SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens tal-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Kundizzjonijiet – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Kunċett ta’ ‘miżuri raġonevoli’ sabiex tiġi evitata ċirkustanza straordinarja jew il-konsegwenzi ta’ tali ċirkustanza – Ajruplan milqut mis-sajjetti waqt titjira preċedenti u suġġett għal spezzjoni obbligatorja b’konsegwenza ta’ dan”
Fil-Kawża C‑399/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Airhelp Germany GmbH
vs
Austrian Airlines AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu Matei, S. Rodin, N. Piçarra (Relatur), u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal AirHelp Germany GmbH, minn E. Stanonik‑Palkovits, Rechtsanwältin, |
|
– |
għal Austrian Airlines AG, minn M. Brenner u M. Klemm, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AirHelp Germany GmbH (iktar ’il quddiem “AirHelp”) u Austrian Airlines AG, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil passiġġier li ġarrab dewmien twil tat-titjira tiegħu b’konnessjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjaraw:
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu: “1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom: [...]
[...] 3. Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.” |
|
5 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal: [...]
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
6 |
Passiġġier kellu riżervazzjoni waħda kkonfermata ma’ Austrian Airlines għal titjira b’konnessjoni li titlaq minn Iași (ir-Rumanija) b’destinazzjoni Londra-Heathrow (ir-Renju Unit), via Vjenna (l-Awstrija). L-ewwel titjira li tifforma dan l-itinerarju b’konnessjoni, li kellha tasal fi Vjenna fit‑8 ta’ Marzu 2022, fit‑15:50, waslet fid-destinazzjoni tagħha biss fl‑22:53, jiġifieri b’dewmien ta’ iktar minn seba’ sigħat. Bħala konsegwenza ta’ dan id-dewmien, dan il-passiġġier tilef it-titjira ta’ konnessjoni tiegħu u wasal Londra-Heathrow, id-destinazzjoni finali tiegħu, biss l-għada filgħodu. |
|
7 |
L-ajruplan inizjalment previst biex jopera t-titjira bejn Iași u Vjenna, waqt it-titjira preċedenti tiegħu, f’dan l-istess 8 ta’ Marzu 2022, ftit qabel l-inżul tiegħu f’Iași, taħt sħab ta’ tempesta, kien intlaqat mis-sajjetti. Wara spezzjoni preliminari tas-sigurtà, obbligatorja waqt tali avveniment, it-tekniċi kkonstataw il-ħsara viżibbli ta’ strument li jinsab fuq in-naħa esterna ta’ dan l-ajruplan, essenzjali għas-sigurtà tat-titjira u li jservi b’mod partikolari sabiex titkejjel il-pressjoni atmosferika. Din il-konstatazzjoni wasslet għal spezzjoni obbligatorja ta’ sigurtà fid-dettall ta’ dan l-ajruplan, u, konsegwentement, għaż-żamma ta’ dan l-ajruplan fl-art għal żmien indeterminat. |
|
8 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, Austrian Airlines iddeċidiet li tinnoleġġa, fl-istess jum, ajruplan ta’ sostituzzjoni minn Vjenna sabiex tkun tista’ topera t-titjira inkwistjoni għalkemm b’diversi sigħat ta’ dewmien. Fil-frattemp, f’Iași, madwar 40 minuta qabel it-tluq ta’ dan l-ajruplan minn Vjenna fis‑19:41, it-tekniċi awtorizzaw lill-ajruplan li ġarrab ħsarat minħabba s-sajjetti jtir mill-ġdid biss lejn Vjenna, sabiex hemmhekk, mal-wasla tiegħu, jiġi spezzjonat b’iktar dettall. |
|
9 |
Il-passiġġier ikkonċernat mid-dewmien ittrasferixxa l-kreditu potenzjali li rriżulta minn dan id-dewmien lil AirHelp, li adixxiet lill-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija) b’rikors intiż għall-kisba mingħand Austrian Airlines tal-kumpens ta’ EUR 400 imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004. Quddiem din il-qorti, AirHelp sostniet, minn naħa, li s-sajjetti ma jikkostitwixxux ċirkustanza straordinarja li tista’ teżenta lil trasportatur tal-ajru li jopera mill-obbligu tiegħu li jħallas il-kumpens previst minn dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, li Austrian Airlines ma kinitx ħadet il-miżuri raġonevoli kollha sabiex twassal lill-passiġġier ikkonċernat fid-destinazzjoni finali tiegħu fl-iqsar żmien possibbli. |
|
10 |
Min-naħa l-oħra, skont Austrian Airlines, kemm id-danni kkawżati lill-ajruplan mis-sajjetti li laqtuh kif ukoll l-ispezzjoni obbligatorja tas-sigurtà li għaliha dan l-ajruplan kien konsegwentement suġġett ma kinux tas-soltu u, f’dan ir-rigward, ma setgħu “la jiġu ppjanati u lanqas influwenzati”, u għalhekk għandhom jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, billi għażlet li tinnoleġġa ajruplan ta’ sostituzzjoni, Austrian Airlines żgurat l-iktar tkomplija tar-rotta rapida tal-passiġġier ikkonċernat minn Iași lejn id-destinazzjoni finali tiegħu u, għaldaqstant, ħadet il-miżuri raġonevoli kollha sabiex tirrimedja d-dewmien. |
