SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Artikolu 6 – Konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew minħabba l-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, u mal-pubbliku kkonċernat – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali – Artikolu 6(3)(b) – Portata tal-kunċett ta’ ‘rapporti u pariri prinċipali’”
Fil-Kawża C‑461/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Asociación Autonómica Ambiental e Cultural Petón do Lobo
vs
Dirección Xeral de Planificación Enerxética e Recursos Naturais,
Eurus Desarrollo Renovables, SLU,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, E. Regan u J. Passer (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Asociación Autonómica Ambiental e Cultural Petón do Lobo, minn M. Díaz Amor, procuradora, u R.F. García Mondelo, abogado, |
|
– |
għad-Dirección Xeral de Planificación Enerxética Recursos Naturais, minn S. Centeno Huerta, abogada, u M. Pillado Quintáns, letrado, |
|
– |
għal Eurus Desarrollo Renovables SLU, minn M. J. Gandoy Fernández, procuradora, u Í. Muniozguren Martínez, abogado, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u P. Pérez Zapico, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll-Ehlers u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata mid-Direttiva 2014/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l‑Asociación Autonómica Ambiental e Cultural Petón do Lobo (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni Petón do Lobo”), assoċjazzjoni ambjentali, u, min-naħa l-oħra, id-Dirección Xeral de Planificación Enerxética e Recursos Naturais (id-Direttorat Ġenerali għall-Ippjanar tal-Enerġija u għar-Riżorsi Naturali) tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia (Spanja) u Eurus Desarrollo Renovable SLU dwar iċ-ċaħda tar-rikors ippreżentat minn din l-assoċjazzjoni kontra d-deċiżjoni li tagħti lil din il-kumpannija l-awtorizzazzjoni ta’ kostruzzjoni ta’ park eoliku. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 16 sa 19 tad-Direttiva SEA jipprovdu:
|
|
4 |
Il-premessi 31 sa 33 u 36 tad-Direttiva 2014/52 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva SEA jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]
|
|
6 |
Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva: “1. Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali, l-effetti sinifikattivi, diretti u indiretti, ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:
2. L-effetti msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-fatturi msemmija fih għandhom jinkludu l-effetti previsti, li ġejjin mill-vulnerabbiltà tal-proġett għar-riskji ta’ inċidenti kbar u/jew diżastri li huma rilevanti għall-proġett ikkonċernat.” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Fejn tkun meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, l-iżviluppatur għandu jħejji u jippreżenta rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. It-tagħrif li għandu jiġi provdut mill-iżviluppatur għandu tal-anqas jinkludi:
Fejn tkun inħarġet opinjoni skont il-paragrafu 2, ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandu jkun ibbażat fuq dik l-opinjoni u jinkludi tagħrif li jista’ jkun raġonevolment meħtieġ biex tintlaħaq konklużjoni motivata dwar l-effetti sinifikattivi tal-proġett fuq l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-għarfien u l-metodi attwali tal-valutazzjoni. L-iżviluppatur għandu, bil-ħsieb li jevita ripetizzjoni tal-valutazzjonijiet, jieħu kont tar-riżultati disponibbli ta’ valutazzjonijiet rilevanti oħra taħt il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fit-tħejjija tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. 2. Fuq talba tal-iżviluppatur, l-awtorità kompetenti, filwaqt li tqis it-tagħrif provdut mill-iżviluppatur b’mod partikolari dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-proġett, inklużi l-post u l-kapaċità teknika tiegħu u l-impatt li x’aktarx ikollu fuq l-ambjent, għandha tagħti opinjoni dwar l-ambitu u l-livell ta’ dettall tat-tagħrif li għandu jkun inkluż mill-iżviluppatur fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) qabel ma tagħti l-opinjoni tagħha. L-Istati Membri jistgħu jesiġu wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jagħtuhom opinjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu, irrispettivament minn jekk l-iżviluppatur jitlobx dan. 3. Sabiex jiġu żgurati l-kompletezza u kwalità tar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent:
