SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
19 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Lav – Artikolu 18(1) u Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Prova tal-użu ġenwin – Evalwazzjoni tal-provi – Oneru tal-prova mhux raġonevoli jew eċċessiv – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”
Fil-Kawża T‑564/24,
Gürok Turizm ve Madencilik AŞ, stabbilita f’Kütahya (it-Turkija), irrappreżentata minn J. Erdozain López, J. Vicente Martínez u M. López Camba, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Stoyanova‑Valchanova, bħala aġenta,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet
Olav GmbH, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn P. Škvařilová‑Pelzl (Relatriċi), Presidenta, I. Nõmm u D. Kukovec, Imħallfin,
Reġistratur: J. Čuboň, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Gürok Turizm ve Madencilik AŞ, qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑22 ta’ Awwissu 2024 (Każ R 215/2024‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija l-proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 011224771, irreġistrata fil‑25 ta’ Marzu 2013 wara applikazzjoni ppreżentata fit‑28 ta’ Settembru 2012 minn Gürallar YAPI Malzemeleri Ve Kimya Sanayii Anonim Sirketi, id-dante causa tagħha, għas-sinjal figurattiv li ġej: |
|
3 |
Il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq kienu jaqgħu taħt il-klassijiet 8, 11, 19, 21, 35, 37, 39, 41 u 43 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
|
4 |
Fit‑8 ta’ Diċembru 2022, Olav GmbH, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, ressqet talba għal revoka tat-trade mark imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha li għalihom l-imsemmija trade mark kienet ġiet irreġistrata, abbażi tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90765), minħabba li din it-trade mark ma ntużatx b’mod ġenwin matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin. |
|
5 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2023, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet parzjalment it-talba u ddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, minbarra l-“kontenituri għat-tindif jew għat-tisjir; oġġetti tal-ħġieġ li ma humiex inklużi fi klassijiet oħra; platti, vażetti, kaxxi tal-gallettini, tazzi tal-ħġieġ, tazzi, gabarrejiet, karaffi, reċipjenti ta’ fuq il-mejda (minbarra skieken, frieket u mgħaref) tal-ħġieġ, jiġifieri skutelli, maggijiet, platti, buqari”, li jaqgħu taħt il-klassi 21. |
|
6 |
Fit‑28 ta’ Jannar 2024, Olav GmbH ippreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn ir-revoka tat-trade mark ikkontestata ma kinitx ġiet iddikjarata fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. |
|
7 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, billi essenzjalment qies li l-provi li pproduċiet ir-rikorrenti ma kinux jilħqu l-livell meħtieġ ta’ saħħa probatorja sabiex tkun tista’ tintwera l-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata u li n-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet addizzjonali u ta’ cross‑reference min-naħa tar-rikorrenti kien jipprekludi li l-imsemmija provi jkunu jistgħu jitqiesu bħala sodi, oġġettivi u suffiċjenti. |
It-talbiet tal-partijiet
|
8 |
Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
9 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata. |
|
10 |
Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ssupplimentat it-talbiet tagħha billi talbet lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, tirriforma d-deċiżjoni kkontestata. |
|
11 |
Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-kap tat-talbiet tagħha intiż li Olav GmbH tiġi kkundannata għall-ispejjeż, peress li din tal-aħħar ma kinitx parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta. |
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà ta’ wħud mill-kapijiet tat-talbiet
Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż li d-deċiżjoni kkontestata tiġi rriformata
|
12 |
Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali kap ta’ talbiet addizzjonali intiż li, sussidjarjament, id-deċiżjoni kkontestata tiġi rriformata. Essenzjalment, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata, bħalma kkonstatat id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li t-trade mark ikkontestata ma ntużatx b’mod ġenwin u dan abbażi tal-provi prodotti matul il-fażi prekontenzjuża. |
|
13 |
Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, japplika għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi t-talbiet tar-rikorrent. It-talbiet għandhom jiġu spjegati b’mod preċiż u mingħajr ambigwità, inkella jkun hemm riskju li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni infra jew ultra petita u li jinkisru d-drittijiet tal-konvenut (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, Petco Animal Supplies Stores vs UASI – Gutiérrez Ariza (PETCO), T‑664/13, EU:T:2015:791, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, talbiet ġodda mressqa għall-ewwel darba waqt is-seduta ma jistgħux jiġu aċċettati mingħajr ma l-konvenut jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jħejji r-risposta tiegħu u, b’hekk, mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2005, Il‑Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et, C‑294/02, EU:C:2005:172, punt 75, u tal‑15 ta’ Settembru 2021, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, T‑364/15, mhux ippubblikata, EU:T:2021:593, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
14 |
B’hekk, huma biss it-talbiet spjegati fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet inklużi fl-imsemmi rikors. L-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti l-produzzjoni ta’ motivi ġodda kemm‑il darba dawn tal-aħħar ikunu bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jsiru magħrufa waqt il-proċedura. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni tirregola a fortiori kull emenda tat-talbiet u, fin-nuqqas ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt li jsiru magħrufa waqt il-proċedura bil-miktub, huma biss it-talbiet fir-rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, PETCO,T‑664/13, EU:T:2015:791, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
15 |
