Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
5 ta’ Marzu 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 30a – Kunsinna ta’ oġġetti – Kunċett ta’ ‘vawċer’ – Klassifikazzjoni – Programm ta’ lealtà tal-klijenti fil-forma ta’ punti mogħtija abbażi ta’ xiri preċedenti – Punti li mbagħad ikunu jistgħu jiġu skambjati ma’ prodotti ta’ valur żgħir”
Fil-Kawża C‑436/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Skatteverket
vs
Lyko Operations AB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-iSkatteverket, minn K. Alvesson,
– għal Lyko Operations AB, minn R. Lyko,
– għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u W. Roels, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 30a u 73a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1065 tas‑27 ta’ Ġunju 2016 (ĠU 2016, L 177, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iSkatteverket (l-Amministrazzjoni Fiskali, l-Isvezja) u Lyko Operations AB, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Svediża, dwar deċiżjoni fiskali dwar it-trattament għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ programm ta’ lealtà tal-klijenti li kien ippjanat minn din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 1, 2, 4 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1065 tas-27 ta’ Ġunju 2016 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trattament tal-vawċers huma fformulati kif ġej:
“(1) Id-Direttiva [2006/112] tistabbilixxi r-regoli dwar il-ħin u l-post tal-forniment ta’ oġġetti u servizzi, l-ammont taxxabbli, l-imponibilità [tal-VAT] u d-dritt għal tnaqqis. Madankollu, dawk ir-regoli mhumiex ċari jew kompluti biżżejjed sabiex jiżguraw il-konsistenza fit-trattament tat-taxxa ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu vawċers, sa punt li għandu konsegwenzi mhux mixtieqa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
(2) Biex jiġi żgurat trattament ċert u uniformi, sabiex ikun konsistenti mal-prinċipji ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum li tkun eżattament proporzjonata mal-prezz tal-oġġetti u s-servizzi, biex jiġu evitati l-inkonsistenzi, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, it-tassazzjoni doppja jew in-nontassazzjoni u biex jitnaqqas ir-riskju tal-evażjoni tat-taxxa, hemm il-ħtieġa għal regoli speċifiċi li japplikaw għat-trattament tal-vawċers għall-finijiet tal-VAT.
[...]
(4) Huma biss dawk il-vawċers li jistgħu jintużaw biex jissarrfu f’oġġetti jew servizzi li għandhom ikunu fil-mira ta’ dawn ir-regoli. Madanakollu, strumenti li jintitolaw lit-titolar għal skont fuq xiri ta’ oġġetti jew servizzi iżda li ma jagħtu l-ebda dritt li wieħed jirċievi tali oġġetti jew servizzi, m’għandhomx ikunu fil-mira ta’ dawn ir-regoli.
[...]
(6) Sabiex jiġi identifikat b’mod ċar x’jikkostittwixxi vawċer għall-finijiet tal-VAT u biex issir distinzjoni bejn il-vawċers u l-istrumenti tal-ħlas, huwa meħtieġ li l-vawċers, li jista’ jkollhom forma fiżika jew elettronika, jiġu definiti, b’mod li jiġu rikonoxxuti l-attributi essenzjali tagħhom, partikolarment in-natura tad-dritt marbut ma’ vawċer u l-obbligu li jiġi aċċettat bħala korrispettiv għall-forniment tal-oġġetti jew servizzi.”
4 L-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) ‘vawċer’ tfisser strument fejn hemm obbligu li jiġi aċċettat bħala korrispettiv jew korrispettiv parzjali għal forniment ta’ oġġetti jew servizzi u fejn l-oġġetti jew is-servizzi li għandhom jiġu fornuti jew l-identitajiet tal-fornituri potenzjali tagħhom huma indikati jew fuq l-istrument innifsu jew f’dokumentazzjoni relatata, inklużi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ tali strument;
(2) ‘vawċer b’użu uniku’ tfisser vawċer fejn il-post tal-forniment tal-oġġetti jew servizzi li jirreferi għalihom il-vawċer, u l-VAT dovuta fuq dawk l-oġġetti jew is-servizzi, jkunu magħrufa fil-mument tal-ħruġ tal-vawċer;
(3) ‘vawċer b’użi multipli’ tfisser vawċer, għajr vawċer b’użu uniku.”
5 L-Artikolu 73a ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73, l-ammont taxxabbli tal-provvista tal-oġġetti jew is-servizzi pprovduti fir-rigward ta’ vawċer b’użi multipli għandu jkun daqs il-korrispettiv imħallas għall-vawċer jew, meta ma jkunx hemm informazzjoni dwar dak il-korrispettiv, il-valur monetarju indikat fuq il-vawċer b’użi multipli nnifsu jew fid-dokumentazzjoni relatata, li minnu jitnaqqas l-ammont tal-VAT relatat mal-oġġetti jew is-servizzi fornuti.”
