Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑21 ta’ Mejju 2026 (1)

Kawża C230/25

Mihail Mihaylov Stefanov

Proċeduri kriminali

fil-preżenza ta’:

Sofiyska apelativna prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Stat tad-dritt – Prinċipji ta’ indipendenza u ta’ irremovabbiltà tal-membri tal-ġudikatura – Qorti li tiddeċiedi kawża kriminali u li hija konvenuta f’kawża ċivili għad-danni”






I.      Daħla

1.        Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija). Din tistaqsi b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-modalitajiet tal-applikazzjoni tad-dritt għall-għajnuna legali li huwa minqux b’mod partikolari mid-Direttiva  (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta; mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2016, L 297, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40). B’mod iktar speċifiku, hija tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż li huwa jkun ġarrab abbażi ta’ din l-għajnuna legali mingħand il-persuna li bbenefikat minnha u li finalment kienet suġġetta għal kundanna kriminali.

2.        Id-dritt għall-għajnuna legali, kif ilha tenfasizza l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (2), kultant ikun indispensabbli sabiex jippermetti aċċess effettiv għall-qrati. Fil-prattika, dan id-dritt huwa bbażat fuq iż-żewġ pilastri komplimentari li jikkostitwixxu, minn naħa, l-assistenza minn avukat u, min-naħa l-oħra, il-finanzjament ta’ din l-assistenza. Għalkemm l-għajnuna legali, prima facie, hija simili għal sempliċi modalità prattika tal-organizzazzjoni tal-proċedura ġudizzjarja, fir-realtà tirrappreżenta mezz indispensabbli għall-konkretizzazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja f’sistema ġuridika. Billi tiżgura li l-parti f’kawża tibbenefika mill-assistenza ta’ avukat, din tippermettilu li fil-fatt jaċċedi għall-qorti u b’hekk iżżomm l-ekwità tal-proċeduri. L-għajnuna legali għalhekk tiggarantixxi l-effettività tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li min-naħa tiegħu jikkundizzjona l-implimentazzjoni tal-valur fundamentali tal-istat tad-dritt minqux fl-Artikolu 2 TUE.

3.        F’dan il-każ, huwa fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri kriminali quddiem diversi qrati Bulgari li għandha ssir ir-riflessjoni dwar l-għajnuna legali. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk, u sa liema punt, huwiex possibbli li persuna li tkun irċeviet l-għajnuna legali tintalab tirrimborsa l-ispejjeż marbuta magħha. Sabiex tingħata risposta għal dan, għandha tiġi interpretata b’mod partikolari d-Direttiva 2016/1919 li, wara riflessjoni twila mil-leġiżlatur dwar dan is-suġġett, iddefinixxiet ir-regoli minimi komuni li l-Istati Membri huma obbligati josservaw fir-rigward tad-dritt għall-għajnuna legali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2016/1919

4.        Il-premessi 1, 2, 8, 17 u 30 tad-Direttiva 2016/1919 huma fformulati kif ġej:

“(1)      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiġi żgurata l-effikaċja tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat kif previst fid-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1)] billi titqiegħed l-assistenza ta’ avukat imħallas mill-Istati Membri għad-dispożizzjoni ta’ persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali […].

(2)      Permezz tal-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar id-dritt għal għajnuna legali għal persuni ssuspettati jew akkużati […], din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin, u b’hekk ittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali.

(8)      L-għajnuna legali għandha tkopri l-ispejjeż tad-difiża ta’ persuni ssuspettati jew akkużati […]. Meta jagħtu l-għajnuna legali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li persuni ssuspettati jew akkużati jew persuni rikjesti jħallsu parti minn dawk l-ispejjeż huma stess, skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom.

[…]

(17)      Skont l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, il-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat għandu jkollhom id-dritt għal għajnuna legali meta l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan. Din ir-regola minima tippermetti li l-Istati Membri japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu jew it-tnejn li huma. L-applikazzjoni ta’ dawk it-testijiet m’għandhiex tintroduċi limiti għal, jew derogi minn, id-drittijiet jew il-garanziji proċedurali li huma żgurati mill-Karta u l-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-QEDB.

(30)      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. […]. Il-livell ta’ protezzjoni provdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-QEDB.”

5.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE u li:

(a)      jiġu mċaħħda mil-libertà;

(b)      jkunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali; jew […]”

6.        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għajnuna legali fi proċedimenti kriminali”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan.

2.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1.

3.      Fejn Stat Membru japplika test tal-mezzi, huwa għandu jqis il-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza minn avukat, u l-istandard tal-għajxien f’dak l-Istat Membru, sabiex jiġi determinat jekk, f’konformita’ mal-kriterji applikabbli f’dak l-Istat Membru, persuna ssuspettata jew akkużata għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza minn avukat.

4.      Fejn Stat Membru japplika test tal-mertu, huwa għandu jqis il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, sabiex jiġi determinat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux l-għoti ta’ għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li t-test tal-mertu jkun ġie sodisfatt fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)      fejn titressaq persuna ssuspettata jew akkużata quddiem qorti jew imħallef kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; u

(b)      matul id-detenzjoni. […]”

7.        L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Persuni vulnerabbli”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet partikolari ta’ persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti vulnerabbli jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

8.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2016/1919 jipprovdi:

“L-ebda dispożizzjoni f’din id-Direttiva ma għandha tiġi interpretata bħala limitazzjoni jew deroga minn kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u s-salvagwardji proċedurali żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali jew tal-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta’ protezzjoni ogħla.”

B.      Id-dritt Bulgaru

9.        L-Artikolu 94 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprovdi:

“(1)      Fi proċeduri kriminali, il-parteċipazzjoni ta’ avukat hija obbligatorja meta:

[…]

6.      […] il-persuna akkużata tiġi mċaħħda mil-libertà;

[…]

8.      il-każ ikun qed jiġi eżaminat fl-assenza tal-persuna akkużata;

9.      Il-persuna akkużata ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas l-onorarji ta’ avukat, tkun tixtieq tibbenefika mis-servizzi ta’ avukat u l-interessi tal-ġustizzja jkunu jeżiġu dan.

[…]

(3)      Meta l-parteċipazzjoni ta’ avukat tkun obbligatorja, l-awtorità kompetenti għandha taħtar avukat difensur. […]”

10.      L-Artikolu 189(3) tan-NPK jipprovdi:

“Meta l-imputat jinstab ħati, il-qorti għandha tikkundannah għall-ispejjeż, inklużi l-onorarji tal-avukat u l-ispejjeż l-oħra tal-avukat maħtur ex officio, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-prosekuzzjoni privata u mill-parti ċivili, jekk dawn ikunu talbu f’dan is-sens. Meta jkun hemm diversi persuni misjuba ħatja, il-qorti għandha tiddetermina s-sehem li kull waħda minnhom għandha tħallas.”

