Edizzjoni Provviżorja
MTSENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)
12 ta’ Frar 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 12(1) – Obbligu ta’ kopertura minn assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-danni fiżiċi – Portata – Inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura unika – Danni subiti mis-sewwieq tal-vettura minħabba l-intervent ta’ passiġġier fis-sewqan ta’ din il-vettura”
Fil-Kawża C‑490/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura
Stichting Koskea, li qiegħda taġixxi bħala amministratriċi ta’ ED
vs
Nationale Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV, li qiegħda taġixxi taħt l-isem kummerċjali Reaal Schadeverzekering NV,
IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, President ta’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Nationale Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV, li qiegħda taġixxi taħt l-isem kummerċjali Reaal Schadeverzekering NV, minn D. M. de Knijff u S. van der Keur, avukati,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, A. Manzaneque Valverde u P. Vanden Heede, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stichting Koskea, fondazzjoni li qiegħda taġixxi bħala amministratriċi ta’ ED, u Nationale Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “Nationale Nederlanden”), li qiegħda taġixxi taħt l-isem kummerċjali Reaal Schadeverzekering NV, dwar il-portata tal-kopertura li għandha tiġi pprovduta mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 21 u 23 tad-Direttiva 2009/103 jistabbilixxu:
“(21) Il-membri tal-familja tal-persuna assigurata, tax-xufier jew ta’ xi persuna oħra responsabbli għandhom jingħataw protezzjoni paragunabbli għal dik ta’ partijiet terzi oħra, f’kull każ fir-rigward tal-korrimenti personali tagħhom.
[...]
(23) L-inklużjoni fil-kopertura tal-assigurazzjoni ta’ kull passiġġier fil-vettura hi kisba kbira tal-leġislazzjoni eżistenti. Dan l-objettiv jitqiegħed fil-periklu jekk il-leġislazzjoni nazzjonali jew xi klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni tkun teskludi l-passiġġieri milli jkunu assigurati minħabba li kienu jafu jew misshom kienu jafu li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza ta’ alkoħol jew ta’ droga fil-ħin tal-inċident. [...] Il-kopertura ta’ dawk il-passiġġieri taħt l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura ma tippreġudikax xi responsabbiltà li jista’ jkollhom skont il-leġislazzjoni nazzjonali li tkun tapplika, lanqas il-livell tal-għoti ta’ danni f’inċident speċifiku.”
4 Il-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “vettura” bħala “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le”.
5 L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.
Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.
[...]
L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”
6 L-Artikolu 5 tal-istess direttiva joffri lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tagħha fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati.
7 L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Kategoriji speċjali ta’ vittmi”, jipprovdi:
“1. Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.
2. Il-membri tal-familja tad-detentur tal-polza, ix-xufier jew kull persuna oħra li tkun responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha tkun koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 m’għandhomx ikunu esklużi mill-assigurazzjoni fir-rigward tal-korrimenti personali tagħhom minħabba dik ir-relazzjoni.
3. L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà li jsofru dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr vettura bil-mutur li, b’konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skont il-liġi ċivili nazzjonali.
Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ kumpens.”
8 Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Klawsoli ta’ esklużjoni”:
“1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:
(a) persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għal dan,
(b) persuni li ma jkollhomx liċenza li tippermettilhom isuqu l-vettura konċernata,
(c) persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata.
Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jkun jista’ juri li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.
[...]
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew messu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tal-alkoħol jew ta’ droga fil-ħin tal-inċident, għandu jitqies bħala null fir-rigward tat-talbiet ta’ tali passiġġier.”
9 Kif jirriżulta mill-Artikolu 29 tagħha, id-Direttiva 2009/103 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10), it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), it-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249), id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE (ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331), kif ukoll id-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU 2005, L 149, p. 14), kif emendati bid-direttivi msemmija fil-Parti A tal-Anness I ta’ din id-Direttiva 2009/103.
