DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
tad‑9 ta’ April 2025 ( *1 )
“Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Talba għal miżuri provviżorji – Urġenza – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kunċett ta’ dannu gravi”
Fil-Kawża C‑878/24 P(R),
li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid‑19 ta’ Diċembru 2024,
Alhares for Security Services and Occupational Safety, stabbilita fi Tripoli (il-Libja), irrappreżentata minn L. Vidal, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya), irrappreżentata minn E Raoult, avukata,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,
jagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Alhares for Security Services and Occupational Safety titlob l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Diċembru 2024, Alhares for Security Services and Occupational Safety vs EUBAM Libya (T‑493/24 R, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2024:886), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha intiża, b’mod partikolari, sabiex tikseb is-sospensjoni tal-konklużjoni, mill-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya), ta’ kuntratt fil-kuntest tas-sejħa għal offerti EUBAM-24-24-Security Services, organizzata skont il-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, għall-provvista ta’ servizzi ta’ sigurtà. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 2 sa 8 tad-digriet appellat. Huma jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal miżuri provviżorji, jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
3 |
L-appellanti hija kumpannija Libjana rregolata mid-dritt privat, li tispeċjalizza fil-provvista ta’ servizzi ta’ sigurtà privati. |
|
4 |
EUBAM Libya ġiet stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat‑22 ta’ Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU 2013, L 138, p. 15, rettifiki fil-ĠU 2016, L 39, p. 63 u fil-ĠU 2016, L 157, p. 33). |
|
5 |
Fis‑6 ta’ Awwissu 2024, EUBAM Libya nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti skont il-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel (EUBAM-24-24-Security Services), skont l-Artikolu 164(1)(d) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), intiża sabiex jiġi konkluż kuntratt ma’ kumpanniji Libjani ta’ servizzi ta’ sigurtà privati għall-benefiċċju ta’ EUBAM Libya, tal-membri tagħha, tal-assi u tal-beni tagħha fi Tripoli (il-Libja). |
|
6 |
Permezz ta’ żewġ ittri tad‑29 ta’ Awwissu u tat‑2 ta’ Settembru 2024 rispettivament, ir-rikorrenti talbet sabiex tkun tista’ tipparteċipa fis-sejħa għal offerti inkwistjoni, billi tippreżenta offerta. |
|
7 |
Fil‑5 ta’ Settembru 2024, EUBAM Libya informat lir-rikorrenti li, abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, hija kienet tapplika “proċeduri flessibbli ta’ għoti ta’ kuntratti”, skont il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-punt 11.1 kif ukoll il-punt 39.2 tal-Anness I tar-Regolament 2018/1046, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kriżi li fiha hija kienet mitluba topera. |
|
8 |
Fil‑11 ta’ Settembru 2024, b’risposta għal ittra li l-appellanti kienet bagħtitilha fid‑9 ta’ Settembru 2024, EUBAM Libya tenniet il-pożizzjoni tagħha li l-Kummissjoni kienet estendiet ir-rikonoxximent ta’ din is-sitwazzjoni ta’ kriżi u l-applikazzjoni ta’ proċeduri flessibbli ta’ għoti ta’ kuntratti, li kien jippermettilha tirrikorri għal proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, irrispettivament mill-valur stmat tal-kuntratt. Barra minn hekk, EUBAM Libya ppreċiżat li hija ma kellhiex obbligu legali li tistieden lill-operaturi awtorizzati kollha, inkluża l-appellanti, sabiex jippreżentaw offerta fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni. |
|
9 |
Id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti kienet inizjalment iffissata għall‑11 ta’ Settembru 2024, u mbagħad ġiet posposta għas‑16 ta’ Settembru ta’ wara, mingħajr stedina lill-appellanti sabiex tipparteċipa u mingħajr awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta offerta. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
|
10 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2024, l-appellanti ppreżentat rikors intiż b’mod partikolari għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni ta’ EUBAM Libya, meħuda fl‑10 ta’ Settembru 2024, li ma tagħżilhiex bħala kandidata mistiedna tippreżenta offerta fil-kuntest tal-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ Settembru 2024 li permezz tagħha EUBAM Libya kienet informatha b’mod partikolari li hija kienet qiegħda tapplika proċeduri flessibbli ta’ għoti ta’ kuntratti, konformement mat-tieni subparagrafu tal-punt 11.1(c) u mal-punt 39.2 tal-Anness I tar-Regolament 2018/1046. |
