SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Anness XVII – Restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi – Restrizzjonijiet dwar il-kadmju – Konċentrazzjoni massima fil-partijiet metalliċi ta’ oġġetti ta’ ġojjellerija u ta’ imitazzjoni ta’ ġojjellerija u aċċessorji għax-xagħar – Deroga – Brazzuletta tal-fidda datata mis-snin 1940 u li l-issaldjar tagħhom fih il-kadmju”
Fil-Kawża C‑512/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura
BÁV Zrt.
vs
Budapest Főváros Kormányhivatala,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal BÁV Zrt., minn P. Balázs, ügyvéd, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn H. Almeida, P. Barros da Costa u A. Cunha, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Mifsud-Bonnici u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-entrata 23(10)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 494/2011 tal‑20 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 134, p. 2, rettifika fil- ĠU 2011, L 136, p. 105). (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BÁV Zrt. u l-Budapest Fġváros Kormányhivatala (il-Prefettura tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) dwar id-deċiżjoni ta’ din il-prefettura li permezz tagħha din tal-aħħar imponiet multa fuq BÁV talli qiegħdet fis-suq brazzuletta tal-fidda li l-issaldjar tagħha fih il-kadmju u pprojbixxiet it-tqegħid fis-suq ta’ din il-brazzuletta. |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir-Regolament REACH
|
3 |
L-Anness XVII tar-Regolament REACH intolat “Restrizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi”, huwa fformulat kif ġej: “ […]
[…]” |
Ir-Regolament (UE) Nru 494/2011
|
4 |
Il-premessi 1, 2, 3, 5 u 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 494/2011 tal‑20 ta’ Mejju 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju) (ĠU 2011, L 134, p. 2, rettifika fil-ĠU 2011, L 136, p. 105), jistabbilixxu:
[…]
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
5 |
Fit‑13 ta’ Settembru 2023, BÁV ippreżentat quddiem il-Budapest Fġváros Kormányhivatala (il-Prefettura tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) brazzuletta tal-fidda kif ukoll il-formola korrispondenti sabiex ikollha imbollar. Din il-prefettura wettqet analiżi ta’ din il-brazzuletta permezz tal-ispettrometrija tal-fluworexxenza tar-raġġi X, li żvelat li l-kontenut ta’ kadmju fl-issaldjar ta’ din il-brazzuletta kien bejn 1 u 2 %. |
|
6 |
Fis‑26 ta’ Settembru 2023, l-imsemmija prefettura wettqet spezzjoni uffiċjali fl-istabbiliment ta’ BÁV u ordnat il-qbid tal-imsemmija brazzuletta, li kien espost bħala oġġett intiż għall-bejgħ b’irkant, sabiex isiru analiżijiet addizzjonali. |
|
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2023, il-Prefettura tal-Belt ta’ Budapest iddikjarat li BÁV kienet poġġiet il-brazzuletta inkwistjoni fis-suq illegalment u konsegwentement ikkundannatha għal multa ta’ 150000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 370). Hija ordnat ukoll ir-rilaxx mill-qbid ta’ din il-brazzuletta u l-konsenja tagħha lil BÁV jew lir-rappreżentant awtorizzat tagħha, filwaqt li pprojbixxiet it-tqegħid tagħha fis-suq. Din il-prefettura bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li l-kontenut ta’ kadmju tal-imsemmija brazzuletta kien jaqbeż il-limitu ta’ 0.01 % tal-piż, stabbilit fl-entrata 23 tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, u li l-paragrafu 8 ta’ din l-entrata jipprojbixxi l-użu jew it-tqegħid fis-suq tal-fillers li jissaldjaw li kontenut ta’ dan l-element huwa ogħla minn dan il-limitu. |
|
8 |
BÁV ippreżentat rikors intiż b’mod partikolari għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostniet, essenzjalment, li l-Prefettura tal-Belt ta’ Budapest naqset li tosserva l-paragrafi 8 sa 11 tal-entrata 23 tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, billi ma wettqitx investigazzjoni intiża sabiex tiġi ddeterminata l-antikità tal-brazzuletta inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-data tat-tqegħid tagħha fis-suq, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ BÁV li l-ġojjell kien datat mis-snin 1940. Din il-kumpannija tqis li l-ġojjellerija mmuntata minn issaldjar ma għandhiex titqies bħala fillers li jissaldjaw u ma jistgħux jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8 ta’ din l-entrata. F’dan ir-rigward, hija ssostni li huwa l-paragrafu 10(i) tal-imsemmi punt li huwa rilevanti għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti, fosthom l-oġġetti ta’ ġojjellerija. Fil-fatt, dan il-paragrafu jipprevedi li tali oġġetti ma jistgħux jintużaw jew jitqiegħdu fis-suq jekk il-kontenut tal-kadmju tagħhom jaqbeż 0.01 % tal-piż. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-paragrafu 11 tal-istess entrata 23 li jipprevedi deroga applikabbli għall-oġġetti mqiegħda fis-suq qabel l‑10 ta’ Diċembru 2011 kif ukoll għall-ġojjellerija ta’ iktar minn 50 sena fl‑10 ta’ Diċembru 2011. |
