Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑26 ta’ Frar 2026 (1)

Kawża C234/25

Sky Österreich Fernsehen GmbH

vs

Verein für Konsumenteninformation

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il‑Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Drittijiet tal-konsumaturi – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ reċess – Telf tad-dritt ta’ reċess – Servizz diġitali – Kontenut diġitali – Abbonament għal servizz ta’ streaming – Klassifikazzjoni ta’ tali servizz”






I.      Introduzzjoni

1.        F’dawn l-aħħar snin, l-użu ta’ pjattaformi ta’ streaming (iktar ’il quddiem l-“istreaming”) sar iktar mifrux, fl-istess ħin li l-offerta ta’ dawn il-pjattaformi żdiedet b’mod sinjifikattiv: il-pjattaformi għad‑dispożizzjoni tal-klijenti llum huma numerużi, u l-kontenut li joffru ġie estiż. Minkejja li dawn il-pjattaformi għandhom, kull waħda minnhom, karatteristiċi speċifiċi, huma madankollu għandhom ċerti karatteristiċi ewlenin komuni.

2.        B’hekk, il-provvista ta’ servizz ta’ streaming twassal għat-tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-konsumatur ta’ kontenut, bħalma huma videos jew xogħlijiet mużikali, bil-għan tal-wiri jew tas-smigħ tagħhom. Dan il-kontenut jinħażen fuq server, li l-konsumaturi jistgħu jaċċessaw bit‑terminal tagħhom permezz ta’ hyperlink jew ta’ app. Huma għalhekk jistgħu jaraw jew jisimgħu xogħol magħżul fost il-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni permezz tal-internet, live jew on demand, skont il-kundizzjonijiet tal-abbonament tagħhom u tal-offerta proposta.

3.        Ħafna drabi, il-provvista ta’ servizz ta’ streaming toffri wkoll lill‑konsumatur il-possibbiltà li jniżżel il-kontenut magħżul, sabiex dan ikun disponibbli għall-wiri jew għas-smigħ anki fin-nuqqas ta’ konnessjoni mal-internet. F’każ bħal dan, ix-xogħol magħżul jiġi mbagħad maħżun fuq tagħmir ta’ ħażna tal-konsumatur stess u dan ikun jista’ jarah, anki mingħajr aċċess għall-internet, ġeneralment għal perijodu ta’ żmien limitat li wara l-iskadenza tiegħu l-aċċess għall-kontenut inkwistjoni fil-forma ta’ tniżżil ma jibqax possibbli, filwaqt li dan il-kontenut jibqa’ dejjem disponibbli online.

4.        Barra minn hekk, l-offerta ta’ kontenut għall-wiri jew għas-smigħ normalment tkun akkumpanjata minn personalizzazzjoni tal‑preżentazzjoni tiegħu fuq il-pjattaforma, speċifika għal kull konsumatur, permezz ta’ playlists bħall-kontenut li dan ikun qiegħed jara jew jisma’, jew permezz ta’ suġġerimenti personalizzati mfassla abbażi ta’ kontenut diġà użat.

5.        Dawn il-pjattaformi huma fil-qofol ta’ din il-kawża, li twassal lill‑Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi jekk il-provvista ta’ servizz ta’ streaming għandhiex tiġi kklassifikata bħala “offerta ta’ ‘kontenut diġitali’” jew bħala ‘servizz diġitali’”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2011/83/UE (2).

6.        Tali klassifikazzjoni ma hijiex biss ta’ natura semantika. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ reċess previst minnha jista’ jintemm qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ 14‑il jum li, bħala regola ġenerali, din tipprevedi meta jiġi pprovdut “servizz diġitali”, u mhux fil-każ ta’ offerta ta’ “kontenut diġitali”.

II.    Il-qafas ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2019/770

7.        Il-premessi 19 u 57 tad-Direttiva (UE) 2019/770 (3) jistipulaw:

“(19)      Id-Direttiva għandha tindirizza problemi fost kategoriji differenti ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizzi diġitali u l-provvista tagħhom. Bil-għan li taħseb għal żviluppi teknoloġiċi mgħaġġlin u biex il‑kunċett ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali jibqa’ validu fil‑futur, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri, inter alia, programmi tal-kompjuter, applikazzjonijiet, video files, audio files, [files mużikali], logħob diġitali, kotba elettroniċi jew pubblikazzjonijiet elettroniċi oħra, u wkoll servizzi diġitali li jippermettu l-ħolqien, l‑ipproċessar, l‑aċċess għad-data jew il-ħżin ta’ data f’forma diġitali, inkluż softwer bħala servizz bħall-video sharing u l-audio sharing u l‑ospitar ta’ fajls oħra, il-word processing jew il-logħob offrut fl‑ambjent tal-cloud computing u l-midja soċjali. Peress li hemm bosta manjieri kif il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jiġu pprovduti, bħat-trażmissjoni fuq mezz tanġibbli, it-tniżżil mill‑konsumaturi fuq l-apparati tagħhom, ir-ritrażmissjoni fuq il‑web, permess għal aċċess għal kapaċitajiet ta’ ħżin ta’ kontenut diġitali jew aċċess għall-użu tal-midja soċjali, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika indipendentament mill-mezz użat għat‑trażmissjoni ta’ kontenut diġitali jew servizz diġitali jew l‑għoti ta’ aċċess għalihom. Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għas-servizzi ta’ aċċess għall-internet.

[...]

