Kawża T‑32/24
Barry’s Bootcamp Holdings LLC
vs
L‑Uffiċċju tal‑Proprjetà Intellettwali tal‑Unjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It‑Tieni Awla) tal‑24 ta’ Settembru 2025
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta tmien chevrons li jippontaw ’l isfel – Użu ġenwin tat-trade mark – Artikolu 18(1)(a) u Artikolu 58(1)(a) tar‑Regolament (UE) 2017/1001 – Natura tal-użu tat-trade mark – Forma li hija differenti f’elementi li ma jibdlux il-karattru distintiv – Rikors inċidentali – Suġġett tar-rikors – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà”
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet għar-revoka – Assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta tmien chevrons li jippontaw ’l isfel
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1001, Artikoli 18(1)(a) u 58(1)(a))
(ara l-punti 40, 54, 63, 92, 98, 123, 131 u 138)
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Rikors inċidentali – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li taqta’ żewġ kawżi magħquda – Rikors li jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni li ma hijiex ikkonċernata mir-rikors prinċipali – Ammissibbiltà
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 184(1))
(ara l-punti 104 sa 110)
Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent
(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)
(ara l-punti 111 sa 114)
Sunt
Adita b’rikors għal annullament, li hija ċaħdet, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni, għall-ewwel darba, dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors inċidentali ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) wara li dan tal-aħħar għaqqad żewġ rikorsi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li kienu jinvolvu l-istess partijiet.
Hummel Holding A/S, l-intervenjenti, kienet il-proprjetarja tar-reġistrazzjoni internazzjonali li kienet tindika l-Unjoni Ewropea ta’ trade mark figurattiva li kienet tirrappreżenta tmien chevrons li jippontaw ’l isfel għal prodotti u għal servizzi li kienu jaqgħu taħt diversi kategoriji ( 1 ). Barry’ s Bootcamp Holdings LLC, ir-rikorrenti, ippreżentat quddiem l-EUIPO talba għar-revoka ( 2 ) ta’ din ir-reġistrazzjoni internazzjonali għall-prodotti u għas-servizzi kollha kkonċernati. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet parzjalment din it-talba, peress li qieset li l-importanza tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali ma kinitx intweriet għall-prodotti u għas-servizzi kollha koperti, bl-eċċezzjoni tal-ħwejjeġ tal-isport, għal skopijiet rikreattivi u tal-moda li kienu jaqgħu fil-klassi 25.
L-intervenjenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni minħabba li din tal-aħħar kienet iddikjarat ir-revoka tad-drittijiet tagħha fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali għall-basktijiet tal-isport kif ukoll għaż-żraben, għaż-żraben tal-isport u għaż-żraben għal skopijiet rikreattivi ( 3 ) (rikors R 1415/2022‑2). Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat rikors ieħor kontra din id-deċiżjoni, sa fejn it-talba għar-revoka tad-drittijiet tal-intervenjenti fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali kkontestata kienet ġiet miċħuda għall-ħwejjeġ tal-isport, għal skopijiet rikreattivi u tal-moda ( 4 ) (rikors R 1421/2022‑2). Il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għaqqad dawn iż-żewġ rikorsi, minħabba li kienu diretti kontra l-istess deċiżjoni, u ċaħadhom fid-deċiżjoni kkontestata.
Ir-rikorrenti għalhekk ippreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem ir-“rikors prinċipali”). L-intervenjenti ppreżentat rikors inċidentali kontra din l-istess deċiżjoni. Permezz ta’ att separat, ir-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra dan ir-rikors inċidentali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont l-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, it-talbiet tar-rikors inċidentali huma intiżi għall-annullament jew għall-bidla tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq punt li ma jkunx tqajjem fir-rikors.
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti u l-intervenjenti kienu qabelxejn ippreżentaw żewġ rikorsi distinti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b’tali mod li kienu awtomatikament partijiet fiż-żewġ proċedimenti paralleli quddiem il-Bord tal-Appell ( 5 ). Issa, il-Bord tal-Appell eżamina dawn iż-żewġ appelli matul l-istess proċedimenti ( 6 ), li fi tmiemhom huwa adotta d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, f’din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell qata’ żewġ appelli kontra l-istess deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li kienu jinvolvu l-istess partijiet.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali nnotat li, permezz tar-rikors prinċipali, ir-rikorrenti talbitha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors fil-Każ R 1421/2022‑2, filwaqt li r-rikors inċidentali kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Bord tal-Appell kien iddeċieda li jiċħad ir-rikors fil-Każ R 1415/2022‑2. Minn dan isegwi li r-rikors inċidentali kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq punt li ma tqajjimx fir-rikors fis-sens tal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti ma kinitx fondata meta sostniet li r-rikors inċidentali kien jirrigwarda deċiżjoni distinta minn dik ikkontestata fil-kuntest tar-rikors prinċipali.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interess ġuridiku tal-intervenjenti, il-Qorti Ġenerali fakkret li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika ikun ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess fl-annullament tal-att ikkontestat. Tali interess għalhekk jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, minnu nnifsu, jkollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tressqu.
F’dan il-każ, ir-rikors inċidentali kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ċaħdet ir-rikors tal-intervenjenti ppreżentat fil-Każ R 1415/2022‑2 u, għaldaqstant, ikkonfermat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li kienet iddikjarat ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tar-reġistrazzjoni internazzjonali kkontestata, b’mod partikolari għall-basktijiet tal-isport u għaż-żraben. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-każ li kellha tilqa’ t-talbiet tal-intervenjenti u tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kellu jagħti deċiżjoni mill-ġdid fuq ir-rikors tal-intervenjenti ppreżentat fil-Każ R 1415/2022‑2 u seta’, f’dan il-kuntest, jadotta deċiżjoni differenti minn dik annullata mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, ir-rikors inċidentali seta’, bl-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-intervenjenti.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata laqgħet it-talba tal-intervenjenti fir-rigward tal-Każ R 1421/2022‑2 ma setgħetx iċaħħadha minn interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ċaħdet ir-rikors fil-Każ R 1415/2022‑2.
( 1 ) Dawn kienu prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 18, 25, 28 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.
( 2 ) Abbażi tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).
( 3 ) Il-“basktijiet tal-isport” kienu inklużi fil-klassi 18 u ż-“żraben; żraben tal-isport; żraben għal skopijiet rikreattivi” kienu inklużi fil-klassi 25.
( 4 ) Dawn il-prodotti jaqgħu fil-klassi 25.
( 5 ) Konformement mal-Artikolu 67 tar-Regolament 2017/1001.
( 6 ) Skont l-Artikolu 35(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1).