Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
27 ta’ Novembru 2025 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Esklużjoni wara deċiżjoni, li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, li tagħti promozzjoni lill-uffiċjal – Promozzjoni suġġetta għat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ servizz – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fl-Istat Membru kkonċernat”
Fil-Kawża C‑356/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura
A.B.
vs
Kärntner Landesregierung,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn J. Passer, President ta’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, D. Gratsias, Imħallef,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u B.-R. Killmann, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), tal-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Eworpea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A.B. u l-Kärntner Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Kärnten, l-Awstrija) dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti perijodi preċedenti ta’ attività professjonali mwettqa minn A.B. kemm fl-Awstrija kif ukoll barra mill-pajjiż, sabiex tiġi ddeterminata l-anzjanità tiegħu fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id-Direttiva 2000/78
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”
4 L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.
2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
(a) għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;
(b) għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:
(i) meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, [...]
[...]”
5 L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:
“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:
[...]
ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.
6 L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi:
“1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.
[...]
2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”
Ir-Regolament Nru 492/2011
7 L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi:
“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”
Id-dritt Awstrijak
8 L-Artikolu 143 tal-Kärntner Dienstrechtsgesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar l-Istatus tal-Uffiċjali), tal-1994 (LGBl. Nru 71/1994), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru 81 tal-Land ta’ Kärnten, tal‑21 ta’ Ottubru 2021 (LGBl. Nru 81/2021) (iktar ’il quddiem il-“K-DRG”), intitolat “Avvanz”, jipprovdi:
“(1) Id-data ta’ referenza tal-avvanz hija determinanti għall-avvanz. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji iktar ’il quddiem, il-perijodu meħtieġ għall-avvanz għat-tieni skala tal-grad III huwa ta’ ħames snin, jekk mhux ta’ sentejn.
(2) L-avvanz iseħħ fl‑1 ta’ Jannar jew fl‑1 ta’ Lulju li jsegwi t-twettiq tal-perijodu ta’ sentejn jew ta’ ħames snin (data tal-avvanz), sakemm ma jiġix pospost jew sospiż għal din id-data. It-terminu ta’ sentejn jew ta’ ħames snin għandu wkoll jitqies li ġie eżegwit fid-data ta’ referenza tal-avvanz jekk dan jintemm qabel l-iskadenza tal‑31 ta’ Marzu jew tat‑30 ta’ Settembru ta’ wara d-data ta’ referenza tal-avvanz.
[...]”
9 Skont l-Artikolu 145 tal-K-DRG, intitolat “Data ta’ referenza tal-avvanz”:
“(1) Bla ħsara għar restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 8, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fl-iskala għandha tiġi kkalkulata billi wieħed imur lura għall-jum tar-reklutaġġ fir rigward ta’ perijodi sussegwenti għat‑30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha jkunu twettqu disa’ snin ta’ skola jew kienu jitwettqu wara ammissjoni fl-ewwel livell ta’ tagħlim:
1. il-perijodi elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom;
2. il-perijodi l-oħra
a) li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom;
b) li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3,
aa) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom għal tliet snin u
bb) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bin-nofs għal tliet snin addizzjonali.
[...]
(11) Il-perijodi msemmija fil-paragrafu 2 u fil-punt 2 tal-paragrafu 1, li matulhom ġew eżerċitati attivitajiet professjonali li, fid-dawl tal-attivitajiet eżerċitati fil-mument tad-dħul fis-servizz, huma ekwivalenti u jagħtu esperjenza professjonali ekwivalenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha kemm huma jekk ikunu twettqu, barra mill-Awstrija,
1. fit-territorju ta’ parti kontraenti tal-Ftehim dwar iż-[Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] jew ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew
2. fi Stat li ċ-ċittadini tiegħu għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini Awstrijaċi fir-rigward tal-aċċess għal professjoni, jew
3. lil korp tal-Unjoni Ewropea jew lil korp intergovernattiv ieħor li l-Awstrija hija membru tiegħu.
[...]”
10 L-Artikolu 181 tal-K-DRG, intitolat “Promozzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“(1) Il-promozzjoni hija l-ħatra ta’ uffiċjal tal-amministrazzjoni ġenerali fil-grad immedjatament ogħla tal-kategorija tal-impjieg tiegħu.
[...]
