Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑23 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑176/25 [Steizer] (i)
IU
vs
BT
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli f’materji ċivili u kummerċjali – Regolamenti (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) u Nru 864/2007 (Ruma II) – Liċenzja esklużiva fuq drittijiet tal-awtur mogħtija minn A lil B permezz ta’ ftehim verbali – Talba dwar ksur tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni mressqa minn B kontra C – Difiża, imqajma minn C, li B ma għandux locus standi għaliex il-liċenzja kuntrattwali mogħtija lil B hija invalida minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti rekwiżiti formali – Liġi li tirregola l-ħruġ tal-validità formali ta’ din il-liċenzja kuntrattwali”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema hija l-liġi applikabbli għall-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferimenti kuntrattwali ta’ drittijiet tal-awtur (2), meta din il-validità tiġi kkontestata minn terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur.
2. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża jekk ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi rilevanti f’dan ir-rigward humiex (a) dawk ipprovduti mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), (b) dawk taħt ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”), jew (ċ) dawk previsti fid-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. Għar-raġunijiet li ġejjin, jiena tal-fehma li l-ewwel waħda minn dawn l-għażliet għandha tiġi ppreferuta.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-Konvenzjoni ta’ Berna
3. L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (l-Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), kif emendat fit‑28 ta’ Lulju 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), intitolat “Drittijiet iggarantiti: 1. u 2. Barra mill-pajjiż tal-oriġini; 3. Fil-pajjiż tal-oriġini; 4. ‘Il- ‘pajjiż ta’ oriġini’” jipprovdi, fil-partijiet rilevanti tiegħu:
“(1) L-awturi għandhom igawdu, fir-rigward tax-xogħlijiet li għalihom huma protetti bis-saħħa ta’ din il-konvenzjoni, f’pajjiżi tal-[Unjoni ta’ Berna] li ma humiex il-pajjiż ta’ oriġini, id-drittijiet li l-leġiżlazzjonijiet rispettivi tagħhom jagħtu attwalment jew jistgħu jagħtu iktar ’il quddiem liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll drittijiet mogħtija b’mod speċjali minn din il-konvenzjoni.
(2) It-tgawdija u l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ma huma suġġetti għal ebda formalità; din it-tgawdija u dan l-eżerċizzju huma indipendenti mill-eżistenza ta’ protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol. Konsegwentement, minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, il-portata tal-protezzjoni kif ukoll ir-rimedji ggarantiti lill-awtur sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu għandhom jiġu esklużivament irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih qiegħda tintalab il-protezzjoni.”
B. Ir-Regolament Ruma I
4. L-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Ambitu materjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[d]an ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali”.
5. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Libertà ta’ l-għażla”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]untratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet”.
6. Skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament, bit-titolu “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”:
“1. Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 […], il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:
[…]
(b) kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;
[…]”
7. Bis-saħħa tal-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Validità formali”:
“1. Kuntratt konkluż bejn persuni li jkunu jew li jkollhom l-aġenti tagħhom fl-istess pajjiż fiż-żmien tal-konklużjoni huwa formalment validu jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet formali tal-liġi li tirregolah sostantivament taħt dan ir-Regolament jew tal-liġi tal-pajjiż li fih ġie konkluż.
2. Kuntratt konkluż bejn persuni li jkunu jew li jkollhom l-aġenti tagħhom f’pajjiżi differenti fiż-żmien tal-konklużjoni tiegħu huwa formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-liġi li tirregolah sostantivament taħt dan ir-Regolament, jew tal-liġi tal-pajjiżi fejn kwalunkwe wieħed mill-partijiet jew l-aġenti tagħhom ikunu preżenti fil-mument tal-konklużjoni, jew tal-liġi tal-pajjiż fejn kwalunkwe wieħed mill-partijiet kellu r-residenza abitwali tiegħu f’dak iż-żmien.
[…]”
8. L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ambitu tal-liġi applikabbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-liġi applikabbli għal kuntratt skond dan ir-Regolament għandha tirregola partikolarment:
(a) l-interpretazzjoni tiegħu;
(b) it-twettiq tiegħu;
(c) fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti mil-liġi proċedurali tagħha, il-konsegwenzi tal-ksur totali jew parzjali ta' l-obbligazzjonijiet, inkluża l-istima tad-danni sa fejn din tkun regolata minn regoli tal-liġi […];
[…]
(e) il-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt.”
C. Ir-Regolament Ruma II
9. L-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. […]”
10. L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni.”
11. Skont l-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “L-ambitu tal-liġi applikabbli”:
“Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:
(a) il-bażi u l-medda tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal atti mwettqa minnhom;
(b) ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà, kwalunkwe limitazzjoni tar-responsabbiltà u kwalunkwe diviżjoni tar-responsabbiltà;
[…]
(f) il-persuni intitolati għal kumpens għal dannu subit personalment;
[…]”
D. Il-Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur
12. Il-punt 29 tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur, iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), intitolat “Trasferiment tad-drittijiet tal-awtur”, jipprovdi:
“(1) Id-drittijiet tal-awtur ma humiex trasferibbli, sakemm ma jiġux ittrasferiti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjoni testamentarja jew lil koeredi fil-kuntest tat-tqassim tas-suċċessjoni.
(2) L-għoti ta’ drittijiet ta’ użu (Punt 31), ta’ awtorizzazzjonijiet kuntrattwali u ta’ ftehimiet ibbażati fuq drittijiet ta’ sfruttament, kif ukoll ta’ kuntratti li jirrigwardaw id-drittijiet morali tal-awturi, kif irregolati mill-punt 39, huwa permess.”
13. Il-punt 34 tal-Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur, intitolat “Trasferiment tad-drittijiet ta’ użu”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “dritt ta’ użu jista’ jiġi ttrasferit biss bil-kunsens tal-awtur […]”.
E. Il-Liġi Pollakka dwar id-Drittijiet tal-Awtur
14. L-Artikolu 53 tal-Ustawa z dnia 4 lutego 1994 r. o prawie autorskim i prawach pokrewnych (il-Liġi tal‑4 ta’ Frar 1994 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, iktar ’il quddiem il-“Liġi Pollakka dwar id-Drittijiet tal-Awtur”) jipprevedi li, “sabiex id-drittijiet patrimonjali tal-awturi jiġu ttrasferiti, għandu jiġi konkluż kuntratt bil-miktub taħt piena ta’ invalidità”.
III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. BT tikkummerċjalizza, mill-Ġermanja, aċċessorji għall-vetturi bil-mutur, inklużi twapet tal-karozza, permezz ta’ pjattaformi online bħal eBay. Għal dan il-għan, hija, diversi drabi bejn ix-xahar ta’ April 2014 u x-xahar ta’ April 2018, ikkummissjonat diversi drabi lil fotografu Pollakk (iktar ’il quddiem il-“fotografu”) sabiex jipproduċi ritratti ta’ dawn it-twapet tal-karozza. Kull darba, ir-raġel ta’ BT ittrasporta t-twapet lejn l-istudjo tal-fotografu fil-Polonja. Wara kull sessjoni, il-fotografu kkunsinna r-ritratti fuq apparat ta’ ħażna USB lir-raġel ta’ BT. Jidher li l-partijiet qablu verbalment li BT setgħet tuża dawn ir-ritratti fl-offerti tagħha ta’ bejgħ online. Madankollu, ma ġie konkluż ebda kuntratt bil-miktub bejniethom (5).
16. Bejn Frar u Marzu 2018, negozjant ieħor ta’ aċċessorji ta’ vetturi bil-mutur, IU, irriproduċa dawn ir-ritratti sabiex juri l-offerti tagħha stess ta’ twapet tal-karozza fuq eBay, mingħajr ma talab awtorizzazzjoni minn qabel mingħand BT.
17. BT sussegwentement fetħet kawża kontra IU quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) kompetenti, fejn allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq ir-ritratti skont il-Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur u fejn talbet, inter alia, mandat ta’ inibizzjoni biex l-allegat ksur ma jitkompliex.
18. Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) laqgħet ir-rikors. Hija kkonstatat, b’mod partikolari, li r-ritratti inkwistjoni kienu protetti taħt il-Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur u li l-fotografu kien ittrasferixxa lil BT drittijiet ta’ użu esklużivi. IU kien kiser dawn id-drittijiet billi rriproduċa r-ritratti fl-offerti tagħha stess mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ BT.
19. IU appella minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Fl-appell tiegħu, IU sostna li BT ma kellhiex locus standi, peress li d-dritt esklużiv li jintużaw ir-ritratti ma kienx ġie validament ittrasferit lilha mill-fotografu. Fil-fehma tagħha, il-ftehim verbali konkluż bejn BT u l-fotografu kien invalidu minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ forma bil-miktub, previst mid-dritt Pollakk (li, fil-fehma tagħha, jirregola l-validità formali ta’ dan il-ftehim skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I).
20. Bi tweġiba, BT sostniet li hija kellha locus standi, peress li d-drittijiet esklużivi ta’ użu tar-ritratti, kif protetti mil-Liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet tal-awtur, kienu ġew ittrasferiti lilha b’mod validu. Fil-fehma tagħha, il-kwistjoni tal-validità formali tal-ftehim verbali f’dan is-sens għandha tiġi distinta minn dik tal-validità formali taċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala tali. Hija ssostni li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma II, it-tieni kwistjoni hija rregolata mid-dritt tal-pajjiż li minnu tintalab il-protezzjoni (lex loci protectionis), jiġifieri d-dritt Ġermaniż, u li din il-liġi ma timponix rekwiżit ta’ forma bil-miktub għal tali trasferiment.
21. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu tkun intalbet il-protezzjoni għandha tapplika wkoll għall-kwistjoni tal-validità (formali) tat-trasferiment ta’ drittijiet esklużivi ta’ użu ta’ immaġni fotografiċi mill-awtur lid-detentur tad-drittijiet ta’ użu?
(2) Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-istatus tal-kuntratt huwa rilevanti għall-kwistjoni tal-validità (formali) tat-trasferiment ta’ drittijiet esklużivi ta’ użu ta’ immaġni fotografiċi mill-awtur lid-detentur tad-drittijiet ta’ użu u għalhekk huma applikabbli l-Artikoli 4 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)?”
22. BT u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. IU u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fil‑15 ta’ Jannar 2026.
IV. Analiżi
23. Kif indikat fl-introduzzjoni, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, li tiddetermina l-liġi applikabbli għall-kwistjoni tal-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur, meta din il-validità tkun ikkontestata minn terz fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur.