11.      L-Artikolu 23 taż-Zakon za pravnata pomosht (il-Liġi dwar l-Għajnuna Legali) jipprovdi:

“(1)      Is-sistema ta’ għajnuna legali […] għandha tinkludi każijiet fejn il-liġi tirrikjedi li d-difiża tkun żgurata permezz ta’ avukat, minn avukat sostitut jew minn rappreżentant legali.

(2)      Is-sistema tal-għajnuna legali tkopri wkoll każijiet fejn l-imputat, il-persuna akkużata jew il-parti f’kawża kriminali, ċivili jew amministrattiva ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat, u jkunu jixtiequ li jkollhom din l-assistenza u l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan. F’dawn il-każijiet, il-persuna ma hijiex obbligata tirrimborsa l-ispejjeż għall-għajnuna legali mogħtija.”

12.      L-Artikolu 25(1) ta’ din il-liġi jistipula:

“[…] Id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali għandha tittieħed […] fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew skont il-liġi, billi jiġi spjegat lilha bil-miktub, permezz ta’ dikjarazzjoni skont il-mudell stabbilit mill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali, li, fil-każ ta’ sentenza jew ta’ deċiżjoni ta’ kundanna, il-persuna hija obbligata tirrimborsa l-ispejjeż tal-għajnuna legali, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 23(2). Ir-rifjut li tingħata għajnuna legali għandu jkun motivat u jista’ jiġi kkontestat kif xieraq.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Qabelxejn, fil-kuntest tal-ewwel proċedura ġudizzjarja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Mihail Mihaylov Stefanov, li qabel kien tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja fit‑3 ta’ Ġunju 2018 u li kien irrappreżentat minn avukat maħtur ex officio li kien ġie assenjat lilu b’mod awtomatiku, ġie kkundannat mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) għal piena ta’ sena u għaxar xhur priġunerija, sospiża b’miżuri ta’ probation għal erba’ snin, talli wettaq żewġ reati kontra n-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali Bulgaru). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din is-sentenza quddiem l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), li annullat l-imsemmija sentenza minħabba li kienet ivvizzjata minn difett proċedurali u bagħtet il-kawża quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, filwaqt li d-detenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ntemmet fl‑14 ta’ Marzu 2019.

14.      Fl-istess ħin, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta wkoll rikors għad-danni ċivili kontra l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata) quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija iktar ’il quddiem is-“SGS”) billi invoka diversi danni marbuta mal-perijodu li qatta’ f’detenzjoni.

15.      Sussegwentement, fil-kuntest tat-tieni proċedura ġudizzjarja, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ikkundannat mill-ġdid lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li appella minn din is-sentenza quddiem l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata). L-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata) ċaħdet din it-talba, filwaqt li annullat parzjalment is-sentenza tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), deċiżjoni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minnha fil-kassazzjoni quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). Il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni annullat is-sentenza tal-appell u s-sentenza fl-ewwel istanza u bagħtet il-kawża quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata),

16.      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet proċedura ġudizzjarja, inħareġ att ta’ akkuża ġdid sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), u l-kawża ġiet assenjata lill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab ir-rikuża tal-imħallef inkarigat minn din il-kawża kif ukoll dik tal-imħallfin kollha tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) għal raġunijiet paragunabbli għal dawk li huwa kien invoka fil-kuntest tat-talba preċedenti tiegħu, ifformulata matul it-tieni proċedura ġudizzjarja. Madankollu, peress li l-leġiżlatur Bulgaru ddeċieda li jabolixxi l-qrati kriminali speċjalizzati, inkluża l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), il-kawża ġiet ittrasferita lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija). Fl-istess ħin, il-kawża relatata mal-azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili li kienet ġiet ippreżentata quddiem l-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) intbagħtet quddiem l-Okrazhen sad – Sofia (il-Qorti Reġjonali ta’ Sofija, il-Bulgarija). F’dan il-kuntest, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab l-esklużjoni tal-imħallfin tal-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) minħabba n-nuqqas ta’ imparzjalità tagħhom. Din it-talba ġiet miċħuda u r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie kkundannat.

17.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li talab ukoll ir-rikuża tal-imħallfin kriminali li hija komposta minnhom.

18.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tindika li t-trattament tad-diversi kawżi deskritti fil-punti 13 sa 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet iqajjem kwistjonijiet marbuta mal-evalwazzjoni tal-imparzjalità tal-imħallfin sedenti fil-qrati kollha li kienu involuti f’dawn il-kawżi, inkluż fi ħdanha stess. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tispjega li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkontesta din l-imparzjalità minħabba li dawn il-qrati huma konvenuti fl-azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili li huwa ressaq wara d-detenzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kawża prinċipali, hija tgħid li se jkun meħtieġ biss li jiġu eżaminati l-merti tal-appell tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni li biha l-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) sabitu ħati tar-reati kriminali li kien akkużat bihom. Min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet marbuta mal-legalità tad-detenzjoni preventiva tiegħu, kif ukoll mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu morali u tal-kumpens eventwali tiegħu, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Okrazhen sad – Sofia (il-Qorti Reġjonali ta’ Sofija) fil-kuntest tal-azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili.

19.      It-tieni, il-qorti tar-rinviju tirrapporta li, matul it-tieni proċedura ġudizzjarja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie infurmat bid-dati tas-seduti quddiem l-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u bil-fatt li, jekk ma jidhirx mingħajr raġuni valida, il-kawża kienet se tiġi deċiża fl-assenza tiegħu. Dan tal-aħħar indika li ma kellux l-intenzjoni li jippreżenta ruħu għal dawn is-seduti peress li kien imfittex sabiex jitqiegħed taħt detenzjoni preventiva fil-kuntest ta’ kawża kriminali oħra. Il-proċedura quddiem din il-qorti żvolġiet fil-preżenza ta’ avukat maħtur ex officio. Waqt l-aħħar seduta, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali deher sabiex jitlob li jerġa’ jsir kull eżami tax-xhieda u tal-periti li kien diġà sar, talba li ġiet irrifjutata mill-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija). Konsegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali telaq ’il barra mill-awla. L-iSofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) tat id-deċiżjoni tagħha fil-preżenza tal-avukat maħtur mill-qorti u fl-assenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ tali aġir, b’mod partikolari fid-dawl tal-premessa 35 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

20.      It-tielet, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fis-sistema tal-ġustizzja kriminali Bulgara, il-punt 6 tal-Artikolu 94(1) tan-NPK jipprevedi li persuna akkużata u li tkun imċaħħda mil-libertà neċessarjament għandha tiġi difiża minn avukat. Fl-istess ħin, il-punt 8 tal-Artikolu 94(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li, meta kawża tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata, din ukoll għandha tiġi difiża b’mod obbligatorju minn avukat. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jipprevedu ebda stħarriġ minn qabel tal-kapaċità finanzjarja ta’ din il-persuna li tħallas avukat. Barra minn hekk, mill-punt 9 tal-Artikolu 94(1) tal-imsemmi kodiċi jirriżulta li, meta persuna akkużata tkun tixtieq tkun irrappreżentata minn avukat, meta hija ma jkollhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tħallsu u meta l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan, għandu jinħatar avukat ex officio. F’dan l-aħħar każ, l-għajnuna legali għalhekk tingħata fuq l-inizjattiva ta’ din il-persuna u wara li tkun ġiet eżaminata l-inkapaċità finanzjarja tagħha li tħallas avukat. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont l-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali, il-persuna kkonċernata hija obbligata, fil-każ ta’ kundanna, tirrimborsa l-ispejjeż kollha marbuta mal-għajnuna legali li ngħatatilha, ħlief fil-każ imsemmi fl-Artikolu 23(2) ta’ din il-liġi, jiġifieri dak li fih l-għajnuna legali tkun ingħatat minħabba li l-imputat, il-persuna akkużata jew il-parti f’kawża kriminali li ma kellhiex ir-riżorsi neċessarji kienet esprimiet ix-xewqa li tkun assistita minn avukat u l-interessi tal-ġustizzja kienu jeżiġu dan.