Id-dritt Svediż
6 Il-mervärdesskattelagen (2023:200) (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (2023:200)) fiha dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-Artikoli 30a u 73a tad-Direttiva dwar il-VAT.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Lyko Operations tbigħ prodotti għall-kura tax-xagħar u tas-sbuħija fil-ħwienet u online. Din il-kumpannija qiegħda tippjana li tniedi programm ta’ lealtà tal-klijenti u talbet deċiżjoni fiskali mingħand l-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja) sabiex tikseb kjarifiki dwar il-mod kif tali programm ser jiġi ttrattat fir-rigward tal-VAT.
8 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan il-programm, il-klijenti ta’ Lyko Operations, li huma individwi, ser ikunu jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem f’dan il-programm mingħajr spejjeż addizzjonali. L-imsemmi programm jipprevedi li l-klijenti ser jirċievu punti għal kull xiri ta’ prodotti offruti għall-bejgħ b’mod permanenti, filwaqt li l-punti mbagħad ser ikunu jistgħu jiġu skambjati ma’ oġġetti f’post imsejjaħ “ħanut tal-punti”. Dan l-iskambju ser ikun jista’ jsir biss waqt xiri ġdid ta’ tali prodotti u l-assortiment ta’ dan il-ħanut ser jiġi aġġornat regolarment u ser jinkludi oġġetti li jagħmlu parti mill-assortiment ta’ prodotti offruti għall-bejgħ b’mod permanenti. Il-prodotti ser ikunu prinċipalment prodotti ta’ valur żgħir (ħlief f’każijiet eċċezzjonali, dan il-valur ma huwiex ser jaqbeż il‑500 krona Svediża (SEK), jiġifieri madwar EUR 50) u ser ikunu suġġetti għal rati ta’ VAT differenti (pereżempju, il-prodotti tas-sbuħija huma ntaxxati b’rata ta’ 25 % u s-supplimenti tal-ikel huma ntaxxati b’rata ta’ 12 %).
9 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-prezz ta’ kull prodott ser ikun iffissat f’punti u t-tarifikazzjoni ser tkun tali li l-klijenti ser ikunu jistgħu jiksbu prodotti mill-ħanut tal-punti li jkunu ekwivalenti għal madwar 2 sa 10 % tax-xiri inizjali tagħhom. Kull punt skambjat minn klijent ser ikun marbut mat-total tax-xiri tax-xahar li matulu jkun ġie ġġenerat il-punt. Il-punti ma humiex ser ikunu jistgħu jiġu skambjati għal flus jew mixtrija. Il-punti ser ikunu personali u ma humiex ser ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti. Barra minn hekk, il-prodotti ta’ dan il-ħanut ma humiex ser ikunu jistgħu jinkisbu b’kombinazzjoni ta’ punti u ta’ flus. Il-punti akkwistati ser jintilfu jekk ma jintużawx fi żmien sentejn.
10 F’dan il-kuntest, Lyko Operations staqsiet lill-Kummissjoni tad-Dritt Fiskal jekk il-programm ta’ lealtà kienx jinvolvi l-provvista ta’ “vawċer” lil dawn il-klijenti, u, b’mod iktar preċiż, ta’ “vawċer b’użi multipli”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT. Fl-affermattiv, hija xtaqet tkun taf ukoll il-mod kif kellu jiġi kkalkolat il-valur taxxabbli meta l-punti jiġu skambjati ma’ prodotti tal-ħanut tal-punti, f’sitwazzjoni fejn il-klijent ma kien ser jagħmel ebda ħlas speċifiku sabiex jikseb tali vawċer u fejn ebda valur monetarju ma kien ser jingħata lil dan il-vawċer. Skont Lyko Operations, iż-żewġ mistoqsijiet saru sabiex jinkisbu kjarifiki dwar sitwazzjoni li fiha hija kienet ser tikkunsinna merkanzija fl-Isvezja lil klijenti Svediżi.
11 Permezz ta’ deċiżjoni fiskali tas‑17 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali wieġbet li l-programm ta’ lealtà ma kienx jimplika t-trasferiment ta’ vawċers lill-klijenti peress li l-punti mogħtija fil-kuntest ta’ dan il-programm ma kellhomx valur monetarju ddeterminat u kienu jingħataw lill-klijent mingħajr ebda korrispettiv.
