SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tuża n-Nomenklatura Magħquda sabiex tiddelimita l-kategorija ta’ oġġetti suġġetti għal rata mnaqqsa – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi tariffarji – Intestatura 4902 – Portata – Kunċett ta’ ‘pubblikazzjonijiet perijodiċi stampati’ – Kotba li fihom logħob tas-sudoku tan-numri u ppubblikati perijodikament – Assenza ta’ test kompost prinċipalment minn karattri alfabetiċi”
Fil-Kawża C‑375/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Berlin-Brandebourg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura
Keesing Deutschland GmbH
vs
Finanzamt für Körperschaften II,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u M. Condinanzi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Keesing Deutschland GmbH, minn C. Höink, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland, A. Demeneix u B.‑R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura tariffarja 4902 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal-11 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 273, p. 1) (iktar ’il quddiem in‑“NM”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ newtralità fiskali. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Keesing Deutschland GmbH u l-Finanzamt für Körperschaften II (iċ-Ċentru tal-Finanzi Pubbliċi għall-Persuni Ġuridiċi II, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il‑“Finanzamt”) dwar id-determinazzjoni tar-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li għandha tiġi applikata għall-kunsinna ta’ kotba li jinkludu logħob tas-sudoku tan-numri. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Ħolqien tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, konkluża Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”). In-noti ta’ spjega tas-SA saru fi ħdan il-WCO skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, l-anness ta’ din il-konvenzjoni, li fih tinsab is-SA, jagħmel parti integrali mill-imsemmija konvenzjoni u kull riferiment għaliha japplika wkoll għal dan l-anness. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-istess konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat, b’mod partikolari, li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, l-ewwel, billi tuża l-intestaturi u s‑subintestaturi kollha tas-SA, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet numeriċi konnessi magħhom, it-tieni, billi tapplika kemm ir‑regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi mingħajr ma tibdel il-portata tagħhom u, it-tielet, billi ssegwi l-ordni numeriku tas-SA. |
|
6 |
Il-formula finali tal-Konvenzjoni dwar is-SA tippreċiża li t-testi bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Ingliża ta’ din il-konvenzjoni huma ugwalment awtentiċi. |
|
7 |
Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 49 tas-SA huma fformulati kif ġej: “Ħlief għal xi eċċezzjonijiet rari msemmija iktar ’il quddiem, dan il-kapitolu jkopri l-oġġetti kollha li r-raġuni tal-eżistenza tagħhom hija ddeterminata mill-fatt li għandhom impressjonijiet jew illustrazzjonijiet. […] Fit-test ta’ dan il-kapitolu, it-terminu stampat ikopri mhux biss il-metodi ta’ stampar bl-idejn (pereżempju, id-disinji u l-istampi magħmula bl-id, minbarra dawk oriġinali), iżda wkoll id-diversi metodi ta’ stampar mekkaniku (tipografija, offset, litografija, ritratt, eċċ.), kif ukoll il-fotografija bi stampar dirett, il-fotokopja, it-termokopja, l-ittajpjar jew ir-riproduzzjoni permezz ta’ proċess ikkontrollat minn magna awtomatika li tipproċessa d-data (ara n-Nota 2 ta’ dan il-kapitolu). Ma titteħidx inkunsiderazzjoni n-natura tal-karattri użati: alfabetti u sistemi ta’ numerazzjoni ta’ kull tip, sinjali stenografiċi, sinjali ta’ alfabett Morse jew kodiċijiet konvenzjonali simili, karattri Braille, notazzjonijiet u simboli tal-mużika, u l-preżenza ta’ illustrazzjonijiet jew ta’ skizzijiet. It-terminu stampat ma jkoprix, madankollu, l-impressjonijiet u l-illustrazzjonijiet miksuba permezz ta’ stampar tat-tip indiennage. […]” |
|
8 |
In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4902 tas-SA tipprevedi: “Il-karattru distintiv tal-oġġetti taħt din l-intestatura jinsab fil-fatt li huma ppubblikati f’serje kontinwa, taħt l-istess titolu u f’intervalli regolari, fejn kull kopja hija datata (anki bis-sempliċi indikazzjoni ta’ perijodu tas-sena, rebbiegħa 1996, pereżempju), u ġeneralment innumerata. Dawn jistgħu jkunu kkostitwiti minn sempliċi folji iżolati jew miġbura flimkien, iżda jekk ikunu b’qoxra iebsa jew imwaħħla flimkien, dawn jaqgħu taħt in-Nru 4901. Fir-rigward tal-kollezzjonijiet ippreżentati taħt l-istess kopertura, anki jekk sempliċement miġbura flimkien, dawn jaqgħu wkoll taħt in-Nru 4901. Dawn il-pubblikazzjonijiet, li ħafna drabi jkun fihom testi stampati, jistgħu wkoll ikunu illustrati ħafna jew anki prinċipalment ikkostitwiti minn disinji u jinkludu reklamar. […]” |
