DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

29 ta’ April 2025 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Protezzjoni tad-data personali – Opinjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-validità tal-kunsens taħt il-mudelli ‘agħti l-kunsens jew ħallas’ implimentati minn pjattaformi online kbar – Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà – Responsabbiltà – Dannu – Rabta kawżali – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑319/24,

Meta Platforms Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn H.‑G. Kamann, F. Louis, M. Braun, A. Vallery, avukati, P. Nolan, B. Johnston, D. Breatnach, L. Joyce, solicitors, D. McGrath, E. Egan McGrath, SC, S. Horan u H. Godfrey, barristers,

rikorrenti,

vs

Il‑Bord Ewropew għall‑Protezzjoni tad‑Data, irrappreżentat minn I. Vereecken, M. Gufflet, C. Foglia u N. Peris Brines, bħala aġenti, assistiti minn G. Ryelandt, E. de Lophem, P. Vernet u G. Haumont, avukati,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn O. Porchia, Presidenta, L. Madise (Relatur) u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Ġunju 2024,

l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2024,

l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Ottubru 2024,

it-talbiet għal intervent tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u ta’ Chamber of Progress ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru, fl‑1 u fit‑2 ta’ Ottubru 2024, rispettivament,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, Meta Platforms Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “Meta”), qiegħda titlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-Opinjoni 8/2024 tas‑17 ta’ April 2024 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem l-“EDPB”) dwar il-validità tal-kunsens taħt il-mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas” (consent‑or‑pay) implimentati mill-pjattaformi online kbar (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet kaġun ta’ din l-opinjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

L-Opinjoni kkontestata ġiet adottata mill-EDPB, abbażi tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), fuq talba ta’ tliet awtoritajiet ta’ kontroll fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, jiġifieri d-Datatilsynet (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, in-Norveġja), l-Autoriteit Persoonsgegevens (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, il-Pajjiżi l-Baxxi) u l-Hamburgische Beauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit (il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u għal-Libertà tal-Informazzjoni ta’ Hamburg, il-Ġermanja). Dawn l-awtoritajiet xtaqu jiksbu opinjoni dwar iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom il-prattiki implimentati mill-“pjattaformi online kbar”, li joffru lill-utenti l-għażla bejn, minn naħa, l-għoti ta’ kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ reklamar li jagħraf l-imġiba (behavioural advertising) u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ remunerazzjoni sabiex jibbenefikaw mis-servizz mingħajr ma d-data personali tagħhom tiġi pproċessata għal dawn il-finijiet (iktar ’il quddiem il-“mudelli ‘agħti l-kunsens jew ħallas’”), setgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ kunsens validu, fis-sens tar-Regolament 2016/679.

3

Fl-Opinjoni kkontestata, l-EDPB jipprovdi lista ta’ fatturi li għandhom jiġu evalwati, każ b’każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk kontrollur, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, għandux jitqies bħala “pjattaforma online kbira” għall-finijiet ta’ din l-opinjoni, filwaqt li jenfasizza li din il-lista ma hijiex waħda eżawrjenti u li dawn il-fatturi ma japplikawx b’mod kumulattiv. Dawn il-fatturi jinkludu l-fatt li l-pjattaforma tkun tattira għadd kbir ta’ suġġetti tad-data bħala utenti, il-pożizzjoni tal-impriża fis-suq, l-għadd ta’ suġġetti tad-data, il-volum tad-data pproċessata jew il-firxa ġeografika tal-attività tal-ipproċessar. Huwa ppreċiżat li l-kunċett ta’ “pjattaforma online” jista’ jkopri, iżda ma huwiex limitat għal, il-“pjattaformi online”, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(i) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1), u li l-“pjattaformi online kbar” jistgħu jkunu wkoll kontrolluri tal-“pjattaformi online kbar ħafna”, kif iddefiniti fl-Artikolu 33(1) tal-istess regolament, jew tal-“gwardjani”, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L 265, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90024).

4

Fuq il-mertu, l-EDPB jispjega, fl-Opinjoni kkontestata, li meta l-utenti jintalbu jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom sabiex jiġi indirizzat lilhom reklamar li jagħraf l-imġiba, dan il-kunsens, sabiex ikun wieħed validu, għandu jinkiseb b’osservanza tal-prinċipji u tar-regoli stabbiliti fir-Regolament 2016/679. Huwa għandu, b’mod partikolari, ikun liberu, speċifiku, informat u inekwivoku u għandu jirrigwarda l-ipproċessar ta’ data li jkun sar b’osservanza tal-prinċipji ta’ neċessità, ta’ proporzjonalità, ta’ limitazzjoni tal-iskopijiet, ta’ minimizzazzjoni tad-data u ta’ lealtà. L-EDPB jenfasizza li l-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali kompetenti, tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha ssir każ b’każ.

