SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
10 ta’ Settembru 2025 ( *1 )
“Servizzi diġitali – Regolament (UE) 2022/2065 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa l-ammont tat-tariffa superviżorja għas-sena 2023 – Artikolu 43(3) sa (5) tar-Regolament 2022/2065 – Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1127 – Metodu għall-kalkolu tan-numru mensili medju ta’ riċevituri attivi – Aġġustament ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”
Fil-Kawża T‑55/24,
Meta Platforms Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn A. Komninos, G. Forwood, I. Sarmas u H. Gafsen, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Gariazzo, P.‑J. Loewenthal u L. Armati, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta minn R. Mastroianni (Relatur), President, M. Brkan, I. Gâlea, T. Tóth u W. Valasidis, Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Meta Platforms Ireland Ltd, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 8176 final tas‑27 ta’ Novembru 2023 li tiffissa l-ammont tat-tariffa superviżorja applikabbli għal Facebook u għal Instagram skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, sussidjarja tal-impriża Amerikana Meta Platforms Inc., identifikata bħala fornitur tas-servizzi ta’ Facebook u ta’ Instagram fl-Unjoni Ewropea. |
|
3 |
Konformement mal-Artikolu 43(1) sa (3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1, iktar’ il quddiem id-“DSA”), il-Kummissjoni Ewropea tirċievi mingħand fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna (iktar ’il quddiem il-“PKĦ”) u minn muturi tat-tfittxija online kbar ħafna (iktar ’il quddiem l-“MTKĦ”), indikati bħala tali skont l-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament, tariffa superviżorja annwali għal kull wieħed mis-servizzi tagħhom hekk indikati, stabbilita permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, sabiex tkopri l-ispejjeż stmati li hija għandha tassumi sabiex twettaq sewwa l-kompiti ta’ superviżjoni fdati lilha mid-DSA. Konformement mal-Artikolu 43(4) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-imsemmija tariffa billi tapplika l-metodu li hija ffissat f’att delegat, b’osservanza tal-prinċipji previsti fl-Artikolu 43(5) tal-istess regolament. |
|
4 |
Fit‑2 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat, għal dan l-għan, ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1127 li jissupplimenta r-Regolament 2022/2065 bil-metodoloġiji u l-proċeduri dettaljati rigward it-tariffi superviżorji imposti mill-Kummissjoni fuq fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna (ĠU 2023, L 149, p. 16). |
|
5 |
Fil‑25 ta’ April 2023, il-Kummissjoni adottat, rispettivament, id‑Deċiżjoni C(2023) 2756 final li tindika lil Facebook u d‑Deċiżjoni C(2023) 2734 final li tindika lil Instagram bħala PKĦ, skont l-Artikolu 33(4) tad-DSA. |
|
6 |
Fit‑28 ta’ April 2023, dawn id-deċiżjonijiet ġew innotifikati lir-rikorrenti bħala l-istabbiliment prinċipali fl-Unjoni tal-fornitur ta’ Facebook u ta’ Instagram. Kopja ta’ kull deċiżjoni ntbagħtet lil Meta Platforms, il-kumpannija li tikkontrolla l-grupp ta’ entitajiet ġuridiċi li għalih tappartjeni r-rikorrenti. |
|
7 |
Fis‑27 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-ammont provviżorju tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta’ Facebook u Instagram, konformement mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Delegat 2023/1127, kopja ta’ liema ntbagħtet ukoll lil Meta Platforms. Fit‑13 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. |
|
8 |
Fis‑27 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li tiffissa l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali applikabbli għal Facebook u għal Instagram għas-sena 2023. Dan l-ammont ġie ddeterminat, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(3) tad-DSA, billi ġie segwit il-metodu u l-proċeduri ddefiniti fir-Regolament Delegat 2023/1127, b’mod partikolari fl-Artikolu 5 tiegħu. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmi ammont, il-Kummissjoni rrikorriet, b’mod partikolari, għal żewġ operaturi terzi, SensorTower u Similarweb, u segwiet metodoloġija komuni għall-PKĦ u għall-MTKĦ kollha, li hija annettiet mad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkalkola n-numru mensili medju ta’ riċevituri attivi fl-Unjoni (iktar ’il quddiem in-“NMRA”) tas-servizzi indikati u tqassam bejn dawn tal-aħħar it-tariffa superviżorja annwali, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 43 tad-DSA. Kopja ta’ din id-deċiżjoni ntbagħtet ukoll lil Meta Platforms. |
It-talbiet tal-partijiet
|
9 |
Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
10 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
11 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi, li l-ewwel tnejn minnhom huma bbażati fuq eċċezzjoni ta’ illegalità, rispettivament, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127, sa fejn tikser l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 43(4) u (5) tad-DSA, u tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat 2023/1127, sa fejn jikser l-Artikolu 290(1) TFUE u l-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti li tinstema skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-“ammonti residwi” u l-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA u tal-“ammonti residwi”. Il-ħames motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq in-natura żbaljata u illegali tal-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA, sa fejn il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa delegata tagħha permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni individwali. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja tar-rikorrenti hija żbaljata, billi tikser l-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA. |
|
12 |
Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ħames motiv. |
Fuq il-ħames motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq in-natura żbaljata u illegali tal-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA, sa fejn il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa delegata tagħha permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni individwali
|
13 |
Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u tikser l-Artikolu 290(1) u l-Artikolu 291(2) TFUE, l-Artikolu 33(3), l-Artikolu 43(4) u l-Artikolu 87 tad-DSA kif ukoll l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127, sa fejn din tmur lil hinn mill-għan tagħha li tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiffissa l-ammont tat-tariffa billi tistabbilixxi metodoloġija komuni ġdida għall-kalkolu tan-NMRA u tikkompleta b’mod inaċċettabbli d-DSA. |
|
14 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli stabbilixxiet il-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA fl-annessi ta’ kull att ta’ implimentazzjoni, iktar milli permezz ta’ att delegat, kif jipprevedi l-Artikolu 33(3) tad-DSA, li fl-assenza tiegħu l-Kummissjoni setgħet tuża d-data ddikjarata mill-fornituri stess skont l-Artikolu 24(2) tad-DSA, minflok ma tadotta metodoloġija komuni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-importanza tal-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, jekk il-Kummissjoni xtaqet tistabbilixxi dan “fid-dettall” mingħajr ma tirrikorri għal att delegat skont l-Artikolu 33(3) tad-DSA, hija kellha tinkludih fir-Regolament Delegat 2023/1127, u mhux tannettih mal-atti ta’ implimentazzjoni indirizzati lill-fornituri kollha, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. |
|
15 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li dan il-metodu ta’ kalkolu jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod iktar speċifiku, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni adottat tliet tifsiriet tan-NMRA u applikatu b’mod differenti skont jekk in-NMRA jintużax għal finijiet ta’ trasparenza (konformement mal-Artikolu 24 tad-DSA), għall-finijiet tal-indikazzjoni tas-servizzi bħala PKĦ jew MTKH (konformement mal-Artikolu 33 tad-DSA) jew għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffa superviżorja ta’ fornitur partikolari (konformement mal-Artikolu 43 tad-DSA). Għalhekk, il-metodoloġija komuni li ġiet annessa mad-deċiżjoni kkontestata twassal għal NMRA sinjifikattivament differenti minn dawk iddikjarati mir-rikorrenti. Issa, skont ir-rikorrenti, anki jekk jiġi aċċettat li kien neċessarju li jiġi adottat approċċ komuni sabiex jiġu evitati diverġenzi fil-kalkolu tan-NMRA, il-Kummissjoni setgħet tadotta metodoloġija komuni permezz ta’ att delegat distint, skont l-Artikolu 33(3) tad-DSA, li kien jippermetti lill-fornituri japplikawha sabiex jikkalkolaw in-NMRA tagħhom stess, jew, sussidjarjament, fir-Regolament Delegat 2023/1127, konformement mal-Artikolu 43(4) tad-DSA. Għaldaqstant, minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Kummissjoni ma tistax tneħħi l-effett utli tal-imsemmija dispożizzjonijiet, billi tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jċaħħdu mis-sens tagħha l-funzjoni li l-leġiżlatur ta lill-atti delegati. |
|
16 |
Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li, sa fejn jistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu tal-koeffiċjent (U) għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffa dovuta għal kull servizz indikat, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jikkompleta l-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA, peress li dan jeżiġi biss li t-tariffi jkunu proporzjonali għan-NMRA tas-servizzi indikati. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 43(4) tad-DSA ma jimponix fuqha l-obbligu li tistabbilixxi metodoloġija komuni għall-kalkolu tan-NMRA. B’hekk, l-imsemmija metodoloġija komuni ma hija xejn ħlief l-għażla effettiva tal-Kummissjoni, fost it-tlieta possibbli, li tibbaża ruħha fuq “kull informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tagħha”, kif jawtorizza l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127. Barra minn hekk, hija tosserva li l-Artikolu 33(3) tad-DSA ma jagħmilx riferiment għall-Artikolu 43 tiegħu, li lanqas ma jagħmel riferiment għall-imsemmija dispożizzjoni, b’tali mod li ma jistax jiġi affermat li l-Kummissjoni evitat il-formalitajiet tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att delegat, prevista fl-Artikolu 87 tad-DSA, meta annettiet il-metodoloġija komuni mal-atti ta’ implimentazzjoni. |
|
17 |
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni tirribatti li hija għażlet metodoloġija komuni għall-kalkolu tan-NMRA preċiżament sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-fornituri fir-rigward tal-iffissar tat-tariffi tagħhom. Fil-fehma tagħha, għalkemm dan wassal għal approssimazzjoni fil-kalkolu tan-NMRA, peress li kien impossibbli, fin-nuqqas ta’ aċċess għall-infrastruttura jew għad-data interna ta’ kull fornitur, li jsir għadd iddettaljat, hija qieset li kien preferibbli li jitqabblu, permezz tal-imsemmija metodoloġija, in-NMRA tas-servizzi kollha indikati tal-istess tip jew simili, sabiex jiġu stabbiliti tariffi proporzjonali, iktar milli li titfittex preċiżjoni f’valur assolut. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li hija użat metodoloġija komuni billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127, li jelenka l-istess sorsi ta’ informazzjoni, għall-kalkolu tan-NMRA, bħal dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tad-DSA, bl-għan li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, kien għal kollox xieraq li wieħed jibbaża ruħu fuq sorsi differenti ta’ data sabiex jiġu indikati s-servizzi bħala PKĦ, minn naħa, u sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi li għandhom jiġu ffatturati lill-fornituri ta’ dawn is-servizzi, min-naħa l-oħra. |
|
18 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk kienu jeżistu imperfezzjonijiet fil-metodu użat mis-sorsi ta’ informazzjoni terzi u indipendenti, li fuqhom hija bbażata l-metodoloġija komuni, kull inkoerenza li tista’ tirriżulta minn dan tapplika orizzontalment għas-servizzi kollha indikati, b’tali mod li d-diversi servizzi jkunu affettwati bl-istess mod, li jippermettilha tiggarantixxi tqassim ekwu tal-ispejjeż ta’ superviżjoni. |
|
19 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 33(3) tad-DSA, dwar l-indikazzjoni tal-pjattaformi online u l-muturi tat-tfittxija online bħala PKĦ jew MTKĦ, “[i]l-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87 [tad-DSA], wara konsultazzjoni mal-Bord [Ewropew għas-Servizzi Diġitali], biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta[d-DSA] billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu ta[n-NMRA] għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 24(2) [tad-DSA], filwaqt li tiżgura li l-metodoloġija tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq”. |
|
20 |
Barra minn hekk, skont l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tad-DSA, meta tadotta deċiżjoni li tindika PKĦ jew MTKĦ, “[i]l-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tad-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-mutur tat-tfittxija online skont l-Artikolu 24(2) [tad-DSA], u, fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3) [tad-DSA] u kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni [tagħha]”. |
|
21 |
Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, l-Artikolu 43(3) sa (5) tad-DSA jipprovdi dan li ġej: “3. Il-fornituri ta’ [PKĦ] u ta’ [MTKĦ] għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33 [tad-DSA]. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali għal kull fornitur ta’ [PKĦ] u ta’ [MTKĦ]. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88 [tad-DSA]. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal: [...]
[...] Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. 5. L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin: [...]