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
|
9 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. |
|
10 |
Skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in‑NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li jikkostitwixxu subdiviżjonijiet speċifiċi għaliha. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni marbuta magħha, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. |
|
12 |
Mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-NM applikabbli fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1602. |
|
13 |
Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-paragrafu A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, jipprovdu: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]” |
|
14 |
It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi t‑Taqsima X, intitolata “Polpa tal-injam jew ta’ materjal ieħor ċellulożiku fibruż; (skart u fdal ta’) karta jew kartun irkuprat; karta jew kartun u oġġetti magħmulin minnhom”, li fih jinsab il-Kapitolu 49, intitolat “Kotba Stampati, Gazzetti, Stampi u Prodotti Oħrajn tal-Industrija tal-Istampar; Manuskritti, Testi Ttajpjati u Pjanti”. |
|
15 |
L-Iskeda ta’ dazji ta’ dan il-Kapitolu 49, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien fiha l-intestaturi li ġejjin:
|
Id-Direttiva 2006/112/KE
|
16 |
L-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1713 tas-6 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 286, p. 20) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa. 2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. Ir-rati mnaqqsin ma għandhomx japplikaw għas-servizzi pprovduti elettronikament bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jidħlu taħt il-punt (6) tal‑Anness III. 3. Meta jkunu qed japplikaw ir-rati mnaqqsa previsti fil-paragrafu 1 għal kategoriji ta’ merkanzija, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-[NM] sabiex jistabbilixxu eżattament kemm hi koperta l-kategorija kkonċernata.” |
|
17 |
Il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej: “il-provvista, inkluż b’self mil-libreriji, ta’ kotba, gazzetti u rivisti jew fuq mezzi ta’ appoġġ fiżiku jew ipprovduti elettronikament, jew it-tnejn, (inkluż opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili), għajr pubblikazzjonijiet iddedikati kollha kemm huma jew b’mod sostanzjali għar-reklamar u għajr pubblikazzjonijiet li jikkonsistu kollha kemm huma jew b’mod sostanzjali minn kontenut f’forma ta’ vidjo jew mużika; il-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u servizzi relatati ma’ tali produzzjoni”. |
Id‑dritt Ġermaniż
|
18 |
L-Artikolu 12(2) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprovdi: “Ir-rata hija mnaqqsa għal 7 % għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:
|
|
19 |
L-Anness 2 tal-UStG huwa fformulat kif ġej:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
20 |
Matul is-sena 2019, Keesing Deutschland ikkummerċjalizzat kotba tal-logħob intitolati “Sudoku-Varianten Spezial”. Dawn huma prodotti stampati marbuta tal-karta, kull wieħed minnhom ta’ mitt paġna li huma miżmuma flimkien permezz ta’ staple. Kull ktieb jinkludi prefazju, avviżi legali, spjegazzjoni tar-regoli tas-sudoku, 88 logħba tas-sudoku li fihom ċerti numri mis-serje 1 sa 9 ikunu diġà inklużi fi skeda, filwaqt li n-numri l-oħra jkollhom jitniżżlu f’ordni preċiża, is-soluzzjonijiet korrispondenti u reklamar, stampat fuq l-aħħar paġna. In-numru tal-pubblikazzjoni, l-indikazzjoni tal-perjodiċità tal-pubblikazzjoni, jiġifieri kull tmien ġimgħat, u d-data tal-pubblikazzjoni ta’ kull ktieb tal-logħob jidhru fuq il-paġna tat-titolu. |
|
21 |
Fid-dikjarazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħha, Keesing Deutschland applikat għall-ammonti ġġenerati mill-bejgħ ta’ dawn il-kotba r-rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 7 %, prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 12(2) tal-UStG, moqri flimkien mal-punt 49(b) tal-Anness 2 ta’ din il-liġi, billi qieset li l-imsemmija kotba jaqgħu taħt l-intestatura 4902 tan-NM. |
|
22 |