(57)      Kontenut diġitali jew servizzi diġitali jista’ wkoll jiġi pprovdut lill‑konsumaturi b’mod kontinwu fuq perjodu ta’ żmien. Provvista kontinwa tista’ tinkludi każijiet fejn il-kummerċjant iqiegħed servizz għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal perjodu ta’ żmien fiss jew indefinit, bħal kuntratt ta’ sentejn ta’ ħżin fil-cloud jew sħubija indefinita fi pjattaforma tal-midja soċjali. L-element distintiv ta’ din il-kategorija huwa l-fatt li l-kontenut jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu ta’ żmien fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit jibqa’ fis-seħħ. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jkun jenħtieġ li f’każijiet bħal dawn il-kummerċjant ikun responsabbli biss għal nuqqas ta’ konformità li titfaċċa matul dak il-perjodu ta’ żmien. Jenħtieġ li l-element ta’ provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta’ żmien twil. Każijiet bħall‑web-streaming ta’ filmat jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, irrispettivament minn kemm fil‑fatt idum il-fajl awdjoviżiv. Każijiet fejn elementi speċifiċi tal‑kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkunu magħmula disponibbli perjodikament jew għal diversi drabi matul il-perjodu ta’ żmien fiss tal-kuntratt, jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis‑seħħ, jenħtieġ li wkoll jiġu kkunsidrati bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, pereżempju meta l-kuntratt jistipula li kopja ta’ softwer anti-virus tista’ tintuża għal sena u jiġi aġġornat awtomatikament fl-ewwel jum tax-xahar ta’ dan il-perjodu, jew li l-kummerċjant joħroġ aġġornamenti kull meta jsiru disponibbli karatteristiċi ġodda ta’ logħba diġitali, u l-kontenut diġitali jew is‑servizz diġitali jkun disponibbli jew ikun aċċessibbli għall‑konsumaturi biss għall-perjodu fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ.”

8.        L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 1 u 2 tiegħu:

“Għall-iskopjiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘kontenut diġitali’: tfisser data li tiġi prodotta u pprovduta f’forma diġitali;

(2)      ‘servizz diġitali’: tfisser

(a)      servizz li jippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew li jkollu aċċess għal data f’forma diġitali; or

(b)      servizz li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data f’format diġitali jew il-kondiviżjoni magħha, li tkun imtellgħa jew maħluqa mill-konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz;”

9.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 5(g) tiegħu:

“5.      Din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti li jirrigwardaw:

[...]

(g)      il-provvista ta’ kontenut diġitali fejn il-kontenut diġitali jkun magħmul disponibbli lill-pubbliku inġenerali għajr permezz tat‑trażmissjoni ta’ sinjali bħala parti minn spettaklu jew avveniment, bħal projezzjonijiet ċinematografiċi diġitali;”.

10.      L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Provvista tal-kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali”, jipprevedi:

“1.      Il-kummerċjant għandu jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali lill-konsumatur. Sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor, il-kummerċjant għandu jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tal-kuntratt.

2.      Il-kummerċjant għandu jkun issodisfa l-obbligu ta’ provvista meta:

(a)      il-kontenut diġitali jew kwalunkwe mezz adattat għall-aċċess jew għat-tniżżil ta’ kontenut diġitali jiġi magħmul disponibbli għall‑konsumatur, jew għal faċilità fiżika jew virtwali magħżula mill-konsumatur għal dak l-iskop;

(b)      is-servizz diġitali jiġi magħmul aċċessibbli għall-konsumatur jew għal faċilità fiżika jew virtwali magħżula mill-konsumatur għal dak l-iskop.”

2.      Id-Direttiva (UE) 2019/2161

11.      Il-premessi 30 u 38 tad-Direttiva (UE) 2019/2161 (4) jistipulaw:

“(30)      Id-definizzjonijiet tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali fid‑[Direttiva 2011/83] jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk tad‑[Direttiva 2019/770]. Il-kontenut diġitali kopert mid‑[Direttiva 2019/770] ikopri att uniku ta’ forniment, sensiela ta’ atti individwali ta’ forniment, jew forniment kontinwu fuq perjodu ta’ żmien. Jenħtieġ li l-element ta’ provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta’ żmien twil. Każijiet bħall-web-streaming ta’ filmati jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta’ żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv. Għalhekk jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn ċerti tipi ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, peress li t-tnejn li huma jistgħu jinvolvu forniment kontinwu min-naħa tal-kummerċjant tul iż-żmien tal-kuntratt. Eżempji ta’ servizzi diġitali huma servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vidjo u awdjo u l-ospitar ta’ fajls oħra, word processing jew logħob offruti fl-ambjent tal-cloud, cloud storage, posta web, midja soċjali u applikazzjonijiet tal-cloud. L-involviment kontinwu tal-fornitur tas-servizzi jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-dritt ta’ reċess stabbilit fid-[Direttiva 2011/83] li effettivament jippermetti lill-konsumatur li jittestja s-servizz u jiddeċiedi, matul il-perjodu ta’ 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, jekk iżżommux jew le. Ħafna kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli huma kkaratterizzati minn att uniku ta’ forniment lill-konsumatur ta’ biċċa jew biċċiet speċifiċi ta’ kontenut diġitali, bħal fajls speċifiċi tal-mużika jew tal-vidjo. Il‑kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni mid-dritt ta’ reċess imsemmi fil-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-[Direttiva 2011/83], li jipprovdi li l-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess meta tkun inbdiet l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, bħal tniżżil jew streaming tal-kontenut, soġġett għall-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur biex tinbeda l-eżekuzzjoni matul il-perjodu tad-dritt ta’ reċess u għar-rikonoxximent li b’hekk huwa jkun tilef id-dritt tiegħu ta’ reċess. Fejn ikun hemm dubju dwar jekk il-kuntratt huwiex kuntratt ta’ servizz jew kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli tad-dritt ta’ reċess għas-servizzi.

[...]