5

L-EDPB iqis li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma huwiex ser ikun possibbli għal “pjattaforma online kbira”, kif imsemmija fl-Opinjoni kkontestata, li tosserva r-rekwiżiti dwar il-validità tal-kunsens jekk hija tillimita ruħha li tagħti lill-utent l-għażla “binarja” bejn l-għoti tal-kunsens tiegħu għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ reklamar li jagħraf l-imġiba u l-ħlas ta’ remunerazzjoni sabiex ikun jista’ jibbenefika mis-servizz ikkonċernat mingħajr ma jirċievi reklamar li jagħraf l-imġiba. Huwa jgħid li l-pjattaformi online kbar għandhom, huma u jiżviluppaw “għażla alternattiva” għall-verżjoni tas-servizz ibbażata fuq ir-reklamar li jagħraf l-imġiba, jikkunsidraw jagħtu lill-utenti “għażla ekwivalenti” li ma tkunx tinvolvi il-ħlas ta’ remunerazzjoni. Jekk, madankollu, jiddeċiedu li jitolbu remunerazzjoni għall-aċċess għall-“għażla ekwivalenti”, huma għandhom jikkunsidraw ukoll jipproponu għażla addizzjonali, bla ħlas u mingħajr reklamar li jagħraf l-imġiba, flimkien, pereżempju, ma’ forma ta’ reklamar li jinvolvi l-ipproċessar ta’ ammont imnaqqas (jew żero) ta’ data personali, bħalma huwa r-reklamar kuntestwali, ir-reklamar immirat lejn suġġetti li jagħżel l-utent jew ir-reklamar ġenerali. Fil-fehma tal-EDPB, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-fatt li l-kontrollur ikun jew ma jkunx ippropona, mingħajr ħlas, għażla oħra mingħajr reklamar li jagħraf l-imġiba ser ikollu impatt kbir fuq l-evalwazzjoni tal-validità tal-kunsens, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-suġġett tad-data jkunx jista’ jirrifjuta jew jirtira l-kunsens mingħajr ma jsofri dannu.

6

Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni tal-aħħar, l-EDPB jispjega, b’mod partikolari, li l-ammont tar-remunerazzjoni mitluba għall-verżjoni bi ħlas tas-servizz ma għandux ikun tali li jipprekludi lis-suġġetti tad-data milli jagħmlu għażla libera u milli jirrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom. Huwa jenfasizza li d-data personali ma tistax titqies bħala merkanzija negozjabbli u li d-dritt għall-protezzjoni ta’ din id-data huwa dritt li japplika għal kulħadd, indipendentement mill-ħlas ta’ remunerazzjoni jew mis-sitwazzjoni finanzjarja. Jista’ jsir dannu wkoll meta s-suġġetti tad-data li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom ma jħallsux remunerazzjoni u għalhekk jiġu esklużi mis-servizz, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar ikollu rwol essenzjali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum jew fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali jew meta jkun determinanti għall-aċċess għan-networks professjonali.

7

Barra minn hekk, l-EDPB jindika li huwa neċessarju wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-kontrollur u s-setgħa li jgawdi dan tal-aħħar imqabbla ma’ dik li jgawdi s-suġġett tad-data. Jekk, f’sitwazzjoni partikolari, ikun hemm żbilanċ manifest bejn l-ewwel u t-tieni waħda, is-suġġett tad-data jkun jista’ jħoss ruħu mġiegħel jieħu deċiżjoni li ma kienx jieħu altrimenti. Huwa jżid li, meta jsib ruħu quddiem mudell “agħti l-kunsens jew ħallas”, is-suġġett tad-data għandu jkun liberu li jagħżel l-iskop jew l-iskopijiet differenti tal-ipproċessar tad-data li huwa jaċċetta, pjuttost milli jkun obbligat jagħti l-kunsens tiegħu għal sett ta’ skopijiet.

8

L-Opinjoni kkontestata tinkludi wkoll kunsiderazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li taħthom il-kunsens li s-suġġett tad-data jagħti lil pjattaformi online kbar taħt mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas” għal reklamar li jagħraf l-imġiba jkun jista’ jitqies informat, speċifiku u mhux inekwivoku.

It-talbiet tal-partijiet

9

Meta qiegħda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Opinjoni kkontestata fl-intier tagħha jew, sussidjarjament, il-partijiet rilevanti tagħha;

abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea:

tordna lill-EDPB jieħu l-miżuri kollha sabiex itemm il-ksur ikkaġunat mill-adozzjoni tal-Opinjoni kkontestata, inkluż l-irtirar ta’ din tal-aħħar;

tordna lill-EDPB jikkumpensaha għad-dannu li hija ġarrbet kaġun tal-Opinjoni kkontestata;

tordna lill-partijiet jinformaw lill-Qorti Ġenerali, fi żmien tliet xhur mid-data tal-għoti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, bl-ammont tal-kumpens li jkun inkiseb permezz ta’ ftehim;

tordna li, fin-nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, fl-istess perijodu ta’ żmien, espożizzjoni tal-perspettiva tagħhom issostanzjata biċ-ċifri;

tiddikjara li ma kienx iġġustifikat li l-Opinjoni kkontestata timponi rekwiżit addizzjonali ta’ alternattiva mingħajr ħlas;

tordna kull forma oħra ta’ kumpens skont il-prinċipji ġenerali ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, inkluż il-kumpens in natura u d-digriet dikjaratorju, li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

tikkundanna lill-EDPB għall-ispejjeż.