Issa, f’dan il-każ, it-talba għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata ma hija bbażata fuq ebda punt ġdid, fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod li, anki li kellu jitqies li r-rikorrenti riedet tadatta t-talbiet tagħha waqt is-seduta, tali emenda ma setgħetx tiġi aċċettata billi ma sar magħruf ebda punt ta’ liġi u ta’ fatt ġdid matul il-proċedura. |
|
16 |
Dan ifisser li l-kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż, sussidjarjament, li tiġi rriformata d-deċiżjoni kkontestata, ippreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, huwa inammissibbli. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet li permezz tiegħu l-EUIPO qiegħed jaqbel mat-talbiet tar-rikorrenti
|
17 |
Permezz tal-kap tat-talbiet uniku tiegħu, l-EUIPO qiegħed jaqbel mat-talbiet tar-rikorrenti intiżi li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. |
|
18 |
Issa, għalkemm, minn banda, l-EUIPO ma għandux il-leġittimazzjoni attiva meħtieġa sabiex jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, mill-banda l-oħra, huwa ma huwiex obbligat jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta’ Bord tal-Appell jew tabilfors jitlob li kull rikors li jikkontesta tali deċiżjoni jiġi miċħud. Ma hemm xejn li jżomm lill-EUIPO milli jaqbel ma’ talba ta’ rikorrent jew milli jħalli f’idejn il-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li jressaq dawk l-argumenti li jidhrulu xierqa sabiex jiggwida lill-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, huwa ma jistax jitlob li tiġi annullata jew irriformata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq punt li ma jkunx tqajjem fir-rikors jew jippreżenta motivi li ma jkunux tqajmu fir-rikors (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg), T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
19 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti qiegħda tilmenta li l-Bord tal-Appell, essenzjalment, impona, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka, rekwiżit ta’ kwalità tal-prova tant għolja li jikkostitwixxi restrizzjoni oneruża ħafna u ftit li xejn prattika sabiex jintwera l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell għamel żball ta’ evalwazzjoni meta qies li l-provi relatati mal-portata tal-użu tal-imsemmija trade mark ma kinux biżżejjed sabiex dan tal-aħħar jitqies bħala ġenwin. |
|
20 |
L-EUIPO jsostni, essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrenti u jilmenta li l-Bord tal-Appell impona, fiċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi tal-każ, rekwiżit ta’ kwalità tal-prova mhux raġonevoli, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
|
21 |
Dan ifisser li l-kap tat-talbiet uniku, li permezz tiegħu l-EUIPO qiegħed jaqbel mat-talbiet tar-rikorrenti għal annullament, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, sa fejn dan tal-aħħar u l-argumenti mressqa insostenn tiegħu ma jaqgħux barra mill-iskop tat-talbiet u tal-argumenti imressqa mir-rikorrenti. |
Fuq il-mertu
|
22 |
Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 58(1) u (2) tar-Regolament Nru 2017/1001. Essenzjalment, hija tilmenta li l-Bord tal-Appell kien tal-fehma li l-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata ma setgħetx tintwera, u dan minħabba n-natura probatorja dgħajfa tal-provi prodotti, u li huwa kkritikaha talli naqset milli tagħti spjegazzjonijiet addizzjonali, kif ukoll milli tagħmel xogħol ta’ cross‑referencing elaborat biżżejjed tal-provi kollha prodotti insostenn tal-argumenti tagħha. |
|
23 |
L-EUIPO jsostni wkoll li l-Bord tal-Appell impona oneru tal-prova mhux raġonevoli fuq ir-rikorrenti. |
|
24 |
Madankollu, l-EUIPO jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-provi u tal-argumenti miġjuba mir-rikorrenti fil-punti 41 u 42 tar-rikors, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
25 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti, sabiex iġġib il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, ipproduċiet il-provi li ġejjin:
|
|
26 |
Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-punti 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati b’raġunament kontradittorju sa fejn, minn naħa, il-Bord tal-Appell semma l-attività tar-rikorrenti u tad-dante causa tagħha, proprjetarja tat-trade mark ikkontestata, fl-industrija tal-ħġieġ u tal-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti inkwistjoni lejn 140 pajjiż, fosthom Spanja u Franza, kif ukoll l-eżistenza ta’ uffiċċju ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ fl-Italja u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ikkonkluda, fil-punt 72 tal-istess deċiżjoni, li l-uniku riferiment ċar dwar it-territorju rilevanti kien dak għat-Turkija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-katalgi inkwistjoni, kif ippreżentati fl-Annessi 10 u 11, fihom riferimenti bl-Ispanjol u bil-Franċiż u ssostni li l-użu esklużiv tal-Ingliż u tat-Tork għall-katalgi huwa ġġustifikat bl-eżistenza ta’ verżjoni unika għad-distribuzzjoni internazzjonali. |
|
27 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-dokumenti pprovduti fl-Annessi 4 sa 9 huma sensiela ta’ dokumenti doganali li fihom l-indikazzjoni tal-użu tat-trade mark ikkontestata bl-element “lav”, li jidher fl-imsemmija dokumenti indirizzati lil kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea kollha. Barra minn hekk, hija ssostni li l-fatturi kollha fihom riferiment komuni għall-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, identifikati mill-istess struttura testwali magħmula mill-ittri kapitali “LV” u warajhom ħajfin qabel ir-referenza speċifika tal-prodott ikkonċernat. |
|
28 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssemmi numru totali ta’ 2 919‑il linja bir-referenza LV fuq il-fatturi relatati mal-bejgħ ta’ prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, maqsuma tul il-perijodu rilevanti kollu u li l-ammont totali tagħhom jammonta għal iktar minn EUR 6.485 miljuni. |
|
29 |
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell essenzjalment għamel żball ta’ evalwazzjoni meta, fil-punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li l-fatturi prodotti ma kinux jipprovaw li prodotti li allegatament kellhom fuqhom it-trade mark ikkontestata kienu qatt ġew offruti f’posta tal-bejgħ tal-Unjoni, u inqas u inqas qatt inxtraw minn konsumatur finali u li, barra minn hekk, kien diffiċli li wieħed jsir jaf meta l-prodotti li allegatament intbagħtu “lejn l-Ewropa” kienu effettivament inbiegħu f’xi posta tal-bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għamel żball ta’ liġi meta qies, għall-ewwel darba matul il-fażi prekontenzjuża, li hija kienet obbligata tipproduċi l-prova tal-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni direttament lill-konsumaturi finali. |
