Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
11 ta’ Ġunju 2026 (*)
“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina – Deċiżjoni 2014/145/PESK – Artikolu 2(1)(f) – Regolament (UE) Nru 269/2014 – Artikolu 3(1)(f) – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Kunċett ta’ ‘appoġġ materjali jew finanzjarju lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa’ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Interpretazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Limitazzjonijiet – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-klijenti tal-appellanti u tal-interessi ekonomiċi tagħhom”
Fil-Kawża C‑801/24 P
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑20 ta’ Novembru 2024,
NKO AO National Settlement Depository (NSD), stabbilita f’Moska (ir-Russja), irrappreżentata minn É. Épron u A. Genko, avocats,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn L. Berger u E. Nadbath, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Carpus-Carcea, L. Mantl u G. von Rintelen, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen, R. Frendo (Relatriċi) u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, NKO AO National Settlement Depository (NSD) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑11 ta’ Settembru 2024, NSD vs Il‑Kunsill (T‑494/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:607), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament:
– tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/883 tat‑3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 153, p. 92), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/878 tat‑3 ta’ Ġunju 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 153, p. 15) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali kontenzjużi”);
– tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75I, p. 134), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75I, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ewwel atti ta’ żamma kontenzjużi”), u
– tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, it-“tieni atti ta’ żamma kontenzjużi”),
sa fejn dawn l-atti kollha (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernawha.
I. Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża
2 Il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża huwa espost fil-punti 2 sa 20 tas-sentenza appellata u jista’ jinġabar fil-qosor u jiġi ppreċiżat kif ġej.
3 L-appellanti hija kumpannija rregolata mid-dritt Russu li hija depożitarja awtorizzata li tipprovdi servizzi ta’ arkivjar u ta’ żamma ta’ titoli bħala depożitarju ċentrali fir-Russja u li tipprovdi wkoll servizzi finanzjarji, b’mod partikolari bħala korp ta’ kreditu mhux bankarju li għandu liċenzja li tagħtih id-dritt li jipprovdi servizzi ta’ ħlas bankarju.
4 Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi deċiżi mill-Unjoni Ewropea sa mill‑2014 b’reazzjoni għall-azzjonijiet li jdgħajfu jew li jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
5 Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).
6 Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, u rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).
7 Wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1), u r-Regolament (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1).
A. Id-Deċiżjoni 2022/329
8 Il-premessi 5 u 9 sa 11 tad-Direttiva 2022/329 jistabbilixxu:
“(5) Fl‑24 ta’ Jannar 2022, […] il-Kunsill tenna li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri mir-Russja kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir, inkluż firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi settorjali u individwali li jiġu adottati f’koordinazzjoni mas-sħab.
[…]
(9) Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna. Dan l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.
(10) Fl‑24 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli [tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà] ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u l-involviment tal-Belarussja f’din l-aggressjoni kontra l-Ukrajna. Ir-Rappreżentant Għoli indika li r-rispons tal-Unjoni ser jinkludi miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali.
(11) Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jiġu emendati biex jinkludu persuni u entitajiet li jappoġġaw u jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kif ukoll persuni u entitajiet li jipprovdulu sors sostanzjali ta’ dħul, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati ma’ persuni jew entitajiet elenkati.”
B. Id-Deċiżjoni 2014/145
9 L-Artikolu 2(1)(f) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145”), jaqra kif ġej:
“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
[…]
(f) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna [iktar ’il quddiem il-‘kriterju (f)’]; […]
[…]
u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”
10 L-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi, essenzjalment, li l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, ta’ entità jew ta’ korp ma jipprojbixxix lil din il-persuna, lil din l-entità jew lil dan il-korp milli jwettqu pagament dovut taħt kuntratt konkluż qabel id-data li fiha l-imsemmija persuna, l-imsemmija entità jew l-imsemmi korp ikunu ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun żgura li l-pagament ma ġiex irċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp inklużi f’din il-lista.
11 It-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li din id-deċiżjoni għandha tiġi mmonitorjata kontinwament u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu.
C. Ir-Regolament Nru 269/2014
12 L-Artikolu 3(1)(f) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/330 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”), jipprevedi kriterju identiku għall-kriterju (f), sabiex jiġu ffriżati, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, lill-entitajiet jew lill-korpi li jissodisfaw dan il-kriterju.
13 L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, sakemm pagament ikun dovut minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I tal-istess regolament, abbażi ta’ kuntratt jew ta’ ftehim konkluż jew ta’ obbligu li rriżulta minn din il-persuna fiżika jew ġuridika, din l-entità jew dan il-korp qabel id-data tal-inklużjoni tagħhom f’dan l-anness, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew ta’ ċerti riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jiġi stabbilit li dawn il-fondi jew dawn ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati f’din il-lista u li l-pagament li għandu jsir ma jiksirx il-projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-imsemmi anness jew lil persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.
14 L-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014 jipprovdi li l-lista li tinsab fl-Anness I tiegħu għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.
D. Ir-Regolament Nru 833/2014
15 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/328 tal‑25 ta’ Frar 2022 (ĠU 2022, L 49, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 114, p. 212) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”), jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
(o) ‘finanzjament jew assistenza finanzjarja’ tfisser kwalunkwe azzjoni, irrispettivament mill-mezzi partikolari li jintgħażlu, li biha l-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati, kundizzjonalment jew inkundizzjonalment, jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw fondi jew riżorsi ekonomiċi tagħhom stess […]
[…]”
16 Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 kien ifformulat kif ġej:
“Il-forniment ta’ dawn li ġejjin huwa soġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti kkonċernata:
[…]
(b) il-finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mat-teknoloġija msemmija fl-Anness II, inklużi b’mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti, jew għal kwalunkwe forniment ta’ assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew jekk tali assistenza tirrigwarda teknoloġija għall-użu fir-Russja, lil kull persuna, entità jew korp fi kwalunkwe pajjiż ieħor.”