|
11 |
Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2023, il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) ċaħdet ir-rikors ta’ AirHelp billi qieset, b’mod partikolari, li s-sajjetti kellhom jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(3). Skont din il-qorti, setgħet tiġi stabbilita rabta kawżali suffiċjenti bejn, minn naħa, is-sajjetti li laqtu l-ajruplan li opera t-titjira preċedenti u li kellu jopera wkoll it-titjira Iași-Vjenna u, min-naħa l-oħra, id-dewmien imġarrab mill-passiġġier ikkonċernat. L-imsemmija qorti qieset ukoll li, peress li n-nolleġġ ta’ ajruplan ta’ sostituzzjoni kien ippermetta lil Austrian Airlines tevita l-kanċellazzjoni tat-titjira Iași-Vjenna, li finalment ġiet operata, minkejja b’dewmien, fl-istess jum, kien raġonevoli li ma jinbidilx għal darb’oħra l-ajruplan għal dak li ġarrab ħsara mis-sajjetti, li, effettivament, kien ġie awtorizzat itir mill-ġdid mis‑19:00. |
|
12 |
Il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), li quddiemha AirHelp appellat minn din is-sentenza u li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima li hija għandha tiddeċiedi tiddependi mill-kjarifika, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-kwistjoni dwar jekk is-sajjetti jikkostitwixxux bħala prinċipju ċirkustanza straordinarja, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Din il-qorti tispjega li, fil-każ li s-sajjetti kellhom jiġu kklassifikati bħala ċirkustanza straordinarja, hija jkollha teżamina, b’mod komplementari, jekk Austrian Airlines ħaditx il-miżuri raġonevoli kollha sabiex tevita d-dewmien imġarrab mill-passiġġier ikkonċernat. |
|
13 |
L-imsemmija qorti ppreċiżat, barra minn hekk, li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tagħha, is-sajjetti jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(3). Madankollu, hija tipprevedi l-possibbiltà li titbiegħed minn din il-ġurisprudenza, li ma hijiex kondiviża minn qrati Awstrijaċi oħra, billi taċċetta li l-istat tal-atmosfera huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportaturi bl-ajru u li, konsegwentement, kundizzjonijiet atmosferiċi instabbli, inkluż il-beraq, kif ukoll id-danni lill-ajruplani li jirriżultaw minn dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu jaqgħu taħt l-isfera ta’ responsabbiltà ta’ dawn it-trasportaturi, b’differenza minn kolliżjoni ma’ għasfur, ikklassifikata bħala ċirkustanza straordinarja mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 24 tas-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342). |
|
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ‘ċirkustanza straordinarja’ meta l-ajruplan li kellu jopera t-titjira jkun intlaqat minn sajjetta waqt it-titjira immedjatament preċedenti, li wasslet għal kontroll tas-sigurtà obbligatorju minn persuni tekniċi ċċertifikati, bil-konsegwenza li l-ajruplan ġie rrilaxxat għas-servizz mill-ġdid biss madwar ħames sigħat wara t-tluq skedat?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
15 |
Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri impatt ta’ sajjetti fuq ajruplan li miegħu ikollha tiġi operata titjira, li jagħti lok għal spezzjonijiet obbligatorji ta’ dan l-ajruplan li jwasslu għar-rilaxx għas-servizz tardiv tiegħu. |
|
16 |
Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, trasportatur tal-ajru li jopera ma huwiex obbligat iħallas il-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jekk ikun jista’ juri li t-tħassir tat-titjira huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. |
|
17 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-Artikolu 5(3) japplika wkoll meta l-passiġġieri jġarrbu, mal-wasla, dewmien twil tat-titjira tagħhom, jiġifieri ta’ tul ta’ tliet sigħat jew iktar. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tippermetti lit-trasportaturi bl-ajru jinvokaw ċirkustanzi straordinarji fil-każ ta’ tali dewmien bil-għan li jevitaw li jħallsu l-kumpens mitlub taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
18 |
Peress li l-imsemmi Artikolu 5(3) jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri, u fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 261/2004 li huwa li jiġi żgurat, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, il-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji, għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna), C‑411/23, EU:C:2024:498, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
19 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li trasportatur tal-ajru li jopera jista’, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, jinvoka ċirkustanza straordinarja li tkun affettwat titjira preċedenti operata minnu stess permezz tal-istess ajruplan, bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses,C‑74/19, EU:C:2020:460, punti 53 u 54). |