|
30 |
Il-ħames nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jirriżultaw mill-punti 82 sa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, huwa minnu li l-kodiċijiet ta’ prodotti u d-deskrizzjonijiet fuq fattura setgħu jirreferu għal prodotti li jinsabu f’katalgu u kkummerċjalizzati bit-trade mark li l-użu ġenwin tagħha kellu jiġi pprovat, iżda din is-sitwazzjoni kienet waħda ipotetika per se u evidentement ma setgħetx tiġi ekwiparata mal-prova soda u oġġettiva tal-użu effettiv u suffiċjenti li kienet meħtieġa sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin. |
|
31 |
Fil-fehma tar-rikorrenti, ma kienx raġonevoli li hija tiġi obbligata tistabbilixxi rabta bejn kull waħda mill‑2 919‑il linja identifikata fil-fatturi u li ssemmi l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata mar-referenzi u mar-ritratti li jinsabu fil-katalgi. Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li jeżistu deskrizzjonijiet ta’ prodotti li huma marbuta mar-referenzi msemmija fil-packing lists li jinsabu fl-Annessi 4 sa 9. Tali obbligu huwa, fil-fehma tagħha, restrizzjoni tassew oneruża u ftit li xejn prattika. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma kellu ebda raġuni għalxiex jastjeni milli jivverifika l-cross‑references li għamlet id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u lanqas milli jagħmel dan huwa nnifsu matul l-analiżi tiegħu. |
|
32 |
Is-sitt nett, sa fejn għandha x’taqsam il-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti tqis li l-provi prodotti fl-Annessi 4 sa 9 kienu jinkludu numru kbir ta’ fatturi li kienu biżżejjed, fihom infushom, sabiex tintwera l-kwantità sostanzjali ta’ prodotti mibjugħa u, għaldaqstant, il-portata tal-użu tal-imsemmija trade mark. |
|
33 |
B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-ammonti akkumulati tal-bejgħ li sar jirriżultaw mill-fatturi indirizzati lil destinatarji stabbiliti fit-territorju rilevanti u dan huwa kkorroborat wkoll mill-packing lists u mid-dokumenti doganali pprovduti insostenn tagħhom. Barra minn hekk, fil-fehma tar-rikorrenti, l-ammonti ffatturati f’euro kienu jikkonċernaw il-prodotti li għandhom fuqhom l-element “lav”. |
|
34 |
L-EUIPO jsostni, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell ma għamel ebda żball ta’ evalwazzjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fir-rigward tad-destinatarji tal-fatturi u li, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ma ssuġġeriex li l-użu kellu jiġi indirizzat lill-konsumaturi finali sabiex jiġi aċċettat bħala użu estern. |
|
35 |
Fit-tieni lok, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-oneru u l-livell ta’ prova, l-EUIPO jirrileva li l-Bord tal-Appell irrikonoxxa, l-ewwel nett, fil-punti 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dokumenti li jinsabu fl-Annessi 4 sa 9 ma kellhomx, fil-parti l-kbira, bżonn ta’ spjegazzjoni u kienu jinkludu kodiċi ta’ prodotti kif ukoll riferimenti għat-trade mark ikkontestata, it-tieni nett, fil-punti 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatturi u d-dokumenti kummerċjali kienu juru li l-prodotti kienu jinbiegħu mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jew, bil-kunsens tagħha, lil diversi entitajiet f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, b’tali mod li l-provi kienu jipprovdu biżżejjed indikazzjonijiet dwar il-portata territorjali tal-allegat użu, it-tielet nett, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata kienet tidher fl-indikazzjoni tal-prodott fuq il-fatturi u fid-dokumenti kummerċjali, fuq il-katalgi u fuq l-iscreenshots tal-paġni tas-sit internet tar-rikorrenti u li l-użu ta’ din it-trade mark kien wieħed pubbliku, estern u manifest għall-klijenti attwali jew potenzjali tal-prodotti u, ir-raba’ nett, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-katalgi pprovduti kienu juru l-użu tat-trade mark ikkontestata fir-rigward ta’ varjetà ta’ prodotti koperti minn din tal-aħħar. |
|
36 |
Fit-tielet lok, l-EUIPO kkonstata li l-Bord tal-Appell kien stabbilixxa, għall-kuntrarju, fil-punti 83, 84 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat il-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata peress li hija ma kinitx tat spjegazzjonijiet jew ipproduċiet provi li jippermettu li tiġi stabbilita rabta ċara bejn il-prodotti eżatti indikati fuq il-varji fatturi u fil-bqija tad-dokumenti, inkluż id-diversi kodiċijiet ta’ prodotti. Barra minn hekk, l-EUIPO josserva li l-Bord tal-Appell qies li l-cross‑references setgħu jagħtu lill-fatturi l-valur probatorju meħtieġ li kien nieqes mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet iddeċidiet abbażi ta’ sempliċi probabbiltajiet jew preżunzjonijiet. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, l-EUIPO jsostni, bħar-rikorrenti fir-rikors, li l-Qorti Ġenerali diġà kkonfermat li paragun diliġenti tal-kodiċi ta’ prodotti fuq ir-riproduzzjonijiet ta’ prodotti fir-ritratti u fil-katalgi, minn naħa, u fuq il-fatturi, min-naħa l-oħra, ma kienx jekwivali għal sempliċi stima tal-probabbiltà jew għal sempliċi suppożizzjoni, iżda kien jimplika proċess razzjonali u loġiku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu ġenwin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2024, W. B. Studio vs EUIPO – E.Land Italy (BF BELFE), T‑54/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:481, punti 60 u 61). Barra minn hekk, l-EUIPO josserva li l-Bord tal-Appell irrikonoxxa, fil-punti 79, 80, 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata, ix-xogħol tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u kkonferma d-deskrizzjonijiet tal-prodotti li jinsabu fid-dokumenti li jinkludu riferimenti għat-trade mark ikkontestata. Fil-fehma tiegħu, l-imsemmija riferimenti jinkludu wkoll deskrizzjoni qasira tal-prodotti li jippermettu li fil-fatturi jiġu identifikati seba’ eżempji ta’ kodiċi ta’ prodotti li jistgħu jiġu assoċjati mal-katalgi u dan skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell. Fil-fatt, ir-rikorrenti spjegat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-prova tal-użu tal‑14 ta’ April 2023 u fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għar-rikors tat‑22 ta’ Mejju 2024, li n-numri ta’ referenza li jinsabu fil-paġni 122 sa 127 tal-katalgu prodott fl-Anness 10 setgħu jkunu s-suġġett ta’ cross‑reference mal-fatturi. Hija pprovdiet ukoll lista ta’ prodotti bir-referenza u li jidhru fuq l-istampi. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-raba’ lok, l-EUIPO huwa tal-fehma li r-rikorrenti ma kellhiex għalxiex tagħti spjegazzjonijiet addizzjonali sabiex torbot kull wieħed mill-oġġetti msemmija fil-fatturi u fil-katalgi ta’ prodotti, b’tali mod li l-Bord tal-Appell kien impona, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, oneru tal-prova mhux raġonevoli fis-sens tar-Regolament 2017/1001 u tal-punt 31 tas-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2022, Louis Vuitton Malletier vs EUIPO – Wisniewski (Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ bord tad-drafts II) (T‑275/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:654). |
|
39 |
Konsegwentement, l-EUIPO astjena milli jippreżenta osservazzjonijiet bi tweġiba għall-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
40 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 u l-Artikolu 58(1)(a) tal-istess regolament, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati rrevokati, fuq talba mressqa quddiem l-EUIPO, jekk, tul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, din it-trade mark ma tkunx intużat b’mod ġenwin fl-Unjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata, u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta’ użu tagħha. |
|
41 |
Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-użu ġenwin, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1) japplikamutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ revoka u dan skont l-Artikolu 19(1) ta’ dan l-istess regolament. L-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament delegat jipprevedi li l-prova tal-użu għandha tikkonċerna l-post, it-tul ta’ żmien, il-portata u n-natura tal-użu li jkun sar mit-trade mark ikkontestata. |
|
42 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Delegat 2018/625, il-prova tal-użu ġenwin hija limitata għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn, bħal pakketti, tikketti, listi ta’ prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti u reklami fil-gazzetti, kif ukoll dikjarazzjonijiet bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001. |
|
43 |
Fi proċedimenti ta’ revoka ta’ trade mark, huwa l-proprjetarju ta’ din tal-aħħar li għandu, bħala prinċipju, jistabbilixxi l-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Klement vs EUIPO, C‑698/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:48, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
L-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li juru użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat Għalhekk, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Euroapotheca vs EUIPO – General Nutrition Investment (GNC LIVE WELL), T‑686/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:320, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Ma huwiex meħtieġ li kull prova tinkludi informazzjoni dwar kull wieħed mill-erba’ fatturi li għandha tikkonċerna l-prova tal-użu ġenwin, jiġifieri l-post, it-tul ta’ żmien, in-natura u l-portata tal-użu. Assjem ta’ provi jista’ jippermetti li jiġu stabbiliti l-fatti li għandhom jiġu pprovati, imqar jekk kull waħda minn dawn il-provi ma tkunx, minnha nnifisha, biżżejjed sabiex tikkostitwixxi l-prova tal-eżattezza ta’ dawn il-fatti (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Meblo Trade vs EUIPO – Meblo Int (MEBLO), T‑263/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:134, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-kwistjoni jekk trade mark tkunx intużat b’mod ġenwin għandha tiġi evalwata globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha. Għalhekk, din ma hijiex kwistjoni li kull waħda mill-provi tiġi analizzata għaliha nnifisha, iżda li l-provi jiġu analizzati flimkien, sabiex jiġi identifikat is-sens l-iktar probabbli u koerenti tagħhom (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Recaro vs UASI – Certino Mode (RECARO), T‑524/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:604, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Preliminarjament, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, sa fejn it-tul ta’ żmien, il-post u n-natura tal-użu tat-trade mark ikkontestata ma humiex ikkontestati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandhom jiġu eżaminati l-provi prodotti u l-argumenti mressqa mill-partijiet sa fejn dawn jikkonċernaw il-portata tal-użu ġenwin u l-oneru tal-prova ta’ dan l-użu li jaqa’ fuq il-proprjetarju tal-imsemmija trade mark. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li huwa stabbilit bejn il-partijiet u li mill-punti 6 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-perijodu rilevanti għat-tul tal-użu tat-trade mark ikkontestata huwa mit‑8 ta’ Diċembru 2017 sas‑7 ta’ Diċembru 2022. |
|
48 |
It-tieni nett, mill-punti 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-provi li pproduċiet ir-rikorrenti, li hija entità stabbilita barra mill-Unjoni, jiġifieri t-Turkija, kienu juru li l-prodotti tagħha kienu jinbiegħu minnha jew, bil-kunsens tagħha, minn distributuri oħra lil diversi entitajiet f’numru ta’ Stati Membri tal-Unjoni fosthom, b’mod partikolari, il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, id-Danimarka, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Isvezja, u li l-muniti msemmija fuq id-diversi fatturi u fid-diversi dokumenti kummerċjali kienu prinċipalment l-euro. |
|
49 |
It-tielet nett, sa fejn għandha x’taqsam in-natura tal-użu tat-trade mark ikkontestata, mill-punti 51 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-provi kienu jinkludu biżżejjed eżempji tal-użu tal-imsemmija trade mark sabiex jiġi konkluż li din tal-aħħar kienet użata fir-rigward ta’ prodotti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom. |
|
50 |
Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 51 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata kienet intużat bħala trade mark fil-kummerċ, b’mod partikolari peress li l-imsemmija trade mark kienet intużat b’mod pubbliku, estern u manifest għal klijenti attwali jew potenzjali tal-prodotti inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet ġiet stabbilita b’mod suffiċjenti rabta ċara bejn, minn naħa, l-imsemmi użu bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali u bħala mezz ta’ reklamar u, min-naħa l-oħra, il-prodotti rilevanti li jaqgħu fil-klassi 21 li huma s-suġġett tar-rikors. |
|
51 |
Barra minn hekk, il-ħames nett, fil-punti 54 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-provi li pproduċiet ir-rikorrenti kienu juru, essenzjalment, l-użu tas-sinjal kif kien ġie rreġistrat. |
|
52 |
Madankollu, sa fejn għandha x’taqsam il-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell qies, għall-kuntrarju tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li huwa ma setax jikkonkludi, abbażi tal-provi fl-assjem tagħhom, li l-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark kien ġie pprovat b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-prodotti rilevanti li huma s-suġġett tar-rikors u li, barra minn hekk, l-imsemmi użu ma setax, f’dan is-sens, jintwera permezz ta’ sempliċi probabbiltajiet jew preżunzjonijiet. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-katalgi ppreżentati fl-Annessi 10 u 11, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 71 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn tal-aħħar kienu pprovduti bl-Ingliż u bit-Tork, li kienu jikkonċernaw is-snin 2014 u 2023 u li kienu juru b’mod ċar it-trade mark ikkontestata fil-forma ta’ trade mark verbali jew ta’ sinjal figurattiv relatat ma’ diversi prodotti tal-ħġieġ, iżda li ma setgħet tinġibed ebda konklużjoni dwar il-portata ta’ tali użu peress li kien diffiċli li jiġu stabbiliti l-postijiet fejn kienu ġew stampati jew ippubblikati l-katalgi jew li jintwerew il-postijiet u n-natura tad-distribuzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-katalgi ma kinux jipprovaw li l-prodotti inkwistjoni kienu effettivament ġew offruti bit-trade mark ikkontestata matul il-perijodu rilevanti u fit-territorju rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkritika wkoll lir-rikorrenti talli naqset milli tissottometti informazzjoni addizzjonali. |
|
54 |
It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies li huwa minnu li l-provi li pproduċiet ir-rikorrenti kienu bbażati ħafna fuq il-fatturi u d-dokumenti kummerċjali prodotti fl-Annessi 4 sa 9, li kienu juru l-bejgħ effettiv tal-prodotti inkwistjoni. Madankollu, huwa qies li dawn id-dokumenti ma kellhomx il-valur probatorju meħtieġ, sa fejn, essenzjalment, kien impossibbli li jiġu ddeterminati l-prodotti speċifiċi koperti mid-diversi kodiċijiet ta’ prodotti u l-volum kummerċjali tagħhom, il-frekwenza u t-tul tal-bejgħ, u sa fejn l-imsemmija fatturi ma kinux jipprovaw li prodotti li allegatament kellhom it-trade mark ikkontestata kienu qatt ġew offruti f’xi posta tal-bejgħ fl-Unjoni u inqas u inqas li nxtraw minn konsumatur finali. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkritika lir-rikorrenti talli ma pproduċiet la fatturi ta’ bejgħ lil distributuri lokali jew lil konsumaturi finali, la ritratti ta’ prodotti ta’ kwalità tajba fil-ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut fit-territorju tal-Unjoni u lanqas katalgi jew kull materjal ieħor ta’ reklamar li jipprovaw l-użu lejn il-konsumatur tal-Unjoni. |
|
55 |
F’dan is-sens, it-tielet nett, il-Bord tal-Appell, fil-punt 83 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment ikkritika lir-rikorrenti talli naqset milli tagħti iktar dettalji dwar il-kontenut tal-fatturi u dwar il-prodotti li speċifikament jissemmew fihom u dan billi ma tatx kas ix-xogħol ta’ referenzjar li għamlet id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Minħabba f’hekk, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma setgħetx tispjega l-eżistenza ta’ rabta ċara, imfissra u murija, li tippermetti li wieħed isir jaf għal liema prodotti tal-katalgi kienu qegħdin jirreferu l-kodiċi, u li kien impossibbli li mill-imsemmija kodiċi jiġu dedotti l-prodotti speċifiċi inkwistjoni u l-portata tal-użu tagħhom. Fil-fehma tal-Bord tal-Appell, in-nuqqas ta’ tali spjegazzjonijiet biddlet u dgħajfet il-valur probatorju tal-fatturi. Huwa qies ukoll, fil-punt 84 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi kollha prodotti ma kinux biżżejjed sabiex jikkostitwixxu assjem ta’ provi sodi u oġġettivi tal-użu effettiv. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Bord tal-Appell, l-imsemmi assjem ta’ provi ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies li huwa kien ġie essenzjalment imġiegħel jillimita l-eżami tiegħu, inkwantu dan tal-aħħar ma setax ikun ibbażat fuq preżunzjonijiet jew probabbiltajiet minħabba n-nuqqas ta’ provi konklużivi. |
|
56 |
Fl-aħħar u r-raba’ nett, fil-punt 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkritika lir-rikorrenti talli pprovdiet dokumenti ta’ kwalità medjokri ħafna tant li wieħed qajla seta’ jaqrahom jew jifhimhom u, fil-punt 86 tal-imsemmija deċiżjoni, talli pproduċiet fatturi li kienu jinkludu kodiċi ta’ prodotti li ma jinkludux ir-referenza “lv-” li tirreferi għat-trade mark ikkontestata. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies li l-ammonti totali ffatturati ma kinux jikkorrispondu għall-bejgħ esklużiv tal-prodotti koperti mill-imsemmija trade mark. |
|
57 |
Skont il-ġurisprudenza, u kif jirriżulta mill-punti 43 sa 45 iktar ’il fuq, minkejja li l-valur probatorju ta’ prova huwa limitat, inkwantu din ma tkunx, minnha nnifisha, turi b’ċertezza jekk il-prodotti kkonċernati jkunux tqiegħdu fis-suq u, jekk iva, il-mod kif ikunu tqiegħdu fis-suq, u minkejja li din il-prova ma hijiex għalhekk deċiżiva minnha nnifisha, hija tista’, madankollu, tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tan-natura ġenwina tal-użu. Dan japplika, pereżempju, meta din il-prova tkun tikkorrobora l-fatturi rilevanti l-oħra tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Anapurna vs UASI – Annapurna (ANNAPURNA), T‑71/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:105, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell seta’ faċilment jeżamina l-provi kollha li pproduċiet ir-rikorrenti u stabbilixxa, fuq din il-bażi u b’mod motivat, it-tul ta’ żmien, il-post u l-użu tat-trade mark ikkontestata. B’mod iktar speċifiku, fil-punti 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddikjara li d-dokumenti li jinsabu fl-Annessi 4 sa 9 ma kellhomx, fil-biċċa l-kbira, bżonn ta’ spjegazzjoni u kienu jinkludu kodiċi ta’ prodotti kif ukoll ir-riferimenti għat-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies ukoll li l-informazzjoni ewlenija li tinsab fid-dokumenti pprovduti kienet ċara u tinftiehem u dan kien jagħmilhom ferm espliċiti u suffiċjenti għall-finijiet ta’ din il-proċedura. |