21.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tinnota li, matul ċerti stadji tal-proċeduri legali deskritti fil-punti 13 sa 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ngħata għajnuna legali alternattivament skont il-punti 6 u 8 tal-Artikolu 94(1) tan-NPK, li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/1919. Madankollu, hija tindika li sussegwentement ġie stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kellux riżorsi suffiċjenti sabiex iqabbad avukat, ħaġa li madankollu ma kinitx ġiet ivverifikata fil-mument li fih huwa bbenefika mill-għajnuna legali abbażi tal-punti 6 u 8 tal-Artikolu 94(1) tan-NPK.

22.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, meta persuna akkużata tkun ibbenefikat mill-għajnuna legali għaliex hija kienet imċaħħda mil-libertà, mingħajr verifika minn qabel tal-kapaċità finanzjarja tagħha li tħallas avukat, u fejn sussegwentement ikun ġie stabbilit li r-riżorsi tagħha ma kinux suffiċjenti f’dan ir-rigward, l-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali għandux jibqa’ mhux applikat fil-każ li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ kundanna. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, essenzjalment, li d-dubji li hija għandha dwar dan is-suġġett joriġinaw b’mod partikolari mill-fatt li, fis-sistema ġudizzjarja Bulgara, persuna akkużata li tibbenefika mill-għajnuna legali minħabba n-natura insuffiċjenti tar-riżorsi tagħha ma tistax, min-naħa l-oħra, tkun suġġetta għall-obbligu ta’ rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali previst minn din id-dispożizzjoni fil-każ ta’ kundanna. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-persuna akkużata għandhiex titqabbel ma’ persuna akkużata li kellha tibbenefika mill-għajnuna legali għaliex ma kellhiex ir-riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex tħallas għal avukat.

23.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-konformità tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali mal-premessa 8 tad-Direttiva 2016/1919, sa fejn din tal-aħħar tipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżiġu li l-persuni akkużati jġarrbu huma stess parti mill-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali ma jirrigwardax it-teħid ta’ responsabbiltà għal parti, iżda l-ispejjeż kollha marbuta mal-għajnuna legali.

24.      Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tindika li, matul kull waħda mit-tliet proċeduri deskritti fil-punti 13 sa 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, diversi avukati maħtura ex officio żguraw suċċessivament id-difiża tar-rikorrent fil-kawża prinċipali abbażi tal-għajnuna legali. Fil-fatt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali esprima x-xewqa li jissostitwixxi diversi minnhom, minkejja li dawn tal-aħħar osservaw l-obbligu tagħhom li jikkontribwixxu għall-kjarifika tas-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li kienu favorevoli għalih, filwaqt li fittxu li jieħu inkunsiderazzjoni l-linja ta’ difiża li huwa kellu l-intenzjoni jadotta. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tar-rappreżentanza ta’ persuna ssuspettata jew akkużata matul il-proċeduri kriminali kollha. B’mod iktar speċifiku, hija tistaqsi jekk l-Istati Membri humiex obbligati, u jekk iva, f’liema ċirkustanzi, jiggarantixxu d-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jissostitwixxu l-avukat li jirrappreżentahom abbażi tal-għajnuna legali, meta dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: Madankollu, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser neżamina biss ir-raba’ u l-ħames domanda kif ġej:

“[…]

4.      L-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 4(1) u (4), ikkunsidrati flimkien mal-premessi 8 u 17 tad-Direttiva [2016/1919], għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuni akkużati u persuni mressqa quddiem qorti kriminali, li jkunu miżmuma taħt arrest, irrispettivament minn jekk ikollhomx riżorsi suffiċjenti sabiex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat, għandhom jiġu trattati daqslikieku huma persuni ssuspettati u akkużati li ma għandhomx tali riżorsi u li jingħataw għajnuna legali inkwantu dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ġustizzja?

5.      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, f’dan il-każ tkun konformi mal-premessa 8 tad-Direttiva 2016/1919 dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, meta l-għajnuna legali tingħata skont il-liġi, li tipprevedi obbligatorjament l-assistenza ta’ avukat fil-każijiet fejn il-persuni akkużati jew il-persuni mressqa quddiem qorti kriminali jkunu miżmuma taħt arrest, dawn il-persuni jkunu obbligati jħallsu lura l-ispejjeż tal-għajnuna legali mogħtija, u dan mingħajr ma jiġi vverifikat jekk l-imsemmija persuni għandhomx riżorsi suffiċjenti sabiex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat?

[…]”

26.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Marzu 2025. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni Ewropea fit-terminu mogħti mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali saret fil‑25 ta’ Frar 2026.

IV.    Analiżi

27.      Nipproponi li ż-żewġ domandi li għandhom jiġu eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet jiġu analizzati flimkien (3), anki jekk it-tieni waħda hija magħmula biss fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel waħda. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva 2016/1919, moqrija flimkien mal-premessa 8 tagħha, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li persuna akkużata li bbenefikat mill-għajnuna legali għaliex hija kienet tinsab f’detenzjoni tista’ tkun obbligata tirrimborsa l-ispejjeż marbuta ma’ din l-għajnuna mingħajr verifika minn qabel tar-riżorsi finanzjarji tagħha, filwaqt li persuna akkużata li bbenefikat minn din l-għajnuna preċiżament minħabba n-natura insuffiċjenti tar-riżorsi tagħha ma tistax tiġi suġġetta għal tali obbligu.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

28.      Preliminarjament, huwa utli li jitfakkar il-kuntest storiku ta’ din il-kawża. Saret riflessjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-garanzija tad-drittijiet proċedurali fi proċeduri kriminali fl-Unjoni Ewropea qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona (4). Din ispirat moviment ta’ approfondiment kontinwu ta’ dawn il-garanziji li fl-aħħar mill-aħħar kellhom l-għan li jippromwovu l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri bil-ħsieb li jippermettu l-implimentazzjoni tal-prinċipji strumentali ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi kriminali u ta’ fiduċja reċiproka. Dawn l-objettivi kienu, b’mod partikolari, ifformalizzati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (5). Din tal-aħħar ġiet integrati fil-linji gwida definiti fil-“Programm ta’ Stokkolma” relatat mal-“ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”, li ddikjara li l-“kisba ta’ spazju Ewropew ta’ ġustizzja għandu jiġi kkonsolidat sabiex wieħed imur lil hinn mill-frammentazzjoni attwali” (6).

