Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑7 ta’ Mejju 2026 (1)
Kawża C‑199/25
Fluvius Halle-Vilvoorde, li kienet Sibelgas,
Fluvius Kempen, li kienet Intercommunale Vereniging voor de Energiedistributie in de Kempen en het Antwerpse (IVEKA),
Fluvius IMEWO, li kienet Intercommunale Maatschappij voor Energievoorziening in West- en Oost-Vlaanderen (IMEWO),
Fluvius West, li kienet Fluvius West u Intercommunale Maatschappij voor Gas en Elektriciteit van het Westen (GASELWEST),
Fluvius Zenne-Dijle, li kienet Iverlek u Provinciale Brabantse Energiemaatschappij (P.B.E.),
Fluvius Midden-Vlaanderen, li kienet Intercommunale Vereniging voor Energieleveringen in Midden-Vlaanderen (INTERGEM),
Fluvius Antwerpen,
Fluvius West,
Fluvius Limburg,
Provinciale Brabantse Energiemaatschappij CVBA (PBE)
vs
De Vlaamse Nutsregulator, li kien Vlaamse Regulator van de Elektriciteits-en Gasmarkt (VREG)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/943 – Artikolu 18(1) – Imposti għall-aċċess għan-networks, l-użu tan-networks u r-rinfurzar – Kunċett ta’ ‘spejjeż mhux relatati li jappoġġaw għanijiet strateġiċi oħra’ – Metodoloġija tariffarja għad-distribuzzjoni tal-elettriku li, għal komponent sinjifikattiv tal-ispejjeż tal-ġestjonarji tan-network, tuża metodu tax-xejra tal-ispejjeż storiċi – Possibbiltà li temporanjament jinżammu l-effetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, meqjusa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ inċertezza legali”
I. Daħla
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 (2).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn għaxar ġestjonarji ta’ network tad-distribuzzjoni Fjammingi (iktar ’il quddiem l-“ĠND rikorrenti”) u l-Vlaamse Nutsregulator, li kien il-Vlaamse Regulator van de Elektriciteits-en Gasmarkt (ir-Regolatur Fjamming tal-Elettriku u tal-Gass) (iktar ’il quddiem il-“VREG”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tistabbilixxi l-metodu ta’ tarifikazzjoni applikabbli għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali matul il-perijodu regolatorju 2025‑2028 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
3. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, dwar il-kompatibbiltà mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, li għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li l-ġestjonarji ta’ networks tad-distribuzzjoni (iktar ’il quddiem il-“ĠND”) jgħaddu lill-klijenti finali tagħhom l-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku (iktar ’il quddiem l-“OSP”) imposti fuqhom mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi metodu ta’ tarifikazzjoni abbażi tal-evalwazzjoni tal-ispejjeż storiċi, u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà li temporanjament jinżammu l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni, fl-ipoteżi li din titqies inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament 2019/943
4. L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/943, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“Dan ir-Regolament jimmira li:
(a) jistabbilixxi l-bażi għall-kisba effiċjenti tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija […] billi jinkisbu, permezz tas-sinjali tas-suq, żieda fl-effiċjenza, sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli, sigurtà tal-provvista, flessibbiltà, […], sostenibbiltà, dekarbonizzazzjoni u innovazzjoni;
(b) jistabbilixxi prinċipji fundamentali għal swieq tal-elettriku integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri kollha tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, […] u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni abbażi tas-suq għal elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija;
[…]”
5. L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Imposti għall-aċċess għan-netwerks, l-użu tan-netwerks u r-rinfurzar”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-imposti applikati mill-operaturi tan-netwerks għall-aċċess għan-netwerks, inklużi l-imposti għall-konnessjoni man-netwerks, l-imposti għall-użu tan-netwerks u, fejn applikabbli, l-imposti għar-rinfurzar tan-netwerk, għandhom jirriflettu l-kostijiet, ikunu trasparenti, filwaqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà u l-flessibbltà tan-netwerk u jirriflettu l-kostijiet reali mġarrba sakemm jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur tan-netwerk effiċjenti u strutturalment komparabbli u jkunu applikati b’mod mhux diskriminatorju. Dawk l-imposti ma għandhomx jinkludu l-kostijiet mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati [strateġiċi oħra].
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2012/27/UE [(3)] u l-kriterji fl-Anness Xita’ dik id-Direttiva, il-metodu użat biex jiddetermina l-imposti tan-netwerk għandu jappoġġa b’mod newtrali l-effiċjenza kumplessiva tas-sistema fit-tul taż-żmien permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet lill-klijenti u lill-produtturi u b’mod partikolari għandu jiġi applikat b’mod li ma jiddiskriminax b’mod pożittiv jew b’mod negattiv bejn il-produzzjoni konnessa fil-livell ta’ distribuzzjoni u l-produzzjoni konnessa fil-livell ta’ trażmissjoni. […]
2. Il-metodoloġiji tat-tariffi għandhom […] jirriflettu l-kostijiet fissi tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u għandhom iqisu kemm in-nefqa kapitali kif ukoll dik operazzjonali biex jipprovdu inċentivi xierqa lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni kemm għal żmien qasir kif ukoll għal żmien twil, inkluż investimenti antiċipatorji, sabiex jiżdiedu l-effiċjenzi, inkluż l-effiċjenza fl-enerġija; […] irawmu l-integrazzjoni tas-suq, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u s-sigurtà tal-provvista; […] jippromwovu investiment effiċjenti […].
[…]
4. Meta jiġu stabbiliti l-imposti għall-aċċess għan-netwerk, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:
(a) pagamenti u dħul li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens għal operatur tas-sistema ta’ intertrażmissjoni;
(b) pagamenti reali li saru u li ġew riċevuti kif ukoll pagamenti mistennija għal perjodi futuri, stmati abbażi tal-perjodi preċedenti.
[…]
7. It-tariffi ta’ distribuzzjoni għandhom jirriflettu l-kost filwaqt li jqisu l-użu tan-netwerk ta’ distribuzzjoni mill-utenti tas-sistema inklużi l-klijenti attivi. […]
8. Il-metodoloġiji tat-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni għandhom jipprovdu inċentivi lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għall-aktar operazzjoni kosteffiċjenti u għall-iżvilupp tan-networks tagħhom, inkluż permezz tal-akkwist ta’ servizzi. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikonoxxu l-kostijiet rilevanti bħala eliġibbli, inkluż il-kostijiet relatati ma’ investiment antiċipatorju, għandhom jinkludu dawk il-kostijiet fit-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, u għandhom, fejn ikun xieraq, jintroduċu miri ta’ prestazzjoni sabiex jipprovdu inċentivi lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni biex iżidu l-effiċjenza ġenerali tas-sistemi fin-networks tagħhom […]”
2. Id-Direttiva (UE) 2019/944
6. L-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944 (4), intitolat “Definizzjonijiet”, jippreċiża, fil-punt 57 tiegħu, li l-kunċett ta’ “impriża tal-elettriku” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal “persuna fiżika jew ġuridika li twettaq mill-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: ġenerazzjoni, trażmissjoni, distribuzzjoni, […]”.
7. L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:
“2. B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-[Trattat FUE], b’mod partikolari l-Artikolu 106 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali […].
3. Fejn hemm ipprovdut kumpens finanzjarju, jew forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklużivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew għall-forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikolu 27, dan għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti.”
8. L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u l-leġislazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:
(a) tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;
(b) għandha tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:
(i) jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u
(ii) ma jitolbux jew jieħdu istruzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dak ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra rilevanti jew għal-linji gwida ġenerali ta’ politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 59.”
9. L-Artikolu 59 tal-istess direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:
“L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
(a) jiffissaw jew japprovaw, bi qbil mal-kriterji ta’ trasparenza, tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma”.
B. Id-dritt Belġjan
10. L-Artikolu 4.1.30(1) tad-decreet van 8 mei 2009 houdende algemene bepalingen betreffende het energiebeleid (Energiedecreet) (id-Digriet tat‑8 ta’ Mejju 2009 dwar Dispożizzjonijiet Ġenerali fil-Qasam tal-Politika tal-Enerġija (id-Digriet dwar l-Enerġija)) (5), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Enerġija”), jipprovdi:
“Il-[VREG] għandu jistabbilixxi metodu ta’ tarifikazzjoni u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta’ tarifikazzjoni bil-għan li jippromwovi regolazzjoni stabbli u prevedibbli li tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq liberalizzat u tippermetti lill-ġestjonarji tan-network tad-distribuzzjoni jagħmlu l-investimenti meħtieġa fin-networks tad-distribuzzjoni tagħhom.”
11. L-Artikolu 4.1.32( 1) ta’ dan id-digriet jipprevedi:
“Il-[VREG] għandu jistabbilixxi l-metodu ta’ tarifikazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li ġejjin:
[…]
5° it-tariffi għandhom jirriflettu l-ispejjeż verament imġarrba, bil-kundizzjoni li dawn ikunu jikkorrispondu għal dawk ta’ entità jew attività effikaċi paragunabbli;
[…]
10° l-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit għall-kompiti tas-servizz pubbliku, imposti bid-digriet jew skont id-digriet, li ma humiex iffinanzjati minn imposti, taxxi, sussidji, kontribuzzjonijiet u dazji, għandhom jiġu kkalkolati b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju fit-tariffi, wara verifika mill-[VREG];
[…]
19° it-tariffi ma għandhomx jinkludu ebda inċentiv li jippreġudika l-effikaċja ġenerali, inkluża l-effikaċja enerġetika tal-ġenerazzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-provvista tal-elettriku […].”
12. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4.1.34 tal-imsemmi digriet jipprovdi:
“Il-Qorti tal-Appell tista’, fuq talba ta’ parti jew fuq inizjattiva tagħha stess, tordna li l-effetti legali ta’ deċiżjoni li ġiet annullata kompletament jew parzjalment jinżammu kompletament jew parzjalment, jew jinżammu provviżorjament għal terminu li hija tiddetermina. Madankollu, din il-miżura tista’ tiġi ordnata biss għal raġunijiet eċċezzjonali li jiġġustifikaw ksur tal-prinċipju ta’ legalità, abbażi ta’ deċiżjoni motivata b’mod speċjali u wara dibattitu kontradittorju. Din id-deċiżjoni trid tqis ukoll l-interessi ta’ partijiet terzi.”
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13. Il-ĠND rikorrenti nħatru mill-VREG biex jiġġestixxu n-networks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali f’żoni speċifiċi li jinsabu fil-Vlaanderen (il-Belġju).
14. L-operat ta’ dawn in-networks jinvolvi spejjeż għall-ĠND rikorrenti, li jistgħu jiġu rkuprati mill-utenti tal-imsemmija networks, fi ħdan ċerti limiti u kundizzjonijiet, permezz tat-tariffi tan-network. Madankollu, peress li l-ĠND rikorrenti jikkostitwixxu monopolji legali, il-VREG jirregola t-tariffi tan-network tagħhom billi jiddetermina l-metodu ta’ tarifikazzjoni applikabbli. Dan il-metodu, li ġeneralment jiġi stabbilit għal perijodu ta’ erba’ snin, jiffissa l-livell ta’ dħul li l-ĠND rikorrenti jitħallew jaqilgħu permezz tat-tariffi tan-network imħallsa mill-utenti tan-network ta’ distribuzzjoni, sabiex ikopru l-ispejjeż tal-operat tagħhom.
15. Id-dħul awtorizzat jikkonsisti minn komponent li jikkorrispondi għall-ispejjeż eżoġeni, jiġifieri spejjeż li l-ĠND rikorrenti ma għandhom l-ebda influwenza fuqhom, kif ukoll komponent li jikkorrispondi għall-ispejjeż endoġeni, jiġifieri spejjeż raġonevoli u neċessarji relatati mal-ġestjoni tan-networks u tad-data, li fuqhom il-ĠND rikorrenti għalhekk jistgħu jeżerċitaw influwenza (6).
16. Fil‑21 ta’ Ġunju 2024, il-President u membru tal-Bord tad-Diretturi tal-VREG, konformement mad-Digriet dwar l-Enerġija, iffirmaw id-deċiżjoni kontenzjuża, li tistabbilixxi l-metodu ta’ tarifikazzjoni applikabbli għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali għall-perijodu 2025‑2028. Dan il-metodu ta’ tarifikazzjoni jinkludi formoli għall-kalkolu tad-dħul permess maħsub biex ikopri l-ispejjeż endoġeni raġonevoli u effettivi tal-ĠND rikorrenti, jiġifieri l-ispejjeż endoġeni massimi li dawn tal-aħħar jistgħu jgħaddu lill-utenti tan-networks ta’ distribuzzjoni.
17. Għal dan il-għan, l-imsemmi metodu ta’ tarifikazzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet fl-ispejjeż imġarrba mill-ĠND rikorrenti. B’mod iktar preċiż, il-VREG, l-ewwel nett, jieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-ispejjeż endoġeni settorjali, jiġifieri l-ispejjeż endoġeni aggregati tal-ĠND Fjammingi kollha għall-istess attività rregolata, matul il-perijodu tariffarju preċedenti, f’dan il-każ il-perijodu 2019‑2023. It-tieni nett, il-VREG jipprevedi, matul il-perijodu regolatorju 2025–2028 kollu, li l-porzjon bażiku tad-dħul permess għall-ispejjeż endoġeni jevolvi kull sena skont l-inflazzjoni, b’tali mod li dan il-porzjon bażiku jiġi rrettifikat ex post skont l-inflazzjoni reali. It-tielet nett, minbarra l-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi, il-VREG jieħu inkunsiderazzjoni wkoll fattur ta’ inċentiv għall-effikaċja msejjaħ “frontier shift”, li jirrifletti t-titjib fil-produttività li jiksbu l-impriżi l-iktar effikaċi permezz tal-applikazzjoni tal-aħjar prattiki (progress teknoloġiku) u li, skont il-VREG, huwa neċessarju sabiex jikkumpensa għat-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-ĠND rikorrenti. Ir-raba’ u l-aħħar nett, jiġu miżjuda ħames elementi endoġeni addizzjonali, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ, mal-porzjon bażiku tad-dħul permess għall-ispejjeż endoġeni.
18. Fid‑9 ta’ Lulju 2024, il-ĠND rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), il-qorti tar-rinviju, biex jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-metodoloġija ta’ tarifikazzjoni, applikata mill-VREG, sabiex jiġu ffissati t-tariffi għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass naturali matul il-perijodu 2025‑2028 tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4.1.30 u 4.1.32 tad-Digriet dwar l-Enerġija, id-Direttiva 2019/944, il-prinċipju ta’ tarifikazzjoni li tirrifletti l-ispejjeż, kif previst mill-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, kif ukoll diversi prinċipji marbuta mal-amministrazzjoni tajba.
19. Min-naħa tiegħu, il-VREG isostni b’mod partikolari li l-metodu ta’ tarifikazzjoni stabbilit għall-perijodu 2025‑2028 jikser it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, sa fejn, konformement mal-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32(1) tad-Digriet dwar l-Enerġija, it-tariffi jinkludu spejjeż mhux relatati li jappoġġaw għanijiet strateġiċi oħra. F’dan ir-rigward, il-VREG jallega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi diversi OSP fuq il-ĠND rikorrenti, li għalihom dawn jingħataw kumpens iffinanzjat parzjalment mir-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom permezz tal-Energiefonds (il-Fond tal-Enerġija) u mill-baġit tal-ispejjeż ġenerali tal-Vlaamse Gewest (ir-Reġjun Fjamming). Madankollu, wara li jitnaqqas dan il-kumpens, l-ispejjeż li jifdal relatati mal-OSP ta’ natura finanzjarja jiġu riflessi fuq it-tariffi tan-network tal-elettriku. Issa, skont il-VREG, il-maġġoranza ta’ dawn l-OSP għandhom għanijiet ta’ natura soċjali u ambjentali, li, għaldaqstant, ma humiex marbuta mal-ġestjoni tan-networks ta’ distribuzzjoni.
20. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, li tipprovdi li t-tariffi tan-network ma għandhomx jinkludu “kostijiet [spejjeż] mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati [strateġiċi oħra]”, kunċett li ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament. Fil-fehma tagħha, l-espressjoni “objettivi politiċi mhux relatati [strateġiċi oħra]” tirreferi għall-iskopijiet li ma humiex relatati mal-iżvilupp u mal-operat tan-networks infushom. Dik il-qorti tosserva, f’dan ir-rigward, li l-promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari permezz tal-obbligu ta’ xiri ta’ ċertifikati hekk imsejħa “ekoloġiċi” u ta’ ċertifikati ta’ koġenerazzjoni, tidher li ssegwi għanijiet ta’ politika tal-enerġija distinti minn dawk relatati mal-iżvilupp jew mal-użu effikaċi tan-networks ta’ distribuzzjoni. Għalhekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-“ispejjeż mhux relatati” marbuta mal-OSP, li ma għandhom ebda rabta mal-ġestjoni tan-network u li fil-Belġju huma riflessi fit-tariffi skont id-Digriet dwar l-Enerġija, humiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.
21. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità, fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni bbażat fuq l-ispejjeż storiċi tal-ĠND rikorrenti, fl-assenza ta’ stħarriġ dwar l-effikaċja tagħhom. Din id-dispożizzjoni, fil-fatt, teżiġi li l-ispejjeż mgħoddija lill-utenti jikkorrispondu għal dawk ta’ ġestjonarju ta’ network effikaċi bi struttura paragunabbli, li jimplika li t-tariffi ma jistgħux jaqbżu l-livell li jirriżulta minn suq kompetittiv. F’dan ir-rigward, filwaqt li tirrikonoxxi li l-użu ta’ data empirika storika jista’ jkun rilevanti, tistaqsi jekk ir-regolazzjoni tat-tariffi bbażata esklużivament fuq l-ispejjeż storiċi, mingħajr mekkaniżmu biex tiġi evalwata l-effikaċja tagħhom, hijiex tassew kompatibbli mal-għan ta’ dan ir-regolament u, b’mod iktar ġenerali, mal-għan innifsu ta’ kwalunkwe regolazzjoni applikabbli għal suq monopolistiku, li huwa li tipprevjeni l-istabbiliment ta’ prezzijiet ogħla minn dawk prevalenti f’ambjent kompetittiv.
22. Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar iż-żamma temporanja tal-effetti tal-metodu ta’ tarifikazzjoni kontenzjuż f’dan il-każ. Fil-fehma tagħha, u konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7), il-kunsiderazzjonijiet imperattivi taċ-ċertezza legali jidhru li jiġġustifikaw iż-żamma provviżorja tal-effetti tal-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32( 1) tad-Digriet dwar l-Enerġija u/jew tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqishom inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dik il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li annullament mhux modulat jista’ jippreġudika ċ-ċertezza legali (8).
23. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) It-tieni sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament [2019/943], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali bħall-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32, § 1, [tad-Digriet dwar l-Enerġija], li tipprevedi li l-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni [tal-OSP] imposti minn jew skont digriet li ma jkunux iffinanzjati permezz ta’ imposti, taxxi, sussidji, kontribuzzjonijiet jew dazji jiġu inklużi fit-tariffi?
2) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-adozzjoni minn awtorità regolatorja ta’ metodoloġija ta’ tarifikazzjoni għad-distribuzzjoni ta’ elettriku li, fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva mill-ispejjeż [tal-ĠND] suġġett għal regolazzjoni tad-dħul, tuża metodu bbażat fuq il-metodu tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi (li jiddetermina d-dħul b’riferiment għall-ispejjeż tal-passat), jew l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għandha tiġi sosntuta permezz ta’ kontroll tal-livell tal-ispejjeż storiċi fid-dawl tal-effikaċità tagħhom?
3) Jekk il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) kellha tikkonkludi, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domandi preliminari li jippreċedu, li l-VREG naqas milli jwettaq obbligu wieħed jew iktar li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, hija tista’ żżomm temporanjament l-effetti ta’ dan in-nuqqas sabiex tevita inċertezza legali?”
24. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ĠND rikorrenti, mill-VREG, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Finlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fil‑11 ta’ Frar 2025.
IV. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
1. Fuq l-ammissibbiltà
25. Bħala punt preliminari, għalkemm ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mill-partijiet fil-proċedura, jidhirli li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari.
26. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (9). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha. B’mod partikolari, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw id-domandi preliminari jistgħu jiġu applikati mill-qorti tar-rinviju sabiex issolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali. Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u d-deċiżjoni preliminari mitluba ma tkunx neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti s-sentenza tagħha, b’tali mod li dawn id-domandi jkollhom jiġu ddikjarati inammissibbli (10).
27. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tat-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, il-VREG jikkontesta l-legalità, fid-dawl tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, tal-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32( 1) tad-Digriet dwar l-Enerġija, dispożizzjoni li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tariffi tan-network, tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-OSP imposti fuq il-ĠND mill-Istat Membru kkonċernat, meta dawn l-ispejjeż ma jkunux iffinanzjati minn imposti, taxxi, sussidji, kontribuzzjonijiet jew dazji.
28. Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-Digriet dwar l-Enerġija serva bħala bażi għall-istabbiliment ta’ skema ta’ promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, li ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet Belġjani kompetenti lill-Kummissjoni u li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni C(2018) 1003 final tas‑16 ta’ Frar 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.46013 (2017/N) – il-Belġju, Ċertifikati tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli u ċertifikati tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja fil-Vlaanderen (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni”) (11). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ din l-iskema, peress li qieset li din l-iskema hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE (12).
29. F’dan is-sens, nirrileva li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat FUE, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni jaqdu rwoli komplementari iżda distinti (13). B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw is-salvagwardja, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. F’dan ir-rigward, huma jistgħu jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, sabiex jiddeterminaw jekk miżura tal-Istat, stabbilita mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-proċedura ta’ kontroll preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, għandhiex tiġi suġġetta għaliha jew le. B’kuntrast ma’ dan, dawk il-qrati ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Fil-fatt, skont ġurisprudenza oħra stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni Ewropea (14).
30. Barra minn hekk, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE qatt ma għandha twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE. Għalhekk, l-għajnuna li, waħedha jew minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser id-dispożizzjonijiet jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, meta l-modalitajiet ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna jkunu tant indissolubbilment marbuta mal-iskop tal-għajnuna jew tal-iskema ta’ għajnuna, jew mal-funzjonament tagħhom, li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati separatament, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna jew tal-iskema ta’ għajnuna fl-intier tagħha għandu neċessarjament jiġi evalwat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (15). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ tali modalitajiet ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali (16).
31. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-possibbiltà li jitqiesu, fit-tariffi tan-network, l-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-OSP imposti fuq il-ĠND rikorrenti mill-Istat skont id-Digriet dwar l-Enerġija tistax tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, minkejja li dan id-digriet diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern.
32. F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li, fis-sentenza Tiberis Holding, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) minħabba li, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28/KE (17) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 (18), li ntalbet minn dik il-qorti, ma kinitx rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tevalwa l-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv li kien inkwistjoni f’dik il-kawża, fejn tali mekkaniżmu huwa fil-fatt marbut indissolubbilment mal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni kienet iddikjarat kompatibbli mas-suq intern permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 2726 final tat‑28 ta’ April 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.43756 (2015/N) – Sostenn għall-enerġija elettrika prodotta fl-Italja minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
33. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li jekk il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jitħalla jiddeċiedi dwar il-legalità, fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28, tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv ikkonċernat, dan ikun jammonta għal li jingħata s-setgħa li jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu stess għal dik magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha u b’hekk jikser is-setgħat esklużivi riżervati għal din l-istituzzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern (19). Hija qieset, min-naħa l-oħra, li kwalunkwe modifika li ssir lil dan il-mekkaniżmu ta’ inċentiv negattiv, minħabba żieda possibbli fl-intensità tal-għajnuna li tista’ tirriżulta minnha, x’aktarx li taffettwa l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern u għalhekk tikkostitwixxi “għajnuna ġdida”, suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni (20). Din il-ġurisprudenza għalhekk tagħmilha possibbli li jiġu identifikati b’mod ċar l-ipoteżijiet li fihom qorti nazzjonali, adita b’kawża li tqajjem kwistjoni relatata mal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi meta tali leġiżlazzjoni tikkonċerna miżura ta’ għajnuna mill-Istat li l-kompatibbiltà tagħha tkun ġiet eżaminata preċedentement mill-Kummissjoni.
34. Nixtieq nippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-iskema ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli, introdotta mill-Gvern Belġjan u approvata mill-Kummissjoni, hija maħsuba biex tħeġġeġ il-ġenerazzjoni tal-elettriku f’installazzjonijiet fotovoltajċi permezz ta’ obbligu ta’ xiri u ta’ prezz minimu ggarantit. B’mod partikolari, mid-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li din l-iskema hija bbażata fuq il-ħolqien ta’ suq ta’ ċertifikati ekoloġiċi li fih jipparteċipaw diversi atturi fis-suq tal-enerġija u li fil-kuntest tiegħu l-ġestjonarji ta’ network huma legalment obbligati jixtru ċ-ċertifikati bi prezz minimu ggarantit meta l-produtturi ma jsibux xerrejja fis-suq (21). Wara analiżi fil-fond tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet dwar l-Enerġija u tal-funzjonament attwali tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, inkluż ir-rwol fdat lill-ġestjonarji ta’ networks fil-kuntest tar-riakkwist ta’ ċertifikati ekoloġiċi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-imsemmija skema hija kompatibbli mar-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat.
35. Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod partikolari li l-obbligu ta’ riakkwist impost fuq il-ĠND mid-Digriet dwar l-Enerġija għandu importanza partikolari fil-kuntest tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u ttieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà u tal-proporzjonalità tal-iskema kkomunikata. Fil-fatt, peress li l-ĠND Fjammingi ġew fdati bil-kompitu li jaġixxu bħala x-“xerrejja tal-aħħar għażla” – fis-sens li huma obbligati jixtru kull kwantità ta’ ċertifikati offruti lilhom mill-atturi fis-suq bi prezz minimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (22) l-intervent tagħhom fis-suq jikkostitwixxi element ċentrali tal-iskema ta’ għajnuna koperta mid-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni (23).
36. Għalkemm, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-OSP tar-riakkwist taċ-ċertifikati ekoloġiċi impost fuq il-ĠND mill-Istat Membru kkonċernat jista’ jikkostitwixxi modalità marbuta indissolubbilment mal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li f’din il-kawża, ma huwiex il-mekkaniżmu stabbilit mid-Digriet dwar l-Enerġija li jipprevedi l-obbligu tal-ĠND li jixtru ċ-ċertifikati ekoloġiċi li huwa kkontestat fid-dawl tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 (24), iżda l-possibbiltà li fit-tariffi tan-network jitqiesu l-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-OSP imposti fuq il-ĠND minn dan id-digriet kif ukoll il-modalitajiet tal-integrazzjoni tagħhom (25). Issa, dan l-aħħar parametru ma jikkostitwixxix, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, modalità marbuta indissolubbilment mal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li abbażi tagħha l-Kummissjoni evalwat il-konformità u l-kompatibbiltà tagħha mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.
37. Fil-fatt, il-mod kif l-ispejjeż relatati mal-OSP ġew meqjusa fit-tariffi tal-elettriku ma ġiex eżaminat fid-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Anki jekk jitqies li l-iskema ta’ għajnuna kkomunikata lill-Kummissjoni kienet tinkludi elementi relatati mal-kontabbiltà ta’ dawn l-ispejjeż, ħaġa li madankollu ma tirriżultax minn din id-deċiżjoni, din l-istituzzjoni, fi kwalunkwe każ, ma kinitx f’pożizzjoni li tirrileva inkompatibbiltà eventwali tad-Digriet dwar l-Enerġija fid-dawl tal-projbizzjoni, issa prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, li jiġu inklużi fit-tariffi tan-network “kostijiet [spejjeż] mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati [strateġiċi oħra]” (26).
38. Nindika, b’mod komplementari, li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Tiberis Holding issir rilevanti biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li eventwali inkompatibbiltà tad-Digriet dwar l-Enerġija mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 tista’ taffettwa l-intensità jew il-modalitajiet tal-għajnuna approvata mill-Kummissjoni, sa fejn din twassal għal modifika tal-ammont ta’ din l-għajnuna jew tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom twettqet l-analiżi tal-kompatibbiltà tagħha u l-approvazzjoni tagħha maħruġa, jew kieku kellu jiġi kkonstatat li din l-inkompatibbiltà potenzjali tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, f’liema każ jista’ jitqies li din hija “għajnuna ġdida”, bil-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan kemm fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-inammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari (27). Issa, il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fih l-ebda element li jista’ jsostni tali konklużjoni.