12 Din id-deċiżjoni fiskali kienet is-suġġett ta’ rikors minn naħa tal-Amministrazzjoni Fiskali u ta’ Lyko Operations quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din l-amministrazzjoni titlob li din id-deċiżjoni fiskali tiġi kkonfermata peress li, kuntrarjament għal vawċer, il-punti mogħtija fil-kuntest tal-programm ta’ lealtà joffru biss il-possibbiltà għall-klijent li jagħżel oġġett addizzjonali wara li jkun xtara oġġetti oħra għal ċertu ammont. Lyko Operations, min-naħa tagħha, titlob lil dik il-qorti temenda d-deċiżjoni fiskali u tiddikjara, minn naħa, li l-punti mogħtija lill-klijent fil-kuntest ta’ dan il-programm jikkostitwixxu vawċer u, min-naħa l-oħra, li l-valur taxxabbli għat-tranżazzjoni mwettqa waqt l-iskambju tal-punti huwa ta’ SEK 0.
13 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha għandhom opinjonijiet diverġenti dwar diversi punti f’dak li jirrigwarda ċerti aspetti tal-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ “vawċer”, stabbilita fl-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT, li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ħaditx pożizzjoni.
14 Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li sistema ta’ punti, bħal dik inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “vawċer” u tikkostitwixxi, kif jaqblu l-partijiet fit-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju, “vawċer b’użi multipli”, dik il-qorti tistaqsi dwar il-mod kif għandu jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73a tad-Direttiva dwar il-VAT.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Strument fil-forma ta’ punti – bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali – jikkostitwixxi vawċer kif iddefinit fl-Artikolu 30a tad-[Direttiva dwar il-VAT] meta l-punti jingħataw taħt programm ta’ lealtà tal-klijent[i] mfassal b’tali mod li klijent li jixtri prodotti jikseb punti skont id-daqs tax-xirja u sussegwentement ikun intitolat, meta jagħmel xirja futura, juża l-punti sabiex jikseb oġġetti addizzjonali mill-assortiment offert mill-bejjiegħ?
2) Jekk l-ewwel domanda għandha tingħata risposta [fl-affermattiv], kif għandha tiġi ddeterminata l-bażi tat-taxxa skont l-Artikolu 73a tad-Direttiva dwar il-VAT meta l-punti jintużaw sabiex jinkisbu prodotti mingħand il-bejjiegħ?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
16 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “vawċer” iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-għoti ta’ punti minn fornitur lill-klijenti tiegħu fil-kuntest ta’ programm ta’ lealtà tal-klijenti, li bis-saħħa tiegħu dawn il-punti jiġu ddeterminati skont l-ammont tax-xiri ta’ oġġetti u jintużaw minn dawn il-klijenti sabiex jiksbu oġġetti addizzjonali offruti għall-bejgħ minn dan il-fornitur waqt xiri ġdid mingħand dan tal-aħħar.
17 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-istrument ta’ għoti ta’ punti inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tislet il-kriterji li l-qorti tar-rinviju tista’ jew għandha tapplika għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Finanzamt O (Vawċers b’użu uniku), C‑68/23, EU:C:2024:342, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi lil qorti nazzjonali milli titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar tali klassifikazzjoni, kemm-il darba iżda l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess li jkollha quddiemha, tipproċedi għall-konstatazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-fatti neċessarji għal din il-klassifikazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Finanzamt O (Vawċers b’użu uniku), C‑68/23, EU:C:2024:342, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 B’dan premess, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza, id-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel l-emendi li jirriżultaw mid-Direttiva 2016/1065, ma kinitx tipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi, għall-finijiet tal-ġbir tal-VAT, li jirregolaw it-tranżazzjonijiet suġġetti għal din it-taxxa li fihom kienu jintużaw vawċers (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Finanzamt O (Vawċers b’użu uniku), C‑68/23, EU:C:2024:342, punt 29).
20 Mill-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2016/1065 jirriżulta li kien sabiex tiġi rrimedjata d-diversità tas-soluzzjonijiet użati mill-Istati Membri, li jistgħu, b’mod partikolari, joħolqu inkoerenzi, distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja jew ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta din id-direttiva, billi inkluda fit-test tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari, l-Artikoli 30a, 30b u 73a, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2019, bl-għan li jiġi ggarantit trattament uniformi u sigur tal-vawċers kif ukoll li jiġi osservat il-prinċipju ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum eżattament proporzjonali għall-prezz tal-oġġetti u tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Finanzamt O (Vawċers b’użu uniku), C‑68/23, EU:C:2024:342, punt 30).
21 B’hekk, il-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, vawċer bħala, strument, l-ewwel nett, li jkun marbut ma’ “obbligu li jiġi aċċettat bħala korrispettiv jew korrispettiv parzjali għal forniment ta’ oġġetti jew servizzi” u it-tieni nett, li fir-rigward tiegħu “l-oġġetti jew is-servizzi li għandhom jiġu fornuti jew l-identitajiet tal-fornituri potenzjali tagħhom huma indikati jew fuq l-istrument innifsu jew f’dokumentazzjoni relatata, inklużi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ tali strument”.
