KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fit‑30 ta’ April 2025 ( 1 )
Kawża C‑135/25 PPU (Kachev) ( i )
S. T.
fil-preżenza ta’:
Varhovna kasatsionna prokuratura na Republika Bulgaria
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra – Impossibbiltà li tinsab l-persuna akkużata – Sforzi raġonevoli mill-awtoritajiet kompetenti – Proporzjonalità – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid – Assenza ta’ dan id-dritt meta l-persuna kkonċernata tevita l-azzjoni ġudizzjarja – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
|
1. |
Ladarba jiġi stabbilit fil-liġi l-prinċipju fundamentali li skontu ħadd ma jista’ jiġi kkundannat mingħajr ma jkun jista’ jiddefendi ruħu, ir-responsabbiltà tal-qorti, li għandha tiżgura l-garanziji neċessarji għall-applikazzjoni tiegħu, sabiex tiżgura bilanċ bejn ir-rekwiżiti imperattivi tal-ġustizzja u r-rekwiżiti prattiċi tal-proċess, tidher fil-portata u l-kumplessità kollha tagħha. |
|
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ( 2 ), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura kriminali, imressqa minn S. T. wara li ġie kkundannat fil-kontumaċja għal piena ta’ priġunerija ta’ sena minħabba serq aggravat li huwa attwalment qiegħed jiskonta fil-ħabs fil-Bulgarija. |
|
3. |
Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-istess kwistjoni relatata mal-proċeduri kriminali fil-kontumaċja bħal dik indirizzata fil-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 3 ). Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li qed tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-diffikultajiet jinqalgħu b’mod partikolari fil-każijiet fejn l-imputat deliberatament ħarab minkejja li kien diġà ġie informat bl-akkuża miġjuba kontrih fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari tal-proċedura kriminali, li rrenda impossibbli d-dehra tiegħu. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2016/343
|
4. |
Il-premessa 35 tad-Direttiva 2016/343 tipprovdi: “Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt”. |
|
5. |
Il-premessa 37 ta’ din id-direttiva tipprovdi: “Għandu jkun ukoll possibbli li jsir proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar ħtija jew innoċenza ukoll fl-assenza ta’ persuna suspettata jew akkużata fejn dik il-persuna tkun ġiet infurmata bil-proċess u tkun tat mandat lil avukat li jkun inħatar minn dik il-persuna jew mill-Istat biex jirrappreżentaha waqt il-proċess u li rrappreżenta l-persuna suspettata jew akkużata”. |
|
6. |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom. 2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
3. Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata. 4. Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9”. |
|
7. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid” huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża”. |
2. Ir-Regolament (UE) 2018/1862
|
8. |
L-Artikolu 34(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE ( 4 ) jipprevedi: “1. Għall-finijiet li jikkomunikaw il-post ta' residenza jew ta' domiċilju ta’ persuna, l-Istati Membri għandhom, fuq it-talba ta' awtorità kompetenti, idaħħlu allerti fis-SIS dwar: [...]
|
B. Id-dritt Bulgaru
|
9. |
Il-punt 3 tal-Artikolu 219 (3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) ( 5 ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprevedi: “Id-digriet ta’ akkuża [...] għandu jispeċifika [...] il-fatti li bihom (il-persuna kkonċernata) tkun akkużata u l-kwalifika legali ta’ dawn il-fatti”. |
|
10. |
L-Artikolu 247c (1) tan-NPK jipprovdi: “Kopja tal-att tal-akkuża għandha tingħata lill-persuna akkużata fuq ordni tal-Imħallef Relatur. In-notifika tal-att tal-akkuża għandha tinforma lill-persuna akkużata bid-data ffissata għas-seduta preliminari [...] u li l-kawża tista’ tiġi eżaminata u deċiża fl-assenza tagħha, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 269”. |
|
11. |
Skont l-Artikolu 269 tan-NPK: “1. Il-preżenza tal-persuna akkużata waqt il-proċess hija obbligatorja meta din tiġi akkużata b’reat kriminali gravi. [...] 3. Meta dan ma jipprekludix li tiġi skoperta l-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata jekk:
[...]
|
|
12. |
L-Artikolu 423(1) tan-NPK jipprevedi: “F’terminu ta’ sitt xhur minn meta ssir taf bil-kundanna kriminali definittiva [...], il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-[proċeduri] kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul [din il-proċedura]. Din it-talba għandha tintlaqa’, sakemm il-persuna kkundannata, wara li jkunu ġew ikkomunikati lilha l-kapi tal-akkuża matul l-investigazzjoni [kumpilazzjoni], ma tkunx ħarbet, b’mod li l-proċedura prevista fl-Artikolu 247c(1) ma setgħetx tiġi eżegwita, jew saħansitra, wara li din il-proċedura tal-aħħar tkun ġiet eżegwita, hija ma tkunx dehret fis-seduta mingħajr raġuni valida.” |
II. Il-fatti li taw lok għat-tilwima, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13. |
Permezz ta’ digriet tal-prosekutur pubbliku tal‑5 ta’ Frar 2024, S. T. u l-avukat tiegħu maħtura ex officio ġew innotifikati bl-att tal-akkuża preliminari, stabbilit konformement mal-Artikolu 219 tan-NPK (iktar ’il quddiem l-“att tal-akkuża preliminari”), dwar serq aggravat imwettaq fix-xahar ta’ Ottubru 2023. Dan l-att kien jimponi b’mod partikolari fuq S. T. li jiffirma perjodikament reġistru miżmum mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-post ta’ residenza tiegħu. L-att tal-akkuża preliminari informa lil S. T., barra minn hekk, li huwa ma kellux jitlaq minn dan il-post u li huwa kellu jidher quddiem l-awtoritajiet kompetenti fil-każ li jissejjaħ. |
|
14. |
Wara li ġie akkużat, S. T. ġie interrogat u pprovda indirizz fejn seta’ jiġi milħuq mill-awtoritajiet kompetenti. Huwa ddikjara wkoll li kien ġie informat bl-obbligu li jħallas, fil-każ ta’ kundanna, l-ispejjeż tal-avukat maħtur ex officio. |
|
15. |
Fit‑28 ta’ Frar 2024, il-prosekutur pubbliku ħareġ att tal-akkuża, b’applikazzjoni tal-Artikolu 246 tan-NPK, u ressaq il-kawża quddiem ir-Rayonen sad Montana (il-Qorti Distrettwali ta’ Montana, il-Bulgarija). L-akkuża mressqa f’dan l-att kienet tikkorrispondi, fil-fatt u fid-dritt, għal dik li kienet tinsab fl-att tal-akkuża preliminari li kien ingħata lil S. T. matul il-fażi tal-kumpilazzjoni. |
|
16. |
Wara li naqset milli tinnotifika dan l-att tal-akkuża lil S. T. fl-indirizz li huwa kien ipprovda, ir-Rayonen sad Montana (il-Qorti Distrettwali ta’ Montana) fittxet li tħarrek lil S. T. personalment, b’mod partikolari billi ordnat li huwa jiġi kkonvokat bit-telefon, billi wettqet verifika tal-vjaġġi tiegħu barra mill-pajjiż u billi ordnat lil aġent tad-dipartiment dwar is-sigurtà fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex ifittxu. Madankollu, dawn l-atti ma pproduċewx ir-riżultat mixtieq. |
|
17. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad Montana (il-Qorti Distrettwali ta’ Montana) eżaminat l-akkuża kontra S. T. fl-assenza tiegħu. L-avukat maħtur ex officio li kien assista lil S. T. matul il-fażi tal-kumpilazzjoni pparteċipa fil-proċedura quddiem din il-qorti. |
|
18. |
Fit‑8 ta’ Mejju 2024, l-imsemmija qorti kkundannat lil S. T. għal piena ta’ sena priġunerija. Din is-sentenza saret definittiva fl‑24 ta’ Mejju 2024 u S. T. beda jiskonta l-piena tiegħu fis‑16 ta’ Ġunju 2024. |
