żieda fit-tariffi tagħha intiżi sabiex tiġi kkonfutata l-prattika miftiehma?”
17. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Groupama, iċ-CC, il-Gvern Rumen, Grieg, Pollakk u dak Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Grieg u Pollakk, dawn il-partijiet esprimew ruħhom, barra minn hekk, waqt is-seduta għat-trattazzjoni li nżammet fit‑22 ta’ April 2026.
Analiżi
18. L-unika domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ddur madwar żewġ sottodomandi: l-ewwel waħda, li tirriżulta mill-qari konġunt tal-punt (a) u tal-ewwel parti tal-punt (b) tad-domanda preliminari, tirrigwarda l-grad ta’ dettall li għandu jkollha l-informazzjoni skambjata bejn kompetituri sabiex tali skambju jkun jista’ jikkostitwixxi prattika miftiehma, u t-tieni waħda, ifformulata fl-aħħar parti tal-punt (b) ta’ din id-domanda, tirrigwarda, essenzjalment, il-portata tal-ispjegazzjonijiet alternattivi invokati minn impriża sabiex tiġġustifika l-aġir tagħha u tikkonfuta l-eżistenza ta’ tali prattika miftiehma.
Fuq l-ewwel sottodomanda
19. Permezz tal-ewwel sottodomanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li “prattika miftiehma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tippreżupponix neċessarjament skambju ta’ informazzjoni ddettaljata jew individwalizzata relatata mal-intenzjonijiet futuri fil-qasam tal-prezz, bħal indikazzjonijiet speċifiċi jew konkreti fir-rigward tad-data, tal-portata u tal-modalitajiet ta’ adattament tal-aġir futur fir-rigward tal-prezzijiet, jew jekk, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni partikolari, l-eżistenza ta’ “diskussjonijiet ġeneriċi bejn kompetituri dwar it-tariffi” tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita tali prattika miftiehma.
20. F’dan ir-rigward, nosserva li l-ewwel sottodomanda preliminari tinkludi, fir-realtà, żewġ aspetti.
21. Minn naħa, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju fil-punt (a) tagħha, l-ewwel sottodomanda tikkuntrasta, minn naħa, l-“[iskambji] ta’ informazzjoni ddettaljata jew individwalizzata dwar l-intenzjonijiet futuri [...]” u min-naħa l-oħra, id-“diskussjonijiet ġeneriċi bejn kompetituri dwar it-tariffi”. Issa, fir-rigward tal-“informazzjoni ddettaljata”, il-formulazzjoni sostnuta tidher ispirata b’mod ċar minn dik użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza T‑Mobile, li fiha hija indikat, fil-punt 41, li għandu “jitqies li jkun hemm għan antikompetittiv meta l-iskambju ta’ informazzjoni jkun jista’ jelimina l-inċertezza f’moħħ il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tad-data, tal-portata u tad-dettalji tat-tibdil li l-impriża kkonċernata bi ħsiebha tadotta [...]” (7). Fir-rigward tal-“informazzjoni ġenerika”, il-qorti tar-rinviju donnha tirreferi għal skambji ta’ informazzjoni, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, li jirrigwardaw żieda tat-tariffi tal-primjums tal-assigurazzjoni RCA, li b’kuntrast mal-ewwel tip ta’ skambji, la jippreċiżaw il-perċentwal jew l-ammont ta’ din iż-żieda u lanqas id-data ta’ riferiment preċiża għall-implimentazzjoni tagħha (8). Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel sottodomanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex tippreċiża l-portata tal-punt tas-sentenza T‑Mobile msemmi iktar ’il fuq, b’mod partikolari, sabiex tkun taf jekk huwiex biss l-iskambju tat-tip ta’ informazzjoni msemmija f’dan il-punt li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fil-qasam tal-prezz fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.
22. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ din l-istess sottodomanda, billi tirreferi, fl-ewwel parti tal-punt (b) tagħha, għas-“sitwazzjonijiet partikolari” (jiġifieri, l-eżistenza ta’ djun kbar bejn il-kompetituri u l-effett tal-emendi leġiżlattivi fuq it-tariffi), il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-importanza li għandha tingħata lill-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni, inkluż lill-qafas regolamentari applikabbli, waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma.
23. Wara l-formulazzjoni ta’ xi osservazzjonijiet preliminari, dawn iż-żewġ aspetti tal-ewwel sottodomanda ser ikunu s-suġġett ta’ analiżi distinta.
Osservazzjonijiet preliminari
24. Preliminarjament, infakkar li, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u huma pprojbiti l-ftehimiet kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha, li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom l-għan jew l-effett li jipprekludu, jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Minkejja li din id-dispożizzjoni tuża l-kunċett ta’ “prattika miftiehma” hija tagħmel dan bil-għan li tinkludi, taħt il-projbizzjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni, forom differenti ta’ koordinazzjoni u ta’ kollużjoni bejn impriżi. Għalhekk, il-kunċetti ta’ “ftehim” u ta’ “prattika miftiehma” jinkludu forom ta’ kollużjoni li għandhom l-istess natura u li huma distinti minn xulxin biss bl-intensità tagħhom u bil-forom li fihom jimmanifestaw ruħhom (9). Fil-fatt, prattika miftiehma tirrigwarda forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkun wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim inkwantu tali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (10).
25. Dawn il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu “prattika miftiehma” għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-kompetizzjoni, li jipprovdi li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni jsegwi fis-suq intern (11).
26. Għalkemm dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom b’mod għaqli għall-aġir ikkonstatat jew mistenni tal-kompetituri tagħhom, huwa madankollu jipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jista’ jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li ddeċieda li jkollu f’dan is-suq jew l-aġir li għandu l-intenzjoni jadotta fih, meta dan il-kuntatt ikollu bħala għan jew effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tad-daqs u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum ta’ dan is-suq (12).
27. F’dan ir-rigward, fir-rigward tas-swieq oligopolistiċi, jew tal-inqas, ikkonċentrati ħafna u kkaratterizzati minn ostakoli għad-dħul fis-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-iskambju ta’ informazzjoni huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jippermetti lill-impriżi jkunu jafu l-pożizzjonijiet fis-suq kif ukoll l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri tagħhom, u għalhekk, jaffettwa sostanzjalment il-kompetizzjoni li sseħħ (13).