10

Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, imqajma skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-EDPB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli;

tiċħad ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali bħala inammissibbli;

tikkundanna lil Meta għall-ispejjeż.

11

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, Meta titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

tordna li l-ispejjeż ikunu rriżervati.

Id-dritt

12

Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, jekk il-konvenut jitlob li jsir hekk. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 126 tal-istess Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċeduri.

13

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, billi tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fl-atti tal-proċess, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċeduri.

Fuq it‑talbiet għal annullament

14

L-EDPB jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament sa fejn, minn naħa, l-Opinjoni kkontestata ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat u, min-naħa l-oħra, Meta ma hijiex ikkonċernata mill-Opinjoni kkontestata la direttament u lanqas individwalment.

15

Fir-rigward tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, l-EDPB isostni li l-Opinjoni kkontestata ma tipproduċi ebda effett legali fuq is-sitwazzjoni ta’ Meta. Huwa jispjega li l-opinjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regolament 2016/679 huma differenti mid-deċiżjonijiet vinkolanti previsti fl-Artikolu 65(1) tal-istess regolament, sa fejn l-opinjonijiet ma għandhomx effetti legali proprji. Huwa jżid jgħid, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 64(7) tal-imsemmi regolament jipprevedi biss li l-awtoritajiet kompetenti ta’ kontroll għandhom “jieħdu kont sħiħ” ta’ dawn l-opinjonijiet, u hija biss deċiżjoni vinkolanti sussegwenti li tista’ tagħmel il-kontenut ta’ tali opinjoni jorbot lil awtorità ta’ kontroll.

16

Meta ssostni, l-ewwel nett, li n-nuqqas ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra opinjoni tal-EDPB mogħtija abbażi tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament 2016/679 iqiegħed f’perikolu l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, is-suġġetti tad-data kkonċernati jistgħu jressqu azzjoni ġudizzjarja abbażi ta’ tali opinjoni quddiem qrati ta’ Stati partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li ma humiex membri tal-Unjoni, li fihom ir-Regolament 2016/679 japplika bis-saħħa tal-imsemmi ftehim. Issa, dawn il-qrati ma jistgħux jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’domanda preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità ta’ din l-opinjoni, taħt l-Artikolu 267 TFUE, u dan bir-riskju li jinħoloq kunflitt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-legalità ta’ tali opinjoni għandha għalhekk tkun tista’ tiġi mistħarrġa minnufih fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni, liema stħarriġ jippermetti applikazzjoni uniformi tad-dritt fiż-ŻEE kollha.

17

It-tieni nett, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, Meta tallega li, kemm‑il darba r-rikors għal annullament tagħha kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, dan ikun jammonta għal ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-EDPB uża strument formalment mhux vinkolanti sabiex jimponi regoli immirati speċifikament lejn Meta, billi ttanta jevita stħarriġ dirett tal-qorti tal-Unjoni. Huwa għalhekk li r-rikors għal annullament jippermetti li dan id-dritt jiġi rrispettat.

18

Fl-aħħar nett, Meta tispjega li l-Opinjoni kkontestata, minkejja l-forma tagħha, tipproduċi effetti legali obbligatorji. Fil-fatt, l-EDPB għandu, de facto, il-possibbiltà li jġiegħel lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll josservaw opinjoni li tkun ingħatat abbażi tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament 2016/679 billi jadotta, għal dan il-għan, deċiżjoni vinkolanti, kif previst fl-Artikolu 65(1)(c) tal-istess regolament. Il-fatti juru li l-EDPB biħsiebu jimponi l-fehmiet tiegħu fuq id-Data Protection Commission (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, l-Irlanda), li hija l-awtorità ewlenija għat-trattament tal-każijiet li jikkonċernaw lil Meta. L-istil editorjali użat fl-Opinjoni kkontestata jixhed huwa stess li l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-marġni ta’ awtoevalwazzjoni tal-pjattaformi online kbar huma tassew limitati, jekk mhux addirittura ineżistenti. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija differenti minn dik tal-kawża li wasslet għad-digriet tad‑9 ta’ Lulju 2019, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni (T‑660/18, EU:T:2019:546), iċċitata mill-EDPB, li fiha kienu inkwistjoni osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea magħmula taħt il-proċedura ta’ konsultazzjoni Ewropea prevista fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2002, Vol. 108, p. 33), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37). Fil-fatt, l-Opinjoni kkontestata ngħatat fil-kuntest tal-“mekkaniżmu ta’ konsistenza” stabbilit fir-Regolament 2016/679 u mhux fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni. Meta żżid tgħid, essenzjalment, li l-Opinjoni kkontestata, billi tinjora l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari fis-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537) li, fil-punt 150 tagħha, ma ġietx eskluża, fid-dawl tar-Regolament 2016/679, il-legalità tal-mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas”, għandha effetti legali vinkolanti fir-rigward tagħha.

