SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
23 ta’ April 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarji – Standards u regolamenti tekniċi – Direttiva 98/37/KE – Makkinarju b’apparat ta’ waqfien normali u ta’ emerġenza – Rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà u ta’ saħħa – Riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-persuni – Skattar mhux konxju jew konxju ta’ wieħed mill-apparati ta’ waqfien – Imblukkar tal-apparat ta’ waqfien f’emerġenza – Operat xieraq li jista’ jiżblokka l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza”
Fil-Kawża C‑887/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura
YH
vs
Widl GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi, President tal-Awla, N. Jääskinen u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 349), kif ukoll tal-punti 1.1.2, 1.2.1, 1.2.2, 1.2.4, 1.2.6, 1.2.7 u tal-punt 2.3(c) tal-Anness I tagħha. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn YH u Widl GmbH dwar il-kumpens għal dannu subit minn YH u kkawżat minn magna mmanifatturata minn Widl. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 2, 6, 7 u 9 tad-Direttiva 98/37 jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva: “Il-makkinarju u l-komponenti ta’ sigurtà koperti b’din id-Direttiva għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà ddikjarati fl-Anness I.” |
|
5 |
Il-punt 1.1.2 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-prinċipji ta’ l-integrazzjoni tas-sigurtà”, jipprevedi:
[…]” |
|
6 |
Il-punti 1.2.1, 1.2.2, 1.2.4, 1.2.6 u 1.2.7 ta’ dan l-anness jipprovdu: “1.2.1. Sistemi ta’ kontroll għas-sigurtà u l-affidabilità Is-sistemi tal-kontroll għandhom jiġu ddisinjati u mibnija hekk li jkunu bla perikolu u affidabbli, f’manjiera li jimpedixxu milli tinħoloq sitwazzjoni perikoluża. Fuq kollox għandhom ikunu ddisinjati u mibnija f’tali mod li:
1.2.2. L-apparat tal-kontroll L-apparati tal-kontroll għandhom ikunu:
[…] 1.2.4. Il-mezz tal-waqfien. Waqfien normali Kull magna għandha tkun fornuta b’kontroll li bih tkun tista’ titwaqqaf għal kollox mingħajr perikolu. Kull stazzjon tax-xogħol għandu jiġi fornut b’kontroll li jwaqqaf uħud mill-partijiet li jiċċaqalqu jew il-partijiet kollha tal-makkinarju, skond it-tip ta’ riskju, hekk li l-makkinarju jinġieb bla perikolu. Il-kontroll tal-waqfien tal-makkinarju għandu ikollu prijorità fuq il-kontrolli kollha ta’ l-istartjar. Ladarba l-makkinarju jew il-partijiet perikolużi tiegħu jkunu ġew imwaqqfa, għandha tiġi maqtugħa l-provvista ta’ l-enerġja fornuta mill-attwatturi involuti. Waqfien ta’ emerġenza Kull magna għandha tkun fornita b’wieħed jew iktar mill-mezzi ta’ waqfien f’emerġenza biex jgħinu li jitwarrab kull perikolu attwali jew li jista’ jinqala’. Japplikaw l-eċċezzjonijiet li ġejjin:
Ladarba jitwaqqaf l-operat attiv tal-kontroll ta’ waqfien f’emerġenza mix-xogħol tiegħu wara kmand għall-waqfien, dan il-kmand għandu jinżamm billi l-mezz ta’ waqfien f’emerġenza jibqa’ jaħdem sakemm jgħaddi speċifikament iż-żmien ta’ dan il-kmand; ma għandux ikun possibbli li l-mezz jerġa’ jitħaddem mingħajr ma jikkawża kmand ta’ waqfien; għandu ikun possibbli li l-mezz jitwaqqaf biss b’ħidma xierqa, u l-mezz tal-waqfien mit-tħaddim ma għandux jerġa’ jistartja lill-magna imma biss jippermettilha li tkun tista’ terġa’ tistartja. […] 1.2.6. Il-waqfien tal-provvista tal-qawwa/enerġija L-interruzzjoni, il-bidu mill-ġdid wara interruzzjoni jew it-tmewwiġ f’kull manjiera tal-provvista tal-enerġja lill-makkinarju ma jridux iwasslu għal sitwazzjoni perikoluża. B’mod partikolari:
1.2.7. Il-waqfien taċ-ċirkwit tal-kontroll Ħsara fil-loġika taċ-ċirkwit tal-kontroll, jew waqfien jew ħsara taċ-ċirkwit tal-kontroll ma għandhomx iwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ perikolu. B’mod partikolari:
|
|
7 |
Fil-punt 2 tal-imsemmi anness, intitolat “Il-Ħtiġiet Essenzjali ta’ Saħħa u ta’ Sigurtà għal Ċerti Kategoriji ta’ Makkinarju”, il-punt 2.3 tiegħu, huwa stess intitolat “Il-makkinarju li jaħdem l-injam u materjali analogi”, jipprevedi fil-punt (ċ) tiegħu: “Il-makkinarju li jaħdem l-injam u l-makkinarju li jaħdem materjali bil-karatteristiċi fiżiċi u teknoloġiċi bħal dawk ta’ l-injam, bħalma huma s-sufra, il-għadam, il-lastiku mwebbes, materjal tal-plastika mwebbsa u materjal iebes simili għandu jikkonforma mal-ħtiġiet essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà li ġejjin: […]
|
Id‑dritt Ġermaniż
|
8 |
Id-Direttiva 98/37 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż fl-Artikoli 1 u 16 tal-Gesetz zur Neuordnung der Sicherheit von technischen Arbeitsmitteln und Verbraucherprodukten (il-Liġi dwar ir-Riorganizzazzjoni tas-Sigurtà tal-Mezzi Tekniċi tax-Xogħol u tal-Prodotti għall-Konsum), tas‑6 ta’ Jannar 2004 (BGBl. 2004 I, p. 2). |
|
9 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, il-leġiżlatur Ġermaniż adotta l-Gesetz über technische Arbeitsmittel und Verbraucherprodukte (Geräte- und Produktsicherheitsgesetz – GPSG) (il-Liġi dwar il-Mezzi Tekniċi tax-Xogħol u l-Prodotti għall-Konsum (il-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Apparti u tal-Prodotti – GPSG)), tas‑6 ta’ Jannar 2004 (BGBl. 2004 I, p. 2). |
|
10 |
Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi dwar ir-Riorganizzazzjoni tas-Sigurtà tal-Mezzi Tekniċi tax-Xogħol u tal-Prodotti għall-Konsum, dan il-leġiżlatur, minn naħa, emenda n-Neunte Verordnung zum Gerätesicherheitsgesetz (id-Disa’ Regolament relatat mal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Apparati (Regolament dwar il-Makkinarji)), tat‑12 ta’ Mejju 1993 (BGBl. 1993 I, p. 704) (inizjalment adottata skont l-Artikolu 1 tal-Verordnung zum Gerätesicherheitsgesetz und zur Änderung von Verordnungen zum Gerätesicherheitsgesetz (ir-Regolament relatat mal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Apparati u l-Emenda tar-Regolamenti relatati mal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Apparati), tat‑12 ta’ Mejju 1993 (BGBl. 1993 I, p. 704)), u, min-naħa l-oħra, ta isem ġdid lil dan id-disa’ regolament “Neunte Verordnung zum Geräte- und Produktsicherheitsgesetz (Maschinenverordnung — 9e GSGV) (id-Disa’ Regolament relatat mal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Apparati u tal-Prodotti) (Regolament dwar il-Makkinarji — id-9-il GSGV)”. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-Makkinarji — id-9-il GSGV: “Il-makkinarji jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jissodisfaw l-ħtiġijiet essenzjali ta’ sigurtà u ta’ saħħa stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva [98/37] u jekk, meta jiġu installati u miżmuma kif suppost u użati għall-għan maħsub għalihom, ma jipperikolawx is-sigurtà u s-saħħa ta’ persuni jew is-sigurtà ta’ annimali domestiċi u proprjetà.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
Matul is-sena 2009, YH xtara, mingħand distributur, serrieq tond tal-injam, immanifatturat minn Widl (iktar ’il quddiem is-“serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). |
|
13 |
Is-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ jiffunzjona fil-modalità mejda u fil-modalità inklinazzjoni. Huwa kien mgħammar b’buttuna tal-bidu ħadra u buttuna ta’ waqfien ħamra (iktar ’il quddiem l-“apparat ta’ waqfien normali”), li t-tnejn li huma kienu jinsabu taħt valv, kif ukoll buttuna ta’ waqfien f’emerġenza ħamra li kienet tinsab in-naħa ta’ fuq ta’ dan il-valv (iktar ’il quddiem l-“apparat ta’ waqfien f’emerġenza”). |