|
19. |
S. T. ressaq, quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li wasslu għall-kundanna tiegħu fil-kontumaċja. |
|
20. |
Dik il-qorti tindika li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tistax titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess tagħha jekk l-assenza tagħha tirriżulta mill-ħarba tagħha, li tkun għamlet impossibbli n-notifika tal-att tal-akkuża u li din il-persuna tiġi informata bid-data u bil-post taż-żamma tal-proċess tagħha u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra. F’dan il-każ, it-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tiġi miċħuda minħabba mala fide, għar-raġuni li hija ma tistax tieħu vantaġġ mill-imġiba illegali tagħha. Fuq din il-bażi, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 423(1) tan-NPK huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343. |
|
21. |
Madankollu, hija għandha dubji dwar jekk din is-soluzzjoni hijiex kompatibbli mal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), u fis-sentenza Stangalov. Hija għandha, b’mod partikolari, dubji dwar jekk ir-riċezzjoni tal-att tal-akkuża preliminari tistax titqies li hija ekwivalenti għall-għarfien, mill-persuna kkonċernata minn dan l-att, tal-fatt li ser jiġi organizzat proċess kontriha u tal-konsegwenzi legali tal-ħarba tagħha qabel ma titressaq quddiem qorti għall-ġudizzju. |
|
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il-proċedura b’urġenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
23. |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, hija targumenta li l-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jaqgħu taħt it-Titolu V, tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. |
|
24. |
Fir-rigward tal-kriterju dwar l-urġenza, il-qorti tar-rinviju indikat li S. T. huwa attwalment taħt detenzjoni, li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali jista’ jwassal għall-ħelsien tiegħu sakemm isir proċess ġdid u li d-domandi magħmula huma intiżi preċiżament sabiex jiġi ddeterminat jekk tali ftuħ mill-ġdid għandux jiġi ordnat. |
|
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis‑26 ta’ Frar 2025, li tilqa’ t-talba ta’ dik il-qorti intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
|
26. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Varhovna kasatsionna prokuratura na Republika Bulgaria (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija) u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑3 ta’ April 2025. |
IV. Analiżi
A. Fuq ir-riformulazzjoni tad-domandi preliminari
|
27. |
L-ewwel nett, peress li ż-żewġ domandi preliminari huma intrinsikament marbuta, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformulahom mill-ġdid u teżaminahom flimkien, anki jekk it-tieni waħda ssir biss jekk l-ewwel waħda teħtieġ risposta pożittiva. |
|
28. |
Sussegwentement, għandi nfakkar li d-drittijiet għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2016/343 tikkonkretizza d-dritt għal smigħ xieraq, billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Din id-direttiva għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 6 ). |
|
29. |
Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, id-dritt għal smigħ xieraq jinkludi d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu u, fil-każ ta’ ksur ta’ dan id-dritt, id-dritt għal proċess ġdid. Dawn iż-żewġ drittijiet huma kkonkretizzati rispettivament mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 9 jipprovdi, essenzjalment, li, meta l-persuni ssuspettati jew akkużati ma jkunux irrinunzjaw id-dritt tagħhom li jkunu preżenti waqt il-proċess tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma “jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali”. Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 jikkonkretizza, minbarra d-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt għal rimedju effettiv li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedji li jippermettu li d-dritt għal proċess ġdid isir effettiv. |
|
30. |
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi r-regoli minimi komuni previsti mid-Direttiva 2016/343 tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 7 ). Peress li d-Direttiva 2016/343 ma tipprevedix livell uniformi ta’ protezzjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw standards ta’ protezzjoni nazzjonali, “ġaladarba din l-applikazzjoni ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” ( 8 ). |
|
31. |
Minn dan isegwi li standards nazzjonali li ma josservawx ir-rekwiżiti imposti mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 jikkostitwixxu implimentazzjoni inadegwata jew mhux konformi tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
32. |
Fir-rigward tar-riferiment għall-awtonomija proċedurali sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari, li kienet ukoll is-suġġett ta’ tweġiba tal-Kummissjoni waqt is-seduta, inqis li, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplimenta l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li jipprevedi d-dritt għal proċess ġdid meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti, huwa diffiċli li jiġi affermat li ninsabu f’każ ta’ “assenza ta’ regolamentazzjoni mid-dritt tal-Unjoni”, li tiskatta l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-awtonomija ( 9 ). Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 47 tal-Karta japplika f’din il-kawża, jidhirli li eżami tad-domandi preliminari abbażi tal-prinċipju ta’ effettività jkun superfluwu. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, inqis li dan ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li jkun hemm differenza fit-trattament bejn ir-rikorsi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u dawk ibbażati fuq id-dritt intern li s-suġġett u l-kawża tagħhom ikunu simili. |
|
33. |
Għalhekk inqis li d-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, kif moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
34. |
Fl-aħħar, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tiġi adottata minħabba l-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 37 sa 43 tas-sentenza Stangalov, li jinkludu kontradizzjoni inerenti. B’mod iktar partikolari, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, minn naħa, ir-riċezzjoni tal-akkuża, personalment, mill-persuna akkużata, fil-kuntest tal-fażi tal-kumpilazzjoni, għandhiex tiġi assimilata mal-għarfien minn din il-persuna li proċess ser jiġi organizzat kontriha, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar il-konsegwenzi legali tal-ħarba tal-persuna qabel ma titressaq quddiem il-qorti. |
|
35. |
Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludux leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jċaħħdu persuna kkundannata fil-kontumaċja mid-dritt tagħha għal proċess ġdid, minħabba li din il-persuna tkun ħarbet wara li tkun irċeviet att tal-akkuża preliminari stabbilit kontriha u matul il-fażi tal-kumpilazzjoni tal-proċedura kriminali li wasslet għal din il-kundanna, u b’dan il-mod ipprekludiet lill-awtoritajiet kompetenti milli jinformawha personalment bl-att tal-akkuża definittiv kif ukoll bid-data u bil-post fejn kellu jinżamm il-proċess tagħha u bil-konsegwenzi tan-nuqqas li tidher. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kemm dwar il-kunċett ta’ “sforzi raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, sabiex jitqies li l-persuna kkonċernata hija suffiċjentement informata bid-data u bil-post tal-proċess, kif ukoll dwar dak ta’ “avukat li ngħata mandat”, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rappreżentanza minn avukat maħtur ex officio mill-kamra tal-avukati matul il-proċedura ġudizzjarja kollha hijiex biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ rappreżentanza tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja. |
B. Fuq il-prinċipji ġenerali dwar id-dritt tal-persuni akkużati li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom
|
36. |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2016/343 għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti elementi tal-proċeduri kriminali, fosthom id-“dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”. Kif tikkonferma espressament il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jifforma parti integrali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq ( 10 ), li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi, kif speċifikat fl-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta ( 11 ), kemm mat-tieni u mat-tielet paragrafi tal-Artikolu 47, kif ukoll mal-Artikolu 48 tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jinjorax dak iggarantit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 12 ). |
|
37. |
Huwa bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta li, fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm id-dritt tal-akkużat li jidher personalment waqt il-kawża jikkostitwixxi element essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, dan id-dritt ma huwiex assolut. L-akkużat jista’ jirrinunzja għalih volontarjament, b’mod espress jew taċitu, bil-kundizzjoni li r-rinunzja tiġi stabbilita b’mod inekwivoku, li tkun suġġetta għal minimu ta’ garanziji li jikkorrispondu għall-gravità tagħha u li ma tmur kontra ebda interess pubbliku importanti. B’mod partikolari, il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ma jkunx stabbilit, anki jekk l-akkużat ma jkunx deher personalment, meta jkun ġie informat bid-data u bil-post tal-kawża jew ikun ġie difiż minn konsulent legali, li lilu huwa jkun ta mandat għal dan il-għan. |
|
38. |
Filwaqt li jikkodifika l-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza u japplikaha fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw l-osservanza tad-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu. Madankollu, skont l-Artikolu 8(2) sa (4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprevedu ż-żamma tal-proċess fil-kontumaċja ( 14 ). |
|
39. |
Meta l-kundizzjonijiet l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti, l-Artikolu 8(3) tal-istess direttiva jipprevedi li deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata tista’ tiġi eżegwita kontriha. |
|
40. |
Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja u eżekuttiva, iżda għandhom, meta jiġu informati b’din id-deċiżjoni, “b’mod partikolari meta dawn jinqabdu”, jiġu informati wkoll bir-rimedji legali kollha li huma għandhom fir-rigward tal-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li għandhom effett dirett, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt “għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, [...] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali” (iktar ’il quddiem id-“dritt għal proċess ġdid”) ( 15 ). |
|
41. |
Minn dan jirriżulta li persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ tiċċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ssodisfatti ( 16 ). Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi Melloni ( 17 ) u Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) ( 18 ), din il-frażi għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi wkoll ir-rekwiżit ta’ rinunzja volontarja u inekwivoka, anki jekk din tal-aħħar ma tirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Fil-fatt, anki jekk din id-dispożizzjoni ma ssemmix b’mod espliċitu r-rinunzja, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretatha bħala rekwiżit li fuqu huma bbażati l-kriterji li hija tistabbilixxi. Fil-fehma tiegħi, tali rekwiżit jista’ jkun ibbażat fuq id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, li ma huwiex ta’ natura assoluta ( 19 ). |
C. Fuq it-tliet rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza
|
42. |
L-eżami tal-punti 37 sa 43 tas-sentenza Stangalov, li min-naħa tagħha tagħmel riferiment għas-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), jiżvela li, sabiex jiġi deċiż jekk persuna ġġudikata fl-assenza tagħha għandhiex dritt għal proċess ġdid, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk il-garanziji ta’ smigħ xieraq ġewx osservati matul il-proċedura li wasslet għall-kundanna tagħha fil-kontumaċja. |
|
43. |
Għalhekk, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-possibbiltà offruta lill-Istati Membri li jmexxu proċess fil-kontumaċja u li jeżegwixxu d-deċiżjoni mingħajr ma jipprevedu d-dritt għal proċess ġdid hija bbażata fuq tliet rekwiżiti kumulattivi. Fl-ewwel lok, il-persuna kkonċernata għandha tkun informata kif xieraq (rekwiżit ta’ informazzjoni). Fit-tieni lok, hija għandha tkun irrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli teżerċita d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess (rekwiżit ta’ rinunzja). Fit-tielet u l-aħħar lok, iż-żamma ta’ proċess fil-kontumaċja għandha tosserva r-rekwiżit li jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li jimponi żewġ kundizzjonijiet alternattivi, jiġifieri, li jew il-persuna kkonċernata tkun ġiet debitament informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra (l-Artikolu 8(2)(a) ta’ din id-direttiva) jew tkun ġiet irrappreżentata minn avukat li ngħata mandat (l-Artikolu 8(2)(b) tal-imsemmija direttiva). |
|
44. |
Fil-punti li ġejjin, ser inwettaq eżami iktar fil-fond ta’ dawn it-tliet rekwiżiti kumulattivi. |
1. Fuq ir-rekwiżit ta’ informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess
|
45. |
Qabelxejn, ir-rekwiżit ta’ informazzjoni jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343. |
|
46. |
Barra minn hekk, mill-premessa 36 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li l-persuna kkonċernata tkun debitament informata jekk hija tkun, fi żmien xieraq, “tħarrket personalment” jew “b’mezzi oħrajn, li dik il-persuna ngħatat informazzjoni uffiċjali dwar id-data u l-post tal-proċess b’mod li jippermetti lilu jew lilha li jsiru konxji [minn dan]”. Skont il-leġiżlatur, il-fatt li l-persuna kkonċernata tiġi informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra jfisser, b’mod partikolari, li din il-persuna tiġi informata, fi żmien xieraq, “li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx fil-proċess” ( 21 ). |
|
47. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod partikolari, li meta persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata, fi żmien xieraq, dwar iż-żamma tal-proċess tagħha, din il-persuna għandha, bħala prinċipju, id-dritt għal proċess ġdid ( 22 ). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tintroduċi kundizzjoni doppja sabiex tiddetermina jekk persuna ġietx infurmata dwar il-proċess tagħha, jiġifieri d-diliġenza tal-awtoritajiet kompetenti u d-diliġenza tal-akkużat ( 23 ). Fil-fatt, huwa xieraq li wieħed jistaqsi jekk, minn naħa, dawn l-awtoritajiet ħadux passi raġonevoli sabiex jinnotifikaw lill-akkużat u jekk, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ipprovax jirċievi jew jevita din l-informazzjoni. |
|
48. |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, fis-sentenza Stangalov, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, minkejja l-ħarba tal-persuna kkonċernata wara li tkun irċeviet att tal-akkuża preliminari, din il-persuna hija meqjusa informata b’mod validu jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu bagħtu d-dokument uffiċjali li jindika d-data u l-post tal-proċess fl-indirizz li din il-persuna stess kienet ikkomunikat matul l-investigazzjoni, u jekk ġiet prodotta l-prova li dan id-dokument effettivament inħareġ f’dan l-indirizz. Madankollu, din il-persuna titqies li tkun ġiet informata biż-żamma ta’ dan il-proċess biss jekk dawn l-awtoritajiet ikunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu l-imsemmija persuna u jħarrkuha personalment jew sabiex jinformawha, b’mezzi oħra, bid-data u bil-post tal-imsemmi proċess ( 24 ). |
|
49. |
F’dan ir-rigward, inqis li l-kunċett ta’ “sforzi raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, għandu jiġi interpretat, minn naħa, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 25 ), b’tali mod li l-intensità u l-portata tal-isforzi ta’ riċerka għandhom ikunu fformulati skont il-gravità tal-konsegwenzi għall-persuna kkonċernata, b’mod partikolari l-piena mġarrba. Fi kliem ieħor, iktar ma l-piena imposta tkun ħarxa (b’mod partikolari iktar ma jkun twil iż-żmien taċ-ċaħda tal-libertà), iktar jiżdiedu l-isforzi ta’ riċerka imposti fuq l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li l-persuna kkonċernata tkun ġiet imfittxija b’diliġenza qabel ma tiġi awtorizzata sentenza fil-kontumaċja. Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett ta’ “sforzi raġonevoli” għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, inkluż il-livell ta’ għarfien li l-awtoritajiet kompetenti għandhom dwar il-lokalizzazzjoni tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-informazzjoni konkreta u aġġornata għad-dispożizzjoni tagħhom. Għalhekk, il-mezzi użati għandhom ikunu adattati għall-informazzjoni effettivament disponibbli u għas-sitwazzjoni fattwali tal-fajl. Għalhekk, huwa biss billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kombinazzjoni tal-gravità tal-konsegwenzi u taċ-ċirkustanzi tal-każ li jista’ jiġi ddeterminat jekk l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet kompetenti jistgħux jiġu kklassifikati bħala “raġonevoli”. |
|
50. |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, din tfittex li tiddetermina jekk il-persuna kkonċernata tkunx evitat deliberatament li tiġi informata. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li indizji preċiżi u oġġettivi jistgħu juru r-rieda li tiġi evitata l-informazzjoni, b’mod partikolari jekk il-persuna tkun tat indirizz żbaljat lill-awtoritajiet kompetenti jew jekk hija tkun telqet mill-indirizz li hija kienet ikkomunikat. Fil-fatt, jekk persuna intenzjonalment evitat li tiġi informata (pereżempju billi kkomunikat deliberatament indirizz żbaljat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew billi ma għadhiex tinsab fl-indirizz li hija kkomunikat), hija ma tistax tinvoka d-dritt għal proċess ġdid ( 26 ). |
|
51. |
Barra minn hekk, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza Stangalov, il-Qorti tal-Ġustizzja fittxet li twarrab argument li jista’ jikkontesta r-rekwiżit ta’ informazzjoni. Dan l-argument huwa li, peress li l-att tal-akkuża definittiv u ż-żamma tal-proċess ma humiex ċerti fl-istadju tal-kumpilazzjoni, wieħed ma jistax jikkunsidra li l-persuna akkużata kienet informata b’mod sħiħ. Tali argument jippermetti, fir-realtà, li l-akkużati jaħarbu mill-ġustizzja billi jargumentaw sempliċement li huma ma kinux jafu jekk kienx ser jiġi effettivament organizzat proċess. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li l-akkużat kien jaf bl-att tal-akkuża preliminari diġà huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa kien jaf li proċedura kienet pendenti kontrih, bil-possibbiltà ta’ proċess. Fi kliem ieħor, anki jekk it-tkomplija tal-proċedura kienet għadha ma ġietx stabbilita kompletament fil-mument li huwa rċieva dan l-att, dan ma kienx jipprekludih milli jifhem li kienu nbdew proċeduri kontrih u li seta’ eventwalment ikun hemm stadju ġdid tal-proċess. |
|
52. |
Konsegwentement, meta l-persuna kkonċernata tkun ħarbet wara li tkun irċeviet b’mod uffiċjali l-att tal-akkuża preliminari, iżda qabel in-notifika tal-att tal-akkuża definittiv, l-Istati Membri jistgħu jqisu li hija tkun informata b’mod validu bil-proċess. Għalhekk, l-ewwel, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: l-akkużat ipprovda indirizz lill-awtoritajiet, l-att tal-akkuża definittiv u ċ-ċitazzjoni għall-proċess intbagħtu fi żmien xieraq, u jkun hemm prova li dawn id-dokumenti twasslu fl-indirizz inkwistjoni ( 27 ). It-tieni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu l-imsemmija persuna u jħarrku lil din tal-aħħar personalment jew sabiex jinformawha uffiċjalment, b’mezzi oħra, dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess. |
|
53. |
Madankollu, fis-sentenza HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jużaw kundanna fil-kontumaċja biss fis-sitwazzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata setgħet effettivament tkun preżenti fil-proċess tagħha u tirrinunzja għal din il-preżenza volontarjament u mingħajr ekwivoku. Minn dan isegwi li għandha ssir distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi preżunt li l-persuna kkonċernata ġiet informata biż-żamma tal-proċess u dawk li jippermettu li jitqies li hija rrinunzjat volontarjament u mingħajr ekwivoku għad-dritt tagħha li tkun preżenti ( 29 ). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid rekwiżit ieħor, li jissovrapponi ruħu fuq ir-rekwiżit ta’ informazzjoni, jiġifieri dak tar-rinunzja. |
2. Fuq ir-rekwiżit ta’ rinunzja milli jidher
|
54. |
Għalkemm l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma jsemmix b’mod espliċitu l-kunċett ta’ “rinunzja”, il-Qorti tal-Ġustizzja ispirat ruħha mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar id-dritt għal smigħ xieraq sabiex tiddeċiedi li dan il-kunċett huwa kundizzjoni essenzjali għall=ġustifikazzjoni tal-assenza ta’ proċess ġdid. Ir-rekwiżit ta’ rinunzja huwa għalhekk intiż sabiex jipproteġi d-dritt għal smigħ xieraq, billi jiżgura li l-akkużat ma jkunx ġie ġġudikat fil-kontumaċja mingħajr ma kellu opportunità ġenwina li jiddefendi ruħu. |
|
55. |