17 Kif kien jippreċiża, essenzjalment, l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Anness II tiegħu kien jelenka ċerti teknoloġiji adattati għall-industrija taż-żejt għall-esplorazzjoni u għall-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, għall-esplorazzjoni u għall-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew għall-proġetti fil-qasam tal-iskist keroġenuż fir-Russja.
E. Ir-Regolament Nru 909/2014
18 Il-premessa 2 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU 2014, L 257, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 8) tipprovdi:
“Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tagħhom fil-proċess tas-saldu, is-sistemi tas-saldu tat-titoli mħaddma [mid-depożitorji ċentrali tat-titoli] huma ta’ importanza sistemika għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli. […]”
F. L-atti kontenzjużi
1. L-atti inizjali kontenzjużi
19 Fit‑3 ta’ Ġunju 2022, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta l-atti inizjali kontenzjużi.
20 Il-premessa 2 ta’ dawn l-atti tipprovdi:
“L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tikompli tikkundanna l-azzjonijiet u l-politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali tal-Ukrajna.”
21 Permezz tad-Deċiżjoni 2022/883 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/878, isem l-appellanti ġie miżjud, bin-numru 101, rispettivament mal-lista tal-entitajiet li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 u ma’ dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”), għar-raġunijiet li ġejjin:
“NSD hija istituzzjoni finanzjarja mhux bankarja Russa u depożitorju ċentrali ta’ titoli tar-Russja. Hija l-akbar depożitorju ta’ titoli fir-Russja skont il-valur tas-suq tat-titoli ta’ ekwità u ta’ dejn miżmuma f’kustodja u l-unika waħda li għandha aċċess għas-sistema finanzjarja internazzjonali.
Hija rikonoxxuta bħala istituzzjoni finanzjarja Russa sistemikament importanti mill-Gvern u l-Bank Ċentrali tar-Russja. Hija għandha rwol essenzjali fil-funzjonament tas-sistema finanzjarja tar-Russja u l-konnessjoni tagħha mas-sistema finanzjarja internazzjonali, u b’hekk tiffaċilita direttament u indirettament lill-Gvern Russu fl-attivitajiet, il-politiki u r-riżorsi tiegħu.
Hija kważi kompletament proprjetà tal-Borża ta’ Moska, li l-missjoni tagħha hija li tipprovdi aċċess eżawrjenti għas-swieq finanzjarji Russi. Min-naħa l-oħra, Moscow Exchange, permezz tar-rwol u l-azzjonisti tagħha, hija taħt livell għoli ta’ kontroll mill-Gvern Russu. Għalhekk NSD hija entità jew korp li jappoġġa, materjalment jew finanzjarjament, lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”
22 Fit‑3 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill ippubblika wkoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/883, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/878 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, C 219I, p. 1). Dan l-avviż kien jindika, b’mod partikolari, li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati setgħu jindirizzaw lill-Kunsill b’talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi kontenzjużi, billi jehmżu magħha dokumenti ta’ sostenn.
23 Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Awwissu 2022, l-appellanti talbet lill-Kunsill jipprovdi l-motivazzjoni u l-provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi.
24 Fl‑10 ta’ Awwissu 2022, il-Kunsill ikkomunika lill-appellanti l-fajl WK 7236/2022/EXT 1, li fuqu huwa kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu.
2. L-ewwel atti ta’ żamma kontenzjużi
25 Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill informa lill-appellanti li kien biħsiebu jżomm il-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha, ikkomunikalha l-fajl WK 17708/2022 INIT u stedinha sabiex tippreżentalu l-osservazzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Jannar 2023.
26 Fit‑13 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta l-ewwel atti ta’ żamma kontenzjużi, li minnhom jirriżulta li isem l-appellanti nżamm fil-listi kontenzjużi, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.
27 Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill informa lill-appellanti bl-adozzjoni ta’ dawn l-atti u stedinha sabiex tippreżentalu l-osservazzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ġunju 2023.
3. It-tieni atti ta’ żamma kontenzjużi
28 Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill informa lill-appellanti li kien biħsiebu jżomm il-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha, ikkomunikalha l-fajl WK 7807/2022 REV2 u stedinha sabiex tippreżentalu l-osservazzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mill‑25ta’ Lulju 2023.
29 Fit‑13 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill adotta t-tieni atti ta’ żamma kontenzjużi, li minnhom jirriżulta li isem l-appellanti nżamm fil-listi kontenzjużi, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.
II. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
30 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Awwissu 2022, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tal-atti inizjali kontenzjużi sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha.
31 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.
32 Permezz ta’ żewġ noti ta’ adattament ippreżentati fil‑25 ta’ April u fl‑24 ta’ Novembru 2023, l-appellanti, essenzjalment, talbet l-annullament tal-atti kontenzjużi sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha.
33 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali u, ir-raba’ wieħed, fuq l-insuffiċjenza tal-provi.
III. It-talbiet tal-partijiet fl-appell
34 Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tannulla l-atti kontenzjużi sa fejn dawn l-atti jirrigwardawh, u
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
35 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell u
– tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
IV. Fuq l-appell
36 Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet sa fejn iddeċidiet li l-Kunsill kien osserva l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni tal-atti kontenzjużi, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju (f) u, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha kienu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
A. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
1. L-argumenti tal-partijiet
37 Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien osserva l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni tal-atti kontenzjużi.