|
14 |
Kemm l-apparat ta’ waqfien normali kif ukoll l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza kienu jikkontrollaw l-attivazzjoni ta’ brejk elettroniku għall-finijiet tal-waqfien tax-xafra tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara madwar għaxar sekondi. |
|
15 |
Fl‑14 ta’ Diċembru 2016, YH kellu inċident li kien jinvolvi s-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa xtaq jaqleb dan tal-aħħar minn modalità inklinazzjoni għal modalità mejda u waqqaf il-magna bl-għajnuna ta’ wieħed minn dawn l-apparati ta’ waqfien. Waqt li kien qed jgħabbi zkuk maqtugħin f’karretta tal-idejn, huwa attiva b’mod involontarju wieħed mill-imsemmija apparati, jiġifieri darba waħda għal mill-inqas erba’ sa ħames sekondi, jew diversi drabi konsekuttivament għal perijodu totali ta’ mill-inqas erba’ sa ħames sekondi. |
|
16 |
Wara tali manipulazzjoni, l-effett tal-ibbrejkjar tax-xafra tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie interrott, b’tali mod li, għal madwar ħdax-il minuta, din ix-xafra kompliet iddur fis-skiet, u naqset il-veloċità sakemm waqfet. |
|
17 |
YH niżżel il-protezzjoni tax-xafra tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali lejn in-naħa ta’ quddiem mingħajr ma nduna li din kienet għadha qiegħda ddur fis-skiet. L-indiċi tax-xellug tiegħu mbagħad ġie maqbud u weġġa’ minħabba din ix-xafra. |
|
18 |
Wara dan l-inċident, YH ippreżenta, quddiem il-Landgericht Deggendorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Deggendorf, il-Ġermanja), azzjoni għad-danni kontra Widl minħabba d-dannu serju li huwa kien ġarrab minħabba l-użu tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
19 |
Tħejja rapport tal-perizja fil-kuntest tal-proċedura quddiem dik il-qorti. F’dan ir-rapport, l-espert ikkonstata li, minkejja li perijodu ta’ bbrejkjar ta’ tlettax-il sekonda tax-xafra tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie stabbilit, il-fatt li jiġi attivat id-dispożittiv ta’ waqfien b’emerġenza kien jippermetti li din ix-xafra setgħet titwaqqaf fi tmienja sa disa’ sekondi. Barra minn hekk, huwa rrileva li, meta l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza ġie attivat mill-ġdid, darba waħda biss għal mill-inqas erba’ sa ħames sekondi, jew diversi drabi konsekuttivament għal tul totali ta’ mill-inqas erba’ sa ħames sekondi, l-imsemmija xafra ma waqfitx fiż-żmien ta’ bbrejkjar iddeterminat, iżda kompliet iddur għal madwar ħdax-il minuta. |
|
20 |
Il-Landgericht Deggendorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Deggendorf) ċaħdet l-azzjoni għad-danni mressqa minn YH. |
|
21 |
YH appella minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni, essenzjalment, li s-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ sigurtà previsti fid-Direttiva 98/37. |
|
22 |
Dik il-qorti tirrileva li, għalkemm YH ikkontribwixxa b’mod sinjifikattiv għad-dannu li huwa ġarrab, Widl tista’ wkoll tinżamm responsabbli għal parti minn dan id-dannu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-rekwiżiti ta’ sigurtà previsti fid-Direttiva 98/37. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li s-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu difett fid-disinn u li huwa ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà li jirriżultaw mill-Artikolu 3 u mill-Anness I tad-Direttiva 98/37, minħabba, b’mod partikolari, li l-fatt li jiġi attivat mill-ġdid l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza, jew darba biss b’mod estiż, jew diversi drabi konsekuttivi, ikollu l-effett li jħalli x-xafra tas-serrieq tibqa’ ddur fis-skiet għal madwar ħdax-il minuta. Dik il-qorti tirrileva li, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, ma jistax jiġi eskluż li utent fi stat ta’ paniku jista’ jattiva dan l-apparat darba biss b’mod estiż jew diversi drabi konsekuttivi u li, f’tali każ, il-waqfien tax-xafra ta’ dan is-serrieq għandu jiġi ggarantit sabiex ir-rekwiżiti ta’ sigurtà jiġu osservati. |