Il-Finanzamt irrifjuta l-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ VAT, billi kkunsidra li r-rata normali kellha tiġi applikata, minħabba li l-kotba tal-logħob inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 4911 tan-NM, peress li dawn ma kinux jinkludu “test ikkwalifikat” u ma kinux jaqgħu, konsegwentement, taħt il-kunċett ta’ “Druckschrift” (“miktub stampat”), użat fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-intestatura 4902 tan-NM. |
|
23 |
Keesing Deutschland għalhekk ressqet azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Finanzamt quddiem il-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li dawn il-kotba kellhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 4902 tan-NM. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “periodische Druckschriften” (“kitbiet stampati perijodiċi”), użat fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-intestatura 4902 tan-NM, ma jimplikax neċessarjament il-preżenza ta’ sekwenzi ta’ ittri. Mill-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u Franċiża ta’ din l-intestatura jirriżulta li hija biss l-eżistenza ta’ prodott stampat ippubblikat f’intervalli regolari li hija meħtieġa għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-oġġetti kkonċernati taħt l-imsemmija intestatura. Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-istess intestatura, li teżiġi l-eżistenza ta’ Schrift (kitba), tinkludi żball ta’ traduzzjoni. Barra minn hekk, il-kotba tal-logħob inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu sinjali grafiċi li jipprovdu sistema komposta minn diversi numri. Issa, il-kitbiet ta’ numri għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala Schrift (kitba), peress li jużaw, bħal fil-każ tas-sekwenzi ta’ ittri, sistema ta’ sinjali grafiċi użati għall-finijiet tal-komunikazzjoni umana. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlatur Ġermaniż implimenta l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 98(3) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jirreferi għan-NM sabiex jiddelimita bi preċiżjoni l-kategoriji ta’ oġġetti li għalihom l-Istati Membri japplikaw ir-rati tal-VAT imnaqqsa, u b’hekk japplika rata ta’ VAT ta’ 7 %, b’mod partikolari, għall-kunsinni ta’ periodische Druckschriften (kitbiet stampati perijodiċi), li jaqgħu taħt l-intestatura 4902 tan-NM. Skont il-ġurisprudenza nazzjonali, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għall-kunsinna ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti tiddependi biss mill-klassifikazzjoni ta’ dawn l-oġġetti taħt l-intestaturi jew is-subintestaturi tan-NM. |
|
25 |
Dik il-qorti tqis li l-kotba tal-logħob inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fin-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4902 tas-SA, b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ perijodiċità. Għaldaqstant, l-unika kwistjoni determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża li bih hija adita dik il-qorti hija dik dwar jekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ oġġetti taħt din l-intestatura, huwiex meħtieġ li l-kitbiet stampati perijodiċi, fis-sens tal-Anness 2 tal-UStG, ikun fihom essenzjalment test ikkostitwit minn sekwenzi ta’ ittri. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-kelma, Druckschrift, użata fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-intestatura 4902 tan-NM, tfisser “xogħol bil-miktub stampat”. L-element Schrift, li jindika “ġabra ta’ sinjali grafiċi li jifformaw sistema magħluqa li tippermetti l-iffissar u l-qari tal-lingwa mitkellma” jew “sistema ta’ sinjali grafiċi li tippermetti li jiġi rrappreżentat b’mod leġġibbli test mitkellem, miktub jew stampat”, jinkludi mhux biss l-ittri, iżda wkoll in-numri. |
|
27 |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta, minn naħa, mill-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u bil-lingwa Franċiża tal-intestatura 4902 tan-NM, li ma jinkludu ebda indikazzjoni dwar l-eventwali rekwiżiti tipografiċi fuq ix-xogħol bil-miktub kopert minn din l-intestatura, u, min-naħa l-oħra, mill-għan imfittex mill-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, intiż li jnaqqas l-ispiża ta’ ċerti oġġetti kkunsidrati indispensabbli, b’mod partikolari l-kotba, il-gazzetti u l-perijodiċi, li jiffavorixxu l-kultura taċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-qari, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-konsumatur finali għal dawn l-oġġetti. Kotba tal-logħob, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jaqgħu taħt dan l-għan peress li, b’mod partikolari, isaħħu l-kapaċità ta’ konċentrazzjoni, iwasslu għall-paċenzja u għall-perseveranza u jistgħu jintużaw bħala eżerċizzju ta’ vokabularju fit-tagħlim tal-lingwi barranin jew, jekk ikun il-każ, tal-mużika. |