38 Fl-ewwel lok, hija tirrileva, minn naħa, li, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva għandha tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa kien iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li tali miżura kellha tiġi adottata. Min-naħa l-oħra, fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza, dwar in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, l-argument tal-appellanti li dawn l-atti la jidentifikaw il-mument u lanqas iċ-ċirkustanzi tal-għajnuna mogħtija lill-Gvern Russu u ma jsemmux tranżazzjoni speċifika f’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’. L-appellanti tikklassifika dan ir-raġunament bħala “kontradittorju”, sa fejn jikkostitwixxi rikonoxximent impliċitu, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura inkompleta tal-motivazzjoni tal-imsemmija atti, bi ksur tal-ġurisprudenza li hija stess fakkret fil-punt 39 tal-imsemmija sentenza.
39 L-imsemmi raġunament huwa għalhekk ivvizzjat bi żball ta’ liġi, peress li għandu l-effett li jivvalida atti nieqsa minn motivazzjoni konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE.
40 Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet invokati insostenn tal-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi, kif esposti fil-punt 41 tas-sentenza appellata, jikkostitwixxu biss elementi tal-kuntest li ma għandhomx rabta ma’ kwalunkwe appoġġ materjali jew finanzjarju lill-Gvern Russu. Permezz ta’ dawn l-elementi, il-Kunsill sempliċement ippreċiża l-identità tal-entità milquta mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, l-għan soċjali tagħha kif ukoll l-istruttura tal-azzjonisti tagħha. Madankollu, l-assenza ta’ elementi fattwali dwar tali appoġġ materjali jew finanzjarju tipprekludi l-istħarriġ tan-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi.
41 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex potenzjalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, għandha tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li tali miżura għandha tiġi adottata fil-konfront tal-persuna kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 52).
44 Madankollu, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ dan l-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-imsemmi att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti u lanqas li tissodisfa b’mod iddettaljat il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-parti kkonċernata meta din tiġi kkonsultata qabel l-adozzjoni tal-att innifsu, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kunsill vs PKK, C‑46/19 P, EU:C:2021:316, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54).
46 Fl-ewwel lok, minn naħa, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-atti kontenzjużi kienu jindikaw il-kuntest li fih kienu ġew adottati, kif ukoll il-bażijiet legali li fuqhom kienu bbażati.
47 B’mod partikolari, hija rrilevat, essenzjalment, li mill-preamboli ta’ dawn l-atti kien jirriżulta li l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina kif ukoll it-tkomplija tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza ta’ dan il-pajjiż kienu jiġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma tal-persuni kkonċernati, fosthom l-appellanti, fil-listi kontenzjużi.
48 Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem l-appellanti fil-listi kontenzjużi kienu jippreċiżaw, b’mod partikolari, li din hija d-depożitarju prinċipali tat-titoli tar-Russja, li hija għandha aċċess għas-sistema finanzjarja internazzjonali u li hija rrikonoxxuta bħala istituzzjoni finanzjarja ta’ importanza sistemika li għandha rwol essenzjali fil-funzjonament tas-sistema finanzjarja Russa, b’tali mod li tippermetti direttament jew indirettament lill-Gvern Russu jwettaq l-attivitajiet u l-politiki tiegħu u jimmobilizza r-riżorsi tiegħu. Dawn ir-raġunijiet isemmu wkoll li l-appellanti hija kważi kompletament proprjetà tal-Borża ta’ Moska, li, min-naħa tagħha, hija fil-parti l-kbira taħt il-kontroll ta’ dan il-gvern.
49 Fid-dawl tal-kuntest li fih ġew adottati l-atti kontenzjużi u tal-motivazzjoni li tinsab f’dawn l-atti, l-appellanti, bħala depożitorju ċentrali tat-titoli fir-Russja, kif tirrikonoxxi hija stess fl-appell tagħha, billi tikklassifika ruħha bħala “element maġġuri u ċentrali tas-sistema finanzjarja Russa”, ma setgħetx raġonevolment tinjora r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill adotta miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.
50 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali fl-atti kontenzjużi tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti, minn naħa, lill-appellanti tifhem ir-raġunijiet li għalihom isimha ġie inkluż, u sussegwentement inżamm, fil-listi kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dawn l-atti.
51 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma rrikonoxxiet, anki jekk impliċitament, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, xi insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti kontenzjużi. Fil-fatt, din tal-aħħar, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet biss, essenzjalment, li l-argument tal-appellanti li dawn l-atti la jidentifikaw il-mument u lanqas iċ-ċirkustanzi tal-għajnuna mogħtija lill-Gvern Russu u ma jsemmux tranżazzjoni speċifika f’dan ir-rigward, ma jista’ jikkontesta la n-natura suffiċjenti u lanqas il-koerenza tal-motivazzjoni tal-imsemmija atti.
52 Minn dan isegwi li l-argumenti tal-appellanti, kif miġbura fil-qosor fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.
53 Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet invokati insostenn tal-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi jikkostitwixxu biss elementi tal-kuntest li ma għandhomx rabta ma’ kwalunkwe appoġġ materjali jew finanzjarju lill-Gvern Russu, u ma jippermettux li jsir stħarriġ tan-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivazzjoni ta’ dawn l-atti.
54 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din il-kwistjoni tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti fl-espressjoni formali tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Jekk dawn ir-raġunijiet ikunu vvizzjati bi żbalji, dawn jaffettwaw il-legalità sostantiva tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi raġunijiet żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 F’dan il-każ, bl-iskuża ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-appellanti għandha l-intenzjoni, fir-realtà, li tikkontesta l-fondatezza tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-atti kontenzjużi. Għaldaqstant, l-argument tagħha, espost fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud.
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
B. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju (f)
57 It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (f), u t-tieni waħda, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqqset l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kunsill.
1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
a) L-argumenti tal-partijiet
58 Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni “wiesgħa, vaga u żbaljata” tal-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (f). Fil-fehma tagħha, dan il-kunċett jitlob interpretazzjoni stretta, fis-sens li jkopri biss il-forom ta’ appoġġ li jikkonsistu fil-provvista konkreta ta’ oġġetti jew it-trasferiment ta’ fondi għall-benefiċċju dirett tal-Gvern Russu. B’mod partikolari, il-kriterju (f) għandu l-għan li jissanzjona biss il-persuni, il-korpi u l-entitajiet li “jiffinanzjaw” lil dan il-gvern, responsabbli għall-annessjoni tal-Crimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, bl-esklużjoni ta’ dawk li “jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw” tali finanzjament.