24. Sabiex inkun kemm jista’ jkun illustrattiv, ser nibda billi nesponi l-kwistjoni sostantiva u l-kunflitt ta’ liġijiet inkwistjoni (A), qabel ma nindirizza r-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali privat (B).
A. Il-kwistjoni sostantiva u l-kunflitt ta’ liġijiet inkwistjoni
25. Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-drittijiet tal-awtur huma forma ta’ “proprjetà intellettwali” mogħtija mill-Istati bis-saħħa tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom (liġijiet li, madankollu, kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni sinjifikattiva permezz ta’ diversi strumenti internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Berna u, fi ħdan l-Unjoni, diversi direttivi) (6).
26. Essenzjalment, id-drittijiet tal-awtur jagħtu lill-kreatur (jew “awtur”) ta’ kreazzjoni intellettwali (jew “xogħol”), taħt ċerti kundizzjonijiet (7), sett ta’ drittijiet ekonomiċi u morali esklużivi (8) fuq l-użu tagħha, li jistgħu jiġu eżegwiti erga omnes. Madankollu, dan il-monopolju legali huwa territorjalment limitat: jeżisti biss fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istat li jagħtih (dak li ġeneralment jissejjaħ il-“prinċipju ta’ territorjalità” tad-drittijiet tal-awtur) (9).
27. Fil-kawża prinċipali, ma jidhirx li huwa kkontestat li l-fotografu, bħala “awtur” tar-ritratti inkwistjoni, jibbenefika minn protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn ix-“xogħlijiet”, inter alia, skont id-dritt Ġermaniż (10).
28. L-awturi jistgħu jisfruttaw id-drittijiet tal-awtur tagħhom b’modi differenti. B’mod partikolari, huma jistgħu jagħtu liċenzji lil terzi, u b’hekk jawtorizzaw atti li f’każ kuntrarju jiksru d-drittijiet esklużivi tagħhom. Alternattivament, l-awturi jistgħu jittrasferixxu d-drittijiet tal-awtur tagħhom lil terzi, u b’hekk jittrasferixxu s-sjieda tad-dritt innifsu, ġeneralment bi ħlas. Tali liċenzji jew trasferimenti volontarji tad-drittijiet tal-awtur jistgħu jiġu inklużi f’kuntratti awtonomi jew fi klawżoli li jagħmlu parti minn ftehimiet kuntrattwali usa’, bħal kuntratti ta’ servizz, ta’ pubblikazzjoni jew ta’ distribuzzjoni (11).
29. F’dan il-każ, jidher ukoll paċifiku li l-fotografu kellu l-intenzjoni li jittrasferixxi lil BT id-drittijiet tal-awtur li kien għad fadal fuq ir-ritratti taħt id-dritt Ġermaniż. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tipprovdi biss dettalji limitati, jidher li tali trasferiment jagħmel parti mis-sensiela ta’ kuntratti verbali ta’ servizzi fotografiċi konklużi bejn dawn iż-żewġ partijiet. Skont dawn il-kuntratti, il-fotografu impenja ruħu mhux biss li jipproduċi dawn ir-ritratti, iżda wkoll li jikkunsinnahom lil BT. It-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni kien aspett anċillari ta’ dan l-aħħar obbligu. Fil-fatt, fl-assenza ta’ kwalunkwe forma ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur, BT ma setgħetx legalment tisfrutta r-ritratti (billi tippubblikahom f’offerti ta’ bejgħ fuq eBay) fil-Ġermanja.
30. Il-klassifikazzjoni legali eżatta ta’ din is-sistema ta’ drittijiet tal-awtur tibqa’ inċerta. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tindika li l-fotografu ttrasferixxa d-drittijiet tal-awtur inkwistjoni lil BT, din tal-aħħar issostni li, fir-realtà, huwa taha liċenzja esklużiva fuq dawn id-drittijiet tal-awtur. It-tieni klassifikazzjoni tidher li hija iktar konformi mal-Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur , li tipprojbixxi lill-awturi milli jittrasferixxu bħala tali d-drittijiet tal-awtur (Ġermaniżi) tagħhom, iżda tippermettilhom jittrasferixxu d-“drittijiet ta’ użu” fuq ix-“xogħol” ikkonċernat permezz ta’ tali liċenzja esklużiva. Madankollu, tali liċenzja tawtorizza lill-persuna liċenzjata tuża x-“xogħol” bl-esklużjoni tal-oħrajn kollha, inkluż l-awtur, u tipproduċi għalhekk effetti funzjonalment ekwivalenti għal dawk ta’ trasferiment (12). Għaldaqstant, ma iniex ser nindirizza din id-distinzjoni (li, fi kwalunkwe każ, ma hijiex determinanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi).
31. Dan premess, huwa komuni li ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jimponu ċerti restrizzjonijiet fuq il-liċenzjar kuntrattwali u/jew fuq it-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur. B’mod partikolari, dawn ta’ spiss jistabbilixxu ċerti rekwiżiti dwar il-forma, bħall-obbligu li tingħata liċenzja jew it-trasferiment permezz ta’ dokument bil-miktub (13).
32. Madankollu, jinqalgħu diffikultajiet meta tali tranżazzjonijiet iseħħu f’kuntest transkonfinali. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-liġijiet tal-Istati differenti relatati mat-tranżazzjoni jistgħu jimponu rekwiżiti diverġenti jew saħansitra kunfliġġenti. Dan huwa preċiżament il-każ inkwistjoni. It-tranżazzjoni inkwistjoni hija marbuta, b’mod partikolari, mal-Polonja (minħabba r-residenza abitwali tal-fotografu u l-post ta’ oriġini tax-“xogħlijiet” ikkonċernati) u mal-Ġermanja (minħabba r-residenza abitwali ta’ BT u l-post ta’ sfruttament tad-drittijiet tal-awtur). Filwaqt li d-dritt Pollakk jirrikjedi forma bil-miktub, id-dritt Ġermaniż, skont il-qorti tar-rinviju, ma jirrikjedix dan.
33. Dan il-kunflitt ta’ liġijiet jinsab fil-qalba tal-proċedura ta’ ksur imressqa minn BT, pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. F’din il-proċedura, IU jsostni li l-liċenzja kuntrattwali esklużiva fuq id-drittijiet tal-awtur, li fuqha hija bbażata t-talba ta’ BT, hija formalment invalida taħt id-dritt Pollakk (billi ma kienx hemm ftehim bil-miktub bejnha u l-fotografu dwar dan is-suġġett). Fl-assenza ta’ liċenzja valida jew ta’ trasferiment ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur, skont IU, BT fi kwalunkwe każ ma kellhiex locusstandi sabiex tibda l-imsemmija proċedura. B’kuntrast, BT tinvoka d-dritt Ġermaniż sabiex tasserixxi l-validità ta’ din il-liċenzja u, għaldaqstant, id-dritt tagħha li tinforza d-drittijiet tal-awtur inkwistjoni.
34. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni determinanti hija dik dwar liema mid-drittijiet nazzjonali f’kunflitt għandha tapplika l-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk il-liċenzja kuntrattwali esklużiva inkwistjoni hijiex formalment valida u, b’estensjoni, jekk BT għandhiex locus standi biex tressaq proċedura ta’ ksur kontra terz bħal IU. Din il-kwistjoni għandha tiġi solvuta b’riferiment għar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi rilevanti, li ser nindirizza issa.
B. Il-liġi applikabbli għall-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew għat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur skont ir-regoli rilevanti tal-kunflitt ta’ liġi
35. Meta proċeduri ta’ ksur jitressqu quddiem qorti ta’ Stat Membru minn allegat benefiċjarju ta’ liċenzja tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ benefiċjarju ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-awtur (bħal BT) kontra terz (bħal IU), ma hemm ebda regola, unika ta’ kunflitt ta’ liġi, li tindika dritt sostantiv partikolari li għandu jiġi segwit għall-kwistjonijiet kollha li jistgħu jitqajmu f’tali proċeduri. Għall-kuntrarju, regoli differenti ta’ kunflitt ta’ liġi, assoċjati ma’ diversi kategoriji magħrufa fid-dritt privat, u li jindikaw (potenzjalment) drittijiet sostantivi distinti, jistgħu jkunu rilevanti skont in-natura tal-kwistjoni(jiet) speċifika/ċi kkonċernata/i (1) (14). Għalhekk, sabiex jiġu ddeterminati r-regoli rilevanti f’dak li jirrigwarda l-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur u, fl-aħħar mill-aħħar, il-liġi applikabbli, huwa essenzjali li din il-kwistjoni tiġi kklassifikata b’mod korrett, jiġifieri li jiġi ddeterminat f’liema kategorija taqa’ b’mod adegwat (2).
1. Ir-regoli dwar kunflitt ta’ liġi “f’kunflitt”
36. Kif indikat fil-punt preċedenti, fi proċeduri ta’ ksur quddiem qorti ta’ Stat Membru, regoli differenti dwar kunflitt ta’ liġi huma rilevanti fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbiltà mhux kuntrattwali (a), mal-kuntratt ta’ liċenzja jew trasferiment (b) u mad-drittijiet tal-awtur bħala tali (c).
a) Responsabbiltà mhux kuntrattwali
37. Fl-ewwel lok, ir-regoli dwar kunflitt tal-liġi previsti mir-Regolament Ruma II huma rilevanti (15) f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet (meqjusa bħala li huma) relatati mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali potenzjali (jew, sabiex nuża l-kliem ta’ dan ir-regolament, l-“obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali”) tal-allegat awtur tal-ksur fil-konfront tar-rikorrent (16). Skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għall-“obbligazzjoni mhux kuntrattwali” kkonċernata tirregola dawn il-kwistjonijiet ta’ “responsabbiltà mhux kuntrattwali”.
38. Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma II, il-liġi applikabbli għal “obbligazzjoni mhux kuntrattwali” li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, inklużi d-drittijiet tal-awtur (17), hija il-“liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni” (jew il-lex loci protectionis) (18).