(38)      Il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad‑[Direttiva 2011/83] jipprevedi eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess fir-rigward ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jekk il-konsumatur ikun ta kunsens espliċitu minn qabel li tinbeda l-eżekuzzjoni qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess u rrikonoxxa li huwa b’hekk jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess. Il-punt (b) tal-Artikolu 14(4) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal penali kuntrattwali meta dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt mill‑kummerċjant, jiġifieri, il-konsumatur ma jkollux iħallas biex il-kontenut diġitali jiġi kkunsmat. Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur u rikonoxximent huwa għalhekk rilevanti biss għal kontenut diġitali li jkun ipprovdut bi ħlas ta’ prezz. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat il-punt (m) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 fis-sens li r-rekwiżit għall‑kummerċjanti li jinkiseb il-kunsens espliċitu minn qabel u r‑rikonoxximent mill-konsumatur japplika biss għall-kuntratti li jpoġġu lill-konsumatur f’obbligu li jħallas.”

3.      Id-Direttiva 2011/83

12.      Id-Direttiva 2011/83 ġiet emendata bid-Direttiva 2019/2161. It‑terminu ta’ traspożizzjoni skada fit‑28 ta’ Novembru 2021 u d‑dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni għandhom jiġu applikati mit‑28 ta’ Mejju 2022.

13.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, kif emendata bid-Direttiva 2019/2161, jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(6)      ‘kuntratt ta’ servizz’ tfisser kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li taħtu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz, inkluż servizz diġitali, lill-konsumatur;

[...]

(11)      ‘kontenut diġitali’ tfisser kontenut diġitali kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2019/770];

[...]

(16)      ‘servizz diġitali’, tfisser servizz diġitali kif definit fil-punt (2) tal‑Artikolu 2 tad-[Direttiva 2019/770];

[...]”

14.      L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2019/2161, intitolat “Obbligi tal‑konsumatur f’każ ta’ reċess”, jipprevedi:

“[...]

2a.      F’każ li jirreċedi mill-kuntratt, il-konsumatur għandu jżomm lura milli juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali u milli jqegħidhom għad-dispożizzjoni ta’ partijiet terzi.

3.      Jekk konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ reċess wara li jkun għamel talba f’konformità mal-Artikolu 7(3), jew mal-Artikolu 8(8), il‑konsumatur għandu jħallas lill-kummerċjant ammont proporzjonali għal kemm ġie fornut sal-mument li fih il-konsumatur ikun informa lill‑kummerċjant bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess, meta mqabbel mal‑kopertura totali tal-kuntratt. L-ammont proporzjonali li l‑konsumatur għandu jħallas lill-kummerċjant huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-prezz totali maqbul fil-kuntratt. Jekk dan il-prezz totali huwa eċċessiv, l-ammont proporzjonali għandu jkun ikkalkolat fuq il-bażi tal-valur tas‑suq ta’ dak li ġie fornut.

4.      Il-konsumatur ma għandu jeħel l-ebda spiża għal:

[...]

(b)      il-provvista, kompetament jew parzjalment, tal-kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli meta:

(i)      il-konsumatur ma jkunx ta l-kunsens espliċitu minn qabel għall-bidu tal-eżekuzzjoni qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 14-il jum jew ta’ 30 jum imsemmi fl-Artikolu 9;

(ii)      il-konsumatur ma rrikonoxxiex li huwa jittlef id-dritt ta’ reċess tiegħu meta jagħti l-kunsens tiegħu; jew

(iii)      il-kummerċjant naqas milli jipprovdi l-konferma f’konformità mal-Artikolu 7(2) jew l-Artikolu 8(7).

[...]”

15.      L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2019/2161, jipprevedi:

“L-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu d-dritt ta’ reċess stabbilit fl‑Artikolu 9 sa 15 għall-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan‑negozju fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)      kuntratti ta’ servizz wara l-eżekuzzjoni totali tas-servizz iżda, jekk il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’obbligu li jħallas, biss jekk l‑eżekuzzjoni tkun inbdiet bil-kunsens espliċitu minn qabel tal‑konsumatur u bir-rikonoxximent li huwa jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess ladarba tkun saret l-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt min-naħa tal-kummerċjant;

[...]

(i)      il-forniment ta’ reġistrazzjonijiet tal-awdjo jew tal-vidjo siġillati jew ta’ software tal-kompjuter miftuħa wara l-kunsinna;

(j)      il-forniment ta’ gazzetti, perjodiċi u rivisti bl-eċċezzjoni tal‑kuntratti ta’ abbonament għall-forniment ta’ tali pubblikazzjonijiet;

[...]

(m)      kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jekk l-eżekuzzjoni tkun inbdiet u, jekk il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’obbligu li jħallas, fejn:

(i)      il-konsumatur ikun ta l-kunsens espliċitu minn qabel biex tinbeda l-eżekuzzjoni matul il-perjodu tad-dritt ta’ reċess;(

(ii)      il-konsumatur ikun irrikonoxxa li b’dan huwa jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess; u(

(iii)      il-kummerċjant ikun ipprovda l-konferma f’konformità mal‑Artikolu 7(2) jew mal-Artikolu 8(7).

[...]”

B.      Id-dritt Awstrijak

16.      L-Artikolu 3 tal-Bundesgesetz über Fernabsatz- und außerhalb von Geschäftsräumen geschlossene Verträge (Fern- und Auswärtsgeschäfte-Gesetz – FAGG) (il-Liġi Federali dwar il-Bejgħ mill-Bogħod u l-Kuntratti Konklużi Lil Hinn mill-Post tan-Negozju) (5) jipprevedi d-definizzjonijiet segwenti:

“[...]