|
59 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkontradixxa ruħu fil-motivi tiegħu billi lmenta li r-rikorrenti, fil-punti 84 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, ipproduċiet provi ta’ kwalità medjokri, li ma kinux jikkostitwixxu provi sodi u oġġettivi tal-użu tat-trade mark ikkontestata. |
|
60 |
Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ivvizzja wkoll id-deċiżjoni kkontestata b’raġunament kontradittorju meta kkonkluda, fil-punti 72 u 73 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-katalgi prodotti fl-Annessi 10 u 11 ma kinux jipprovaw li l-prodotti kkonċernati kienu ġew effettivament offruti għall-bejgħ fit-territorju rilevanti, f’liema territorju huwa kien preċedentement ikkonstata, fil-punti 70 u 71 tal-istess deċiżjoni, abbażi tal-imsemmija katalgi, li r-rikorrenti kienet attiva fl-industrija tal-ħġieġ u kienet tesporta l-prodotti tagħha lejn 140 pajjiż, fosthom Stati Membri tal-Unjoni, u wkoll, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ uffiċċju ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ ta’ parti mill-imsemmija prodotti fl-Italja. |
|
61 |
Fit-tielet lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-EUIPO, mill-punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell kellu l-ħsieb li, bħala prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata, jeħtieġ kull prova li tippermetti li jiġi pprovat il-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni lil konsumaturi finali fit-territorju tal-Unjoni. Issa, jekk wieħed iqis li l-użu estern ta’ trade mark, fis-sens tal-ġurisprudenza, neċessarjament jikkonsisti f’użu mmirat għall-konsumaturi finali, jiġri li t-trade marks użati biss fir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2017/1001. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti li għalih huma mmirati t-trade marks ma jinkludix biss il-konsumaturi finali, iżda wkoll speċjalisti, klijenti industrijali u utenti professjonali oħra (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2023, Worldwide Brands vs EUIPO – Wan (CAMEL), T‑552/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:98, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell għamel żball ta’ liġi meta talab lir-rikorrenti, essenzjalment, tipproduċi l-prova tal-bejgħ tal-prodotti kkonċernati lil konsumaturi finali bħala prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. Dan ifisser, barra minn hekk, li l-prova tal-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni lill-konsumaturi finali ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, b’mod li l-provi prodotti u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-punti 41 u 42 tar-rikors għandhom jiġu miċħuda u dan mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom. |
|
63 |
Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-proċess ma kienx fih provi suffiċjenti – anki li kellu wieħed jikkunsidrahom flimkien – li jippermettu li tiġi dedotta l-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa minnu li l-Annessi 10 u 11 ma jippermettux li jintwera b’mod ċar u mingħajr ambigwità l-użu tat-trade mark ikkontestata fit-territorju rilevanti u matul il-perijodu rilevanti. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, għandu jitqies li t-tul tal-ħajja kummerċjali ta’ prodott li ġeneralment idum perijodu partikolari u l-kontinwità tal-użu li tagħmel parti mill-indikazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li l-użu kien oġġettivament intiż li joħloq jew iżomm sehem fis-suq, id-dokumenti li jaqgħu barra mill-perijodu rilevanti, pjuttost milli jitqiesu bħala irrelevanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati flimkien mal-provi l-oħra, peress li dawn jistgħu jipproduċu l-prova ta’ użu kummerċjali effettiv u ġenwin tat-trade mark (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Polytetra vs UASI – EI du Pont de Nemours (POLYTETRAFLON), T‑660/11, EU:T:2015:387, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
F’dan il-każ, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Annessi 10 u 11 kienu juru l-użu manifest u estern tat-trade mark ikkontestata fil-kummerċ, bejn l‑2014 u l‑2023, jiġifieri tul perijodu itwal u iktar estensiv mill-perijodu rilevanti u dan kien jikkostitwixxi indizju rilevanti fl-evalwazzjoni tal-portata tal-użu fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Dan ifisser li l-Bord tal-Appell għamel żball ta’ evalwazzjoni meta, fl-evalwazzjoni tal-portata tal-użu, astjena milli jeżamina b’mod raġonevoli u globali l-Annessi 10 u 11, flimkien mar-referenzi u mal-provi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-Annessi 4 sa 9. |
|
66 |
It-tieni nett, fil-punti 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-fatturi u d-dokumenti kummerċjali kollha kienu juru li l-prodotti kkonċernati kienu nbiegħu mir-rikorrenti jew, bil-kunsens tagħha, lil diversi entitajiet f’diversi Stati Membri tal-Unjoni u li dawn il-provi kienu jipprovdu biżżejjed indikazzjonijiet dwar il-portata territorjali tal-allegat użu. Barra minn hekk, fil-punt 53 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell iddikjara li t-trade mark ikkontestata kienet tidher fl-indikazzjoni tal-prodotti li jinsabu fuq il-fatturi u fid-dokumenti kummerċjali, fil-katalgi u fl-iscreenshots tal-paġni tas-sit internet tar-rikorrenti, u li l-użu tat-trade mark ikkontestata kien wieħed pubbliku, estern u manifest għall-pubbliku tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-katalgi kienu juru l-użu tat-trade mark ikkontestata fir-rigward ta’ varjetà ta’ prodotti koperti minn din tal-aħħar. |
|
67 |
