Kawża C‑371/24 [Comdribus] ( i )
HW
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d’appel de Paris)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad‑19 ta’ Marzu 2026
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 10 – Ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali – Ġbir ta’ data bijometrika – Teħid ta’ marki tas-swaba’ u ta’ ritratti – Persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm suspett raġonevoli wieħed jew iktar li hija wettqet jew ipprovat twettaq reat kriminali – Ħtieġa assoluta – Setgħa ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Rifjut tas-suġġett tad-data li jissottometti ruħu għall-ġbir tad-data bijometrika tiegħu – Liġi nazzjonali li tippermetti l-prosekuzzjoni u l-kundanna ta’ persuna għal reat kriminali speċifiku li jissanzjona dan ir-rifjut, anki fl-assenza ta’ prosekuzzjoni jew ta’ kundanna għar-reat kriminali li kien il-bażi għall-ġbir propost ta’ din id-data”
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’materji kriminali – Direttiva 2016/680 – Ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika ta’ kull persuna ssuspettata b’mod plawżibbli li wettqet jew li pprovat twettaq reat kriminali – Inammissibbiltà – Eċċezzjoni – Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Artikolu 1(1), il-punti 2 u 13 tal-Artikolu 3, il-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 4(1), u l-Artikoli 8 u 10)
(ara l-punti 23 sa 44, u 51 sa 54, u d-dispożittiv 1)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’materji kriminali – Direttiva 2016/680 – Ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tobbligax lill-awtorità kompetenti timmotiva l-ħtieġa assoluta tal-ġbir tad-data bijometrika ta’ persuna ssuspettata b’mod plawżibbli li wettqet jew li pprovat twettaq reat kriminali – Inammissibbiltà
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, il-punti 7 u 8 tal-Artikolu 3, il-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 4(1), u l-Artikoli 4(4), 10 u 54)
(ara l-punti 65 sa 75, u d-dispożittiv 2)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’materji kriminali – Direttiva 2016/680 – Ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-prosekuzzjoni u l-kundanna ta’ persuna minħabba rifjut li tissuġġetta ruħha għall-ġbir tad-data bijometrika tagħha, inkluż fl-assenza ta’ prosekuzzjoni jew ta’ kundanna għar-reat kriminali li wassal għal dan il-ġbir – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-kundizzjoni ta’ ħtieġa assoluta tal-ġbir u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/680, Artikoli 1(1) u 2(1), il-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 4(1), u l-Artikoli 8 u 10)
(ara l-punti 82 sa 91, u d-dispożittiv 3)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-cour d’appel de Paris (Franza) (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-kunċett ta’ “ħtieġa assoluta”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 ( 1 ), li jirregola l-ġbir ta’ data personali sensittiva, bħalma hija d-data bijometrika, fil-qasam kriminali.
Matul azzjoni li seħħet f’Pariġi f’Mejju 2020 minn attivisti għall-klima, diversi parteċipanti, fosthom HW, ġew interpellati mill-forzi tal-ordni, għall-organizzazzjoni ta’ manifestazzjoni mhux iddikjarata. Imqiegħed taħt arrest preventiv, HW irrifjuta b’mod partikolari li jissuġġetta ruħu għat-teħid ta’ marki tas-swaba’ u ta’ ritratti, minkejja li kien ġie informat li dan ir-rifjut kien jikkostitwixxi reat kriminali. F’Settembru 2021, it-tribunal correctionnel de Paris (Franza) (il-Qorti Kriminali ta’ Pariġi, Franza) ħelset lil HW għall-fatti li jaqgħu taħt ir-reat ta’ organizzazzjoni ta’ manifestazzjoni mhux iddikjarata, filwaqt li ddikjaratu ħati tar-reat ta’ rifjut li jissuġġetta ruħu għat-teħid ta’ marki tas-swaba’ u ta’ ritratti u kkundannatu għal multa ta’ EUR 300. HW u l-Uffiċċju tal-Prosekutur appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
Dik il-qorti kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma tatx deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mal-kundizzjoni ta’ ħtieġa assoluta, prevista mid-Direttiva 2016/680, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika abbażi biss ta’ suspetti plawżibbli ta’ twettiq jew ta’ tentattiv ta’ twettiq ta’ reat, mingħajr investigazzjoni minn qabel, minn naħa, u ta’ tali ġbir ta’ data abbażi tar-rifjut li wieħed jissottometti ruħu għal operazzjonijiet ta’ ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni, indipendentement minn kwalunkwe prosekuzzjoni jew kundanna għar-reat li jkun wassal għall-ġbir, min-naħa l-oħra. Hija osservat, barra minn hekk, li kien għadu inċert jekk ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni adegwata tal-ħtieġa assoluta tal-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika ta’ persuna huwiex suġġett għal eżami minn qabel mill-awtorità kompetenti jew għal eżami a posteriori mill-qorti adita bil-legalità ta’ dan il-ġbir.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2016/680 tipprojbixxi l-ġbir sistematiku tad-data bijometrika ta’ kull persuna li fir-rigward tagħha teżisti raġuni plawżibbli waħda jew iktar li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ipprovat twettaq reat kriminali, sakemm id-dritt nazzjonali ma jiddefinixxix l-għanijiet speċifiċi u konkreti mfittxija minn dan il-ġbir b’mod adegwat u suffiċjentement preċiż u sakemm l-awtorità kompetenti ma jkollhiex, f’kull każ partikolari, tevalwa jekk l-imsemmi ġbir huwiex assolutament neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ġbir ta’ data bijometrika awtorizzat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kien jirrigwarda l-persuni kollha li fir-rigward tagħhom kienu jeżistu raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li huma wettqu jew ipprovaw iwettqu reat kriminali. Issa, is-sempliċi fatt li jeżistu tali suspetti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi preżunt li hija stabbilita l-ħtieġa assoluta ta’ tali ġbir, fir-rigward tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali ( 2 ). Fil-fatt, minn naħa, minkejja l-eżistenza ta’ suspetti plawżibbli, il-ġbir ta’ data bijometrika jista’ ma jkun jirrifletti ebda ħtieġa konkreta. Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa assoluta ta’ tali ġbir għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha.