Id‑dritt Olandiż
10 L-Artikolu 4(1) tal-Wet betreffende verplichte verzekering tegen wettelijke aansprakelijkheid inzake motorrijtuigen (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja għar-Responsabbiltà Ċivili fil-Qasam tal-Vetturi bil-Mutur), tat‑30 ta’ Mejju 1963 (Stb. 1963, Nru 228), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“WAM”), huwa fformulat kif ġej:
“L-assigurazzjoni ma għandhiex tkopri r-responsabbiltà għad-danni subiti mis-sewwieq tal-vettura bil-mutur li tkun ikkawżat l-inċident.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Fi tmiem is-sena 2016, ED kien vittma ta’ inċident tat-traffiku filwaqt li kien qed isuq minibus li jappartjeni lil klabb tal-futbol li fih kienu poġġew ex kowċ ta’ dan il-klabb u żewġ membri ta’ dan tal-aħħar. Filwaqt li l-minibus kien qed jiċċirkula b’veloċità ta’ madwar 70 km/siegħa, l-ex kowċ, li kien bilqiegħda fuq in-naħa ta’ wara fuq il-lemin, f’daqqa waħda ġibed il-ħandbrejk tal-vettura. Il-minibus skiddja bla kontroll u laqat diversi pilastri. ED kif ukoll il-membru tal-klabb li kien jinsab fuq is-sit tal-passiġġier ta’ quddiem taru ’l barra mill-vettura. Dan tal-aħħar miet mill-ġrieħi li ġarrab. ED weġġa’ serjament u, għadu jsofri b’mod permanenti mill-ġrieħi gravi mġarrba bħala riżultat ta’ dan l-inċident. L-ex kowċ u l-membru l-ieħor tal-klabb kienu kemxejn imweġġgħin.
12 Il-klabb tal-futbol proprjetarju tal-minibus kellu assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur ma’ Reaal Schadeverzekering, li sussegwentement ingħaqdet ma’ Nationale Nederlanden. Dan il-klabb kien ikkonkluda wkoll assigurazzjoni għad-danni tal-passiġġieri u tas-sewwieq ma’ Nationale Nederlanden (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni għad-danni”).
13 Għad-danni tiegħu stess li jirriżultaw mill-inċident, ED, irrappreżentat minn Stichting Koskea li tamministra l-beni tiegħu u tiddefendi l-interessi tiegħu, talab lil Nationale Nederlanden sabiex tkoprih taħt din l-assigurazzjoni għad-danni. Fix-xahar ta’ Jannar 2020, l-avukat ta’ din il-kumpannija informa lil ED li ma kienx kopert taħt l-imsemmija assigurazzjoni għad-danni, peress li r-rapport tal-pulizija dwar iċ-ċirkustanzi tal-inċident jistabbilixxi li huwa kien ħa sehem fis-sewqan tal-minibus wara li kkonsma l-alkoħol u kien taħt l-influwenza tiegħu. L-avukat indika wkoll li lanqas ma kien kopert taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili prevista mill-WAM, peress li din ma tkoprix id-danni subiti mis-sewwieq.
14 Stichting Koskea, f’isem u għan-nom ta’ ED, ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Fuq, il-Pajjiżi l-Baxxi), intiż li jiġi deċiż li n-Nationale Nederlanden hija, skont il-WAM, obbligata tikkumpensa d-dannu preżenti u futur tal-persuna kkonċernata. Insostenn ta’ dan ir-rikors, din il-fondazzjoni sostniet b’mod partikolari li l-esklużjoni tal-kopertura, mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, tad-danni subiti mis-sewwieq tal-vettura, prevista fl-Artikolu 4(1) tal-WAM, ma kinitx tapplika f’dan il-każ peress li, minkejja li ED kien qed isuq il-vettura fil-mument tal-inċident, huwa ma setax jibqa’ jitqies bħala s-sewwieq fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, billi ġibed il-ħandbrejk, l-ex kowċ kien aġixxa bħala s-sewwieq.
15 Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. Hija qieset, essenzjalment, li, mill-mument li fih l-ex kowċ ġibed il-handbrejk, ED ma kienx għadu f’pożizzjoni li jsuq effettivament il-minibus u, konsegwentement, ma setax jibqa’ jitqies bħala s-sewwieq tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-WAM.
16 National Nederlanden appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2022, din il-qorti annullat l-imsemmija sentenza għar-raġuni, essenzjalment, li ED ma kienx tilef il-kwalità tiegħu ta’ sewwieq minħabba l-attwazzjoni tal-handbrejk mill-ex kowċ. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li kienet baqgħet il-persuna li kienet bilqiegħda wara l-isteering fuq is-sedil tas-sewwieq, li kienet bdiet l-vettura, li kienet stabbilixxiet il-veloċità tagħha u li kienet għażlet id-direzzjoni tal-vjaġġ. B’hekk, skont din il-qorti, hija kienet qiegħda topera l-kontrolli tal-vettura u l-fatt li l-ex kowċ kien ġibed f’daqqa l-handbrejk u b’hekk wettaq azzjoni ta’ sewqan ma jbiddel xejn.