(3) Jekk ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-iskala l-iktar baxxa tal-grad il-ġdid previst għall-kategorija ta’ impjieg ta’ uffiċjal tkun inqas mir-remunerazzjoni preċedenti tiegħu, l-uffiċjal għandu jibbenefika mill-iskala li tikkorrispondi għas-salarju preċedenti, iżda jekk tali remunerazzjoni ma tkunx prevista, huwa għandu jibbenefika mill-iskala li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni immedjatament ogħla.
(4) Wara promozzjoni, l-uffiċjal jantiċipa meta, skont il-paragrafu 3, huwa kien jissodisfa fil-grad preċedenti l-kundizzjoni sabiex jilħaq l-iskala tas-salarju immedjatament ogħla fil-grad il-ġdid, iżda mhux iktar tard minn sentejn. Il-perijodu mgħoddi fl-ogħla skala ta’ salarju ta’ grad għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-limitu ta’ erba’ snin. B’deroga minn dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-każ fejn il-promozzjoni għal skala ogħla teħtieġ b’mod obbligatorju t-twettiq ta’ sentejn fl-ogħla skala ta’ remunerazzjoni tal-iktar grad baxx, il-ħin imqatta’ fl-iskala ta’ remunerazzjoni l-iktar għolja ta’ dan il-grad għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-limitu ta’ erba’ snin, sakemm jaqbeż il-ħin li għandu jitwettaq b’mod obbligatorju f’din l-iskala. L-Artikoli 143 u 144 għandhom japplikaw b’analoġija.
[...] ”
11 L-Artikolu 305b tal-K-DRG, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet”, jipprevedi:
“ [...]
(2) L-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza tal-avvanz u tas-sitwazzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni li tirriżulta minnu abbażi tal-Artikoli 143 u 145 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi [Nru 60 tal-Land ta’ Kärnten, tat‑13 ta’ Ġunju 2019], għandu jsir ex officio, mingħajr dewmien inutli u biss fil-każijiet fejn is-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni hija ddeterminata mid-data ta’ referenza tal-avvanz. [...]
[...]
(4) [...]
1. L-Artikoli 143 u 145 ta’ din il-liġi għandhom ikomplu japplikaw fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fl‑31 ta’ Diċembru 2003 [għall-persuni li għalihom ma hemmx lok li jsir iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza tal-avvanz konformement mal-paragrafu 2. M]eta d-data tal-avvanz tagħhom tkun ġiet stabbilita skont l-Artikolu 145 ta’ din il-liġi fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fit‑30 ta’ Settembru 1995, [l-Artikoli 143 u 145 ta’ din il-liġi] jkomplu japplikaw fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fit‑30 ta’ Settembru 1995.
[...] ”
12 L-Artikolu VI(7) tal-Gesetz, mit dem das Kärntner Dienstrechtsgesetz 1994 (20. K-DRG-Novelle), das Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz 1994 (17. Kärntner-Landesvertragsbedienstetengesetz-Novelle), das Kärntner Gemeindebediensteten-gesetz, das Kärntner Stadtbeamtengesetz 1993 und das Kärntner Gemeindevertragsbedienstetengesetz geändert werden (il-Liġi li Temenda l-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal (l‑20 emenda għal-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Persunal), il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt (is‑17 emenda għall-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt), il-Liġi dwar l-Impjegati Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi tal‑1993 dwar l-Uffiċjali Muniċipali ta’ Kärnten u l-Liġi dwar l-Impjegati Kuntrattwali Muniċipali ta’ Kärnten), tas‑7 ta’ Lulju 2011 (LGBl. Nru 82/2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 82/2021”):
“(7) Iffissar ġdid tad-data ta’ referenza tal-avvanz u tas-sitwazzjoni li tirriżulta fil-qasam tar-remunerazzjoni jew tas-salarju, abbażi tal-Artikoli 143 u 145 tal-[K-DRG], kif emendat bl-Artikolu I, jew tal-Artikoli 41 u 42 tal-[Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz] [il-Liġi tal-Land tal-Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt], kif emendat bl-Artikolu II, għandu jsir biss fuq talba u biss fil-każijiet fejn is-sitwazzjoni eżistenti fil-qasam tar-remunerazzjoni hija ddeterminata mid-data ta’ referenza tal-avvanz. [...]”
