Kawża T-248/24

EC.

vs

Il-Parlament Ewropew

Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-5 ta’ Mejju 2025

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament Ewropew – Privileġġi u immunitajiet – Rifjut tal-Parlament li jilqa’ talba intiża għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet – Flagrante delicto – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Inammissibbiltà”

Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Rifjut tal-Parlament Ewropew li jilqa’ talba intiża għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet ta’ wieħed mill-membri tiegħu – Flagrante delicto – Atti mhux intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 9(1)(b) u (3); Regoli ta’ Organizzazzjoni Interna tal-Parlament Ewropew, Artikoli 7 sa 9)

(ara l-punti 15 sa 17, 21 sa 26, 28 sa 38)

Sunt

Permezz tad-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ( 1 ) ippreżentat minn Membru tal-Parlament Ewropew kontra l-att li permezz tiegħu l-Parlament Ewropew irrifjuta li jilqa’ t-talba tagħha għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet. B’hekk hija qieset li fil-każ ta’ flagrante delicto, tali att ma jistax jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament, sa fejn ma jipproduċix effetti legali vinkolanti.

Ir-rikorrenti kienet Membru tal-Parlament mill-2014 sal-2024. Peress li ma ġietx eletta mill-ġdid fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2024, il-mandat tagħha ntemm fis-16 ta’ Lulju 2024. Fid-9 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrenti ġiet arrestata fil-Belġju, fejn hija tqiegħdet għal ħames xhur f’detenzjoni preventiva, li minnhom erba’ xhur kienu fil-ħabs. Sar tiftix fid-domiċilju tagħha u ttieħdu miżuri kawtelatorji fil-konfront tagħha mingħajr ma tneħħiet l-immunità tagħha.

Fl-1 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrenti ressqet talba għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet tagħha quddiem il-Presidenta tal-Parlament abbażi tar-Regolament Intern tal-Parlament ( 2 ) u tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ( 3 ). F’din it-talba, hija allegat il-ksur tal-immunità tagħha minħabba l-arrest tagħha fid-9 ta’ Diċembru 2022 u l-miżuri meħuda kontriha sussegwentement.

Fil-11 ta’ Marzu 2024, il-Presidenta tal-Parlament ħabbret f’seduta plenarja li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li lilu kienet intbagħtet it-talba tar-rikorrenti, kien ikkonkluda li din it-talba kienet inammissibbli b’applikazzjoni diretta tal-Protokoll Nru 7, li jipprevedi li l-immunità ma tistax tiġi invokata fil-każ ta’ flagrante delicto.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Sabiex tevalwa jekk l-att tal-Parlament, li permezz tiegħu dan irrifjuta li jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti, jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk dan jistax jipproduċi effetti legali vinkolanti.

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li r-rikorrenti, eletta fi Stat Membru differenti mill-Belġju u arrestata, miżmuma u mħarrka fil-Belġju, kellha titqies li invokat biss l-immunità, jew invjolabbiltà, prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ( 4 ). Barra minn hekk, it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrenti ( 5 ) ma ntalbitx peress li l-awtoritajiet sostnew li dan kien każ ta’ flagrante delicto.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

Minn naħa, il-kompetenza tal-Parlament li jiddefendi l-immunità tista’ tirriżulta mill-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ( 6 ), sa fejn din id-dispożizzjoni timplika li l-firxa u l-portata tal-immunità li jgawdu minnha l-membri tal-Parlament Ewropew fit-territorju nazzjonali tagħhom huma ddeterminati mid-diversi drittijiet nazzjonali li din tirreferi għalihom. Dan jimplika li, fil-każ fejn id-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura għall-ħarsien tal-immunità tal-membri tal-parlament nazzjonali, li tippermettilu jintervjeni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija, l-istess setgħat jiġu rrikonoxxuti lill-Parlament fir-rigward tal-membri tal-Parlament Ewropew eletti f’isem dan l-Istat.