59 F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li s-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 44), li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’analoġija, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, sabiex tinterpreta l-kriterju (f), ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, minkejja li l-kriterju ta’ inklużjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ibbażat fuq “is-sostenn għall-Gvern Iranjan”, għandu ċertu xebh mal-kriterju (f), madankollu dan ma huwiex identiku, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha b’mod utli fuq l-imsemmija sentenza.
60 Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-kunċett ta’ “appoġġ materjali u finanzjarju”, fis-sens tal-kriterju (f), għandu jiġi interpretat b’mod analogu għal dak ta’ “assistenza finanzjarja” li jinsab fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014. Hija tinvoka, għal dan l-għan, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 176 sa 184), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet minn dan il-kunċett ta’ “assistenza finanzjarja” l-ipproċessar ta’ pagament minn bank jew minn istituzzjoni finanzjarja oħra.
61 F’dan il-kuntest, l-appellanti ssostni li, fil-kwalità tagħha ta’ depożitorju ċentrali tat-titoli, ir-rwol tagħha jikkonsisti biss fil-provvista tal-mezzi tekniċi neċessarji għall-organizzazzjoni tal-ħruġ ta’ bonds tal-Istat. Tali attività ma tistax titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju”, fis-sens tal-kriterju (f). Barra minn hekk, is-sentenza appellata bl-ebda mod ma turi li hija tat appoġġ materjali jew finanzjarju dirett lill-Gvern Russu, fil-forma ta’ dħul ittrasferit lill-Istat.
62 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
63 Il-kriterju (f) jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil “persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna”, kif ukoll lil “persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, [kif ukoll il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn dawk il-persuni, entitajiet jew korpi]”.
64 Fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi rreferiet, b’analoġija, għas-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill (C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 44), iddeċidiet, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (f), ma jeżiġix li l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati jagħtu appoġġ li jkun direttament jew indirettament marbut mal-annessjoni tal-Crimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, dan l-appoġġ għandu jinftiehem bħala kull appoġġ li jista’, minħabba s-sinjifikat kwantitattiv jew kwalitattiv tiegħu, jipprovdi lill-Gvern Russu riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali jew finanzjarja li jippermettulu jkompli bl-azzjonijiet tiegħu ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.
65 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi l-ebda definizzjoni u ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 1988, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni, 349/85, EU:C:1988:34, punt 9, u tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea, C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
66 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-kriterju (f), għandu jiġi osservat li la l-Artikolu 2(1)(f) tad-Deċiżjoni 2014/145 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-deċiżjoni ma tinkludi definizzjoni tat-terminu “appoġġ” u lanqas ma tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata l-portata tiegħu.
67 Skont it-tifsira normali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, it-terminu “appoġġ” jindika, b’mod ġenerali, l-għoti ta’ għajnuna jew ta’ assistenza lill-azzjoni jew lill-kawża ta’ ħaddieħor, bl-għan li tissaħħaħ jew li tiffaċilita t-twettiq tagħha.
68 Din it-tifsira wiesgħa tat-terminu “appoġġ” hija kkonfermata mill-fatt li l-kliem tal-kriterju (f) ma jipprevedi l-ebda rekwiżit dwar il-forom jew il-modalitajiet tal-appoġġ mogħti, minbarra l-preċiżazzjoni li dan għandu jkun “materjali jew finanzjarju”. Lanqas ma jagħmel distinzjoni skont jekk dan l-appoġġ jingħatax direttament jew indirettament.
69 Minn dan isegwi li, minn perspettiva letterali, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju la hija suġġetta għall-provvista konkreta ta’ oġġetti u lanqas għall-eżistenza ta’ trasferiment ta’ fondi għall-benefiċċju dirett tal-Gvern Russu.
70 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-kriterju (f), għandu jiġi rrilevat li, fl-ipoteżi fejn dan il-kriterju għandu jiġi interpretat, kif issostni l-appellanti, bħala li jkopri biss il-persuni, il-korpi u l-entitajiet li “jiffinanzjaw” lill-Gvern Russu, responsabbli għall-annessjoni tal-Crimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, bl-esklużjoni ta’ dawk li “jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw” tali finanzjament, il-portata u l-effett utli tal-kriterju (f) huma kkontestati, sa fejn l-“appoġġ materjali jew finanzjarju” mogħti lill-Gvern Russu ma huwiex limitat biss għall-finanzjament tiegħu, iżda jkopri wkoll kull kontribuzzjoni li tista’, minħabba s-sinjifikat kwantitattiv jew kwalitattiv tiegħu, tiffaċilita l-finanzjament ta’ dan il-gvern. Tali interpretazzjoni twassal, fil-fatt, sabiex tippermetti l-evażjoni tal-miżuri restrittivi imposti billi tintroduċi distinzjoni artifiċjali bejn l-entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-imsemmi gvern u dawk li “jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw” tali finanzjament.
71 Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-kunċett ta’ “appoġġ materjali u finanzjarju”, fis-sens tal-kriterju (f), għandu jiġi interpretat b’mod paragunabbli għal dak ta’ “assistenza finanzjarja” li jinsab fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1(o) ta’ dan ir-regolament, dan il-kunċett ta’ “assistenza finanzjarja” jippreżumi, essenzjalment, li l-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħhom stess.