4. L-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiżguraw li kull awtorità li jkollha f’idejha t-tagħrif rilevanti b’referenza partikolari għall-Artikolu 3, tagħmel dan it-tagħrif disponibbli lill-iżviluppatur.” |
|
8 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet li x’aktarx ikunu kkonċernati mill-proġett minħabba r-responsabilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jew fl-ambitu tal-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornut mill-iżviluppatur u dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp, filwaqt li jittieħed kont, fejn ikun xieraq, tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8a(3). Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati, jew f’termini ġenerali jew fuq il-bażi ta’ każ b’każ. It-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5 għandu jintbagħat lil dawk l-awtoritajiet. Għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri arranġamenti dettaljati għall-konsultazzjoni. 2. Bil-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effikaċi tal-pubbliku kkonċernat fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-pubbliku għandu jiġi infurmat dwar il-materji li ġejjin b’mod elettroniku u b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra xierqa kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ raġonevolment jiġi pprovdut:
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:
4. Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp. […] 6. Għandhom jiġu pprovduti termini ta’ żmien raġonevoli għall-fażijiet differenti, li jippermettu żmien biżżejjed biex:
7. It-termini ta’ żmien sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat dwar ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent imsemmi fl-Artikolu 5(1) ma għandhomx ikunu iqsar minn 30 jum.” |
|
9 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu: “2. Jekk Stat Membru li jirċievi t-tagħrif skont il-paragrafu 1 jindika li jkun beħsiebu jieħu sehem fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2), l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu, jekk ma jkunx diġà għamel hekk, jibgħat lill-Istat Membru affettwat it-tagħrif meħtieġ li jingħata skont l-Artikolu 6(2) u li jkun sar disponibbli skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(3). 3. L-Istati Membri kkonċernati, kull wieħed sa fejn jirrigwarda lilu, għandhom ukoll:
[…] 5. L-arranġamenti dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, inkluż l-iffissar ta’ termini ta’ żmien għall-konsultazzjonijiet, għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri kkonċernati, abbażi tal-arranġamenti u t-termini ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 6(5) sa (7) u għandhom ikunu tali li jippermettu lill-pubbliku kkonċernat fit-territorju tal-Istat Membru affettwat li jipparteċipa b’mod effikaċi fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 2(2) għall-proġett.” |
Id-dritt Spanjol
|
10 |
L-Artikolu 33(1) tal-Ley estatal 21/2013 de evaluación ambiental (il‑Liġi 21/2013 dwar l-Evalwazzjoni Ambjentali), tad-9 ta’ Diċembru 2013 (BOE Nru 296, tal-11 ta’ Diċembru 2013, p. 98151), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 21/2013”), huwa fformulat kif ġej: “L-evalwazzjoni ordinarja tal-effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi l-istadji li ġejjin:
|
|
11 |
L-Artikolu 35(1) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(6), l-iżviluppatur għandu jħejji l-istudju tal-effetti fuq l-ambjent li jinkludi, tal-inqas, l-informazzjoni li ġejja, kif speċifikata fl-Anness VI:
|
|
12 |
L-Artikolu 36 tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. L-iżviluppatur għandu jippreżenta l-proġett u l-istudju tal-effetti fuq l-ambjent lill-korp materjalment kompetenti, li jissottomettihom għall-informazzjoni pubblika matul perijodu ta’ mill-inqas 30 jum ta’ xogħol wara avviż fil-Boletín Oficial del Estado [il-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat] jew fil-ġurnal uffiċjali xieraq u fuq is-sit tal-internet tiegħu. Din l-informazzjoni pubblika ssir fi stadju tal-proċedura materjali ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett fejn ikunu previsti l-għażliet kollha li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-kontenut, tal-portata u tad-definizzjoni tal-proġett. […] 2. Fl-avviż ta’ ftuħ tal-informazzjoni pubblika, il-korp materjalment kompetenti jew, jekk ikun il-każ, il-korp kompetenti fil-qasam tal-ambjent għandu jinkludi sommarju tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett, li għandu jinkludi, tal-inqas, l-informazzjoni li ġejja:
3. Il-korp materjalment kompetenti jew, skont il-każ, il-korp kompetenti fil-qasam tal-ambjent, għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li d-dokumenti li għandhom ikunu suġġetti għal informazzjoni pubblika jiġu ċċirkulati b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ lill-pubbliku, permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jew oħra.” |
|
13 |
L-Artikolu 37 tal-Liġi 21/2013 jipprevedi: “1. Flimkien mal-fażi tal-informazzjoni pubblika, il-korp materjalment kompetenti għandu jikkonsulta mal-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati u l-persuni interessati dwar kwalunkwe effetti sinjifikattivi tal-proġett, inkluża l-analiżi ta’ effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent li jistgħu jirriżultaw mill-vulnerabbiltà tal-proġett għar-riskji ta’ inċidenti kbar jew diżastri li jaffettwaw il-proġett. […] 2. Il-korp materjalment kompetenti għandu jitlob b’mod obbligatorju r-rapporti li ġejjin, li għandhom ikunu debitament motivati:
Fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, il-komunitajiet awtonomi jistgħu jiddikjaraw obbligatorju kull rapport ieħor li ma huwiex fost dawk imsemmija hawn fuq. 3. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru permezz ta’ notifika li jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
Il-konsultazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati u tal-persuni kkonċernati għandha ssir b’mod elettroniku, permezz ta’ avviż jew bi kwalunkwe mezz ieħor, sakemm tiġi prodotta l-prova taż-żamma tal-konsultazzjoni. 4. L-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati u l-persuni interessati għandhom terminu massimu ta’ 30 jum tax-xogħol minn meta jirċievu n-notifika sabiex joħorġu r-rapporti u jifformulaw l-osservazzjonijiet li huma jqisu rilevanti. 5. Il-korp materjalment kompetenti għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati u tal-persuni interessati l-informazzjoni minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 3 li tista’ tinkiseb biss wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ informazzjoni pubblika msemmi fl-Artikolu 36 u li hija rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġett.” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 38(2) tal-Liġi 21/2013: “Jekk, bħala konsegwenza tal-fażi ta’ informazzjoni pubblika u ta’ konsultazzjonijiet mal-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati u mal-persuni interessati, l-iżviluppatur jippreżenta għall-proġett jew għall-istudju tal-effetti fuq l-ambjent modifiki li jimplikaw effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent differenti minn dawk inizjalment previsti, għandha tiġi implimentata fażi ġdida ta’ informazzjoni pubblika u ta’ konsultazzjonijiet skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 36 u 37, li, fi kwalunkwe każ, tippreċedi l-istabbiliment tad-dikjarazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 41(1) tal-Liġi 21/2013, “[i]l-korp kompetenti fil-qasam tal‑ambjent, ladarba tintemm l-analiżi teknika tal-fajl ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jistabbilixxi d-dikjarazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 41, din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari, “sommarju tar-riżultati tal-proċess ta’ informazzjoni pubblika u tal-konsultazzjonijiet mal-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati u mal-partijiet interessati u l-mod kif tqiesu”. |
|
16 |
L-Artikolu 33 tal-Ley autonómica gallega 8/2009 por la que se regula el aprovechamiento eólico en Galicia y se crean el canon eólico y el Fondo de Compensación Ambiental (il-Liġi tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia 8/2009 dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Użu Eoliku f’Galicia u l-Ħolqien tat-Tariffa Eolika kif ukoll tal-Fond ta’ Kumpens Ekoloġiku), tat-22 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 30, tal-4 ta’ Frar 2010, p. 9842), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 8/2009”), jipprevedi, fil-paragrafi 10 sa 12 u 15 tiegħu: “10. L-unità responsabbli mill-ipproċessar [tat-talba] għandha tissottometti għall-informazzjoni pubblika, simultanjament, il-proġett ta’ implimentazzjoni u l-istudju tal-effetti fuq l-ambjent fil-każ ta’ evalwazzjoni ambjentali ordinarja, permezz tal-pubblikazzjoni fid-“Diario Oficial de Galicia” [“il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia”] kif ukoll fuq is-sit tal-internet tal-ministeru reġjonali kompetenti fil-qasam tal-enerġija. […] 11. Matul il-perjodu stabbilit, kwalunkwe persuna, entità jew korp interessat jista’ jissottometti