22 B’hekk, din id-definizzjoni ma tinkludix l-istrumenti kollha li normalment jissejħu “vawċers”, iżda tinkludi biss dawk li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, DSAB Destination Stockholm, C‑637/20, EU:T:2022:304, punt 21).
23 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda esklużivament il-kwistjoni ta’ jekk hijiex issodisfatta l-ewwel kundizzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT, jiġifieri jekk hemmx lok li jitqies li l-istrument inkwistjoni huwa marbut ma’ “obbligu li jiġi aċċettat bħala korrispettiv jew korrispettiv parzjali għal forniment ta’ oġġetti jew servizzi”, peress li t-tieni kundizzjoni, kif imfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, tidher li hija ssodisfatta, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha.
24 Sabiex strument partikolari jissodisfa din l-ewwel kundizzjoni, il-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi li dan l-istrument għandu jkun marbut ma’ “obbligu” għall-operatur li lilu jiġi ppreżentat l-istrument li jaċċettah bħala korrispettiv totali jew parzjali għal kunsinna ta’ oġġetti jew għal provvista ta’ servizzi.
25 Din il-kundizzjoni tfisser, kif tenfasizza l-premessa 4 tad-Direttiva 2016/1065, li huma esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ “vawċer”, fis-sens ta’ dan il-punt 1 tal-Artikolu 30a, l-istrumenti li ma jinkludux dritt għad-detentur tagħhom li jirċievi tali oġġetti jew servizzi iżda li, pereżempju, jippermettu biss lil dan tal-aħħar jibbenefika minn skont meta jwettaq xiri sussegwenti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi.
26 Kif tenfasizza l-premessa 6 tad-Direttiva 2016/1065, waħda mill-karatteristiċi essenzjali ta’ “vawċer”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT, hija għalhekk in-natura tad-dritt marbut miegħu u l-obbligu li jiġi aċċettat bħala korrispettiv għal kunsinna ta’ oġġetti jew għal provvista ta’ servizzi.
27 F’dan il-każ u fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-punti mogħtija lill-klijenti ta’ Lyko Operations skont l-ammont tax-xiri tagħhom għandhom jintużaw fil-ħanut tal-punti ta’ din tal-aħħar, flimkien ma’ xiri ġdid ta’ prodotti mingħandha, u jippermettu lil dawn il-klijenti jiksbu prodotti ta’ valur żgħir proposti għall-bejgħ minn din il-kumpannija.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 31 sa 33 tal-konklużjonijiet tagħha, tali punti ma jinkludu ebda obbligu għall-fornitur, li lilu jiġu ppreżentati, li jaċċettahom bħala korrispettiv għal kunsinna ta’ oġġetti. Dawn il-punti jawtorizzaw biss lid-detentur tagħhom, meta dan jiddeċiedi li jipproċedi għal xiri ġdid mingħand dan il-fornitur, li jikseb, bħala premju, oġġetti addizzjonali ta’ valur żgħir.
29 Sa fejn, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-istrument inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat bħala “vawċer”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT, dan l-istrument għaldaqstant la jista’ jikkostitwixxi “vawċer b’użu uniku” u lanqas “vawċer b’użi multipli”, fis-sens tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 30a ta’ din id-direttiva.
30 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “vawċer” iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix l-għoti ta’ punti minn fornitur lill-klijenti tiegħu fil-kuntest ta’ programm ta’ lealtà tal-klijenti, li bis-saħħa tiegħu dawn il-punti jiġu ddeterminati skont l-ammont tax-xiri ta’ oġġetti u jintużaw minn dawn il-klijenti sabiex jiksbu oġġetti addizzjonali proposti għall-bejgħ minn dan il-fornitur waqt xiri ġdid mingħand dan tal-aħħar, peress li l-imsemmija punti ma huma suġġetti għal ebda obbligu għall-fornitur li jaċċettahom bħala korrispettiv totali jew parzjali għal kunsinna ta’ oġġetti.
Fuq it-tieni domanda
31 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat‑tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
32 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kunċett ta’ “vawċer” iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 30a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1065 tas‑27 ta’ Ġunju 2016,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jinkludix l-għoti ta’ punti minn fornitur lill-klijenti tiegħu fil-kuntest ta’ programm ta’ lealtà tal-klijenti, li bis-saħħa tiegħu dawn il-punti jiġu ddeterminati skont l-ammont tax-xiri ta’ oġġetti u jintużaw minn dawn il-klijenti sabiex jiksbu oġġetti addizzjonali proposti għall-bejgħ minn dan il-fornitur waqt xiri ġdid mingħand dan tal-aħħar, peress li l-imsemmija punti ma huma suġġetti għal ebda obbligu għall-fornitur li jaċċettahom bħala korrispettiv totali jew parzjali għal kunsinna ta’ oġġetti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.