13 L-Artikolu VIII(3) tal-Gesetz, mit dem das Kärntner Dienstrechtsgesetz 1994 (39. K-DRG-Novelle), das Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz 1994 (32. K-LVBG-Novelle), das Kärntner Gemeindebedienstetengesetz, das Kärntner Gemeindevertrags-bedienstetengesetz, das Kärntner Stadtbeamtengesetz 1993, das Kärntner Pensionsgesetz 2010 und das Kärntner Landes-Personalvertretungsgesetz geändert werden (il-Liġi li Temenda l-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal (id‑39 emenda għall-K-DRG), il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt (it-32 emenda għall-K-LVBG), il-Liġi dwar l-Impjegati Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi dwar l-Impjegati Kuntrattwali Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi tal‑1993 dwar l-Uffiċjali Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi tal‑2010 dwar il-Pensjonijiet ta’ Kärnten u l-Liġi dwar ir-Rappreżentanza tal-Persunal tal-Istat ta’ Kärnten), tal‑21 ta’ Ottubru 2021 (LGBl. Nru 81/2021, iktar’ il quddiem il-“Liġi Nru 81/2021”), huma fformulati kif ġej:
“Jekk membru tal-persunal tal-Land jew membru tal-persunal komunali jiġġustifika perijodi preċedenti ta’ attività fis-sens tal-Artikolu 145(11) u (12) tal-[K-DRG], fil-verżjoni tal-Artikolu I ta’ din il-liġi jew tal-Artikolu 41(12) u (13) tal-[Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz] [il-Liġi tal-Land ta’ Carinthie dwar l-Istatus tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt], fil-verżjoni tal-Artikolu II ta’ din il-liġi, li għadhom ma ttiħdux kompletament inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza tal-avvanz skont dispożizzjoni oħra u li issa għandhom jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni skont din il-liġi, id-data ta’ referenza tal-avvanz għandha, fuq talba tiegħu, tittejjeb kif xieraq.”
14 Il-Beschluss der Kärntner Landesregierung zur Festlegung von Richtlinien für die Vorrückung, Zeitvorrückung und Beförderung der Beamten des Landes Kärnten (LAD-PW-22/1–98) [Riżoluzzjoni tal-Gvern tal-Land ta’ Kärnten, li tistabbilixxi linji gwida dwar l-avvanz, l-avvanz fl-anzjanità u l-promozzjoni tal-uffiċjali tal-Land ta’ Kärnten (LAD-PW-22/1–98)], tal‑20 ta’ Ottubru 1998, tipprevedi, b’mod partikolari:
“Il-promozzjoni tal-uffiċjali tal-Land taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Gvern tal-Land.
Huma biss l-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti u li r-rapporti tas-servizz u l-kapaċitajiet tagħhom kif ukoll l-aġir fis-servizz u barra mis-servizz jiġġustifikaw promozzjonijiet li jistgħu jitolbu dan, fid-dawl tat-tabella tal-persunal u tal-pjan ta’ klassifikazzjoni tal-pożizzjonijiet.
Kundizzjonijiet relatati mat-tul ta’ żmien:
|
Kategorija ta’ impjieg |
Grad V |
Grad VI |
Grad VII |
Grad VIII |
|
A |
9 snin |
13-il sena |
19-il sena |
30 sena |
|
B – |
19-il sena |
25 sena |
31 sena |
|
|
C |
29 sena |
|
|
|
Dawn is-snin għandhom jiġu kkalkolati mid-data ta’ referenza tal-avvanz.
[...]”
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
15 A.B. huwa ċittadin Awstrijak imwieled fl‑1968 li beda jaħdem mal-Land ta’ Kärnten (iktar ’il quddiem il-“Land”) bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fit‑3 ta’ Ottubru 2005. Bejn l‑1 ta’ Ottubru 1987 u l‑4 ta’ April 2003 inkluż, huwa wettaq perijodi ta’ attività ma’ persuni privati li jimpjegaw fl-Awstrija u barra mill-pajjiż qabel ma ġie impjegat mil-Land abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ impjieg (Dienstzettel) għall-perijodu bejn it‑13 ta’ Ottubru 2003 u t‑2 ta’ Ottubru 2005.
16 Mad-dħul fis-servizz tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan il-Land, id-data ta’ referenza tal-avvanz ta’ A.B. ġiet stabbilita għat‑8 ta’ Settembru 2001. Skont l-Artikolu 41 tal-Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt), tal‑1994 (LGBl. Nru 73/1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data ta’ dan id-dħul fis-servizz, ittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, perijodu ta’ erba’ snin, 0 xhur u 25 jum, li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ twettiq tas-servizz jew tar-riżerva militari minn A.B. kif ukoll għall-perijodu ta’ attività li huwa wettaq fis-servizz tal-Land abbażi tal-imsemmija attestazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impjieg, li magħhom ġie miżjud perijodu ta’ sena u sitt xhur. Dan l-aħħar perijodu jikkorrispondi għat-tul massimu li kien permess, skont id-dritt Awstrijak, li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-perijodi ta’ attività mwettqa fis-settur privat li ma kellhomx importanza sinjifikattiva għall-assenjazzjoni fis-servizz tal-Land u li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom ma kienx iġġustifikat mill-interess pubbliku.