39. Għaldaqstant, jekk il-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur kellha titqies li taqa’ taħt ir-“responsabbiltà mhux kuntrattwali”, ikun id-dritt Ġermaniż li jirregola din il-kwistjoni fil-kawża prinċipali, taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma II, moqri flimkien mal-Artikolu 15 tiegħu, ġaladarba BT tinvoka protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-Ġermanja.
b) Kuntratt
40. Fit-tieni lok, ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fir-Regolament Ruma I huma rilevanti (19) għall-kwistjonijiet (meqjusa bħala) relatati mal-“obbligazzjonijiet kuntrattwali” li jirriżultaw minn kuntratt (jew klawżola) ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment li torbot lill-partijiet (20). Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Ruma I, il-liġi applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat (iktar ’il quddiem il-“lex contractus”) tirregola dawn il-kwistjonijiet “kuntrattwali”.
41. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ruma I, il-liġi applikabbli għal kuntratt (inkluż għal-liċenzjar jew għat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur) hija l-liġi magħżula mill-partijiet (21).
42. Fl-assenza ta’ tali għażla (li jidher li huwa l-każ hawnhekk (22)), l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I jipprevedi regoli oġġettivi sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat. Dawn ir-regoli huma pjuttost kumplessi. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi spjegat li l-Artikolu 4(1) fih lista magħluqa ta’ fatturi ta’ konnessjoni ddedikati għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti. Għalkemm il-kuntratti relatati mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bħala tali ma humiex inklużi fil-lista (23), l-Artikolu 4(1)(b) jipprevedi tali fattur ta’ konnessjoni għall-“kuntratt għall-forniment ta’ servizzi”, kategorija li naturalment tinkludi ftehimiet bħal dawk konklużi bejn il-fotografu u BT (24).
43. Skont din id-dispożizzjoni, il-liġi applikabbli għal tali kuntratt hija l-“liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu”. Fil-kawża prinċipali, jidher li huwa paċifiku li l-“fornitur ta’ servizzi”, jiġifieri l-fotografu, għandu r-“residenza abitwali” tiegħu fil-Polonja (25). Konsegwentement, id-dritt Pollakk huwa l-lex contractus rilevanti (26).
44. Madankollu, għandu jingħad ukoll li, għal ċerti “kwistjonijiet kuntrattwali”, ir-Regolament Ruma I ma jirreferix biss għal-lex contractus, billi jiddiferixxi s-soluzzjoni għal din tal-aħħar, iżda jipprevedi regoli kważi sostantivi (jew “orjentati lejn ir-riżultati”). L-Artikolu 11 ta’ dan l-att jinkludi tali regoli dwar il-“validità formali” ta’ kuntratt. Dawn ir-regoli jvarjaw skont jekk il-partijiet (jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom) kinux fl-istess pajjiż jew le fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tidher li tippreżumi li BT (jew pjuttost ir-“rappreżentant” tagħha, jiġifieri r-raġel tagħha) u l-fotografu kienu jinsabu fl-istess pajjiż, jiġifieri l-Polonja, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet tagħhom (u, għaldaqstant, li l-kuntratti ġew konklużi hemmhekk). Peress li din hija kwistjoni fattwali, ser nitlaq minn din il-premessa (27). F’każ bħal dan, l-Artikolu 11(1) jipprovdi li l-kuntratt huwa validu formalment (għalhekk in-natura “orjentata lejn ir-riżultati” tar-regola) jekk jissodisfa r-rekwiżiti formali jew (1) tal-lex contractus jew (ii) tal-liġi tal-pajjiż fejn ġie konkluż il-kuntratt (jew tal-lex loci contractus). F’dan il-każ, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, dan għandu jkun id-dritt Pollakk fiż-żewġ każijiet.
45. Konsegwentement, fil-każ fejn il-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur kellha titqies bħala kwistjoni “kuntrattwali”, ikun id-dritt Pollakk li jirregola l-materja fil-kawża prinċipali, skont l-Artikoli 4 u 11 tar-Regolament Ruma I.
c) Id-drittijiet tal-awtur bħala tali
46. Fit-tielet lok, fin-nuqqas ta’ regoli rilevanti dwar kunflitt ta’ liġi fil-livell tal-Unjoni (28) jew fil-Konvenzjoni ta’ Berna (29), ir-regoli nazzjonali dwar kunflitt ta’ liġi tal-Istati Membri huma rilevanti fir-rigward tal-kwistjonijiet (meqjusa) li jikkonċernaw id-drittijiet tal-awtur bħala tali, jiġifieri l-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dan id-dritt “tal-proprjetà intellettwali” (30)
47. Hemm xi diverġenzi bejn dawn ir-regoli nazzjonali dwar il-kunflitt tal-liġijiet. Madankollu, fid-dawl tan-natura tad-drittijiet tal-awtur (protezzjoni monopolistika mogħtija minn Stat, bis-saħħa tal-liġi tiegħu stess, għat-territorju tiegħu biss), dawn ir-regoli normalment jipprevedu, bħal f’dan il-każ ir-regoli dwar kunflitt ta’ liġi Ġermaniżi, li tali kwistjonijiet “ta’ sjieda” (31) huma (ukoll) irregolati mil-lex loci protectionis (32)
48. Konsegwentement, li kieku l-ħruġ tal-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur kellu jitqies li jirrigwarda d-drittijiet tal-awtur bħala tali, allura jkun id-dritt Ġermaniż li jirregola din il-kwistjoni fil-kawża prinċipali, bis-saħħa tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet Ġermaniżi, peress li BT tinvoka protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-Ġermanja.
2. Il-klassifikazzjoni korretta tal-kwistjoni tal-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur
49. Fid-dawl tad-diversità ta’ regoli dwar kunflitt ta’ liġi, id-determinazzjoni tar-regoli rilevanti fir-rigward tal-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur (u, fl-aħħar mill-aħħar, jekk huwiex id-dritt Ġermaniż jew id-dritt Pollakk li għandu jirregola l-kwistjoni fil-kawża prinċipali) tiddependi mill-klassifikazzjoni korretta ta’ din il-kwistjoni, jiġifieri jekk għandhiex titqies li taqa’ taħt “responsabbiltà mhux kuntrattwali”, “kuntratt” jew “drittijiet tal-awtur bħala tali”. Klassifikazzjoni żbaljata timplika interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn ir-regoli u l-applikazzjoni ta’ dritt sostantiv mhux xieraq (33).
50. Għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, il-portata tal-kategoriji ta’ “responsabbiltà mhux kuntrattwali” u ta’ “kuntratt” għandha tiġi ddefinita b’mod awtonomu, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolamenti Ruma I u Ruma II, b’mod partikolari n-neċessità li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali fir-rigward tad-dritt applikabbli u l-“prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi” (34). Li kieku dan ma kienx il-każ, il-klassifikazzjoni ta’ kwistjoni partikolari (u, magħha, l-applikazzjoni potenzjali ta’ dawn l-istrumenti) tista’ tvarja skont il-forum adit (35). Barra minn hekk, il-portata tal-kategorija residwa, b’mod partikolari dik relatata mad-drittijiet tal-awtur bħala tali, għandha tiġi ddelimitata b’mod korrispondenti fis-sistemi nazzjonali dwar kunflitt ta’ liġi. Fil-fatt, dawn il-kategoriji differenti ma għandhomx jikkoinċidu. Jekk kwistjoni waħda kellha taqa’ simultanjament taħt żewġ kategoriji, dan ikun jista’ jwassal għall-applikazzjoni konkomitanti ta’ diversi drittijiet sostantivi, potenzjalment kunfliġġenti. Tali eżitu jippreġudika l-funzjoni stess tar-regoli dwar kunflitt ta’ liġi u jċaħħad lir-Regolamenti Ruma I u Ruma II mill-effett utli tagħhom.
51. Fil-punti li ġejjin, ser nispjega, inizjalment, għalfejn il-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur ma tirrigwardax ir- “responsabbiltà mhux kuntrattwali” (a). Sussegwentement, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn, minkejja ċerti diffikultajiet, din il-kwistjoni ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala “ta’ sjieda”, iżda pjuttost bħala “kuntrattwali” (b).
a) Il-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex relatata mar-“responsabbiltà mhux kuntrattwali”
52. Ħaġa waħda hija ċara. Kif tosserva l-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur, anki meta din tqum fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur, ma tirrigwardax ir- “responsabbiltà mhux kuntrattwali”. Konsegwentement, ir-regoli dwar kunflitt ta’ liġi previsti mir-Regolament Ruma II ma humiex rilevanti.
53. Fil-fatt, fuq il-livell sostantiv, ma teżisti ebda rabta bejn din il-kwistjoni u r-responsabbiltà (allegata) tal-(allegat) awtur tal-ksur. Ovvjament, fl-assenza ta’ liċenzja kuntrattwali valida jew ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati, BT tista’ fi kwalunkwe każ ma tkunx intitolata li tressaq azzjoni għal ksur (36). Madankollu, il-kwistjoni tal-validità ta’ din il-liċenzja kuntrattwali jew ta’ dan it-trasferiment hija preliminari (u għalhekk loġikament għandha tiġi riżolta mill-qorti qabel) għal kull diskussjoni dwar jekk il-konvenut kisirx id-drittijiet tal-awtur (37). L-assenza ta’ rabta materjali bejn din il-kwistjoni u r-responsabbiltà tintwera wkoll mill-fatt li l-validità ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment tista’ sseħħ f’kuntesti proċedurali kompletament differenti (bħal proċeduri li għandhom bħala għan id-determinazzjoni tas-sjieda, il-validità ta’ kuntratt ta’ liċenzja tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ trasferiment, eċċ.).
54. F’dan l-isfond, l-argument ta’ BT li din il-kwistjoni ta’ validità għandha madankollu taqa’ taħt il-kategorija tar-“responsabbiltà mhux kuntrattwali” meta din tqum fil-kuntest ta’ proċedura għal ksur, peress li jkun iktar sempliċi għall-qorti adita li tiddetermina l-proċedura kollha skont il-liġi sostantiva unika indikata mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma II, huwa żbaljat. Konformement mal-prinċipji ġenerali sottostanti għall-klassifikazzjoni tal-kunflitti ta’ liġi, miġbura fil-qosor fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regoli dwar kunflitt ta’ liġi u, b’estensjoni, il-liġi li tirregola kwistjoni partikolari jiddependu min-natura ta’ din il-kwistjoni u mhux mill-kuntest proċedurali li fih din titqajjem. Approċċ kuntrarju jkun jinvolvi r-riskju li, pereżempju, liċenzja jew trasferiment kuntrattwali partikolari jitqiesu validi, skont sett ta’ regoli sostantivi, meta jiġu kkontestati fi proċeduri ta’ ksur, iżda jkunu invalidi, skont sett ieħor ta’ regoli sostantivi, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-konstatazzjoni ta’ sjieda (jew kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trasferiment, eċċ.), u viċi versa. Tali eżitu jkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà li fuqhom huma bbażati r-Regolamenti Ruma I u Ruma II (38).
b) Il-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex kwistjoni “ta’ sjieda”, iżda kwistjoni “kuntrattwali”
55. Għad irid jiġi ddeterminat jekk il-kwistjoni tal-validità formali ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment kuntrattwali għandhiex tiġi kklassifikata bħala ta’ natura “kuntrattwali” jew “ta’ sjieda”. Din id-domanda teħtieġ spjegazzjoni iktar sostanzjali, b’mod partikolari għaliex tat lok għal opinjonijiet diverġenti fost il-qrati tal-Istati Membri u fid-duttrina.