[...]” |
|
22 |
Skont l-Artikolu 87(4) tad-DSA, qabel l-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(6) tal-istess regolament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistgħu jesprimu oġġezzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ tali att. |
|
23 |
Fl-aħħar nett, dwar id-determinazzjoni tal-ammont bażiku għal kull servizz, l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jipprovdi dan li ġej: “1. Fir-rigward ta’ kull servizz deżinjat soġġett għat-tariffi superviżorji skont l-Artikolu 3, l-ammont bażiku għas-sena n għandu jiġi kkalkolat bħala s-sehem mill-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+1 f’konformità mal-Artikolu 2, proporzjonati għa[n-NMRA] tas-servizz deżinjat f’konformità mal-koeffiċjent (U) imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u [...] f’konformità mal-formula li ġejja: 2. Il-koeffiċjent (U) għall-kalkolu tal-ammont bażiku għal kull servizz deżinjat għandu jkollu l-valur stabbilit fl-Anness II li jikkorrispondi għa[n-NMRA] f’termini ta’ miljuni ta’ unitajiet, aġġustat ’l isfel għall-eqreb mitt elf. [In-NMRA] ta’ kull servizz deżinjat li jiddetermina l-koeffiċjent applikabbli skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun dak li jirriżulta mid-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2) ta[d-DSA], jew mill-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 24(3) ta’ dak ir-Regolament jew minn kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni, kif disponibbli fl-31 ta’ Awwissu tas-sena n. [...]” |
|
24 |
F’dan il-każ, huwa ppreċiżat, fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-NMRA ta’ kull servizz indikat, li jiddetermina l-koeffiċjent (U) applikabbli għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, jista’ jirriżulta mid-data kkomunikata mill-fornitur tas-servizz, skont l-Artikolu 24(2) tad-DSA, mill-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 24(3) tal-istess regolament jew minn kull informazzjoni oħra li l-Kummissjoni jkollha. |
|
25 |
Sussegwentement, fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li, fid-dawl tad-diversi metodoloġiji, tad-disponibbiltà differenti ta’ informazzjoni pubblika dwarhom, tad-diversi livelli ta’ preċiżjoni u tad-diversi sorsi ta’ data użati mill-fornituri tas-servizzi indikati sabiex jikkalkolaw in-NMRA tas-servizzi tagħhom, kif ukoll tal-kunfidenzjalità mitluba minn uħud minn dawn il-fornituri, kien meħtieġ li jintużaw bħala bażi metodoloġija komuni u sorsi ta’ data komuni sabiex jiġi applikat il-koeffiċjent (U) b’mod koerenti bejn id-diversi servizzi indikati, konformement mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127. Abbażi tal-metodoloġija komuni u tas-sorsi ta’ data komuni li jinsabu fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk ikkalkolat in-NMRA ta’ Facebook u ta’ Instagram u l-koeffiċjent (U) korrispondenti neċessarji għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffa superviżorja ffatturata lir-rikorrenti (ara l-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
26 |
Barra minn hekk, fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat l-eżistenza ta’ diffikultajiet, li jirriżultaw minn diversi raġunijiet, fl-identifikazzjoni tal-informazzjoni dwar in-NMRA tal-PKĦ u tal-MTKĦ kif ukoll dwar il-metodoloġija li fuqha kienu bbażaw ruħhom il-fornituri sabiex jikkalkolaw in-NMRA tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni indikat li kien impossibbli għaliha, fit-termini previsti fl-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2023/1127, li twettaq paragun affidabbli tan-NMRA ddikjarati bejn id-diversi servizzi indikati għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, konformement mal-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA. Barra minn hekk, hija ġġustifikat l-użu ta’ sorsi ta’ data terzi permezz tal-għan u tan-natura differenti tal-proċedura dwar id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji meta mqabbla ma’ dik dwar l-indikazzjoni tal-PKĦ u tal-MTKĦ (ara l-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
27 |