72 Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, minn naħa, u tal-Artikolu 2(1)(f) tad-Deċiżjoni 2014/145, min-naħa l-oħra, huma distinti. Fil-fatt, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwarda speċifikament u biss l-oġġetti u t-teknoloġiji elenkati fl-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014, li għalihom il-provvista ta’ finanzjament jew ta’ għajnuna finanzjarja lil kull persuna fiżika jew ġuridika, lil kull entità jew lil kull korp fir-Russja, mingħajr ma tkun espliċitament ipprojbita, teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. It-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, min-naħa tagħha, tistabbilixxi wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni li jagħti lok għall-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni, lill-entitajiet jew lill-korpi indikati mill-Kunsill bħala li jissodisfaw il-kriterju inkwistjoni.
73 Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-kriterju (f) ma tistax tiddependi mill-kunċett ta’ “assistenza finanzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014. Għal din l-istess raġuni, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lil dan il-kunċett fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), hija irrilevanti f’dan il-każ.
74 Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet imfittxija mill-kriterju (f) u mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti dan il-kriterju, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329, l-imsemmi kriterju ġie introdott l-għada tal-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa, peress li din l-invażjoni ġiet ikklassifikata, kif jistabbilixxu l-premessi 9 u 10 ta’ din id-deċiżjoni, bħala “mhux provokata” kif ukoll bħala “ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna” kemm mill-Kunsill kif ukoll mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
75 Fid-dawl tal-gravità ta’ din l-invażjoni u tal-fatt li l-Kunsill kien afferma xahar qabel, kif jirriżulta mill-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni, li kull aggressjoni militari ġdida tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa jkollha konsegwenzi kbar, b’mod partikolari, fil-qasam tal-ispejjeż fil-forma ta’ miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali, għandu jitqies li, kif iddikjarat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Kunsill kellu l-intenzjoni, bl-adozzjoni tal-kriterju (f), jeżerċita pressjoni addizzjonali fuq il-Federazzjoni Russa u jżid l-ispiża, għal din tal-aħħar, tal-azzjonijiet tagħha intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, sabiex din il-Federazzjoni ttemm l-aggressjoni militari tagħha kontra dan l-aħħar pajjiż u, b’mod iktar ġenerali, l-azzjonijiet u l-politiki tagħha li jiddestabbilizzawh.
76 F’dan ir-rigward, kif indikat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kriterju (f) ma jkunx jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jekk jiġi interpretat fis-sens li jimplika biss appoġġ fil-forma ta’ finanzjament dirett lill-Gvern Russu jew ta’ provvista diretta ta’ riżorsi materjali lil dan il-gvern.
77 Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati l-imsemmija għanijiet, il-kriterju (f) għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal kull appoġġ li jista’, minħabba s-sinjifikat kwantitattiv jew kwalitattiv tiegħu, jipprovdi lill-Gvern Russu riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali jew finanzjarja li jippermettulu jwettaq l-azzjonijiet tiegħu ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita rabta diretta jew indiretta bejn dan l-appoġġ u dawn l-azzjonijiet. Din l-interpretazzjoni hija ta’ natura li tiggarantixxi l-kapaċità tal-Unjoni li teżerċita pressjoni fuq dan il-gvern, sa fejn din tippermetti li jiġu indirizzati persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, mingħajr ma jittrasferixxu huma stess fondi jew oġġetti direttament lill-imsemmi gvern, jeżerċitaw madankollu rwol kruċjali fit-tqegħid għad-dispożizzjoni, fiċ-ċirkulazzjoni jew fis-sigurtà tar-riżorsi materjali jew finanzjarji li huwa jibbenefika minnhom.
78 Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, id-depożitorji ċentrali tat-titoli, bħall-appellanti, huma kkunsidrati bħala entitajiet ta’ importanza sistemika li huma essenzjali, b’mod partikolari, għall-implimentazzjoni effikaċi tal-politika monetarja, għall-kredibbiltà ta’ programm ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku, għall-ġestjoni tal-garanziji kif ukoll għas-sigurtà u għall-effiċjenza tas-swieq tat-titoli. F’dan ir-rigward, l-appellanti stess tirrikonoxxi, fl-appell tagħha, li hija tipprovdi mezzi tekniċi neċessarji għall-provvista ta’ servizzi finanzjarji fil-kuntest tal-ħruġ ta’ bonds tal-Istat u li l-maġġoranza tal-investimenti finanzjarji Russi fl-Unjoni jgħaddu mis-servizzi tagħha. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi espliċitament l-importanza sistemika tad-depożitorji ċentrali tat-titoli fir-Regolament Nru 909/2014, b’mod partikolari fil-premessa 2 tiegħu.
79 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 66 sa 78 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (f), ma jeżiġix li l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati jagħtu appoġġ li jkun direttament jew indirettament marbut mal-annessjoni tal-Crimea jew mad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, iżda li dan l-appoġġ għandu jinftiehem bħala kull appoġġ li jista’, minħabba s-sinjifikat kwantitattiv jew kwalitattiv tiegħu, jipprovdi lil dan il-gvern riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali jew finanzjarja li jippermettulu jkompli bl-azzjonijiet tiegħu ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.
80 Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
2. Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
a) L-argumenti tal-partijiet
81 Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna jew l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda.
82 Fil-fehma tagħha, l-użu ta’ tali standard ta’ prova jista’ jiġi aċċettat biss jekk deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi dan. Peress li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqqset l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kunsill.
83 Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ssostni li xejn ma jostakola ż-żvilupp tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li jikkonsisti f’li jiġi abbandunat l-użu ta’ dan l-istandard ta’ prova, sabiex jissaħħaħ l-Istat tad-dritt f’kuntest ikkaratterizzat mill-adozzjoni ta’ regoli li hija tikklassifika bħala “iktar u iktar arbitrarji”.