|
28 |
Barra minn hekk, l-espressjoni “ħafna drabi jkun fiha testi stampati”, użata fin-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4902 tas-SA, tissuġġerixxi li l-preżenza ta’ test ma hijiex neċessarjament karatteristika essenzjali tal-prodotti stampati li għandhom jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura. Barra minn hekk, il-fatt li din in-nota ta’ spjega tinkludi wkoll fl-imsemmija intestatura l-kitbiet stampati “illustrattiv[i] ħafna” jew li jkun fihom ir-reklamar jippermetti li dawn il-kitbiet u l-perijodiċi stampati li prinċipalment jinkludu numri jiġu ttrattati bl-istess mod. |
|
29 |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kotba tal-logħob li hija adita bihom ma għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 4902 tan-NM, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ newtralità fiskali jeżiġux li tiġi applikata, xorta waħda, ir-rata tal-VAT ta’ 7 %, prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 12(2) tal-UStG, moqri flimkien mal-punt 49(b) tal-Anness 2 ta’ din il-liġi, għal dawn il-kotba. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Berlin-Brandenburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura tariffarja 4902 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt din l-intestatura oġġetti deskritti bħala kotba li jinkludu prinċipalment logħob tas-sudoku stampat, li fih ċerti numri mis-sekwenza bejn 1 u 9 jkunu diġà inklużi fi skeda, filwaqt li n-numri l-oħra jkollhom jitniżżlu f’ordni preċiż, u li huma ppubblikati kull tmien ġimgħat. |
|
32 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 98(3) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-NM meta japplikaw ir-rati mnaqqsa għall-kategoriji li jirreferu għal kunsinni ta’ oġġetti, sabiex jiddelimitaw bi preċiżjoni l-kategorija kkonċernata. Madankollu, l-użu tan-NM huwa biss metodu fost oħrajn sabiex il-kategorija kkonċernata tiġi ddelimitata bi preċiżjoni (sentenza tat-22 ta’ April 2021, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach, C‑703/19, EU:C:2021:314, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Għalhekk, sakemm it-tranżazzjonijiet li għalihom tapplika r-rata mnaqqsa jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jiġi osservat, il-leġiżlatur nazzjonali huwa liberu, meta huwa jiddelimita, fid-dritt intern tiegħu, il-kategoriji li għalihom huwa għandu l-intenzjoni li japplika din ir-rata mnaqqsa, li jikklassifika l-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi inklużi fil-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT skont il-metodu li huwa jqis bħala l-iktar xieraq (sentenza tat-22 ta’ April 2021, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach, C‑703/19, EU:C:2021:314, punt 40). |
|
34 |
Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li, skont l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirriproduċi n-nomenklatura tas-SA u li, skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, il-partijiet kontraenti tagħha, fosthom l-Unjoni, jimpenjaw ruħhom li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħhom ikunu konformi mas-SA u li ma jbiddlux il-portata tal-intestaturi tagħha, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddelimitaw il-kunsinni ta’ oġġetti li għalihom japplikaw ir-rati mnaqqsa b’riferiment għal kategoriji li ma jikkoinċidux neċessarjament mal-intestaturi jew mas-subintestaturi tan-NM, meta dawn jużawha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 98(3) tad-Direttiva dwar il-VAT, sakemm il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti jiġu osservati. |
|
35 |
F’dan il-każ, madankollu, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tal-kunsinna tal-periodische Druckschriften (kitbiet stampati perijodiċi), il-leġiżlatur Ġermaniż implimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT billi rrefera biss għall-intestatura 4902 tan-NM. |
|
36 |
Peress li l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet taxxabbli skont il-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT hija prerekwiżit indispensabbli għall-verifika tal-applikabbiltà ta’ rata mnaqqsa tal-VAT, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kriterji utli għal din l-evalwazzjoni, li taqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali (sentenza tat-22 ta’ April 2021, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach, C‑703/19, EU:C:2021:314, punt 46). |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni taħt in-NM iktar milli li twettaq din il-klassifikazzjoni hija stess. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha, tal-merkanzija inkwistjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 26, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2025, Prisum Healthcare, C‑252/24, EU:C:2025:339, punt 33). |