17 Stichting Koskea appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiemha, hija ssostni li ED ma setax jibqa’ jitqies bħala s-sewwieq tal-minibus wara li l-ex kowċ kien ġibed il-handbrejk, peress li din l-azzjoni ċaħħditu mill-possibbiltà li jsuq effettivament din il-vettura.
18 Il-qorti tar-rinviju tesponi li, permezz tal-Artikolu 4(1) tal-WAM, il-leġiżlatur Olandiż ittraspona l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/232, li sar l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103, li jipprovdi li l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi għandha tkopri r-responsabbiltà għad-danni fiżiċi tal-passiġġieri kollha, bl-eċċezzjoni tas-sewwieq. Hija tirrileva li, madankollu, dan il-kunċett ta’ “sewwieq” la huwa ddefinit f’din l-aħħar direttiva u lanqas fid-direttivi li din issostitwixxiet.
19 Fil-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat l-importanza tal-protezzjoni tal-passiġġieri vittmi ta’ inċident tat-traffiku kif ukoll l-għan li jiġi ggarantit li l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur tippermetti lill-passiġġieri kollha vittmi ta’ inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura jiġu kkumpensati għad-danni subiti. Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 jiddistingwi lis-sewwieq mill-passiġġieri l-oħra.
20 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili msemmija f’din id-dispożizzjoni għandha tkopri r-responsabbiltà għad-danni subiti mis-sewwieq inizjali tal-vettura kkonċernata meta passiġġier ikun intervjena fis-sewqan ta’ din il-vettura u meta dan l-intervent ikun ikkawża inċident. Jekk dan huwa l-każ, hija tqis li tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix ċerti rekwiżiti li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna li kienet qed issuq il-vettura fil-mument tal-inċident tilfet il-kwalità tagħha ta’ sewwieq u tistax, konsegwentement, titlob il-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2009/103.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikolu 12(1) tad-[Direttiva 2009/103] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja għandha tkopri r-responsabbiltà għad-danni subiti mis-sewwieq (inizjali) f’każ fejn passiġġier jintervjeni fis-sewqan tal-vettura bil-mutur u fejn dan l-intervent jikkawża inċident?
2) F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dritt tal-Unjoni jimponi għalhekk ċerti rekwiżiti li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk sewwieq, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103, ikunx tilef din il-kwalità ta’ sewwieq fiċ-ċirkustanzi tal-każ u jkunx jista’ jitlob il-protezzjoni tal-passiġġieri skont ir-regola ġenerali?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-danni subiti mis-sewwieq tal-unika vettura involuta f’inċident tat-traffiku ma għandhomx ikunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur prevista minn din id-direttiva, anki meta passiġġier ikun intervjena fis-sewqan ta’ din il-vettura u meta dan l-intervent ikun ikkawża dan l-inċident.
23 Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jitqies mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest li fih isseħħ u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Killybegs Fishing Enterprises et, C‑546/24, EU:C:2025:844, punt 16).
24 Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle, C‑34/10, EU:C:2011:669, punti 25 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Settembru 2024, BIOR, C‑344/23, EU:C:2024:696, punt 40).
25 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi eċċezzjoni irrilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva tkopri r-responsabbiltà għad-danni fiżiċi tal-“passiġġieri kollha, minbarra x-xufier” ikkawżati mill-użu ta’ vettura.
26 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din tal-aħħar, li jipprovdi derogi mill-obbligu ta’ assigurazzjoni tal-vetturi li lanqas ma huma rilevanti għall-kawża prinċipali, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.
27 Bħad-direttivi li hija ssostitwixxiet, id-Direttiva 2009/103 la tiddefinixxi t-terminu “xufier” u lanqas it-terminu “passiġġier” u lanqas ma tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiddefinixxi l-portata tagħhom. Fir-rigward tas-sens abitwali ta’ dawn it-termini fil-lingwaġġ ta’ kuljum, għandu jiġi rrilevat li t-terminu “xufier” jirreferi għal persuna li ssuq jew tmexxi xi ħaġa jew xi ħadd. Fir-rigward ta’ vettura, dan it-terminu jkopri l-persuna li titqiegħed fis-sewqan jew fil-kontrolli tagħha u li tmexxiha. It-terminu “passiġġier” jirreferi, min-naħa tiegħu, għal persuna li hija ttrasportata fuq vettura u li ma tmexxihiex.