84 Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni parti tat-tieni aggravju, minħabba li l-appellanti ma esponietx, biċ-ċarezza u bil-preċiżjoni meħtieġa, l-iżball ta’ liġi li tkun wettqet il-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-mertu, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonformat mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istandard tal-prova applikabbli fil-qasam tal-miżuri restrittivi.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
1) Fuq l-ammissibbiltà
85 Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 2026, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑494/24 P, EU:C:2026:9, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
86 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti identifikat bi preċiżjoni l-punt tas-sentenza appellata li hija għandha l-intenzjoni li tikkritika permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha u li hija esponiet l-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet f’dan il-punt, b’tali mod li din it-tieni parti hija ammissibbli.
87 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.
2) Fuq il-mertu
88 Fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li, essenzjalment, l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement solida tal-bażi fattwali adottata mill-Kunsill f’deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Skont din il-ġurisprudenza, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna jew l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda.
89 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-imsemmija ġurisprudenza toriġina minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punti 52 u 54; tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑330/15 P, EU:C:2016:601, punt 82, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill, C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 39).
90 Min-naħa l-oħra, l-ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kunsill jippreċiża, fid-deċiżjonijiet tiegħu li timponi miżuri restrittivi, l-istandard ta’ prova applikabbli f’dan il-qasam.
91 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li bbażat ruħha fuq il-prinċipji stabbiliti fil-punt 50 tas-sentenza appellata.
92 Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterju (f), rabta suffiċjenti bejn il-persuna jew l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u r-reġim, jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda, hija stabbilita meta, kif ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, l-entità kkonċernata tagħti lill-Gvern Russu kull appoġġ li jista’, minħabba s-sinjifikat kwantitattiv jew kwalitattiv tiegħu, jipprovdi lil dan il-gvern riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali jew finanzjarja li jippermettulu jkompli bl-azzjonijiet tiegħu ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi stabbilita rabta diretta jew indiretta bejn dan l-appoġġ u dawn l-azzjonijiet.
93 Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-appellanti li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 tas-sentenza appellata għandha tevolvi billi tabbanduna l-użu ta’ standard ta’ prova bbażat fuq “sensiela ta’ indizji”, sabiex issaħħaħ l-Istat tad-dritt. Fil-fatt, l-istandard ta’ prova meħtieġ mill-qorti tal-Unjoni fil-qasam ta’ miżuri restrittivi huwa adattat għan-natura kawtelatorja, temporanja u reversibbli ta’ dawn il-miżuri, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Boshab vs Il‑Kunsill, C‑708/21 P, EU:C:2023:84, punt 59). Tali standard ta’ prova, barra minn hekk, ma għandux effett fuq il-fatt li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm isem persuna fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li dan l-istħarriġ ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tar-raġunijiet invokati, iżda jirrigwarda l-punt dwar jekk dawn ir-raġunijiet, jew tal-inqas waħda minnhom, ikkunsidrata bħala suffiċjenti fiha nnifisha sabiex issostni l-imsemmija deċiżjoni, humiex issostanzjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Il‑Kunsill vs El-Qaddafi, C‑413/21 P, EU:C:2023:306, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).
94 Minn dan isegwi li l-imsemmi standard ta’ prova jippermetti lill-qorti tal-Unjoni twettaq stħarriġ komplet u effettiv tal-bażi fattwali tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill, mingħajr madankollu ma jimponi fuq dan tal-aħħar oneru probatorju inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ urġenza li jirregolaw l-istabbiliment ta’ tali miżuri kif ukoll man-natura preventiva tagħhom.
95 Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
96 Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.
C. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni
97 It-tielet aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet sa fejn naqset milli tevalwa, fil-kuntest tal-eżami tal-allegat ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti, is-sitwazzjoni legali tal-klijenti tagħha kif ukoll l-effetti prodotti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tagħhom, u, it-tieni waħda, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn il-miżuri kienu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
1. Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju
a) L-argumenti tal-partijiet
98 Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-allegat preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet fundamentali tagħha, is-sitwazzjoni tal-klijenti tagħha u l-effetti prodotti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq l-interessi ekonomiċi tagħhom, b’mod partikolari fuq il-kapaċità tagħhom li jiddisponu mill-investimenti tagħhom u li jamministrawhom, kif ukoll id-dannu li huma ġarrbu, minkejja li dawn il-klijenti bl-ebda mod ma huma involuti fil-kunflitt armat bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukraina.
99 F’dan ir-rigward, minn naħa, hija ssostni li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li tgħid li, essenzjalment, il-ksur ta’ dritt suġġettiv jista’ jiġi invokat biss mill-persuna li d-dritt tagħha allegatament inkiser, u mhux minn terzi, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma ġiet stabbilita la fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi u lanqas f’dak tal-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
100 L-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità neċessarjament jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kollha tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti mill-perspettiva tad-dritt għall-proprjetà tal-klijenti tagħha.
101 L-appellanti tippreċiża, madankollu, li hija titlob l-annullament tal-miżuri restrittivi inkwistjoni mhux minħabba ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-klijenti tagħha, iżda minħabba konsegwenzi ekonomiċi totalment sproporzjonati u kontroproduttivi ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minnhom, li jaffettwaw lill-klijenti tagħha u lill-utenti tagħha.
102 Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, fl-assenza ta’ mekkaniżmu effettiv ta’ derogi fir-Regolament Nru 269/2014 li jippermetti li jiġi awtorizzat ir-rilaxx ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi ffriżati, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jippreġudikaw serjament id-dritt għall-proprjetà tal-klijenti tagħha. Hija żżid li, fil-prattika, l-implimentazzjoni tad-derogi mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali hija suġġetta għal kundizzjonijiet partikolarment stretti u li dawn l-awtoritajiet ma ppubblikawx, jew ppubblikaw biss tardivament, il-modalitajiet preċiżi applikabbli għall-preżentazzjoni u għall-ipproċessar tat-talbiet għar-rilaxx ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi ffriżati, li jagħmel l-aċċess għal dawn id-derogi eċċessivament diffiċli. Minn dan jirriżulta li l-klijenti tagħha ma kinux f’pożizzjoni li jiksbu r-rilaxx tal-fondi tagħhom jew tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom.