29.      L-ambizzjoni deskritta fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet ġiet ikkonkretizzata gradwalment permezz tal-adozzjoni tal-ewwel serje ta’ tliet direttivi (7). Fl-2016 żdiedu sussegwentement tliet direttivi ġodda (8). Essenzjalment, dawn is-sitt direttivi adottati abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE (9) għandhom l-għan, minn naħa, li jistabbilixxu mudell “Komunitarju” tal-ġustizzja kriminali bbażat fuq sistema komuni ta’ drittijiet proċedurali u, min-naħa l-oħra, li jippreservaw forma ta’ armonija billi jikkumpensaw il-progress li sar qabel fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija dwar miżuri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni (10).

30.      Huwa importanti li jiġi ċċarat, f’dan l-istadju, li l-limiti stabbiliti mis-sitt direttivi li għadhom kif issemmew jirrappreżentaw biss qafas ta’ standards minimi komuni li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw fir-rigward tas-salvagwardji proċedurali. Barra minn hekk, dawn huma ispirati ħafna mid-drittijiet minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u b’mod partikolari fl-Artikolu 6 tagħha. F’dan ir-rigward, mill-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta (11) jirriżulta li dan l-artikolu tal-KEDB jikkorrispondi għat-tieni u għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, kif ukoll għall-Artikolu 48 tal-Karta. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (12).

31.      Fil-kawża prinċipali, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-kwistjoni tal-għajnuna legali. Dan id-dritt huwa, min-natura tiegħu, marbut mill-qrib ma’ dak ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, iddefinit fil-kuntest tad-Direttiva 2013/48, li huwa kundizzjoni għall-effettività tiegħu (13). Madankollu, l-għajnuna legali hija mbagħad speċifikament is-suġġett tad-Direttiva 2016/1919. Anki qabel l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar, in-neċessità kif ukoll id-diffikultajiet marbuta mal-iffissar ta’ regoli minimi dwar id-dritt għall-għajnuna legali ġew diskussi b’mod estensiv. Għalhekk, is-servizzi tal-Kummissjoni setgħu, pereżempju, jenfasizzaw f’sommarju tal-evalwazzjoni tal-impatt imwettqa matul l-abbozzar tal-proposta għal direttiva tas‑27 ta’ Novembru 2013 l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mid-diversità tas-sistemi nazzjonali tal-għajnuna legali sabiex jiġi protett b’mod effettiv id-dritt għal proċess xieraq (14). Fl-istess ħin, il-kwistjonijiet finanzjarji marbuta mal-applikazzjoni ta’ direttiva dwar dan is-suġġett ġew enfasizzati wkoll mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2013 dwar għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (15).

32.      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-dritt għall-għajnuna legali huwa wieħed mill-komponenti essenzjali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw, peress li jiggarantixxi l-aċċess effettiv għal din il-ġustizzja. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għall-għajnuna legali

33.      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jqumu minħabba s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li, fil-kawża prinċipali, ibbenefika mill-għajnuna legali minħabba d-detenzjoni tiegħu u mingħajr ma r-riżorsi finanzjarji tiegħu ġew ivverifikati minn qabel. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, huwa neċessarju li jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/1919 li jiddefinixxu r-regoli minimi komuni li l-Istati Membri huma obbligati josservaw meta jimplimentaw id-dritt għall-għajnuna legali.

1.      Il-formulazzjoni tad-Direttiva 2016/1919

34.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/1919 jipprevedi li din id-direttiva tapplika b’mod partikolari għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati fi proċeduri kriminali li jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48 meta dawn ikunu mċaħħda mil-libertà jew meta jkunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat konformement mad-dritt nazzjonali. Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan huwa l-każ għar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

35.      Fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna legali, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/1919 jipprevedi obbligu ċar għall-Istati Membri li jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati jibbenefikaw mill-għajnuna legali meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-fatt li huma ma għandhomx biżżejjed riżorsi sabiex jiksbu l-assistenza ta’ avukat u l-fatt li l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan.

36.      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt għall-għajnuna legali sussegwentement huma ppreċiżati fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li jiddefinixxi l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jimplimentawh. Fil-fatt, huma jistgħu jissuġġettaw l-għoti tal-għajnuna legali jew għall-issodisfar ta’ kriterju tar-riżorsi jew ta’ kriterju tal-mertu, jew għas-sodisfazzjon ta’ dawn iż-żewġ kriterji f’daqqa. Il-paragrafi 3 (kriterju tar-riżorsi) u 4 (kriterju tal-mertu) sussegwentement jispeċifikaw il-mod li kif għandu jiġi interpretat kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji. Essenzjalment, il-kriterju tar-riżorsi huwa ssodisfatt meta l-persuna ssuspettata jew akkużata ma jkollhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tikseb l-għajnuna ta’ avukat. Fir-rigward tat-test tal-mertu, dan għandu l-għan li jiddetermina jekk tridx tingħata l-għajnuna legali biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-ġustizzja. Dan il-kriterju, fi kwalunkwe każ, irid jitqies li ġie ssodisfatt meta jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar id-detenzjoni jew matul id-detenzjoni.

37.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nosserva li l-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/1919 ma hijiex mingħajr ambigwità, sa fejn minnha ma jirriżultax b’mod ċar jekk iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti l-ewwel fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu humiex differenti miż-żewġ kriterji invokati sussegwentement fil-paragrafi 2, 3 u 4 tal-imsemmi artikolu. Madankollu, inqis li l-Kummissjoni rrilevat b’mod rilevanti matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li l-kunċetti ta’ “riżorsi suffiċjenti” u ta’ “interessi tal-ġustizzja” li jissemmew fil-paragrafu 1 jikkoinċidu essenzjalment mal-kriterji ta’ “tal-mezzi” u “tal-mertu” li jissemmew fil-paragrafi 2, 3 u 4 tal-istess artikolu.

38.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, mill-kliem tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta li l-Istati Membri huma b’mod partikolari obbligati jagħtu l-għajnuna legali lil kull persuna ssuspettata jew akkużata meta, minn naħa, din ma jkollhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tikseb l-għajnuna ta’ avukat u, min-naħa l-oħra, ikollha tingħata deċiżjoni dwar id-detenzjoni tagħha jew matul id-detenzjoni tagħha. Madankollu, huwa ppreċiżat li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżaminaw biss wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji, sakemm ir-regola minima komuni (jiġifieri l-għoti tal-għajnuna jekk iż-żewġ kriterji jkunu ssodisfatti) li għadni kif fakkart fis-sentenza preċedenti tiġi osservata. Fi kliem ieħor, dan ifisser b’mod konkret li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jagħti l-għajnuna legali lil kull persuna li tissodisfa wieħed miż-żewġ kriterji rilevanti, mingħajr ebda test tal-kriterju l-ieħor, iżda ma jistax jirrifjuta l-għoti ta’ tali għajnuna lil persuna ssuspettata jew akkużata li tissodisfa ż-żewġ kriterji.