Fl-aħħar nett, bi tweġiba għall-argument imqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li jikkritikaha li ma pprevedietx il-metodoloġija komuni użata sabiex tikkalkola n-NMRA f’att delegat, il-Kummissjoni ppreċiżat, b’mod partikolari, fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 43(5) tad-DSA ma kien jimponilha ebda obbligu f’dan is-sens għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, u lanqas, fin-nuqqas ta’ att delegat, sabiex din id-determinazzjoni tkun ibbażata fuq id-data ddikjarata mill-fornituri tas-servizzi skont l-Artikolu 24(2) tad-DSA. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, hija indikat, barra minn hekk, fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżerċizzju ta’ setgħa mogħtija skont l-Artikolu 290 TFUE kien ġeneralment diskrezzjonali u li huwa l-kompitu tagħha li tiddeċiedi jekk għandhiex teżerċita s-setgħa tagħha li tadotta atti delegati, ħlief meta dispożizzjoni ta’ att leġiżlattiv bażiku kienet timponilha obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat li tadotta att delegat speċifiku qabel data speċifika, li ma kienx il-każ fir-rigward tas-setgħa prevista fl-Artikolu 33(3) tad-DSA. Hija żiedet li, fil-fatt, din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi sempliċement li hija kellha l-possibbiltà li tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet tad-DSA billi tistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni fakkret li, fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni ta’ att delegat skont l-Artikolu 33(3) tad-DSA kienet teħtieġ konsultazzjoni minn qabel tal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali, li madankollu ma kienx ġie kkostitwit qabel is‑17 ta’ Frar 2024. |
|
29 |
Il-Qorti Ġenerali ser teżamina jekk id-DSA jippermettix l-użu ta’ metodoloġija komuni ta’ kalkolu tan-NMRA qabel ma tevalwa jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 43 tal-imsemmi regolament billi adottat tali metodoloġija fil-kuntest ta’ att ta’ implimentazzjoni. |
|
30 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-DSA jew tar-Regolament Delegat 2023/1127 ma tipprekludi lill-Kummissjoni milli ssegwi metodoloġija partikolari għall-kalkolu tan-NMRA. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-element rilevanti għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-DSA ma huwiex in-NMRA f’termini assoluti ta’ kull servizz indikat, iżda l-valur relattiv tiegħu meta mqabbel mas-servizzi l-oħra indikati. |
|
31 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet validament ikollha dubji dwar il-koerenza tal-metodi kollha ta’ kalkolu tan-NMRA użati mid-diversi fornituri, iktar u iktar peress li hija ma kellhiex id-data ta’ wħud minnhom. |
|
32 |
Minn dan isegwi li hija kellha raġun tuża metodoloġija komuni wkoll għal finijiet ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-imsemmija fornituri, fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 43 tad-DSA, it-tqassim tal-ispejjeż ta’ superviżjoni għandu jkun proporzjonali għan-NMRA ta’ kull servizz indikat. |
|
33 |
Barra minn hekk, peress li mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jirriżulta (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) li dan ma jimponi ebda ġerarkija bejn it-tliet sorsi ta’ informazzjoni indikati, li huma ppreżentati b’mod ċar bħala li jipproċedu fuq bażi alternattiva, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, f’dan il-każ, tipprivileġġa jew tinjora xi wieħed minnhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li tibbaża ruħha fuq “kull informazzjoni oħra li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. |
|
34 |
Fit-tieni lok, mill-istruttura ġenerali u mill-għanijiet tad-DSA jirriżulta li l-kunċett ta’ “NMRA” għandu jinftiehem b’mod uniformi u koerenti, indipendentement mill-kuntest u mill-għan tal-implimentazzjoni tiegħu, li huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-premessa 77 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jipprevedi sistemi legali distinti skont jekk l-għan tal-użu tan-NMRA kienx l-indikazzjoni ta’ servizz bħala li jaqa’ taħt PKĦ jew MTKĦ jew id-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja, huwa kien jipprevedi dan espressament bi kliem ċar u preċiż. |
|
35 |
Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha ċertament id-dritt li tadotta metodoloġija komuni għall-kalkolu tan-NMRA, hija madankollu ma tistax tevita l-istħarriġ tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti delegati, kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 87(4) u (6) tad-DSA, billi sempliċement tannetti din il-metodoloġija komuni ma’ kull att ta’ implimentazzjoni. |
|
36 |
Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 43(4) tad-DSA, il-Kummissjoni hija obbligata tadotta atti delegati li jistabbilixxu, fid-dettall, il-metodu u l-proċeduri li għandhom jintużaw sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi superviżorji annwali individwali ta’ kull fornitur u, skont l-Artikolu 43(5)(b) tal-istess regolament, dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonali għan-NMRA ta’ kull PKĦ jew MTKĦ. |
|
37 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2023/1127 jispeċifika l-modalitajiet għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku, għal kull servizz, permezz ta’ formula li tinkludi b’mod partikolari l-koeffiċjent (U), li l-valur tiegħu jikkorrispondi għan-NMRA ta’ kull servizz ikkonċernat, mingħajr madankollu ma tinkludi fiha metodu ta’ kalkolu tan-NMRA bħala tali. |