56. Bħala regola ġenerali, fir-rigward ta’ tali arranġamenti kuntrattwali relatati mad-drittijiet tal-awtur, għandha dejjem issir distinzjoni ċara bejn kwistjonijiet “ta’ sjieda” u “kuntrattwali”. Il-kwistjonijiet rilevanti dwar id-drittijiet tal-awtur “bħala tali” għandhom dejjem ikunu rriżervati għal-liġi li tirregola dak id-dritt, kif iddeterminat skont ir-regoli nazzjonali dwar kunflitt ta’ liġi (tipikament, il-lex loci protectionis) irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratt taħt ir-Regolament Ruma I. Tali klassifikazzjoni distributtiva hija ġġustifikata, lil hinn mir-raġunijiet indikati fil-punt 49 iktar ’il fuq, minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika: għalkemm il-partijiet għandhom ikunu liberi, skont dan ir-regolament, li jagħżlu l-liġi applikabbli għall-“obbligazzjonijiet kuntrattwali” tagħhom, huma ma għandhomx, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jagħmlu dan fir-rigward tal-karatteristiċi intrinsiċi tad-drittijiet tal-awtur stess (39).
57. Il-kategorija “ta’ sjieda” tinkludi mingħajr dubju l-kwistjoni prinċipali tat-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati – jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk dan id-dritt jistax jiġi ttrasferit mill-proprjetarju inizjali tiegħu (l-awtur) lil persuna oħra, b’mod partikolari b’effett ta’ kuntratt. Fil-fatt, it-trasferibbiltà (u l-portata tagħha) tikkostitwixxi karatteristika intrinsika tad-dritt ikkonċernat. Konsegwentement, liċenzja tad-drittijiet tal-awtur tista’ tingħata, jew tista’ tiġi ttrasferita, permezz ta’ kuntratt, biss jekk il-liġi li tirregola d-dritt ikkonċernat tippermetti dan, tkun xi tkun il-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt (40).
58. B’kuntrast, meta (u sa fejn) il-liġi li tirregola drittijiet tal-awtur tippermetti t-trasferiment tagħhom permezz ta’ kuntratt (li huwa l-każ hawnhekk peress li, għalkemm id-dritt Ġermaniż jeskludi t-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur, dan jawtorizza liċenzji esklużivi bħal f’dan il-każ), il-kwistjoni sussegwenti dwar jekk liċenzja kuntrattwali jew trasferiment ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur għandhomx josservaw ċerti rekwiżiti formali (inkluż, f’dan il-każ, ir-rekwiżit ta’ dokument bil-miktub) essenzjalment ma tirrigwardax id-dritt “bħala tali”, iżda l-kuntratt sottostanti (41).
59. Fil-fatt, dawn ir-rekwiżiti ma jirriżultawx min-natura tad-drittijiet tal-awtur. Pjuttost, dawn huma imposti sabiex jipproteġu lill-awtur, li ta’ spiss jitqies bħala l-parti l-iktar dgħajfa fil-kuntratti relatati mad-drittijiet tal-awtur (għall-kuntrarju ta’ intermedjarji bħall-pubblikaturi). B’mod partikolari, dawn ir-rekwiżiti huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-kunsens informat tal-awtur għal kull obbligu, li jirriżulta minn tali kuntratt, li jagħti liċenzja jew jittrasferixxi d-drittijiet tal-awtur tiegħu jew tagħha, kif ukoll it-trasparenza fir-rigward tal-kontenut preċiż ta’ tali obbligu (42).
60. Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li tali rekwiżiti jiġu imposti ta’ spiss taħt piena ta’ nullità tal-kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment (jew tal-klawżola kuntrattwali) inkwistjoni (bħalma huwa l-każ, pereżempju, tal-Artikolu 53 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur Pollakka). Fejn dan ikun il-każ, ir-rekwiżiti inkwistjoni jikkonċernaw manifestament il-“validità formali” ta’ dan il-kuntratt (jew klawżola) fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I (43). Anki meta tali rekwiżiti huma fformulati f’termini ta’ prova (pereżempju, meta dokument bil-miktub huwa meħtieġ bħala l-uniku mezz ta’ prova ammissibbli ta’ tali liċenzja kuntrattwali jew trasferiment), l-effett prattiku tagħhom huwa paragunabbli: il-liċenzji jew it-trasferimenti li ma jistgħux jiġu stabbiliti ma jistgħux jiġu eżegwiti (44). Għalhekk, in-natura tal-kwistjoni ma hijiex fundamentalment differenti u r-regoli tar-Regolament Ruma I jibqgħu applikabbli (speċifikament l-Artikolu 18(2), li jirreferi għall-Artikolu 11) (45). Fil-qosor, tkun xi tkun in-natura preċiża ta’ tali rekwiżiti (ta’ forma jew ta’ prova) fid-dritt nazzjonali, dawn jirrigwardaw intrinsikament (il-validità jew il-prova ta’) l-“obbligazzjonijiet kuntrattwali” li jorbtu lill-partijiet.
61. Il-fatt li tali rekwiżiti formali ma jikkonċernawx id-drittijiet tal-awtur “bħala tali”, iżda l-kuntratt li permezz tiegħu d-dritt għandu jingħata jew jiġi ttrasferit huwa sostnut ukoll mill-fatt li jeżistu rekwiżiti simili fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali fir-rigward tal-kuntratti u l-klawżoli li jirrigwardaw diversi materji (pereżempju, fir-rigward tal-klawżoli ta’ esklużjoni ta’ kompetizzjoni fil-kuntratti ta’ impjieg, fil-ftehimiet internazzjonali dwar l-għażla tal-qorti, eċċ.) (46), tipikament għal finijiet simili ta’ protezzjoni. Il-fatt li, f’dan il-każ, tali rekwiżiti jikkonċernaw kuntratti relatati mad-drittijiet tal-awtur ma jbiddilx in-natura intrinsikament “kuntrattwali” tal-kwistjoni sottostanti (47).
62. Din l-interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argument ta’ BT u tal-Kummissjoni. Skont dawn il-partijiet ikkonċernati, għandha ssir distinzjoni bejn, (i) il-validità formali tal-kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment u (ii) il-validità formali tal-“att ta’ trasferiment” tad-drittijiet tal-awtur (48). Filwaqt li l-ewwel waħda hija, fil-fatt, “materja kuntrattwali” (peress li tikkonċerna biss “obbligazzjonijiet kuntrattwali” li jorbtu inter partes), it-tieni waħda hija pjuttost “materja ta’ proprjetà” (għaliex it-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur fih innifsu jaffettwa lil terzi). Barra minn hekk, billi fil-kawża prinċipali hemm kontra xulxin mhux il-partijiet fil-kuntratt, imma waħda mill-partijiet kontra terz, l-aspett tal-aħħar biss huwa rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni vera hija jekk is-sjieda tad-drittijiet tal-awtur ġietx ittrasferita lil BT u, għaldaqstant, tistax tinvoka dan id-dritt kontra tali terz. Għaldaqstant, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti formali previsti, f’dan ir-rigward, fil-lex loci protectionis (hawnhekk, id-dritt Ġermaniż) (49).
63. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa bbażat fuq konfużjoni fir-rigward tan-natura tal-kwistjoni diskussa. Huma meħtieġa xi spjegazzjonijiet biex wieħed jifhem l-iżball.
64. Id-distinzjoni ssuġġerita minn BT u mill-Kummissjoni bejn “il-validità formali tal-kuntratt” u l-“validità formali tal-att ta’ trasferiment”, li hija influwenzata ħafna mid-dritt privat Ġermaniż (50) (u li, prima facie, tista’ twassal għal konfużjoni għall-avukati ta’ tradizzjoni differenti), tirreferi, fil-fehma tiegħi, għal dak li normalment jinftiehem, f’sistemi legali oħra, bħala d-distinzjoni bejn, (i) il-validità ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment ta’ proprjetà intellettwali u (ii) l-opponibbiltà fil-konfront ta’ terzi ta’ din il-liċenzja jew ta’ dan it-trasferiment.
65. Speċifikament, ladarba jkun ġie konkluż kuntratt validu jew esklużiv ta’ trasferiment jew ta’ liċenzja li jirrigwarda dritt ta’ proprjetà intellettwali bejn żewġ persuni, tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn id-detenturi ta’ drittijiet ta’ użu jew ta’ liċenzja jistgħux jinvokaw it-trasferiment ta’ dan id-dritt (jew, fi kliem ieħor, il-konsegwenzi ta’ dan il-kuntratt) kontra terzi, inkluż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur (kif għamlet BT fir-rigward ta’ IU). F’ċerti sistemi legali, dan huwa possibbli biss ladarba jkunu twettqu ċerti formalitajiet, tipikament ir-reġistrazzjoni tal-liċenzja jew tat-trasferiment ikkonċernat f’reġistru pubbliku apposta. F’dan l-istadju, nixtieq nenfasizza li, minbarra l-fatt li ġeneralment ma humiex imposti fir-rigward tat-trasferimenti kuntrattwali tad-drittijiet tal-awtur (51), il-formalitajiet inkwistjoni huma fundamentalment differenti mir-rekwiżiti formali eżaminati f’din il-kawża. Dawn il-formalitajiet huma, essenzjalment, proċeduri amministrattivi esterni għall-kuntratt, li jinvolvu awtoritajiet pubbliċi, li huma imposti mhux sabiex jipproteġu (waħda mill-partijiet) kontraenti, iżda sabiex jiżguraw il-pubbliċità, l-informazzjoni, it-trasparenza u, fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-istatus tal-proprjetà intellettwali, fl-interess tal-komunità. Ovvjament, din il-kwistjoni partikolari tal-opponibbiltà fil-konfront tat-terzi (inkluża l-applikazzjoni potenzjali ta’ dawn il-formalitajiet) hija kwistjoni intrinsikament “ta’ sjieda”. Din tikkonċerna l-karatteristika intrinsika erga omnes tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat (52).