19

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa esperibbli kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, liema atti jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali obbligatorji li jkunu jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikunx jipproduċi effetti legali obbligatorji, għandha tiġi eżaminata s-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati l-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huwa l-kontenut ta’ dan l-istess att, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest li fih ikun ġie adottat dan tal-aħħar, kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun adottatu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Fir-rigward tal-kontenut tal-Opinjoni kkontestata, kif jirriżulta mis-sunt fil-punti 4 sa 8 iktar ’il fuq, dan l-att jipprovdi tabella ta’ analiżi tal-mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas” tal-pjattaformi online kbar fid-dawl tar-regoli stabbiliti fir-Regolament 2016/679 dwar il-validità tal-kunsens, filwaqt li jfakkar lill-awtoritajiet ta’ kontroll l-aspetti li huma għandhom jivverifikaw. L-EDPB jindika diversi drabi fl-Opinjoni kkontestata li l-analiżi għandha ssir każ b’każ.

22

Huwa minnu li, fl-Opinjoni kkontestata, l-EDPB għandu fil-mira tiegħu s-sitwazzjoni li fiha pjattaforma online kbira ma tkun toffri lill-utent ebda alternattiva mingħajr ħlas għall-għoti tal-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ reklamar li jagħraf l-imġiba, iżda toffrilu biss alternattiva bi ħlas, u jispjega li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, din is-sitwazzjoni tirriskja l-invalidità ta’ tali kunsens, kemm‑il darba dan kellu jingħata. Madankollu, l-EDPB jirrileva, fl-Opinjoni kkontestata, li din l-evalwazzjoni tiddependi minn diversi fatturi, fosthom in-natura importanti jew le tas-servizz inkwistjoni fil-ħajja soċjali jew professjonali tal-utenti u l-ispiża tal-alternattiva bi ħlas. Huwa jirreferi wkoll għal possibbiltajiet differenti ta’ alternattivi mingħajr ħlas.

23

Barra minn hekk, għalkemm, kif tosserva Meta, l-Opinjoni kkontestata tuża kliem bħal “għandu” jew “ma għandux” jew “fil-biċċa l-kbira tal-każijiet”, is-siltiet li fihom dan il-kliem, moqrija fid-dawl tad-dokument kollu, jidhru li pjuttost milli jikkundannaw b’mod iġġeneralizzat il-mudell “agħti l-kunsens jew ħallas” għal dawn il-pjattaformi, iktar jitolbu riflessjoni fil-fond dwar is-soluzzjonijiet li kull pjattaforma online kbira tista’ toffri lill-utenti bħala alternattiva għall-għoti tal-kunsens tagħhom li jirċievu reklamar li jagħraf l-imġiba. B’hekk, pereżempju, il-punti 180 u 181 tal-Opinjoni kkontestata, li jagħmlu parti mill-parti konklużiva tagħha u li Meta tenfasizza l-importanza tagħhom, għandhom jinqraw flimkien mal-punt segwenti tagħha li jfakkar il-fatturi kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kunsens mogħti lil pjattaforma online kbira taħt mudell “agħti l-kunsens jew ħallas” ikunx validu.

24

Għalhekk, il-kontenut tal-Opinjoni kkontestata ma jippermettix li jitqies li din tal-aħħar hija intiża li tipproduċi fiha nnifisha effetti legali obbligatorji.

25

Barra minn hekk, il-fatt li l-Opinjoni kkontestata ġiet adottata filwaqt li varji awtoritajiet ta’ kontroll kienu qegħdin jeżaminaw il-mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas” ta’ pjattaformi online kbar, b’mod partikolari dak ta’ Meta, ma jistax, fih innifsu, iwassal għall-konklużjoni li l-imsemmija opinjoni hija vinkolanti. Fil-fatt, jeżistu varji strumenti għal applikazzjoni konsistenti tar-Regolament 2016/679, bħalma huwa dak previst fl-Artikolu 63 ta’ dan tal-aħħar, li wħud minnhom huma ta’ natura vinkolanti u oħrajn huma biss ta’ natura konsultattiva.

26

F’dan ir-rigward, l-Opinjoni kkontestata ġiet adottata, kif jirriżulta mill-premessi tagħha u mill-punti 7 sa 12 tagħha, abbażi tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament 2016/679. Din id-dispożizzjoni tipprevedi:

“Kwalunkwe awtorità superviżorja [awtorità ta’ kontroll], il-President tal-[EDPB] jew il-Kummissjoni tista’ titlob li kwalunkwe kwistjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f’aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-[EDPB] bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b’mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f’konformità mal-obbligi ta’ assistenza reċiproka f’konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f’konformità mal-Artikolu 62.”

27

L-Opinjoni kkontestata ma hijiex relatata maċ-ċirkustanzi previsti fl-aħħar parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, iżda tikkonċerna “kwistjoni ta’ applikazzjoni ġenerali”, jiġifieri, kif ġie spjegat fil-punt 2 iktar ’il fuq, dik dwar iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom il-mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas” tal-pjattaformi online kbar ikunu jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ kunsens validu, fis-sens tar-Regolament 2016/679 (ara l-punt 3 tal-Opinjoni kkontestata).