l-osservazzjonijiet li jqis xierqa jew jitlob li jiġu eżaminati l-fajl u d-dokumentazzjoni teknika, jew parti minn dik id-dokumentazzjoni miftiehma. L-osservazzjonijiet ippreżentati għandhom jiġu kkomunikati lill-applikant sabiex dan iwieġeb u jibgħat din it-tweġiba lill-unità li tkun qed tittratta [it-talba] f’terminu massimu ta’ ħmistax-il jum. 12. Simultanjament mal-miżura ta’ informazzjoni pubblika, l-unità inkarigata mill-ipproċessar [tat-talba] għandha tipproċedi bil-miżuri ta’ smigħ u ta’ konsultazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kkonċernati u tal-persuni interessati, billi titlob, tal-inqas, ir-rapporti obbligatorji intiżi għall-finijiet tal-evalwazzjoni ambjentali, u billi tagħti lill-muniċipalitajiet ikkonċernati l-possibbiltà li jinstemgħu. […] 15. Ir-rapporti u l-osservazzjonijiet riċevuti għandhom jintbagħtu mill-unità li tipproċessa [t-talba] lill-iżviluppatur sabiex dan jikkonforma ruħu magħhom u/jew jeħodhom inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tfassil tal-proġett ta’ implimentazzjoni u tal-istudju tal-effetti fuq l-ambjent, sabiex huwa jagħmel modifiki u adattamenti għal kull wieħed minn dawn id-dokumenti. L-iżviluppatur għandu jkollu terminu massimu ta’ xahar sabiex jippreżenta d-dokumenti definittivi adattati sabiex titkompla l-proċedura […]” |
|
17 |
L-Artikolu 34(1) tal-Liġi 8/2009 jipprovdi li “[m]eta l-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni tkun ġiet applikata u l-applikant ikun attesta l-aċċess għan-network tat-trasport jew tad-distribuzzjoni, skont il-każ, u l-ksib ta’ punt ta’ konnessjoni ma’ waħda minn dawn in-networks, id-direttorat ġenerali kompetenti fil-qasam tal-enerġija għandu jagħti deċiżjoni dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel u tal-awtorizzazzjoni amministrattiva ta’ kostruzzjoni tal-park eoliku f’terminu massimu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mir-riċezzjoni tad-dokumentazzjoni kompleta mill-korp kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar il-proċedura”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
18 |
Fit-22 ta’ Diċembru 2017, Eurus Desarrollos Renovables SLU talbet, fil-kwalità tagħha ta’ żviluppatur, mingħand l-awtoritajiet tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel u ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni tal-installazzjonijiet tal-park eoliku “A Raña III”, li jinsab fit-territorju tal-komun ta’ Mazaricos (Spanja). It-talba tagħha kienet akkumpanjata minn diversi dokumenti fosthom studju tal-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq l-ambjent previst fl-Artikolu 35 tal-Liġi 21/2013. |
|
19 |
Ladarba ġew stabbiliti r-rapporti preliminari, il-fażi ta’ informazzjoni pubblika nfetħet għal perijodu ta’ 30 jum, li ta lok għall-preżentazzjoni ta’ diversi osservazzjonijiet. |
|
20 |
Fl-istess ħin, l-organi kompetenti fl-oqsma, b’mod partikolari, tal-foresta, tal-ilma, tal-patrimonju naturali u kulturali, tat-turiżmu, tas-saħħa, tal-enerġija elettrika u tas-sigurtà tal-avjazzjoni ppreżentaw ir-rapporti tagħhom skont l-Artikolu 37 tal-Liġi 21/2013. |
|
21 |
Fis-17 ta’ Ġunju 2022, id-Dirección Xeral de Calidade Ambiental, Sostibilidade e Cambio Climático (id-Direttorat Ġenerali għall-Kwalità Ambjentali, għas-Sostenibbiltà u għall-Bidla fil-Klima) tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia stabbilixxa d-dikjarazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent prevista fl-Artikolu 41 tal-Liġi 21/2013. |
|
22 |
Wara preżentazzjoni minn Eurus Desarrollos Renovables tad-dokumentazzjoni teknika li ntalbet minnha, id-Direttorat Ġenerali għall-Ippjanar tal-Enerġija u għar-Riżorsi Naturali tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia tatha, fit-30 ta’ Ġunju 2022, l-awtorizzazzjonijiet mitluba. |
|
23 |
It-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, hija adita b’rikors ippreżentat mill-assoċjazzjoni Petón do Lobo kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tar-rikors amministrattiv tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2022. |
|
24 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tar-rikors tagħha, din l-assoċjazzjoni tinvoka motiv għal annullament ibbażat fuq l-assenza ta’ sottomissjoni tal-proġett finalment awtorizzat għall-informazzjoni lill-pubbliku u tirreferi, f’dan ir-rigward, għal sentenza tal-14 ta’ Jannar 2022 tal-qorti tar-rinviju. F’dik is-sentenza, din tal-aħħar qieset, f’kawża analoga u abbażi tal-istess leġiżlazzjoni tal-Istat u tal-komunità awtonoma, li, sa fejn din il-leġiżlazzjoni kienet tonqos milli tipprevedi t-trażmissjoni tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 37 tal-Liġi 21/2013 lill-persuni kkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, hija kienet tikser ir-rekwiżit ta’ informazzjoni lill-pubbliku previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva SEA. |