66. Madankollu, id-domanda magħmula fil-kawża prinċipali ma hijiex marbuta, essenzjalment, ma’ din il-problema ta’ opponibbiltà fil-konfront tat-terzi. IU ma tikkontestax li liċenzja kuntrattwali esklużiva fuq id-drittijiet tal-awtur tista’, skont id-dritt Ġermaniż, tiġi invokata kontra terzi, inkluż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità f’dan ir-rigward. Pjuttost, infakkar li IU jikkontesta l-eżistenza stess ta’ liċenzja kuntrattwali valida bejn il-fotografu u BT (li mingħajrha BT ma jkollhiex locus standi), minħabba l-allegat nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali eżaminati iktar ’il fuq. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, din il-kwistjoni ta’ validità u dawn ir-rekwiżiti huma intrinsikament relatati mal-kuntratti bejn BT u l-fotografu (53). Ovvjament, jekk ma jkunx hemm kuntratt validu ta’ liċenzjar jew ta’ trasferiment (jew klawżola) bejn il-partijiet, ma jistax ikun hemm possibbilment trasferiment konsegwenti tad-drittijiet tal-awtur invokabbli kontra terz. Madankollu, dik il-kwistjoni tal-validità tal-kuntratt tiġi qabel kwalunkwe diskussjoni dwar l-opponibbiltà fil-konfront tat-terzi. Il-fatt li din il-kwistjoni ta’ (in)validità titqajjem bħala difiża minn tali terz li jfittex li jevita proċedura ta’ ksur ma jistax ibiddel in-natura “kuntrattwali” tiegħu. Għal darba oħra, il-klassifikazzjoni ta’ kwistjoni legali tiddependi min-natura oġġettiva tagħha, u mhux mill-identità tal-parti li tinvokaha (54).
67. L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi, li l-kwistjoni tal-validità formali ta’ liċenzja kuntrattwali jew ta’ trasferiment kuntrattwali tad-drittijiet tal-awtur għandha tiġi kklassifikata bħala “kuntrattwali” u, għaldaqstant, taqa’ taħt ir-regoli dwar kunflitt ta’ liġi previsti mir-Regolament Ruma I, b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu, hija konsistenti mal-għan ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà mfittex minn dan ir-regolament.
68. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tiffaċilita t-tranżazzjonijiet transkonfinali marbuta mad-drittijiet tal-awtur. Skont l-Artikolu 11, liċenzja kuntrattwali jew trasferiment kuntrattwali tad-drittijiet tal-awtur normalment(55) jitqiesu bħala validi u effettivi jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-lex contractus jew tal-lex loci contractus. Dan jipprovdi lill-partijiet b’ċertezza legali fir-rigward tal-validità (formali) u l-effettività tal-ftehimiet tagħhom, b’mod partikolari meta dawn il-ftehimiet jikkonċernaw diversi drittijiet tal-awtur nazzjonali, irregolati minn daqstant liġijiet nazzjonali: il-partijiet ma għandhomx għalfejn jibżgħu mill-ineffettività (parzjali jew sħiħa) tat-tranżazzjoni tagħhom minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti differenti li dawn il-liġijiet nazzjonali jista’ jkun fihom.
69. B’kuntrast, l-approċċ sostnut minn BT u mill-Kummissjoni jfisser li l-partijiet għandhom josservaw kemm ir-rekwiżiti formali tal-lex contractus u/jew tal-lex loci contractus (kif previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I) u dawk previsti mil-liġi li tirregola d-dritt bħala tali (jew il-liġijiet, jekk il-kuntratt jikkonċerna diversi drittijiet tal-awtur nazzjonali). Tali approċċ iżid ir-riskju ta’ ineffettività tal-kuntratti dwar id-drittijiet tal-awtur abbażi ta’ difett formali, u b’hekk iċaħħad lill-Artikolu 11 minn parti kbira mill-effett utli tiegħu fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ kuntratti (56).
70. Fl-aħħar nett, nifhem li l-klassifikazzjoni tal-kwistjoni diskussa bħala “ta’ sjieda” hija ġġustifikata xi drabi, fir-realtà, mhux min-natura oġġettiva ta’ din id-domanda, iżda mill-preokkupazzjoni li l-partijiet jistgħu inkella, taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I, jevitaw ir-rekwiżiti formali previsti mil-liġi li tirregola d-drittijiet tal-awtur (għal darba oħra, tipikament il-lex loci protectionis), billi jagħżlu liġi iktar permissiva bħala liġi li tirregola l-kuntratt tagħhom, filwaqt li dawn ir-rekwiżiti spiss jitqiesu bħala partikolarment importanti mill-Istati, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-awtur imfittex minnhom.
71. Madankollu, dan it-tħassib ma huwiex speċifiku għall-kuntratti relatati mad-drittijiet tal-awtur. Dan iseħħ kull meta l-liġijiet nazzjonali jimponu rekwiżiti formali fir-rigward ta’ ċerti kuntratti jew klawżoli. F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li l-leġiżlatur tal-Unjoni, konxju sew mill-importanza li l-leġiżlaturi nazzjonali jistgħu jagħtu lir-rekwiżiti inkwistjoni, għażel li jipprivileġġa, taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I, il-validità formali tal-kuntratti meta mqabbla mal-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-rekwiżiti, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali tal-partijiet, konformement mal-għanijiet ġenerali tar-Regolament Ruma I (57).
72. Fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċifika kuntrarja, ma narax għalfejn l-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I, u l-għażla politika li huwa jistabbilixxi, għandhom jiġu esklużi fir-rigward tal-kuntratti relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, billi ssir (ri)klassifikazzjoni artifiċjali tar-rekwiżiti eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet bħala kwistjoni “ta’ sjieda”. Huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jevalwa jekk ikunx mixtieq li għandhom japplikaw dejjem ir-rekwiżiti formali previsti mil-lex loci protection taħt piena ta’ nullità tal-kuntratt sottostanti. Jekk il-Kummissjoni tqis li tali approċċ ikun iġġustifikat, hija tista’ temenda l-Artikolu 11 kif xieraq, pereżempju billi tintroduċi regoli speċifiċi mfassla għall-kuntratti relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (58).
73. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Ruma I, fl-istat attwali tiegħu, diġà jinkorpora mekkaniżmi sabiex jitqiesu dawn il-kunsiderazzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament iħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-qorti adita b’tilwima sabiex tapplika, minkejja l-liġi(jiet) li jirregolaw kuntratt skont ir-regoli normali tal-imsemmi regolament, id-“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” (jew lois de police) previsti mil-liġi tagħha stess (Artikolu 9(2)) jew mil-liġi tal-“pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu” (Artikolu 9(3)).
74. Għalhekk, sa fejn il-kundizzjonijiet formali previsti mil-liġi li tirregola d-drittijiet tal-awtur jitqiesu mill-pajjiż ikkonċernat bħala suffiċjentement “kruċjali” sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” (59), u sakemm din il-liġi tikkoinċidi ma’ (i) il-liġi tal-forum jew (ii) il-liġi tal-pajjiż fejn għandhom jiġu eżegwiti l-obbligi kuntrattwali (60), dawn ir-regoli jistgħu jiġu eżegwiti (u kuntratt jista’ jitqies invalidu għal raġunijiet formali), irrispettivament mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I (61). Madankollu, din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament issir abbażi tal-każ individwali kkonċernat (62).
75. Fil-kawża prinċipali, peress li l-kwistjoni tal-validità formali tal-liċenzja kuntrattwali esklużiva invokata minn BT hija ta’ natura “kuntrattwali”, japplikaw ir-regoli dwar kunflitt ta’ liġi previsti mir-Regolament Ruma I. Skont l-Artikolu 11 tagħha, il-kuntratti sottostanti jistgħu jkunu formalment invalidi, peress li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti formali previsti mid-dritt Pollakk. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ liċenzja valida jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur favur tagħha, BT jista’ ma jkollhiex locus standi quddiem il-qorti tar-rinviju, kif isostni IU. Madankollu, hija din il-qorti li għandha tivverifika dan (63).
V. Konklużjoni
76. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:
L-Artikolu 1(1), l-Artikolu 10, l-Artikolu 11 u l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ liġijiet, il-kwistjoni tar-rekwiżiti potenzjali dwar il-forma li għandhom jissodisfaw liċenzja kuntrattwali jew trasferiment kuntrattwali ta’ drittijiet tal-awtur sabiex jitqiesu li huma validi jew li ġew ipprovati hija rregolata mid-dritt(ijiet) sostantiv(i) indikat(i) mir-regoli previsti minn dan ir-regolament.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
i L-isem tal-kawża huwa fittizju. Dan ma jikkorrispondix għall-isem reali ta’ ebda parti fil-proċedura.
2 Ara, għal iktar dettalji, il-punti 25 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
3 Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).
4 Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ĠU 2007, L 199, p. 40).
5 Jew, tal-inqas, mhux f’dak iż-żmien (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn hekk, qatt ma ġie konkluż ftehim dwar il-liġi applikabbli għall-ikkummissjonar tal-fotografu jew għat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur.
6 Ara, b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
7 B’mod partikolari, “xogħol” huwa protett biss jekk ikun “oriġinali” (ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna kif ukoll is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 37)
8 Ara, minn naħa, l-Artikoli 9 sa 14b tal-Konvenzjoni ta’ Berna u l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Berna.
9 Ara l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Hejduk, C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Probabbilment fi Stati oħra wkoll, skont il-liġijiet rispettivi tagħhom. Madankollu, dawn id-drittijiet tal-awtur nazzjonali l-oħra ma humiex invokati minn BT quddiem il-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, dawn huma irrilevanti fil-kawża prinċipali.
11 Ara, barra minn hekk, Guibault, L., Hugenholtz, P. B., van Eechoud, M.M.M., van Gompel, S.J., u Helberger, N., The Recasting of Copyright & Related Rights for the Knowledge Economy, Institute for Information Law, University of Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi, 2006, punti 3.2.1 u 3.2.2; u Fawcett, J.J., u Torremans, P., Intellectual Property and Private International Law, Oxford Private International Law Series, it-3 edizzjoni, 2024, punti 14.01 u 14.02, 14.14, 14.107 u 14.108.