2.      Il-kuntest tad-Direttiva 2016/1919

39.      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li d-Direttiva 2016/1919 tipprevedi, għall-Istati Membri, sistema obbligatorja għall-għoti tal-għajnuna legali meta ż-żewġ kundizzjonijiet ta’ “biżżejjed riżorsi” u ta’ “interessi tal-ġustizzja” jkunu ssodisfatti. Din is-sistema tikkonkretizza l-implimentazzjoni ta’ regoli minimi komuni li l-Istati Membri kellhom l-intenzjoni li jadottaw sabiex japprossimaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 82(2) TFUE.

40.      Il-kuntest ta’ din id-direttiva jikkorrobora din l-interpretazzjoni.

41.      Essenzjalment, il-leġiżlatur fil-fatt jippreċiża fil-premessa 17 tal-imsemmija direttiva li, minn naħa, id-dritt għall-għajnuna legali huwa estensjoni tal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB u, min-naħa l-oħra, li din hija regola minima u li l-applikazzjoni kumulattiva jew alternattiva taż-żewġ kriterji rilevanti ma tistax tillimita jew tidderoga mid-drittijiet u l-garanziji proċedurali mogħtija skont il-Karta u l-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

42.      In-natura minima tar-regoli previsti mid-Direttiva 2016/1919 hija, barra minn hekk, imfakkra sussegwentement fil-premessi 30 u 31 kif ukoll fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, filwaqt li n-neċessità li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għall-għajnuna legali, kif previst mill-Karta u mill-KEDB, ukoll hija enfasizzata fil-premessa 30 tal-imsemmija direttiva.

43.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jippermettu, fil-fehma tiegħi, li tiġi ggarantita ċerta koerenza f’dak li jirrigwarda r-rabta tad-Direttiva 2016/1919 mad-Direttiva 2013/48 li tippreċediha u li hija intiża li tiggarantixxi l-effettività tagħha (16), peress li l-Artikolu 11 ta’ din tal-aħħar intitolat “Għajnuna legali” jipprevedi li din għandha tiġi interpretata mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-għajnuna legali, li għandha tapplika skont il-Karta u l-KEDB.

44.      F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jitfakkar li, kif enfasizzajt fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt għall-għajnuna legali jaqa’ taħt id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi huwa stess għall-Artikolu 6 tal-KEDB. Huwa għalhekk b’mod koerenti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li, fis-sistema tal-KEDB, id-dritt tal-akkużat għall-għajnuna mingħajr ħlas ta’ avukat maħtur ex officio jikkostitwixxi element tal-kunċett ta’ proċess kriminali ġust, li huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet: l-assenza tal-“mezzi biex jitħallas avukat” u l-“interessi tal-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (17).

3.      L-għanijiet tad-Direttiva 2016/1919

45.      Konformement ma’ dak li tistabbilixxi l-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2016/1919 hija intiża sabiex tiggarantixxi l-effettività tad-dritt ta’ aċċess għal avukat previst mid-Direttiva 2013/48/UE. Permezz tal-azzjoni magħquda tagħhom, dawn iż-żewġ direttivi jikkontribwixxu għalhekk għar-realizzazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv minqux fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta peress li l-għoti ta’ għajnuna legali jiffaċilita d-dritt ta’ aċċess għal avukat (18).

46.      Il-premessa 2 tad-Direttiva 2016/1919 tindika l-metodu użat sabiex jintlaħaq dan l-għan, jiġifieri l-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra u, konsegwentement, sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f’materji kriminali, kif tfakkar ukoll il-premessa 31 ta’ din id-direttiva.

47.      L-istabbiliment ta’ tali objettivi huwa konformi mat-tħassib espress fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li l-“Miżura C” tagħha ddikjarat li “[d]-dritt għal għajnuna legali għandu jiżgura aċċess effettiv għad-dritt għal parir legali”.

48.      B’mod parallel, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar id-dritt għall-għajnuna legali, b’mod partikolari għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex intiża li twettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri kriminali f’dan il-qasam (19), u ma hijiex intiża li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha għall-għoti tal-għajnuna legali lil persuna ssuspettata jew akkużata (20).

C.      Il-possibbiltà li jintalab ir-rimbors tal-għajnuna legali

49.      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-dritt għall-għajnuna legali huwa stabbilit sew fi ħdan l-Unjoni. Madankollu, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw aspett speċifiku tal-implimentazzjoni tagħha, jiġifieri dak tar-rimbors eventwali tal-ispejjeż marbuta ma’ din l-għajnuna, wara l-għoti tagħha, mill-persuna li bbenefikat minnha.

1.      Il-premessa 8 tad-Direttiva 2016/1919

50.      Id-Direttiva 2016/1919 ma tinkludi ebda artikolu dwar ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ għajnuna legali sostnuti minn Stat Membru. Madankollu, din il-kwistjoni hija indirizzata fil-premessa 8 ta’ din id-direttiva, li tipprevedi li “[m]eta jagħtu l-għajnuna legali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li persuni ssuspettati jew akkużati jew persuni rikjesti jħallsu parti minn dawk l-ispejjeż huma stess, skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom”. Jistgħu jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin f’dan ir-rigward.

51.      L-ewwel nett, huwa importanti li jitfakkar li, minkejja li premessa ta’ direttiva tista’ tintuża sabiex tiġi ppreċiżata dispożizzjoni ta’ din id-direttiva u tikkostitwixxi element ta’ interpretazzjoni importanti li huwa ta’ natura li jiċċara r-rieda tal-awtur ta’ dan l-att (21), madankollu din ma għandhiex valur legali vinkolanti u ma tistax tiġi invokata b’mod iżolat bħala bażi għal drittijiet jew obbligi fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti jew ta’ sostenn fit-test tad-direttiva (22).

52.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa minnu li mill-formulazzjoni tal-premessa 8 tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta li, minn naħa, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-persuni li jibbenefikaw mill-għajnuna legali jsostnu parti mill-ispejjeż tagħha u, min-naħa l-oħra, li din il-possibbiltà għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riżorsi finanzjarji tal-imsemmija persuni, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu ebda obbligu direttament fuq l-Istati Membri.

53.      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ dispożizzjoni li tirrigwarda espliċitament ir-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali fit-test tad-Direttiva 2016/1919 tirriżulta minn għażla preżupposta mil-leġiżlatur. Fil-fatt, mill-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni jirriżulta li inizjalment din kienet tinkludi Artikolu 4(5), li kien iddedikat preċiżament għall-problema tar-rimbors eventwali tal-għajnuna legali (23), li kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet u ta’ proposti għal emendi matul il-proċedura leġiżlattiva qabel ma tneħħa mill-verżjoni finali ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ tali dispożizzjoni neċessarjament tirriżulta mill-espressjoni konkreta ta’ soluzzjoni ta’ kompromess li nstabet matul it-tfassil tad-Direttiva 2016/1919 u mhux minn negliġenza. Għaldaqstant, minn dan għandu neċessarjament jiġi dedott li l-leġiżlatur ma xtaqx li l-kwistjoni tal-modalitajiet eventwali ta’ rimbors tal-għajnuna legali tkun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Istati Membri.