17 Sussegwentement, A.B. inħatar uffiċjal, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2010, f’pożizzjoni li taqa’ taħt il-kategorija ta’ impjieg B, bil-grad III u l-iskala ta’ remunerazzjoni 7, u, minn dak iż-żmien, is-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni hija ddeterminata mill-K-DRG. Id-data ta’ referenza tal-avvanz li ġiet adottata skont l-Artikolu 145 tal-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data ta’ din il-ħatra, hija wkoll dik tat‑8 ta’ Settembru 2001.
18 Fl‑1 ta’ Lulju 2011, A.B. ibbenefika mill-avvanz għall-iskala ta’ remunerazzjoni ogħla, u sussegwentement ibbenefika minn avvanzi fl-iskali suċċessivi għas-snin sussegwenti. Fl‑1 ta’ Jannar 2016, imbagħad fl‑1 ta’ Jannar 2022, A.B. ġie promoss għall-grad immedjatament superjuri, jiġifieri, rispettivament, għall-grad V u sussegwentement għall-grad VI.
19 Fl‑14 ta’ Novembru 2022, A.B., abbażi tal-Liġi Nru 81/2021, talab it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti għal dik li huwa jeżerċita bħala uffiċjal, li huwa kien wettaq fl-Awstrija u barra mill-pajjiż, kif ukoll, konsegwentement, il-ħlas a posteriori tad-differenza fir-remunerazzjoni li huwa jqis li jista’ jitlob.
20 Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2023, il-Gvern tal-Land ta’ Kärnten ċaħad din it-talba abbażi tal-Artikolu VI(7) tal-Liġi Nru 82/2011, minħabba li, peress li l-ħatra ta’ A.B. fil-grad VI kienet il-konsegwenza ta’ promozzjoni, is-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni ma kinitx għadha ddeterminata mid-data ta’ referenza tal-avvanz.
21 A.B. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju.
22 Din tal-aħħar tindika li, skont l-Artikolu 145(11) tal-K-DRG, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru 81/2021, il-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-pajjiż għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza tal-avvanz.
23 Madankollu, l-Artikolu 305b(2) tal-K-DRG, bħall-Artikolu VI(7) tal-Liġi Nru 82/2011, ma jawtorizzax lill-uffiċjali jitolbu r-reviżjoni tad-data ta’ referenza tal-avvanz tagħhom meta jkunu bbenefikaw minn promozzjoni, peress li din tal-aħħar ikollha bħala konsegwenza li dawn jaqgħu taħt sistema oħra ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.
24 F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis, l-ewwel nett, li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprekludu tali dispożizzjonijiet nazzjonali jekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità, il-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-pajjiż li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni preċedentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni iktar fil-każ ta’ promozzjoni u li, minħabba dan il-fatt, l-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni ma tistax tiġi evalwata mill-ġdid, filwaqt li, skont dispożizzjoni oħra tal-K-DRG, ta’ portata ġenerali, tali teħid inkunsiderazzjoni għandu, bħala prinċipju, iseħħ.
25 It-tieni nett, peress li l-għoti ta’ promozzjoni huwa suġġett għat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ servizz, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dan li l-uffiċjali ikbar fl-età huma prinċipalment ikkonċernati minn din il-promozzjoni u, għaldaqstant, bil-konsegwenza marbuta magħha li ma jistgħux jitolbu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza tal-avvanz. Konsegwentement, hija tqis li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età.
26 It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tesponi li, għalkemm l-Artikolu 145 tal-K-DRG jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni sħiħ tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-Awstrija, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali. Issa, tali esklużjoni tkun inkompatibbli mal-Artikolu 20 tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll mal-Artikolu 45 TFUE u mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-perijodi preċedenti ta’ servizz rilevanti mwettqa fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea ma jittiħdux iktar inkunsiderazzjoni għad-data ta’ riferiment tal-avvanz meta s-sitwazzjoni eżistenti tal-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tkun tirriżulta minn att diskrezzjonali tal-persuna li timpjega (promozzjoni) u mhux iktar mill-avvanz skont l-anzjanità u li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li ffissar ġdid tad-data ta’ riferiment tal-avvanz iseħħ biss jekk is-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tkun stabbilita permezz tad-data ta’ riferiment tal-avvanz?
2) Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-‘Karta’), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-perijodi preċedenti ta’ servizz rilevanti mwettqa fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea ma jittiħdux iktar inkunsiderazzjoni għad-data ta’ riferiment tal-avvanz meta s-sitwazzjoni eżistenti tal-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tkun tirriżulta minn att diskrezzjonali tal-persuna li timpjega (promozzjoni) u mhux iktar mill-avvanz skont l-anzjanità u li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li ffissar ġdid tad-data ta’ riferiment tal-avvanz iseħħ biss jekk is-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tkun stabbilita permezz tad-data ta’ riferiment tal-avvanz, iżda li din il-promozzjoni bħala prinċipju tkun prevista, skont il-linji gwida korrispondenti tal-persuna li timpjega, biss wara 19 u 25 sena ta’ servizz (ikkalkolati mid-data ta’ riferiment tal-avvanz) u li tkun għalhekk tikkonċerna uffiċjali ta’ età ikbar?
3) [Il-prinċipju] ta’ moviment liberu tal-ħaddiema [stabbilit] fl-Artikolu 45 TFUE u fl-Artikolu 20 tal-Karta jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-perijodi ta’ attività professjonali ekwivalenti jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni għad-data ta’ riferiment tal-avvanz meta din l-attività professjonali tkun ġiet eżerċitata barra mill-Awstrija (fit-territorju ta’ parti kontraenti ta[l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea] jew ta’ Stat Membru tal-Unjoni, fi Stat li ċ-ċittadini tiegħu għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini Awstrijaċi fil-qasam ta’ aċċess għal professjoni, jew ma’ istituzzjoni tal-Unjoni jew ma’ istituzzjoni intergovernattiva oħra li l-Awstrija hija membru tagħha), filwaqt li attivitajiet professjonali ekwivalenti fis-settur privat, eżerċitati fit-territorju nazzjonali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 Il-Gvern Awstrijak jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
29 Minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar l-ewwel u t-tieni domanda jirrigwardaw l-Artikolu 305b tal-K-DRG li, madankollu, ma japplikax għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi ma hijiex neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-kawża. Min-naħa l-oħra, l-ewwel u t-tielet domanda huma irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel domanda, il-Gvern Awstrijak isostni li l-perijodi ta’ attività mwettqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali barra mill-Awstrija saru fil-kuntest ta’ kollokament deċiż mill-persuna Awstrijaka li timpjegah, b’tali mod li dawn il-perijodi ta’ attività jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fir-rigward tat-tielet domanda, il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li din tikkonċerna sitwazzjoni purament interna.
30 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Keolis Agen, C‑271/22 sa C‑275/22, EU:C:2023:834, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li fuqha bbażat ruħha l-qorti tar-rinviju u lanqas il-kuntest fattwali ddefinit taħt ir-responsabbiltà ta’ dik il-qorti, kif essenzjalment jistedinha tagħmel il-Gvern Awstrijak permezz tal-argumenti tiegħu miġbura fil-qosor fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.
32 Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni domanda huma ammissibbli.
33 Fir-rigward tal-argument li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ma humiex applikabbli għas-sitwazzjoni prevista fil-kuntest tat-tielet domanda peress li din hija ta’ natura purament interna, għandu jitfakkar li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett ta’ domanda preliminari ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u d-deċiżjoni preliminari mitluba ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, b’tali mod li din id-domanda għandha titqies li hija inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret, C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 38).
34 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet possibbilment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Gnattai, C‑543/23, EU:C:2025:653, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 45(1) TFUE, li jipprojbixxi, bħala prinċipju, kull ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, japplika għas-sitwazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni u mhux f’kuntest purament nazzjonali.
36 L-istess japplika fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 45(2) TFUE u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011.
37 Issa, il-każ deskritt mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha, jiġifieri n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni, tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat fl-Awstrija, jidħol f’kuntest purament nazzjonali.
38 Minn dan isegwi li l-Artikolu 45(1) u (2) TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 ma humiex applikabbli għal każ bħal dan.
39 Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ rabta skont l-Artikolu 51 tal-Karta, li tiġġustifika evalwazzjoni tas-sitwazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 20 tagħha, hija nieqsa f’dan il-każ.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, sa fejn it-tielet domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi u li, sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 45 TFUE, din id-domanda hija inammissibbli.
