Kawża C‑743/24 [Alchaster II] ( i )

Minister for Justice and Equality

vs

MA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑3 ta’ April 2025

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Konsenja ta’ persuna lir-Renju Unit għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali – It-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni – Emenda, sfavorevoli għall-persuna kkundannata, tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat”

  1. Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni – Rikonoxximent kemm mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi – Livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Karta li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-imsemmija konvenzjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1))

    (ara l-punt 24)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mar-Renju Unit – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest fil-każ ta’ riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Kundizzjonijiet – Emenda retroattiva tal-portata tal-piena mġarrba – Riskju reali ta’ piena ikbar minn dik inizjalment imġarrba – Impożizzjoni ta’ piena ikbar fil-każ ta’ emenda tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat – Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni UE u KEEA-Renju Unit)

    (ara l-punti 25 sa 47, u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, ippreċiżat, fil-kuntest tal-proċedura mħaffa u fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni konkluż mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ( 1 ), il-kunċett ta’ impożizzjoni ta’ piena ikbar, fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ).

Id-District Judge (l-Imħallef Distrettwali) tal-Magistrates’ Courts of Northern Ireland (il-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) ħareġ erba’ mandati ta’ arrest fil-konfront ta’ MA għal reati li jaqgħu taħt it-terroriżmu li allegatament twettqu fl‑2020.

Fl‑2022, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ordnat il-konsenja ta’ MA lir-Renju Unit. MA appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-FKK, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet permezz tas-sentenza Alchaster ( 3 ).

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, meta persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK tinvoka riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit, minħabba emenda tal-kundizzjonijiet ta’ ħelsien ikkundizzjonat, li seħħet wara t-twettiq preżunt tar-reat li bih l-imsemmija persuna hija akkużata, għandha twettaq eżami awtonomu fir-rigward tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju qabel ma tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest. Fid-dawl ta’ din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju talbet ( 4 ) mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit informazzjoni addizzjonali dwar il-leġiżlazzjoni li, fil-każ ta’ konsenja, kienet ser tkun applikabbli għal MA fil-qasam tal-ħelsien ikkundizzjonat.

Mir-risposta tal-Imħallef Distrettwali tal-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq irriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni li kienet applikabbli fl-Irlanda ta’ Fuq fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti li timponi kundanna għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat kellha tiffissa “perijodu ta’ detenzjoni”, li ma setax jaqbeż nofs il-piena imposta u li fi tmiem tali perijodu l-persuna kkundannata kellha neċessarjament tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat. Mill-banda l-oħra, skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida applikabbli mit‑30 ta’ April 2021, inkluż għar-reati mwettqa qabel din id-data, piena ta’ priġunerija għal żmien determinat għal “reat terroristiku speċifikat” kienet komposta minn “perijodu xieraq ta’ detenzjoni”, iddeterminat mill-qorti, u minn perijodu supplimentari ta’ sena, li matulu l-persuna kkundannata kienet tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat, fejn it-tul akkumulat ta’ dawn il-perijodi ma setax jaqbeż it-tul massimu tal-piena ta’ priġunerija mġarrba. Din il-persuna setgħet, barra minn hekk, tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat wara li tkun skontat żewġ terzi tal-“perijodu xieraq ta’ detenzjoni” u bil-kundizzjoni li l-Parole Commissioners (il-Kummissarji għall-Ħelsien Ikkundizzjonat, ir-Renju Unit) ikunu qiesu li ż-żamma tagħha f’detenzjoni ma kinitx neċessarja għall-protezzjoni tas-soċjetà.

Peress li kellha dubji dwar jekk dawn l-emendi setgħux jitqiesu li kienu relatati biss mal-eżekuzzjoni tal-pieni jew jekk kellhomx, għall-kuntrarju, jitqiesu li biddlu b’mod retroattiv il-portata stess tal-piena mġarrba u jekk, konsegwentement, kellux jitqies li l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal piena ikbar minn dik li kienet tiġi mġarrba fil-jum tat-twettiq tar-reati preżunti, b’tali mod li kien hemm ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-qorti tar-rinviju għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 49 tal-Karta jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 5 ), li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDB, għandha ssir distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi “piena” u miżura relatata mal-“eżekuzzjoni” jew mal-“applikazzjoni” tal-piena.

Miżura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ piena tkun inkompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta biss jekk tkun tinvolvi emenda retroattiva tal-portata stess tal-piena mġarrba fid-data tat-twettiq preżunt tar-reat inkwistjoni, u b’hekk timplika l-impożizzjoni ta’ piena ikbar minn dik li kienet inizjalment imġarrba. Għalkemm dan ma jkunx il-każ meta din il-miżura sempliċement ittawwal il-limitu ta’ ammissibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat, dan jista’ jkun differenti, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija miżura tħassar essenzjalment il-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat jew jekk hija tagħmel parti minn ġabra ta’ miżuri li jwasslu sabiex tiġi aggravata n-natura intrinsika tal-piena inizjalment imġarrba.