28

Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-EDPB, ir-Regolament 2016/679 ma fih ebda dispożizzjoni li tobbliga lill-awtoritajiet ta’ kontroll “jieħdu kont sħiħ” ta’ opinjoni bbażata fuq l-Artikolu 64(2) tiegħu. L-obbligu li “jittieħed kont sħiħ” ta’ opinjoni tal-EDPB, imfisser fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, japplika għall-opinjonijiet mogħtija abbażi tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, li ma jkunux jikkonċernaw kwistjonijiet ġenerali, iżda ċerti tipi ta’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet speċifiċi tal-awtoritajiet ta’ kontroll, li dawn l-awtoritajiet għandhom jikkomunikaw lill-EDPB matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Jekk hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, kompletament jew parzjalment, l-opinjoni li tkun indirizzata lilha abbażi ta’ dan, l-awtorità ta’ kontroll ikkonċernata għandha tavża b’dan lill-President tal-EDPB, liema avviż jagħti bidu għall-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni vinkolanti tal-EDPB, kif jipprevedi l-paragrafu 8 tal-istess artikolu. Tali sistema ma hijiex prevista fir-rigward tal-opinjonijiet tal-EDPB dwar kwistjonijiet ġenerali, mogħtija abbażi tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament 2016/679, bħalma hija l-Opinjoni kkontestata. Dawn tal-aħħar huma għalhekk opinjonijiet li ma għandhom ebda awtorità partikolari.

29

Huwa minnu li l-Artikolu 65(1)(c) tal-istess regolament jipprovdi li l-EDPB għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti “fejn awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-[EDPB] fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1), jew ma ssegwix l-opinjoni tal-[EDPB] maħruġa skont l-Artikolu 64” u li, “[f]’dak il-każ, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-[EDPB]”. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet ġenerali sostantivi, bħal f’dan il-każ, jekk, fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija minn awtorità ewlenija ta’ kontroll li tkun tirrigwarda operazzjoni jew operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data transkonfinali partikolari, din tal-aħħar kellha titbiegħed, kompletament jew parzjalment, minn opinjoni tal-EDPB ta’ dan it-tip permezz ta’ abbozz ta’ deċiżjoni li hija għandha tħejji abbażi tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament 2016/679, huwa possibbli li l-EDPB ikollu jeżamina mill-ġdid il-kwistjoni diskussa billi jadotta deċiżjoni vinkolanti abbażi tal-Artikolu 65(1)(a) tal-istess regolament. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, l-opinjoni adottata abbażi tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament 2016/679, bħalma hija l-Opinjoni kkontestata, ma għandhiex in-natura ta’ att fih innifsu vinkolanti, billi huwa biss f’deċiżjoni vinkolanti sussegwenti tal-EDPB li l-linji gwida inklużi f’dak l-att ikunu jistgħu, fid-dawl tas-setgħat tal-EDPB, sussegwentement jinbidlu, jekk ikun hemm bżonn, fi struzzjonijiet li jorbtu lill-awtoritajiet ta’ kontroll. Il-fatt, enfasizzat minn Meta, li tali opinjoni hija waħda mill-istrumenti tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza previst fir-Regolament 2016/679 ma jbiddel xejn minn dan. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu, bħar-regoli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll, jipprevedi fażi konsultattiva, mhux vinkolanti, qabel ma, jekk ikun il-każ, jiġu adottati deċiżjonijiet vinkolanti tal-EDPB.

30

Minn dak premess jirriżulta li l-Opinjoni kkontestata ma tipproduċi ebda effetti legali obbligatorji fir-rigward ta’ terzi.

31

Dan huwa a fortiori l-każ fir-rigward ta’ Meta. Fil-fatt, anki jekk din tal-aħħar issib ruħha fis-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-Opinjoni kkontestata, fin-nuqqas ta’ analiżi kompleta tal-każ tagħha — li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtoritajiet pubbliċi, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti ta’ kontroll — din l-opinjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, ikollha effetti legali obbligatorji fir-rigward tagħha u tbiddel is-sitwazzjoni legali tagħha b’mod sinjifikattiv.

32

Bl-istess mod, li kellha Meta tiddeċiedi li tapplika, minn jeddha, it-tabella ta’ analiżi spjegata fl-Opinjoni kkontestata u li tiġbed il-konklużjonijiet minnha jew li kellha l-Awtorità Irlandiża għall-Protezzjoni tad-Data tapplika hija stess din it-tabella ta’ analiżi, billi tadotta, jekk ikun il-każ, fir-rigward ta’ Meta, miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament 2016/679, huma jkunu qegħdin jagħmlu dan mingħajr ma l-Opinjoni kkontestata tobbligahom legalment f’dan is-sens.