|
24 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 1.2.4 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37. Fil-fehma tagħha, il-parti tas-sentenza li tinsab f’dan il-punt, li tgħid li, “[l]adarba jitwaqqaf l-operat attiv tal-kontroll ta’ waqfien f’emerġenza mix-xogħol tiegħu wara kmand għall-waqfien, dan il-kmand għandu jinżamm billi l-mezz ta’ waqfien f’emerġenza jibqa’ jaħdem sakemm jgħaddi speċifikament iż-żmien ta’ dan il-kmand”, tista’ tiġi interpretata fis-sens li, jekk dan l-apparat jiġi attivat mill-ġdid, l-ordni tal-ibbrejkjar ma għandhiex tinżamm. Skont tali interpretazzjoni, is-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà tad-Direttiva 98/37. Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi jekk tali operat konxju jew mhux konxju jikkostitwixxix “operat xieraq” għall-iżblukkar tal-imsemmi apparat, fis-sens tal-punt 1.2.4 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Marzu 2025, tressqet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/37 kinux ġew trasposti fid-dritt Ġermaniż, fid-dawl tal-fatt li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux joħolqu waħedhom, mingħajr traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, obbligi għall-konvenut fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lil dik il-qorti tippreċiża jekk, waqt l-inċident tiegħu, YH kienx attiva l-apparat ta’ waqfien normali jew l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza.. |
|
27 |
Fl‑20 ta’ Marzu 2025, il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni. Fl-ewwel lok, hija rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/37 kienu ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż permezz tar-Regolament dwar il-Makkinarji — id-9 GSGV, li l-Artikolu 2 tiegħu jipprevedi li l-makkinarji jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jissodisfaw r-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà u ta’ saħħa stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva [98/37] u biss jekk ma jikkompromettux is-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, u lanqas is-sigurtà tal-annimali domestiċi u tal-proprjetà, meta jkunu installati b’mod korrett u miżmuma kif ukoll użati konformement mal-għan maħsub tagħhom. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, quddiem il-Landgericht Deggendorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Deggendorf), YH kien indika li, waqt l-inċident tiegħu, huwa kien attiva l-apparat ta’ waqfien normali filwaqt li, quddiemha, huwa kien semma li huwa kien attiva l-apparat ta’ waqfien b’emerġenza. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit liema minn dawn l-apparati kien ġie attivat, peress li kull wieħed minnhom kellu jiżgura l-istess funzjoni unika ta’ bbrejkjar tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Fuq id‑domandi preliminari
|
28 |
Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/37 kif ukoll il-punti 1.1.2, 1.2.1, 1.2.2, 1.2.4, 1.2.6, 1.2.7 u l-punt 2.3(c) tal-Anness I ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li apparat ta’ waqfien normali u/jew apparat ta’ waqfien f’emerġenza ta’ serrieq tond tal-injam jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ saħħa stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, meta, ladarba jingħata bidu għall-ordni ta’ waqfien tal-magna, l-apparat ta’ waqfien ikkonċernat jiġi attivat mill-ġdid, konxjament jew le, kemm jekk darba biss b’mod estiż, kif ukoll jekk diversi drabi konsekuttivi, jinterrompi l-ibbrejkjar ta’ dan is-serrieq, b’tali mod li x-xafra ta’ dan is-serrieq ma tiqafx, iżda tkompli ddur fis-skiet billi tnaqqas il-veloċità, sabiex finalment tieqaf wara diversi minuti. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 98/37 tarmonizza b’mod eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni r-regoli dwar ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà tal-makkinarju u dwar l-attestazzjoni tal-konformità tagħhom ma’ dawn ir-rekwiżiti, kif ukoll dawk li jikkonċernaw l-aġir li jistgħu jadottaw l-Istati Membri fir-rigward tal-makkinarju preżunt konformi mal-imsemmija rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET,C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 53). |
|
30 |
Fil-fatt, din id-direttiva hija intiża, abbażi tat-tieni, is-sitt, is-seba’ u d-disa’ premessa tagħha, li tiżgura l-libertà ta’ moviment tal-makkinarju fis-suq intern u li tissodisfa r-rekwiżiti imperattivi u essenzjali ta’ sigurtà u ta’ saħħa li jirrigwardaw dan il-makkinarju billi tissostitwixxi s-sistemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni u ta’ attestazzjoni ta’ konformità b’sistema armonizzata. Għal dan l-għan, b’mod partikolari fl-Artikolu 3 u fl-Anness I tagħha, l-imsemmija direttiva telenka r-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà u ta’ saħħa li għandhom jissodisfaw il-makkinarju u l-komponenti ta’ sigurtà mmanifatturati fl-Istati Membri (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto, C‑40/04, EU:C:2005:519, punt 31, u tas‑17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 52). |
|
31 |
Fl-ewwel lok, fost dawn ir-rekwiżiti, il-punt 1.1.2 ta’ dan l-anness jistabbilixxi l-prinċipji ta’ integrazzjoni tas-sigurtà li għandhom jissodisfaw il-makkinarju u l-komponenti ta’ sigurtà tiegħu. B’mod partikolari, konformement ma’ dan il-punt 1.1.2(a), il-makkinarju għandu jkun immanifatturat b’tali mod li jkun jista’ jiżgura l-funzjoni tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi rregolat u miżmum mingħajr ma l-persuni jkunu esposti għal riskju meta dawn l-operazzjonijiet jitwettqu fil-kundizzjonijiet previsti mill-manifattur. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, barra minn hekk, li l-miżuri meħuda għandu jkollhom l-għan li jneħħu r-riskji ta’ inċidenti matul it-tul tal-eżistenza prevedibbli tal-makkinarju, inklużi l-fażijiet ta’ assemblaġġ u ta’ żarmar, anki fil-każ fejn ir-riskji ta’ inċidenti jirriżultaw minn sitwazzjonijiet anormali prevedibbli. |
|
32 |
Ulterjorment, skont il-punt 1.1.2(b) tal-Anness I tad-Direttiva 98/37, billi jagħżel is-soluzzjonijiet l-iktar adegwati, il-manifattur għandu, fl-ordni indikata, l-ewwel nett, jelimina jew inaqqas ir-riskji għas-sigurtà jew għas-saħħa, sussegwentement, jieħu l-miżuri ta’ protezzjoni neċessarji fir-rigward tar-riskji li ma jistgħux jiġu eliminati u, fl-aħħar nett, jinforma lill-utenti bir-riskji residwi dovuti għall-effikaċja inkompleta tal-miżuri ta’ protezzjoni adottati, jindika jekk huwiex meħtieġ taħriġ partikolari u jindika jekk huwiex neċessarju li jiġi previst tagħmir ta’ protezzjoni personali. |
|
33 |
Barra minn hekk, il-prinċipju li jinsab fil-punt 1.1.2(c) ta’ dan l-anness jeżiġi li l-manifattur tal-makkinarju kkonċernat, waqt id-disinn u l-kostruzzjoni tiegħu kif ukoll waqt it-tfassil tal-istruzzjonijiet tiegħu, jipprevedi mhux biss l-użu normali ta’ dan il-makkinarju, iżda wkoll l-użu tal-imsemmi makkinarju li jista’ jkun raġonevolment mistenni. |