39. Konsegwentement inqis, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, li l-motivi li wasslu għall-konklużjoni tal-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li tat lok għas-sentenza Tiberis Holding ma humiex trasponibbli għal din il-kawża u li, għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.
2. Fuq il-mertu
40. Qabelxejn, ninnota li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda esklużivament l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943. Madankollu, bħall-partijiet kollha fil-proċedura, jiena tal-fehma li hemm lok, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/944, li jistabbilixxi l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-OSP fis-settur tal-enerġija, kif ukoll l-Artikoli 57 u 59 ta’ din id-direttiva, li jirregolaw, rispettivament, il-ħatra u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kif ukoll il-portata tal-kompiti fdati lilhom.
41. Dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 u teżamina l-interazzjonijiet tiegħu mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2019/944 sabiex, minn naħa, tevalwa jekk l-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-OSP jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “imposti tan-network”, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi jekk l-iffissar ta’ dawn it-tariffi jaqax effettivament taħt il-kompiti fdati lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tiddetermina sa fejn dan jista’ jippreġudika l-awtonomija deċiżjonali u l-indipendenza ta’ dawn l-awtoritajiet.
a) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-OSP fl-imposti ta’ aċċess għan-network
42. L-ewwel kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kompatibbiltà tad-Digriet dwar l-Enerġija mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, sa fejn dan id-digriet jipprevedi li l-ispejjeż tal-OSP relatati mal-enerġija rinnovabbli jistgħu jiġu riflessi fuq it-tariffi tan-network, minkejja li dawn l-OSP ma għandhom ebda rabta mal-ġestjoni tan-network ta’ distribuzzjoni u li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-inklużjoni fl-imposti ta’ aċċess għan-network ta’ “kostijiet [spejjeż] mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati [strateġiċi oħra]”.
43. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (28).
44. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-imposti applikati mill-ġestjonarji ta’ network għall-aċċess għan-networks, inklużi l-imposti għall-konnessjoni man-networks, l-imposti għall-użu tan-networks u, fejn applikabbli, l-imposti għar-rinfurzar relatat tan-network, għandhom jirriflettu l-ispejjeż, ikunu trasparenti, filwaqt li jqisu n-neċessità għas-sigurtà u għall-flessibbiltà tan-networks u jirriflettu l-ispejjeż reali mġarrba sakemm jikkorrispondu għal dawk ta’ ġestjonarju ta’ network effiċjenti u strutturalment paragunabbli u jkunu applikati b’mod mhux diskriminatorju. Dawk l-imposti ma għandhomx jinkludu l-ispejjeż mhux relatati li jappoġġaw għanijiet strateġiċi oħra.
45. Qabelxejn, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jirregola l-imposti ta’ aċċess għan-network billi jeżiġi li l-ispejjeż relatati magħhom ikunu marbuta mal-operat effettiv tan-network, dawn b’mod partikolari ma għandhomx jinkludu spejjeż mhux relatati li jappoġġaw għanijiet strateġiċi oħra, peress li l-kunċetti ta’ “imposti għall-aċċess għan-networks”, “spejjeż mhux relatati” u “għanijiet strateġiċi oħra” ma humiex madankollu ddefiniti minn dan ir-regolament.
46. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, din id-dispożizzjoni taqa’ taħt il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li huwa ddedikat għall-aċċess għan-network u għall-każijiet possibbli ta’ konġestjoni tiegħu u, b’mod iktar preċiż, taħt it-Taqsima II ta’ dan il-kapitolu, u hija intitolata “Imposti tan-netwerk u introjtu mill-konġestjoni”, li tinkludi żewġ artikoli.
47. F’dan ir-rigward jidher li, għalkemm il-paragrafi 2 sa 8 tal-imsemmija dispożizzjoni jipprovdu iktar preċiżazzjonijiet dwar il-metodoloġija li għandha tiġi segwita sabiex jiġu ddeterminati l-imposti ta’ aċċess għan-network kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, il-linji gwida dwar it-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku, dawn l-elementi ma jippermettux, waħedhom, li tingħata risposta ċara għall-ewwel domanda preliminari.
48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex jiġi eżaminat b’mod sħiħ il-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/944.
49. Nirrileva, fir-rigward tal-metodoloġija ta’ tarifikazzjoni, li, konformement mal-punt 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li jippreċiża r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-fatturazzjoni u tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni, il-prezz iffatturat lill-klijent finali huwa s-somma tat-tliet komponenti prinċipali, jiġifieri l-ewwel, il-komponent “tal-enerġija u l-provvista”, it-tieni, il-komponent “tan-netwerk” (trażmissjoni u distribuzzjoni) u, it-tielet, il-komponent “[tat-]taxxi, is-sisa, it-tariffi u l-imposti”. Barra minn hekk, kif jitfakkar f’dan il-punt 3, id-definizzjoni rilevanti ta’ dawn il-komponenti tinsab fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/1952 (29), li jipprevedi b’mod espliċitu li t-tielet komponent (“[t]axxi, tariffi, levies u imposti”) jista’ jinkludi, fost l-oħrajn, imposti għall-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
50. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-OSP, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2019/944 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jimponu tali obbligi, inkluż fir-rigward tal-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fuq l-impriżi tal-elettriku u tal-gass naturali (30). L-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża, barra minn hekk, li ġaladarba jkun hemm kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklużivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, dan għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti.
51. Għalhekk, minn qari konġunt tal-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 u tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2019/944 jirriżulta li, minkejja li l-kunċetti ta’ “imposti ta’ aċċess għan-network”, “tariffi” u “metodi ta’ tarifikazzjoni” la huma ddefiniti mir-Regolament 2019/943 u lanqas ma jintużaw dejjem b’mod koerenti (31), it-“tariffi” jew l-“imposti” tan-network imsemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxu biss wieħed mit-tliet komponenti prinċipali tal-fatturazzjoni totali.
52. Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2019/944 jirrikonoxxi marġni ta’ manuvra sinjifikattiv għall-Istati Membri kemm fid-definizzjoni tat-tip ta’ OSP li jixtiequ jimponu fuq il-ĠND kif ukoll fil-modalitajiet tal-finanzjament ta’ dawn l-OSP (32). Minn dan jirriżulta li din id-direttiva ma tipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li l-OSP jgħaddu lill-klijenti finali l-ispejjeż relatati mat-twettiq ta’ OSP imposti fuqhom mill-Istat Membru kkonċernat, inkluż fil-forma ta’ imposti, dment li l-parametri u l-modalitajiet ta’ dan il-finanzjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva.
53. Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mir-Regolament 2019/943, mill-Artikolu 1 tiegħu jirriżulta li dan huwa intiż b’mod partikolari li jistabbilixxi l-bażi għall-kisba effiċjenti tal-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija u l-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandu l-għan li jippermetti l-ġenerazzjoni ta’ sinjali tas-suq li jħeġġu l-effikaċja, sehem ikbar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, is-sigurtà tal-provvista, il-flessibbiltà, is-sostenibbiltà, id-dekarbonizzazzjoni u l-innovazzjoni.
54. Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li għandhom jiġu adottati dawn il-konklużjonijiet li ġejjin.
55. Fl-ewwel lok, ninnota, kif enfasizzat fil-punti 44 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 japplika biss għal “imposti” relatati mal-użu, mal-konnessjoni u mar-rinfurzar tan-network. Din id-dispożizzjoni għalhekk tkopri biss l-ispejjeż li verament jiġġarrbu mill-ġestjonarju ta’ network marbuta strettament mal-ġestjoni tan-network ta’ distribuzzjoni u ma tirregolax komponenti tariffarji oħra li ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-użu reali tan-network. Minn dan isegwi li, a priori, l-ispejjeż relatati mal-OSP fir-rigward tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli ffatturati mill-ġestjonarju ta’ network ma jagħmlux parti mill-“imposti” msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (33).
56. Barra minn hekk, mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhomx jinkorporaw fl-imposti ta’ aċċess għan-network imsemmija f’din id-dispożizzjoni spejjeż li ma humiex strettament marbuta mal-ġestjoni tan-network u li jsegwu “għanijiet oħra”. Din il-limitazzjoni tidher li tirrifletti, minn naħa, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jevita distorsjoni fl-iskop ta’ dawn l-imposti u li dawn jintużaw bħala mekkaniżmu residwu għall-finanzjament tal-politiki pubbliċi mingħajr rabta apparenti man-network ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, li jiżgura t-trasparenza tat-tariffi, li tikkostitwixxi element essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-elettriku fil-livell tal-Unjoni (34).
57. Fit-tieni lok, nirrileva li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa ċerti regoli li jirregolaw il-fatturazzjoni, kemm għall-ġestjonarju ta’ network kif ukoll għall-konsumatur finali, li jeżiġu b’mod partikolari li l-imposti marbuta man-network u dawk relatati mal-OSP fir-rigward tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jiġu ppreżentati b’mod trasparenti bħala imposti distinti mit-tariffi tan-network u li dawn ma jiġux inklużi f’dawn tal-aħħar.
