Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ April 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikoli 3 u 4 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri – Deċiżjoni ġudizzjarja li ma tiddeċidix dwar il-ħtija – Annullament u rinviju quddiem qorti inferjuri – Konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri dwar l-għaqda tal-elementi kostituttivi ta’ ksur – Obbligu għall-qorti ta’ grad inferjuri li tikkonforma ruħha mal-evalwazzjonijiet tal-qorti superjuri – Miżuri xierqa f’każ ta’ ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza”

Fil-Kawża C‑748/24 [Kotaňák] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Mestský súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ottubru 2024, fil-proċeduri kriminali kontra

AC,

fil-preżenza ta’:

Okresná prokuratúra Bratislava III

LZ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin, N. Fenger u A. Kornezov, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AC, minn M. Mandzák, P. Pechanec u M. Pohovej, advokáti,

–        għall-Gvern Slovakk, mill-aġenti tagħhom,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lindenthal u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra AC għal fatti ta’ malafama.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2016/343

3        Il-premessi 16 u 48 tad-Direttiva 2016/343 jiddikjaraw:

“(16)            Il-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il-persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti ta’ prosekuzzjoni li għandhom l-għan li juru l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, bħall-att ta’ akkuża, u mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li bħala riżultat tagħhom issir effettiva sentenza sospiża, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi.

[...]

(48)            Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill- [Karta] u [il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il- “KEDB”)], kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. ”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Din tapplika fl-istadji kollha tal-proċeduri kriminali, mill-mument meta persuna tkun suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni finali dwar id-determinazzjoni jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”, jippreċiża, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli miżuri xierqa fil-każ ta' ksur tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li ma ssirx referenza għal persuni suspettati jew akkużati bħala li huma ħatja, f'konformità ma' din id-Direttiva u, b'mod partikolari, mal-Artikolu 10.”

7        Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa' fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.”

8        L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati.”

 Id‑dritt Slovakk

9        L-Artikolu 373 (1) u (2) tat-Trestný zákon (il-Kodiċi Kriminali), li jiddefinixxi r-reat kriminali ta’ malafama, jipprovdi:

“(1)            Kull min jiżvela informazzjoni falza dwar persuna, li tista’ tippreġudika serjament id-dinjità tagħha f’għajnejn iċ-ċittadini sħabha, l-impjieg tagħha, in-negozju tagħha, ir-relazzjonijiet familjali tagħha jew tikkawżalha dannu serju ieħor, għandu jiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn.

(2)            L-awtur ta’ reat huwa punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ bejn sena u ħames snin jekk iwettaq l-att imsemmi fil-paragrafu 1:

[...]

c)      fil-pubbliku;”

10      L-Artikolu 327(1) tat-Trestný poriadok (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jipprevedi:

“Il-qorti li tiġi rrinvijata l-kawża lilha għall-finijiet ta’ eżami ġdid u ta’ deċiżjoni ġdida hija marbuta bl-opinjoni ġuridika espressa mill-qorti tal-appell fid-deċiżjoni tagħha u hija obbligata tipproċedi bl-atti u bil-produzzjoni tal-prova li l-qorti tal-appell ordnat l-eżekuzzjoni tagħhom.”

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fit-18 ta’ Novembru 2020, l-Okresná prokuratúra Bratislava III (l-Uffiċċju tal-prosekutur tad-Distrett ta’Bratislava III, is-Slovakkja) ippreżenta, quddiem l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja), att ta’ akkuża kontra AC għal reat ta’ malafama, fis-sens tal-Artikolu 373(1) u (2)(c) tal-Kodiċi Kriminali, reat li huwa akkużat li wettaq billi ppubblika online diversi vidjos li kienu jinkludu sensiela ta’ allegazzjonijiet żbaljati.

12      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Novembru 2021, l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III) temmet il-proċeduri minħabba li l-aġir imsemmi f’dan l-att ta’ akkuża ma kienx jikkostitwixxi reat kriminali.

13      L-Okresná prokuratúra Bratislava III (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Distrett ta’ Bratislava III) appella minn dan id-digriet. Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Frar 2022, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) annullat id-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza u rrinvijat il-kawża lura quddiem din il-qorti sabiex tiġġudika mill-ġdid il-kawża billi tevalwa mill-ġdid il-provi kollha.

14      Fil-motivazzjoni tad-digriet tagħha, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) iddeċidiet b’mod partikolari li “[m]inħabba l-kontenut tagħha, l-informazzjoni falza ta’ natura esklużivament intima li l-persuna akkużata qasmet ma’ numru kbir ta’ abbonati permezz tal-video tagħha tista’ tippreġudika serjament ir-relazzjonijiet tal-vittma mal-imsieħba tagħha, mal-familja tagħha u mal-ħbieb tagħha, u tista’ ddgħajjef il-fiduċja f’din il-persuna”.