|
34 |
Fit-tieni lok, il-punt 1.2.1 tal-imsemmi anness jipprevedi li s-sistemi ta’ kontroll għandhom jiġu ddisinjati u mibnija sabiex ikunu siguri u affidabbli, b’mod li tiġi evitata kull sitwazzjoni perikoluża u, b’mod partikolari, li ma jseħħux sitwazzjonijiet perikolużi fil-każ ta’ żball loġiku fl-operat, filwaqt li l-punt 1.2.2 tal-istess anness jipprevedi, b’mod partikolari, li l-korpi ta’ kontroll għandhom ikunu ddisinjati b’mod li l-moviment tagħhom ikun koerenti mal-effett ordnat. |
|
35 |
Fit-tielet lok, il-punt 1.2.4 tal-Anness tad-Direttiva 98/37 jeżiġi li kull makkinarju jkollu korp ta’ kontroll li jippermetti l-waqfien ġenerali tiegħu f’kundizzjonijiet siguri, jiġifieri apparat ta’ waqfien normali, kif ukoll, bla ħsara għal ċerti esklużjonijiet, li ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ta’ apparat wieħed jew iktar ta’ waqfien f’emerġenza li permezz tagħhom jistgħu jiġu evitati sitwazzjonijiet perikolużi li x’aktarx iseħħu f’daqqa jew li jkunu ser iseħħu. |
|
36 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-apparat ta’ waqfien normali, dan il-punt 1.2.4 jipprevedi li dan l-apparat għandu jippermetti li jiġu stabbiliti, skont ir-riskji eżistenti, jew l-elementi kollha li jiċċaqilqu tal-makkinarju kkonċernat, jew parti minnhom biss, b’tali mod li dan il-makkinarju jkun f’sitwazzjoni ta’ sigurtà. Ulterjorment, l-ordni ta’ waqfien għandha tipprevali fuq l-ordnijiet ta’ bidu ta’ operat tal-imsemmi makkinarju. Ladarba l-istess makkinarju jew il-komponenti perikolużi tiegħu jintfew, il-provvista tal-enerġija tal-attwaturi kkonċernati għandha titwaqqaf. |
|
37 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-apparat ta’ waqfien f’emerġenza, l-imsemmi punt 1.2.4 jipprovdi li dan l-apparat għandu jinkludi korpi ta’ kontroll identifikabbli b’mod ċar, viżibbli sew u aċċessibbli malajr. Barra minn hekk, dan għandu jikkawża l-waqfien tal-proċess perikoluż fl-iqsar żmien possibbli mingħajr ma joħloq riskju addizzjonali u, eventwalment, jiskatta jew jippermetti li jiġu skattati ċerti movimenti ta’ salvagwardja. |
|
38 |
L-istess punt 1.2.4 jippreċiża, ukoll, li, “[l]adarba jitwaqqaf l-operat attiv tal-kontroll ta’ waqfien f’emerġenza mix-xogħol tiegħu wara kmand għall-waqfien, dan il-kmand għandu jinżamm billi l-mezz ta’ waqfien f’emerġenza jibqa’ jaħdem sakemm jgħaddi speċifikament iż-żmien ta’ dan il-kmand” u li ma għandux ikun possibbli li jinkiseb tali mblukkar mingħajr ma joħloq ordni ta’ waqfien. Ulterjorment, l-iżblukkar tal-apparat ta’ waqfien b’emerġenza għandu jkun jista’ jinkiseb biss permezz ta’operat xieraq u dan l-iżblukkar ma għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn il-makkinarju ikompli jaħdem, iżda għandu jawtorizza biss bidu ġdid. |
|
39 |
Minn dan isegwi li l-attivazzjoni tal-apparat ta’ waqfien b’emerġenza għandha tagħti bidu għal ordni ta’ waqfien, li għandha tinżamm permezz ta’ imblukkar ta’ dan l-apparat. Il-fatt li ma jibqax jopera l-imsemmi apparat ma għandux għalhekk ikollu l-effett li jiżblukkah, peress li tali żblukkar għandu jkun jista’ jinkiseb biss permezz ta’ operat xieraq. Il-kunċett ta’ “operat xieraq” fis-sens tal-punt 1.2.4 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37 għandu għalhekk jinftiehem bħala li jirreferi għal azzjoni preċiża u distinta mill-attivazzjoni tal-istess apparat, li huwa intiż speċifikament sabiex jiżblukkah. |
|