Għaldaqstant, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tipprevedi, fir-rigward ta’ reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, l-estensjoni tal-parti ta’ piena ta’ priġunerija li għandha neċessarjament tkun ġiet skontata f’detenzjoni qabel ma jkun jista’ jiġi ordnat ħelsien ikkundizzjonat ma jistax, meħud waħdu, iwassal għal ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

Madankollu, id-domanda magħmula kienet tirrigwarda emendi għal sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat li jmorru wkoll kontra regola li permezz tagħha tali ħelsien kellu jseħħ b’mod awtomatiku meta nofs il-piena tkun ġiet skontata. Issa, għalkemm din l-emenda tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat kienet twassal f’dan il-każ għal twebbis tas-sitwazzjoni ta’ detenzjoni, din iċ-ċirkustanza ma kellhiex neċessarjament titqies li timplika l-impożizzjoni ta’ piena ikbar, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

Din il-kunsiderazzjoni tirriżulta mis-separazzjoni bejn il-kunċett ta’ “piena”, mifhum bħala l-kundanna imposta jew li tista’ tiġi imposta, u dak ta’ miżuri relatati mal-“eżekuzzjoni” jew mal-“applikazzjoni” tal-piena. Din il-kunsiderazzjoni tapplika mhux biss għall-estensjoni tal-limitu ta’ ammissibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat, iżda wkoll għall-emendi ta’ kundizzjonijiet oħra li għalihom hija suġġetta d-deċiżjoni ta’ ħelsien ikkundizzjonat.

Għalhekk, sakemm dawn l-emendi ma jħassrux essenzjalment il-possibbiltà ta’ tali ħelsien u sakemm ma jwasslux għal aggravazzjoni tan-natura tal-piena mġarrba fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, l-applikazzjoni tagħhom għal reati mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ma tiksirx it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, l-emenda introdotta ma kinitx twassal f’dan il-każ, la skont il-liġi u lanqas fil-prattika, għal tħassir essenzjalment tal-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ma jidhirx li l-emenda tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat inkwistjoni, li ma kinitx testendi t-tul massimu tal-piena ta’ priġunerija mġarrba, kienet twassal sabiex taggrava n-natura intrinsika tal-piena inizjalment imġarrba. Fil-fatt, it-tul tal-piena ta’ priġunerija imposta mill-qorti kriminali kien jikkostitwixxi, kemm skont is-sistema l-ġdida kif ukoll skont dik applikabbli fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, it-tul massimu li matulu l-persuna kkundannata setgħet, b’mod definittiv, titqiegħed f’detenzjoni. Dawn iż-żewġ sistemi ta’ ħelsien kienu jimplikaw, it-tnejn li huma, il-possibbiltà li l-persuna li tkun bbenefikat minn tali ħelsien titqiegħed mill-ġdid f’detenzjoni jekk l-aġir tagħha jiġġustifika revoka ta’ dan il-ħelsien. Ebda waħda minn dawn is-sistemi ma kienet tiggarantixxi għalhekk lil din il-persuna li tibqa’ ħielsa għal parti ddeterminata minn qabel tal-piena ta’ priġunerija imposta mill-qorti kriminali.

Barra minn hekk, il-kriterju bbażat fuq in-natura perikoluża tal-persuna kkundannata kif evalwata fil-mument tal-ħelsien ikkundizzjonat possibbli jikkostitwixxi kriterju komuni fil-politiki penitenzjarji u jimplika evalwazzjoni ta’ natura differenti minn dik li tkun twettqet inizjalment meta ngħatat id-deċiżjoni tal-kundanna u huwa marbut, bl-istess mod, mal-eżekuzzjoni tal-piena.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, skont l-Artikolu 49(1) tal-Karta, l-applikazzjoni, fuq persuna li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija għal żmien determinat, ta’ sistema li tipprevedi li din il-persuna għandha tiskonta mill-inqas żewġ terzi ta’ perijodu stabbilit ta’ detenzjoni qabel ma tkun tista’ tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat, li tali ħelsien huwa suġġett għall-fatt li awtorità speċjalizzata tqis li ż-żamma f’detenzjoni tal-imsemmija persuna ma għadhiex neċessarja għall-protezzjoni tas-soċjetà u li l-istess persuna tibbenefika neċessarjament minn ħelsien ikkundizzjonat sena qabel it-tmiem tal-piena imposta ma tikkostitwixxix l-impożizzjoni ta’ piena ikbar, minkejja li, skont ir-regoli applikabbli fid-data tat-twettiq preżunt tar-reati inkwistjoni, hija kellha awtomatikament tibbenefika minn ħelsien ikkundizzjonat wara li tkun skontat nofs din il-piena.


( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 1 ) Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU 2021, L 149, p. 10, iktar ’il quddiem il-“FKK”).

( 2 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 3 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649).

( 4 ) Skont l-Artikolu 613(2) tal-FKK.

( 5 ) Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).