54.      Fl-aħħar nett, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kuntest tal-armonizzazzjoni minima deskritta fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni intiża li tirregola l-kwistjoni tar-rimbors tal-għajnuna legali, l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu jekk għandhomx l-intenzjoni li jimplimentaw, jew le, sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali mill-benefiċjarju tagħha.

55.      Madankollu, kif indikajt fil-punti 20, 40 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt għal għajnuna legali fi proċeduri kriminali previst mid-Direttiva 2016/1919 huwa kontinwazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li huwa stess jikkorrispondi għall-Artikolu 6 tal-KEDB (24). Il-leġiżlatur tal-Unjoni indika wkoll b’mod ċar, fil-premessi 17 u 30 ta’ din id-direttiva, ir-rieda tiegħu li jinterpreta dan tal-aħħar u d-drittijiet li jipprovdi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatata ma’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, irid jiġi żgurat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/2019 u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (25). Għalhekk, id-dritt tal-Istati Membri li jimplimentaw, jew li ma jimplimentawx, sistema ta’ rimbors tal-għajnuna legali jrid, minn naħa, jiġi eżerċitat f’konformità mad-drittijiet li huma espliċitament previsti fid-Direttiva 2016/1919.

2.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

56.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma ġiet adita b’kawża li tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà, mad-Direttiva 2016/1919 jew mal-Karta, ta’ prattika li tikkonsisti f’li l-benefiċjarju tal-għajnuna legali jirrimborsaha, min-naħa l-oħra, tqajmu diversi drabi kwistjonijiet komparabbli quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

57.      Fid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 1982, X vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (26), l-ex Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet ikkunsidrat, essenzjalment, li ma kienx inkompatibbli mal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB li persuna kkundannata tintalab tirrimborsa l-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali li hija kienet ibbenefikat minnha, sa fejn hija kellha l-mezzi sabiex tagħmel dan.

58.      Fis-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 1992, Croissant vs Il‑Ġermanja (27), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret li l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB ma jistabbilixxix dritt assolut, peress li l-għajnuna mingħajr ħlas ta’ avukat maħtur ex officio hija meħtieġa biss meta l-akkużat ma jkollux il-mezzi sabiex iħallsu. F’dan il-kuntest, hija qieset, minn naħa, li huwa fl-ipoteżi ta’ dannu lin-natura ġusta tal-proċedura li sistema nazzjonali ta’ għoti tal-għajnuna legali ma tkunx kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ppreċiżat li ma kienx il-kompitu tagħha li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Istat ikkonċernat f’dan il-każ setax jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż kontenzjużi fl-ipotesi li r-rikorrent ikun stabbilixxa, matul il-proċedura, li l-mezzi finanzjarji tiegħu ma kinux jippermettulu li jħallashom. Madankollu, hija madankollu indikat li, f’dan il-każ, l-ammonti mitluba ma kinux eċċessivi u li, fil-prattika, dawn kienu ġeneralment tal-inqas is-suġġett ta’ tnaqqis, jew ta’ rinunzja, fl-istadju tal-eżekuzzjoni tas-sentenza. F’sitwazzjoni bħal din, ma kienx irraġonevoli li l-persuna kkonċernata tintalab tipproduċi l-provi tal-insuffiċjenza tal-mezzi finanzjarji tagħha sabiex tħallas ir-rimbors mitlub.

59.      Fis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Morris vs Ir‑Renju Unit (28), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB meta individwu jkollu jħallas parti mill-ispejjeż tal-għajnuna legali u jkollu l-mezzi biex jagħmel dan. F’dan il-kuntest, hija ppreċiżat ukoll li s-somma mitluba la kienet tidher arbitrarja u lanqas irraġonevoli fir-rigward tal-mezzi tar-rikorrent. Minn dan jidher li jista’ jiġi dedott impliċitament li dan ma kienx ikun il-każ li kieku l-persuna inkwistjoni ma kellhiex il-mezzi sabiex tħallas parti minn dawn l-ispejjeż. Konklużjonijiet simili jistgħu, essenzjalment, jinsiltu mill-eżami tas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Frar 2011, Ognyan Asenov vs Il‑Bulgarija (29).

60.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonstata li l-possibbiltà li jibbenefikaw minnha l-Istati partijiet għall-KEDB li jitolbu r-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali hija rregolata b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Qabelxejn, l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà ma għandux jipperikola n-natura ġusta ta’ proċedura ġudizzjarja. Sussegwentement, għalkemm ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal-Artikolu 6(3) tal-KEDB li jintalab tali rimbors, dan l-approċċ għandu madankollu jiġi evalwat b’mod konkret fid-dawl tal-ammont mitlub u tar-riżorsi finanzjarji tal-persuna kkonċernata. Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, huwa leġittimu li l-oneru tal-prova fir-rigward tal-impossibbiltà materjali li jitħallas l-imsemmi rimbors jaqa’ fuq il-persuna li tinvokah.

D.      Applikazzjoni għal din il-kawża

61.      It-tħassib tal-qorti tar-rinviju jaqa’ fil-kuntest ta’ fatt u ta’ liġi speċifiku tas-sistema Bulgara tal-ġustizzja kriminali. Din il-qorti tispjega li l-għajnuna legali tista’ tingħata skont modalitajiet differenti. Minn naħa, din tista’ tingħata ex officio u mingħajr verifika minn qabel tar-riżorsi finanzjarji tal-persuna li tibbenefika minnha, minħabba li tqum kwistjoni marbuta mad-detenzjoni u għalhekk ir-rappreżentanza minn avukat tkun obbligatorja. Min-naħa l-oħra, din tista’ tingħata meta persuna tissodisfa żewġ kriterji li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tar-riżorsi u tal-mertu previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/1919. Dan jippreżupponi, b’mod partikolari, eżami minn qabel tar-riżorsi ta’ din il-persuna.

62.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li persuna akkużata jew persuna ssuspettata li tibbenefika mill-għajnuna legali minħabba n-natura insuffiċjenti tar-riżorsi tagħha ma tistax tkun suġġetta għal obbligu ta’ rimbors a posteriori. Min-naħa l-oħra, persuna li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik li tibbenefika mill-għajnuna legali b’mod partikolari abbażi tal-punt 6 jew tal-punt 8 tal-Artikolu 94(1) tan-NPK li minnu jirriżulta obbligu ta’ rappreżentanza mingħajr verifika minn qabel tar-riżorsi finanzjarji, hija obbligata tirrimborsa l-ispejjeż kollha marbuta mal-għajnuna legali li ngħatatilha skont l-Artikolu 25(1) moqri flimkien mal-Artikolu 23(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali.