|
38 |
Issa, peress li l-kalkolu tan-NMRA kien neċessarju għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja ta’ kull servizz skont l-Artikolu 43(5)(b) tad-DSA, il-Kummissjoni kkalkolatu billi bbażat ruħha fuq “metodoloġija komuni”, li hija madankollu annettiet mad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mal-atti ta’ implimentazzjoni indirizzati lill-fornituri l-oħra tas-servizzi indikati (ara l-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
39 |
Għalkemm huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 33(3) tad-DSA, l-Artikolu 43 ta’ dan l-istess regolament ma jsemmix espliċitament l-adozzjoni ta’ att delegat sabiex tiġi stabbilita l-metodoloġija ta’ kalkolu tan-NMRA, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi artikolu jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tiżgura li t-tariffi superviżorji annwali jkunu proporzjonali għan-NMRA ta’ kull servizz indikat filwaqt li tistabbilixxi l-metodu u l-proċeduri li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tagħhom fl-ambitu ta’ att delegat u mhux ta’ att ta’ implimentazzjoni. |
|
40 |
Fi kliem ieħor, minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DSA jirriżulta li, għalkemm ma jirreferix b’mod espliċitu għall-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 33 tad-DSA, l-Artikolu 43 ta’ dan l-istess regolament joħloq rabta espliċita bejn il-metodu ta’ determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali, li jista’ jiġi stabbilit biss bl-adozzjoni ta’ att delegat, u n-NMRA tas-servizzi indikati li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu ddeterminati t-tariffi. |
|
41 |
Konsegwentement, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-NMRA hija inerenti għad-determinazzjoni tat-tariffa superviżorja u għandha titqies li tikkostitwixxi element essenzjali u indispensabbli ta’ din tal-aħħar. |
|
42 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-allegazzjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jipprovdi biżżejjed dettalji dwar il-kalkolu tan-NMRA, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix dettalji dwar dan il-kalkolu li jeċċedu dawk ipprovduti mid-DSA nnifsu. Fil-fatt, minkejja li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2023/1127 u l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(4) tad-DSA għandhom għanijiet differenti, jiġifieri l-kalkolu tan-NMRA, għad-determinazzjoni tat-tariffi u għall-indikazzjoni ta’ PKĦ jew ta’ MTKĦ, rispettivament, għandu jiġi kkonstatat li s-sorsi ta’ informazzjoni indikati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet sabiex jinkiseb in-NMRA huma identiċi. |
|
43 |
Għaldaqstant, peress li, kif tfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, il-kalkolu tan-NMRA huwa element essenzjali u indispensabbli għad-determinazzjoni tat-tariffa, l-obbligu tal-Kummissjoni, previst mill-Artikolu 43(4) tad-DSA, li tiffissa “fid-dettall”, f’att delegat, il-metodu u l-proċeduri għad-determinazzjoni tat-tariffi jwassal, impliċitament, iżda neċessarjament, għall-obbligu li f’tali att jiġu ffissati, tal-inqas, elementi suffiċjentement iddettaljati tal-metodu ta’ kalkolu tan-NMRA. |
|
44 |
Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 43(4) tad-DSA jobbliga lill-Kummissjoni, essenzjalment, li tippreċiża u tikkonkretizza d-DSA billi tiżviluppa f’att delegat dettalji li ma ġewx iddefiniti mil-leġiżlatur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 50). Issa, sa fejn, fir-Regolament Delegat 2023/1127, il-Kummissjoni sempliċement tindika, b’mod ġenerali, tliet sorsi ta’ informazzjoni, jiġifieri d-data kkomunikata mill-fornitur skont l-Artikolu 24(2) tad-DSA, l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 24(3) tad-DSA u kull informazzjoni oħra li hija għandha, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni osservat l-Artikolu 43(4) tad-DSA. |
|
45 |
Barra minn hekk, billi tillimita ruħha li tafferma, waqt is-seduta, li l-inklużjoni ta’ metodoloġija ta’ kalkolu tan-NMRA ddettaljata ħafna f’att delegat ma hijiex xierqa u li tali soluzzjoni hija “kontroproduttiva”, peress li twassal għar-riskju li din il-metodoloġija jkollha tiġi aġġornata minn sena għall-oħra, b’mod partikolari fid-dawl ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ stima, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt kif il-metodoloġija komuni annessa mad-deċiżjoni kkontestata hija eċċessivament iddettaljata fid-dawl tal-formulazzjoni madankollu ċara u preċiża tal-Artikolu 43(4) tad-DSA. |
|
46 |