12 Qabbel il-punt 29(1) u (2) tal-Liġi Ġermaniża dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Ara, barra minn hekk, Guibault, L., Hugenholtz, P. B. et, nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punt 3.2.2.
13 Barra minn hekk, dawn il-liġijiet xi drabi jirrikjedu li kull klawżola relatata tiġi ffirmata mill-awtur, li d-drittijiet ikkonċernati, kif ukoll il-portata u t-tul tal-liċenzja jew tat-trasferiment, ikunu indikati b’mod ċar, eċċ. Ara, pereżempju, fi Franza, l-Artikoli L‑131‑2 u L‑131‑3 tal-code de la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali); fir-Renju Unit, it-Taqsima 90(3) tal-Copyright, Designs and Patents Act 1988 (l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur, tad-Diżinji u tal-Privattivi tar-Renju Unit tal‑1988). Ara, b’mod ġenerali, għal analiżi komparattiva tal-liġijiet tal-Istati f’dan ir-rigward, Guibault, L., Hugenholtz, P. B. et, nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit.; u Kono, T. (edituri), Intellectual Property and Private International Law: Comparative Perspectives, Hart Publishing, Oxford, 2012.
14 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 47 sa 62; u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:612, punti 35 sa 60. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:388, punt 51; Fawcett, J.J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 14.15 sa 14.17, u 15.09, 15.32 sa 15.35; u Plender, R., u Wilderspin, M., The European Private International Law of Obligations, Sweet & Maxwell, ir-4 edizzjoni, Londra, 2015, punti 2‑069 sa 2‑075, u 22‑041 sa 22‑047. Konsegwenza neċessarja hija li qorti ta’ spiss ikollha tapplika liġijiet sostantivi differenti għal sett wieħed ta’ proċeduri.
15 Fil-fatt, l-“obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali” (ara, għal dan il-kunċett, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 46) li jirriżultaw minn ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jaqgħu taħt il-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma II (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova, C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 30). Barra minn hekk, dawn l-“obbligazzjonijiet” ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament taħt l-Artikolu 1(2) tiegħu.
16 Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Ruma II. Din l-aħħar dispożizzjoni tindika li din il-kategorija tinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet bħall-bażi u l-portata tar-responsabbiltà, ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà, l-eżistenza, in-natura u l-evalwazzjoni tad-danni jew ir-rimedju mitlub (eċċ.).
17 Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 26 tar-Regolament Ruma II.
18 Ara l-premessa 26 tar-Regolament Ruma II. Tali regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet hija konformi mal-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li jipprevedi, fil-partijiet rilevanti tiegħu, li “[l]-portata tal-protezzjoni kif ukoll ir-rimedji li għandu l-awtur sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu huma rregolati esklużivament mil-liġi tal-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni”.
19 Fil-fatt, l-“obbligazzjonijiet kuntrattwali” (ara, għal dan il-kunċett, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 44) li jirriżultaw minn kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur jaqgħu taħt il-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova, C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 30). Barra minn hekk, dawn l-“obbligazzjonijiet kuntrattwali” ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 1(2) tiegħu.
20 Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu(1) u l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Ruma I. Mill-Artikoli 10 sa 12 tiegħu jirriżulta senjatament li dik il-kategorija tinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet bħall-validità (kemm sostantiva kif ukoll formali) ta’ dawk l-“obbligazzjonijiet”, l-interpretazzjoni tagħhom, it-twettiq tagħhom, il-konsegwenzi ta’ ksur tagħhom (eċċ.).
21 Peress li l-kwistjoni ġiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, nixtieq nenfasizza li din il-possibbiltà ta’ għażla fl-ebda każ ma tmur kontra l-Konvenzjoni ta’ Berna. Minbarra l-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Berna ma tinkludix regoli dwar il-kuntratti marbuta mad-drittijiet tal-awtur, il-“protezzjoni” tad-dritt, kif prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni, ma hijiex affettwata meta dan id-dritt ikun is-suġġett ta’ kuntratt irregolat, fuq għażla tal-partijiet, minn liġi differenti mil-lex loci protectionis (ara, barra minn hekk, Fawcett, J.J. u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punt 14.41; u Raynard, J., Droit d’auteur et conflits de loi : essai sur la nature juridique du droit d’auteur, Litec, Pariġi, 1990, p. 526 u 527).
22 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.
23 Din ir-regola speċifika tinsab fl-Artikolu 4(1)(f) tal-proposta tal‑15 ta’ Diċembru 2005 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (COM/2005/0650 finali). Madankollu, din ir-regola ma ġietx aċċettata fil-verżjoni finali tar-Regolament, probabbilment għaliex il-kuntratti relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma fil-prattika eteroġenei wisq (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) sabiex ikunu jistgħu raġonevolment ikunu suġġetti għal fattur ta’ konnessjoni unika (ara, f’dan is-sens, ir-RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I), 21.11.2007 – (COM (2005) 0650 – C6‑0441/2005 – 2005/0261 (COD)), Kumitat għall-Affarijiet Legali, emenda 43).
24 B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “kuntratt għall-forniment ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Ruma I ikopri kull ftehim li permezz tiegħu persuna “[t]wettaq attività speċifika” għal oħra “b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Verein für Konsumenteninformation, C‑272/18, EU:C:2019:827, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa ċar li t-teħid ta’ ritratti huwa “attività speċifika”, eżerċitata mill-fotografu ta’ BT “b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni”.
25 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Ruma I jipprevedi, fil-parti rilevanti tiegħu, li “[i]r-residenza abitwali ta’ persuna fiżika fil-kors ta’ l-eżerċizzju ta’ l-attività professjonali tagħha għandha tkun il-post prinċipali tan-negozju tagħha”. F’dan il-każ, dan huwa probabbilment l-istudjo fil-Polonja msemmi iktar ’il fuq.
26 Huwa mifhum li l‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma I jipprevedi “klawżola liberatorja” li bis-saħħa tagħha “[m]eta jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li l-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 […], għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor”. Madankollu, ma nara ebda raġuni sabiex tintuża din il-klawżola fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kuntratti inkwistjoni ma humiex “manifestament aktar marbut[a]” ma’, pereżempju, il-Ġermanja milli l-Polonja.
27 Ara, madankollu, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
28 B’mod partikolari, il-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur bħala tali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II (ara, f’dan is-sens, ir-Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali ta’ Mario Giuliano, Professur fl-Università ta’ Milan, u Paul Lagarde, Professur fl-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Rapport Giuliano-Lagarde”), p. 10, u Fawcett, J.J., u Torremans, P, nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punt 14.10). Barra minn hekk, id-direttivi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, imsemmija fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jipprevedux regoli ta’ kunflitt ta’ liġi f’dan ir-rigward.
29 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France, C‑28/04, EU:C:2005:418, punt 32.
30 Huwa ġeneralment aċċettat li din il-kategorija tinkludi kwistjonijiet bħall-eżistenza, il-ħolqien, il-validità, in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prerogattivi mogħtija kif ukoll l-eċċezzjonijiet tagħhom, it-tul ta’ żmien tagħhom (eċċ.). Ara, b’mod partikolari, Fawcett, J.J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 13.46 sa 13.74; Plender, R., u Wilderspin, M., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 22‑001 sa 22–047; Basedow, J., “Article 3.102: Lex protectionis”, fi Basedow, J., et al. (edit.), Conflict of Laws in Intellectual Property – The CLIP Principles and Commentary – European Max Planck Group on Conflict of Laws in Intellectual Property, Oxford University Press, 2013, punt 3:12.C07.
31 Peress li l-kwistjoni ġiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, għandi nispeċifika li hemm dibattitu dwar ċerti kwistjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur “bħala tali”, b’mod partikolari l-kwistjoni tas-sjieda inizjali (jiġifieri min għandu jitqies bħala l-“awtur” ta’ xogħol). Ċerti regoli nazzjonali dwar kunflitt ta’ liġi, deċiżjonijiet u/jew kummentaturi jħallu din il-kwistjoni speċifika għal-lex loci protectionis, filwaqt li oħrajn jirreferu għal-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol inkwistjoni (lex originis). Il-pajjiż ta’ oriġini huwa ddefinit, fl-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, bħala li jirreferi, essenzjalment, għall-pajjiż tal-ewwel pubblikazzjoni tax-xogħol. Fil-kawża prinċipali, il-lex originis hija d-dritt Pollakk peress li r-ritratti nħolqu fil-Polonja. Dawn id-diverġenzi jirriżultaw mill-ambigwità tal-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-kwistjoni tas-sjieda inizjali, u jeżistu argumenti insostenn taż-żewġ soluzzjonijiet (ara, barra minn hekk, Fawcett, J.J., u Torremans, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 13.75 sa 13.91). Madankollu, ser inħalli dan id-dibattitu fil-ġenb. Fil-fatt, ma hemmx lok li tittieħed pożizzjoni f’dan ir-rigward f’dan il-każ, peress li din ma tirrigwardax il-kwistjoni tas-sjieda inizjali.
32 Fil-fatt, meta persuna titlob protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fi Stat, il-liġi ta’ dak l-Istat għandha loġikament tiddetermina jekk din il-protezzjoni teżistix effettivament, in-natura u l-portata ta’ dan il-monopolju, it-tul tiegħu, eċċ. Tali regola ta’ kunflitt ta’ liġi hija, għal darba oħra, konformi mal-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li jipprovdi li “[l]-portata tal-protezzjoni […] hija rregolata esklużivament mil-liġi tal-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni”. L-applikazzjoni tal-lex loci protectionis xi drabi hija prevista mil-liġijiet stabbiliti fid-dritt internazzjonali privat. F’okkażjonijiet oħra, il-qrati nazzjonali jisiltu direttament din l-applikazzjoni mill-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Ara, barra minn hekk, Fawcett, J.J., u Torremans, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 12.22 sa 12.28, 13.13 sa 13.45 u 14.06 sa 14.09; u Kono, T. (editur), nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit.
33 Ċertament, f’dan il-każ, peress li r-regoli dwar kunflitt ta’ liġi assoċjati mal-kategoriji “responsabbiltà mhux kuntrattwali” u “proprjetà” jindikaw, it-tnejn li huma, il-lex loci protectionis, id-distinzjoni bejn it-tnejn hija inqas importanti fil-prattika. Madankollu, hija tibqa’ rilevanti fuq livell ta’ prinċipji.