33

F’dan ir-rigward, il-fatt, enfasizzat minn Meta, li l-Awtorità Irlandiża għall-Protezzjoni tad-Data indikatilha li hija kienet tqis ruħha obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-Opinjoni kkontestata, abbażi tal-Artikolu 57(1)(g) tar-Regolament 2016/679, liema artikolu jipprovdi li kull awtorità ta’ kontroll għandha tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ kontroll l-oħra sabiex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti tal-imsemmi regolament, ma jistax jagħti lill-Opinjoni kkontestata portata vinkolanti li hija stess ma għandhiex u li l-obbligu ta’ kooperazzjoni inkwistjoni lanqas ma jagħtiha. Fil-fatt, obbligu ta’ kooperazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ politika armonizzata fi ħdan l-Unjoni ma jistax jagħti natura vinkolanti lil atti tal-Unjoni li ma jkunux vinkolanti, anki jekk dawn l-atti jkollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punti 27 sa 32).

34

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Meta, il-possibbiltà ta’ deċiżjoni vinkolanti sussegwenti tal-EDPB indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kontroll li jkunu qegħdin jeżaminaw il-mudell “agħti l-kunsens jew ħallas” adottat minn Meta, li tkun tinkludi t-tabella ta’ analiżi, kollha jew parti minnha, spjegata fl-Opinjoni kkontestata, ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li din tal-aħħar tkun vinkolanti minnufih. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li l-eżami konkret inkwistjoni jwassal sabiex, f’dan il-proċess, jiġu evalwati mill-ġdid il-linji gwida ġenerali fl-Opinjoni kkontestata.

35

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, kif issostni Meta, l-Opinjoni kkontestata tmur kontra l-evalwazzjoni tal-mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas” li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet f’rinviju għal deċiżjoni preliminari fis-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C-252/21, EU:C:2023:537), dan lanqas ma jista’, fid-dawl tan-natura mhux vinkolanti tagħha, ibiddel is-sitwazzjoni legali ta’ Meta.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għandu jiġi konkluż li l-Opinjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat minn Meta.

37

Din il-konklużjoni ma tippreġudikax, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Meta, id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Peress li l-Opinjoni kkontestata ma għandha ebda effett legali vinkolanti, il-fatt li ma tistax tiġi kkontestata minn Meta fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fiha jistgħu jaffettwaw direttament lil Meta biss jekk jiġu inklużi f’deċiżjoni ta’ awtorità ta’ kontroll jew ta’ qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE. Jekk dan ikun il-każ, dawn id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jkunu jew ikunu setgħu kienu s-suġġett ta’ stħarriġ minn qorti li tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu.

38

Il-konklużjoni li l-Opinjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat minn Meta lanqas ma tista’ tiġi kontradetta mill-argument ta’ din tal-aħħar li l-kontenut ta’ din l-opinjoni jista’ jiġi evalwat b’mod differenti minn qrati ta’ Stati partijiet fil-Ftehim ŻEE li ma humiex membri tal-Unjoni u minn qrati ta’ Stati Membri ta’ din tal-aħħar, li, għall-kuntrarju ta’ dawk tal-ewwel, jistgħu jagħmlu fir-rigward tagħha domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema differenza fl-evalwazzjoni tkun tista’ tippreġudika l-unità tad-dritt tal-Unjoni.

39

Fil-fatt, tali eventwalità hija inerenti għas-sistema adottata fil-Ftehim ŻEE sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tar-regoli applikabbli taħt dan il-ftehim. Din is-sistema hija bbażata fuq iż-żewġ pilastri tas-sorveljanza u tal-istħarriġ ġudizzjarju, fejn l-ewwel wieħed japplika għall-Istati Membri tal-Unjoni u t-tieni wieħed għall-Istati l-oħra partijiet f’dan il-ftehim. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, huwa inter alia stipulat fl-Artikolu 108(2) tal-imsemmi ftehim u fl-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ awtorità ta’ sorveljanza u ta’ qorti tal-ġustizzja (ĠU 1994, L 344, p. 1), li l-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) tista’ tiġi adita minn qorti ta’ dawn l-Istati sabiex tinkiseb opinjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli, u għalhekk b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament 2016/679. Li kellha tiġi adita f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-EFTA tkun tista’ tindika sa fejn hija tkun tqis li l-kunsiderazzjonijiet fl-Opinjoni kkontestata jkunu konformi mal-imsemmi regolament. Hija tkun tista’ wkoll, jekk ikun il-każ, tindika li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jkunux ta’ natura vinkolanti. Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita minn qorti ta’ dawn l-Istati sabiex tevalwa l-validità tal-opinjoni ikkontestata. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 263 TFUE jeskludi l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal annullament tal-atti li ma jkollhom ebda effetti legali obbligatorji, din tal-aħħar tista’, skont l-Artikolu 267 TFUE, tevalwa l-validità ta’ tali atti meta hija tagħti deċiżjoni preliminari (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għandu jiġi enfasizzat li differenza fl-evalwazzjoni taż-żewġ qrati ta’ att tal-Unjoni fi tmiem dawn il-proċeduri tista’ sseħħ fi kwalunkwe wieħed mill-ħafna oqsma rregolati mill-Ftehim ŻEE. Li kellu jiġi adottat ir-raġunament ta’ Meta li, sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ differenzi fl-evalwazzjoni, għandu jiġi aċċettat rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni mhux vinkolanti, iwassal sabiex il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament, kif iddefiniti fl-Artikolu 263 TFUE, ma jiġux osservati u jinbidlu ta’ taħt fuq.