|
11 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Settembru 2024, l-appellanti ressqet talba għal miżuri provviżorji, intiża, minn naħa, sabiex tikseb is-sospensjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt li kellu jingħata minn EUBAM Libya, għall-provvista ta’ servizzi ta’ sigurtà, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex EUBAM Libya tiġi ordnata tibda proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, skont proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt regolari. |
|
12 |
Permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba. |
|
13 |
Fil-punt 41 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li l-imsemmija talba kellha tiġi miċħuda peress li l-appellanti ma stabbilixxietx l-urġenza, u dan mingħajr ma kien neċessarju li tiddeċiedi dwar il-fumus boni juris, u li tipproċedi għall-ibbilanċjar tal-interessi. |
It-talbiet tal-partijiet
|
14 |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
15 |
EUBAM Libya titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
16 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni, mill-President tal-Qorti Ġenerali, tal-urġenza. It-tieni aggravju huwa intiż għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju. It-tielet aggravju huwa intiż, essenzjalment, għall-istabbiliment tal-persistenza tal-urġenza. |
Fuq l-ewwel u t-tielet aggravju
Argumenti
|
17 |
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li d-digriet appellat huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi minħabba li, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-urġenza u, b’mod partikolari, fil-punt 32 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali assimila, b’mod żbaljat, il-kunċett ta’ “dannu gravi” ma’ dak ta’ “dannu irreparabbli”. Fil-fatt, billi bbaża ruħu, f’dan il-punt, fuq il-fatt li l-appellanti ma semmietx riskju ta’ dannu li jipperikola l-eżistenza tagħha stess, il-President tal-Qorti Ġenerali eżiġa li l-appellanti turi l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu irreparabbli. F’dan ir-rigward, il-President tal-Qorti Ġenerali injora t-tagħlim tal-ġurisprudenza li tirriżulta mid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits (C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, offerent li jitlob miżuri provviżorji matul il-fażi prekuntrattwali huwa obbligat biss li jistabbilixxi r-riskju li jseħħ dannu “gravi”, u mhux “gravi u irreparabbli”, sa fejn ikun jeżisti fumus boni juris partikolarment serju. |
|
18 |
Issa, sabiex jitqies bħala “gravi”, ikun biżżejjed li d-dannu inkwistjoni jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “oġġettivament kunsiderevoli” jew, tal-inqas, bħala “mhux negliġibbli”. F’tali kuntest, il-livell ta’ gravità tad-dannu meħtieġ mill-President tal-Qorti Ġenerali jmur kontra l-imsemmija ġurisprudenza u jċaħħad lill-appellanti mid-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv. |
|
19 |
F’dan il-każ, l-appellanti hija esposta għar-riskju ta’ dannu gravi minħabba t-telf ta’ opportunità li tikseb id-dħul mill-bejgħ relatat mal-kuntratt ikkonċernat, li hija tevalwa bejn wieħed u ieħor għal EUR 21 miljun, kif ukoll li tibbenefika mir-reputazzjoni tajba li kienet tirriżulta mill-għoti ta’ dan il-kuntratt. |
|
20 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ttenni l-argument imressaq insostenn tal-ewwel aggravju, inkluż dak dwar id-dannu sinjifikattiv li hija tallega li ġarrbet, fid-dawl tal-valur tal-kuntratt ikkonċernat. |
|
21 |
Barra minn hekk, l-urġenza tintwera wkoll minħabba li, fost l-operaturi preselezzjonati minn EUBAM Libya, hemm kumpanniji li d-diretturi tagħhom għandhom rabtiet ma’ gruppi Iżlamiċi Libjani jew li kienu assoċjati ma’ diversi inċidenti li seħħew fil-kuntest ta’ kuntratt analogu preċedenti. |
|
22 |
EUBAM Libya tqis li dan l-argument huwa infondat. |
Kunsiderazzjonijiet
|
23 |