4.      ‘servizzi diġitali’: kontenut diġitali jew provvista ta’ servizzi diġitali;

5.      ‘kontenut diġitali’: id-data li tinħoloq f’forma diġitali u li titqiegħed għad-dispożizzjoni, inkluż dik li tiġi żviluppata skont l-istruzzjonijiet tal‑konsumatur;

6.      ‘provvista ta’ servizzi diġitali’:

(a)      il-provvista ta’ servizz li tippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa jew jaħżen data f’forma diġitali, jew jaċċessa data f’forma diġitali,

(b)      il‑provvista ta’ servizz li tippermetti l-qsim ta’ data f’forma diġitali li tkun ittellgħet jew inħolqot mill-konsumatur jew minn utenti oħra ta’ dan is‑servizz, jew li tippermetti kwalunkwe interazzjoni oħra ma’ tali data,

inklużi, f’kull każ, is-servizzi żviluppati skont l-istruzzjonijiet tal‑konsumatur.

[...]”

17.      L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi, intitolat “Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ reċess” jipprevedi:

“(1)      Il-konsumatur ma għandux ikollu d-dritt ta’ reċess fil-każ ta’ kuntratti mill‑bogħod jew ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju li jkunu jirrigwardaw

1.      il-provvisti ta’ servizzi, meta l-kummerċjant ikun ipprovda kompletament is-servizz, fejn għandu jiġi mifhum li, fil-każijiet fejn il‑konsumatur ikun marbut bi ħlas skont il-kuntratt, id-dritt ta’ reċess jintemm biss jekk, barra minn hekk, il-kummerċjant ikun beda jeżegwixxi l-kuntratt bil-kunsens espress minn qabel tal‑konsumatur u jekk il-konsumatur

(a)      jew ikun ikkonferma, qabel il-bidu tal-provvista tas-servizzi, li jifhem li ser jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess ladarba l‑kuntratt jiġi eżegwit b’mod sħiħ

(b)      jew ikun talab espressament lill-kummerċjant jattendi fuq il-post sabiex isiru xogħlijiet ta’ tiswija,

[...]

11.      it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kontenut diġitali mhux intiż li jiġi pprovdut fuq mezz tanġibbli, meta l-kummerċjant ikun beda jeżegwixxi l-kuntratt, fejn għandu jiġi mifhum li, fil-każijiet fejn il-konsumatur ikun marbut bi ħlas skont il-kuntratt, id-dritt ta’ reċess jintemm biss jekk, barra minn hekk,

(a)      il-konsumatur ikun ta l-kunsens espress sabiex l-eżekuzzjoni tal‑kuntratt tibda qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ reċess,

(b)      il‑konsumatur ikun ikkonferma li jifhem li l-bidu antiċipat tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt iċaħħdu mid-dritt ta’ reċess, u

(c)      il-kummerċjant qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur kopja jew konferma skont l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 7(3).

[...]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Sky Österreich Fernsehen GmbH (iktar ’il quddiem “Sky Österreich”), kumpannija privata tat-televiżjoni stabbilita fl-Awstrija toffri, f’dan it-territorju, b’mod partikolari, servizzi ta’ streaming. Il‑kontenut diġitali disponibbli għall-wiri jinsab fuq server li l-klijenti jistgħu jaċċessaw bit-terminal tagħhom permezz ta’ link jew ta’ app, sabiex ikunu jistgħu jaraw permezz tal-internet, live jew on demand, il-programmi inklużi fl-abbonament tagħhom. Tniżżil huwa wkoll possibbli, skont il-konċedenti tal-liċenzji tad-drittijiet ta’ użu kkonċernati. Il-kontenut diġitali jista’ jinħażen fuq tagħmir ta’ ħażna tal-konsumatur stess u huwa jista’ jarah mingħajr aċċess online. Il-konsumatur jista’ jara l-kontenut mniżżel darba waħda biss u għandu jarah kollu kemm hu fi żmien 48 siegħa mill-bidu tal-konsultazzjoni.

19.      Is-sottoskrizzjoni online għal abbonament għas-servizzi ta’ streaming huwa possibbli biss jekk il-klijent jaċċetta, billi jagħfas fuqha, il-klawżola kuntrattwali sussegwenti:

“Fil-każ ta’ sottoskrizzjoni għal abbonament: Ħadt konjizzjoni tal-informazzjoni mogħtija minn Sky X dwar id-dritt ta’ reċess. Naċċetta li Sky tibda teżegwixxi l-kuntratt mingħajr ma tistenna l-iskadenza tat-terminu ta’ reċess ta’ 14‑il jum u, minħabba f’hekk, li nitlef id-dritt tiegħi ta’ reċess fil-każ ta’ sottoskrizzjoni għal abbonament.”

20.      Verein für Konsumenteninformation (iktar ’il quddiem “VKI”), assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, tqis li din l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ reċess mogħtija lill-konsumaturi ma hijiex suffiċjenti. Fl‑opinjoni tagħha l-abbonament ta’ streaming jikkostitwixxi “servizz diġitali” u, konsegwentement, hija biss il-provvista sħiħa tas-servizz li tirrendi d-dritt ta’ reċess null meta l-konsumatur ikun rrikonoxxa li ser jitlef dan id-dritt f’dan il-mument. Min-naħa l-oħra, Sky Österreich hija tal‑opinjoni li servizz ta’ streaming jikkostitwixxi “kontenut diġitali”, b’tali mod li d-dritt ta’ reċess jieqaf jeżisti hekk kif jibda jiġi eżegwit il‑kuntratt.

21.      Ir-rikors ta’ VKI intiż li Sky Österreich tiġi ordnata twaqqaf, fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-konsumatur, l-użu tal‑klawżola kuntrattwali hawn fuq imsemmija, ġie miċħud fl-ewwel istanza. Madankollu, il-qorti tal-appell laqgħet l-appell ta’ VIK u bidlet is‑sentenza tal-ewwel istanza billi kklassifikat is-servizz ta’ streaming offrut minn Sky Österreich bħala “servizz diġitali”, li fir-rigward tiegħu d-dritt ta’ reċess ma jistax isir null meta jibda jiġi eżegwit il‑kuntratt, iżda biss fil-mument meta l-provvista tkun ġiet ipprovduta kompletament.