28. Minn dan isegwi li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jelimina l-grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-funzjonament tas-suq inkwistjoni, bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi (14). Dan huwa l-każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-informazzjoni skambjata hija, minn naħa, kunfidenzjali, jiġifieri, mhix diġà magħrufa minn kwalunkwe operatur ekonomiku attiv fis-suq ikkonċernat, u min-naħa l-oħra, strateġika, jiġifieri ta’ natura li tiżvela, skont il-każ, wara li tkun ġiet ikkombinata ma’ informazzjoni oħra diġà magħrufa mill-parteċipanti fi skambju ta’ informazzjoni, l-istrateġija li wħud minn dawn il-parteċipanti għandhom l-intenzjoni li jimplimentaw fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni f’dan is-suq (15).
29. Fir-rigward tan-natura strateġika tal-informazzjoni skambjata relatata mal-prezzijiet, din hija ġeneralment ikkunsidrata sensittiva fil-livell kummerċjali, peress li fil-fatt il-prezz jikkostitwixxi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, wieħed mill-elementi essenzjali tal-istrateġija ta’ impriża (16). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm kull skambju ta’ informazzjoni dwar prezzijiet futuri, jew ċerti fatturi determinanti għal dawn tal-aħħar, huwa intrinsikament antikompetittiv fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riskju ta’ dannu għall-kompetizzjoni li dan jinvolvi, il-kunċett ta’ “informazzjoni strateġika” huwa usa’ u jinkludi kull data mhux diġà magħrufa mill-operaturi ekonomiċi li, fil-kuntest ta’ tali skambju, hija ta’ natura li tnaqqas l-inċertezza tal-parteċipanti fih fir-rigward tal-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi, minħabba n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u tal-istruttura tiegħu, parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni (17). Għalhekk, għal dak li jirrigwarda skambju ta’ informazzjoni dwar it-tariffi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex prattika miftiehma tkun tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba għan”, huwa suffiċjenti li l-iskambju jirrigwarda wieħed mid-diversi parametri li jikkostitwixxu l-prezz (18). Minn dan isegwi li, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħha bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba għan” jew “minħabba effett”, prattika miftiehma tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minkejja li ma għandhiex rabta diretta mal-prezzijiet finali għall-konsum (19).
30. Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tingħata risposta għaż-żewġ aspetti tal-ewwel sottodomanda li tagħmel il-qorti tar-rinviju.
Fuq l-importanza mogħtija lill-grad ta’ speċifiċità tal-informazzjoni skambjata għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ prattika miftiehma
31. Fir-rigward tal-importanza mogħtija lill-grad ta’ speċifiċità tal-informazzjoni skambjata, irrid, fl-ewwel lok, nenfasizza li, minn naħa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 24 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kull skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar il-prezzijiet bejn kompetituri jista’, bħala prinċipju, jaqa’ taħt prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE, peress li l-prezz jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, parametru essenzjali li fid-dawl tiegħu tiġi stabbilita l-kompetizzjoni, u għalhekk din l-informazzjoni hija ta’ natura strateġika. Għalhekk, għandu jingħata privileġġ lil approċċ pragmatiku, iffokat mhux fuq il-grad ta’ speċifiċità tal-informazzjoni dwar it-tariffi skambjata b’mod astratt, iżda fuq il-kontenut tagħha u l-kapaċità tagħha li tnaqqas jew telimina l-inċertezza dwar l-aġir tal-operaturi fis-suq, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi ta’ dan is-suq (20).
32. Min-naħa l-oħra, xorta jibqa’ l-fatt li l-grad ta’ speċifiċità tal-informazzjoni skambjata jikkostitwixxi element rilevanti fl-evalwazzjoni ta’ din il-kapaċità li titnaqqas, jew saħansitra tiġi eliminata, l-inċertezza kompetittiva. Fil-fatt, iktar ma l-informazzjoni kkomunikata tkun iddettaljata u speċifika fir-rigward tal-parametri determinanti tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, iktar tista’ tkun ta’ natura strateġika u teżerċita influwenza sinjifikattiva fuq l-aġir tal-operaturi (21).
33. Fit-tieni lok, minn din il-perspettiva, inqis li r-riferiment għall-punt 41 tas-sentenza T‑Mobile għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kuntest fattwali li fih taqa’ din is-sentenza. Fil-fatt, ir-riferiment għad-“data, il-portata u l-modalitajiet tal-adattament li l-impriża kkonċernata għandha timplimenta” jirreferi għall-informazzjoni li l-impriżi kkonċernati kienu skambjaw waqt laqgħa, skont l-elementi tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja (22). Għalhekk, mill-imsemmija sentenza ma jistax jiġi dedott li huwa biss l-iskambju ta’ informazzjoni li għandu tali grad ta’ speċifiċità li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma (23).
34. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni li tinsab fil-punt 41 tas-sentenza T‑Mobile kienet riprodotta f’diversi sentenzi sussegwenti, b’mod partikolari sabiex jingħata, bħal f’din is-sentenza, eżempju tipiku ta’ skambju li għandu għan antikompetittiv (24), jew anki sabiex jiġi ppreċiżat il-grad minimu ta’ inċertezza li fih impriża għandha tinsab sabiex is-suq jopera f’kundizzjonijiet normali (25). Madankollu, minn dawn ir-riferimenti mkien ma jirriżulta li skambju ta’ informazzjoni li ma jinkludix elementi speċifiċi dwar id-data, il-portata jew il-modalitajiet ta’ aġir futur ma seta, bħala prinċipju, jiġi kklassifikat bħala “prattika miftiehma”. Barra minn hekk, tali approċċ ikun kuntrarju għall-approċċ pragmatiku espost fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35. Fit-tielet u l-aħħar lok, peress li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma, l-importanti huwa l-kontenut innifsu tal-informazzjoni fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tnaqqas l-inċertezza fis-suq, u mhux il-grad ta’ preċiżjoni tagħha, jista’ jiġi sostnut li skambju li jirrigwarda s-sempliċi eventwalità ta’ żidiet futuri tal-prezz, mhux individwalizzati u limitati għal tendenzi ġenerali mingħajr indikazzjoni ta’ żidiet konkreti, minħabba l-kapaċità dgħajfa tiegħu li jinfluwenza l-aġir tal-impriżi, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jnaqqas effettivament l-inċertezza fis-suq, u lanqas li jaffettwa l-aġir kompetittiv tagħhom. Għalhekk, tali skambju ma għandux, bħala prinċipju, jiġi kklassifikat bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ fis-swieq fejn il-kompetizzjoni hija eżerċitata prinċipalment abbażi ta’ parametri oħra minbarra l-prezz, b’mod partikolari meta s-suq inkwistjoni huwa rregolat, jew anki meta fatturi esterni għall-kontroll tal-impriżi jagħmlu żieda ġenerali tal-prezzijiet magħrufa u prevedibbli, partikolarment wara żieda fl-ispiża ta’ input essenzjali, bħal prodotti taż-żejt jew l-elettriku. F’tali ċirkustanzi, skambju ta’ informazzjoni ġenerali dwar żieda imminenti tal-prezzijiet, minħabba n-natura magħrufa tagħha, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kunfidenzjali u ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jikkaratterizza l-eżistenza ta’ prattika miftiehma pprojbita (26).