41

Il-possibbiltà ta’ ħsara lill-unità tad-dritt tal-Unjoni, kif identifikata minn Meta, hija, konsegwentement, żvantaġġ potenzjali marbut mal-fatt li r-regoli tal-Unjoni japplikaw, bis-saħħa ta’ ftehim internazzjonali, barra mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni, f’sistema ġudizzjarja oħra. Dan l-iżvantaġġ potenzjali, li wkoll ttieħed inkunsiderazzjoni fil-Ftehim ŻEE, li fl-Artikolu 111 tiegħu jipprevedi mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, liema mekkaniżmu, jekk ikun hemm bżonn, jinvolvi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax iwassal għal ksur tar-regoli tal-Unjoni fi ħdan din tal-aħħar.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EDPB għandha tintlaqa’, sa fejn din hija diretta kontra t-talbiet għal annullament, u, konsegwentement, dawn tal-aħħar għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv l-ieħor ta’ inammissibbiltà invokata mill-EDPB.

Fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà

43

L-EDPB jeċċepixxi wkoll l-inammissibbiltà tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà, billi, essenzjalment, dawn jorbtu sfiq mat-talbiet għal annullament, liema talbiet għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

44

Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tkunx tiġġustifika li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel fuq l-ammissibbiltà tiegħu. F’dan il-każ, hemm lok, għall-finijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li tiġi eżaminata qabelxejn il-fondatezza tat-talbiet ta’ Meta għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tagħhom, billi dawn tal-aħħar huma, għar-raġunijiet imfissra iktar ’il quddiem, manifestament infondati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 5152).

45

Meta tispjega li l-EDPB, bl-adozzjoni tal-Opinjoni kkontestata, kiser b’mod serju biżżejjed id-dispożizzjonijiet legali intiżi li jagħtuh id-drittijiet. Fil-fehma tagħha, hija ser issofri, konsegwentement, dannu imminenti u prevedibbli b’biżżejjed ċertezza. Hija tallega li ħafna mill-utenti tal-applikazzjonijiet tagħha jagħżlu l-alternattiva mingħajr ħlas li l-Opinjoni kkontestata tobbligaha toffrilhom, u dan barra l-għażla bejn l-għoti tal-kunsens tagħhom li jirċievu reklamar li jagħraf l-imġiba u l-ħlas sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizz ikkonċernat mingħajr ma jirċievu dan it-tip ta’ reklamar. Dan iwassal għal tnaqqis sinjifikattiv, minn naħa, fid-dħul mir-reklamar tagħha minn inserzjonisti li jkunu lesti jħallsu prezz tajjeb għar-reklamar li jagħraf l-imġiba, iżda prezz inqas għal tipi oħra ta’ reklamar, u, min-naħa l-oħra, fid-dħul mill-abbonamenti mingħajr reklami tagħha mill-utenti tagħha. Anki li kieku l-Opinjoni kkontestata kienet biss ta’ natura temporanja u kienet annullata f’xi waqt jew ieħor, Meta setgħet definittivament tilfet ċerti inserzjonisti. Barra minn hekk, teżisti rabta kawżali diretta bejn l-Opinjoni kkontestata u l-allegat dannu, peress li l-ewwel waħda hija l-kawża determinanti tat-tieni wieħed. Fil-fatt, l-EDPB ħabrek sabiex din l-opinjoni titqies bħala waħda vinkolanti u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-theddida li l-kontenut tagħha jiġi riprodott fid-deċiżjonijiet vinkolanti adottati mill-istess korp jew approvat mill-qrati, b’mod partikolari dawk tal-Istati tal-EFTA li huma partijiet fil-Ftehim ŻEE li ma jistgħux jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar il-validità tagħha. F’dan ir-rigward, Meta ttenni, b’mod partikolari, l-argumenti mressqa sabiex issostni li l-Opinjoni kkontestata tipproduċi effetti legali obbligatorji (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

46

Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u għall-finijiet tal-kumpens għad-dannu allegat minnha, Meta qiegħda titlob l-adozzjoni tal-miżuri indikati fit-talbiet tagħha riprodotti fit-tieni inċiż tal-punt 9 iktar ’il fuq.

47

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tippreżupponi li tliet kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li jkunu akkużati bih l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, l-eżistenza effettiva tad-dannu u s-sussistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u l-allegat dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 39 sa 42, u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 138).

48

In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplika li, meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina jekk l-imsemmija kundizzjonijiet ikunux issodisfatti f’ordni partikolari (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

49

Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-eżistenza effettiva tal-allegat dannu.