22.      Adita b’appell minn Sky Österreich, l-Oberster Gerichtshof (il‑Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tistaqsi dwar il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk servizzi ta’ streaming li joffru provvisti paragunabbli ma’ dawk ta’ Sky Österreich għandhomx jiġu kklassifikati bħala kuntratti li jirrigwardaw kontenut diġitali jew bħala kuntratti li jirrigwardaw servizzi diġitali.

23.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-provvista pprovduta minn Sky Österreich tissodisfa l-kundizzjoni ta’ data “li tinħoloq f’forma diġitali u li titqiegħed għad-dispożizzjoni” u tikkorrispondi għalhekk għad‑definizzjoni ta’ “kontenut diġitali”. Hija tosserva li l-istreaming jindika biss il-proċess ta’ trażmissjoni ta’ data li jippermetti li wieħed jara jew jisma’ d-data waqt it-trażmissjoni tagħha. Madankollu, din il-provvista tista’ wkoll tiġi kkunsidrata bħala li tippermetti lill-konsumatur “jaħżen data f’forma diġitali, jew jaċċessa data f’forma diġitali” u għalhekk tikkostitwixxi “servizz diġitali”, b’mod partikolari peress li din ma tiġix ipprovduta fil-forma ta’ att uniku, hija, bħala regola ġenerali, akkumpanjata minn aġġornament korrispondenti tal-offerta u minn rakkomandazzjonijiet individwali bbażati fuq l-imġiba tal-utent ikkonċernat, u l-kuntratt huwa, bħala prinċipju, maħsub sabiex ikun għal ċertu perijodu.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 16(m), moqri flimkien mal-Artikolu 2(11) tad‑[Direttiva 2011/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-offerta ta’ servizzi ta’ streaming fejn il-kontenut diġitali disponibbli għall-wiri jkun jinsab fuq server li l-klijenti jingħataw aċċess għalih permezz ta’ link jew ta’ app bl-użu tat-terminali tagħhom u mbagħad jkunu jistgħu jaraw il‑programmi inklużi fl-abbonament tagħhom kemm ‘live’ kif ukoll ‘on demand’ permezz tal-internet, jew alternattivament iniżżlu l-kontenut diġitali, jissevjawh fuq it-tagħmir ta’ ħażna tagħhom stess u jarawh darba fi żmien 48 siegħa, indipendentement mill-aċċess online, tikkostitwixxi provvista ta’ ‘kontenut diġitali’ fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn VKI, Sky Österreich, il-Gvern Taljan u dak Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea. Seduta ma nżammitx.

IV.    Analiżi

26.      Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(11) u l-Artikolu 16(m) tad-Direttiva 2011/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li servizz ta’ streaming, fejn il-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur ikun jinsab fuq server li għalih il-klijenti jista’ jkollhom aċċess permezz ta’ hyperlink jew ta’ app sabiex jarawh live, on demand jew inkella offline wara li dan jitniżżel, jikkostitwixxi offerta ta’ “kontenut diġitali” li għalih id-dritt ta’ reċess ta’ 14‑il jum previst minn din id-direttiva jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, ma japplikax.

27.      Sky Österreich tiddefendi l-argument li s-servizz li hija tipprovdi għandu jkun ikklassifikat bħala “offerta ta’ ‘kontenut diġitali’” li għaliha jista’ jiġi previst li d-dritt ta’ reċess ta’ 14‑il jum tal-konsumatur ma japplikax, bil-kundizzjoni li l-konsumatur ikun ġie informat dwar dan u li huwa jkun irrikonoxxa li ser jitlef dan id-dritt. Min-naħa l-oħra, il-partijiet l‑oħra kollha jsostnu li l-offerta ta’ servizz ta’ streaming bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija offerta ta’ “servizz diġitali” li għaliha l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess previst fl-Artikolu 16(m) tad‑Direttiva 2011/83 ma tistax tapplika, b’tali mod li l-konsumaturi għandu jkollhom terminu ta’ 14‑il jum sabiex, jekk ikun il-każ, jirrinunzjaw għall-abbonament tagħhom.

A.      Fuq il-kunċetti ta’ “kontenut diġitali” u ta’ “servizz diġitali”

28.      Il-kunċetti ta’ “kontenut diġitali” u ta’ “servizz diġitali” huma ddefiniti, rispettivament, fl-Artikolu 2(11) u (16) tad-Direttiva 2011/83, li jirreferi għad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/770.

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħhom iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti tfittex li tilħaq (6).

1.      Interpretazzjoni litterali

30.      L-Artikolu 2(11) u (16) tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi “kontenut diġitali” bħala “data li tiġi prodotta u pprovduta f’forma diġitali”, u “servizz diġitali” bħala servizz li, jew “jippermetti lill‑konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew li jkollu aċċess għal data f’forma diġitali”, jew “jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data f’format diġitali jew il-kondiviżjoni magħha, li tkun imtellgħa jew maħluqa mill‑konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz”.

31.      Għandu jiġi kkonstatat li t-test tad-Direttiva 2011/83 ma jippermettix li jiġi ddefinit b’mod preċiż x’jaqa’ taħt offerta ta’ kontenut diġitali u x’jaqa’ taħt offerta ta’ servizz diġitali. Kif tenfasizza wkoll il‑qorti tar-rinviju, offerta ta’ streaming tista’ tiġi kklassifikata kemm bħala “provvista ta’ kontenut diġitali”, peress li tippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-wiri ta’ data prodotta f’forma diġitali, kif ukoll bħala “provvista ta’ servizz diġitali” li tippermetti lill-konsumatur jaċċessa d-data u jaħżinha temporanjament.