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
41 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 45 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, f’ċerti ċirkustanzi, teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal f’dan l-Istat Membru.
42 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa mill-ħaddiem ta’ Stat Membru fi Stat ieħor taż-ŻEE, bl-għan li tiġi kkumpensata l-esperjenza professjonali li huwa kiseb preċedentement, għandu jseħħ skont modalitajiet li jeskludu, minn naħa, kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, konformement mal-Artikolu 45(2) TFUE u mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, kif ukoll, min-naħa l-oħra, kull ostakolu għal-libertà ta’ moviment stabbilit fl-Artikolu 45(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punti 21 u 54).
43 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda fiha żewġ partijiet.
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda
44 Għall-finijiet tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 145 tal-K-DRG jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni sħiħ tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-Awstrija, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst għall-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali.
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien suġġett għaliha bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst għall-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali.
46 L-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss l-espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, u li għalhekk, għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan l-artikolu tal-aħħar (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punti 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn ħaddiem fi Stat taż-ŻEE, qabel id-dħul tiegħu fis-servizz bħala uffiċjal ta’ dan l-Istat Membru, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali tiegħu, bla dubju tagħmel parti mill-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. Hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, skont kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca (Klassifikar speċjali), C‑132/22, EU:C:2023:489, punt 28 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).
49 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata direttament fuq in-nazzjonalità, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-uffiċjali kollha rreklutati mil-Land, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, ma tistax titqies li tikkostitwixxi tali diskriminazzjoni.
50 Fit-tieni lok, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, minkejja li tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali u li, konsegwentement, tirriskja li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan imfittex (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 F’dan il-każ, huwa minnu li l-esklużjoni ta’ kull teħid inkunsiderazzjoni retroattiv tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz u mhux preċedentement meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali ta’ uffiċjal promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni tista’ tisfavorixxi lil dan l-uffiċjal meta mqabbel ma’ uffiċjal li jinsab f’sitwazzjoni ekwivalenti u li ma bbenefikax minn promozzjoni.
52 Madankollu, sabiex tali differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema titqies bħala indirettament diskriminatorja, fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011, din għandha tkun tista’ madankollu, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 31).
53 Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal dik imsemmija fl-ewwel parti tal-ewwel domanda, teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull esperjenza professjonali miksuba fis-settur privat ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa fi Stat ieħor taż-ŻEE, bil-kundizzjoni li l-uffiċjal ikkonċernat ma jkunx ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. Fil-fatt, għalkemm iċ-ċittadini ta’ Stati taż-ŻEE li ma humiex l-Istat Membru kkonċernat jistgħu, iktar mill-ħaddiema ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ikunu kisbu esperjenza professjonali fi Stat ieħor taż-ŻEE, dawn tal-aħħar iktar jistgħu jkunu kisbu, qabel id-dħul tagħhom fis-servizz, esperjenza professjonali fis-settur privat f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li ma jistax jitqies li tali leġiżlazzjoni tista’, min-natura tagħha stess, tisfavorixxi lill-uffiċjali ċittadini ta’ Stati Membri oħra.
54 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik imsemmija fl-ewwel parti tal-ewwel domanda, ma tistax titqies li hija ta’ natura indirettament diskriminatorja fir-rigward tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati taż-ŻEE li ma humiex l-imsemmi Stat Membru u, għaldaqstant, li tmur kontra l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011.
55 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien suġġett għaliha bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst għall-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali.
Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda
56 Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni retroattivament meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fid-dawl tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien is-suġġett tagħha skont deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.
57 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(1) TFUE jipprojbixxi, bħala prinċipju, kull ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l-artikolu (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiem, ma tieħux inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti kollha ta’ attività ekwivalenti li twettqet fi Stat taż-ŻEE aparti l-Istat ta’ oriġini ta’ dan il-ħaddiem migrant x’aktarx tagħmel il-moviment ħieles tal-ħaddiema inqas attraenti, bi ksur tal-Artikolu 45(1) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali ta’ ħaddiem, ta’ ċerti perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti skont l-Istat taż-ŻEE li fih inkisbet l-esperjenza professjonali.