40 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-iżblukkar tal-apparat ta’ waqfien b’emerġenza, permezz ta’ tali operat xieraq, fl-ebda każ ma għandu jerġa’ jibda jopera l-makkinarju kkonċernat. Fil-fatt, l-attivazzjoni mill-ġdid tiegħu għandu jkun possibbli biss bl-attivazzjoni sussegwenti ta’ korp ieħor ta’ kontroll. |
|
41 |
Fir-raba’ lok, il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37 jipprovdu, essenzjalment, li ebda difett fil-loġika jew fil-provvista tal-enerġija taċ-ċirkwit ta’ kontroll la għandu jwassal għal sitwazzjonijiet perikolużi u lanqas jipprekludi l-waqfien tal-makkinarju kkonċernat jekk l-ordni tkun diġà ngħatat. |
|
42 |
Fil-ħames u l-aħħar lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt 2.3 ta’ dan l-anness jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għall-makkinarju tal-injam, bħas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
43 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ibbrejkjar ta’ tali magni, il-punt 2.3(c) tal-Anness I tad-Direttiva 98/37 jipprovdi li l-makkinarju kkonċernat għandu jkun mgħammar bi brejkijiet awtomatiċi li jwaqqfu l-għodda tat-tqattigħ tagħha fi żmien suffiċjentement qasir meta jkun hemm riskju ta’ kuntatt ma’ din l-għodda waqt li tkun qiegħda tnaqqas ir-ritmu tagħha. |
|
44 |
Tali rekwiżit huwa miżura ta’ siġurtà addizzjonali għall-makkinarju tal-injam u għandu l-għan li jiżgura li r-rekwiżiti tas-saħħa u ta’ siġurtà jiġu ssodisfati b’mod partikolari permezz tal-immobilizzazzjoni tal-għodda tat-tqattigħ tal-makkinarju tal-injam ikkonċernati, bħal xfafar, cutters eċċ., f’perijodu ta’ żmien qasir biżżejjed biex jiġi eliminat ir-riskju ta’ kuntatt aċċidentali matul il-fażi ta’ tnaqqis fir-ritmu ta’ veloċità tal-għodda. |
|
45 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara li ta bidu għal ordni ta’ waqfien, YH attiva involontarjament l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza jew l-apparat ta’ waqfien normali, jew darba biss b’mod estiż, jew diversi drabi konsekuttivi, li kellu bħala konsegwenza li l-effett tal-ibbrejkjar ġie interrott u li, matul diversi minuti, ix-xafra tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali kompliet iddur fis-skiet. |
|
46 |
Anki jekk jitqies li l-iżblukkar tal-apparat ta’ waqfien f’emerġenza jista’ jinkiseb, konformement mal-istruzzjonijiet għall-użu tal-makkinarju kkonċernat, mill-fatt li dan l-apparat jiġi attivat darba biss b’mod estiż jew diversi drabi konsekuttivament, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-iżblukkar fl-ebda każ ma għandu jfisser li l-makkinarju jerġa’ jibda jopera, iżda sempliċement jawtorizza li jinxtegħel mill-ġdid, kif jipprevedi espressament il-punt 1.2.4 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37 u kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza. |
|
47 |
Għalhekk, il-fatt li l-azzjonijiet, konxji jew le, deskritti fil-punt 45 ta’ din is-sentenza kellhom bħala konsegwenza li l-effett tal-ibbrejkjar ġie interrott u li, għal diversi minuti, ix-xafra tas-serrieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali kompliet iddur fis-skiet, jidher li jmur kontra r-rekwiżit previst fil-punt 1.2.4 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37, u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi “operat xieraq” għall-iżblukkar tal-apparat ta’ waqfien f’emerġenza, fis-sens ta’ dan il-punt 1.2.4. |
|
48 |