|
9 |
Il-Prefettura tal-Belt ta’ Budapest issostni, essenzjalment, li, minħabba l-effetti dannużi tal-kadmju fuq l-integrità fiżika u fuq is-saħħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament REACH, jipprojbixxi b’mod ġenerali t-tqegħid fis-suq tal-fillers li jissaldjaw li fihom konċentrazzjoni mhux awtorizzata ta’ kadmju u li jistgħu jinsabu f’oġġetti mhux imsemmija fid-derogi previsti fl-entrata 23(9) tal-Anness XVII ta’ dan ir-regolament. Ir-regoli previsti fil-paragrafi 10 u 11 ta’ din l-entrata huma relatati mal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-kadmju fil-liegi tal-metall tal-oġġetti u fl-elementi l-oħra tagħhom tal-metall, distinti mill-fillers li jissaldjaw u ma humiex rilevanti f’dan il-każ. |
|
10 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “komponenti metalliċi oħrajn biex issir il-ġojjellerija” li tinsab fl-entrata 23(10)(i) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH. B’mod iktar preċiż, hija tixtieq tkun taf jekk il-filler li jissaldja tal-ġojjellerija li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali jistax jitqies bħala “komponent” jew jekk huwiex eskluż minn dan il-kunċett, f’liema każ id-deroga prevista fil-paragrafu 11 ta’ din l-entrata ma tkunx applikabbli. |
|
11 |
Skont din il-qorti, il-paragrafu 10 tal-imsemmija entrata jikkostitwixxi regola speċjali meta mqabbel mal-paragrafu 8 tal-istess punt, b’tali mod li, skont il-prinċipju lex specialis derogat legi generali, din ir-regola tipprevali fuq ir-regola ġenerali. Minn dan isegwi li l-fillers li jissaldjaw jistgħu jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “komponenti metalliċi oħrajn biex issir il-ġojjellerija”. Din l-interpretazzjoni tippreżerva s-sens tad-deroga prevista fl-entrata 23(11) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH dwar il-ġojjellerija li għandha iktar minn 50 sena, bħall-brazzuletta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija ddatata mis-snin 1940. L-imsemmija qorti tirrileva wkoll li, fil-każ ta’ oġġetti tal-metall prezzjuż, il-kwantità ta’ kadmju eventwalment preżenti fil-materjal ta’ ssaldjar tikkostitwixxi parti insinjifikattiva tal-piż totali tal-ġojjell. |
|
12 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel ir-regoli dwar il-kadmju iktar stretti, minħabba n-natura tossika, probabbilment karċinoġenika, tiegħu. |
|
13 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-kunċett ta’ ‘komponenti metalliċi oħrajn biex issir il-ġojjellerija’ li jinsab fil-punt (i) tal-paragrafu 10 tal-entrata 23, li tikkorrispondi għall-entrata tas-sustanza msejjħa kadmju, fl-Anness XVII tar-[Regolament REACH) fis-sens li jinkludi fih ukoll il-fillers li jissaldjaw?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
14 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi magħmulin lilha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bżonn il-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq tilwim quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux indikati espressament fid-domandi li jkunu indirizzati lilha minn dawn il-qrati (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-kontijiet),C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
15 |
F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-kontijiet),C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
16 |
F’dan il-każ, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk il-brazzuletta inkwistjoni taqax taħt l-entrata 23(8) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH jew jekk taqax taħt il-paragrafu 10 ta’ din l-entrata, f’liema każ din il-brazzuletta tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fil-paragrafu 11 tal-imsemmija entrata. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-paragrafi 8 u 10 tal-entrata 23 tal-Anness XVII tar-Regolament REACH għandhiex tiġi interpretata fis-sens li brazzuletta tal-fidda li l-issaldjar tagħha jkun fih il-kadmju tistax taqa’ taħt il-paragrafu 8 ta’ din l-entrata jew għandhiex titqies li tista’ taqa’ taħt il-paragrafu 10 tal-imsemmija entrata. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, l-entrata 23(8) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH tipprevedi, fit-tieni subparagrafu tagħha, li l-fillers li jissaldjaw ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq jekk il-konċentrazzjoni tagħhom ta’ kadmju (espressa bħala metall Cd) tkun ogħla jew ugwali għal 0.01 % tal-piż. Konformement mat-tielet subparagrafu ta’ din l-entrata 23(8), għall-fini ta’ dan il-paragrafu, “issaldjar” għandu jfisser it-tagħqid tekniku bl-użu ta’ liegi u li jsir f’temperaturi ta’ iktar minn 450°C. |