61 Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, meta uffiċjal ikun ġie promoss, il-progress tiegħu fl-iskala fil-grad il-ġdid tiegħu huwa marbut, bħala prinċipju, man-numru ta’ snin ta’ servizz imwettqa f’dan il-grad. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, anki f’tali sitwazzjoni, l-esperjenza professjonali miksuba minn dan l-uffiċjal qabel id-dħul tiegħu fis-servizz jista’ jkollha effett fuq il-klassifikazzjoni salarjali tiegħu. F’dan il-każ, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, mill-Artikolu 181(3) tal-K-DRG jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni retroattiv tal-esperjenza professjonali miksuba minn uffiċjal qabel id-dħul tiegħu fis-servizz jista’ jkollu l-effett li jbiddel il-klassifikazzjoni salarjali tiegħu qabel il-promozzjoni tiegħu u, konsegwentement, li jassenja l-klassifikazzjoni fi skala ta’ dan l-uffiċjal fil-grad tiegħu wara din il-promozzjoni.
62 Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza hija ta’ natura li tiddisswadi lill-ħaddiema milli jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat ieħor taż-ŻEE sabiex hemmhekk jeżerċitaw attività professjonali ekwivalenti għal dik li huma setgħu jeżerċitaw fis-servizz tal-persuna li timpjegahom minħabba l-fatt li, mar-ritorn tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, minkejja l-ekwivalenza tal-attività li huma eżerċitaw f’dan l-Istat l-ieħor taż-ŻEE, l-esperjenza professjonali kollha tagħhom miksuba fl-imsemmi Stat taż-ŻEE ma kinitx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni salarjali tagħhom minn din il-persuna li timpjegahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirrendi inqas attraenti l-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, bi ksur tal-Artikolu 45(1) TFUE, u tikkostitwixxi, għaldaqstant, ostakolu għal din il-libertà.
64 Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din tista’ tiġi aċċettata biss jekk tfittex wieħed mill-għanijiet leġittimi stipulati fit-Trattat FUE u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni tagħhom tkun adatta sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-osservazzjonijiet li ppreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Awstrijak ma sostniex li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi għan leġittimu stabbilit fit-Trattat FUE jew li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
66 Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba fil-qasam ikkonċernat, li jpoġġi lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jkun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika salarjali (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).
67 Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-klassifikazzjoni u l-kalkolu ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiem, ta’ ċerti perijodi preċedenti ta’ attivita ekwivalenti mwettqa minnu ma tistax titqies li hija intiża li tapprezza din l-esperjenza b’mod sħiħ u, konsegwentement, ma hijiex adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 88).
68 Min-naħa l-oħra, anki jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi effettivament l-għan li l-ħaddiema jkunu leali lejn il-persuni li jimpjegawhom u li tali għan jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-imsemmija leġiżlazzjoni, l-ostakolu li din tinvolvi ma jidhirx li huwa xieraq sabiex jiggarantixxi li dan l-għan jintlaħaq.
69 Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn uffiċjal fi Stat taż-ŻEE li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija qabel id-dħul fis-servizz ta’ dan l-uffiċjal f’dan l-aħħar Stat Membru, u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali tiegħu, ma jistgħux jittieħdu iktar inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, minkejja li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta s-sitwazzjoni tal-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta esklużivament mill-avvanz skont l-anzjanità.
70 F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok jitqies li din ir-restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħal dawk imfakkra fil-punti 66 u 68 ta’ din is-sentenza.
71 Fl-aħħar, ma jistax jiġi aċċettat li għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva li jimmira biss li jnaqqas il-kompiti li għandha l-amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari billi jiffaċilita l-kalkoli li din l-amministrazzjoni għandha tagħmel, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà daqstant fundamentali bħall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 42).
72 Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li tali simplifikazzjoni tippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi hija ta’ natura purament ekonomika u għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, ma tistax tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 43).
73 Minn dan isegwi li l-Artikolu 45(1) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
74 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni retroattivament meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fid-dawl tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien is-suġġett tagħha skont deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.
Fuq it‑tieni domanda
75 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, il-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat Membru ieħor qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal f’dan l-ewwel Stat Membru ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz tagħha meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, tali promozzjoni tista’, bħala prinċipju, isseħħ biss wara diversi snin ta’ servizz, ikkalkolati mid-data ta’ referenza tal-avvanz.
76 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età hija stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta u li din il-projbizzjoni ġiet ikkonkretizzata mid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Landespolizeidirektion Niederösterreich u Finanzamt Österreich, C‑650/21, EU:C:2022:300, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
77 Għalhekk, qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fit-tieni domanda taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.