34 Ara l-premessi 6 u 16 tar-Regolament Ruma I u l-premessi 6 u 14 tar-Regolament Ruma II.
35 Fil-fatt, l-Istati Membri jista’ jkollhom, fid-dritt privat tagħhom stess, perspettivi differenti fir-rigward tal-portata tal-kategoriji inkwistjoni.
36 Ara, barra minn hekk, il-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
37 Ara, b’analoġija, l-ewwel konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BSH Hausgeräte (C‑339/22, EU:C:2024:159, punt 44). Ara wkoll Fawcett, J.J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 13.74, 15.32 sa 15.35; Plender, R., u Wilderspin, M., nota ta’ qiegħ il-paġna 14, op. cit., punti 22–041 sa 22–047; u Dickinson, A., The Rome II Regulation – The Law Applicable to Non-Contractual Obligations, Oxford, 2010, punti 3.88 sa 3.90, 8.18.
38 Ara Fawcett, J.J, u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punt 13.74. Fid-dawl tal-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, nixtieq nenfasizza li, fil-kuntest tal-ispjegazzjonijiet preċedenti, ir-riferiment għall-“bażi […] tar-responsabbiltà” li jinsab fl-Artikolu 15(a) tar-Regolament Ruma II ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-kwistjoni tal-validità tal-liċenzja kuntrattwali jew tat-trasferiment invokata mir-rikorrent. Dan ir-riferiment għandu l-għan li jkopri l-“fatturi intrinsiċi tar-responsabbiltà”, bħan-“natura tar-responsabbiltà (mingħajr nuqqas jew ibbażata fuq ħtija); id-definizzjoni ta’ ħtija, inkluż jekk ommissjoni tistax tikkostitwixxi ħtija; ir-rabta kawżali bejn l-avveniment li ta lok għad-dannu u d-dannu; il-persuni potenzjalment responsabbli” (eċċ) (ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (COM (2003) 427 final, p. 13), Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 23). Għal darba oħra, din il-kwistjoni ta’ validità ma għandha xejn x’taqsam ma’ dawn il-“fatturi”. Bl-istess mod, ir-riferiment fl-Artikolu 15(f) tar-Regolament Ruma II għal “persuni intitolati għal kumpens għal dannu subit personalment” lanqas ma jista’ jinftiehem fis-sens li jkopri din il-kwistjoni. Dan ir-riferiment kemxejn oskur jikkonċerna l-kwistjoni dwar “jekk persuna minbarra l-‘vittma diretta’ tistax tikseb kumpens għad-dannu kkawżat lilha ‘indirettament’, b’konsegwenza tad-dannu mġarrab mill-persuna leża […].pereżempju lill-ulied jew lill-konjuġi tad-decuius” (ibid. p. 24; ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Lazar, C‑350/14, EU:C:2015:802, punti 25 sa 28). Tali kwistjoni hija intrinsikament distinta minn dik dwar jekk l-applikant huwiex il-benefiċjarju ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment validi.
39 Fil-fatt, kif spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali karatteristiċi intrinsiċi jistgħu jiġu rregolati biss bid-dritt nazzjonali li jagħti l-protezzjoni, skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (jew, fir-rigward tas-sjieda inizjali, mil-lex originis).
40 Ara Lucas, A., “Droit international privé et droit d’auteur”, Les Cahiers de propriété intellectuelle, Vol. 22, Nru 3, p. 761 sa 775, speċjalment p. 769 u 770; Fawcett, J.J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 13.41, 13.99 sa 13.104, 14.08 u 14.15 sa 14.17; Raynard, J., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 594; Plender, R., u Wilderspin, M., nota ta’ qiegħ il-paġna 14, op. cit., punti 22–041 sa 22–047; Drexl, J., “Article 3:301: Transferability”, f’Basedow, J., et (edituri), nota ta’ qiegħ il-paġna 30, op. cit. Ara, b’analoġija, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I, li jipprovdi li t-trasferibbiltà ta’ talba kuntrattwali hija kwistjoni rriżervata għal-liġi li tirregola t-talba inkwistjoni. F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasferibbiltà, hemm differenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri. L-ewwel, għalkemm il-parti l-kbira tal-Istati jsegwu approċċ “duwalistiku”, li permezz tiegħu drittijiet ekonomiċi jistgħu jiġu ttrasferiti, filwaqt li d-drittijiet morali ma jistgħux, ċerti Stati (bħall-Ġermanja, kif spjegat fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet) isegwu approċċ “unitarju”, li permezz tiegħu l-awturi ma jistgħux jittrasferixxu d-drittijiet tal-awtur tagħhom, iżda biss jagħtu liċenzji esklużivi fuq id-drittijiet ekonomiċi tagħhom (li essenzjalment iwassal għall-istess riżultat). It-tieni, il-portata ta’ trasferiment potenzjali tista’ tvarja: ċerti Stati jawtorizzaw biss it-trasferiment totali tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li oħrajn jippermettu biss it-trasferiment (parzjali) ta’ ċerti drittijiet esklużivi, għal perijodu limitat (eċċ) (ara, għal analiżi komparattiva tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, Guibault, L., Hugenholtz, P. B., et, nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit.)
41 Ara, fl-istess sens, Lucas, A., nota ta’ qiegħ il-paġna 40, op. cit., p. 761 sa 775, speċjalment p. 769 u 770; Fawcett, J.J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 13.104, 14.182 u 14.183; Plender, R., u Wilderspin, M., nota ta’ qiegħ il-paġna 14, op. cit., punti 22–041 sa 22–047; Drexl, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 40, op. cit., punt 3: 301.C02; Heinze, C., “Artikolu 3: 504: Formal validity”, f’Basedow, J., et al. (edizzjoni), nota ta’ qiegħ il-paġna 30, op. cit., il-punt 3:504.C02. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni “kuntrattwali” tidher li hija segwita fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri (ara, għal analiżi komparattiva, Kono, T., nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit.).
42 Fil-fatt, dokument bil-miktub jiggarantixxi ġeneralment li l-awtur ikun informat b’mod korrett dwar dak li jaċċetta. Ara Guibault, L., Hugenholtz, P., B., et al., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., p. 31 u 67; van Eechoud, M., “Choice of Law in Copyright and Related Rights: Alternatives to the Lex protectionis, Kluwer Law International, 2003, p. 196, 197, 203–205; u Raynard, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 21, op. cit., p. 641 sa 654.
43 Speċifikament, għalkemm l-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “validità formali”, ir-Rapport Giuliano-Lagarde jindika li l-kunċett ta’ “forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għal “kwalunkwe manifestazzjoni esterna meħtieġa minn persuna li tesprimi r-rieda li tkun legalment marbuta u li fin-nuqqas tagħha tali espressjoni ma titqiesx bħala kompletament effettiva” [traduzzjoni libera] (ibid, p. 29). Evidentement, dan jinkludi rekwiżit li l-kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-awtur ikun bil-miktub taħt piena ta’ nullità.
44 Ara, pereżempju, l-Artikolu L‑131‑3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali Franċiż.
45 Bis-saħħa tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Ruma I, “[k]untratt […] jist[a’] jiġ[i] ppruva[t] b’kull mod ta’ prova rikonoxxut mil-liġi tal-forum jew minn kwalunkwe waħda mil-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 11 li taħtha dak il-kuntratt […] ikun formalment validu, sakemm dan il-mod ta’ prova jista’ jiġi amministrat mill-forum”.
46 Ara, rispettivament, ir-Rapport Giuliano-Lagarde, p. 31, u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia.
47 Il-fatt li r-rekwiżiti diskussi f’din il-kawża ta’ spiss jinsabu fil-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur tal-Istati (iktar milli fil-kodiċi tal-kuntratti tagħhom) u xi drabi huma fformulati bħallikieku ma humiex relatati mal-kuntratt, iżda mad-drittijiet tal-awtur “bħala tali” (qabbel, pereżempju, it-Taqsima 90(3) tal-British Copyright, Designs and Patents Acts (l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur, id-Diżinni u l-Privattivi tar-Renju Unit), li tipprovdi li “an assignment of copyright is not effective unless it is in writing [trasferiment tad-drittijiet tal-awtur huwa effettiv biss bil-miktub] [...]” (enfasi miżjuda) u l-Artikolu 53 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur Pollakka, skont liema “kuntratt [ta’ trasferiment ta’ drittijiet tal-awtur] għandu jiġi konkluż bil-miktub […]” (enfasi miżjuda), huwa immaterjali. Il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet rilevanti, ma tistax tiddependi mill-klassifikazzjoni formali jew mill-formulazzjoni preċiża ta’ ċerti regoli skont il-liġi/jiet applikabbli preżunta/i. Din għandha ssir indipendentement minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, fid-dawl tal-kategoriji ddefiniti b’mod awtonomu u tan-natura tal-kwistjoni sottostanti. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, għall-finijiet ta’ kunflitt ta’ liġi, meta l-leġiżlaturi nazzjonali jistabbilixxu tali rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar id-drittijiet tal-awtur, huma jħallu l-kategorija “drittijiet tal-awtur bħala tali” u jaqgħu fil-kategorija ta’ “kuntratt”.
48 Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.
49 Konsegwentement, il-Kummissjoni spjegat li, fil-fehma tagħha, (i) il-kuntratt ta’ liċenzja esklużiva huwa formalment validu, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Ruma I, minħabba li r-regoli ġenerali dwar il-kuntratti skont il-liġi Pollakka jippermettu kuntratti verbali; (ii) ma jkunx hemm trasferiment tad-drittijiet tal-awtur Pollakki, peress li l-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur Pollakka teħtieġ forma bil-miktub sabiex trasferiment ikun validu; (iii) madankollu, id-drittijiet tal-awtur Ġermaniżi ġew ittrasferiti b’mod validu bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, peress li tali rekwiżit ma jeżistix fil-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur Ġermaniża.