103 Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, minħabba li din tikkostitwixxi argument ġdid, sa fejn l-appellanti tinvoka, għall-ewwel darba, fl-istadju tal-appell, ksur awtonomu tal-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, indipendenti mill-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali li hija allegat fl-ewwel istanza. Dan l-argument ġdid għalhekk ibiddel is-suġġett tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li t-tielet aggravju huwa infondat.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
1) Fuq l-ammissibbiltà
104 Għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali.
105 B’hekk, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fl-istadju ta’ appell hija waħda limitata, b’tilwima usa’ minn dik li biha tkun adixxiet lill-Qorti Ġenerali. Madankollu, appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji u argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata nnifisha u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il‑Kummissjoni, C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
106 F’dan il-każ, permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-allegat preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet fundamentali tagħha, la s-sitwazzjoni tal-klijenti tagħha u lanqas l-effetti prodotti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tagħhom, u tikkontesta l-evalwazzjoni li skontha hija ma setgħetx tinvoka, insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, dritt għall-proprjetà li hija ma kinitx tagħha. Dawn l-argumenti joriġinaw mis-sentenza appellata stess, b’mod partikolari mill-eżami tat-tielet motiv imqajjem insostenn ta’ dak ir-rikors, ibbażat fuq ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti.
107 Għalhekk, permezz ta’ din l-ewwel parti, l-appellanti tikkontesta l-konsegwenzi legali misluta mill-Qorti Ġenerali mis-soluzzjoni li hija stess tat għal motiv diskuss quddiemha, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-imsemmija parti ma tikkostitwixxix argument ġdid u ma tbiddilx is-suġġett tat-tilwima li l-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni tagħha.
108 Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda.
2) Fuq il-mertu
109 Ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-allegat preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet fundamentali tagħha, is-sitwazzjoni tal-klijenti tagħha u l-effetti prodotti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq l-interessi ekonomiċi tagħhom.
110 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-appellanti ma tistax tinvoka insostenn tar-rikors tagħha għal annullament dritt għall-proprjetà li ma hijiex tagħha. Mill-argumenti żviluppati mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha jirriżulta li hija tikkontesta l-miżuri restrittivi inkwistjoni mhux minħabba ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-klijenti tagħha, iżda minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi ta’ dawn il-miżuri li hija tqis bħala totalment sproporzjonati u kontroproduttivi fir-rigward tal-għanijiet iddikjarati tal-imsemmija miżuri, li jaffettwaw, b’mod prevedibbli u reali, il-klijenti tagħha u l-utenti tagħha, li ma huma s-suġġett ta’ ebda miżura restrittiva individwali.
111 Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda, essenzjalment, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi deċiża, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti tistax tinvoka l-ksur ta’ dritt għall-proprjetà li ma hijiex tagħha.
112 Dan premess, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ekonomiċi prodotti mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, inkluż fuq il-klijenti tal-appellanti, billi eżaminat jekk dawn il-miżuri humiex ta’ natura proporzjonata fir-rigward tal-għan imfittex.
113 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonstatat, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-klijenti tal-appellanti kellhom rimedji ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali, li quddiemhom huma setgħu, b’mod partikolari, jinvokaw ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
114 Barra minn hekk, fil-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li, meta awtorità nazzjonali tiddeċiedi dwar talba għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati konformement mad-derogi previsti mid-Deċiżjoni 2014/145 u mir-Regolament Nru 269/2014, hija għandha tosserva l-Karta, konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Peftiev et, C‑314/13, EU:C:2014:1645, punt 24). Minn dan hija ddeduċiet li, jekk klijent tal-appellanti, li ma huwiex inkluż fil-listi kontenzjużi, iressaq talba għar-rilaxx tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi tiegħu, iffriżati minħabba l-inklużjoni tal-appellanti f’dawn il-listi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiżguraw li l-indħil fid-dritt għall-proprjetà ta’ dan il-klijent josserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Karta.
115 Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat is-sistema ta’ derogi intiżi sabiex jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew ta’ ċerti riżorsi ekonomiċi ffriżati, kif previst mir-Regolament Nru 269/2014, sabiex jiġi vverifikat jekk din is-sistema setgħetx tippermetti lill-appellanti tagħti lura t-titoli tal-klijenti tagħha miżmuma fil-kontijiet iffriżati tagħha ma’ depożitarji stabbiliti fl-Unjoni.
116 F’dan ir-rigward, hija qabel kollox fakkret, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li, skont id-deroga prevista fl-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni 2014/145, l-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna, ta’ entità jew ta’ korp ma jipprojbixxix lil din il-persuna, lil din l-entità jew lil dan il-korp milli jwettqu pagament dovut abbażi ta’ kuntratt konkluż qabel id-data li fiha l-imsemmija persuna, l-imsemmija entità jew l-imsemmi korp ikunu ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness ta’ dik id-deċiżjoni, peress li l-Istat Membru kkonċernat ikun żgura ruħu li l-pagament ma kienx riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp inklużi f’din il-lista.
117 Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li, konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014, sakemm pagament ikun dovut minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, abbażi ta’ kuntratt jew ta’ ftehim konkluż jew ta’ obbligu li rriżulta minn din il-persuna fiżika jew ġuridika, din l-entità jew dan il-korp qabel id-data tal-inklużjoni tagħhom f’dan l-anness, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew ta’ ċerti riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jiġi stabbilit li dawn il-fondi jew dawn ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jinsabu fl-imsemmi anness u li l-pagament li għandu jsir ma jiksirx il-projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-istess anness jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.