15      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ottubru 2022, l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III), mill-ġdid, ċaħdet l-att ta’ akkuża kontra AC.

16      L-Okresná prokuratúra Bratislava III (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Distrett ta’ Bratislava III) appella minn dan id-digriet. Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ April 2023, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) annullat id-digriet tat-3 ta’ Ottubru 2022 tal-qorti tal-ewwel istanza u rrinvijat il-kawża lura quddiem din il-qorti sabiex tiddeċiedi mill-ġdid il-kawża.

17      Fil-motivazzjoni tad-digriet tagħha, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) tenniet l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tagħha tat-8 ta’ Frar 2022 u żiedet b’mod partikolari l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Mill-provi prodotti fil-kuntest tal-proċedura istruttorja u li fuqhom ibbażat ruħha wkoll [il-qorti tal-ewwel istanza] jirriżulta b’mod inkontestabbli li l-persuna akkużata qed tigdeb fir-rigward tal-vittma u qed tattakkaha, liema ħaġa poġġiet lill-vittma f’sitwazzjoni diffiċli ħafna mal-familja u mal-qraba tagħha. Ir-relazzjoni intima bejn il-vittma u SB hija invenzjoni tal-persuna akkużata, u dak li din tal-aħħar iddikjarat fil-vidjos tagħha qatt ma seħħ [...] Fir-rigward tal-informazzjoni, fost dawk ippubblikati, li kienet allegatament falza, din hija inkontestabbilment dik li l-veraċità tagħha ġiet eżaminata fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni abbażi tal-provi miġbura u li kienet tirrigwarda relazzjoni intima bejn il-vittma u x-xhud SB u dwar prattiki sesswali li l-persuna akkużata ddeskriviet b’mod ċar fil-video tagħha.”

18      Wara riorganizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja Slovakka, il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tal-kawża prinċipali ġiet ittrasferita, fl-1 ta’ Ġunju 2023, lill-Mestský súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I, is-Slovakkja), li hija l-qorti tar-rinviju.

19      Quddiem din il-qorti, AC isostni li l-evalwazzjonijiet tal-qorti tal-appell jiksru l-preżunzjoni ta’ innoċenza tiegħu, sa fejn dawn ma jħallu lok għal ebda konklużjoni oħra ħlief il-konstatazzjoni tal-ħtija tiegħu, minkejja li l-qorti tal-appell ma kinitx meħtieġa tevalwa l-fondatezza tal-akkużi mressqa kontrih. Għaldaqstant, AC iqis li l-qorti tar-rinviju għandha teskludi l-evalwazzjonijiet tal-qorti tal-appell.

20      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont ir-Regoli tal-Proċedura Slovakki, hija marbuta bl-evalwazzjonijiet tal-qorti tal-appell. Madankollu, hija tqis li dawn l-evalwazzjonijiet jiksru l-preżunzjoni ta’ innoċenza li jibbenefika minnha AC u d-drittijiet tad-difiża tiegħu.

21      F’dan ir-rigward, din il-qorti tiddubita b’mod partikolari n-natura proporzjonata tal-imsemmija evalwazzjonijiet, sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, il-qorti superjuri setgħet tillimita ruħha li tikkonstata li d-deċiżjoni tal-ewwel istanza kienet żbaljata u li timponi fuq il-qorti tal-ewwel istanza l-obbligu li twettaq il-produzzjoni tal-prova. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza tal-fatt li l-qorti superjuri ddeċidiet billi bbażat ruħha biss fuq il-provi miġbura matul il-proċedura istruttorja u mingħajr ma l-persuna akkużata setgħet tieħu pożizzjoni dwar dan is-suġġett.

22      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343, għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu adottati sabiex jiġi rrimedjat ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi dwar in-neċessità li jiġu esklużi l-evalwazzjonijiet legalment vinkolanti tal-qorti superjuri, jew li tiddeċiedi, barra minn hekk, dwar ir-rikuża tal-imħallfin ta’ din il-qorti.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Mestský súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)            Id-dritt għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal- [Karta], moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2016/343], kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tal-Karta, jipprekludu li qorti superjuri, li tagħti deċiżjoni fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mill-prosekutur mid-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li twaqqaf il-proċeduri kriminali, tindika, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-konklużjonijiet fid-dritt u fil-fatt segwenti, qabel ma tkun iddeċidiet fuq il-mertu u mingħajr ma jkunu nstemgħu il-provi fil-każ:

‘Fid-dawl tal-kontenut tagħha, l-informazzjoni falza ta’ natura esklużivament intima li l-persuna akkużata qasmet ma numru kbir ta’ abbonati permezz tal-video tagħha tista’ tikkawża preġudizzju serju lir-relazzjonijiet tal-vittma mal-imsieħba, mal-familja u mal-ħbieb tagħha, u timmina l-fiduċja f’din il-persuna […] Mill-provi prodotti fil-kuntest tal-proċedura istruttorja u li bbażat ruħha fuqhom ukoll [il-qorti tal-ewwel istanza] jirriżulta mingħajr dubju li l-persuna akkużata tigdeb fir-rigward tal-vittma u tattakkaha, liema ħaġa poġġiet lill-vittma f’sitwazzjoni diffiċli ħafna mal-familja u mal-qraba tagħha. Ir-relazzjoni intima bejn il-vittma u SB hija invenzjoni tal-persuna akkużata, u dak li ddikjarat din tal-aħħar qatt ma seħħ […] Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ liema informazzjoni, fost dik ippubblikata, kienet allegatament falza, hemm mingħajr dubju dik li l-veraċità tagħha ġiet eżaminata fil-kuntest tal-proċedura istruttorja abbażi tal-provi miġbura u li kienet tirrigwarda relazzjoni intima bejn il-vittma u x-xhud SB u l-prattiki sesswali li l-persuna akkużata ddeskriviet kjarament fil-video tagħha’?

2)      Il-fatt li l-leġiżlazzjoni u l-prattika Slovakka ma kinux jimponu fuq il-qorti superjuri t-twettiq ta’ evalwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi fil-motivazzjoni tad-digriet ta’ annullament u li dan id-digriet seta’ jiġi limitat biex jindika li d-deċiżjoni tal-qorti inferjuri kienet żbaljata għaliex il-qorti tal-ewwel istanza hija marbuta li tisma’ l-provi waqt is-seduta u li tagħti deċiżjoni abbażi tal-provi, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

3)      Il-fatt li l-qorti superjuri tkun iddeċidiet b’dan il-mod fuq ir-rikors tal-prosekutur billi bbażat ruħha biss fuq il-provi mressqa fil-kuntest tal-proċedura istruttorja, li lanqas kienu għadhom ma ġew ippreżentati quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet segwenti jikkostitwixxu miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343:

–        (i)      il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza nazzjonali, meta tirreferi għall-prinċipju ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi fformulati mill-qorti superjuri fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha sa fejn dawn ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn ikunu bħala prinċipju legalment vinkolanti, u l-imsemmija qorti tal-ewwel istanza tagħti deċiżjoni hija stess fil-kawża wara li jkunu nstemgħu il-provi kif xieraq?; jew

–        il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza nazzjonali, meta tirreferi għall-prinċipju ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi fformulati mill-qorti superjuri fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha sa fejn dawn ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn ikunu bħala prinċipju legalment vinkolanti, u l-imsemmija qorti tal-ewwel istanza tagħti deċiżjoni hija stess mill-ġdid fil-kawża billi tagħti l-istess deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċeduri, bħal dik li diġà tkun ġiet annullata darba mill-istess qorti superjuri?; jew

–        (ii)      ir-rikuża tal-imħallfin tal-qorti superjuri għal nuqqas ta’ imparzjalità minħabba ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, abbażi ta’ talba għal rikuża minħabba suspett ta’ parzjalità mressqa mil-persuna akkużata?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24      Il-Gvern Slovakk jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

25      Minn naħa, dan il-gvern isostni li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li għalihom hija kienet iddeċidiet li tagħmel din it-talba, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula.

26      Min-naħa l-oħra, l-imsemmi gvern isostni li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-proċedura fil-kawża prinċipali ma tikkorrispondix għal rikors intiż għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343. F’dan il-kuntest, anki jekk jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza, tali konstatazzjoni ma għandhiex effett fuq ir-regolarità ta’ din id-deċiżjoni, li l-evalwazzjonijiet tagħha barra minn hekk ma jipprekludux lill-qorti tar-rinviju milli tiddeċiedi li ma titteħidx azzjoni ulterjuri, wara li tkun ipproduċiet il-prova b’mod kontradittorju. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikuża tal-imħallfin tal-qorti tal-appell.

27      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenzi tal-21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punt 8, u tal-24 ta’ Lulju 2023, Lin, C-107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61).

28      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 20, u tal-24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62).

29      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq in-natura allegatament inkompleta tad-deċiżjoni tar-rinviju, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jidħlu fih id-domandi magħmula jew, tal-inqas, li din tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, hekk kif jistipula l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 6; digriet tat-28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C‑116/00, EU:C:2000:350, punt 16, kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għal data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 48).

30      F’dan il-każ, għandu jingħad li d-deċiżjoni tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv nazzjonali li fih iridu jinqraw id-domandi li hija tagħmel. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tindika, kif jirriżulta mill-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

31      Minn dan isegwi li din id-deċiżjoni tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura u li għalhekk jinkludu elementi suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ neċessità li tinkiseb risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, hija obbligata, waqt l-eżami tal-kawża prinċipali, tikkonforma ruħha mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti tal-appell.