Mill-fajl tal-EUIPO jirriżulta li r-rikorrenti pprovdiet 902 paġna ta’ fatturi relatati mal-bejgħ ta’ numru kbir ta’ prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, li l-parti l-kbira tar-referenzi maqsuma tagħhom kienu jikkonċernaw espliċitament it-trade mark ikkontestata permezz tal-użu tal-element “lv” qabel il-kodiċi tal-prodott ikkonċernat, li jista’ jiġi ddeterminat bi tqabbil mal-katalgi pprovduti fl-Annessi 10 u 11. |
|
68 |
Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma huwiex raġonevoli li wieħed iqis li l-prodotti kkummerċjalizzati minn impriża ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti b’mod espliċitu mill-kodiċi tal-prodott tagħhom fil-katalgi tal-produttur tagħhom, peress li kien allegatament impossibbli li jiġi ddeterminat il-post fejn ġew stampati l-imsemmija katalgi u d-distribuzzjoni effettiva tagħhom fit-territorju rilevanti matul il-perijodu rilevanti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-fatt li l-prodotti jiġu offruti għall-bejgħ tul perijodu itwal minn dak li jiddefinixxi l-perijodu rilevanti jista’ preċiżament isaħħaħ l-argumenti favur il-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata. |
|
69 |
It-tielet nett, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq u minn ġurisprudenza stabbilita, il-paragun diliġenti tal-kodiċi ta’ prodotti fuq ir-riproduzzjonijiet ta’ prodotti fir-ritratti u fil-katalgi, minn naħa, u fuq il-fatturi, min-naħa l-oħra, ma jekwivalix għal sempliċi stima ta’ probabbiltà jew għal sempliċi suppożizzjoni, iżda jimplika proċess razzjonali u loġiku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu ġenwin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2022, LG Electronics vs EUIPO – Anferlux‑Electrodomésticos (SmartThinQ), T‑181/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:247, punt 91; tas‑6 ta’ Settembru 2023, Weider Germany vs EUIPO – Den i Nosht (YIPPIE!), T‑45/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:513, punt 42, u tas‑17 ta’ Lulju 2024, W. B. Studio vs EUIPO – E.Land Italy (BELFE), T‑50/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:480, punti 60 u 61). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ġustament osservat, waqt is-seduta, li l-Bord tal-Appell u, a fortiori, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ma kkommettew ebda eċċess ta’ poter meta stabbilixxew, minn rajhom jew mill-evalwazzjoni globali tal-provi li nġiebu quddiemhom, ir-rabta bejn ir-riproduzzjonijiet tal-prodotti fir-ritratti u fil-katalgi, minn naħa, u l-fatturi tal-istess prodotti, min-naħa l-oħra, billi qagħdu fuq l-indikazzjoni rispettiva tagħhom tal-kodiċijiet tal-oġġetti, li rriżulta li kienu identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2024, BF BELFE, T‑54/23, EU:T:2024:481, punt 61). |
|
70 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell għamel żball ta’ evalwazzjoni meta, fil-punt 87 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ibbażat l-eżami tagħha dwar il-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata fuq konklużjonijiet misluta minn provi prodotti mingħajr ma kellha għarfien sħiħ tal-kontenut tagħhom u li hija kienet għalhekk iddeċidiet abbażi ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet. |
|
71 |
B’mod partikolari, jirriżulta, minn naħa, mill-punti 81 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, mill-paġni 11 sa 13 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-prova tal-użu, tal‑14 ta’ April 2023, u mill-paġni 12 u 13 tal-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għar-rikors tat‑22 ta’ Mejju 2024 li hija kienet indikat u spjegat lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u lill-Bord tal-Appell li n-numri ta’ referenza tal-prodotti li jinsabu fil-paġni 122 u 127 tal-katalgu li jinsab fl-Anness 10 setgħu jkunu s-suġġett ta’ cross‑reference mal-fatturi u kienet ipprovdiet lista ta’ prodotti bir-referenza u li tinsab fl-istampi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li l-Bord tal-Appell lanqas ma jimmotiva, b’mod ċar u suffiċjenti, ir-raġunijiet għaliex huwa tbiegħed mill-evalwazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u kkonfuta l-fondatezza tal-cross‑referencing li għamlet din tal-aħħar u li ppermettielu jikkaratterizza, abbażi ta’ provi li huwa kien qies konkreti u sostanzjali, il-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ivvizzja wkoll id-deċiżjoni tiegħu b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
72 |
Għalhekk, ir-raba’ nett, jirriżulta, mill-punti 81 sa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispjegazzjonijiet li tat ir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, u sussegwentement quddiem il-Bord tal-Appell, setgħu jixħtu dawl fuq il-bejgħ ta’ diversi prodotti minn dawk imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, matul il-perijodu rilevanti u f’volumi u f’ammonti għoljin biżżejjed sabiex jiġi konkluż li kien hemm użu kontinwu, effettiv u sostanzjali tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti kkonċernati u dan skont il-ġurisprudenza li tgħid li trade mark tintuża b’mod ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, meta hija tintuża skont il-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija tkun ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm żbokk fis-suq għal dawn il-prodotti u dawn is-servizzi, minbarra l-użijiet simboliċi li l-uniku għan tagħhom huwa li jinżammu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, Viridis Pharmaceutical vs EUIPO, C‑668/17 P, EU:C:2019:557, punt 38; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43). |
|
73 |
Fi kwalunkwe każ, mill-Annessi 4 sa 9, jirriżulta b’mod ċar, kif proprju ssostni r-rikorrenti, li prodotti tat-trade mark ikkontestata nbiegħu fit-territorju rilevanti bejn l‑2017 u l‑2022. Fil-fatt, huwa possibbli, skont l-argumenti tar-rikorrenti, li jiġi kkonstatat li l-fatturi fihom 2 919‑il linja li jinkludu r-referenza LV, u għalhekk jikkonċernaw, kif jirriżulta mill-punt 67 iktar ’il fuq, il-bejgħ ta’ prodotti kkummerċjalizzati mir-rikorrenti, li l-ammont totali tagħhom jammonta għal iktar minn EUR 6.485 miljuni, imqassma fuq il-perijodu rilevanti. |
|