Fuq l-importanza mogħtija lill-karatteristiċi tas-suq għall-finijiet tal-karatterizzazzjoni ta’ prattika miftiehma
36. Fir-rigward tal-karatteristiċi tas-suq għall-finijiet tal-karatterizzazzjoni ta’ prattika miftiehma, jirriżulta b’mod ċar mill-analiżi preċedenti li l-probabbiltà li skambju ta’ informazzjoni jwassal għal kollużjoni ta’ natura li tnaqqas jew li telimina l-inċertezza fir-rigward tal-aġir tal-operaturi fis-suq inkwistjoni tiddependi strettament mill-karatteristiċi ta’ dan tal-aħħar (27). Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-prattiki miftiehma għandhom ikunu evalwati fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu, kif ukoll tal-għanijiet li huma jridu jilħqu, kemm jekk ikun, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest tal-eżami ta’ restrizzjoni minħabba għan kif ukoll ta’ restrizzjoni minħabba effett (28). Issa, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat ċerti elementi rilevanti, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, in-numru ta’ impriżi, il-kobor tas-suq, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tiegħu (29), lista ta’ tali elementi ma tistax tkun eżawrjenti, peress li karatteristiċi oħra tas-suq jistgħu jirriżultaw rilevanti wkoll (30).
37. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni kien ippermetta li titneħħa l-inċertezza fis-suq, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tan-natura oligopolistika u trasparenti tas-suq inkwistjoni, tal-elastiċità dgħajfa tad-domanda marbuta man-natura obbligatorja tal-assigurazzjoni RCA, kif ukoll tal-assenza ta’ innovazzjoni u tas-setgħa limitata ta’ negozjar tal-konsumaturi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni aspetti oħra tas-suq, li hija tikklassifika bħala “sitwazzjonijiet partikolari”, jiġifieri l-effett ta’ emendi leġiżlattivi fuq it-tariffi u l-eżistenza ta’ djun kbar bejn il-kompetituri.
38. F’dan ir-rigward, u mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni li għandha tagħmel din il-qorti, l-unika kompetenti sabiex tiddetermina jekk l-informazzjoni skambjata kinitx ta’ natura li tnaqqas jew telimina l-inċertezza fis-suq tal-assigurazzjoni RCA, nikkunsidra li l-elementi li ġejjin jistgħu jkunu utli għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ aspetti.
39. Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura u tal-qafas regolamentari tas-suq tal-assigurazzjoni RCA, nosserva li, qabel kollox, huwa stabbilit li dan huwa oligopolistiku u kkonċentrat (id-disa’ kumpaniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom bejn 80 % u 97 % tas-suq Rumen tal-assigurazzjoni RCA), kif ukoll trasparenti (jippermetti sorveljanza faċli tal-politiki tariffarji tal-kompetituri, b’mod partikolari permezz ta’ pjattaformi ta’ sensara). Kif tfakkar fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-iskambju ta’ informazzjoni f’tali suq huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jippermetti lill-impriżi jkunu jafu l-pożizzjonijiet u l-istrateġiji kummerċjali tal-kompetituri tagħhom, u għalhekk, jaffettwa sostanzjalment il-kompetizzjoni.
40. Imbagħad, nirrileva li dan is-suq huwa kkaratterizzat minn ċerta nuqqas ta’ elastiċità tad-domanda marbut man-natura obbligatorja tal-assigurazzjoni RCA. Fil-fatt, is-sewwieqa huma marbuta li jkollhom assigurazzjoni RCA sabiex ikunu jistgħu jsuqu legalment, u dan jillimita ħafna l-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni jew ta’ nuqqas ta’ konsum. F’dawn iċ-ċirkustanzi, żieda ġenerali tal-primjums applikata minn kważi l-kumpanniji kollha li joffru din it-tip ta’ assigurazzjoni twassal biss għal tnaqqis limitat tad-domanda globali u tal-klijenti diġà attivi, peress li l-assigurati ma jistgħux joqogħdu mingħajr din il-kopertura.
41. Barra minn hekk, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-kompetizzjoni fis-suq tal-assigurazzjoni RCA għandha tendenza tiġi eżerċitata b’mod sinjifikattiv fil-livell tal-prezz tal-primjums, peress li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni RCA jsostni l-ispejjeż tal-primjum mingħajr ma huwa l-benefiċjarju dirett tal-ħlasijiet ta’ kumpens, peress li dawn huma intiżi għat-terzi leżi. Din is-separazzjoni bejn min iħallas u l-benefiċjarju għandha t-tendenza li timbotta lil dak tal-ewwel jagħżel l-orħos għażla. Il-prezz tal-primjum ta’ assigurazzjoni RCA jikkostitwixxi għalhekk parametru ċentrali li fuqu hija eżerċitata l-kompetizzjoni, meta mqabbel ma’ parametri oħra, bħall-kwalità tas-servizzi offruti.