58. Issa, il-partikolarità li tikkaratterizza lil din il-kawża hija marbuta mal-fatt li l-ispejjeż relatati mal-OSP jidhru li ġew meqjusa, mhux fil-kategorija relatata mat-“taxxi, l-imposti u t-tariffi” (li tikkorrispondi għat-tielet komponent tat-tarifikazzjoni konformement mal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944) (35), li, skont il-partijiet kollha fil-proċedura, kienet twassal għal soluzzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni (36), iżda f’dik dwar it-“tariffi tan-network” (li tikkorrispondi għat-tieni komponent tat-tarifikazzjoni konformement mal-punt 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva) (37), li fiha għandhom, bħala prinċipju, jiġu inklużi biss spejjeż marbuta man-network.
59. Filwaqt li sitwazzjoni bħal din tista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tqajjem mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, fl-opinjoni tiegħi, għad irid jiġi ċċarat il-mod li bih l-imposti relatati mal-OSP ġew inkorporati fit-tariffi tan-network u, b’mod partikolari, jekk dawn l-imposti fil-fatt jinfluwenzawx l-iffissar ta’ dawn it-tariffi mill-VREG (38). Fil-fatt, li wieħed jillimita ruħu għal sempliċi klassifikazzjoni formali ta’ dawn l-ispejjeż biex jikkonkludi li huma inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni, fuq il-bażi li l-imsemmija spejjeż ġew irreġistrati f’kategorija oħra, minkejja li ċarament kienu rreġistrati b’mod distint, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxi eċċess ta’ importanza lill-formaliżmu li jmur kontra l-applikazzjoni effettiva kemm tar-Regolament 2019/943 kif ukoll tad-Direttiva 2019/944 (39).
60. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina mhux biss il-klassifikazzjoni formali u l-iskop tal-imposta inkwistjoni, kif ukoll ir-rabta tagħha mal-attività tan-network, iżda wkoll il-mod kif dawn l-istess spejjeż huma inkorporati fl-istruttura tat-tariffa. Fil-fatt, jekk dawn l-imposti marbuta man-network ma jistgħux jiġu sseparati minn spejjeż oħra li jsegwu għanijiet indipendenti min-network, dan ikun, a priori, inkompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943. B’kuntrast ma’ dan, din il-konstatazzjoni ma tgħoddx, fil-fehma tiegħi, bl-istess mod meta l-ispejjeż mhux marbuta man-network, bħal, pereżempju, dawk relatati mal-OSP, ikunu sseparati b’mod ċar u jkunu jistgħu jiġu distinti b’mod ċar mill-imposti jew mit-tariffi tan-network (40). Madankollu, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, ma huwiex eskluż li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt din l-aħħar ipoteżi (41).
b) Fuq l-effett tal-integrazzjoni tal-OSP fit-tariffi tan-network fid-dawl tal-kompetenzi u tar-rwol mogħtija lill-awtorità regolatorja nazzjonali
61. It-tieni kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-integrazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-OSP fl-imposti ta’ aċċess għan-network, kif prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tippreġudika l-indipendenza jew l-awtonomija deċiżjonali tal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-iffissar tat-tariffi tan-network, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 57(4) u (5) u fl-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944 (42).
62. Preliminarjament, infakkar li l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2019/944 jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja billi jiżguraw, għal dan il-għan, li, fl-eżekuzzjoni tal-kompiti regolatorji fdati lilha mill-imsemmija direttiva u mil-leġiżlazzjoni relatata, din l-awtorità tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra u tiżgura li l-persunal tagħha kif ukoll il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tagħha jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess kummerċjali u ma jitolbu jew jaċċettaw struzzjonijiet diretti minn ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti (43). Madankollu, skont l-Artikolu 57(4)(b)(ii) tal-imsemmija direttiva, dan l-aħħar rekwiżit huwa bla ħsara għal konsultazzjoni mill-qrib, jekk ikun il-każ, mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati l-oħra jew ma’ linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Gvern li ma jikkonċernawx il-funzjonijiet u l-kompetenzi regolatorji previsti fl-Artikolu 59 tal-istess direttiva, li jinkludu, konformement mal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-aħħar artikolu, il-funzjoni li jiffissaw jew japprovaw it-tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom (44).
63. Minn dan isegwi li sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, huwa neċessarju, minn naħa, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom il-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-aspetti regolatorji rilevanti kollha u jgawdu indipendenza totali fir-rigward ta’ kull interess pubbliku jew privat ieħor u, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2019/944 ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jistabbilixxu u li jippubblikaw il-politika tal-enerġija nazzjonali tagħhom, kif ukoll li jiddefinixxu l-qafas ta’ azzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet. Għaldaqstant, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess dwar is-suq nazzjonali tal-elettriku, bla ħsara għar-rispett għall-kompiti u għall-kompetenzi mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji minn din id-direttiva (45).
64. Issa, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, għalkemm ma huwiex ikkontestat li l-iffissar tat-tariffi ta’ distribuzzjoni u l-istabbiliment tal-metodoloġija ta’ tarifikazzjoni applikabbli dwar l-ispejjeż ta’ konnessjoni jaqgħu, skont l-Artikolu 59(1)(a) tal-imsemmija direttiva, taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li għandhom marġni ta’ manuvra sinjifikattiv f’dan il-qasam, din il-kompetenza ma tistax awtomatikament testendi għal aspetti oħra tal-politika tal-enerġija li ma humiex marbuta mal-kompiti mogħtija lil dawn l-awtoritajiet, skont din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha u li d-determinazzjoni tagħhom hija, bħala prinċipju, prerogattiva tas-setgħa leġiżlattiva jew eżekuttiva. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ għall-iffissar tal-ispejjeż relatati mal-OSP fil-qasam tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u tal-modalitajiet ta’ rkupru ta’ dawn l-ispejjeż. Fil-fatt, il-mod li bih Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jsostni s-suq tal-enerġija rinnovabbli fi ħdan it-territorju tiegħu, kemm jekk b’sussidji diretti, b’mekkaniżmi fiskali jew, bħal f’dan il-każ, b’miżura ta’ natura parafiskali li tikkonsisti fit-trasferiment tal-ispejjeż fuq il-konsumaturi finali, jaqa’ taħt għażla pura ta’ politika tal-enerġija li ma taqax taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (46).
65. Fi kliem ieħor, għalkemm l-iffissar tat-“tariffi” tan-network imsemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 jaqa’ ċarament taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, dan ma jistax ikun il-każ għat-“taxxi jew imposti oħra” li ma humiex marbuta mal-aċċess jew mal-użu tan-network u li, minħabba f’hekk, ma jaqgħux, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 18(1) (47).
66. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jagħtu tali kompetenza lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u milli jissuġġettaw, bħal f’dan il-każ (48), ir-regolazzjoni ta’ ċerti aspetti tariffarji li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-kompiti inizjali ddefiniti fl-Artikolu 59 tad-Direttiva 2019/944, għas-superviżjoni, jew saħansitra għall-istħarriġ, tal-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti (49). Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tidher li tipprekludi lill-Istati Membri milli jawtorizzaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tirregola t-tariffi marbuta mal-OSP.
67. Il-fatt, imsemmi fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-imposti relatati mal-OSP ġew meqjusa mhux fit-tielet komponent tat-tarifikazzjoni iżda fit-tariffi tan-network ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-analiżi ta’ hawn fuq u ma jistax, waħdu, iwassal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-Artikolu 57(4) u mal-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944. Fil-fatt, bla ħsara għall-konferma mill-qorti tar-rinviju li l-ispejjeż marbuta mal-OSP, minkejja li formalment ġew inkorporati fit-tariffi tan-network, fir-realtà, ġew isseparati b’mod ċar minnhom, b’tali mod li ma jaffettwawx b’mod konkret il-metodu ta’ kalkolu u ta’ ffissar tal-imposti jew tat-tariffi tan-network, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi assimilata ma’ dik li fiha l-awtorità leġiżlattiva jew eżekuttiva kellha l-intenzjoni li tindaħal fil-kompetenzi tal-awtorità regolatorja nazzjonali jew li tippreġudika l-awtorità tagħha fil-qasam tal-iffissar jew tal-approvazzjoni tal-metodi tariffarji.
68. Fl-aħħar nett, nenfasizza li jekk jiġi konkluż li l-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-OSP, maħsuba li jiġu mgħoddija lill-klijenti finali, jaqgħu taħt il-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li, f’ċerti każijiet, anki f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali, l-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal-istabbiliment tal-politika tal-enerġija tiegħu jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq l-ispejjeż tal-operat tan-network tal-elettriku, mingħajr ma tali intervent ikun, bħala tali, inkompatibbli mal-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944 (50).
69. F’dan ir-rigward, nosserva li, fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-konformità mad-Direttiva 2009/73/KE (51) ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonsisti, essenzjalment, f’intervent tal-Istat fuq il-prezz tal-gass naturali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) sa (3) ta’ din id-direttiva (52), moqri fid-dawl tal-Artikoli 36 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ ħażna ta’ gass naturali, imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali u r-regolarità tal-provvista tiegħu f’dan l-Istat Membru, jiġu sostnuti kompletament mill-klijenti ta’ dawn l-impriżi, li jistgħu jkunu individwi, sakemm din il-leġiżlazzjoni ssegwi għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u sakemm l-OSP li hija tipprevedi jkunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali (53).
70. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, kif ukoll l-Artikolu 57(4) u (5) u l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li jitqiesu fl-imposti ta’ aċċess għan-network tal-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-OSP imposti fuq il-ġestjonarju ta’ network minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2019/944 u li ma humiex iffinanzjati permezz ta’ imposti, ta’ taxxi, ta’ sussidji, ta’ kontribuzzjonijiet jew ta’ dazji, bil-kundizzjoni li dawn l-ispejjeż ma jkunux integrati fil-metodoloġija ta’ ffissar ta’ dawn l-imposti u li dawn ikunu distinti b’mod ċar mill-imsemmija imposti.