|
25 |
L-imsemmija sentenza ġiet invalidata permezz ta’ sentenza tas-Sala de lo Contencioso-Administrativo del Tribunal Supremo (l-Awla tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Qorti Suprema, Spanja), tal-21 ta’ Diċembru 2023, minħabba, b’mod partikolari, li d-Direttiva SEA kienet toffri lill-Istati Membri diversi għażliet proċedurali fir-rigward tal-mument li fih kien opportun li tingħata l-informazzjoni lill-pubbliku kkonċernat u li jsiru l-konsultazzjonijiet tal-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn dan il-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li l-korpi li jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ proġetti li għandhom effetti fuq l-ambjent huma obbligati, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA, li jieħdu tliet miżuri preliminari. L-ewwel tnejn, li l-ordni kronoloġika tat-twettiq tagħhom ma hijiex stabbilita, jikkonsistu fl-għoti lill-pubbliku inġenerali tal-possibbiltà li jinstema’ fuq il-proġett u fil-ġbir tar-rapporti tal-korpi kompetenti f’diversi oqsma. It-tielet waħda ssir iktar tard u tikkonsisti fil-komunikazzjoni tar-rapporti u tal-pariri prinċipali ta’ dawn l-organi lill-pubbliku kkonċernat sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. |
|
27 |
Fil-fatt, din il-qorti tqis li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva SEA huwa ċar, jiġifieri li huma għandhom jiggarantixxu li dawn ir-rapporti prinċipali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat sabiex dan ikun jista’ jeżerċita d-dritt, mogħti lilu mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li jippreżenta, f’terminu ta’ mill-inqas 30 jum, l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq l-ambjent. |
|
28 |
L-imsemmija qorti tqis li r-rapporti msemmija fl-Artikolu 37(2) tal-Liġi 21/2013 jaqgħu taħt l-espressjoni “ir-rapporti u l-pariri prinċipali” li tinsab fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva SEA, peress li l-kontenut ta’ dawn ir-rapporti għandu effett dirett u sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent, peress li l-imsemmija rapporti jipprovdu informazzjoni teknika prezzjuża prodotta mill-amministrazzjonijiet speċjalizzati fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Informazzjoni essenzjali u rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ proġett li jista’ jkollu “effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent”, fis-sens tad-Direttiva SEA, tirriżulta, tal-inqas, mill-kontenut tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 37(2)(a) sa (g) u (i) tal-Liġi 21/2013. |
|
29 |
Madankollu, il-Liġi 21/2013 ma tipprevedix miżura sussegwenti għar-riċezzjoni ta’ dawn ir-rapporti li toffri lill-pubbliku kkonċernat opportunità reali li jipparteċipa fil-proċess ta’ evalwazzjoni. L‑Artikolu 37(5) tal-Liġi 21/2013 ma jsolvix din il-lakuna, peress li ma jidentifikax b’mod ċar l-informazzjoni msemmija u jipprevedi biss, fir-rigward tagħha, sempliċi “tqegħid għad-dispożizzjoni” u mhux proċedura reali li tippermetti li tiġi implimentata l-fakultà “li jesprimi kummenti u opinjonijiet” irrikonoxxuta lill-pubbliku kkonċernat mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva SEA. |
|
30 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikoli 36 sa 38 tal-Liġi 21/2013 kif ukoll l-Artikoli 33 u 34 tal-Liġi 8/2009 setgħu ma ttrasponewx b’mod korrett ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva SEA. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
32 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2024, Asociación Petón do Lobo (C‑461/24, EU:C:2024:758), it-talba tal-qorti tar-rinviju li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda. Permezz tal-istess deċiżjoni, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza trattament prijoritarju għal din il-kawża, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq id-domandi preliminari
|
33 |
Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva SEA, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3)(b) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett suġġett għal din id-direttiva, l-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn dan il-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew minħabba l-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, għandhom jiġu kkonsultati fl-istess ħin bħall-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun sussegwentement awtorizzat jibgħat, lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jawtorizzaw l-imsemmi proġett, l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu dwar l-opinjonijiet mogħtija f’dan il-kuntest mill-awtoritajiet ikkonsultati. |
|
34 |
Skont l-Artikolu 1(2)(g)(ii) tad-Direttiva SEA, il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandu jinkludi “it-twettiq ta’ konsultazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 6, fejn applikabbli, l-Artikolu 7”. |
|
35 |
Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA, għandhom jiġu kkonsultati, minn naħa, l-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, u, min-naħa l-oħra, il-pubbliku kkonċernat. |
|
36 |
Id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jiġi kkonsultat jikkostitwixxi element essenzjali tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst mid-Direttiva SEA. |
|
37 |
Fil-fatt, kif speċifikat fil-premessa 16 tad-Direttiva SEA, il-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet tippermetti lil dan tal-aħħar jesprimi opinjonijiet u tħassib, li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjonijiet inkwistjoni, u lil min jieħu d-deċiżjoni li jqis dawn l-opinjonijiet u tħassib, b’mod li tali parteċipazzjoni tiffavorixxi l-osservanza tal-obbligu ta’ kontabbiltà u ta’ trasparenza tal-proċess deċiżjonali u tikkontribwixxi sabiex il-pubbliku jkun konxju mill-problemi tal-ambjent u d-deċiżjonijet meħuda jkunu jistgħu jiksbu s-sostenn pubbliku. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA jipprevedi, qabelxejn, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, li sensiela ta’ informazzjoni dwar il-proġetti suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha, skont il-każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku jew imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu“kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet […] u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli”. Sussegwentement, dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, “[i]l-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet […] u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp”. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 7 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li t-terminu stabbilit sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva SEA ma jistax ikun iqsar minn 30 jum. |
|
39 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li kemm il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-informazzjoni li sservi ta’ bażi għal din il-parteċipazzjoni, fl-ambitu tal-proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti suġġetti għad-Direttiva SEA, kif ukoll il-possibbiltà mogħtija lill-pubbliku kkonċernat li jesprimi osservazzjonijiet u opinjonijiet dwar din l-informazzjoni u, b’mod iktar globali, dwar il-proġett ikkonċernat u dwar l-effetti ambjentali tiegħu għandhom jitwettqu fi stadju bikri u, fi kwalunkwe każ, qabel it-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Namur-Est Environnement,C‑463/20, EU:C:2022:121, punti 70 u 71). |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija parteċipazzjoni għandha tkun effettiva, u dan jimplika li l-pubbliku għandu jkun jista’ jesprimi ruħu mhux biss b’mod utli u komplet dwar il-proġett ikkonċernat kif ukoll dwar l-effetti ambjentali tiegħu, iżda wkoll f’mument meta l-għażliet kollha jkunu possibbli (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Namur‑Est Environnement, C‑463/20, EU:C:2022:121, punt 72). |
|
41 |
Fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva SEA, jipprevedi, essenzjalment, li dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni pprovduta mill-iżviluppatur u dwar it-talba għal awtorizzazzjoni. |
|
42 |
B’dan premess, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva SEA ma jippreċiżax f’liema stadju tal-proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti suġġetti għal din id-direttiva għandha ssir il-konsultazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, għall-kuntrarju, li l-modalitajiet ta’ din il-konsultazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. |
|
43 |