|
20 |
Il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu, fejn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi u għandhom jiġu evalwati każ b’każ (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, TAP Portugal (Mewt tal-kopilota), C‑156/22 sa C‑158/22, EU:C:2023:393, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
Il-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004, li did-dawl tagħha għandu jinqara l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, jippreċiża li jistgħu jseħħu, b’mod partikolari, f’każijiet ta’ instabbiltà politika, ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mat-twettiq tat-titjira kkonċernata, ta’ riskji marbuta mas-sigurtà, ta’ nuqqasijiet mhux mistennija li jistgħu jaffettwaw s-sigurtà tat-titjira, kif ukoll ta’ strajkijiet li jkollhom effett fuq l-operazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru li jopera. |
|
22 |
F’dan il-każ, fir-rigward, qabel kollox, tal-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li avveniment bħall-impatt ta’ sajjetta fuq ajruplan, li wassal għal spezzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà tiegħu, ma jistax jitqies li huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru għas-sempliċi raġuni li l-istat tal-atmosfera huwa inerenti għal dan l-eżerċizzju u li l-ajruplani huma ddisinjati b’mod li jkunu jistgħu jirreżistu l-impatti ta’ sajjetti. Għaldaqstant, tali avveniment ma jistax, għal dawn ir-raġunijiet biss, jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament. |
|
23 |
Fil-fatt, f’din il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda fil-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” l-“kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni”, li taħtu jaqa’ b’mod partikolari r-riskju li ajruplan jintlaqat minn sajjetta. |
|
24 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-impatt minn sajjetta huwa, min-natura tiegħu, paragunabbli għal kolliżjoni ma’ entità esterna bħal għasfur, ikkategorizzata bħala ċirkustanza straordinarja mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 24). |
|
25 |
Barra minn hekk, meta l-ajruplan li jintlaqat mis-sajjetti għandu jkun suġġett għal spezzjonijiet ta’ sigurtà, irrispettivament minn jekk saritlux ħsara jew le, tali spezzjonijiet, li joriġinaw esklużivament mill-impatt ta’ sajjetti, ma jistgħux jitqiesu li huma intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-inġenju tal-ajru, anki jekk din is-sistema hija maħsuba sabiex tirreżisti s-sajjetti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 25, u tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 24). |
|
26 |
F’dan ir-rigward, impatt ta’ sajjetta fuq ajruplan, li b’konsegwenza tiegħu jsiru spezzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà, huwa b’mod partikolari differenti minn ħsara prematura u saħansitra mhux mistennija ta’ ċerti komponenti tal-ajruplan, li tikkostitwixxi, bħala prinċipju, avveniment intrinsiku marbut mas-sistema ta’ funzjonament ta’ dan l-ajruplan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punti 21 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-impatt ta’ sajjetti fuq ajruplan, li wassal għal spezzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà, jissodisfa l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. |
|
28 |
Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-assenza ta’ kontroll fuq iċ-ċirkustanzi invokati mit-trasportatur bl-ajru, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn l-avvenimenti li l-oriġini tagħhom hija “interna” u dawk li l-oriġini tagħhom hija “esterna” għat-trasportatur tal-ajru li jopera (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 39). |
|
29 |
Jaqgħu għalhekk taħt il-kunċett, “avvenimenti esterni”, dawk l-avvenimenti li jirriżultaw mill-attività tat-trasportatur bl-ajru u minn ċirkustanzi esterni, ftit jew wisq frekwenti fil-prattika, iżda li t-trasportatur bl-ajru ma jkollux kontroll fuqhom, għaliex dawn joriġinaw minn fatt naturali jew minn terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 41). |
|
30 |
F’dan il-kuntest, il-frekwenza tal-avveniment inkwistjoni ma hijiex fiha nnifisha element tali li jippermetti li jiġi konkluż jekk hemmx “ċirkustanzi straordinarji” jew le fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 36 u 37). |
|
31 |
Fir-rigward tal-punti preċedenti, l-impatt ta’ sajjetti fuq ajruplan, li jagħti lok għal spezzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà tiegħu, għandu jitqies bħala avveniment li joriġina minn fatt naturali li jaħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 26). |