33      F’dan il-kuntest, id-domandi magħmula huma intiżi li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk dawn l-evalwazzjonijiet humiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza li jirriżulta mid-Direttiva 2016/343 u mill-Artikolu 48(1) tal-Karta kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tislet il-konsegwenzi ta’ inkompatibbiltà tal-imsemmija evalwazzjonijiet ma’ dan ir-rekwiżit.

34      Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha, b’mod ġenerali, ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

35      Min-naħa l-oħra, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tielet parti tar-raba’ domanda, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-Mestský súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I), li tikkostitwixxi qorti tal-ewwel istanza, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikuża eventwali tal-imħallfin ta’ qorti tal-appell jew li tista’, bi kwalunkwe mod, tislet konsegwenzi minn eventwali obbligu, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li tipprevedi r-rikuża ta’ tali mħallfin.

36      Konsegwentement, jidher b’mod ċar li interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni intiża sabiex jiġi evalwat jekk dawn jimponux tali obbligu hija nieqsa minn kull rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-raba’ domanda hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda r-rikuża tal-imħallfin ta’ qorti tal-appell u li l-kumplament tad-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

38      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-Artikolu 48 tal-Karta, li jikkonċernaw il-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti kriminali li tiddeċiedi dwar appell minn deċiżjoni li ttemm proċeduri kriminali minħabba assenza ta’ reat, tieħu pożizzjoni, b’mod iddettaljat, fuq provi inkriminanti billi tagħmel evalwazzjoni fattwali u legali dwar l-għaqda tal-elementi li jikkostitwixxu r-reat kriminali inkwistjoni, filwaqt li din il-qorti ma hijiex obbligata tagħmel dan, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex tiddeċiedi u li din l-evalwazzjoni hija bbażata biss fuq il-provi miġbura fil-kuntest tal-proċedura istruttorja, mingħajr ma l-persuna akkużata tkun setgħet tesprimi ruħha fir-rigward tagħhom.

39      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il- ħtija, ma jirreferux għal persuna suspettata jew persuna akkużata bħala li hija ħatja, sakemm il-ħtija tagħha ma tkunx legalment stabbilita. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li hija għandha tinftiehem li mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew provi inkriminanti.

40      Mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova intiż sabiex tiġi stabbilita l-ħtija tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li hija għandha tinftiehem li dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont id-dritt nazzjonali applikabbli.

41      Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-eżami li jista’ jsir minn qorti kriminali f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel tliet domandi, għandu jitfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva 2016/343 twettaq biss armonizzazzjoni minima ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punti 45 sa 46).

42      Fil-kuntest ta’ din l-armonizzazzjoni minima, din id-direttiva tiddistingwi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jiddeċiedu dwar il-ħtija, li jseħħu neċessarjament fi tmiem il-proċess kriminali, minn atti proċedurali oħra, bħall-atti ta’ prosekuzzjoni u d-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura (C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 32).

43      F’dan il-każ, l-ewwel tliet domandi jirrigwardaw fażi preliminari tal-proċedura kriminali, li matulha qorti tal-appell għandha tiddeċiedi dwar ir-regolarità ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddetermina jekk att ta’ akkuża jikkostitwixxix bażi suffiċjenti għaż-żamma ta’ proċess.

44      Tali deċiżjoni tal-qorti tal-appell għandha, fid-dawl tas-suġġett tagħha, titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni ġudizzjarja differenti minn dik li tiddeċiedi dwar il-ħtija, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

45      Issa, l-istess direttiva ma tinkludix regoli li jippreċiżaw il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

46      B’mod partikolari, hija la tiddetermina n-natura tal-elementi li għandhom jinġabru sabiex tkun tista’ tiġi adottata din id-deċiżjoni u lanqas il-modalitajiet tal-evalwazzjoni tal-provi li jistgħu eventwalment isiru għall-finijiet tal-adozzjoni tagħha.

47      F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxi ċerti regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova fil-proċeduri kriminali, dawn ir-regoli jirrigwardaw l-istabbiliment tal-ħtija tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati, b’tali mod li ma għandhomx l-għan li jirregolaw il-produzzjoni tal-prova waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni preliminari bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura (C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 33).

48      Barra minn hekk, peress li l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura, C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 38), ir-regoli ġenerali ta’ proċedura li jirregolaw il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali li twassal għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għaldaqstant, l-Artikolu 48(2) tal-Karta, li jipprevedi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma huwiex applikabbli għal din il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali.