42. F’dan ir-rigward, għandha madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura eteroġena tas-servizzi ta’ assigurazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet ta’ Groupama jirriżulta li dan is-suq huwa kkaratterizzat minn tariffi bbażati ħafna fuq evalwazzjoni individwalizzata tar-riskju, ibbażata fuq diversi kriterji attwarji proprji għal kull kumpannija ta’ assigurazzjoni u li jwasslu għal differenzazzjoni qawwija tal-primjums skont il-profili tal-assigurati. F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, minkejja din il-kumplessità fil-formazzjoni tal-prezzijiet tal-poloz ta’ assigurazzjoni RCA, skambji ta’ informazzjoni ġenerika u mhux individwalizzata li tirrigwarda tendenzi taż-żieda tal-primjums jistgħux inaqqsu l-inċertezza strateġika u jiffaċilitaw konverġenza ta’ aġir tariffarju, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-parametri komuni ta’ ffissar ta’ prezzijiet jew l-aġġustamenti medji tal-iskedi tariffarji (31).
43. Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-suq tal-assigurazzjoni RCA fir-Rumanija huwa suġġett għal qafas regolamentari kif ukoll għal sorveljanza tal-ASF, u li l-interventi leġiżlattivi jistgħu jinfluwenzaw l-iffissar tal-primjums. F’dawn il-kundizzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li ser ikollha tivverifika jekk il-qafas regolamentari applikabbli matul il-perijodu tal-ksur kienx iħalli lill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni marġni ta’ awtonomija suffiċjenti fid-determinazzjoni tat-tariffi tagħhom, tali li jiġi konkluż li l-prezz jikkostitwixxi parametru rilevanti tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-impriżi kkonċernati kellhom, fil-prattika, ċertu marġni ta’ awtonomija fil-qasam tat-tariffi, peress li, qabel il-perijodu tal-ksur, huma kienu jinsabu fi “gwerra tal-prezzijiet” u li, matul dan il-perijodu, il-prezzijiet ma kinux direttament irregolati, peress li l-limitu massimu daħal fis-seħħ biss wara t-tmiem tal-perijodu tal-ksur. Għalhekk, dawn l-elementi donnhom jindikaw li, minkejja l-eżistenza ta’ qafas regolamentari, il-prezz kien jikkostitwixxi effettivament parametru ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.
44. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-effett kumulattiv tal-miżuri leġiżlattivi adottati qabel u matul il-perijodu tal-ksur, li kienu intiżi sabiex jappoġġjaw is-solvenza finanzjarja tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni u li, bla dubju, kellhom l-effett li jipprovokaw żieda tal-prezz (32). Fil-fatt, minkejja li ċ-CC u l-Gvern Rumen jammettu li dawn il-miżuri wasslu għal żieda tal-primjums tal-assigurazzjoni RCA, hija din il-qorti li ser ikollha tiddetermina jekk il-portata ta’ tali żieda setgħetx tkun, totalment jew parzjalment, imputabbli wkoll għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri.
45. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ djun kbar bejn il-kompetituri fis-suq tal-assigurazzjoni RCA, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bejn is-snin 2010 u 2012, is-suq Rumen tal-assigurazzjoni RCA kien fih nuqqasijiet gravi rrikonoxxuti miċ-CC, ikkaratterizzati minn prattiki ta’ prezzijiet artifiċjalment baxxi li wasslu għal qasma tas-suq bejn l-“assiguraturi speċjalizzati fir-RCA”, li kellhom problemi ta’ solvenza, u l-assiguraturi prinċipalment attivi fl-assigurazzjoni “għal kull riskju”, ħafna drabi parti minn gruppi internazzjonali. Uħud minn dawn tal-ewwel fallew gradwalment minħabba l-inkapaċità tagħhom li jżommu dawn il-livelli tariffarji u jissodisfaw l-obbligi ta’ kumpens tagħhom. Din is-sitwazzjoni affettwat ukoll lil dawn tat-tieni, li, minkejja li kienu solventi, għamlu telf kbir minħabba l-impossibbiltà li jirkupraw il-krediti permezz ta’ azzjonijiet ta’ rkupru u l-immigrazzjoni ta’ profili ta’ riskju għoli lejn il-portafolli tagħhom. Dawn iċ-ċirkustanzi wasslu għalhekk għal żieda ta’ primjums tal-assigurazzjoni RCA sabiex tikkumpensa għall-iżbilanċi tas-suq. Kien għalhekk fil-kuntest ta’ għan leġittimu li tiġi indirizzata tali sitwazzjoni ta’ dejn li eventwali żieda tal-primjums tal-assigurazzjoni RCA kienet diskussa, b’mod partikolari fil-kuntest tal-laqgħa tat‑18 ta’ Ottubru 2012.
46. F’dan ir-rigward, filwaqt li jiena sensibbli għall-fatt li dan id-dejn wassal b’mod partikolari għall-falliment ta’ ċerti impriżi ta’ assigurazzjoni Rumeni ftit wara l-perijodu tal-ksur, niddubita li dan il-kuntest partikolari jista’, waħdu, jeskludi n-natura eventwalment antikompetittiva ta’ dawn l-iskambji inkwistjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-intenzjoni li mbottat l-impriżi kkonċernati jwettqu l-iskambju ta’ informazzjoni ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi stabbilita n-natura restrittiva ta’ prattika miftiehma. Għall-kuntrarju, la l-assenza ta’ intenzjoni suġġettiva li tiġi prekluża, ristretta jew kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas it-tiftix ta’ għanijiet leġittimi ma huma determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (33).
47. Madankollu, nirrileva wkoll li, kieku ġie pprovat li d-diskussjonijiet li seħħew matul l-ewwel laqgħa tat‑18 ta’ Ottubru 2012 kienu jirrigwardaw esklużivament il-problema ta’ rigressjonijiet u d-diffikultajiet li l-impriżi kkonċernati kellhom sabiex iħallsu d-debiti tagħhom, u li l-kwistjoni taż-żieda tariffarja kienet għalhekk issemmiet bħala waħda mill-modalitajiet ta’ rkupru tad-djun, jiġifieri għan perfettament leġittimu, kien ikun jista’ jiġi sostnut li r-referenzi għal tali żieda kienet saret fi skambji ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-istat ġenerali tas-suq tal-assigurazzjoni RCA u l-ambjent regolamentari, kategoriji ta’ informazzjoni li ġeneralment ma humiex ikkunsidrati bħala kummerċjalment sensittivi (34).
48. Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel sottodomanda preliminari tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li prattika miftiehma, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tinvolvix neċessarjament skambju ta’ informazzjoni ddettaljata jew individwalizzata dwar l-intenzjonijiet futuri fil-qasam tal-prezz, bħal informazzjoni speċifika jew konkreta dwar id-data, il-portata u l-modalitajiet ta’ adattament tal-aġir futur, b’dan li huwa ppreċiżat li l-iskambji ta’ informazzjoni li ma fihomx tali elementi tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tiġi jew ma tiġix kklassifikata bħala prattika miftiehma skont il-kapaċità tagħha li tnaqqas jew li telimina l-inċertezza dwar l-aġir tal-operaturi fis-suq inkwistjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi ta’ dan is-suq.
Fuq it-tieni sottodomanda
49. Permezz tat-tieni sottodomanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni għandha teżamina l-ispjegazzjonijiet alternattivi pprovduti minn impriża mqiegħda inkwistjoni minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma relatati maż-żieda tal-prezzijiet applikata u intiżi sabiex tiġi kkonfutata l-eżistenza ta’ tali prattika.
50. Qabelxejn, infakkar li, fid-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-awtorità tal-kompetizzjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (35).
51. Fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata risposta għal din is-sottodomanda, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-każ ta’ paralleliżmu ta’ aġir fis-suq, u min-naħa l-oħra, prattika miftiehma (36).
52. Minn naħa, fir-rigward tal-paralelliżmu ta’ aġir fis-suq, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha żmien twil li rrikonoxxiet li dan ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura antikompetittiva. Fil-fatt, fis-sentenza Pâte de bois, hija ddeċidiet, essenzjalment, minn naħa, li paralleliżmu ta’ aġir jista’ jiġi kkunsidrat bħala prova ta’ ftehim biss meta huwa jikkostitwixxi l-“unika spjegazzjoni plawżibbli” għalih, u min-naħa l-oħra, li minkejja li l-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi kull forma ta’ kollużjoni ta’ natura li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa ma jeskludix id-dritt tal-operaturi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat u mistenni tal-kompetituri tagħhom (37).
53. Ċertament, jekk awtorità tal-kompetizzjoni tikkonstata ksur billi tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-fatti stabbiliti jistgħu jiġu spjegati biss abbażi tal-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata meta l-impriżi kkonċernati jressqu argument li jitfa’ dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti minn din l-awtorità u li jippermetti għalhekk li spjegazzjoni plawżibbli oħra għall-fatti tissostitwixxi dik sostnuta mill-imsemmija awtorità sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ ksur. F’tali każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-awtorità tal-kompetizzjoni pproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (38). Fi kliem ieħor, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tista’ biss tiddeduċi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma mis-sempliċi paralleliżmu ta’ aġir fis-suq jekk il-ftehim jikkostitwixxi l-“unika spjegazzjoni plawżibbli” għal dan il-paralleliżmu. L-oneru tal-prova huwa fuq din l-awtorità. L-impriża kkonċernata tista’, min-naħa tagħha, tagħti “spjegazzjoni alternattiva” tal-aġir tagħha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-imsemmija awtorità.
54. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, fil-punt 51 tas-sentenza tagħha Siemens, li “[...] l-eżistenza ta’ spjegazzjoni alternattiva tal-fatti hija biss rilevanti meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq. Għalhekk, tali spjegazzjoni hija irrilevanti mill-mument fejn l-eżistenza tal-ksur ma hijiex biss preżunta, iżda stabbilita bil-provi. Barra minn hekk, skont il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera tal-provi [...], il-metodi ta’ prova kollha huma ammissibbli sabiex jipprovaw ksur, b’mod li l-eżistenza ta’ spjegazzjoni alternattiva hija irrilevanti meta l-ksur huwa pprovat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, minn provi oħra għajr provi dokumentarji”.
55. Hija din il-ġurisprudenza li wasslet lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fondatezza tar-rifjut miċ-CC li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet alternattivi mogħtija minn Groupama fir-rigward tal-aġir tagħha fis-suq inkwistjoni. Infakkar li, iċ-CC eskluda, bħala irrilevanti, dawn l-ispjegazzjonijiet alternattivi, billi bbaża ruħu fuq is-sentenza Siemens tal-Qorti Ġenerali, iċċitata iktar ’il fuq, għar-raġuni li l-prattika miftiehma inkwistjoni kienet ġiet stabbilita mhux biss abbażi ta’ paralleliżmu ta’ aġir osservat fis-suq, iżda wkoll abbażi ta’ provi oħra. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija ġurisprudenza ma kinitx approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja u dan għalhekk iqajjem dubji dwar il-konformità tagħha mad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li jixtiequ jinvokaw tali spjegazzjoni alternattiva.
56. F’dan ir-rigward, nikkonstata li, għall-kuntrarju ta’ dak li tindika l-qorti tar-rinviju, is-sentenza Siemens tal-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermata, essenzjalment, fl-appell. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “meta l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni rnexxielha tipproduċi provi insostenn tal-ksur allegat u li dawn il-provi jidhru suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk teżistix spjegazzjoni alternattiva plawżibbli għall-aġir implikat” u li “peress li l-Kummissjoni ma kinitx għalhekk ibbażat ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni sabiex turi l-ksur allegat, l-ispjegazzjoni alternattiva mogħtija mill-impriżi kkonċernati ma kinitx suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-ineżistenza tal-arranġament komuni u kienet, għalhekk, irrilevanti” (39). Barra minn hekk, f’dan il-każ, din il-kawża ma tidhirx li taqa’ taħt l-eżempju msemmi fil-punti 52 u 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-eżistenza ta’ ftehim kienet ikkonstatata abbażi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati, u mhux dedotta mill-paralleliżmu ta’ aġir fis-suq biss. Għalhekk, din il-ġurisprudenza ma tidhirx rilevanti f’dan il-każ.
57. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prattiki miftiehma, mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ “prattika miftiehma” jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati (l-ewwel kundizzjoni), aġir fis-suq sussegwenti għal dan il-ftehim (it-tieni kundizzjoni) u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi (it-tielet kundizzjoni). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, għal dak li jirrigwarda din it-tielet kundizzjoni, li għandu jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja, li huma l-operaturi kkonċernati li għandhom juru, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali prattika miftiehma taqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE anki fl-assenza ta’ effetti antikompetittivi fis-suq (40). Minn dan isegwi li l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jikkonfutaw din il-preżunzjoni, billi jistabbilixxu li huma ma ħadux inkunsiderazzjoni informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq, jew fi kliem ieħor, li l-ftehim ma kien influwenza bl-ebda mod l-aġir tagħhom fis-suq (41). Għalhekk, bid-differenza għall-każ ta’ sempliċi paralleliżmu ta’ aġir, fil-każ ta’ ftehim stabbilit abbażi ta’ provi jew indizji, l-oneru tal-prova huwa fuq l-impriża kkonċernata, li għandha tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aġir fis-suq.
58. Issa, f’dan il-każ, mill-proċess ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Groupama tikkontesta mhux biss l-eżistenza nnifisha tal-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati (l-ewwel kundizzjoni), peress li n-natura ġenerika tal-iskambju ta’ informazzjoni ma tistax turi l-eżistenza ta’ ftehim, iżda wkoll l-allegat aġir fis-suq sussegwenti għal dan il-ftehim (jiġifieri, essenzjalment, it-tieni u t-tielet kundizzjonijiet), billi targumenta, essenzjalment, permezz ta’ diversi rapporti ekonomiċi, li d-deċiżjonijiet tariffarji tagħha matul il-perijodu eżaminat kienu l-prodott ta’ adattament indipendenti għall-kuntest tas-suq, mingħajr ebda relazzjoni mal-ftehim allegat.
59. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu ċ-CC u l-qorti tal-ewwel istanza, dan il-każ ma jirrigwardax każ li fih l-impriża kkonċernata invokat biss “spjegazzjoni alternattiva” sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li, billi baqgħet attiva fis-suq, hija allegatament ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata. Għall-kuntrarju, Groupama tfittex, bi provi insostenn, li tikkontesta l-eżistenza nnifisha tal-ftehim, billi targumenta li l-informazzjoni skambjata kienet tali li ma setgħetx tikkostitwixxi l-prova ta’ xi ftehim tariffarju.
60. F’dan ir-rigward inqis li l-argumenti differenti u l-provi pprodotti minn Groupama (42), indipendentement mill-valur probatorju tagħhom, kellhom jiġu ddikjarati ammissibbli u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni miċ-CC fl-istadju tal-fażi amministrattiva tal-proċedura, għal żewġ aspetti. Fil-fatt, minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali provi jidher rilevanti kemm sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza kemm tal-ftehim, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ġenerika tal-informazzjoni skambjata (l-ewwel kundizzjoni), kif ukoll sabiex tiġi stabbilita r-rabta kawżali bejn dan il-ftehim u l-aġir adottat fis-suq, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni imsemmija iktar ’il fuq (it-tielet kundizzjoni) (43). Min-naħa l-oħra, fl-assenza tal-provi suffiċjenti li jistabbilixxu tali prattika miftehma, l-unika prova disponibbli għaċ-CC tkun il-paralleliżmu tal-imġiba, b’tali mod li l-eżami tal-ispjegazzjonijiet alternattivi jiġi impost skont il-ġurisprudenza Pâte de bois. Din l-analiżi ma tidhirx inkompatibbli mas-sentenza Siemens tal-Qorti Ġenerali. Kif jidher mill-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, diġà ddeċidiet, essenzjalment, li l-eżami ta’ spjegazzjoni alternattiva plawżibbli tal-aġir inkriminati ma huwiex meħtieġ meta l-Kummissjoni tkun irnexxielha “tistabbilixxi provi suffiċjenti” tal-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv. Madankollu, hija preċiżament l-eżistenza ta’ tali provi suffiċjenti li tikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-ftehim imqajjem minn Groupama.
61. Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni sottodomanda preliminari tkun li, meta impriża implikata fi prattika miftiehma tibqa’ attiva fis-suq inkwistjoni, ma huwiex eskluż li, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi relatati man-natura ġenerika tal-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni u tad-dubbji fir-rigward tal-karattru intrinsikament antikompetittiv tagħhom, li din l-impriża tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir tal-imsemmija impriża f’dan is-suq billi tiġi pprodotta l-prova li l-istess impriża ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-operat tagħha fl-imsemmi suq, b’dan li l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-provi kollha pprodotti mill-istess impriża għal dan il-għan.
Konklużjoni
62. Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Înalta Curte de Casație și Justiție(il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) kif ġej:
L-Artikolu 101(1) TFUE
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– prattika miftiehma, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tinvolvix neċessarjament skambju ta’ informazzjoni ddettaljata jew individwalizzata dwar l-intenzjonijiet futuri fil-qasam tal-prezz, bħal informazzjoni speċifika jew konkreta dwar id-data, il-portata u l-modalitajiet ta’ adattament tal-aġir futur, b’dan li huwa ppreċiżat li l-iskambji ta’ informazzjoni li ma fihiex tali elementi tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tiġi jew ma tiġix kklassifikata bħala prattika miftiehma skont il-kapaċità tagħha li tnaqqas jew li telimina l-inċertezza dwar l-aġir tal-operaturi fis-suq inkwistjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi ta’ dan is-suq; u
– meta impriża implikata fi prattika miftiehma tibqa’ attiva fis-suq inkwistjoni, ma huwiex eskluż li, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi relatati man-natura ġenerika tal-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni u tad-dubbji fir-rigward tal-karattru intrinsikament antikompetittiv tagħhom, li din l-impriża tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir tal-imsemmija impriża f’dan is-suq billi tiġi pprodotta l-prova li l-istess impriża ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-operat tagħha fl-imsemmi suq, b’dan li l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-provi kollha pprodotti mill-istess impriża għal dan il-għan.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 88 tat‑30 ta’ April 1996.
3 Mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija l-unika, fost it-tmien qrati aditi fil-kuntest ta’ kawżi paralleli, li kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża, peress li s-seba’ qrati l-oħra kkonkludew li l-iskambji ta’ informazzjoni li fuqhom kienet ibbażata din id-deċiżjoni ma setgħux jiġu kklassifikati bħala antikompetittivi. Madankollu, bl-eċċezzjoni tas-sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li kienet tirrigwarda l-parteċipazzjoni tal-UNSAR bħala faċilitatriċi tal-prattika miftiehma, f’dan l-istadju, għadha ma ngħatat ebda deċiżjoni definittiva li tikkonferma l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi ssanzjonati, peress li l-kawżi differenti pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ġew sospiżi sakemm tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.