Skont din il-ġurisprudenza, l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-qorti tal-Unjoni. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qiegħda titlob il-miżura provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Għalkemm għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ dan id-dannu, ma huwiex neċessarju li jintalab li l-okkorrenza u l-imminenza tiegħu jiġu stabbiliti b’ċertezza assoluta u li huwa biżżejjed li l-imsemmi dannu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-parti li titlob miżura provviżorja tibqa’ obbligata tipprova l-fatti li fir-rigward tagħhom hija tqis li jeżisti riskju reali li jseħħ tali dannu (digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Inivos u Inivos vs Il‑Kummissjoni, C‑471/21 P(R), EU:C:2021:984, punt 64, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2022, Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑478/22 P(R), EU:C:2022:914, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti imperattivi li jirriżultaw mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tiġi ggarantita fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-offerent eskluż jirnexxilu juri l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju, ma jistax jintalab li jistabbilixxi li ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli, taħt piena li jkun hemm preġudizzju eċċessiv u mhux iġġustifikat għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jibbenefika minnha skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Inivos u Inivos vs Il‑Kummissjoni, C‑471/21 P(R), EU:C:2021:984, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li din il-flessibbiltà tal-kundizzjoni dwar l-urġenza timplika biss li dannu gravi iżda mhux irreparabbli jista’ jkun biżżejjed sabiex dan jiġi stabbilit. Il-parti li titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji tibqa’ għalhekk obbligata turi li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura dwar ir-rikors fuq il-mertu mingħajr ma ssofri dannu gravi. Barra minn hekk, l-imsemmija flessibbiltà, iġġustifikata mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, tapplika biss matul il-fażi prekuntrattwali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Marzu 2018, Wall Street Systems UK vs BĊE, C‑576/17 P(R), EU:C:2018:208, punt 26, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2022, Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑478/22 P(R), EU:C:2022:914, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 23 sa 25 ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonstata fil-punti 23 u 25 tad-digriet appellat li, peress li l-appellanti ressqet it-talba tagħha għal miżuri provviżorji matul il-fażi prekuntrattwali, kellu jiġi analizzat jekk hija kinitx stabbilixxiet li l-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni kienet ser twassal, għaliha, għal dannu gravi. Il-President tal-Qorti Ġenerali għalhekk eżamina, fl-ewwel lok, l-allegat riskju ta’ dannu finanzjarju u, fit-tieni lok, l-allegat riskju ta’ telf ta’ opportunità tal-benefiċċju tar-reputazzjoni tajba li kienet tirriżulta mill-għoti ta’ dan il-kuntratt. |
|
27 |
Fl-analiżi tiegħu tal-allegat riskju ta’ dannu finanzjarju, il-President tal-Qorti Ġenerali ħa inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, fl-ewwel sentenza tal-punt 32 ta’ dan id-digriet, iċ-ċirkustanza li l-appellanti ma allegatx li tinsab “f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza tagħha stess”. Issa, tali ċirkustanza hija marbuta mhux biss man-natura gravi, iżda wkoll irreparabbli tad-dannu mġarrab (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Marzu 2013, EDF vs Il‑Kummissjoni, C‑551/12 P(R), EU:C:2013:157, punt 34), b’tali mod li dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza f’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 23 sa 25 ta’ dan id-digriet. Konsegwentement, ir-raġunament tal-President tal-Qorti Ġenerali jidher effettivament ivvizzjat bi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. |
|
28 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament tal-President tal-Qorti Ġenerali dwar ir-riskju allegat ta’ dannu gravi huwa bbażat, qabel kollox, fuq il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 29, fit-tieni sentenza tal-punt 32 u fil-punt 33 tad-digriet appellat, li minnhom jirriżulta, b’mod partikolari, li l-appellanti sempliċement “semmiet, f’termini ġenerali, li l-kuntratti inkwistjoni huma kuntratti estremament importanti fuq il-livell finanzjarju”, u ssostni li hija ser issofri dannu “li jista’ jirriżulta mill-assenza ta’ twettiq ta’ dħul mill-bejgħ”, mingħajr ma tipprovdi “indikazzjoni konkreta u preċiża [...], li turi s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tippermetti li jiġu evalwati l-konsegwenzi li probabbilment jirriżultaw mill-assenza tal-miżuri mitluba”. |
|
29 |