50 B’mod iktar speċifiku, dan l-approċċ huwa influwenzat ħafna mit-“Trennungs-und Abstraktionsprinzip”, magħruf fid-dritt ċivili Ġermaniż, f’dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ proprjetà, li bis-saħħa tiegħu tranżazzjoni unika ta’ bejgħ għandha tiġi analizzata, minn perspettiva legali, bħala żewġ “atti” distinti, jiġifieri (i) l-“att li jagħti lok għall-obbligazzjonijiet” li jorbot biss lill-bejjiegħ u lix-xerrej, dan jinkludi l-obbligu tal-bejjiegħ li jittrasferixxi l-proprjetà lix-xerrej (jiġifieri l-kuntratt ta’ bejgħ) u (ii) l-“att ta’ ċessjoni ta’ proprjetà”, li jikkonsisti f’bidla effettiva fil-proprjetà tad-dritt, mill-bejjiegħ lix-xerrej, b’effetti erga omnes. Dan wassal għal parti mill-ġurisprudenza u mid-duttrina Ġermaniża li jikkonfermaw, fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet, Spaltungstheorie (teorija tal-qsim), li skontha l-ewwel “att” għandu jkun irregolat mil-lex contractus, u l-“att” l-ieħor mil-liġi applikabbli għad-dritt tal-proprjetà bħala tali (fil-każ tal-proprjetà intellettwali, il-lex loci protectionis). Din it-teorija hija, essenzjalment, sostnuta minn BT u mill-Kummissjoni f’din il-kawża.
51 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(2) ta’ Konvenzjoni ta’ Berne, li bis-saħħa tiegħu “[i]t-tgawdija u l-eżerċizzju tad-[drittijiet tal-awtur] ma għandhom ikunu suġġetti għall-ebda formalità”.
52 Ara wkoll, fir-rigward ta’ dawn il-formalitajiet u l-mod kif huma differenti fin-natura tagħhom mir-rekwiżiti inkwistjoni, Fawcett, J.J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 14.01 u 14.02, 14.08, 14.15 sa 14.17; Raynard, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 21, op. cit., p. 591 sa 600, 635, 637, 644; ir-Rapport Giuliano-Lagarde, p. 29; Plender, R., u Wilderspin, M., nota ta’ qiegħ il-paġna 14, op. cit., punt 14–071; Drexl, J., nota ta’ qiegħ il-paġna 40, op. cit., punt 3: 301.C07; u Heinze, C., nota ta’ qiegħ il-paġna 41, op. cit., punt 3: 504.C02.
53 Konsegwentement, sabiex tiġi evitata kull konfużjoni f’dan il-qasam, l-iSpaltungstheorie Ġermaniża (teorija tal-qsim) għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi abbandunata fir-rigward tal-kuntratti relatati mad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Ruma I. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għat-trasferiment ta’ dritt ta’ proprjetà (in rem), iżda għat-trasferiment volontarju ta’ krediti. Madankollu, b’analoġija, dan jipprevedi li r-“relazzjoni” bejn min jittrasferixxi u lil min jiġi ttrasferit hija rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt bejn min jittrasferixxi u lil min jiġi ttrasferit skont dan ir-regolament. Mill-premessa 38 tiegħu jirriżulta li t-terminu “relazzjoni” intuża mil-leġiżlatur sabiex ikopri, fil-ftit Stati Membri li jagħmlu din id-distinzjoni, kemm “il-kuntratt” kif ukoll “l-att ta’ ċessjoni”. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ċaħad, għall-finijiet tar-Regolament Ruma I, l-idea li tranżazzjoni waħda għandha tiġi analizzata bħala żewġ “atti” legali distinti, li l-“validità formali” tagħhom tista’ tiġi rregolata minn żewġ liġijiet differenti. B’kuntrast, il-leġiżlatura għamlet distinzjoni bejn il-validità tat-trasferiment u l-opponibbiltà ta’ dak it-trasferiment fil-konfront tat-terzi (kwistjoni li taqa’ taħt ir-regoli nazzjonali dwar kunflitt ta’ liġi).
54 Naturalment, dan iqajjem il-kwistjoni separata dwar jekk terz bħal IU għandux id-dritt li jinvoka l-invalidità ta’ kuntratt ta’ liċenzja jew ta’ trasferiment (jew klawżola) minħabba li dawn ir-rekwiżiti ma jkunux ġew issodisfatti. Ħafna drabi, in-nullità (jew l-ineżistenza) li tirriżulta minn tali nuqqas tkun relattiva, jiġifieri tista’ tiġi invokata biss mill-parti li tibbenefika mill-protezzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri l-awtur. Din il-kwistjoni distinta hija ovvjament ukoll kwistjoni ta’ natura “kuntrattwali”, irregolata mil-lex contractus rilevanti.
55 Ara Fawcett, J.J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punt 14.183. Ara, madankollu, il-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
56 Tali riżultat sfortunat ma jkunx impost mill-Konvenzjoni ta’ Berna. Fil-fatt, il-kwistjoni eżaminata assolutament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni. Hija ma għandha x’taqsam xejn mal-“protezzjoni” li jgawdi minnha l-awtur taħt id-drittijiet tal-awtur, kif previst fl-Artikolu 5(2) ta’ din il-konvenzjoni, iżda mal-informazzjoni u l-kunsens tal-awtur fir-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħu jew tagħha ma’ persuni oħra.
57 Ara r-Rapport Guiliano-Lagarde, p. 29 u 30.
58 Tali regoli speċjali diġà jeżistu, fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament Ruma I, fir-rigward tal- “kuntratt[i] li l-oġġett tiegħu ikun dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew kiri ta’ proprjetà immobbli”. Ara, għal proposti f’dan is-sens, van Eechoud, M.M.M., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 42, p. 196 u 205.
59 L-Artikolu9(1) tar-Regolament Ruma I jiddefinixxi l-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” bħala “dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom”. Il-fatt li r-rekwiżiti inkwistjoni jipproteġu qabel kollox lill-individwi (b’mod speċifiku lill-awturi) ma jeskludix neċessarjament il-konstatazzjoni li huma jsegwu “interess pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, HUK‑COBURG‑Allgemeine Versicherung II, C‑86/23, EU:C:2024:689, punti 46 u 47)).
60 Ħafna drabi, il-kuntratt ikollu jiġi eżegwit fil-pajjiż ta’ protezzjoni, u tal-inqas huwa possibbli li jiġi sostnut li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali previsti fil-liġi ta’ dak il-pajjiż jagħmel it-twettiq tal-kuntratt illegali (b’mod partikolari l-obbligu li tingħata liċenzja jew jiġu ttrasferiti d-drittijiet tal-awtur).
61 Ara Fawcett, J J., u Torremans, P., nota ta’ qiegħ il-paġna 11, op. cit., punti 14.164 sa 14.174; punt 14.156 u r-Rapport Giuliano-Lagarde, p. 31. Ċertament, peress li dan ma huwiex obbligu, iżda sempliċi marġni ta’ diskrezzjoni, l-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I joħloq ċerta inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti formali previsti mil-lex protectionis jistgħux japplikaw bħala “loi de police”. Madankollu, dan il-livell ta’ inċertezza huwa inerenti għar-Regolament fl-istat attwali tiegħu. Sabiex ineħħiha, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jew (i) jeskludi kompletament il-possibbiltà li tiġi applikata l-“loi de police” dwar il-forma, jew (ii) jagħmel l-applikazzjoni tar-rekwiżiti formali previsti mil-lex protectionis obbligatorja skont l-Artikolu 11.
62 Ara, barra minn hekk, għall-metodu ta’ identifikazzjoni ta’ “lois de police” u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, HUK‑COBURG-Allgemeine Versicherung II, C‑86/23, EU:C:2024:689, punti 39 sa 46. Barra minn hekk, meta jirriżulta li l-awtur huwa impjegat jew konsumatur, japplikaw regoli speċjali ta’ protezzjoni, li jillimitaw il-possibbiltà għall-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli u jistgħu jippermettu lill-awtur jinvoka l-protezzjoni tal-liġi tar-residenza abitwali tiegħu (li, ta’ spiss, tikkorrispondi għal-lex loci protectionis) (ara, għal iktar dettalji, l-Artikoli 6, 8 u 11(5) tar-Regolament Ruma I). Fl-aħħar nett, dan ir-regolament jipprevedi wkoll garanziji għal sitwazzjonijiet internazzjonali “foloz”, jiġifieri meta l-partijiet li jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-awtur mogħtija f’dan l-Istat, f’kuntest li barra minn hekk huwa purament “intern”, jagħżlu liġi barranija bl-uniku għan li jevitaw id-dispożizzjonijiet obbligatorji, inklużi dawk formali, previsti mid-dritt ordinarju tagħhom. Filwaqt li tali għażla ta’ liġi barranija hija, bħala prinċipju, valida skont l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(3) jipprevedi li din l-għażla ma tippreġudikax l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet obbligatorji.
63 Fil-fatt, diversi elementi għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward. L-ewwel, din il-qorti għandha tivverifika jekk il-kuntratti rilevanti kinux effettivament ġew konklużi fil-Polonja fil-preżenza tal-partijiet (jew tar-rappreżentant tagħhom), kif jidher li hija tassumi (ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fatt, jidher li mill-ispjegazzjoni tal-fatti jirriżulta li BT ikkummissjonat lill-fotografu, minn qabel, u forsi mill-Ġermanja, sabiex jieħu r-ritratti. Jista’ jkun li l-kuntratti ġew konklużi f’dak il-mument. Madankollu, meta l-partijiet ikunu jinsabu f’pajjiżi differenti fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt, l-Artikolu 11(2) jipprevedi li l-kuntratt ikun validu fir-rigward tal-forma jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet formali (i) tal-lex contractus jew (ii) tal-“liġi tal-pajjiżi fejn kwalunkwe wieħed mill-partijiet jew l-aġenti tagħhom ikunu preżenti fil-mument tal-konklużjoni” jew (iii) tal-“liġi tal-pajjiżi fejn kwalunkwe wieħed mill-partijiet jew l-aġenti tagħhom ikunu preżenti fil-mument tal-konklużjoni”. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li d-dritt Ġermaniż japplika minħabba l-punti (ii) jew (iii). Jekk dan huwa l-każ, allura l-kuntratti inkwistjoni jkunu formalment validi fid-dawl tal-Artikolu 11(2), peress li jidher li d-dritt Ġermaniż ma jipprevedix ir-rekwiżit ta’ tali kuntratt bil-miktub. It-tieni, anki jekk wieħed jassumi li l-validità tal-kuntratti hija rregolata biss mid-dritt Pollakk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkjarifika jekk il-kuntratti ta’ liċenzja esklużiva jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur Pollakka u jekk terz bħal IU għandux dritt jinvoka, taħt id-dritt Pollakk, in-nullità ta’ dawn il-kuntratti minħabba ksur tar-rekwiżit previst f’din id-dispożizzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, BT sostniet, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fotografu sussegwentement ikkonferma t-trasferiment bil-miktub. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-effett, fid-dritt Pollakk, ta’ din il-konferma fuq il-validità tal-kuntratti.