4 Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑Mobile”, EU:C:2009:343, punt 41).
5 Jiġifieri, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni (T‑110/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Siemens tal-Qorti Ġenerali”, EU:T:2011:68, punt 51 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ċċitata).
6 Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs IlKummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pâte de bois”, EU:C:1993:120, punti 71 u 126).
7 Korsiv miżjud minni. Fil-fatt, dan il-kliem huwa riprodott fil-formulazzjoni tal-ewwel parti tal-punt (a) tad-domanda preliminari.
8 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li la d-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza ma juru perċentwal konkret jew ammont determinat jew determinabbli taż-żieda tariffarja inkwistjoni, u lanqas data ta’ riferiment preċiża għall-implimentazzjoni tagħha. Madankollu, din l-evalwazzjoni hija kkontestata miċ-CC li jargumenta li, anki fl-assenza ta’ ffissar espliċitu ta’ livell ta’ prezz iddeterminat, l-informazzjoni skambjata kienet tikkonċerna żidiet futuri determinabbli, peress li l-avviżi ppubblikati fl-istampa kienu jindikaw kemm il-portata approssimattiva taż-żieda kif ukoll id-data ta’ implimentazzjoni tagħha (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Issa, din il-qorti ppreċiżat espressament, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li hija ser tevalwa ulterjorment jekk l-iskambji inkwistjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kkostitwixxewx “skambju ta’ informazzjoni ddettaljata jew speċifika” jew “diskussjonijiet ġeneriċi”. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, għall-imsemmija qorti, l-uniku kuntatt rilevanti għall-finijiet tal-prova tal-prattika miftiehma kien dak tal-ewwel laqgħa tat‑18 ta’ Ottubru 2012, li huwa stabbilit li matulha d-diskussjonijiet baqgħu ġeneriċi. Għalhekk, ma jidhirx li huwa utli, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, li tinbidel l-ipoteżi fattwali sostnuta mill-istess qorti fid-domanda tagħha.
9 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 112 u 131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara s-sentenzi TMobile (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar 2021, Kilpailu- ja kuluttajavirasto (C‑450/19, EU:C:2021:10, punt 22). Il-kunċett ta’ “prattika miftiehma” kien stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs IlKummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punti 64 u 65), qabel ma l-isfumaturi tiegħu kienu ppreċiżati iktar fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs IlKummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punti 173 sa 174).
11 Ara s-sentenzi T‑Mobile (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza HSBC”, EU:C:2023:11, punt 113).
12 Ara s-sentenzi TMobile (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll HSBC (punt 114).
13 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TMobile(punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN vs BIC Português et (C‑298/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco BPN”, EU:C:2024:638, punti 58 u 59).
14 Ara s-sentenzi TMobile(punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll HSBC (punt 115).
15 Ara s-sentenza Banco BPN (punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
16 Ara, f’dan is-sens, il-punt 385 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal‑21 ta’ Lulju 2023, dwar il-Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 [TFUE] għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2023, C 259, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali”).
17 Ara s-sentenza Banco BPN (punt 64), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Banco BPN vs BIC Português et (C‑298/22, EU:C:2023:738, punti 69 u 70).
18 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco BPN (punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Banco BPN vs BIC Português et (C‑298/22, EU:C:2023:738, punti 74 u 75). Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE tikkonferma li prattika miftiehma tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni jekk hija tikkonsisti fl-iffissar “dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (korsiv miżjud minni).
19 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs IlKummissjoni (C‑286/13 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dole Food”, EU:C:2015:184, punt 123).
20 Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, inkluż minħabba għan, il-kontenut innifsu tal-iskambju ta’ informazzjoni jibqa’ importanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-iskambju għandux karatteristiċi li jorbtuh ma’ forma ta’ koordinazzjoni li tista’ toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni (ara s-sentenza Banco BPN (punt 52)). Għalhekk, peress li l-prattiki miftiehma jistgħu jieħdu diversi forom differenti, għandu jiġi żgurat li ma jiġix iddefinit minn qabel u lanqas illimitat dak li jista’ jew ma jistax jikkostitwixxi tali prattika.
21 Ara, f’dan ir-rigward, ukoll, il-punt 390 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali, li fih huwa indikat li “[j]ekk l-informazzjoni tkunx kummerċjalment sensittiva jiddependi fuq l-utilità tagħha għall-kompetituri. B’mod ġenerali, informazzjoni li fiha ħafna dettall u tippermetti l-identifikazzjoni tal-impriża/i li tkun/ikunu pprovdewha tkun aktar kummerċjalment sensittiva. [...]”. Bl-istess mod, il-verżjoni preċedenti ta’ dawn l-istess linji gwida, li kienet fis-seħħ fiż-żmien il-fatti fil-kawża prinċipali, tippreċiża, fil-punt 74, li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba għan l-“ iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri ta’ dejta individwalizzata dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet futuri ppjanati” (korsiv miżjud minni) (ĠU 2011, C 11, p. 1).
22 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punti 67 u 68), li fihom huwa ppreċiżat li “[i]s-suġġett tal-iskambju fil-qafas tal-laqgħa ta’ Ġunju 2001 kien, fil-fatt [...] il-kwistjoni ta’ kif kellhom isiru l-modifiki, jiġifieri d-data, safejn u suġġett għal liema arranġamenti t-tnaqqis intiż ta’ kumpens standard tal-bejjiegħa kellu jiġi implimentat minn kull impriża” (korsiv miżjud minni).
23 Għall-kuntrarju, mill-punti 32 sa 35 kif ukoll 41 u 42 tal-istess sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-analiżi tagħha fuq il-kriterju ġenerali tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-inċertezza fir-rigward tal-funzjonament tas-suq inkwistjoni.
24 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dole Food (punt 122), u HSBC (punt 116), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-frażi avverbjali “b’mod partikolari” sabiex tfakkar in-natura antikompetittiva ta’ tali skambju ta’ informazzjoni.