|
32 |
Minn dan isegwi li t-tieni kundizzjoni kumulattiva sabiex ikun hemm “ċirkostanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, hija wkoll issodisfatta. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-klassifikazzjoni ta’ tali impatt ta’ sajjetta bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(3) tippermetti li jiġi żgurat l-imperattiv ta’ sigurtà tal-passiġġieri abbord ajruplan, li huwa għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004, hekk kif speċifikat fil-premessa 1 tiegħu, u li jimplika li t-trasportaturi bl-ajru ma għandhomx jiġu mħajra joqgħodu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa billi jiffavorixxu ż-żamma u l-puntwalità tat-titjiriet tagħhon fuq tali imperattiv ta’ sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 25; tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings,C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 28, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Finnair (Difett fid-disinn tat-tank tal-karburant), C‑385/23, EU:C:2024:497, punt 38). |
|
34 |
Fir-rigward tal-“miżuri raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, li tali trasportatur kellu jieħu sabiex jevita li jseħħu ċirkustanzi straordinarji, bħala kundizzjoni sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu li jħallas lill-passiġġier ikkonċernat il-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, hija ġurisprudenza stabbilita li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-miżuri li jistgħu jkunu imposti fuqu, bil-kundizzjoni li, fuq livell partikolarment tekniku u amministrattiv, tali miżuri jkunu jistgħu effettivament jiġu adottati, direttament jew indirettament, mingħajr ma jiġu imposti fuqu sagrifiċċji intollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu, u li, f’dan il-każ, l-imsemmi trasportatur ikun wera li dawn il-miżuri ttieħdu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 48). |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm miżuri preventivi, bħal miżuri ta’ evitar taż-żoni ta’ tempesta, jippermettu li jiġu evitati l-impatti tas-sajjetti, huwa partikolarment diffiċli, minkejja d-data meteoroloġika u l-itinerarji moderni, u kif tirrileva Austrian Airlines fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi eskluż totalment li wieħed jgħaddi minn uħud minn dawn iż-żoni. |
|
36 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-“miżuri raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tiegħu, li trasportatur bl-ajru kellu jieħu sabiex jevita d-dewmien jew il-kanċellazzjoni ta’ titjiriet b’konsegwenza ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati permezz ta’ miżuri raġonevoli bħal dawk imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija ġurisprudenza stabbilita li trasportatur bl-ajru li t-titjira tiegħu tkun ġarrbet dewmien twil jew li tkun ġiet ikkanċellata minħabba l-okkorrenza ta’ tali ċirkustanzi jkun għadu jrid jistabbilixxi, sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li, anki jekk juża l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu, huwa manifestament ma kienx jista’, mingħajr ma jagħmel sagrifiċċji intollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, jevita li dawn iċ-ċirkustanzi li kien qiegħed jaffaċċja jwasslu għall-kanċellazzjoni jew għal dewmien twil ta’ din it-titjira (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punti 28 u 29, kif ukoll tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 19). |
|
37 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali u tal-provi prodotti mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat, jekk dan, mingħajr ma jbati sagrifiċċji intollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti, adottax tali miżuri, b’mod partikolari billi implimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura tkomplija tar-rotta, li tkun raġonevoli, sodisfaċenti u fl-iqsar żmien possibbli, tal-passiġġier affettwat minn dewmien twil jew kanċellazzjoni ta’ titjira, konformement, b’mod partikolari, mal-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, imsemmi fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri impatt ta’ sajjetti fuq ajruplan li permezz tiegħu ikollha tiġi operata titjira, li jagħti lok għal spezzjonijiet obbligatorji ta’ sigurtà ta’ dan l-ajruplan li jwasslu għar-rilaxx għas-servizz tardiv tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri impatt ta’ sajjetti fuq ajruplan li permezz tiegħu ikollha tiġi operata titjira, li jagħti lok għal spezzjonijiet obbligatorji ta’ sigurtà ta’ dan l-ajruplan li jwasslu għar-rilaxx għas-servizz tardiv tiegħu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.