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
71. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-adozzjoni minn awtorità regolatorja nazzjonali ta’ metodoloġija ta’ tarifikazzjoni għad-distribuzzjoni tal-elettriku li, fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva mill-ispejjeż tal-ĠND suġġetti għal regolazzjoni tad-dħul, tuża metodu bbażat fuq il-metodu tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi (u tiddetermina wkoll id-dħul b’riferiment għall-ispejjeż tal-passat), jew jekk l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għandhiex tiġi sostnuta permezz ta’ kontroll tal-livell tal-ispejjeż storiċi fid-dawl tal-effikaċja tagħhom.
72. Preliminarjament, nosserva li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, li timponi li l-imposti ta’ aċċess għan-networks jirriflettu l-ispejjeż tal-ĠND sa fejn dawn jikkorrispondu għal dawk ta’ ĠND effikaċi u li għandu struttura paragunabbli. Issa, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, inqis li din id-domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid, billi jsir riferiment, mhux għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 18, iżda pjuttost għall-paragrafi 2 u 8 tiegħu.
73. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 jelenka l-prinċipji ġenerali applikabbli għall-iffissar u għall-approvazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess għan-networks, li għandhom jirriflettu b’mod partikolari l-ispejjeż, jiffavorixxu l-integrazzjoni tas-suq u jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista, kif ukoll jinkoraġġixxu l-użu effikaċi tan-network eżistenti permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet xierqa indirizzati lill-utenti.
74. Nirrileva, l-ewwel, li l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament ma jimponix metodu speċifiku ta’ tarifikazzjoni għad-distribuzzjoni tal-elettriku li l-awtorità regolatorja nazzjonali hija obbligata ssegwi. Għalhekk huwa f’idejn din tal-aħħar li tiżviluppa metodu li jissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, inkluż b’rabta mal-effikaċja fl-ispejjeż (54). Minħabba, barra minn hekk, in-natura kumplessa u teknika tal-missjoni tagħha, din l-awtorità għandu jkollha marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni biex tiddetermina dan il-metodu (55). F’dan il-kuntest, il-marġni ta’ evalwazzjoni disponibbli għall-imsemmija awtorità għandu jippermettilha taġġusta l-metodoloġija magħżula kif ukoll il-modalitajiet ta’ kalkolu skont il-parametri li tqis rilevanti fid-dawl tal-għanijiet segwiti kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, inkluż billi jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi eżistenti fis-suq nazzjonali tal-elettriku (56).
75. It-tieni, nikkonstata li s-sempliċi fatt li l-metodoloġija adottata minn awtorità regolatorja nazzjonali hija parzjalment ibbażata fuq data storika, użata bħala punt tat-tluq għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż futuri ta’ ĠND (57), ma jistax, fih innifsu, jagħmilha inkompatibbli mal-Artikolu 18 tal-istess regolament (58). Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ fejn din il-metodoloġija ma teskludix, kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, il-kunsiderazzjoni ta’ fatturi ta’ aġġustament tal-ispejjeż storiċi jew ta’ kriterji addizzjonali li jqisu l-fatt li żviluppi futuri tas-suq jistgħu jkunu differenti minn dawk osservati fil-passat.
76. It-tielet, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(1), (2) u (8) tar-Regolament 2019/943, sabiex metodu ta’ tarifikazzjoni jkun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni, dan il-metodu għandu jinkludi elementi li jinċentivaw lill-ġestjonarju ta’ network sabiex itejjeb l-effikaċja, kemm fuq terminu ta’ żmien qasir kif ukoll fit-tul, tal-ispejjeż u tal-investimenti. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tagħha, kif imfakkar fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiżgura l-effikaċja ekonomika tal-ĠND b’modi differenti.
77. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-metodu ta’ tarifikazzjoni adottat mill-VREG jinkludi fatturi ta’ aġġustament intiżi li jiggarantixxu t-titjib tal-effikaċja ġenerali, inkluża l-effikaċja enerġetika tas-sistema, u jipprevedi wkoll forma ta’ kontroll tal-ispejjeż sostnuti mill-ĠND rikorrenti li huma riflessi fuq it-tariffi tal-elettriku (59).
78. Ir-raba’, ninnota li għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-metodu applikat mill-VREG mar-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, li skontu l-ispejjeż li jistgħu jiġu mgħoddija għandhom jikkorrispondu “għal dawk ta’ operatur tan-netwerk effiċjenti u strutturalment komparabbli”, din il-kwistjoni tibqa’ essenzjalment teoretika, sa fejn dik il-qorti ma ddeċidietx dwar l-argument iddettaljat ippreżentat kemm mill-ĠND rikorrenti kif ukoll mill-VREG fir-rigward tal-parametri u tal-modalitajiet differenti tal-metodu ta’ tarifikazzjoni adottat mill-VREG (60).
79. Jidhirli li huwa wkoll importanti li nenfasizza, f’dan ir-rigward, li filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, la hija l-kompetenza tagħha li tevalwa in astratto l-varji parametri tal-metodoloġija adottata mill-VREG u lanqas li tiddetermina hija stess il-metodoloġija speċifika li din l-awtorità għandha tapplika, jew li tiddeċiedi dwar l-adegwatezza ta’ kriterji ta’ sostituzzjoni li setgħu ntużaw fil-każ preżenti. Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-metodoloġija adegwata tiddependi fuq sett ta’ elementi fattwali u parametri tekniċi li ma humiex disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, tali evalwazzjoni konkreta taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Minn dan isegwi li hija din l-aħħar qorti li għandha tivverifika jekk il-metodu ta’ tarifikazzjoni kkontestat f’dan il-każ jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943, fid-dawl tal-elementi ta’ fatt kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha.
80. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/943 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni, minn awtorità regolatorja nazzjonali, ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku li juża metodu bbażat fuq l-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi, sa fejn dan il-metodu jipprevedi fatturi li jippermettu li din id-data tiġi aġġustata, jekk meħtieġ, għall-ispejjeż ta’ ĠND effikaċi u li għandu struttura paragunabbli. Hija l-awtorità regolatorja nazzjonali, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, li għandha tiddetermina n-natura xierqa tal-metodu użat għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, abbażi tal-fatti rilevanti, filwaqt li tosserva l-prinċipji ġenerali tal-iffissar tat-tariffi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
81. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk hija tistax, sabiex tevita sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, iżżomm temporanjament l-effetti ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 10 tal-Artikolu 4.1.32(1) tad-Digriet dwar l-Enerġija, u/jew tad-deċiżjoni kontenzjuża, meta, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, din tirriżulta inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
82. F’dan ir-rigward, u kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tkun rilevanti biss jekk, wara li jitqiesu r-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ domandi preliminari, dik il-qorti tiddeċiedi li tannulla d-Digriet dwar l-Enerġija u/jew id-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-bażi li waħda minnhom, jew it-tnejn li huma, ikunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
83. Fid-dawl tar-risposti li nipproponi li jingħataw għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.
V. Konklużjoni
84. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) kif ġej:
(1) It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku kif ukoll l-Artikolu 57(4) u (5) u l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux li jitqiesu fl-imposti ta’ aċċess għan-network tal-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku imposti fuq il-ġestjonarju ta’ network minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2019/944 u li ma humiex iffinanzjati permezz ta’ imposti, ta’ taxxi, ta’ sussidji, ta’ kontribuzzjonijiet jew ta’ dazji, bil-kundizzjoni li dawn l-ispejjeż ma jkunux integrati fil-metodoloġija ta’ ffissar ta’ dawn l-imposti u li dawn ikunu distinti b’mod ċar mill-imsemmija imposti.
(2) It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943
għandha tiġi interpretati fis-sens li:
ma tipprekludix l-adozzjoni, minn awtorità regolatorja nazzjonali, ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku li juża metodu bbażat fuq l-evoluzzjoni tal-ispejjeż storiċi, sa fejn dan il-metodu jipprevedi fatturi li jippermettu li din id-data tiġi aġġustata, jekk meħtieġ, għall-ispejjeż ta’ ġestjonarju ta’ network ta’ distribuzzjoni effikaċi u li għandu struttura paragunabbli. Hija l-awtorità regolatorja nazzjonali, bla ħsara għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, li għandha tiddetermina n-natura xierqa tal-metodu użat għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, abbażi tal-fatti rilevanti, filwaqt li tosserva l-prinċipji ġenerali tal-iffissar tat-tariffi stabbiliti mill-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54). Għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament ġie suċċessivament emendat fit‑23 ta’ Ġunju 2022 u fis‑16 ta’ Lulju 2024. Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju identifikat id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-imsemmi regolament bħala rilevanti, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu bbażati fuq din tal-aħħar, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-emendi sussegwenti ma jaffettwawx l-analiżi adottata.
3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24).
4 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).
5 Belgisch Staatsblad, 7 ta’ Lulju 2009, p. 46192.
6 Iktar preċiżament, l-ispejjeż endoġeni jikkonsistu minn tliet komponenti prinċipali, jiġifieri, l-ewwel, l-ispejjeż tad-deprezzament; it-tieni, l-ispejjeż tal-operat, inklużi l-ispejjeż u d-dħul li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-karta tal-kontijiet standardizzata minima; u, it-tielet, l-ispejjeż tal-kapital investit.