Il-mument ta’ tali konsultazzjoni lanqas ma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu 6. B’mod partikolari, il-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għall-konsultazzjonijiet, minn naħa, tal-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, u, min-naħa l-oħra, tal-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma jindika l-ordni li fiha dawn il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu. |
|
44 |
Tali preċiżazzjoni la tinsab fl-Artikolu 1(2)(g)(ii) tad-Direttiva SEA, u lanqas, barra minn hekk, fir-rigward tal-konsultazzjonijiet li għandhom jitwettqu, fejn applikabbli, fi Stat Membru ieħor li jista’ jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv minn proġett, fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva. |
|
45 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva SEA ma jsemmix, fost l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-pubbliku jew imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat, l-opinjonijiet ifformulati, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 6, mill-awtoritajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Bl-istess mod, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva SEA ma jipprovdix li l-pubbliku kkonċernat huwa awtorizzat jibgħat, lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jawtorizzaw il-proġett, osservazzjonijiet jew opinjonijiet dwar l-opinjonijiet espressi, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, mill-awtoritajiet hemm imsemmija. |
|
46 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva SEA, li jirreferi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat tar-“rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti”, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni lanqas ma tirreferi għall-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, iżda tirreferi, għall-kuntrarju, għad-dritt tal-Istati Membri. |
|
47 |
Barra minn hekk, għalkemm, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva SEA, il-kunċett ta’ “rapporti u pariri mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti”, li jinsab fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva SEA, jista’ jkopri d-dokumenti kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali tal-proġett inkwistjoni, li din l-awtorità jew dawn l-awtoritajiet ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li l-portata ta’ dan l-Artikolu 6(3)(b) hija limitata għar-rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti “fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku kkonċernat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu”. |
|
48 |
Għaldaqstant, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li, konformement mad-dritt nazzjonali, l-iktar opinjonijiet rilevanti fformulati, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva SEA, mill-awtoritajiet ikkonċernati msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jistgħu, skont il-paragrafu 3(b) ta’ dan l-Artikolu 6, ikollhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku kkonċernat meta dawn l-opinjonijiet ikunu ngħataw lill-awtoritajiet kompetenti fil-mument meta dan tal-aħħar ikun ġie informat, lanqas ma jista’ jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li l-imsemmija opinjonijiet għandhom, fi kwalunkwe każ, jagħmlu parti mill-informazzjoni li sservi ta’ bażi għall-konsultazzjoni tal-pubbliku kkonċernat. |
|
49 |
Għalhekk, mill-kliem tad-Direttiva SEA la jirriżulta li l-konsultazzjoni, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tal-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew tal-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, għandha sseħħ qabel dik tal-pubbliku kkonċernat u lanqas li dan tal-aħħar għandu, fi kwalunkwe każ, ikun awtorizzat jibgħat, lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jawtorizzaw il-proġett, osservazzjonijiet u opinjonijiet dwar l-opinjonijiet ifformulati, skont dan l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, mill-awtoritajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni. |
|
50 |
Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jwettqu l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, minn naħa, u mal-pubbliku kkonċernat, min-naħa l-oħra, fl-istess ħin u mingħajr ma dan tal-aħħar ikun sussegwentement awtorizzat jibgħat, lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jawtorizzaw l-imsemmi proġett, l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu dwar l-opinjonijiet mogħtija f’dan il-kuntest mill-awtoritajiet ikkonsultati, bħalma kien il-każ f’dan il-każ. |
|
51 |