|
19 |
Kif irrilevat il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni, imqiegħda fil-kuntest tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 494/2011, hija intiża sabiex tirregola l-kontenut tal-kadmju ta’ “stikek tal-issaldjar” sabiex jiġu protetti l-utenti professjonali u d-dilettanti li huma esposti għal fwar waqt il-proċess ta’ ssaldjar. |
|
20 |
Fir-rigward tal-entrata 23(10) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, din tipprevedi li ma jistgħux jintużaw jew jitqiegħdu fis-suq jekk il-konċentrazzjoni tal-kadmju tkun ta’ 0.01 % jew iktar f’termini ta’ piż tal-metall, minn naħa, il-perli tal-metall u l-komponenti l-oħra tal-metall użati fil-manifattura tal-ġojjellerija u, min-naħa l-oħra, il-partijiet metalliċi ta’ oġġetti ta’ ġojjellerija u ta’ imitazzjoni ta’ ġojjellerija u aċċessorji għax-xagħar, inklużi, b’mod partikolari, il-brazzuletti. |
|
21 |
Din id-dispożizzjoni hija intiża, essenzjalment, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 494/2011, sabiex tipproteġi lill-konsumaturi mir-riskji assoċjati mal-ilbies ta’ ġojjellerija li fiha l-kadmju, jiġifieri, l-espożizzjoni għal dan l-element kimiku permezz tal-ġilda jew billi jilgħaquh. |
|
22 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li BÁV offriet għall-bejgħ brazzuletta tal-fidda li l-issaldjar tagħha fih il-kadmju. |
|
23 |
Tali brazzuletta ma tistax titqies li hija “filler li jissaldja”, fis-sens tal-entrata 23(8) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, sa fejn din ma hijiex intiża sabiex tintuża bħala tali filler fil-kuntest tal-“issaldjar”. Għaldaqstant, din il-brazzuletta ma tistax taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. |
|
24 |
Min-naħa l-oħra, tali brazzuletta tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-entrata 23(10)(ii) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH. |
|
25 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, peress li, konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ssaldjar” li jinsab fl-entrata 23(8) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH, il-fillers li jikkostitwixxu l-issaldjar tal-istess brazzuletti huma inkorporati f’tali ġojjell waqt it-tagħqid tiegħu permezz ta’ dan il-proċess, dawn għandhom jitqiesu bħala “partijiet metalliċi [ta’] brazzuletti”, fis-sens tal-entrata 23(10)(ii) tal-Anness XVII ta’ dan ir-regolament. |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, il-brazzuletta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi oġġett tal-ġojjellerija li jista’ jintlibes u għalhekk potenzjalment jesponi lill-konsumaturi, permezz tal-ġilda jew billi jilagħquh, għar-riskji assoċjati mal-ilbies ta’ ġojjellerija li fihom il-kadmju, li l-entrata 23(10)(ii) tal-Anness XVII tal-imsemmi regolament hija intiża li tipprevjeni. |
|
27 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-entrata 23(8) u (10) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH għandha tiġi interpretata fis-sens li brazzuletta tal-fidda li l-issaldjar tagħha fih il-kadmju taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-entrata 23(10)(ii) tal-Anness XVII ta’ dan ir-regolament jekk il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-kadmju msemmi f’din id-dispożizzjoni jintlaħaq jew jinqabeż. |
|
28 |
Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tad-data tal-manifattura tal-brazzuletta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-brazzuletta tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-entrata 23(11) tal-Anness XVII tar-Regolament REACH li jikkonċerna b’mod partikolari l-ġojjellerija ta’ iktar minn 50 sena fl‑10 ta’ Diċembru 2011. |
Fuq l‑ispejjeż
|
29 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-entrata 23(8) u (10) tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 494/2011 tal‑20 ta’ Mejju 2011, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
brazzuletta tal-fidda li l-issaldjar tagħha fih il-kadmju taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-entrata 23(10)(ii) tal-Anness XVII ta’ dan ir-regolament jekk il-livell ta’ konċentrazzjoni tal-kadmju msemmi f’din id-dispożizzjoni jintlaħaq jew jinqabeż. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.