32.      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jaċċetta li dejjem jista’ jkun hemm dubji dwar il-kwistjoni jekk kuntratt huwiex kuntratt ta’ servizz jew kuntratt ta’ provvista ta’ kontenut diġitali mhux ipprovdut fuq mezz tanġibbli (7).

33.      Għalhekk huwa meħtieġ li ssir interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tiġi mfassla linja ta’ demarkazzjoni bejn il-provvista ta’ kontenut diġitali, fis-sens tal-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2011/83 kif emendata bid-Direttiva 2019/2161, u l-provvista ta’ servizzi diġitali, fis-sens tal-Artikolu 2(16) ta’ din id-direttiva.

2.      Interpretazzjoni sistematika

34.      Fl-ewwel lok, minkejja li l-kliem biss tal-Artikolu 2(11) u (16) tad‑Direttiva 2011/83 ma jippermettix li jiġi ddefinit b’mod preċiż dak li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kontenut diġitali” jew taħt dak ta’ “servizz diġitali”, id-Direttivi 2011/83 u 2019/2161 – b’mod partikolari l-premessi tagħhom – madankollu jipprovdu indikazzjonijiet utli.

35.      B’hekk, minn naħa, fir-rigward tal-kontenut diġitali, il‑premessa 19 tad-Direttiva 2011/83, fil-verżjoni inizjali tagħha, tiċċita bħala eżempju l-“programmi tal-kompjuter, applikazzjonijiet, logħob, vidjos jew testi indipendentement minn jekk humiex aċċessibbli permezz ta’ tniżżil, jew streaming, minn mezz tanġibbli jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor”. Barra minn hekk, fir-rigward tas-servizzi diġitali, il-premessa 30 tad-Direttiva 2019/2161 tirreferi għal “servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ vidjo u awdjo u l-ospitar ta’ fajls oħra, word processing jew logħob offruti fl-ambjent tal-cloud, cloud storage, posta web, midja soċjali u applikazzjonijiet tal-cloud”.

36.      Minkejja li fil-premessa 30 tad-Direttiva 2019/2161, jiġi rrikonoxxut mill-ġdid li “jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn ċerti tipi ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali”, il-leġiżlatur, madankollu, permezz ta’ dawn id‑diversi eżempji, jipprovdi ċerti indikazzjonijiet dwar il-fatturi li jikkaratterizzaw offerta ta’ “kontenut diġitali”, b’kuntrast ma’ offerta ta’ “servizz diġitali”. Għaldaqstant, l-ewwel waħda tinvolvi offerta okkażjonali, limitata fiż-żmien u marbuta mal-kontenut offrut, filwaqt li t‑tieni waħda tippreżupponi ċertu terminu u impenn min-naħa tal‑kummerċjant, b’mod li s-sempliċi provvista ta’ kontenut partikolari ma teżawrixxix il-provvista.

37.      Dan huwa wkoll dak li jirriżulta, min-naħa l-oħra, mill‑ispjegazzjonijiet mogħtija mil-leġiżlatur fil-premessi tad‑Direttivi 2011/83, 2019/770 u 2019/2161. Fil-fatt, huwa stipulat li l-kontenut diġitali “ikopri att uniku ta’ forniment, sensiela ta’ atti individwali ta’ forniment, jew forniment kontinwu fuq perjodu ta’ żmien” (8), filwaqt li s-servizzi diġitali jippreżupponu “[l]-involviment kontinwu tal-fornitur tas-servizzi” (9). Huwa proprju dan, fl-opinjoni tiegħi, il-kriterju determinanti sabiex jiġi ddelimitat dak li jaqa’ taħt il‑kunċett ta’ “kontenut diġitali” u dak li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz diġitali”.

38.      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-involviment kontinwu tal-fornitur ta’ servizzi juri ċerta dinamika, kemm fir-rigward tal-kontenut li jitqiegħed għad-dispożizzjoni kif ukoll fir-rigward tal-provvisti offruti fl‑istess ħin ma’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, l‑offerta ta’ servizz diġitali ma tistax tillimita ruħha, kuntrarjament għal dik ta’ kontenut diġitali, għal tqegħid għad-dispożizzjoni okkażjonali u limitat.

39.      Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni tidher ikkonfermata mill-qari tal‑Artikolu 2(11) u (16) tad-Direttiva 2011/83 fid-dawl tal‑Artikolu 16(m) tagħha, li skontu d-dritt ta’ reċess ma japplikax, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-kuntratti ta’ provvista ta’ kontenut diġitali.

40.      Fil-fatt, tali eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess hija ġġustifikata mill‑fatt li, fil-każ ta’ offerta ta’ kontenut diġitali, il-konsumatur ikun jaf b’mod preċiż il-kontenut li jkun se jara jew jisma’, sa fejn din tkun offerta okkażjonali u speċifika. Barra minn hekk, ladarba l-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni jkun ġie viżwalizzat jew mismugħ, dan ikun biss ta’ interess limitat għall-konsumatur inkwantu jkun ġie kkonsmat fl-intier tiegħu. B’hekk, ma jkunx hemm perijodu li matulu l‑konsumatur ikun jista’ jipprova l‑kontenut imqiegħed għad‑dispożizzjoni.

41.      Is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward ta’ offerta ta’ servizz diġitali. Fil-fatt, f’tali każ, fid-dawl tal-involviment tal-kummerċjant u tas-servizzi annessi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut, l‑eżistenza ta’ dritt ta’ reċess hija ġġustifikata b’mod sħiħ. Fil-kuntest ta’ abbonament għal pjattaforma ta’ streaming, il-klijent jista’, għalhekk, “jipprova” l-pjattaforma sabiex ikollu għarfien tal-katalogu ta’ xogħolijiet li hija toffri, tal-ergonomija tagħha u tal-possibbiltajiet ta’ wiri jew ta’ smigħ offruti, kif ukoll tal-possibbiltà ta’ personalizzazzjoni tal‑pjattaforma skont il-kontenut ikkunsmat. F’tali sitwazzjoni, ma jkunx hemm biss il-konsum ta’ kontenut offrut, iżda pjuttost il-verifika ta’ jekk is-servizz propost mill-kummerċjant, meqjus fl-intier tiegħu, jaqdix lill-konsumatur. Jekk dan ma jkunx il-każ, huwa jista’ mbagħad jagħmel użu mid-dritt tiegħu ta’ reċess.