25 Ara s-sentenza Banco BPN (punt 54), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi “f’dan is-sens” għall-punt 41 tas-sentenza T‑Mobile insostenn tal-proposta li tipprovdi li, sabiex suq jopera f’kundizzjonijiet normali, kull operatur għandu “[jinsab] f’inċertezza tal-inqas fir-rigward tad-data, tal-portata u tal-modalitajiet ta’ bidla futura tal-aġir tal-kompetituri [tiegħu] f’dan is-suq”.
26 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, nosserva li, anki meta informazzjoni dwar żieda tal-prezzijiet tkun magħrufa jew faċilment aċċessibbli, skambju ta’ informazzjoni jista’ jnaqqas l-inċertezza fis-suq meta din tiġi kkomunikata taħt forma inqas aggregata jew iktar granulari (ara l-punt 389 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali).
27 Ara, f’dan is-sens, il-punt 412 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali.
28 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco BPN (punti 40, 46 sa 48 u 55).
29 Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
30 Bħala eżempju, il-punt 412 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali jipprevedi li l-karatteristiċi tas-suq rilevanti f’dan ir-rigward jinkludu, fost oħrajn, il-livell ta’ trasparenza tas-suq, in-numru ta’ impriżi attivi fih, l-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul, jekk il-prodott jew is-servizz ikkonċernat mill-iskambju jkunx omoġenju, jekk l-impriżi involuti jkunux simili, kif ukoll l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tal-offerta u tad-domanda.
31 Dan it-tip ta’ suq huwa differenti mis-swieq ta’ prodotti omoġeniċi, bħas-suq tal-banana, fejn skambji ta’ informazzjoni iktar ġenerika jistgħu jkunu ta’ portata iktar determinanti. Madankollu, nenfasizza li, anki f’tali suq, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha C (2008) 5955 final tal‑15 ta’ Ottubru 2008 dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.188 – Banana), sostniet l-eżistenza ta’ prattika miftiehma abbażi ta’ skambji li jirrigwardaw informazzjoni ferm iktar preċiża minn sempliċi volontà ta’ żieda tal-prezzijiet, jiġifieri elementi relatati mal-fatturi ta’ tariffi, kif ukoll ta’ tendenzi tal-prezz u tal-indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ referenza qabel l-iffissar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dole Food (punt 96)).
32 Ara, b’mod partikolari, minn naħa, l-Ordinul CSA nr. 3/2013 (deċiżjoni taċ-CSA Nru 3/2013) li ssuġġettat it-tariffi tal-primjums għal rekwiżit ogħla ta’ koperatura tal-ispejjeż, li jista’ jaffettwa l-profitabbiltà u, min-naħa l-oħra, in-Norma ASF 20/2014 (regola tal-ASF 20/2014), li żiedet ir-rata ta’ kontribuzzjoni lill-Fond ta’ Garanzija ta’ Assigurazzjonijiet, kif ukoll in-Norma ASF 17/2015 (regola tal-ASF 17/2015), dwar ir-rati ta’ kontribuzzjoni dovuti mill-assiguraturi lil dan il-Fond.
33 Ara s-sentenza Banco BPN (punti 49 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 Ara, f’dan is-sens, il-punt 386 tal-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet Orizzontali. In-natura regolamentari tal-informazzjoni skambjata tidher iktar u iktar evidenti waqt il-laqgħa tat‑3 ta’ Diċembru 2012 li saret fil-preżenza tar-regolatur innifsu, jiġifieri ċ-CSA (punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
35 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs IlKummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 71), kif ukoll l-Artikolu 2 u premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat [FUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Dan ir-regolament madankollu ma jinkludix dispożizzjoni rigward il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Eturas et (C‑74/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eturas”, EU:C:2016:42, punti 30 u 31)).
36 Fil-fatt, fil-lingwaġġ tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “spjegazzjoni alternattiva” tirreferi ġeneralment għall-każ ta’ aġir parallel.
37 Ara s-sentenza Pâte de bois (punti 70, 71 u 126).
38 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punti 220 sa 224). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, inkella, il-Qorti Ġenerali tkun marbuta teżamina spjegazzjoni alternattiva kull meta reat ikun jista’ jiġi stabbilit permezz ta’ deduzzjoni minn fatti oħra, permezz ta’ provi indiretti jew permezz ta’ provi mhux dokumentarji.
40 Ara s-sentenzi Dole Food (punti 126 sa 128), u Eturas (punt 42).
41 Ara, f’dan is-sens, ukoll, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs IlKummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 162 u 167).
42 B’mod iktar preċiż, huma msemmija r-rapport ekonomiku li jirrigwarda l-perijodu 2012‑2016 u l-analiżi tas-suq ippreparata mill-kumpannija Deloitte fuq talba tal-UNSAR.
43 Ara, b’analoġija, is-sentenza Eturas (punti 46 u 49), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ fejn ma hijiex kwistjoni ta’ laqgħa kollużorja, it-tbegħid pubbliku jew ir-rappurtar lil entitajiet amministrattivi ma humiex l-unika modi sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għal prattika miftehma, peress li provi oħra jistgħu wkoll jiġu invokati għal dan l-għan. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet ukoll li l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir fis-suq ta’ impriżi li jipparteċipaw fih tista’ tiġi kkonfutata permezz ta’ prova ta’ applikazzjoni sistematika ta’ skont li jaqbeż il-limitu massimu inkwistjoni. Għalkemm din is-soluzzjoni hija marbuta mill-qrib maċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dik il-kawża, dik is-sentenza tiftaħ, fil-fehma tiegħi, apparti l-każijiet klassiċi ta’ laqgħat kollużorji – b’mod partikolari meta l-iskambju ta’ informazzjoni iseħħ fil-preżenza tar-regolatur, ċirkustanza li trendi, għall-inqas, ir-rekwiżit li wieħed jirrapporta lill-entitajiet amministrattivi, żejjed –, il-possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ parteċipazzjoni billi tiġi pprovduta prova oġġettiva ta’ aġir awtonomu fis-suq. Tali prova tista’ b’mod partikolari tirriżulta fl-adozzjoni, qabel il-perijodu ta’ ksur, ta’ politika tariffarja vinkolanti li tkopri dan il-perjodu.