F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, la l-kliem u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jipprekludu lil persuna milli tirrinunzja volontarjament għall-garanziji ta’ smigħ xieraq b’mod espress jew taċitu. Madankollu, ir-rinunzja għad-dritt li tieħu parti fis-seduta għandha tiġi stabbilita b’mod inekwivoku u tinkludi minimu ta’ garanziji li jikkorrispondu mal-gravità tagħha ( 30 ). Fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs l-Italja ( 31 ), il-KEDB stabbilixxiet tliet prinċipji importanti. Fl-ewwel lok, akkużat jista’ jitqies li rrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher biss jekk ir-rinunzja tiegħu tkun ċara, inekwivoka u akkumpanjata b’garanziji. Fit-tieni lok, l-Istat ma jistax jippreżumi din ir-rinunzja għas-sempliċi raġuni li l-akkużat ma ppreżentax ruħu għall-proċess, mingħajr ma jkun ipprova b’mod attiv li jsibu u jinformah bil-proċeduri mibdija kontrih. Fit-tielet lok, jekk l-akkużat qatt ma ġie informat bil-proċeduri kriminali u jekk ma sar l-ebda sforz sabiex jiġi ggarantit id-dritt tad-difiża tiegħu, huwa għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb proċess ġdid. |
|
56. |
Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ informazzjoni u r-rekwiżit ta’ rinunzja huma marbuta mill-qrib u jikkoinċidu. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imneħħi mit-territorju) ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod ċar li proċess fil-kontumaċja jista’ jiġi organizzat biss jekk il-persuna kkonċernata kellha possibbiltà reali li tkun preżenti u rrinunzjat volontarjament għal dan id-dritt. Issa, sabiex jiġi kkunsidrat li persuna rrinunzjat għad-dritt tagħha li tiġi ġġudikata fil-preżenza tagħha, l-awtoritajiet għandhom ikunu għamlu dak kollu possibbli sabiex jinformawha bil-proċess. Dan ifisser li huma għandhom jużaw mezzi adegwati sabiex jinformawha dwar il-proċess. Huwa biss wara li jkunu ssodisfaw dan l-obbligu ta’ informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu li l-persuna akkużata rrinunzjat għad-dritt tagħha. |
|
57. |
Għalhekk, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat, fis-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) ( 33 ), li r-rinunzja tista’ tiġi kkonstatata meta jiġi stabbilit li l-persuna akkużata hija informata li tressqu proċeduri kriminali kontriha, li hija taf in-natura kif ukoll il-kawża tal-akkuża u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu sehem fil-proċess jew li għandha l-intenzjoni li tevadi l-proċeduri ( 34 ). |
|
58. |
Fl-aħħar, nosserva li, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ akkużat imneħħi mit-territorju), (C‑420/20, EU:C:2022:157), l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour indirizza, għal finijiet ta’ kompletezza, il-kwistjoni dwar jekk rinunzja, li sseħħ fi stadju bikri tal-proċedura kriminali fejn l-awtorità kompetenti tinvestiga l-kawża, tikkostitwixxix kunsens li persuna tiġi ġġudikata fl-assenza tagħha. Fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali rinunzja ( 35 ), peress li din tmur b’mod partikolari kontra l-linja ġurisprudenzjali stabbilita mill-Qorti EDB ( 36 ), li minnha tirriżulta n-neċessità li r-rinunzja għal dehra tintwera permezz ta’ elementi konkreti, oġġettivi u rilevanti ( 37 ). |
3. Fuq ir-rekwiżit ta’ informazzjoni tal-konsegwenzi tal-assenza fil-proċess u tar-rappreżentanza minn avukat li ngħata mandat
|
59. |
Anki jekk l-akkużat huwa preżunt li huwa informat fi żmien xieraq biż-żamma tal-proċess u rrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher, jeħtieġ ukoll, skont l-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343, li huwa jkun ġie informat bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra (l-ewwel kundizzjoni) jew li jkun ġie rrappreżentat minn avukat li ngħata mandat (it-tieni kundizzjoni). Kif issemma fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tielet rekwiżit huwa maqsum f’żewġ kundizzjonijiet alternattivi. |
|
60. |
L-ewwel kundizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343, tirrigwarda l-kontenut tal-informazzjoni pprovduta lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata. Fi kliem ieħor, din il-persuna għandu jkollha għarfien tal-fatt li deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tagħha tista’ tingħata u tiġi eżegwita kontriha, jekk hija ma tidhirx fil-proċess. F’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, peress li S. T. ma ġiex informat bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, huwa ċar li din il-kundizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ. |
|
61. |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, din tirrigwarda r-rappreżentanza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata minn avukat. Din tikkonċerna l-każ li fih din il-persuna, wara li tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess, tagħżel deliberatament li tkun irrappreżentata minn konsulent legali minflok ma tidher personalment waqt il-proċess. Dan huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li juri li hija rrinunzjat li tkun preżenti fil-proċess tagħha, filwaqt li tiggarantixxi d-dritt tagħha li tiddefendi ruħha. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 37 ta’ din id-direttiva, l-eżistenza ta’ “mandat”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, effettivament teħtieġ li l-persuna kkonċernata stess tkun fdat lil avukat, jekk ikun il-każ dak li jkun ġie maħtur lilha ex officio, il-kompitu li jirrappreżentaha. |
|
62. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB ikkunsidrat li d-dritt ta’ kull akkużat li jiġi effettivament difiż minn avukat, jekk ikun hemm bżonn ex officio, jinsab fost l-elementi fundamentali ta’ smigħ xieraq. Persuna akkużata ma għandhiex titlef il-benefiċċju minħabba s-sempliċi fatt li ma tkunx preżenti għad-dibattiti. Għaldaqstant, huwa ta’ importanza kruċjali għall-ekwità tas-sistema kriminali li l-assenza tal-persuna akkużata fil-proċess tagħha ma tiġix issanzjonata b’deroga mid-dritt għall-assistenza ta’ avukat u li tiġi difiża b’mod adegwat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell ( 38 ). |
|
63. |
Ir-rinunzja mill-persuna ssuspettata jew mill-persuna akkużata għad-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha, skont l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet tar-rappreżentazzjoni minn avukat tal-persuna akkużata u mneħħija mit-territorju ( 39 ). Is-sentenzi fundaturi Krombach vs Franza ( 40 ), u Sejdovic vs l-Italja ( 41 ), fil-fatt, jikkonfermaw il-pożizzjoni stabbilita tal-Qorti EDB li skontha r-rappreżentanza effettiva minn avukat hija essenzjali sabiex il-ġustizzja tal-proċessi tkun iggarantita, inkluż meta l-akkużat jiġi ġġudikat fl-assenza tiegħu. B’mod iktar partikolari, din it-tieni sentenza enfasizzat li l-assenza tal-akkużat ma għandhiex tipprekludi difiża reali u effettiva ( 42 ). |
|
64. |
Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-avukat maħtur ex officio għandu jkollu funzjoni vera u proprja ta’ rappreżentanza, li tiżgura difiża effettiva tal-interessi tal-akkużat, anki fl-assenza ta’ dan tal-aħħar. Ma huwiex biżżejjed li jiġi formalment maħtur: huwa għandu jkun jista’ jkollu rwol attiv fil-proċess u jiddefendi lill-akkużat b’mod sinjifikattiv sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal difiża. Madankollu, sa fejn naf jien, dawn is-sentenzi ma jiddefinixxux b’mod preċiż il-modalitajiet tal-għoti tal-mandat ta’ avukat. |
|
65. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fis-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) ( 43 ), li mit-talba għal deċiżjoni preliminari kien jirriżulta li l-avukat maħtur ex officio tal-persuna akkużata fl-ebda mument ma kien f’kuntatt ma’ din tal-aħħar, li lanqas ma esprimiet ruħha dwar il-ħatra ta’ dan l-avukat. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’tali ċirkustanzi, dan l-avukat jista’ ma jitqisx li ġie “ingħata mandat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn din il-persuna, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali. Konsegwentement, sabiex jiġi ssodisfatt il-kunċett ta’ “avukat li ngħata mandat”, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) u tal-premessa 37 tad-Direttiva 2016/343, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li “l-persuna kkonċernata stess tkun fdat lil avukat, jekk ikun il-każ dak li jkun ġie maħtur lilha ex officio, il-kompitu li jirrappreżentaha”, li jimplika interazzjoni reali u sinjifikattiva bejn il-persuna kkonċernata u l-avukat tagħha. |
|
66. |
F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343 jeżiġi li l-akkużat ikun irrappreżentat minn avukat li lilu huwa jkun ta’ mandat, li jfisser li l-avukat għandu jinħatar mill-akkużat innifsu jew bil-kunsens tiegħu għall-finijiet tal-proċess. Il-fatt li avukat assista lill-akkużat fil-kumpilazzjoni ma jfissirx neċessarjament li dan l-avukat kellu espressament mandat sabiex jirrappreżentah fil-proċess fl-assenza tiegħu. Għalhekk, hemm bżonn ta’ kunsens ċar tal-akkużat, b’mod espliċitu jew impliċitu, sabiex ikun irrappreżentat mill-imsemmi avukat fil-proċess fl-assenza tiegħu. Minn dan isegwi li l-fatt li l-avukat diġà assista lill-akkużat waqt il-kumpilazzjoni jista’ jkun rilevanti, għaliex jista’ jindika kontinwità tad-difiża. Madankollu, din iċ-ċirkustanza waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, peress li għandu jiġi stabbilit li l-akkużat effettivament ta’ mandat lil dan l-avukat sabiex jirrappreżentah fil-proċess tiegħu. |
|
67. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar meta għandu jsir dan il-kuntatt, la l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u lanqas dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jimponu mument preċiż għall-kuntatt bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iżda jistabbilixxu prinċipji fundamentali li jippermettu li jiġi evalwat jekk dan il-kuntatt kienx effettiv u suffiċjenti sabiex jiggarantixxi smigħ xieraq. Hija għalhekk il-qorti li għandha tqis jekk l-assistenza mogħtija mill-avukat hijiex effettiva sa mill-ewwel fażijiet tal-proċedura kif ukoll matul il-proċess fil-kontumaċja ( 44 ). F’dan ir-rigward, jekk l-akkużat ikollu avukat, iżda dan qatt ma jiltaqa’ jew qatt ma jikkomunika miegħu b’mod li jippermetti difiża effettiva, dan jista’ jitqies bħala ksur tal-Artikolu 6(3)(ċ) tal-KEDB li jipprevedi b’mod partikolari dritt ta’ assistenza minn avukat. Għalhekk, anki fil-każ ta’ difiża fil-kontumaċja, il-Qorti EDB teżiġi li għandhom ikunu saru sforzi sabiex jiġi żgurat kuntatt effettiv ( 45 ). |
D. L-applikazzjoni għal din il-kawża
|
68. |
F’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha dubji dwar jekk huwiex possibbli li d-dritt għal proċess ġdid ta’ persuna kkundannata fil-kontumaċja jiġi eskluż, minħabba li din il-persuna ħarbet wara li rċeviet l-att tal-akkuża preliminari, u b’hekk ipprekludiet lill-awtoritajiet kompetenti milli jinformawha personalment kemm bl-att tal-akkuża definittiv kif ukoll bid-data u bil-post tal-proċess tagħha u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra. F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza Bulgara dwar it-tieni frażi tal-Artikolu 423(1) tan-NPK, id-dritt għal proċess ġdid ma jingħatax lil persuna li ħarbet wara l-ħruġ tal-att tal-akkuża fil-kuntest tal-proċedura preliminari. |
|
69. |
Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma, għaldaqstant, iffokati fuq il-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni ta’ din il-qorti li ċċaħħad lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja mid-dritt għal proċess ġdid meta kien impossibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jinformaw lill-akkużat personalment hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8(2) u (4) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. |
|
70. |
Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet preċedenti, is-sistema proċedurali stabbilita mil-leġiżlatur Bulgaru hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2016/343. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet utli għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni ( 46 ). |
|
71. |
Prima facie, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 423(1) tan-NPK jibqa’ problematiku sa fejn din id-dispożizzjoni ma tinkludix b’mod suffiċjentement ċar il-kundizzjonijiet kollha għar-rifjut ta’ proċess ġdid stabbiliti mid-Direttiva 2016/343. Fil-fatt, kemm din id-dispożizzjoni kif ukoll il-ġurisprudenza żviluppata mill-qorti tar-rinviju dwar l-imsemmija dispożizzjoni jidhru inkompatibbli mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, sa fejn iċaħħdu mid-dritt għal proċess ġdid lil persuna ġġudikata fil-kontumaċja għas-sempliċi raġuni li hija ħarbet wara li ġiet mixlija matul il-fażi preliminari tal-proċedura, iżda tkun għadha ma ġietx debitament informata bil-proċess (u lanqas bid-data u bil-post tiegħu), skont l-Artikolu 8(2)(a) u (b) ta’ din id-direttiva ( 47 ). |
|
72. |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li rċieva l-att tal-akkuża preliminari fil‑5 ta’ Frar 2024, S. T. ġie personalment informat bl-akkuża miġjuba kontrih fil-kuntest tal-fażi preliminari. Huwa telaq mill-Bulgarija fis‑16 ta’ Frar 2024 minkejja r-rekwiżit li l-pulizija tiġi informata perjodikament dwar il-post ta’ residenza tiegħu. Madankollu, peress li S. T. ma rċeviex l-att tal-akkuża, jidher li huwa la kellu informazzjoni espliċita dwar id-data u l-post tal-proċess u lanqas dwar il-konsegwenzi tal-assenza tiegħu, li jista’ jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2016/343. Peress li huwa possibbli li l-persuna akkużata ma kinitx ġiet informata bis-seduta, skont l-Artikolu 8(2) u (4) ta’ din id-direttiva, hija jista’ jkollha dritt għal proċess ġdid, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva. |
|
73. |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi mqajma mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari tagħha, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-akkużat, għalkemm uffiċjalment informat bl-akkużi miġjuba kontrih u bil-ftuħ ta’ investigazzjoni, deliberatament evita li jirċievi t-taħrika billi telaq mill-indirizz li fih kellu josserva l-miżura li tobbligah jiffirma perjodikament reġistru miżmuma mill-awtoritajiet tal-pulizija fil-post ta’ residenza tiegħu u jekk, minkejja l-isforzi raġonevoli tar-Rayonen sad Montana (il-Qorti Distrettwali ta’ Montana) sabiex tinnotifikah bl-att tal-akkuża, dan jistax jiġġustifika l-esklużjoni tad-dritt tiegħu għal proċess ġdid wara kundanna fil-kontumaċja. |
|
74. |