42.      Fi kwalunkwe każ, mis-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza PE Digital (10) jirriżulta li l-Artikolu 16(m) tad‑Direttiva 2011/83 jikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess li, bħala dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tillimita d-drittijiet mogħtija għal finijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi interpretat b’mod strett (11). Fi kliem ieħor, il-kunċett ta’ “kontenut diġitali”, li jwassal għall‑applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess, ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’ u għandu għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ikun limitat għal atti ta’ provvista okkażjonali. Sa fejn servizz imur lil hinn minn tali att, dan għandu għalhekk jiġi kklassifikat bħala “servizz diġitali”, fis‑sens tal-Artikolu 2(16) ta’ din id-direttiva.

43.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li mill-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 2(11) u (16) u tal-Artikolu 16(m) tad‑Direttiva 2011/83 jirriżulta li servizz ta’ streaming bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ ma jikkostitwixxix offerta ta’ “kontenut diġitali”.

44.      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

3.      Interpretazzjoni teleoloġika

45.      Id-Direttiva 2011/83 hija intiża li toffri “l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal‑impriżi” (12).

46.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt ta’ reċess huwa intiż li jipproteġi lill-konsumatur fis-sitwazzjoni partikolari ta’ bejgħ mill‑bogħod fejn huwa ma jkollux il-possibbiltà in concreto li jara l‑prodott jew li jieħu konjizzjoni tal-karatteristiċi tas-servizz qabel il‑konklużjoni tal-kuntratt. Id-dritt ta’ reċess għaldaqstant huwa intiż li jikkumpensa l-iżvantaġġ għall-konsumatur ta’ kuntratt mill-bogħod, billi jagħtih perijodu ta’ riflessjoni adegwat li matulu jkun jista’ jeżamina u jipprova l-oġġett akkwistat (13).

47.      L-eċċezzjoni għad-dritt ta’ reċess prevista fl-Artikolu 16(m) tad‑Direttiva 2011/83, min-naħa tagħha, hija intiża li tipproteġi lill-kummerċjant fil-każ fejn il-kontenut offrut minnu jkun magħruf u jkun jista’ jiġi kkonsmat immedjatament. F’tali sitwazzjoni, kif jenfasizza l‑Gvern Taljan, il-konsumatur jibbenefika b’mod sħiħ mill-vantaġġi kollha tal-provvista fil-mument li din titwettaq. Barra minn hekk, kif issostni Sky Österreich, fir-rigward ta’ kontenut diġitali, ma huwiex possibbli li jerġa’ jintlaħaq l-istatus quo ante li fih l-interessi tal-kummerċjant ikunu protetti, b’mod li jekk jiġi permess irtirar mill-konsumatur wara, dan ikun jammonta, fl-aħħar mill-aħħar, għal li l-kummerċjant ikun jipprovdi l-kontenut diġitali mingħajr ħlas.

48.      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, hija proprju n-natura iktar wiesgħa tas‑“servizz diġitali”, li tinvolvi impenn kontinwu min-naħa tal‑kummerċjant, b’kuntrast mas-sempliċi provvista ta’ “kontenut diġitali”, li tiġġustifika li l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu mid-dritt ta’ reċess tiegħu jekk, wara li jkun esperjenzah, ma jkunx issodisfatt bih. Min-naħa l-oħra, hija n-natura okkażjonali u speċifika tal-“kontenut diġitali” li tiġġustifika li l-konsumatur ma jkunx jista’ jipprova dan il-kontenut, peress li l-konsumatur ikollu għarfien preċiż, qabel it‑tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut inkwistjoni, tal-provvista eżatta li huwa jkun ser jirċievi.

49.      Għaldaqstant, mill-analiżi tal-għanijiet tad-Direttiva 2011/83, kif emendata bid-Direttiva 2019/2161, jirriżulta wkoll li servizz ta’ streaming, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża ma jikkostitwixxix offerta ta’ “kontenut diġitali” li fir-rigward tagħha d‑dritt ta’ reċess ta’ 14‑il jum previst minn din id-direttiva jista’ ma japplikax.

B.      Fuq il-possibbiltà ta’ abbuż

50.      Tali konklużjoni ma hijiex ikkontestata, fl-opinjoni tiegħi, mill‑argument imqajjem minn Sky Österreich li skontu l-fatt li konsumatur jitħalla juża d-dritt ta’ reċess tiegħu fil-kuntest ta’ abbonament għal offerta ta’ streaming bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwassal, bla dubju, għal abbonamenti abbużivi.

51.      Sky Österreich tindika, b’dan il-mod, li jiġu kkonstatati żidiet qawwija fl‑abbonamenti għas-servizz ta’ streaming, b’mod partikolari meta jsir disponibbli l-ewwel jew l-aħħar staġun ta’ sensiliet popolari, jew fil-mumenti ta’ partiti deċiżivi tal-kampjonati tal-futbol. Hija tirrileva li, jekk il-konsumatur ikollu l-possibbiltà li jtemm l‑abbonament tiegħu immedjatament wara li jkun ikkonsma kontenut, dan ikun jista’ jara l‑kontenut inkwistjoni kważi mingħajr ħlas.