|
38 |
B’dan ippreċiżat, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mar-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont il-formulazzjoni tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. |
|
39 |
Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifiki, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1975, Vandertaelen u Maes, 53/75, EU:C:1975:173, punt 9, u tat-28 ta’ Novembru 2024, BG Technik, C‑129/23 u C‑567/23, EU:C:2024:995, punt 39). |
|
40 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, għalkemm ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni u, bħala tali, jipprovdu elementi utli għall-interpretazzjoni tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Frar 1977, Dittmeyer, 69/76 u 70/76, EU:C:1977:25, punt 4, u tat-8 ta’ Mejju 2025, Prisum Healthcare, C‑252/24, EU:C:2025:339, punt 35). |
|
41 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-intestatura 4902 tan-NM, għandu jiġi rrilevat li jeżistu diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din l-intestatura, b’mod partikolari bejn il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, bil-lingwa Ingliża u bil-lingwa Franċiża tagħha. |
|
42 |
Fil-fatt, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-imsemmija intestatura tipprevedi li din tinkludi l-“journaux et publications périodiques imprimés, même illustrés ou contenant de la publicité” (“gazzetti u pubblikazzjonijiet perijodiċi stampati, anki dawk illustrati jew li fihom reklamar”), filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Ingliża tal-istess intestatura tipprevedi newspapers, journals and periodicals, whether or not illustrated or containing advertising material (gazzetti, rivisti u perijodiċi, irrispettivament minn jekk humiex illustrati jew fihom materjal ta’ reklamar). Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-intestatura 4902 tan-NM tirreferi, min-naħa tagħha, għaz-Zeitungen und andere periodische Druckschriften, auch mit Bildern oder Werbung enthalten (gazzetti u kitbiet stampati perijodiċi oħra, inklużi dawk li fihom stampi jew reklamar). |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, u ta’ Lulju 2025, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u tat-30 ta’ April 2025, Celní jednatelství Zelinka, C‑330/24, EU:C:2025:296, punt 19). |
|
44 |
Barra minn hekk, in-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teżiġi li dan jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tiegħu (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, EU:C:1969:57, punti 2 u 3, u tat-18 ta’ Jannar 2024, Regionalna direktsia Avtomobilna administratsia Pleven, C‑227/22, EU:C:2024:57, punt 43). |
|
45 |
Fir-rigward tal-għan tan-NM, kif irrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirriproduċi n-nomenklatura tas-SA. |
|
46 |
Issa, kif ġie enfasizzat ukoll f’dan il-punt 34, skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, il-partijiet kontraenti tagħha, fosthom l-Unjoni, jimpenjaw ruħhom li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħhom ikunu konformi mas-SA u li ma jbiddlux il-portata tal-intestaturi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Vogel Import Export, C‑62/20, EU:C:2021:288, punt 53). |
|
47 |
Għaldaqstant, għandu jsir riferiment, fl-ewwel lok, għall-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Ingliża tal-intestatura 4902 tan-NM, li jikkorrispondu rispettivament għall-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Ingliża tal-intestatura 4902 tas-SA, sa fejn in-NM ġiet stabbilita abbażi tas-SA li t-testi tagħha bil-Franċiż u bl-Ingliż biss huma awtentiċi, skont il-formula finali tal-Konvenzjoni dwar is-SA. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 1997, Knubben Spedition, C‑143/96, EU:C:1997:597, punt 15). |
|
48 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tal-intestatura 4902 tan-NM, fil-verżjonijiet tagħha bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Ingliża, jirriżulta li jaqgħu taħt din l-intestatura, b’mod partikolari, il‑pubblikazzjonijiet perijodiċi stampati. |
|