49      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 stabbilita fl-Artikolu 2 tagħha u tal-ġeneralità tal-prinċipju li jesprimi l-Artikolu 3 tagħha, għandu jitqies li dan l-aħħar artikolu, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jiġu preżunti innoċenti sakemm il-ħtija tagħhom tkun ġiet stabbilita legalment, japplika, mingħajr limitazzjoni partikolari, għall-istadji kollha ta’ proċedura kriminali diretta kontra persuni fiżiċi, inkluż fil-fażi preliminari tal-proċedura kriminali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50      Bl-istess mod, mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, li jipprojbixxi li persuna ssuspettata jew akkużata tiġi ppreżentata bħala ħatja sakemm il-ħtija tagħha ma tkunx ġiet stabbilita legalment, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika b’mod partikolari għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji differenti minn dawk li jiddeċiedu dwar il-ħtija.

51      Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 3 tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva fi proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-premessa 16 tagħha, ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali li huma bbażati fuq suspetti jew provi inkriminanti, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jippreżentawx lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata bħala ħatja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punti 44 u 48).

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, qabelxejn, li d-Direttiva 2016/343 ma tipprekludix li qorti kriminali tipproċedi, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, għal evalwazzjoni tal-provi inkriminanti, sabiex tevalwa jekk jistgħux jiġu ssodisfatti l-elementi li jikkostitwixxu reat f’kawża partikolari.

53      Sussegwentement, din id-direttiva lanqas ma teskludi li tali deċiżjoni preliminari tista’ tiġi adottata mingħajr ma l-produzzjoni tal-prova tkun twettqet b’mod komplet u mingħajr ma l-persuna akkużata tkun setgħet tesprimi ruħha f’dan ir-rigward.

54      Fl-aħħar nett, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tipprekludi li tali deċiżjoni preliminari tkun ibbażata fuq motivazzjoni ddettaljata.

55      Madankollu, din il-motivazzjoni għandha tiġi fformulata, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, filwaqt li jiġi osservat l-obbligu li l-persuna ssuspettata jew akkużata ma tiġix ippreżentata bħala ħatja.

56      Għalkemm l-Artikolu 4(1), iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 48 ta’ din id-direttiva, li l-livell ta’ protezzjoni offrut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas min-normi previsti mill-Karta u mill-KEDB, b’mod partikolari dawk dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 40).

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni tal-innoċenza hija stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) tal-KEDB, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta. Minn dan isegwi, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6(2) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni tal-innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-Artikolu 48(1) tal-Karta, li tiġi ispirata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(2) tal-KEDB. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni tal-innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 42).

59      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza jinkiser jekk deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni uffiċjali dwar akkużat tinkludi dikjarazzjoni ċara, magħmula fl-assenza ta’ kundanna definittiva, li tgħid li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il-Ġermanja, CE: ECHR: 20140227JUD001710310, punt 63, kif ukoll is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 43).

60      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn tali deċiżjonijiet jew tali dikjarazzjonijiet li jirriflettu s-sentiment li l-persuna kkonċernata hija ħatja, li jiksru l-preżunzjoni ta’ innoċenza, u dawk li sempliċement jiddeskrivu stat ta’ suspett (Qorti EDB, 28 ta’ Novembru 2002, Marziano vs L-Italja, CE:ECHR:2002:1128JUD004531399, punt 31, u 15 ta’ Ottubru 2013, Gutsanovi vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2013:1015JUD003452910, punt 192). Tali ksur ta’ din il-preżunzjoni jista’ madankollu jseħħ anki fl-assenza ta’ konstatazzjoni formali ta’ ħtija, peress li motivazzjoni li tagħti x’tifhem li maġistrat iqis lill-persuna kkonċernata bħala ħatja hija suffiċjenti sabiex tikser l-imsemmija preżunzjoni (Qorti EDB, 19 ta’ Settembru 2006, Matijasevic vs Is-Serbja, CE:ECHR:2006:0919JUD002303704, punt 45, u 9 ta’ Marzu 2023, Rigolio vs L-Italja, CE:ECHR:2023:0309JUD002014809, punt 94).

61      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jsir riferiment kemm għall-għażla tat-termini użati mill-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll għaċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dawn ġew ifformulati kif ukoll għan-natura u għall-kuntest tal-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il-Ġermanja, CE: ECHR: 20140227JUD001710310, punt 63, kif ukoll is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 43).

62      Għalhekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem setgħet tikkunsidra li l-kuntest madwar l-użu “sfortunat” ta’ kliem li jidher li jindika li l-ħtija tal-persuna kkonċernata hija stabbilita jista’ jippermetti li jiġi eskluż ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 10 ta’ Ottubru 2000, Daktaras vs Il-Litwanja, CE:ECHR:2000:1010JUD004209598, punti 44 u 45).

63      Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat ukoll li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura li fil-kuntest tagħha ssir dikjarazzjoni jeżiġi li d-dikjarazzjonijiet tal-imħallfin jiġu eżaminati iktar fil-fond (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 21 ta’ Settembru 2006, Pandy vs Il-Belġju, CE:ECHR:2006:0921JUD001358302, punti 43 u 45).