52.      Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni, din il-possibbiltà ta’ abbuż ġiet espressament meħuda inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur fl‑Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/83, kif emendata bid-Direttiva 2019/2161, meta ppreveda li “[j]ekk konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ reċess [...] [huwa] għandu jħallas lill‑kummerċjant ammont proporzjonali għal kemm ġie fornut sal‑mument li fih il-konsumatur ikun informa lill-kummerċjant bl‑eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess, meta mqabbel mal-kopertura totali tal‑kuntratt”.

53.      Din is‑soluzzjoni tapplika wkoll meta l-konsumatur itemm l‑abbonament tiegħu għall-pjattaforma ta’ streaming: il-kummerċjant jirċievi kumpens li jikkorrispondi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal‑kontenut matul il-perijodu li fih il-konsumatur kellu aċċess għalih.

54.      Skont Sky Österreich, tali kumpens madankollu ma jkunx suffiċjenti fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha sabiex jiġi stabbilit l-ammont proporzjonali li għandu jitħallas mill-konsumatur lill‑kummerċjant meta dan il-konsumatur ikun espressament talab li l-eżekuzzjoni tal‑kuntratt tibda matul il-perijodu ta’ reċess u jirtira minn dan il-kuntratt, għandu, bħala regola, jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz miftiehem fil‑kuntratt għas-servizzi kollha li jkunu s-suġġett tal-istess kuntratt u jiġi kkalkolat l-ammont dovut pro rata temporis (14). Madankollu, tali kalkolu ma jqisx il-valuri differenti tal-kontenut offrut, peress li fażi finali ta’ kompetizzjoni sportiva għandha valur ekonomiku differenti minn dak ta’ serje televiżiva ta’ kuljum.

55.      Fil-fatt, ma jistax jiġi injorat li xi konsumaturi jista’ jkollhom it‑tentazzjoni jeżerċitaw id-dritt ta’ reċess tagħhom bl-uniku għan li jkollhom aċċess għal kontenut wieħed partikolarment attraenti, u li kalkolu pro rata temporis, kif previst fil‑ġurisprudenza, jista’ ma jipprovdix kumpens ekwu favur il-kummerċjant.

56.      Madankollu, nirrileva, minn naħa, li l-Artikolu 14(3) tad‑Direttiva 2011/83 jipprevedi l-ħlas ta’ ammont proporzjonali għal kemm ġie pprovdut, mingħajr ma jsemmi l-perijodu li matulu s-servizz inkwistjoni jkun ġie pprovdut. Min-naħa l-oħra, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PE Digital (15) hija ġġustifikata, fl‑opinjoni tiegħi, mill-fatt li l-valur ekonomiku tas-servizz offrut f’dik il-kawża – sit ta’ appuntamenti bejn koppja– kellu natura stabbli u kostanti. Fi kliem ieħor, ma kienx ikun iktar attraenti għal konsumatur li jissottoskrivi għas‑servizz f’mument partikolari sabiex jibbenefika minn kontenut speċifiku.

57.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li din is-soluzzjoni ma tistax tiġi trasposta b’mod strett għas-sitwazzjoni tal-kumpens finanzjarju dovut mill-konsumatur li jkun eżerċita d-dritt ta’ reċess tiegħu wara li jkun issottoskriva għal abbonament għal pjattaforma ta’ streaming, peress li dan il-kumpens jista’, fl-opinjoni tiegħi, jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra t-tul tal-perijodu li matulu l-konsumatur baqa’ abbonat mal‑pjattaforma, ukoll il-valur ekonomiku tal-kontenut differenti li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni u li jkun ġie vviżwalizzat (16).

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, insostni l-konklużjoni ppreżentata fil‑punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

V.      Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) bil-mod sussegwenti:

L-Artikolu 2(11) u (16) u l-Artikolu 16(m) tad‑Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d‑Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

servizz ta’ streaming, fejn il-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni tal‑konsumatur ikun jinsab fuq server li għalih il-klijenti jista’ jkollhom aċċess permezz ta’ hyperlink jew ta’ app sabiex jarawh live, on demand jew inkella offline wara li dan jitniżżel, ma jikkostitwixxix offerta ta’ “kontenut diġitali”.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d‑Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L, 2024/90093).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU 2019, L 136, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 60).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU 2019, L 328, p. 7).


5      BGBl. I Nru 109/2022.


6      Sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12); tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes (C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 54); tal‑15 ta’ Jannar 2026, AVR‑Afvalverwerking (C‑692/23, EU:C:2026:4, punt 37); u tal‑15 ta’ Jannar 2026, Ambito territoriale di caccia Ancona 2 (C‑615/24, EU:C:2026:10, punt 23).


7      Premessa 30 tad-Direttiva 2019/2161.


8      Premessa 30 tad-Direttiva 2019/2161.


9      Premessa 30 tad-Direttiva 2019/2161.


10      Sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020 (C‑641/19, EU:C:2020:808).


11      Sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, PE Digital (C‑641/19, EU:C:2020:808, punt 43).


12      Premessa 4 tad-Direttiva 2011/83 u premessa 2 tad-Direttiva 2019/770.


13      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch (C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 45).


14      Sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, PE Digital (C‑641/19, EU:C:2020:808).


15      Sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020 (C‑641/19, EU:C:2020:808).


16      F’dan ir‑rigward, l-evalwazzjoni tal-valur ekonomiku ta’ kontenut partikolari jidhirli li tkun iktar faċli meta tali kontenut ikun disponibbli wkoll għax-xiri jew għall-kiri mingħajr abbonament. Il-fatt li tiġi offruta tali possibbiltà jfisser, ċertament, għall-kummerċjant, li huwa ma jibqax jikkonkludi esklużivament kuntratti ta’ abbonament għal perijodi itwal mal-konsumaturi, iżda jippermetti li jsir kalkolu preċiż tal-valur tal-kontenut imxandar.