74 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell, billi kkritika lir-rikorrenti, fil-punti 72 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata, talli astjeniet apposta milli tissottometti informazzjoni addizzjonali jew li intenzjonalment ddeċidiet li ma tagħtix iktar dettalji dwar ir-referenzi preċiżi fuq il-fatturi, ried, minn qari tal-punti 73 sa 85 tal-imsemmija deċiżjoni, jimponi fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tagħmel ix-xogħol ta’ cross‑referencing tal‑2 919‑il linja tal-fatturi kollha ma’ kull wieħed mill-prodotti korrispondenti u li kienu jinsabu fil-katalgi. Barra minn hekk, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, il-Bord tal-Appell ma talab ebda informazzjoni jew spjegazzjoni addizzjonali u għalhekk huwa ma jistax, bl-ebda mod, jikkritika lir-rikorrenti talli naqset apposta milli tipprovdi – kif, fil-fehma tiegħu, hija kienet obbligata tagħmel – xi provi jew fatti. Issa, il-Bord tal-Appell seta’ raġonevolment jevalwa l-portata tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-provi kollha, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, li kienu nġiebu quddiemu jew abbażi tad-diversi indizji identifikati fl-istadji suċċessivi tal-eżami tiegħu jew abbażi tal-indikazzjonijiet li r-rikorrenti kienet ipprovdiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub suċċessivi tagħha u li kienet irriproduċiethom id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
|
75 |
Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, minn naħa, li l-Bord tal-Appell għamel żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iskop tal-eżami tal-provi li pproduċiet ir-rikorrenti sabiex turi l-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar kellu l-ħsieb li jimponi fuq ir-rikorrenti rekwiżit eċċessiv sa fejn għandha x’taqsam il-kwalità ta’ prova u oneru tal-prova mhux raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka minħabba nuqqas ta’ użu ġenwin. |
|
76 |
F’dan ir-rigward, il-ħames nett, huwa minnu li, bħala prinċipju, huwa l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, u mhux l-EUIPO, li jaġixxi ex officio, li għandu jistabbilixxi l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 63). Madankollu, kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-prova tal-użu ġenwin hija limitata għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn, bħalma huma l-listi ta’ prezzijiet, il-katalgi jew il-fatturi, kif inhu l-każ f’din il-kawża. |
|
77 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-prova tal-użu ġenwin għandha tkun ibbażata fuq provi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat. Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ prova ċerta la jista’ jwassal għal oneru tal-prova mhux raġonevoli jew eċċessiv u lanqas ma jista’ jkun ibbażat fuq rekwiżiti ta’ kwalità tal-prova iktar stretti mill-kundizzjonijiet imfakkra mill-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 18(1) u mal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001. |
|
78 |
Preliminarjament, għandhom jiġu miċħuda, qabelxejn, l-argumenti tal-EUIPO, ippreżentati fir-risposta tiegħu, ibbażati, essenzjalment, fuq l-insenjamenti li jirriżultaw mis-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2022, Puma vs EUIPO – CMS (CMS Italy) (T‑711/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:604), dwar proċedura li tikkonċerna ħsara għar-reputazzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001, li hija awtonoma minn din il-proċedura u li r-rekwiżiti speċifiċi tagħha ma jistgħux jiġu assimilati b’mod ekwivalenti. |
|
79 |
F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell adotta approċċ strett ħafna fil-punt 83 tad-deċiżjoni kkontestata, billi eżiġa li r-rikorrenti tistabbilixxi rabta ċara bejn id-diversi kodiċijiet tal-fatturi u l-prodotti msemmija u “tispjegaha, tfissirha u turiha”. Issa, il-Bord tal-Appell ma jistax, mingħajr ma jagħmel żball ta’ liġi, jimponi, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka bbażati fuq l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, rekwiżit ta’ kwalità tal-prova li jmur lil hinn mil-limitu ammissibbli tal-prova ta’ użu effettiv u suffiċjenti li jkun ikkorroborat minn provi jew minn assjem ta’ indizji suffiċjenti li jirriżultaw mill-interdipendenza tad-diversi fatturi rilevanti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq. |
|
80 |
Is-sitt nett, għandu jitfakkar, bħalma fakkar l-EUIPO fir-risposta tiegħu (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti legali dwar l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-proprjetarju ta’ trade mark fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka sabiex jintwera l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata ma għandhiex twassal sabiex jiġi impost fuqu oneru tal-prova mhux raġonevoli. |
|
81 |
Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ oneru tal-prova mhux raġonevoli jew eċċessiv tista’ twassal għal ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2022, Rappreżentazzjoni ta’ disinn ta’ bord tad-drafts II, T‑275/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:654, punt 31; tas‑6 ta’ Marzu 2024, Lidl Stiftung vs EUIPO – MHCS (Sfumatura tal-kulur oranġjo), T‑652/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:152, punt 87, u d-digriet tal‑1 ta’ Lulju 2025, Santos vs EUIPO (Forma ta’ pressa taċ-ċitru), T‑668/24, mhux ippubblikat, EU:T:2025:668, punt 31). |
|
82 |
Fid-dawl ta’ dak kollu premess, għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, u kif jirriżulta mill-punti 58 sa 60 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’numru ta’ kontradizzjonijiet fir-raġunament tiegħu, it-tieni nett, kif jirriżulta mill-punti 67 sa 75 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell għamel diversi żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fir-rigward tal-eżami tal-provi relatati mal-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata u, it-tielet nett, huwa, minħabba f’hekk, impona fuq ir-rikorrenti rekwiżit ta’ kwalità tal-prova eċċessiv u, għaldaqstant, oneru tal-prova mhux raġonevoli, bi ksur tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 58(1)(a), tar-Regolament 2017/1001, b’tali mod li l-motiv uniku tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
Fuq l-ispejjeż
|
83 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu. |
|
84 |
Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija annullata, l-EUIPO għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti u dan skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Škvařilová-Pelzl Nõmm Kukovec Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑19 ta’ Novembru 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.