7 Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Osteopathie Van Hauwermeiren (C‑355/22, EU:C:2023:737, punt 30), u tat‑12 ta’ Settembru 2024, Casino de Spa et (C‑741/22, EU:C:2024:732, punti 52, 53 u 58 sa 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
8 Fil-fatt, skont il-VREG, l-iżvilupp ta’ metodoloġija tariffarja ġdida jeħtieġ mill-inqas sentejn, perijodu li matulu l-ġestjonarji ta’ network jista’ jkollhom jiffinanzjaw l-OSP tagħhom mingħajr ma jkollhom dħul korrispondenti, ħaġa li tista’ taffettwa s-solvenza tagħhom. Barra minn hekk, jekk ma jinżammux temporanjament, dan jista’ jwassal għal aġġustamenti retroattivi fil-fatturi.
9 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Tiberis Holding (C‑514/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tiberis Holding”, EU:C:2025:597, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara s-sentenza Tiberis Holding (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Awtorizzazzjoni għal għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat [FUE] — Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet (ĠU 2018, C 360, p. 1). Din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkonsultata, bl-Ingliż, fuq is-sit internet tal-Kummissjoni fl-indirizz li ġej: https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/271706/271706_1974009_131_2.pdf.
12 Barra minn hekk, ta’ min jinnota li d-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tibqa’ applikabbli, peress li l-approvazzjoni ngħatat għal perijodu ta’ għaxar snin, konformement mal-premessa 7 ta’ dik id-deċiżjoni.
13 Ara s-sentenza Tiberis Holding (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara s-sentenza Tiberis Holding (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Ara s-sentenza Tiberis Holding (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (Impjant tal-enerġija nukleari Paks II) (C‑59/23 P, EU:C:2025:686, punti 52 sa 55, 70 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
16 Ara s-sentenza Tiberis Holding (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).
18 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37 u fil-ĠU L, 2025/90854).
19 Ara s-sentenza Tiberis Holding (punti 44 sa 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Ara s-sentenza Tiberis Holding (punti 51 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Il-modalitajiet prinċipali tal-iskema ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli inkwistjoni jistgħu jiġu mqassra kif ġej. Il-produtturi tal-elettriku li jużaw sorsi rinnovabbli jew koġenerazzjoni jiġu allokati ċertifikati għal kull unità ta’ enerġija prodotta. Il-fornituri tal-elettriku, jew id-detenturi tal-aċċess għan-network, huma suġġetti għal obbligu annwali li jżommu u li jċedu ċertu numru ta’ ċertifikati, proporzjonali għall-volum tal-provvista tagħhom, taħt piena ta’ multa. Iċ-ċertifikati, bħala prinċipju, huma nnegozjati f’suq u l-prezz tagħhom huwa ddeterminat mill-provvista u d-domanda. Fil-każ li ċerti ċertifikati ma jsibux xerrej f’dan is-suq, il-ĠND, legalment obbligati li jixtruhom bi prezz minimu ggarantit, għandhom jintervjenu sabiex jistabbilizzaw l-imsemmi suq. L-ispejjeż imġarrba mill-ĠND taħt dan l-obbligu ta’ xiri mbagħad jiġu mgħoddija lill-konsumaturi permezz ta’ tariffi tan-network. Ara, fir-rigward tal-kompitu mogħti lill-ĠND fil-kuntest tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-premessi 8, 9, 36 u 75 tad-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.
22 Ara l-premessa 75 tad-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.
23 Mill-premessa 36 tad-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li s-suq inkwistjoni kien, dak iż-żmien, ikkaratterizzat minn ammont eċċessiv ta’ ċertifikati, li wassal għal rikors frekwenti għall-obbligu tax-xiri impost fuq il-ĠND. Din il-konstatazzjoni tidher, għall-bqija, li hija kkonfermata mid-deċiżjoni tar-rinviju, li tirrileva li l-pagamenti inkwistjoni jikkorrispondu għal ammonti partikolarment għoljin, fatt li, fil-fehma tagħha, jista’ jiġġustifika, skont il-każ, limitazzjoni fiż-żmien fuq l-effetti tas-sentenza li tkun ser tingħata, fil-każ li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja jwasslu għal konstatazzjoni li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
24 L-ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ma tikkontesta, fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà għar-Renju tal-Belġju li jimponi l-OSP inkwistjoni. L-istess japplika fir-rigward tal-modalitajiet ta’ finanzjament previsti minn dawn l-OSP u tal-possibbiltà għall-ĠND li jgħaddu l-ispejjeż relatati lill-konsumaturi finali. Kif ġie kkonfermat fis-seduta, il-kwistjoni inkwistjoni fl-ewwel domanda preliminari tikkonċerna kif l-ispejjeż relatati mal-OSP għandhom jiġu kkunsidrati fit-tariffi tal-elettriku, kif ukoll il-konsegwenzi tal-inklużjoni tagħhom fit-tariffi tan-network, mingħajr ma tiġi kkontestata bl-ebda mod l-eżistenza ta’ dawn l-OSP jew il-modalitajiet ta’ finanzjament tagħhom, inkluża l-possibbiltà li l-ispejjeż li jirriżultaw minnhom jiġu mgħoddija lill-konsumaturi finali.
25 Fil-fatt, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda jekk l-ispejjeż marbuta mar-riakkwist ta’ tali ċertifikati ekoloġiċi jistgħux jiġu riflessi fuq it-tariffi tan-network fid-dawl tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-qorti tar-rinviju, bid-domanda tagħha, qiegħda tfittex li tixħet dubju fuq il-mekkaniżmu tar-riakkwist ta’ ċertifikati ekoloġiċi jew il-modalitajiet ta’ finanzjament tiegħu.
26 Fil-fatt, id-dispożizzjoni applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), kienet ifformulata b’mod differenti u ma kinitx tipprevedi tali projbizzjoni.
27 Ara s-sentenzi Tiberis Holding (punti 58, 60 u 61), kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 60 u 61).
28 Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli (C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
29 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE (ĠU 2016, L 311, p. 1). L-Anness II ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-prezz “tan-network” jinkludi, fost l-oħrajn, it-tariffi għat-trażmissjoni u għad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, it-“taxxi, tariffi, levies u imposti” jinkludu wkoll taxxi, sisa, tariffi jew imposti relatati mal-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tal-effiċjenza enerġetika u tal-koġenerazzjoni.
30 Nippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-punt 57 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “impriża tal-elettriku” b’mod wiesa’, b’tali mod li l-OSP imsemmija fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva imposti fuq l-impriżi tal-elettriku jistgħu jikkonċernaw kemm lill-ġestjonarji ta’ network kif ukoll lill-impriżi l-oħra tas-settur tal-elettriku.
31 Filwaqt li t-terminu “imposti” jintuża fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943 biex jirreferi għall-ispejjeż relatati man-network tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku, it-terminu “tariffa” jintuża biex jirreferi għal dawn l-ispejjeż fl-Anness II tar-Regolament 2016/1952, li jagħmel riferiment għalih il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 59(1)(a) ta’ din id-direttiva, li jirreferi għat-“tariffi” ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni mingħajr ma jsemmi l-imposti ta’ aċċess għan-network imsemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li t-terminu “imposta”, min-naħa tiegħu, jintuża sabiex jiddeskrivi kemm l-ispejjeż marbuta man-network (fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament) kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-OSP (fil-kuntest tat-tielet komponent tariffarju, kif previst fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2019/944 u fl-Anness II tar-Regolament 2016/1952). Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-partijiet kollha fil-proċedura, waqt is-seduta, ikkonfermaw li t-termini “tariffi” u “imposti”, fil-fehma tagħhom, għandhom jinftiehmu bl-istess mod.
32 Dan jinkludi, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-modalitajiet għar-rimbors tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tagħhom.
33 Dan ma jeskludix li ċerti OSP jiġu implimentati fil-forma ta’ imposti marbuta mal-ġestjoni jew mal-użu tan-network, li, minħabba f’hekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, b’mod partikolari meta jkunu intiżi li jkopru spejjeż relatati mal-investimenti neċessarji għat-titjib jew għall-protezzjoni tan-network jew inkella għall-konnessjoni ta’ klijenti li jinsabu f’żoni rurali jew remoti.
34 Nirrimarka, f’dan ir-rigward, li konformement mal-Artikolu 18(9) u (10) tar-Regolament 2019/943, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) qiegħda tħejji rapport dwar l-aħjar prattiki rigward il-metodi ta’ tarifikazzjoni tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni. Fl-aħħar verżjoni tiegħu, dan ir-rapport jindika li “l-ispejjeż li ma humiex marbuta mal-użu tan-network jistgħu jfixklu s-sinjali tariffarji tan-network u/jew jikkawżaw tfixkil fis-suq tal-elettriku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara r-Rapport tal-ACER dwar il-prattiki tat-tariffi tan-network, intitolat “Getting the signals right: Electricity network tariff methodologies in Europe”, tas‑26 ta’ Marzu 2025 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-ACER”), disponibbli, bl-Ingliż biss, fl-indirizz li ġej: https://www.acer.europa.eu/sites/default/files/documents/Reports/2025-ACER-Electricity-Network-Tariff-Practices.pdf, b’mod partikolari p. 29, punt 85.
35 Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
36 Kemm il-VREG kif ukoll il-Kummissjoni, li inizjalment argumentaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li l-inklużjoni ta’ spejjeż relatati mal-OSP fl-imposti ta’ aċċess għan-network kienet twassal għal inkompatibbiltà, fil-każ tal-VREG, mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2019/943, u, fil-każ tal-Kummissjoni, mal-Artikolu 57(4) u (5) u mal-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, ikkonfermaw fis-seduta li l-ispejjeż relatati mal-OSP jistgħu jiġu ttrasferiti fl-intier tagħhom lill-konsumaturi finali fil-qafas tat-tielet komponent tariffarju.