Barra minn hekk, tali argument jikkontradixxi wkoll il-premessa 77 tad-DSA, li tgħid li “[d]-determinazzjoni ta[n-NMRA] tista’ tiġi influwenzata minn żviluppi tas-suq u tekniċi u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tissupplementa d-dispożizzjonijiet ta[l-imsemmi] Regolament billi tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-metodoloġija biex jiġu ddeterminati r-riċevituri attivi ta’ pjattaforma online jew magna tat-tiftix online”. |
|
47 |
Sussegwentement, l-argument imqajjem mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-għażla li ma tiġix inkluża informazzjoni ddettaljata fir-Regolament Delegat 2023/1127 tirrifletti tħassib marbut mal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali u tad-data kunfidenzjali tal-kumpanniji terzi użati sabiex isir il-kalkolu tan-NMRA, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma wrietx kif il-kunfidenzjalità ta’ ċerta data hija iktar protetta f’att ta’ implimentazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata milli f’att delegat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni kunfidenzjali li għaliha tirreferi l-Kummissjoni la tinsab fir-Regolament Delegat 2023/1127 u lanqas fil-metodoloġija komuni annessa mad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud. |
|
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li n-NMRA huwa kemm element essenzjali tal-metodu ta’ determinazzjoni tat-tariffa superviżorja kif ukoll kunċett li għandu jinftiehem b’mod uniformi u koerenti fid-DSA kollu (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), mill-Artikolu 43(3) tad-DSA, moqri flimkien mal-Artikolu 33(3) tal-imsemmi regolament, jirriżulta li, billi adottat il-metodoloġija ta’ kalkolu tan-NMRA f’att ta’ implimentazzjoni u mhux f’att delegat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 43(3) sa (5) u l‑Artikolu 87 tad-DSA. |
|
49 |
Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni. |
|
50 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-metodoloġija komuni li ġiet annessa mad-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala sempliċi spjegazzjoni motivata tal-mod kif ġie kkalkolat in-NMRA, iżda, kif juri t-titolu stess tal-anness, metodoloġija reali ta’ kalkolu ddettaljat. |
|
51 |
Għalkemm din tista’ sservi sabiex ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni jinftiehem u tkun komuni għall-fornituri kollha, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, xorta jibqa’ l-fatt li tali metodoloġija, permezz tal-formulazzjoni tagħha, tal-kontenut tagħha u tat-tul tagħha, għandha l-karatteristiċi ta’ dokument ta’ natura ġenerali li huwa intiż li japplika għall-fornituri kollha, u mhux sempliċi element tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
52 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, peress li ebda dispożizzjoni tad-DSA, u lanqas tar-Regolament Delegat 2023/1127, ma tipprevedi setgħa favur il-Kummissjoni sabiex tikkompleta jew tikkonkretizza l-metodu u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 43(4) tad-DSA, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-fatt li ġiet annessa l-metodoloġija komuni mad-deċiżjoni kkontestata huwa wkoll nieqes minn kull bażi legali. |
|
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-ħames motiv għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti, l-ilmenti jew il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti u li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa minnha. |
Fuq iż‑żamma tal‑effetti tad‑deċiżjoni kkontestata
|
54 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali żżomm, fil-każ li din tannulla l-Artikolu 5(2) jew (4) tar-Regolament Delegat 2023/1127 jew id-deċiżjoni kkontestata, l-effetti tal-imsemmi regolament jew tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja d-difetti kkonstatati. Din is-sospensjoni hija neċessarja, peress li tali annullament ikollu effett fuq il-livell tat-tariffi dovuti u diġà mħallsa, għas-sena 2023, mill-fornituri l-oħra tas-servizzi indikati kif ukoll fuq il-livell globali tar-riżorsi li l-Kummissjoni għandha u li hija diġà użat sabiex twettaq sew il-kompiti ta’ superviżjoni tagħha. |
|
55 |
Ir-rikorrenti ssostni li limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament li jista’ jkun hemm tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex iġġustifikata għas-sempliċi fatt li s-sentenza li għandha tingħata jkollha bħala effett retroattiv ir-rimbors tat-tariffa superviżorja mħallsa meta tkun għadha se tiġi adottata deċiżjoni ġdida. Barra minn hekk, hija tqis li s-sentenza li għandha tingħata mhux ser ikollha effetti diretti fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni l-oħra adottati mill-Kummissjoni. |
|