64      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza, għandha dejjem tiġi analizzata deċiżjoni ġudizzjarja u l-motivazzjoni tagħha fl-intier tagħha, peress li kull riferiment espliċitu, f’ċerti siltiet ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, għall-assenza ta’ ħtija ta’ persuna jitlef is-sens tiegħu jekk siltiet oħra ta’ din id-deċiżjoni jkunu jistgħu jinftiehmu bħala espressjoni prematura tal-ħtija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni tal-innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 46).

65      Barra minn hekk, ċerti konstatazzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni ta’ persuna f’reat kriminali jew mal-eżistenza tal-elementi li jikkostitwixxu tali reat jistgħu jsiru mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-preżunzjoni ta’ innoċenza, meta dawn il-konstatazzjonijiet ikunu neċessarji għad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-qorti kkonċernata u sakemm ikun indikat b’mod ċar li l-ħtija ta’ din il-persuna ma hijiex stabbilita legalment (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il-Ġermanja, CE: ECHR: 20140227JUD001710310, punti 64 u 65, u 9 ta’ Marzu 2023, Rigolio vs L-Italja, CE:ECHR:2023:0309JUD002014809, punti 97, 125 u 126, kif ukoll is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 45).

66      Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-Artikolu 48(1) tal-Karta, ġiex osservat matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, mill-proċess għad-dispożizzjoni tagħha, tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 41).

67      Għal dan l-għan, għandu jiġi enfasizzat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tiddeċiedi dwar l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-għażla tal-kliem użat mill-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dawn intużaw kif ukoll in-natura u l-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-evalwazzjonijiet ikkontestati ta’ dik il-qorti jirriflettux is-sentiment li AC hija ħatja tar-reat li huwa akkużat bih.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-użu ta’ termini li jindikaw konvinzjoni tal-qorti tal-appell dwar l-għaqda tal-elementi kollha li jikkostitwixxu r-reat inkwistjoni jikkostitwixxi, jekk jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju, indikazzjoni ċara tal-fatt li din il-qorti esprimiet is-sentiment li l-persuna akkużata hija ħatja ta’ dan ir-reat.

69      F’dan ir-rigward, l-għażla ta’ kliem bħal dawk irrilevati mill-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu tidher li tindika, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-qorti tal-appell marret lil hinn mill-espressjoni ta’ suspetti fil-konfront tal-persuna akkużata.

70      Fir-rigward, fit-tieni lok, taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom intużaw it-termini inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll tan-natura u tal-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, sa fejn il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) tikkostitwixxi qorti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha għandha, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, tkun suġġetta għal eżami iktar fil-fond.

71      It-tieni nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tirrigwarda fażi preliminari tal-proċedura kriminali, li matulha qorti tal-appell għandha tiddeċiedi dwar ir-regolarità ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza li tiddetermina jekk att ta’ akkuża jikkostitwixxix bażi suffiċjenti għaż-żamma ta’ proċess.

72      F’dan il-kuntest, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tal-appell sempliċement ordnat ir-rinviju tal-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, sabiex din twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi u sabiex tiddeċiedi mill-ġdid. Dan l-element jista’ jkollu rilevanza sabiex tiġi ddeterminata l-portata tat-termini użati fil-motivi ta’ dik id-deċiżjoni, b’mod partikolari jekk kellu jitqies li dawn it-termini jippreżentaw ċerta ambigwità.

73      Madankollu, il-formulazzjoni tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi eskluż kull ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

74      Fil-fatt, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-intier tagħha, mingħajr ma jkun possibbli li wieħed jiffoka biss fuq il-fatt li ċerti siltiet minn din id-deċiżjoni jimplikaw li l-ħtija tal-persuna akkużata ma hijiex stabbilita.

75      Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjoni li l-fatt li deċiżjoni ġiet adottata fi stadju preliminari ta’ proċedura kriminali li ma għandhiex l-għan li tiddeċiedi dwar il-ħtija tal-persuna akkużata huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż kull ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jikser direttament il-prinċipju li din il-preżunzjoni tapplika għall-proċeduri kriminali kollha. Barra minn hekk, tali approċċ ineħħi parti kbira mill-iskop tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343.

76      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma hija suġġetta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-elementi kostituttivi tar-reat kriminali inkwistjoni, tali konstatazzjoni ma tistax titqies li hija neċessarja sabiex il-qorti tal-appell tkun tista’ tiddeċiedi.