63.      Fl-ewwel lok, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 60 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta b’mod ċar ħafna li, fis-sistema tal-ġustizzja kriminali Bulgara, persuna akkużata jew persuna ssuspettata tista’ tibbenefika mill-għoti tal-għajnuna legali għar-raġuni li, essenzjalment, l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan għaliex din il-persuna tkun qiegħda f’detenzjoni jew tkun assenti waqt l-eżami tal-kawża tagħha u l-parteċipazzjoni ta’ avukat tkun obbligatorja.

64.      F’tali każ, jidher għalhekk li r-Repubblika tal-Bulgarija għażlet waħda mill-alternattivi previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/1919, jiġifieri dik li tapplika l-kriterju uniku tal-mertu sabiex tiddetermina jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata. Tali għażla hija, kif enfasizzajt fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, perfettament konformi ma’ din id-dispożizzjoni sa fejn l-għajnuna legali tingħata wkoll lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati li jinsabu f’sitwazzjoni li fiha ż-żewġ kriterji previsti mill-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Barra minn hekk, dan jidher li huwa l-każ skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju.

65.      Fi kwalunkwe każ, mill-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq jirriżulta li, mill-mument li fih Stat Membru jista’ jagħżel li japplika jew kriterju tar- riżorsi jew kriterju tal- mertu, jew it-tnejn li huma, sabiex jiddetermina jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata, dawn iż-żewġ kriterji huma neċessarjament distinti u ma jistgħux jiġu konfużi ma’ xulxin. Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika wieħed biss minn dawn iż-żewġ kriterji, l-għajnuna legali tista’ għalhekk tingħata lil individwu mingħajr ma jiġi vverifikat jekk jissodisfax il-kriterju l-ieħor, li madankollu ma jfissirx li ma kienx jissodisfa ż-żewġ kriterji kieku dan l-Istat Membru kien għażel li japplikahom flimkien.

66.      Fit-tieni lok, għalkemm iż-żewġ kategoriji ta’ benefiċjarji tal-għajnuna legali li għadni kif semmejt ma għandhomx jiġu konfużi ma’ xulxin, għandu jiġi ddeterminat jekk id-differenza bejniethom, f’dak li jirrigwarda l-eventwali impożizzjoni ta’ obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna legali, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

67.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi huwa ggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta u li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. L-osservanza ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija imposta fuq l-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Ir-rekwiżit dwar in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att (30).

68.      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/1919, kif barra minn hekk tindika l-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan imfittex mir-rimbors tal-għajnuna legali, is-sitwazzjoni ta’ persuna li tibbenefika minnha għaliex hija tinsab f’detenzjoni u għax ir-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja, mingħajr ma jiġu vverifikati r-riżorsi finanzjarji tagħha, hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ persuna li tibbenefika minnha għaliex hija talbitha, ma għandhiex il-mezzi sabiex tħallas avukat u l-interessi tal-ġustizzja jiġġustifikawha.

69.      F’dan ir-rigward nikkonstata li, fiż-żewġ każijiet, l-għajnuna legali li tħallset hija intiża sabiex tippermetti r-rappreżentanza tal-persuni kkonċernati minn avukat imħallas mill-Istati Membri, sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-unika distinzjoni bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet tinsab fil-fatt li r-riżorsi finanzjarji ta’ waħda minn dawn il-kategoriji jiġu vverifikati, filwaqt li dawk tal-kategorija l-oħra ma jiġux ivverifikati. Fis-sistema tal-ġustizzja kriminali Bulgara, ir-rekwiżit ta’ rimbors ta’ din l-għajnuna huwa, skont il-qorti tar-rinviju, sempliċi konsegwenza tal-kundanna kriminali fi tmiem din il-proċedura. F’dan il-kuntest, jidhirli għalhekk li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma paragunabbli peress li huma differenti biss minħabba proċedura kompletament prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u mhux mis-sitwazzjoni fattwali tal-persuni kkonċernati.

70.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali, ma narax kif l-applikazzjoni ta’ trattament differenti bejn il-persuni li lilhom ingħatat din l-għajnuna minħabba li ma kellhomx riżorsi suffiċjenti sabiex iħallsu avukat u dawk li bbenefikaw mill-imsemmija għajnuna għaliex kienu f’detenzjoni iżda li lanqas ma kellhom tali riżorsi, tista’ tiġi ġġustifikata.

71.      Fit-tielet lok, fil-fehma tiegħi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti esposti fil-punti 33 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet u li t-tagħlimiet prinċipali tagħhom jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

–        l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw ma’ regola minima komuni li tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna legali lil kull persuna ssuspettata jew akkużata li tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/1919, jiġifieri l-assenza ta’ riżorsi suffiċjenti sabiex tkun irrappreżentata minn avukat u l-fatt li l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan;

–        dan id-dritt għall-għajnuna legali jaqa’ taħt id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li min-naħa tiegħu huwa ispirat direttament mid-dritt għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 6 tal-KEDB. B’mod ġenerali, il-livell ta’ protezzjoni provdut mill-Istati Membri ma għandux ikun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

–        id-Direttiva 2016/1919 la tipprevedi obbligu u lanqas projbizzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-għajnuna legali. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jimplimentaw tali mekkaniżmu ta’ rimbors, sakemm dan ma jippreġudikax id-drittijiet previsti mid-Direttiva 2016/1919, u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta jew l-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretati rispettivament mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

72.      Issa, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kompatibbiltà bejn mekkaniżmu ta’ rimbors tal-għajnuna legali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-Artikolu 47 tal-Karta, nosserva fir-rigward ta’ dan l-artikolu li dan jirreferi espressament għal “dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-integrazzjoni tad-dispożizzjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna legali fl-artikolu tal-Karta dwar id-dritt għal rimedju effettiv tindika li l-evalwazzjoni tan-neċessità tal-għoti ta’ din l-għajnuna għandha ssir billi jittieħed bħala punt tat-tluq id-dritt tal-persuna stess li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru u mhux l-interess ġenerali tas-soċjetà, anki jekk dan jista’ jkun wieħed mill-elementi ta’ evalwazzjoni tan-neċessità tal-għajnuna (31).

73.      Mill-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq jirriżulta li, minn naħa, il-kwistjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-persuna kkonċernata hija evidentement ċentrali fir-rigward tal-għajnuna legali u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni konkreta ta’ din il-persuna hija fundamentali fl-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-fatt li persuna li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex tuża l-għajnuna ta’ avukat sabiex jirrappreżentaha jkollha tirrimborsa l-ispejjeż marbuta ma’ din l-għajnuna, meta s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma tkunx tjiebet, tmur kontra l-essenza stess tal-Artikolu 47 tal-Karta.