118 Fil-kuntest hekk iddefinit, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 151 u 152 tas-sentenza appellata, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-appellanti, li, sa fejn fondi jew riżorsi ekonomiċi jistgħu jiġu rrilaxxati sabiex persuna, entità jew korp ikunu jistgħu jwettqu “pagament” abbażi ta’ kuntratt jew ta’ ftehim konkluż ma’ terz qabel id-data tal-inklużjoni tagħhom fil-listi kontenzjużi, il-kunċett ta’ “pagament”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014, għandu jkun interpretat b’mod wiesa’ u ma jistax ikun limitat biss għall-pagamenti fil-forma ta’ trasferiment ta’ somma flus. Fil-fatt, interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kunċett hija kontradittorja mal-possibbiltà stess li jiġu rrilaxxati l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ffriżati tal-appellanti. Minn dan hija kkonkludiet li d-deroga prevista fl-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014 tawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali jirrilaxxaw dawn il-fondi jew dawn ir-riżorsi ekonomiċi sabiex l-appellanti tkun tista’ twettaq pagament fil-forma ta’ restituzzjoni tat-titoli tal-klijenti tagħha li hija kellha fil-kontijiet iffriżati tagħha ma’ depożitarji tat-titoli stabbiliti fl-Unjoni.
119 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li d-derogi previsti mir-Regolament Nru 269/2014 ma ppermettewx lill-klijenti tagħha jiksbu r-rilaxx tal-fondi tagħhom jew tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom minħabba kundizzjonijiet restrittivi wisq imposti mill-awtoritajiet nazzjonali jew minħabba l-azzjoni tardiva ta’ dawn l-awtoritajiet, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 155 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis, C‑562/12, EU:C:2014:2229, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
120 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
2. Fuq it‑tieni parti tat‑tielet aggravju
a) L-argumenti tal-partijiet
121 Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta, essenzjalment, il-punti 134 sa 146 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex jiġi ġġustifikat indħil fid-dritt għall-proprjetà tagħha u fil-libertà ta’ intrapriża tagħha kienu ssodisfatti.
122 F’dan ir-rigward, hija ssostni, fl-ewwel lok, li, permezz tal-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill, fir-realtà, ried jiffriża l-assi tal-investituri Russi kollha, mingħajr ma jinkludihom fihom individwalment u bil-livell ta’ identifikazzjoni meħtieġ. Tali approċċ jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter, ta’ natura li jivvizzja l-atti kontenzjużi bi ksur manifest u irrimedjabbli tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
123 Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha ma humiex ta’ natura temporanja, iżda permanenti, peress li dawn il-miżuri baqgħu fis-seħħ iktar minn sentejn wara d-data tal-adozzjoni tagħhom, mingħajr ma seħħ ebda żvilupp politiku fir-Russja. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 137 u 139 tas-sentenza appellata, l-effikaċja konkreta tal-imsemmija miżuri.
124 Fit-tielet u l-aħħar lok, l-appellanti ssostni li s-sempliċi fatt li hija detentriċi nominali ta’ kontijiet ma’ depożitarji stabbiliti fl-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jikklassifikaha bħala detentur ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014.
125 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
126 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi tirriżulta minn rieda tal-Kunsill li jiffriża mingħajr distinzjoni l-assi tal-investituri Russi kollha, mingħajr inklużjoni individwali jew b’identifikazzjoni suffiċjenti tagħhom, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, tali argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
127 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq in-natura allegatament permanenti tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145, dan huwa s-suġġett ta’ monitoraġġ kostanti u għandu jiġi mġedded, jew emendat jekk ikun meħtieġ, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tiegħu ma ntlaħqux. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014, il-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament għandha tiġi riveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.
128 Minn dan isegwi li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, dawn il-miżuri huma ta’ natura temporanja u riversibbli.
129 Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-appellanti li din in-natura temporanja u riversibbli hija invalidata miż-żamma tal-imsemmija miżuri għal iktar minn sentejn wara d-data tal-adozzjoni tagħhom, mingħajr ma seħħ ebda żvilupp politiku fir-Russja. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-legalità tal-miżuri restrittivi ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni tal-effetti immedjati tagħhom, iżda teħtieġ biss li dawn ma jkunux manifestament inadegwati fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, EU:C:2020:727, punt 97).
130 Skont din il-ġurisprudenza, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li permezz tiegħu hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 137 u 139 tas-sentenza appellata, l-effikaċja konkreta tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.
131 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li, peress li l-għan imfittex mill-Kunsill bl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri kien li jitnaqqas id-dħul tal-Istat Russu u li titpoġġa pressjoni fuq il-Gvern Russu, sabiex titnaqqas il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jiffinanzja l-azzjonijiet tiegħu li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, l-approċċ li jikkonsisti f’li jiġu mmirati l-operaturi ekonomiċi li, bħall-appellanti, jagħtu appoġġ materjali jew finanzjarju lil dan il-gvern jissodisfa b’mod koerenti dan l-għan u ma jistax, konsegwentement, jitqies li ma huwiex xieraq fid-dawl tal-imsemmi għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 147).
132 F’dan il-każ, l-appellanti la tallega u lanqas, għaldaqstant, ma turi li l-imsemmija miżuri kienu manifestament inadegwati fir-rigward tal-istess għan.
133 Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li permezz tiegħu hija tikkontesta li tista’ tiġi kklassifikata bħala detentur ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014, għandu jiġi rrilevat li kritika daqstant impreċiża u li, b’mod partikolari, ma ssemmi espressament ebda punt tas-sentenza appellata, ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fondatezza tagħha u, għaldaqstant, ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 85 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
134 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala, parzjalment, infondata u bħala, parzjalment, inammissibbli.
135 Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment infondat u bħala parzjalment inammissibbli.
136 Billi l-ebda wieħed mill-aggravji mqajma mill-appellanti ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
V. Fuq l-ispejjeż
137 Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
138 Bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-appelli bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
139 Kif mitlub mill-Kunsill, peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill.
140 Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) NKO AO National Settlement Depository (NSD) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.