Li kieku l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tipprevedi ġbir sistematiku ta’ data bijometrika ta’ kull persuna li fir-rigward tagħha jeżistu raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ipprovat twettaq reat kriminali, mingħajr obbligu, għall-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja, li jivverifika u juri każ b’każ il-ħtieġa assoluta ta’ dan il-ġbir, din il-leġiżlazzjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, peress li tkun twassal għal ġbir indifferenzjat u ġġeneralizzat ta’ tali data. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk tali leġiżlazzjoni timponix fuq l-awtorità tal-pulizija ġudizzjarja tali ġbir awtomatiku u jekk l-implimentazzjoni effettiva tagħha twassalx għal ġbir sistematiku.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 2016/680 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li timmotiva b’mod adegwat, f’kull każ, il-kundizzjoni ta’ ħtieġa assoluta ta’ ġbir ta’ data bijometrika.
Fil-fatt, din il-motivazzjoni hija neċessarja sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tiegħu ( 3 ). Tali motivazzjoni tista’ tingħata fil-qosor, sakemm tkun suffiċjentement ċara. Dan l-obbligu japplika iktar u iktar għaliex jippermetti lill-qorti adita bil-legalità tal-ġbir teżerċita l-istħarriġ tagħha u jirriżulta, barra minn hekk, mill-kliem tad-Direttiva 2016/680. Għalhekk, l-eżistenza ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju ma tistax tikkumpensa għall-assenza ta’ obbligu għall-awtorità kompetenti li timmotiva l-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data bijometrika. Barra minn hekk, dan l-obbligu ma jistax jitqies li jikkostitwixxi piż irraġonevoli għall-awtorità kompetenti.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 2016/680 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona r-rifjut ta’ persuna li tippermetti l-ġbir tad-data bijometrika tagħha, fl-assenza ta’ kwalunkwe prosekuzzjoni jew kundanna ta’ din tal-aħħar għar-reat kriminali li fuqu jkun ibbażat il-ġbir, bil-kundizzjoni li tiġi osservata l-ħtieġa assoluta tal-ġbir u l-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni.
F’dan ir-rigward, minn naħa, sa fejn it-tentattiv li jitwettaq ipproċessar ta’ data personali, bħal dak li jseħħ meta persuna tirrifjuta l-ġbir tad-data bijometrika tagħha, għal finijiet kriminali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680, il-legalità tas-sanzjoni ta’ dan ir-rifjut tiddependi mill-konformità tal-ġbir mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, tali sanzjoni tkun possibbli biss jekk il-ġbir previst ikun jissodisfa l-kundizzjoni ta’ ħtieġa assoluta, evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-mument meta dan il-ġbir jiġi deċiż mill-awtoritajiet kompetenti. L-assenza ta’ prosekuzzjoni jew ta’ kundanna tas-suġġett tad-data għar-reat li wassal għal dan il-ġbir ma hijiex, waħedha, determinanti għall-osservanza ta’ din il-kundizzjoni.
Min-naħa l-oħra, peress li sanzjoni kriminali għal reat li jissanzjona r-rifjut ta’ suġġett tad-data li jagħti l-kunsens tiegħu għall-ġbir tad-data bijometrika tiegħu taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, hija jkollha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju jeżiġi li s-sanzjoni tkun adattata għall-gravità tar-reat u li, fid-determinazzjoni tas-sanzjoni u tal-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-aġir u l-profil tas-suġġett tad-data, il-preċedenti ġudizzjarji tiegħu u l-gravità tar-reat preżunt li wassal għall-ġbir previst.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 1 ) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).
( 2 ) Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), Artikoli 7 u 8..
( 3 ) Previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680.