74.      It-tieni, fir-rigward tal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, u kif indikat fil-punti 56 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipprovdi indikazzjonijiet ċari dwar dan il-punt. Barra minn hekk, hija taqbel mal-analiżi tal-punt preċedenti ta’ dawn il-preżenti konklużjonijiet dwar l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, minn naħa, mekkaniżmu intiż għar-rimbors tal-għajnuna legali mogħtija lil persuna kkundannata la jista’ jippreġudika n-natura ġusta tal-proċedura ġudizzjarja u lanqas l-aċċess għall-proċedura ġudizzjarja ta’ din il-persuna. F’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħmel rabta ċara bejn il-kwistjoni tar-rimbors tal-għajnuna u dik tal-effettività stess tad-dritt għal din l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB għandha b’mod partikolari tiġi evalwata fid-dawl tar-raġonevolezza tal-ammont mitlub kif ukoll tar-riżorsi finanzjarji tal-imsemmija persuna fil-mument meta hija obbligata li tħallashom, li jimplika wkoll verifika konkreta tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

75.      F’dan il-każ, ir-riskju li mekkaniżmu ta’ rimbors bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinfluwenza negattivament id-deċiżjoni ta’ persuna ssuspettata jew akkużata li teżerċita d-dritt ta’ appell tagħha, minħabba biża’ li jkollha tirrimborsa spejjeż addizzjonali mingħajr ma jkollha l-mezzi finanzjarji, ma jidhirlix li jista’ jiġi injorat.

76.      Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ rimbors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-riżorsi finanzjarji tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati qatt ma jiġu vverifikati qabel ma jintalab ir-rimbors tal-għajnuna legali fil-każ ta’ kundanna. Issa, kif indikajt fil-punti 59 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta mingħajr ambigwità li l-awtoritajiet huma obbligati jevalwaw kemm in-natura raġonevoli tal-ammont mitlub kif ukoll il-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tħallas dan l-ammont, qabel ma jintalab tali rimbors.

77.      Barra minn hekk, jidhirli li dan huwa koerenti wkoll mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2016/1919. Din ma hijiex intiża biss sabiex persuna kkonċernata tibbenefika mill-għajnuna ta’ avukat, iżda wkoll sabiex l-ispejjeż li jirriżultaw minn din l-għajnuna jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ma jidhirx irraġonevoli li persuna li r-riżorsi finanzjarji tagħha jippermettulha tagħmel dan tikkontribwixxi għal dan il-finanzjament, din il-possibbiltà għandha tiġi implimentata mill-imsemmija Stati Membri b’mod proporzjonat u fil-kuntest tal-limiti li għadni kif iddeskrivejt fil-punti 70 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

78.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument imqajjem mill-Kummissjoni matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li persuna li ma jkollhiex il-mezzi sabiex tiffinanzja l-għajnuna ta’ avukat tista’ titqabbel ma’ persuna vulnerabbli, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919, dan ma jidhirlix li huwa rilevanti. Fil-fatt, xejn fil-kliem ta’ din id-direttiva ma jindika dan is-sens u barra minn hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li ma teżistix preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà tal-persuni akkużati u li l-kapaċità ta’ persuna li tħallas avukat u l-vulnerabbiltà tagħha huma kwistjonijiet distinti (32).

V.      Konklużjoni

79.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Apelativen sad – Sofia (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija), kif ġej:

L-Artikolu 2(1)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta; mandat ta’ arrest Ewropew, moqrija flimkien mal-premessa 8 tagħha,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li persuna akkużata li bbenefikat mill-għajnuna legali għaliex hija kienet tinsab f’detenzjoni tista’ tkun obbligata tirrimborsa l-ispejjeż marbuta ma’ din l-għajnuna mingħajr verifika minn qabel tar-riżorsi finanzjarji tagħha. Tali prattika, barra minn hekk, x’aktarx li tkun diskriminatorja fil-każ fejn persuna akkużata li bbenefikat minn din l-għajnuna, preċiżament minħabba n-natura insuffiċjenti tar-riżorsi tagħha, ma tkunx tista’ tiġi suġġetta għal tali obbligu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Ottubru 1979, Airey vs L‑Irlanda, (CE:ECHR:1979:1009JUD000628973, punt 26).


3      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Krüger (C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23), tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères (C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18) u tat‑3 ta’ Ġunju 2025, Kinsa (C‑460/23, EU:C:2025:392, punt 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


4      Ara, b’mod partikolari, il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Salvagwardji Proċedurali għal dawk Suspettati u Konvenuti fi Proċeduri Kriminali madwar l-Unjoni Ewropea [COM(2003) 75 final] tad‑19 ta’ Frar 2003, u l-Proposta għal Qafas Kwadru tal-Kunsill dwar ċerti drittijiet proċedurali fi proċeduri kriminali madwar l-Unjoni Ewropea , [COM(2004) 328 final] tat‑28 ta’ April 2004.


5      Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, C 295, p. 1), iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009”).


6      Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU 2010, C 115, p. 1).


7      Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1); Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1); kif ukoll Direttiva 2013/48.


8      Direttiva 2016/343; Direttiva (UE) 2016//800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1) kif ukoll Direttiva 2016/1919.


9      Ara, għal spjegazzjonijiet iktar dettaljati, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawża M. S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, punti 26 sa 31).


10      Ara, f’dan ir-rigward, premessa 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009.


11      ĠU 2007, C 303, p. 17)


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Infakkar, barra minn hekk, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet inklużi fiha għandhom l-istess sens u l-istess portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, li ma jipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estiża. Fl-interpretazzjoni tad-drittijiet iggarantiti mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mill-Artikolu 48(2) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, pereżempju, tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala limitu minimu tal-protezzjoni. Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K. B. u F. S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 41).


13      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Barało (C‑530/23, EU:C:2025:322, punti 58 u 59, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha).


14      Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Novembru 2011, Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija mċaħħda mil-libertà u l-għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew [SWD(2013) 477 final].


15      COM(2013) 824 final.


16      Ara premessa 1 tad-Direttiva 2016/1919.


17      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Settembru 1992, Pham Hoang vs Franza (CE:ECHR:1992:0925JUD 001319187, punt 39).


18      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Barało (C‑530/23, EU:C:2025:322, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara, b’analoġija, id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, LEA (C‑10/22, EU:C:2024:254, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar għajnuna legali proviżorja għal persuni ssuspettati jew mixlija li huma mċaħħda mil-libertà kif ukoll għajnuna legali fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, COM(2013) 0824 final, tas‑27 ta’ Novembru 2013.


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Deċiżjoni tal-Qorti EDB tas‑6 ta’ Mejju 1982, X vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (CE:ECHR:1982:0506DEC000936581).


27      Sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Settembru 1992, Croissant vs Il‑Ġermanja, (CE:ECHR:1992:0925JUD001361188).


28      Sentenza tal-Qorti EDB tas‑26 ta’ Frar 2002, Morris vs Ir‑Renju Unit, (CE:ECHR:2002:0226JUD003878497).


29      Sentenza tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Frar 2011, Ognyan Asenov vs Il‑Bulgarija, (CE:ECHR:2011:0217JUD003815704). Raġunament relattivament simili ġie segwit ukoll fis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Ġunju 2011, Orlov vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2011:0621JUD002965204).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2023, O.G. (Mandat ta’ arrest Ewropew kontra ċittadin ta’ pajjiż terz) (C‑700/21, EU:C:2023:444, punti 40 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 42).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Barało (C‑530/23, EU:C:2025:322, punti 61 sa 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).