28 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, mit-termini tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 jista’ jiġi dedott li, qabelxejn, jista’ jkun hemm, f’vettura, diversi “passiġġieri [...] minbarra x-xufier”, iżda, fil-prinċipju, jista’ jkun hemm biss xufier wieħed fl-istess ħin. Sussegwentement, bla ħsara għal każijiet speċifiċi, b’mod partikolari l-prassi tas-sewqan assistit intiż li tinkiseb liċenzja tas-sewqan, li jistgħu jkunu suġġetti għal regoli partikolari, it-terminu “xufier” normalment ikopri l-persuna li titqiegħed fil-kontroll jew issuq il-vettura u tiżgura d-direzzjoni tagħha, filwaqt li t-terminu “passiġġier” jirreferi għal persuna li titqiegħed xi mkien ieħor fil-vettura kkonċernata u li ma tidderiġihiex. Fl-aħħar nett, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li r-responsabbiltà għad-danni subiti mix-“xufier” tal-vettura għandha tkun koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.
29 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-kunċett ta’ “vettura” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva bħala li jkopri kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le.
30 Vettura, fis-sens ta’ din id-direttiva, li hija għalhekk neċessarjament immexxija minn qawwa mekkanika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punti 37, 38 u 40), kull vettura fiċ-ċirkulazzjoni għandha, fil-prinċipju, bl-eċċezzjoni tal-vetturi li jsuqu huma stess, sewwieq kif ukoll post ta’ bdot u dan is-sewwieq huwa l-persuna li, ġewwa l-vettura, tħaddem jew tinsab f’pożizzjoni li tħaddem il-qawwa mekkanika tagħha għall-finijiet tal-użu tagħha, billi titqiegħed fuq l-isteering tagħha.
31 It-tieni nett, għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprovdi li l-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tkopri b’mod obbligatorju d-danni materjali u d-danni fiżiċi, minn qari flimkien ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn huma, b’mod partikolari, danni fiżiċi tal-“passiġġieri kollha, minbarra x-xufier”.
32 It-tielet nett, skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva, il-membri tal-familja tal-persuna assigurata, tas-sewwieq jew ta’ kull persuna oħra li r-responsabbiltà ċivili tagħha hija stabbilita f’inċident u koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva ma jistgħux, minħabba din ir-relazzjoni ta’ parentela, jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni għad-danni fiżiċi tagħhom. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2009/103, l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkopri danni fiżiċi u materjali subiti mill-persuni mexjin, miċ-ċiklisti u minn dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skont il-liġi ċivili nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew messu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tal-alkoħol jew ta’ droga fil-ħin tal-inċident, għandha titqies bħala nulla fir-rigward tar-rikors ta’ dan il-passiġġier.
33 Dawn id-dispożizzjonijiet, bħall-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103, jiddistingwu lis-sewwieq tal-vettura minn persuni oħra li setgħu daħlu f’din il-vettura kif ukoll minn utenti oħra tat-triq li ma jinsabux fil-vettura, iżda li jistgħu jiġu affettwati minn inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura. Għalhekk, il-kategoriji ta’ vittmi ta’ inċident huma, essenzjalment, stabbiliti b’kuntrast mas-sewwieq tal-vettura involuta fih.
34 Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 12 tagħha la jippreġudika r-responsabbiltà ċivili u lanqas l-ammont tal-kumpens. Għaldaqstant, ir-rwol li okkupant wieħed jew ieħor tal-vettura, bħal, f’dan il-każ, il-passiġġier li jkun ġibed il-handbrejk, seta’ kellu fl-iżvolġiment ta’ dan l-inċident u, għaldaqstant, fl-okkorrenza ta’ danni, jista’, skont is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu seħħ l-inċident, jistabbilixxi liema persuna hija ċivilment responsabbli għall-inċident u li jkollha influwenza fuq il-portata tal-kumpens. Madankollu, dawn l-aspetti tal-aħħar huma distinti mill-portata personali tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja prevista mid-Direttiva 2009/103.
35 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lit-terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażata fuq ir-responsabbiltà ċivili. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda hija ddefinita u ggarantita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni waħda hija rregolata, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos, C‑484/09, EU:C:2011:158, punt 31, u tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
36 Dawn l-elementi testwali u kuntestwali kollha jindikaw għalhekk li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervent tal-passiġġier fis-sewqan ta’ vettura, li jikkawża inċident, ma jistax ikollu l-konsegwenza li jċaħħad lis-sewwieq ta’ din il-vettura mill-kwalità tiegħu ta’ xufier, ħlief sabiex jippreġudika kemm id-distinzjoni fundamentali bejn sewwieq u terz vittma, li tikkaratterizza s-sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur stabbilita minn din id-direttiva, kif ukoll id-distinzjoni bejn l-obbligu ta’ kopertura minn din l-assigurazzjoni u l-portata tal-kumpens għad-danni abbażi tar-responsabbiltà ċivili għall-inċident, li hija rregolata mid-dritt nazzjonali.