50

Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, għandu jitfakkar li d-dannu għandu jkun “reali u ċert”. Mill-banda l-oħra, dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħti ebda dritt għal kumpens (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu ċert tkun issodisfatta kemm‑il darba d-dannu jkun imminenti u prevedibbli b’biżżejjed ċertezza, anki jekk ma jkunx għad jista’ jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, CN vs Il‑Parlament, T‑343/13, EU:T:2015:926, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Barra minn hekk, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi konklużivi, b’mod partikolari, tal-eżistenza tal-allegat dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, id-dannu allegat minn Meta jikkonsisti fit-tnaqqis fid-dħul mir-reklamar u fid-dħul minn abbonamenti li, fil-fehma tagħha, ser jirriżulta mir-“rekwiżit”, allegatament previst fl-Opinjoni kkontestata, li l-utenti jiġu offruti alternattiva mingħajr ħlas u dan barra l-għażla bejn, minn naħa, l-għoti tal-kunsens li jirċievu reklamar li jagħraf l-aġir u, min-naħa l-oħra, il-ħlas sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizz ikkonċernat mingħajr ma jirċievu dan it-tip ta’ reklamar. Meta ssostni li l-Awtorità Irlandiża għall-Protezzjoni tad-Data “tħossha obbligata” timponi tali alternattiva, “f’xi forma jew oħra”, jew ser ikollha tagħmel dan wara deċiżjoni vinkolanti adottata mill-EDPB abbażi tal-Artikolu 65(1)(c) tar-Regolament 2016/679.

53

Għandu jiġi kkonstatat li dan id-dannu huwa bbażat, minn naħa, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Opinjoni kkontestata, li, kif ġie kkonstatat b’mod partikolari fil-punti 21 u 30 iktar ’il fuq, hija essenzjalment intiża biss li tipprovdi tabella ta’ analiżi tal-mudelli “agħti l-kunsens jew ħallas” tal-pjattaformi online kbar fid-dawl tar-regoli stabbiliti fir-Regolament 2016/679 dwar il-validità tal-kunsens u ma hijiex intiża li tipproduċi fiha nnifisha effetti legali obbligatorji. Huwa bbażat, min-naħa l-oħra, fuq avvenimenti futuri u inċerti, peress li l-fatt li l-Awtorità Irlandiża għall-Protezzjoni tad-Data tiddeċiedi li tapplika minn jeddha din it-tabella ta’ analiżi jew il-fatt li l-EDPB jadotta deċiżjoni vinkolanti f’dan il-qasam huma biss sempliċi eventwalitajiet.

54

Għalhekk, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu reali u ċert ma hijiex issodisfatta.

55

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali, din tal-aħħar tikkonċerna l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta biżżejjed bejn l-aġir li bih ikunu akkużati l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni u d-dannu, liema rabta huwa r-rikorrent li għandu jipprovaha, b’mod li l-allegat aġir ikun il-kawża determinanti tad-dannu (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs ASPLA u Armando Álvarez, C‑174/17 P u C-222/17 P, EU:C:2018:1015, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir li bih tkun akkużata l-Unjoni u l-allegat dannu, għandu jiġi eżaminat jekk l-att illegali inkwistjoni jkunx il-kawża diretta tal-allegat dannu (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2010, Sungro vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑252/07, T‑271/07 u T‑272/07, EU:T:2010:17, punt 49).

56

Issa, f’dan il-każ, huwa ċar li tali rabta ma hijiex stabbilita bejn l-Opinjoni kkontestata u d-dannu allegat minn Meta. Fil-fatt, mill-analiżi li saret fil-punti 20 sa 36 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Opinjoni kkontestata ma għandha ebda effetti legali obbligatorji, jew fi kliem ieħor ma għandha ebda effetti vinkolanti. Konsegwentement, ma tistax tkun kawża diretta biżżejjed tal-possibbiltà ta’ tnaqqis fid-dħul li Meta tallega li qiegħda tistenna li jseħħ. Tali dannu jista’ jirriżulta direttament minn aġir volontarju ta’ din tal-aħħar jew minn kwalunkwe deċiżjoni li torbotha, li jwassluha tipproponi lill-utenti alternattiva mingħajr ħlas u barra l-għażla bejn, minn naħa, l-għoti tal-kunsens tagħhom sabiex jirċievu reklamar li jagħraf l-imġiba u, min-naħa l-oħra, il-ħlas sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizz ikkonċernat mingħajr ma jirċievu dan it-tip ta’ reklamar.

57

It-talbiet kollha mressqa fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala manifestament infondati fid-dritt, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li l-EDPB huwa akkużat bih.

58

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan, Chamber of Progress.

Fuq l-ispejjeż

60

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Meta ħarġet telliefa, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, u dan skont it-talbiet tal-EDPB.

61

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk, bħal f’dan il-każ, l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel ma tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent, min ikun ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. Peress li t-talbiet għal intervent la ġew innotifikati lil Meta u lanqas lill-EDPB u li, għalhekk, dawn ma tqegħdux f’pożizzjoni li setgħu jsostnu spejjeż f’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-Kunsill, il-Parlament u Chamber of Progress għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

 

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u minn Chamber of Progress.

 

3)

Meta Platforms Ireland Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

 

4)

Il-Kunsill, il-Parlament u Chamber of Progress huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ April 2025.

Ir-Reġistratur

V. Di Bucci

Il-President

O. Porchia


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.