56 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, jekk ir-rikors huwa fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara null u bla effett l-att ikkontestat. |
|
57 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha tieħu l-miżuri sabiex tikkonforma mas-sentenza ta’ annullament tinvolvi. |
|
58 |
B’dan premess, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li dan ikun neċessarju, tindika l-effetti ta’ att annullat li għandhom jitqiesu definittivi. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha minn din id-dispożizzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ interessi pubbliċi jew privati oħra (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122). |
|
59 |
Għalhekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ġie interpretat b’mod partikolari bħala li jippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, iżda wkoll għal raġunijiet intiżi li jevitaw diskontinwità jew rigressjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki mmexxija jew sostnuti mill-Unjoni, li jinżammu għal terminu raġonevoli l-effetti ta’ att annullat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2025, de Volksbank vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante 2018), T‑406/18, EU:T:2025:151, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
F’dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 43(4) tad-DSA, kif jirriżulta mill-punt 48 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, ma kkonstatatx żball li jaffettwa l-obbligu fih innifsu tar-rikorrenti li tħallas it-tariffa superviżorja għas-sena 2023. |
|
61 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tkun prevista ż-żamma tal-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’deċiżjoni ġdida, ikun ta’ natura li jippreġudika l-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tad-DSA, li jipprevedi li l-Kummissjoni tirċievi mingħand il-fornituri ta’ PKĦ u ta’ MTKĦ tariffa superviżorja annwali, li l-ammont totali tagħha jkopri l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni sabiex twettaq sew il-kompiti ta’ superviżjoni fdati lilha mid-DSA (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 177). Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni kellha tkun obbligata tirrimborsa, b’effett immedjat, l-ammont tat-tariffa superviżorja tar-rikorrenti kif ukoll l-ammonti tat-tariffi ta’ fornituri oħra bħal dawk li ppreżentaw rikors simili bbażat fuq l-istess motivi bħal dawk milqugħa f’dan ir-rikors, filwaqt li dawn il-fornituri jibqgħu bħala prinċipju suġġetti għall-obbligu li jħallsu l-imsemmija tariffi, tali rimbors jirriskja li jċaħħad lill-Kummissjoni mill-mezzi finanzjarji neċessarji sabiex twettaq sewwa il-kompiti ta’ superviżjoni li ġew fdati lilha mid-DSA. |
|
62 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li l-Kummissjoni użat metodoloġija komuni intiża għall-kalkolu tan-NMRA billi annettietha mal-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex ser tkun f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni ġdida li timponi l-ħlas tat-tariffa superviżorja lir-rikorrenti, mingħajr ma tistabbilixxi minn qabel il-metodoloġija għall-kalkolu tan-NMRA permezz ta’ att delegat. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha, skont l-Artikolu 266(1) TFUE, tislet il-konsegwenzi neċessarji mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:733, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il-Latvja vs Il-Kummissjoni, T‑661/14, EU:T:2016:412, punt 90). Għalhekk, deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi t-tariffa superviżorja applikabbli għal Facebook u għal Instagram għas-sena 2023 tista’ tittieħed biss, jekk ikun il-każ, wara emenda tar-Regolament Delegat 2023/1127 jew wara l-adozzjoni ta’ att delegat ġdid li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tan-NMRA, li, fl-istat attwali, jista’, barra minn hekk, ikollha impatt ukoll fuq id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati għas-sena 2024. |
|
63 |
Konsegwentement, iċ-ċaħda tat-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tippreġudika ċ-ċertezza legali u l-implimentazzjoni tajba tal-kompiti ta’ superviżjoni li d-DSA jafda lill-Kummissjoni. |
|
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu sakemm jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità ma’ din is-sentenza, u dan fi żmien raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar dekorribbli mill-jum li fih din is-sentenza ssir definittiva. |
Fuq l-ispejjeż
|
65 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
66 |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Mastroianni Brkan Gâlea Tóth Valasidis Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, l‑10 ta’ Settembru 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.