49 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata min-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4902 tas-SA, li tippreċiża, minn naħa, li “[il-]karattru distintiv tal-oġġetti riprodotti taħt din l-intestatura jinsab fil-fatt li huma ppubblikati f’serje kontinwa, taħt l-istess titolu u f’intervalli regolari, fejn kull kopja hija datata […] u ġeneralment innumerata” u, min-naħa l-oħra, li l-pubblikazzjonijiet perijodiċi li jaqgħu taħt din l-intestatura “ħafna drabi jkun fihom testi stampati [u] jistgħu wkoll ikunu illustrati ħafna jew anki prinċipalment ikkostitwiti minn disinji u jinkludu reklamar”. |
|
50 |
It-tieni nett, xejn fil-formulazzjoni tal-intestatura 4902 tan-NM, fil-verżjonijiet tagħha bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Ingliża, ma jissuġġerixxi li għandhom jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura biss il-pubblikazzjonijiet perijodiċi li jinkludu prinċipalment kitbiet u wisq inqas li l-imsemmija intestatura tinkludi biss il-pubblikazzjonijiet perijodiċi li jinkludu prinċipalment test. |
|
51 |
Għall-kuntrarju, kif irrilevat, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju, l-użu tal-espressjoni “ħafna drabi” fil-parti tan-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4902 tas-SA ċċitata fit-tieni lok fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-pubblikazzjonijiet perijodiċi li jinkludu prinċipalment test stampat ċertament jaqgħu taħt din l-intestatura, iżda din tinkludi wkoll pubblikazzjonijiet perijodiċi li għandhom kontenut differenti minn test. |
|
52 |
It-tielet nett, kif osservat il-Kummissjoni, mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 49 tas-SA jirriżulta li, fit-test ta’ dan il-kapitolu, it-terminu “stampat” ma għandux portata differenti skont “in-natura tal-karattri użati: alfabetti u sistemi ta’ numerazzjoni ta’ kull tip, sinjali stenografiċi, sinjali ta’ alfabett Morse jew kodiċijiet konvenzjonali simili, karattri Braille, notazzjonijiet u simboli tal-mużika, [jew] [i]l-preżenza ta’ illustrazzjonijiet jew ta’ skizzijiet. |
|
53 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżami komparattiv tal-verżjonijiet tal-formulazzjoni tal-intestatura 4902 tan-NM bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li dan l-eżami jiżvela li l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni hija l-unika waħda li ssemmi l-“kitbiet stampati” (Druckschriften). Bħala eżempju, għandhom jiġu ċċitati l-verżjonijiet ta’ din l-intestatura bil-lingwa Spanjola, Ċeka, Griega, Ingliża, Franċiża, Olandiża, Finlandiża u Svediża, li jużaw rispettivament il-kliem “publicaciones periódicas, impresos”, “periodika”, “periodika”, “περιοδικές εκδόσεις τυπωμένες”, “periodicals”, “publications périodiques imprimées”, “tijdschriften”, “aikakauslehdet” u “tidskrifter”. |
|
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 48 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 4902 tan-NM, b’mod partikolari, il-pubblikazzjonijiet perijodiċi stampati mingħajr ma jkun meħtieġ li dawn jinkludu prinċipalment test. |
|
55 |
F’dan il-każ, sakemm l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu pubblikazzjonijiet perijodiċi stampati, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li dawn jistgħu jaqaw taħt l-intestatura 4902 tan-NM. |
|
56 |
Barra minn hekk, peress li l-karatteristiċi ta’ dawn l-oġġetti jikkorrispondu għal dawk tad-definizzjoni li tinsab f’din l-intestatura, il-fatt, invokat mill-Gvern Ġermaniż, li dawn l-oġġetti ma humiex speċifikament imsemmija bħala eżempji mill-intestaturi 4901 sa 4910 tan-NM u lanqas min-noti ta’ spjega tas-SA ma jistax jikkostitwixxi ostakolu għall-klassifikazzjoni tagħhom taħt l-intestatura 4902 tan-NM. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-intestatura tariffarja 4902 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt din l-intestatura oġġetti deskritti bħala kotba li jinkludu prinċipalment logħob tas-sudoku stampat, li fih ċerti numri mis-sekwenza bejn 1 u 9 ikunu diġà inklużi fi skeda, filwaqt li n-numri l-oħra jkollhom jitniżżlu f’ordni preċiż, u li huma ppubblikati kull tmien ġimgħat. |
Fuq it-tieni domanda
|
58 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tieni domanda qiegħda ssir biss fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-intestatura tariffarja 4902 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal-11 ta’ Ottubru 2018, |
|
għandha tiġi interpretata fis-sens li: |
|
jaqgħu taħt din l-intestatura oġġetti deskritti bħala kotba li jinkludu prinċipalment logħob tas-sudoku stampat, li fih ċerti numri mis-sekwenza bejn 1 u 9 ikunu diġà inklużi fi skeda, filwaqt li n-numri l-oħra jkollhom jitniżżlu f’ordni preċiż, u li huma ppubblikati kull tmien ġimgħat. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.