F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ewlenija hija jekk l-aġir ta’ S. T. jistax jiġi interpretat bħala rinunzja volontarja għad-dritt tiegħu li jkun preżenti fil-kawża. Għal dan l-għan, wieħed għandu jistaqsi jekk l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għamlux sforzi raġonevoli biex isejjħu lil S. T. Kif indikajt iktar ’il fuq ( 48 ), l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu lil din il-persuna u jħarrkuha personalment jew sabiex jinformawha, b’mezzi oħra, bid-data u bil-post ta’ dan il-proċess ( 49 ). Huwa biss taħt din il-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku għad-dritt tagħha li tkun preżenti waqt il-proċess. |
|
75. |
Issa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-awtoritajiet wettqux tali sforzi raġonevoli. Għal dan l-għan, jista’ jidher sorprendenti li l-qorti kompetenti apparentement ma rnexxilhiex issib lil S. T. sabiex tinformah bl-iżvolġiment tal-proċess tiegħu u bil-konsegwenzi ta’ assenza, meta huwa nstab relattivament malajr wara l-kundanna tiegħu, peress li beda l-eżekuzzjoni tal-piena tiegħu inqas minn xahar wara li l-piena saret definittiva. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-passi meħuda qabel il-proċess kienu suffiċjenti u proporzjonati, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tar-reat u tal-piena imposta ( 50 ). |
|
76. |
B’mod iktar partikolari, kif issuġġeriet il-Kummissjoni, fil-każ fejn l-awtoritajiet kompetenti jkollhom informazzjoni li tindika li l-persuna kienet marret u kienet tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jista’ jitqies raġonevoli li dawn l-awtoritajiet jintroduċu allert fis-SIS, skont l-Artikolu 34(1)(c) tar-Regolament 2018/1862, li jippermetti li jinstabu (fil-parti l-kbira tagħhom b’mod awtomatizzat) il-persuni li huma s-suġġett ta’ taħrika quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ( 51 ). |
|
77. |
Fiċ-ċirkostanzi tal-kawża prinċipali, minn naħa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-akkuża kienet tikkonċerna reat intenzjonali serju, li huwa punibbli b’piena ta’ kustodja ta’ tul sinjifikattiv ( 52 ). Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali dehru li kienu konxji dwar il-fatt li S. T. kien jaħdem fil-Ġermanja u huma rreġistraw fil-fajls nazzjonali l-fatt li huwa telaq mill-Bulgarija fis‑16 ta’ Frar 2024. Għalhekk, jidher li kienu jafu bit-tluq ta’ S. T. barra mill-pajjiż. F’tali ċirkustanzi, il-kwistjoni hija jekk huma kinux obbligati jfittxu l-persuna kkonċernata permezz tas-SIS qabel ma jiġġudikawha fil-kontumaċja. F’dan ir-rigward, filwaqt li r-reat inkwistjoni huwa serju u l-piena imposta hija kunsiderevoli, l-allert u l-verifika fis-SIS huma meħtieġa bħala elementi neċessarji sabiex jitqies li l-awtoritajiet kompetenti għamlu sforzi raġonevoli sabiex jinformaw lill-akkużat inkwistjoni personalment, speċjalment jekk huma diġà kellhom indizji serji dwar il-lokalizzazzjoni tiegħu barra mill-pajjiż. Fid-dawl ta’ tali ċirkustanzi, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti kienu komplew ifittxu l-persuna akkużata billi llimitaw ruħhom għar-riċerki interni u li ordnaw li l-att tal-akkuża kif ukoll l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess jingħataw minn uffiċjal tal-unità reġjonali, ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dawn l-awtoritajiet għamlu sforzi raġonevoli. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali evalwazzjoni. |
|
78. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-rappreżentanza tal-persuna akkużata minn avukat b’applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ rappreżentanza minn avukat li ngħata mandat (it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343), mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li S. T. iddikjara li huwa xtaq ikun irrappreżentat mill-avukat maħtur ex officio, li kien preżenti waqt il-proċess fil-kontumaċja. Madankollu, mandat mogħti fi stadju preliminari ma japplikax awtomatikament għall-proċess fil-kontumaċja. Kif diġà rrilevajt fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi stabbilit li l-akkużat effettivament ta’ mandat lil dan l-avukat sabiex jirrappreżentah fil-proċess tiegħu. Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmi avukat kellux biżżejjed kuntatti ma’ S. T. u jekk żammx lill-klijent tiegħu informat biż-żamma tal-proċess. |
|
79. |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li għandu jiġi ggarantit li l-proċedura ta’ talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali twassal għar-rikonoxximent tad-dritt għal proċess ġdid fil-każijiet kollha fejn il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma kinux issodisfatti ( 53 ). Kif diġà spjegajt, nikkunsidra li din il-frażi trid tiġi interpretata bħala li tinkludi, fir-realtà, it-tliet rekwiżiti kumulattivi msemmija iktar ’il fuq ( 54 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll enfasizzat, fil-paragrafu 44 tas-sentenza Stangalov, li jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti nazzjonali, li proċedura sabiex jintalab il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, ma toffrix tali garanzija. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) ( 55 ), għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tivverifika jekk id-dritt proċedurali Bulgaru jiggarantixxix li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tirċievi, fil-mument li fih tiġi informata bl-eżistenza ta’ din il-kundanna jew fi żmien qasir wara, kopja tad-deċiżjoni kollha mogħtija fil-kontumaċja u komunikazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħha, inkluż fir-rigward tal-possibbiltà li tressaq talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kif ukoll dwar il-qorti li quddiemha għandha titressaq din it-talba u t-terminu li fih din għandha titressaq ( 56 ). |
|
80. |
F’din il-kawża, huwa dubjuż jekk id-dritt għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċess huwiex effettivament iggarantit, minħabba ż-żmien li għadda bejn iċ-ċaħda tal-libertà u d-deċiżjoni eventwali dwar il-ftuħ mill-ġdid. F’dan ir-rigward, għalkemm S. T. beda jiskonta l-piena tiegħu fis‑16 ta’ Ġunju 2024, is-seduta dwar il-ftuħ mill-ġdid nżammet biss fl‑24 ta’ Jannar 2025, jiġifieri iktar minn seba’ xhur wara l-bidu tal-eżekuzzjoni tal-piena. Jekk il-persuna ma setgħetx tippreżenta rikors qabel jew matul parti sinjifikattiva mid-detenzjoni tagħha, allura hemm problema ta’ effettività tad-dritt għall-ftuħ mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, f’ċirkustanzi li fihom il-persuna tkun diġà skontat piena (jew il-parti l-kbira tagħha) mingħajr il-possibbiltà immedjata li tikkontesta l-kundanna fil-kontumaċja, id-dritt għall-ftuħ mill-ġdid isir ineffettiv. F’tali sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tiggarantixxi li l-proċedura Bulgara effettivament tiżgura dritt effettiv għall-ftuħ mill-ġdid. |
|
81. |
Minn dan isegwi li l-effettività tad-dritt għall-ftuħ mill-ġdid tipprekludi li persuna kkundannata fil-kontumaċja u li tkun bdiet tiskonta l-piena tagħha tkun obbligata tistenna perijodu estiż qabel ma tingħata deċiżjoni dwar it-talba tagħha għaż-żamma ta’ proċess ġdid, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
V. Konklużjoni
|
82. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Varhoven kasationen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan ma jikkorrispondix għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) ĠU 2016, L 65, p. 1.