77      Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi pparagunata ma’ dawk imsemmija fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

78      Ir-raba’ nett, kif jenfasizzaw il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni Ewropea, it-termini magħżula mill-qorti tal-appell għandhom jiġu interpretati billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-qorti, li hija suġġetta, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għal obbligu ta’ motivazzjoni, annullat darbtejn id-digrieti tal-qorti tal-ewwel istanza li jordnaw li ma titteħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward tal-att ta’ akkuża, b’tali mod li hija setgħet tqis li kien neċessarju li tesprimi l-pożizzjoni tagħha b’mod iktar sod u iktar komplet.

79      Madankollu, dan il-fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika l-użu ta’ kliem li jirrifletti s-sentiment li l-persuna akkużata hija ħatja tar-reat li bih hija akkużata, filwaqt li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa kompletament possibbli, fi stadju preliminari tal-proċedura kriminali, li jintużaw formuli li, filwaqt li josservaw il-preżunzjoni ta’ innoċenza, huma suffiċjentement konvinċenti sabiex jiġġustifikaw ir-rinviju tal-persuna akkużata quddiem qorti ta’ ġudizzju.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-Artikolu 48 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li qorti kriminali li tiddeċiedi dwar appell minn deċiżjoni li ttemm proċeduri kriminali minħabba assenza ta’ reat, tieħu pożizzjoni, b’mod iddettaljat, fuq provi inkriminanti billi tagħmel evalwazzjoni fattwali u legali dwar l-għaqda tal-elementi li jikkostitwixxu r-reat kriminali inkwistjoni, filwaqt li din il-qorti ma hijiex obbligata tagħmel dan, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex tiddeċiedi u li din l-evalwazzjoni hija bbażata biss fuq il-provi miġbura fil-kuntest tal-proċedura istruttorja, mingħajr ma l-persuna akkużata tkun setgħet tesprimi ruħha fir-rigward tagħhom, sakemm l-imsemmija evalwazzjoni ma tirriflettix is-sentiment li l-persuna akkużata hija ħatja ta’ dan ir-reat kriminali.

 Fuq ir-raba’ domanda

81      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività u mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti tal-ewwel istanza għandha, minn naħa, twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti tal-appell, li tkun annullat digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri u li tkun ordnat ir-rinviju tal-kawża quddiem din il-qorti tal-ewwel istanza, meta dawn l-evalwazzjonijiet ikunu inkompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi fuq l-imsemmija qorti tal-ewwel istanza l-obbligu li tikkonforma ruħha mal-imsemmija evalwazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, tastjeni milli taġixxi fuq il-miżuri proċedurali ordnati minn din il-qorti tal-appell.

82      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu previsti miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva li ma ssirx referenza għall-persuni ssuspettati jew akkużati bħala ħatja, konformement mal-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 10 tagħha.

83      Dan l-Artikolu 10 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati rimedju effettiv fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet previsti mill-istess direttiva.

84      Għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343 jeżiġi li jkunu previsti “miżuri xierqa”, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dan ma jippreċiżax in-natura ta’ dawn il-miżuri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni f’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxuhom, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. Madankollu, l-imsemmija modalitajiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjoni doppja li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2025, GR REAL, C‑351/23, EU:C:2025:474, punt 56).

85      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-miżuri li jistgħu jiġu adottati, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, fil-każ ta’ ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

86      Barra minn hekk, għalkemm il-Gvern Slovakk irrefera għal ċerti miżuri previsti għal dan l-għan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni dwar in-natura adegwata ta’ tali miżuri sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343 jew dwar l-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li dawn il-miżuri ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, l-għan jew l-effett li jillimitaw il-portata, fir-rigward ta’ qorti tal-ewwel istanza, ta’ evalwazzjonijiet magħmula minn qorti tal-appell fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

87      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, indipendentement mill-miżuri adegwati li Stat Membru għandu jadotta sabiex jirrimedja, konformement ma’ dan l-Artikolu 4(2), ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, qorti tal-ewwel istanza mqiegħda f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun obbligata tieħu miżuri intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

88      Fil-fatt, tali qorti għandha, b’mod ġenerali, tosserva l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, li jimponi li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jiġu preżunti innoċenti sakemm il-ħtija tagħhom tkun ġiet stabbilita legalment.

89      Issa, qorti tal-ewwel istanza ma tistax, mingħajr ma tikser dan l-Artikolu 3, tikkonforma ruħha, meta tadotta deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, ma’ evalwazzjoni magħmula minn qorti tal-appell li timplika li l-persuna akkużata titqies ħatja qabel ma l-ħtija tagħha tkun ġiet stabbilita legalment, sa fejn din il-qorti tal-ewwel istanza tkun, f’tali ipoteżi, imġiegħla tqis hija stess lil din il-persuna bħala ħatja b’mod prematur.