37 Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/103.
38 Minn naħa, ċertament, mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi ġie segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2025, Nastolo, C‑370/24, EU:C:2025:300, punt 39).
39 Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-għan jiġi ppreġudikat jekk, skont ċirkustanzi fattwali inċerti, il-persuna bilqiegħda fis-sewqan ta’ vettura tkun tista’ titlef il-kwalità tagħha ta’ xufier minħabba l-intervent ta’ passiġġier fis-sewqan ta’ din il-vettura. Fil-fatt, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punti 28 u 30 ta’ din is-sentenza, kull vettura għandha, fil-prinċipju, bl-eċċezzjoni tal-vetturi li jsuqu minnhom infushom, sewwieq, il-fatt li l-persuna li tkun qiegħda ssuq il-vettura tiġi mċaħħda mill-kwalità tagħha ta’ xufier ikollu l-konsegwenza li huwa dan il-passiġġier li jkollu għalhekk il-kwalità ta’ xufier u jkun, konsegwentement, eskluż mill-protezzjoni li din id-direttiva hija intiża li tagħti lill-vittmi terzi, fosthom il-passiġġieri.
40 Barra minn hekk, l-inċertezza legali li tirriżulta minn tali possibbiltà hija, fiha nnifisha, inkompatibbli mal-imsemmi għan.
41 Min-naħa l-oħra, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evoluzzjoni leġiżlattiva msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza kienet ikkaratterizzata wkoll mill-esklużjoni, kostanti u espliċita sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 90/232, mill-kopertura, mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili prevista mid-dritt tal-Unjoni, tad-danni subiti mis-sewwieq, peress li l-unika distinzjoni ammessa minn din il-leġiżlazzjoni kienet dejjem dik bejn sewwieq, minn naħa, u passiġġier jew terz vittma ieħor, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punti 27 sa 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
42 Barra minn hekk, xejn f’din l-evoluzzjoni leġiżlattiva ma juri li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jarmonizza l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur lil hinn mill-kopertura għad-danni kkawżati lil terzi u tali intenzjoni lanqas ma tirriżulta mid-Direttiva 2009/103. Billi l-premessa 21 tagħha tindika, barra minn hekk, li l-membri tal-familja tal-persuna assigurata, tax-xufier jew ta’ xi persuna oħra responsabbli għandhom jingħataw protezzjoni paragunabbli għal dik ta’ “partijiet terzi oħra”, f’kull każ fir-rigward tad-danni fiżiċi tagħhom. Bl-istess mod, il-premessa 23 ta’ din id-direttiva tirreferi għall-inklużjoni fil-kopertura ta’ assigurazzjoni ta’ “kull passiġġier fil-vettura” filwaqt li tippreċiża, essenzjalment, li n-natura fil-prinċipju ineffiċjenti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew ta’ klawżola kuntrattwali li teskludi l-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili f’dak li jirrigwarda l-“vittmi ta’ inċidenti” f’ċerti ċirkustanzi bl-ebda mod ma tippreġudika, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà li tista’ tiġi imputata lill-passiġġieri kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.
43 Il-kwistjoni tal-obbligu eventwali li jiġu koperti, permezz ta’ assigurazzjoni, id-danni subiti mis-sewwieq ta’ vettura waħda involuta f’inċident tat-traffiku tibqa’, konsegwentement, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, irregolata mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.
44 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-danni subiti mis-sewwieq tal-unika vettura involuta f’inċident tat-traffiku ma għandhomx ikunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur prevista minn din id-direttiva, anki meta passiġġier ikun intervjena fis-sewqan ta’ din il-vettura u meta dan l-intervent ikun ikkawża dan l-inċident.
Fuq it-tieni domanda
45 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
id-danni subiti mis-sewwieq tal-unika vettura involuta f’inċident tat-traffiku ma għandhomx ikunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur prevista minn din id-direttiva, anki meta passiġġier ikun intervjena fis-sewqan ta’ din il-vettura u meta dan l-intervent ikun ikkawża dan l-inċident.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.