L-istess konklużjoni tapplika mutatis mutandis fil-każ li YH ikun adotta l-apparat ta’ waqfien normali, kemm jekk darba b’mod estiż, kif ukoll jekk diversi drabi konsekuttivi. Fil-fatt, minkejja li l-apparat ta’ waqfien normali u l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza jippreżentaw ċerti differenzi fil-livell tar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà li huma speċifiċi għalihom, dawn huma suġġetti, essenzjalment, għall-istess prinċipji ta’ integrazzjoni tas-sigurtà u jaqsmu l-istess funzjoni essenzjali, jiġifieri l-waqfien tal-makkinarju kkonċernat billi jqegħduh f’sitwazzjoni ta’ sigurtà. Għalhekk, l-attivazzjoni tal-apparat ta’ waqfien normali, kemm jekk tkun darba b’mod estiż jew diversi drabi konsekuttivi, fl-ebda każ ma jista’ jkollha l-effett li tinterrompi l-ordni ta’ waqfien li dan il-korp ta’ kontroll huwa mistenni li jagħti u lanqas, għaldaqstant, li tippermetti li s-serrieq tond inkwistjoni jkompli jdur għal diversi minuti. |
|
49 |
Barra minn hekk, tali konsegwenza tidher ukoll kuntrarja kemm għall-prinċipji ta’ integrazzjoni tas-sigurtà li l-makkinarju u l-komponenti ta’ sigurtà tiegħu għandhom jissodisfaw, stabbiliti fil-punt 1.1.2 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37, kif ukoll għar-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ saħħa li jirriżultaw mill-punti 1.2.1, 1.2.2, 1.2.6, 1.2.7 u mill-punt 2.3(c) ta’ dan l-anness, imfakkra fil-punti 31 sa 34 u 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, sa fejn hija tesponi lill-persuni li jużaw il-makkinarju kkonċernat għal riskju ikbar għas-sigurtà tagħhom u għas-saħħa tagħhom. Fil-fatt, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, huwa kompletament prevedibbli li, fi stat ta’ paniku, il-persuna li tuża dan il-makkinarju tattiva, bl-għan li twaqqfu malajr kemm jista’ jkun, jew darba biss b’mod estiż jew diversi drabi konsekuttivi, l-apparat ta’ waqfien normali jew l-apparat ta’ waqfien f’emerġenza tiegħu. Issa, billi jippermettu, f’tali ċirkustanzi, lix-xafra tal-makkinarju kkonċernat li tibqa’ ddur fis-skiet għal diversi minuti, minflok ma jwaqqfuha fi żmien suffiċjentement qasir, dawn l-apparati jiksru r-rekwiżiti kollha ċċitati iktar ’il fuq. |
|
50 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/37 kif ukoll il-punti 1.1.2, 1.2.1, 1.2.2, 1.2.4, 1.2.6, 1.2.7 u l-punt 2.3(c) tal-Anness I ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li apparat ta’ waqfien normali u/jew apparat ta’ waqfien f’emerġenza ta’ serrieq tond tal-injam ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ saħħa stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, meta, ladarba jingħata bidu għall-ordni ta’ waqfien tal-magna, l-apparat ta’ waqfien ikkonċernat jiġi attivat mill-ġdid, konxjament jew le, kemm jekk darba biss b’mod estiż, kif ukoll jekk diversi drabi konsekuttivi, jinterrompi l-ibbrejkjar ta’ dan is-serrieq, b’tali mod li x-xafra ta’ dan is-serrieq ma tiqafx, iżda tkompli ddur fis-skiet billi tnaqqas il-veloċità, sabiex finalment tieqaf wara diversi minuti. |
Fuq l‑ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-makkinarju, kif ukoll il-punti 1.1.2, 1.2.1, 1.2.2, 1.2.4, 1.2.6, 1.2.7 u l-punt 2.3(c) tal-Anness I ta’ din id-direttiva |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
apparat ta’ waqfien normali u/jew apparat ta’ waqfien f’emerġenza ta’ serrieq tond tal-injam ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ saħħa stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet meta, ladarba jingħata bidu għall-ordni ta’ waqfien tal-magna, l-apparat ta’ waqfien ikkonċernat jiġi attivat mill-ġdid, konxjament jew le, kemm jekk darba biss b’mod estiż kif ukoll jekk diversi drabi konsekuttivi, jinterrompi l-ibbrejkjar ta’ dan is-serrieq, b’tali mod li x-xafra ta’ dan is-serrieq ma tiqafx, iżda tkompli ddur fis-skiet billi tnaqqas il-veloċità, sabiex finalment tieqaf wara diversi minuti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.