( 3 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub)”, EU:C:2022:401); tas‑16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) (C‑400/23, EU:C:2025:14), u tas‑16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stangalov, EU:C:2025:16).
( 4 ) ĠU 2018, L 312, p. 56.
( 5 ) DV Nru 86, tat‑28 ta’ Ottubru 2005.
( 6 ) Ara, b’mod partikolari, l-punti 10, 11 u 17 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (COM (2013) 821 finali). Ara wkoll, pereżempju, Mitsilegas, V., EU Criminal Law, it-2 edizzjoni, Hart, Oxford, 2022, b’mod partikolari p. 254 sa 295.
( 7 ) Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, f’każ partikolari, jippreżupponi li l-persuna li tinvokah tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qrati kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 8 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29).
( 9 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco (C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 25).
( 11 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.
( 12 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati xhieda tal-prosekuzzjoni) (C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 40).
( 13 ) C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 49.
( 14 ) Sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 26).
( 15 ) Sentenza Stangalov (punt 35), li tirreferi għall-punti 26 sa 28 tas-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub).
( 16 ) Sentenza Stangalov (punt 36).
( 17 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107).
( 18 ) Punt 31.
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 35 tad-Direttiva 2016/343, li tippreċiża li d-dritt tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha ma huwiex ta’ natura assoluta u li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata għandha tkun tista’ tirrinunzja għalih b’mod espress jew taċitu, iżda inekwivokabbilment (ara s-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punt 26)).
( 20 ) Punti 33 u 34.
( 21 ) Ara l-premessa 36 tad-Direttiva 2016/343. Ara wkoll is-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (punti 39 u 40).
( 22 ) Sentenza Stangalov, punt 37. Barra minn hekk, dan il-punt jipprevedi wkoll it-tieni ipoteżi separata li fiha l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess, iżda mhux bil-konsegwenzi tal-assenza tagħha u ma tkunx ġiet irrappreżentata minn avukat li ngħata mandat. Din l-ipoteżi tirrigwarda, fir-realtà, it-tielet rekwiżit li ser nanalizza hawn taħt (ara l-punti 59 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 23 ) Sentenza Stangalov (punt 37).
( 24 ) Sentenza Stangalov (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet li, qabel ma toħroġ tali mandat, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ, b’mod partikolari, l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-ħruġ u teżamina jekk, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi ta’ kull każ, l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekuturi Pubbliċi ta’ Lübeck u Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 26 ) Ara l-punti 38 u 39 tas-sentenza Stangalov.
( 27 ) Sentenza Stangalov, punt 42.
( 28 ) Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022 (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 58).
( 29 ) Ara, ukoll, il-formulazzjoni fil-punt 43 tas-sentenza Stangalov, li tiċċita kemm il-fatt li persuna ġiet informata biż-żamma tal-proċess tagħha kif ukoll li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli teżerċita d-dritt tagħha li tkun preżenti fih.
( 30 ) Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 86, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2018, Vilches Coronado et vs Spanja, CE:ECHR:2018:0313JUD005551714, punt 36
( 31 ) Qorti EDB, tat‑12 ta’ Frar 1985, CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punti 27 sa 32.
( 32 ) C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 58.
( 33 ) Punt 53.
( 34 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ akkużat li tneħħa mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:157, punt 108). Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, l‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 99, u l-Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, punt 48. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tgħid li intenzjoni li wieħed jirrinunzja milli jidher tista’, b’mod partikolari, tiġi kkonstatata meta t-taħrika għad-dehra ma setgħetx tiġi kkonsenjata minħabba bidla fl-indirizz li l-akkużat naqas milli jikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti. F’tali każ, il-persuna kkonċernata ma tistax tinvoka dritt għal proċess ġdid (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 26 ta’ Jannar 2017, Lena Atanasova vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2017:0126JUD005200907, punt 52).
( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ akkużat li tneħħa mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:157, punt 108).
( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ akkużat li tneħħa mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:157, punt 106) u b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti EDB li huma ċċitati fihom, jiġifieri s-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punti 98 u 99); tat‑23 ta’ Mejju 2006, Kounov vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2006:0523JUD002437902, punt 47); tas‑26 ta’ Jannar 2017, Lena Atanasova vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2017:0126JUD005200907, punt 52), kif ukoll tat‑2 ta’ Frar 2017, Ait Abbou vs Franza (CE:ECHR:2017:0202JUD004492113, punti 62 sa 65).
( 37 ) Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li dawn il-provi għandhom jipprovaw li l-persuna kienet informata bl-eżistenza ta’ proċeduri kriminali kontriha, li hija kienet taf preċiżament in-natura u r-raġunijiet tal-akkużi, u li hija, b’mod ċar u mingħajr ambigwità, irrinunzjat għad-dritt tagħha li tkun preżenti u li tiddefendi lilha nfisha. L-Avukat Ġenerali jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Qorti EDB tqis li ma huwiex biżżejjed li l-persuna akkużata tkun sempliċement semgħet, b’mod vag jew indirett, il-ftuħ ta’ proċeduri kontriha. Jeħtieġ li din tkun verament ġiet mgħarrfa b’mod formali u preċiż
( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Frar 2001, Krombach vs Franza (CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, punt 89), u tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 91).
( 39 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Sofiyska rayonna prokuratura et (Proċess ta’ akkużat li tneħħa mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:157, punt 99).
( 40 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Frar 2001, CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, punt 89.
( 41 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tal-1 ta’ Marzu 2006, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punti 91 sa 94.
( 42 ) Fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 94), il-Qorti EDB tfakkar li s-sempliċi ħatra ta’ avukat ma tiggarantixxix awtomatikament assistenza effettiva tal-akkużat.
( 43 ) Punt 56.
( 44 ) Fis-sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2010, Sakhnovski vs Ir-Russja (CE:ECHR:2010:1102JUD002127203, punt 98), il-Qorti EDB iddeċidiet li avukat maħtur ex officio li ma jkollu ebda kuntatt minn qabel mal-klijent tiegħu, u għalhekk ma jistax jiżgura difiża reali, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq.
( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 86, u tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punti 27 sa 32).
( 46 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) (C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 47 ) Il-Kummissjoni tindika li hija bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba traspożizzjoni skorretta tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 kontra l-Istat Membru inkwistjoni.
( 48 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Sentenza Stangalov (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 50 ) Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 51 ) Madankollu, l-espressjoni “fuq talba ta’ awtorità kompetenti” li tinsab fl-Artikolu 34 tar-Regolament 2018/1862 timplika li l-obbligu jiddependi mir-rieda tal-awtorità nazzjonali kompetenti.
( 52 ) Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, quddiemha, l-avukat maħtur ex officio jressaq argument dwar il-fondatezza tat-talba, jiġifieri li “l-akkuża kienet tikkonċerna reat serju intenzjonali, li huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn ħames snin, b’tali mod li l-persuna kkundannata kellha tkun preżenti għall-eżami tal-kawża”.
( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), (punt 31).
( 54 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) C‑400/23, EU:C:2025:14.
( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) (C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 61).