37 Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
38 Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma ddeċidietx f’dan ir-rigward, il-pożizzjonijiet tal-partijiet ivarjaw fir-rigward tal-mod kif l-ispejjeż relatati mal-OSP effettivament huma inkorporati fit-tariffi tan-network, kif ukoll fuq il-eżistenza ta’ tariffa reali distinta għall-OSP fil-Vlaanderen u fuq il-modalitajiet preċiżi ta’ kontabbiltà ta’ dawn l-ispejjeż. Il-ĠND rikorrenti u l-Gvern Belġjan isostnu l-eżistenza ta’ “tariffa speċifika” distinta għall-OSP, billi jsostnu li l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-OSP bl-ebda mod ma jaffettwaw il-metodoloġija ta’ kalkolu tal-imposti tan-network. Madankollu, din l-affermazzjoni hija kkontestata mill-VREG, li jqis li l-ispejjeż tal-OSP ma humiex suġġetti għal tariffa separata.
39 Għalhekk, dan huwa iktar u iktar il-każ meta wieħed iqis li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni ma humiex partikolarment ċari, kif espost fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
40 Dan ikun il-każ jekk l-ispejjeż relatati mal-OSP, għalkemm marbuta formalment mal-“imposti ta’ aċċess għan-network”, kienu jitqiesu separatament meta mqabbla ma’ dawn l-imposti.
41 Nirrileva, f’dan ir-rigward, li mir-Rapport tal-ACER, li invokawh kemm il-VREG u l-ĠND rikorrenti kif ukoll il-Gvern Belġjan, jirriżulta li, fil-Vlaanderen, bħalma jiġri fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-ispejjeż li ma humiex relatati man-network jiġu sseparati b’mod ċar minn spejjeż jew imposti oħra relatati man-network. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 63 ta’ dan ir-rapport u t-Tabella 4 li takkumpanjah kif ukoll it-Tabella 59 tal-Anness I tiegħu, b’mod partikolari p. 111. Filwaqt li fl-imsemmi rapport, l-ACER tenfasizza li, f’ċerti Stati Membri, fosthom ir-Renju tal-Belġju, l-Irlanda u r-Repubblika Slovakka, l-ispejjeż mhux relatati man-network huma inkorporati fit-tariffi tan-network u ma humiex isseparati b’mod ċar fil-fattura, din il-konstatazzjoni ma tidhirx li tapplika għat-territorju kollu tal-Belġju, iżda hija limitata għar-reġjun ta’ Brussell. Ara, f’dan ir-rigward, ir-Rapport tal-ACER, p. 29, punt 85, u t-Tabella 59 tal-Anness I tiegħu, p. 111.
42 Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel domanda preliminari għandha tinftiehem li hija intiża sabiex tiddetermina jekk leġiżlatur nazzjonali huwiex kompetenti sabiex jadotta dispożizzjonijiet li jobbligaw lil awtorità regolatorja nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tat-tariffi, l-ispejjeż marbuta mal-OSP. Fil-fehma tagħha, ma jistgħux jiġu ammessi, fid-dawl tal-Artikolu 57(4) u (5) u tal-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, miżuri regolatorji nazzjonali li jinkludu dispożizzjonijiet iddettaljati li jistabbilixxu, b’mod speċifiku, l-elementi li huma fid-diskrezzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, bħal-livell tat-tariffi tan-network tal-elettriku jew il-metodi konkreti tal-kalkolu tagħhom.
43 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73) (C‑718/18, EU:C:2021:662, punti 108 u 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
44 Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Alajärven Sähkö et (C‑48/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alajärven Sähkö et”, EU:C:2025:144, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara s-sentenzaAlajärven Sähkö et (punti 32 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
46 Fir-realtà, it-tariffi relatati mal-OSP huma simili għal mekkaniżmu ta’ sostenn “klassiku”, li l-Istati Membri jużawh, fost strumenti oħra, fil-kuntest tal-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat favur l-enerġija rinnovabbli.
47 Issa, kif ġie stabbilit fil-punti 50 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ispejjeż relatati mal-OSP li jappoġġaw il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli jaqgħu, fil-prinċipju, f’din l-aħħar kategorija.
48 F’dan ir-rigward, infakkar li, f’din il-kawża, id-Digriet dwar l-Enerġija jipprevedi li t-trasferiment tal-ispejjeż mill-ġestjonarji ta’ network għandu jsir taħt is-superviżjoni tal-VREG. Skont l-osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali tal-VREG u tal-Gvern Belġjan, il-kontroll eżerċitat mill-VREG jirrigwarda b’mod partikolari l-verifika tar-rabta bejn dawn l-ispejjeż u l-OSP kif ukoll in-natura raġonevoli ta’ dawn.
49 Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dawn l-aspetti jinkludu elementi tekniċi li jeħtieġu evalwazzjonijiet kumplessi.
50 Ara s-sentenza Alajärven Sähkö et (punt 40). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑48/23, EU:C:2024:695, punti 52 u 53).
51 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).
52 Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, expressis verbis, għall-Artikolu 9(1) sa (3) tad-Direttiva 2019/944.
53 Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Оvergas Mrezhi u Balgarska gazova asotsiatsia (C‑5/19, EU:C:2020:343, punt 88). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Tariffi ta’ aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u ta’ gass naturali) (C‑771/18, EU:C:2020:584, punti 47 sa 53).
54 Peress li r-Regolament 2019/943 ma jistabbilixxix dispożizzjonijiet iktar speċifiċi rigward il-metodu li għandu jintuża biex tiġi evalwata u mħeġġa l-effikaċja, id-determinazzjoni ta’ dan il-metodu taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali, konformement mal-Artikolu 59 tad-Direttiva 2019/944.
55 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Gaso u Conexus Baltic Grid (C‑87/24, EU:C:2025:826, punt 81). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑87/24, EU:C:2025:249, punt 65).
56 Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ fejn awtorità regolatorja nazzjonali hija meħtieġa twettaq analiżijiet ekonomiċi prospettivi bil-għan li tiddetermina l-probabbiltà ta’ ċerti żviluppi fis-suq rilevanti fi żmien prevedibbli. Ma hemmx għalfejn jingħad li dawn l-analiżijiet prospettivi normalment ikunu ta’ natura kumplessa u neċessarjament ikunu iktar inċerti minn analiżi ex post. Ara, b’analoġija, fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punti 82 u 83).
57 Għandu jiġi ppreċiżat li l-maġġoranza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-Unjoni, fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tad-dħul tal-ĠND, jużaw metodoloġiji bbażati fuq l-ispejjeż storiċi biex jiddeterminaw it-tariffi tan-network tagħhom. Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER) tal‑2023 dwar l-oqfsa regolatorji għan-networks Ewropej tal-enerġija, intitolat “Regulatory Frameworks for European Energy Networks”, tal‑21 ta’ Frar 2024, li jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz li ġej: https://www.ceer.eu/wp-content/uploads/2024/04/RFR23-Main-report.pdf, b’mod partikolari, p. 166.
58 Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 18(4)(b) tar-Regolament 2019/943 jipprevedi li, meta jiġu stabbiliti l-imposti għall-aċċess tan-networks, il-“pagamenti mistennija għal perjodi futuri, stmati abbażi tal-perjodi preċedenti”, huma fost il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati.
59 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-metodu ta’ tarifikazzjoni adottat mill-VREG jipprevedi, b’mod partikolari, stħarriġ mill-VREG tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż iddikjarati mill-ĠND (li jikkonsisti, fost affarijiet oħra, fil-verifika ta’ jekk l-ispejjeż humiex iġġustifikati mill-perspettiva tal-utenti tan-network tad-distribuzzjoni jew tal-interess pubbliku u jekk setgħux ġew evitati). Barra minn hekk, il-VREG japplika limitu massim fuq id-dħul għall-ispejjeż endoġeni, li b’hekk jikkostitwixxi stimolu għall-effikaċja. Ara wkoll il-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
60 Il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod partikolari, li l-metodu applikat mill-VREG ma jidhirx li jinkludi mekkaniżmu biex jivverifika l-ġustifikazzjoni u n-neċessità tal-ispejjeż imġarrba mill-ĠND matul il-perijodu ta’ referenza. Jekk jiġi preżunt li l-ĠND Fjammingi f’dan il-każ kienu ineffikaċi, punt li dik il-qorti stess tammetti li ma tistax tiddeċiedi dwaru f’dan l-istadju, dak il-metodu ta’ tarifikazzjoni, skont l-imsemmija qorti, ma jidhirx li jista’ jidentifika sitwazzjoni bħal din jew jipprevjeni li l-ispejjeż eċċessivi jiġu mgħoddija lill-utenti finali permezz ta’ tariffi eċċessivament għoljin. Għall-finijiet ta’ kompletezza, nindika li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, u għalkemm ma jipprekludux, bħala prinċipju, l-użu tal-ispejjeż storiċi bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tat-tariffi, il-ĠND rikorrenti jikkontestaw il-metodoloġija adottata mill-VREG minħabba li din tirriskja, mhux li “tissopravaluta” l-ispejjeż tagħhom kif tipprevedi l-istess qorti, iżda li “tissottovaluta” l-ispejjeż reali tagħhom (li, għaldaqstant, jirriżulta fl-għoti ta’ dħul baxx wisq lil dawn il-ĠND). Il-ĠND rikorrenti jenfasizzaw ukoll li d-data storika li fuqha huwa bbażat il-metodu użat mill-VREG mhux neċessarjament tirrifletti l-ispejjeż effettivament imġarrba, b’mod partikolari, fil-każ ta’ xokkijiet jew ta’ avvenimenti mhux previsti li wasslu għal varjazzjonijiet sinjifikattivi fis-swieq.