78 F’dan ir-rigward, mill-punt 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali leġiżlazzjoni tagħmel parti inkontestabbilment mill-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. Konsegwentement, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
79 F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.
80 L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-ewwel paragrafu tagħha, tirriżulta diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jidhru newtrali jistgħu jimplikaw żvantaġġ partikolari lil persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-iskop jkunu xierqa u neċessarji.
81 Issa, it-tieni domanda ma tirrigwardax leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta espliċitament il-promozzjoni ta’ uffiċjal abbażi tal-età tiegħu. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni retroattiv tal-perijodi preċedenti kollha ta’ attività professjonali ekwivalenti mwettqa minn A.B. jiddependi mill-adozzjoni, mil-Land, ta’ deċiżjoni, li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ dan tal-aħħar, li tingħata promozzjoni lil dan l-uffiċjal li ma hijiex marbuta mal-età tal-uffiċjal, iżda mat-tul tal-esperjenza professjonali li huwa kiseb.
82 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx għal differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft, C‑132/11, EU:C:2012:329, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
83 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, għandu jiġi rrilevat li dan jippreżupponi li din il-leġiżlazzjoni, minkejja li hija fformulata b’mod newtrali, tista’ tqiegħed fi żvantaġġ, b’mod partikolari, kategorija ta’ età. Dan huwa l-każ ta’ leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-promozzjoni ta’ uffiċjal biss għat-twettiq ta’ numru kbir ta’ snin ta’ servizz, b’tali mod li l-uffiċjali ta’ eta’ iktar avvanzata biss ikunu jistgħu jiksbu promozzjoni.
84 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ impjieg A jistgħu jitolbu promozzjoni għall-grad V, l-iktar kmieni, wara 9 sena ta’ attività mid-data ta’ referenza tal-avvanz, filwaqt li, sabiex jaċċedu għall-istess grad, l-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ impjieg C għandhom ikunu wettqu 29 sena ta’ attività. Konsegwentement, fid-dawl tad-differenza kbira li teżisti bejn dawn iż-żewġ perijodi ta’ servizz, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-aċċess ta’ uffiċjal għal promozzjoni jiddependi mill-appartenenza ta’ dan tal-aħħar għal kategorija ta’ età speċifika.
85 Barra minn hekk, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għoti ta’ promozzjoni ma huwiex awtomatiku iżda jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Gvern tal-Land ikkonċernat. Fl-aħħar nett, l-aċċess ta’ uffiċjal għal promozzjoni jiddependi mill-istati ta’ servizz tiegħu, mill-kapaċitajiet tiegħu kif ukoll mill-imġiba tiegħu fis-servizz u barra minnu.
86 Issa, dawn il-kriterji huma manifestament estranji għal kull teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-uffiċjali kkonċernati.
87 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq kriterju li la huwa indissoċjabbilment u lanqas indirettament marbut mal-età tal-uffiċjali. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat Membru ieħor qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz tagħha meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, ma twassalx għal differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq l-età.
88 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, il-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat Membru ieħor qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal f’dan l-ewwel Stat Membru ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz tagħha meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, tali promozzjoni tista’, bħala prinċipju, isseħħ biss wara diversi snin ta’ servizz, ikkalkolati mid-data ta’ referenza tal-avvanz, sakemm, minn naħa, in-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jitwettqu qabel ma jkunu jistgħu jitolbu promozzjoni ma jkunx tant li jkunu kkonċernati biss l-uffiċjali ta’ età avvanzata u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ promozzjoni jiddependi wkoll minn kriterji oħra, li ma jkunux relatati ma’ kwalunkwe teħid inkunsiderazzjoni tal-età.
Fuq l‑ispejjeż
89 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien suġġett għaliha bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst għall-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali.
2) L-Artikolu 45(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni retroattivament meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fid-dawl tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien is-suġġett tagħha skont deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.
3) L-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, il-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat Membru ieħor qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal f’dan l-ewwel Stat Membru ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz tagħha meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, tali promozzjoni tista’, bħala prinċipju, isseħħ biss wara diversi snin ta’ servizz, ikkalkolati mid-data ta’ referenza tal-avvanz, sakemm, minn naħa, in-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jitwettqu qabel ma jkunu jistgħu jitolbu promozzjoni ma jkunx tant li jkunu kkonċernati biss l-uffiċjali ta’ età avvanzata u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ promozzjoni jiddependi wkoll minn kriterji oħra, li ma jkunux relatati ma’ kwalunkwe teħid inkunsiderazzjoni tal-età.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.