90      Peress li l-imsemmi Artikolu 3 huwa suffiċjentement ċar, preċiż u inkundizzjonat sabiex jingħata effett dirett, hija l-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li għandha, jekk ikun il-każ, ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola l-applikazzjoni tagħha fil-kawża li tkun adita biha (ara, f’dan is-sens, tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      F’dan il-kuntest, għandu, barra minn hekk, jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, li għandha tiddeċiedi wara r-rinviju li jkun sarilha minn qorti superjuri adita bir-rikors, tkun marbuta, konformement mad-dritt proċedurali nazzjonali, b’evalwazzjonijiet magħmula fid-dritt mill-qorti superjuri, jekk hija tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni li hija talbet mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija evalwazzjonijiet ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 32, u tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 75).

92      Minn dan isegwi li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel tliet domandi, ċerti evalwazzjonijiet tal-qorti tal-appell huma inkompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilita fl-Artikolu 3 fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-Artikolu 48(1) tal-Karta, hija tkun obbligata tiddeċiedi fil-kawża prinċipali billi twarrab dawn l-evalwazzjonijiet, mingħajr ma regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma ruħha mal-imsemmija evalwazzjonijiet ma tkunx tista’ tostakola dan.

93      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li qorti mqiegħda f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha twarrab id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell fl-intier tagħha.

94      Fil-fatt, il-fatt li wħud mill-evalwazzjonijiet ta’ qorti tal-appell jiksru l-preżunzjoni ta’ innoċenza ma jimplikax neċessarjament li d-deċiżjoni li fiha jinsabu dawn l-evalwazzjonijiet hija, fl-intier tagħha, inkompatibbli ma’ din il-preżunzjoni.

95      B’mod partikolari, ma jistax jitqies li l-miżuri proċedurali ordnati minn qorti tal-appell, f’deċiżjoni li hija parzjalment motivata minn tali evalwazzjonijiet, għandhom jitqiesu li huma, fihom infushom, kuntrarji għall-imsemmija preżunzjoni.

96      Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-miżura li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ kawża quddiem qorti tal-ewwel istanza, wara l-annullament ta’ għeluq mingħajr segwitu mogħti minn din il-qorti, sabiex din teżamina mill-ġdid din il-kawża ma tinkludi, bħala tali, ebda teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-ħtija tal-persuna kkonċernata.

97      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-obbligu li jitwarrbu l-evalwazzjonijiet inkompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza li jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi li qorti tal-ewwel istanza tkun obbligata, konformement ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li ssegwi l-miżuri proċedurali ordnati minn qorti tal-appell, inkluż meta d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar tkun parzjalment motivata minn tali evalwazzjonijiet.

98      Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti tal-ewwel istanza għandha twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti tal-appell, li tkun annullat digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri u li tkun ordnat ir-rinviju tal-kawża quddiem din il-qorti tal-ewwel istanza, meta dawn l-evalwazzjonijiet ikunu inkompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi fuq l-imsemmija qorti tal-ewwel istanza l-obbligu li tikkonforma ruħha mal-imsemmija evalwazzjonijiet, mingħajr madankollu ma dan l-Artikolu 3 jipprekludi li l-istess qorti tal-ewwel istanza tkun obbligata tagħti segwitu għall-miżuri proċedurali ordnati minn din il-qorti tal-appell

 Fuq l-ispejjeż

99      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, moqri flimkien tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretat fis-sens li:

li ma jipprekludux li qorti kriminali li tiddeċiedi dwar appell minn deċiżjoni li ttemm proċeduri kriminali minħabba assenza ta’ reat, tieħu pożizzjoni, b’mod iddettaljat, fuq provi inkriminanti billi tagħmel evalwazzjoni fattwali u legali dwar l-għaqda tal-elementi li jikkostitwixxu r-reat kriminali inkwistjoni, filwaqt li din il-qorti ma hijiex obbligata tagħmel dan, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex tiddeċiedi u li din l-evalwazzjoni hija bbażata biss fuq il-provi miġbura fil-kuntest tal-proċedura istruttorja, mingħajr ma l-persuna akkużata tkun setgħet tesprimi ruħha fir-rigward tagħhom, sakemm l-imsemmija evalwazzjoni ma tirriflettix is-sentiment li l-persuna akkużata hija ħatja ta’ dan ir-reat kriminali.

2)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

qorti tal-ewwel istanza għandha twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti tal-appell, li tkun annullat digriet li ma titteħidx azzjoni ulterjuri u li tkun ordnat ir-rinviju tal-kawża quddiem din il-qorti tal-ewwel istanza, meta dawn l-evalwazzjonijiet ikunu inkompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi fuq l-imsemmija qorti tal-ewwel istanza l-obbligu li tikkonforma ruħha mal-imsemmija evalwazzjonijiet, mingħajr madankollu ma dan l-Artikolu 3 jipprekludi li l-istess qorti tal-ewwel istanza tkun obbligata tagħti segwitu għall-miżuri proċedurali ordnati minn din il-qorti tal-appell.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.