Huwa fuq din il-bażi li l-President tal-Qorti Ġenerali kkonkluda, fil-punt 35 ta’ dan id-digriet, li l-appellanti ma rnexxilhiex tistabbilixxi l-urġenza. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fil-fatt, li d-daqs tal-impriża appellanti jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu finanzjarju allegat, peress li dan ikun iktar gravi jekk ikun kunsiderevoli meta mqabbel ma’ dan id-daqs u inqas gravi fil-każ kuntrarju. Issa, f’ċerti każijiet, ma jistax jiġi eskluż li dannu finanzjarju oġġettivament kunsiderevoli jista’ jitqies bħala gravi, indipendentement mid-daqs tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Marzu 2013, EDF vs Il‑Kummissjoni, C‑551/12 P(R), EU:C:2013:157, punti 32 u 33), ħaġa li l-President tal-Qorti Ġenerali naqas milli jsemmi fid-digriet appellat. Madankollu, huwa r-rikorrent li għandu juri kif id-dannu finanzjarju invokat huwa oġġettivament kunsiderevoli u għalhekk gravi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti, inkluż, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tas-settur inkwistjoni, is-sitwazzjoni tal-awtorità kontraenti kkonċernata jew, ukoll, dik ta’ din ir-rikorrenti. |
|
31 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali miġbura fil-qosor fil-punt 28 ta’ dan id-digriet u li hija sempliċement tirrepeti allegazzjonijiet ta’ natura ġenerali fir-rigward tal-valur tal-kuntratt inkwistjoni, mingħajr ma tispjega kif ir-riskju ta’ dannu finanzjarju allegat, li jirriżulta mit-telf ta’ opportunità tal-għoti dan il-kuntratt, huwa oġġettivament kunsiderevoli. B’dan il-mod, l-appellanti għalhekk baqgħet ma stabbilixxietx kif hija kienet ser tkun esposta għal riskju ta’ dannu gravi fl-assenza ta’ miżuri provviżorji. Konsegwentement, l-iżball ta’ liġi msemmi fil-punt 27 ta’ dan id-digriet u l-fatt li l-President tal-Qorti Ġenerali ma eżaminax espressament jekk ir-riskju invokat setax jitqies bħala “oġġettivament kunsiderevoli”, indipendentement mid-daqs tal-appellanti, ma jaffettwawx ir-riżultat tal-analiżi mwettqa u l-argument ta’ din tal-aħħar għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv f’dan ir-rigward. |
|
32 |
Fir-rigward tal-allegat riskju ta’ dannu wara t-telf ta’ opportunità ta’ benefiċċju mir-reputazzjoni tajba bħala konsegwenza tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, l-appellanti baqgħet ma spjegatx kif ir-raġunament tal-President tal-Qorti Ġenerali, kif espost fil-punti 36 u 37 tad-digriet appellat, huwa vvizzjat minn xi żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, l-argument tal-appellanti huwa infondat. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 21 ta’ dan id-digriet, li tressqu quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali, iżda li madankollu ma ssemmewx fid-digriet appellat, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jirrigwarda riskju ta’ preġudizzju għall-interessi ta’ EUBAM Libya u tal-membri tagħha. |
|
34 |
Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċeduri għal miżuri provviżorji huma intiżi sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent u li huma biss l-interessi tiegħu li għandhom, meta dan ir-rikorrent ikun persuna privata, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Imħallef għal miżuri provviżorji (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2025, WebGroup Czech Republic vs Il‑Kummissjoni, C‑620/24 P(R), EU:C:2025:136, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Għalhekk, l-appellanti ma tistax tinvoka allegat preġudizzju għall-interessi ta’ EUBAM Libya u tal-membri tagħha insostenn tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji. F’dan ir-rigward, id-digriet appellat għalhekk lanqas ma huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi u l-argument imressaq mill-appellanti huwa infondat. |
|
36 |
Konsegwentement, l-ewwel u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala, parzjalment, ineffettivi u, parzjalment, infondati. |
Fuq it-tieni aggravju
|
37 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju. |
|
38 |
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ urġenza kkonstatat fid-digriet appellat, u fid-dawl taċ-ċaħda tal-aggravji magħmula kontra r-raġunament tal-President tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan it-tieni aggravju u l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
39 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
40 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
41 |
Peress li Alhares for Security Services and Occupational Safety tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub minn EUBAM Libya. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.