Sa fejn il-premessi 16 sa 19 tad-Direttiva 2011/92 jenfasizzaw l-għan ta’ parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, għandu jingħad ukoll li mill-kliem tal-Artikolu 6(2) u (4) u (6)(b) kif ukoll tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva SEA jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni dan l-għan fil-formulazzjoni ta’ dawn l-artikoli, mingħajr madankollu ma eżiġa espressament li l-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom jiġu kkonsultati qabel il-pubbliku kkonċernat jew li dan tal-aħħar ikun awtorizzat jibgħat, lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jawtorizzaw dan il-proġett, l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu dwar l-opinjonijiet mogħtija f’dan il-kuntest mill-awtoritajiet ikkonsultati. |
|
52 |
Barra minn hekk, fl-Artikolu 6(7) tad-Direttiva SEA, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel ir-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ mill-inqas 30 jum li għandu jkollu l-pubbliku kkonċernat, fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-konsultazzjoni tiegħu. Dan jindika li, f’għajnejn dan il-leġiżlatur, hija din ir-relazzjoni li hija essenzjali għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
|
53 |
Barra minn hekk, mill-premessi 31 sa 33 tad-Direttiva 2014/52 jirriżulta li, permezz tal-emendi li saru għall-Artikolu 5 u għall-Anness IV tad-Direttiva 2011/92, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li d-data u l-informazzjoni pprovduti mill-iżviluppatur fl-imsemmi rapport ikunu kompleti u ta’ kwalità suffiċjentement għolja u li, għal dan l-għan, l-esperti mitluba sabiex jippreparaw ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett suġġett għad-Direttiva SEA jkunu kkwalifikati u kompetenti. |
|
54 |
Minn dan jirriżulta li, sa fejn il-pubbliku kkonċernat għandu, għall-finijiet tal-konsultazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti suġġetti għad-Direttiva SEA, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva u fuq kollox, matul mill-inqas 30 jum, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imfassal konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva kif ukoll tal-Anness IV tagħha, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat tista’ titqies li hija effettiva. Mill-banda l-oħra, ma huwiex neċessarju, għal dan l-għan, li l-pubbliku kkonċernat ikun, fi kwalunkwe każ, awtorizzat jesprimi ruħu, fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, ukoll dwar l-opinjonijiet ifformulati, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva SEA, mill-awtoritajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
|
55 |
Barra minn hekk, kif enfasizzaw, essenzjalment, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, soluzzjoni kuntrarja tista’ tirriżulta eċċessivament oneruża għall-amministrazzjonijiet nazzjonali kkonċernati u ttawwal il-proċedura, b’mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan ta’ proċess deċiżjonali effettiv imsemmi fil-premessa 36 tad-Direttiva 2014/52. |
|
56 |
B’dan premess, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva SEA jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4, l-informazzjoni rilevanti minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 6, li għandha ssir disponibbli wara li l-pubbliku kkonċernat ikun ġie informat skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li d-Direttiva SEA ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett suġġett għal din id-direttiva, l-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn dan il-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, għandhom jiġu kkonsultati fl-istess ħin bħall-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun sussegwentement awtorizzat jibgħat, lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jawtorizzaw l-imsemmi proġett, l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu dwar l-opinjonijiet mogħtija f’dan il-kuntest mill-awtoritajiet ikkonsultati. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata mid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett suġġett għal din id-direttiva, l-awtoritajiet li jistgħu jkunu kkonċernati minn dan il-proġett, minħabba r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-ambjent jew il-kompetenzi lokali u reġjonali tagħhom, għandhom jiġu kkonsultati fl-istess ħin bħall-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun sussegwentement awtorizzat jibgħat, lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jawtorizzaw l-imsemmi proġett, l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu dwar l-opinjonijiet mogħtija f’dan il-kuntest mill-awtoritajiet ikkonsultati. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.