Min-naħa l-oħra, u bil-kontra, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma jirreferix għad-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, ma jistax iservi bħala bażi għall-kompetenza tal-Parlament li jiddefendi l-immunità ta’ membru tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, id-dritt esklużiv tal-Parlament li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jattribwixxi lil din l-istituzzjoni l-kompetenza esklużiva biex tiddeċiedi, b’effett vinkolanti, jekk membru tal-Parlament Ewropew jibbenefikax jew le mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan l-istess protokoll fir-rigward tal-fatti li huwa akkużat bihom. Fil-fatt, il-formulazzjoni negattiva tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tipprevedi biss żewġ limiti għall-immunità, jew għall-invjolabbiltà. Minn naħa, meta jitwettaq reat flagranti, din l-immunità ma tistax tiġi invokata, u għalhekk inqas u inqas tista’ tiġi difiża. Min-naħa l-oħra, l-istess immunità ma tistax tostakola d-dritt tal-Parlament li jneħħiha.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-preżervazzjoni tal-effett utli tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 ma tistax twassal għal ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mwettaq mit-Trattati. Issa, dan ikun il-każ jekk mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jiġi dedott li l-Parlament għandu l-kompetenza esklużiva biex jiddetermina, b’effett vinkolanti, jekk il-proċedura ġudizzjarja mibdija fir-rigward ta’ membru tal-Parlament Ewropew tikkontestax jew le l-immunità tiegħu, filwaqt li din il-kompetenza taqa’, bħala regola ġenerali, primarjament taħt l-awtoritajiet li jmexxu proċeduri ġudizzjarji.

Fil-fatt, jekk l-awtoritajiet li jmexxu proċeduri ġudizzjarji jikkonstataw li l-fatti li huwa akkużat bihom membru tal-Parlament Ewropew huma koperti mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, huma ġeneralment obbligati, jekk jixtiequ jkomplu dawn il-proċeduri, li jitolbu t-tneħħija ta’ din l-immunità mill-Parlament. Madankollu, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, fil-każ ta’ reat flagrante delicto, dawn l-awtoritajiet ma humiex obbligati jitolbu t-tneħħija tal-immunità, peress li, f’tali każ, l-immunità ma tistax tiġi invokata. Għalhekk, l-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi konkluża sitwazzjoni ta’ flagrante delicto jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dawn l-awtoritajiet, u b’hekk ma jiddependix mill-opinjoni tal-Parlament.

Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, barra minn hekk, li interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 li tgħid li l-Parlament għandu l-kompetenza li jiddeċiedi jekk il-proċedura ġudizzjarja mibdija fir-rigward ta’ membru tal-Parlament Ewropew tpoġġix indiskussjoni jew le l-immunità tiegħu fil-każijiet kollha ta’ reati mwettqa minn membri tal-Parlament Ewropew mingħajr eċċezzjoni, inkluż fil-każ ta’ flagrante delicto, tneħħi l-effett utli tal-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni.

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, anki flimkien ma’ dawk tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, ma jagħtu ebda kompetenza lill-Parlament sabiex jadotta deċiżjoni ta’ difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet. Għalhekk, fil-każ ta’ flagrante delicto, deċiżjoni ta’ difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet adottata abbażi tar-Regolament Intern tal-Parlament ma tistax tipproduċi effetti vinkolanti fir-rigward ta’ terzi. Konsegwentement, l-att ikkontestat, li rrifjuta li jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti, lanqas ma kkostitwixxa att li jipproduċi effetti legali vinkolanti u għalhekk ma setax jiġi kkontestat permezz tar-rikors għal annullament.


( 1 ) Artikolu 263 TFUE.

( 2 ) Artikolu 5(2) u Artikoli 7, 8 u 9 tar-Regolament Intern tal-Parlament applikabbli għad-disa’ leġiżlatura (2019-2024) (ĠU 2019, L 302, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Intern tal-Parlament”).

( 3 ) Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”).

( 4 ) Skont din id-dispożizzjoni, matul is-sessjonijiet tal-Parlament, il-membri tiegħu jibbenefikaw, fit-territorju ta’ kull Stat Membru li ma huwiex tagħhom, mill-eżenzjoni minn kull miżura ta’ detenzjoni u minn kull prosekuzzjoni ġudizzjarja.

( 5 ) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi li l-immunità ma tistax tiġi invokata fil-każ ta’ reat in flagrante delicto u lanqas ma tista’ tostakola d-dritt tal-Parlament li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-membri tiegħu.

( 6 ) Skont din id-dispożizzjoni, il-membri tal-Parlament igawdu fit-territorju nazzjonali tagħhom mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tal-pajjiż tagħhom.