SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protezzjoni temporanja fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati – Direttiva 2001/55/KE – Artikoli 4 u 7 – Invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati Russi – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 – Artikolu 2(3) – Possibbiltà għal Stat Membru li japplika l-protezzjoni temporanja għal persuni spostati li ma humiex imsemmija f’din id-deċiżjoni – Mument li fih Stat Membru li jkun ta protezzjoni temporanja lil tali persuni jista’ jtemm dik il-protezzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 6 – Deċiżjoni ta' ritorn – Mument li fih Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn – Residenza irregolari”
Fil-Kawżi magħquda C‑244/24 u C‑290/24 [Kaduna] ( ii ),
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑244/24), u mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) (C‑290/24), permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Marzu 2024 u tal‑25 ta’ April 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ April 2024 u fil‑25 ta’ April 2024, rispettivament, fil-proċeduri
P (C‑244/24),
AI,
ZY,
BG (C‑290/24)
vs
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), I. Jarukaitis, S. Rodin, A. Kumin, N. Jääskinen, D. Gratsias u M. Gavalec, Presidenti ta’ Awla, E. Regan, J. Passer, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: N. Mundhenke, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal P, minn C. E. van Diepen, avukat, |
|
– |
għal AI, minn P. Krämer‑Ograjensek, avukat, |
|
– |
għal ZY, minn R. H. T. van Boxmeer, advocaat, |
|
– |
għal BG, minn T. E. van Houwelingen‑Boer, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Baeckelmans, F. Blanc‑Simonetti, M. Debieuvre u A. Katsimerou, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ottubru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni:
|
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, P (C‑244/24), kif ukoll AI, ZY u BG (C‑290/24), ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar il-waqfien tal-protezzjoni temporanja mogħtija lil dawn iċ-ċittadini u l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn adottati fil-konfront tagħhom. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑dispożizzjonijiet dwar il‑protezzjoni temporanja
– Id‑Direttiva 2001/55
|
3 |
Il-premessi 2, 8 u 13 tad-Direttiva 2001/55 jiddikjaraw:
[...]
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
[...]”. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva: “Il-protezzjoni temporanja ma għandhiex tippreġudika ir-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ rifuġjat skond il-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545) (1954)), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967].” |
|
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55 jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, it-tul taż-żmien tal-protezzjoni temporanja għandu jkun ta’ sena. Għajr jekk mitmuma skont it-termini tal-Artikolu 6(1)(b), tista’ tiġi estiża awtomatikament b’perjodi taż-żmien ta’ sitt xhur għall-masimu ta’ sena. 2. Meta jippersistu raġunjijiet għall-protezzjoni temporanja, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kull talba minn Stat Membru, biex jissottometti proposta lill-Kunsill, li jtawwal il-protezzjoni temporanja għal sa sena.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva: “1. L-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati għandha tiġi stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kull talba minn Stat Membru biex jissottometti proposta lill-Kunsill. [...] 3. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandu jkollha l-effett li ddaħħal il-protezzjoni temporanja tal-persuni spostati li għalihom tirreferi, fl-Istati Membri kollha, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Id-Deċiżjoni għandha mill-inqas tinkludi:
[...] 4. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tkun imsejsa fuq:
[...]” |
|
9 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Il-protezzjoni temporanja għandha ttenn [ttemm]:
2. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tkun imsjejsa fuq kif jiġi stabbilit il-fatt illi s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini tkun hekk li tippermetti l-mawrien lura fis-sigurtà u għat-tul taż-żmien [ritorn sigur u stabbli] ta dawk konċessi l-protezzjoni temporanja b’rigward mistħoqq għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw in-nuqqas tat-tfigħ lura [non-refoulement]. Il-Parlament Ewropew għandu jkun imgħarraf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill.” |
|
10 |
L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jtawlu l-protezzjoni temporanja kif ipprovvdut f’din id-Direttiva għall-kategoriji addizzjonali tal-persuni spostati lil hemm minn dawk li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill ipprovvduta fl-Artikolu 5, meta jiġu spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew reġjun ta’ l-oriġini. Għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minnufih. 2. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 24, 25 u 26 ma għandhomx japplikaw għall-użu tal-possibbiltà riferita fil-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni ta’ l-appoġġ strutturali inkluż fil-Fond Ewropew tar-Rifuġjati stabbilit bid-[Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/596/KE li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 5)], taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.” |
|
11 |
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2001/55, intitolat “L-obbligi ta’ l-Istati Membri lejn il-persuni li jgawdu l-protezzjoni temporanja”, jinkludi l-Artikoli 8 sa 16 ta’ din id-direttiva. |
|
12 |
L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħieġa sabiex jipprovdu lill-persuni li jgawdu l-protezzjoni temporanja bil-permessi tar-residenza għat-tul intier taż-żmien tal-protezzjoni. Għandhom jinħarġu dokumenti u xiehda oħra ekwivalentri għal dan il-għan.” |
|
13 |
Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2001/55, intitolat “L-aċċess għall-proċedura ta’ l-asil fil-kuntest tal-protezzjoni temporanja”, jinkludi l-Artikoli 17 sa 19 ta’ din id-direttiva. |
|
14 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Il-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jridu jkunu kapaċi jiddepożitaw applikazzjoni għall-asil f’kull ħin. 2. L-eżaminazzjoni ta’ kull applikazzjoni għall-asil mhux ipproċessata qabel it-tmiem tal-perjodu taż-żmien tal-protezzjoni temporanja għandha tiġi kkompletata qabel it-tmiem ta’ dan il-perodu taż-żmien. ” |
|
15 |
Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2001/55, intitolat “Il-mawrien lura [ritorn] u l-miżuri wara li tkun temmrt il-protezzjoni temporanja”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 23 ta’ din l-istess direttiva. |
|
16 |
Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva: “Meta ttemm il-protezzjoni temporanja, għandhom japplikaw il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni temporanja u dwar il-barranin, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21, 22 u 23.” |
|
17 |
L-Artikolu 21 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmli possibbli l-mawrien lura tal-persuni li jgawdu protezzjoni temporanja li l-protezzjoni temporanja tagħhom tkun temmet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-disposizzjonijiet li jirregolaw il-mawrien lura volontarju tal-persuni li jgawdu l-protezzjoni temporanja jiffaċilitaw il-mawrien lura tagħhom b’rispett għad-dinjità umana. L-Istat Membru għandu jiżgura illi d-deċiżjoni ta’ dawn il-persuni li jmorru lura tittieħed fil-għarfien sħiħ tal-fatti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal viżti esploratorji. 2. Sakemm ma tkunx temmet il-protezzjoni temporanja, l-Istati Membri għandhom jagħtu, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi li jkunu jipprevalu fil-pajjiż ta’ l-oriġini, konsidrazzjoni favorevoli għat-talbiet tal-mawrien lura lejn l-Istat Membru ospitatur minn persuni li jkunu gawdew il-protezzjoni temporanja u eżerċitaw id-dritt tagħhom għal mawrien lura volontarju. 3. Mat-tmiem tal-protezzjoni temporanja, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-obbligi stabbiliti fil-kapitolu III jiġu estiżi b’mod individwali mill-persuni li kienu koperti bi protezzjoni temporanja u jkunu qegħdin jibbenefikaw minn programm ta’ mawrien lura volontarju. L-estensjoni għandu jkollha effett sad-data tal-mawrien lura.” |
|
18 |
L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2001/55 jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-mawrien lura bil-forza tal-persuni li l-protezjoni temporanja tagħhom tkum temmet u li ma jkunux eliġibbli għall-ammissjoni għandu jiġi kondott b’rispett mistħoqq għad-dinjità umana. 2. F'każijiet ta’ mawrien lura bil-forza, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull raġuni umanitarja ta’ kostrizzjoni li tista’ tagħmel il-mawrien lura impossibbli jew mingħajr raġuni f’każijiet speċifiċi.” |
|
19 |
Skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet tar-residenza tal-persuni li jkunu gawdew il-protezzjoni temporanja u li, minħabba l-istat tas-saħħa tagħhom, ma jkunux jistgħu jiġu mistennija b’mod raġjonevoli li jivvjaġġaw; meta, per eżempju, isofru effetti negattivi jekk tiġi interrotta l-kura tagħhom. Ma għandhomx jiġu espulsi safejn u sakemm tissokta din is-sitwazzjoni. 2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-familji li t-tfal tagħhom ikunu minuri u jattendu skola fl-Istat Membru li jibbenefikaw mill-kondizzjonijiet tar-residenza li jippermettu lit-tfal kkonċernati li jikkompletaw il-perjodu korrenti taż-żmien ta’ l-iskola.” |
– Id‑Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382
|
20 |
Il-premessi 7, 11 sa 14, u 21 tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jiddikjaraw:
[...]
[...]
|
|
21 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprevedi: “L-eżistenza ta’ influss bil-massa fl-Unjoni ta’ persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukrajna minħabba kunflitt armat hija b’dan stabbilita.” |
|
22 |
L-Artikolu 2(1) sa (3) tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprovdi: “1. Din id-Deċiżjoni tapplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara din id-data, b’riżultat tal-invażjoni militari mill-forzi armati Russi li bdiet f’dik id-data:
2. L-Istati Membri għandhom japplikaw jew din id-Deċiżjoni jew protezzjoni adegwata taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, fir-rigward ta’ persuni apolidi, u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l‑24 ta’ Frar 2022 abbażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ skont il-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom. 3. F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-Deċiżjoni għal persuni oħra, inklużi persuni apolidi u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li kienu jirrisjedu legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom.” |
|
23 |
Skont l-Artikolu 4 tagħha, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl‑4 ta’ Marzu 2022. |
– Id‑Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409
|
24 |
Il-premessi 3 sa 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 jiddikjaraw:
[...]
|
|
25 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprevedi: “Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 hija estiża għal perjodu ta’ sena sal‑4 ta’ Marzu 2025.” |
– Id‑Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1836
|
26 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 tal‑25 ta’ Ġunju 2024 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2024/1836), jipprovdi: “Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, u estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409, hija estiża għal perjodu ieħor ta’ sena, sal‑4 ta’ Marzu 2026.” |
Id‑dispożizzjonijiet rilevanti l‑oħra
– Id‑Direttiva 2008/115
|
27 |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi: “Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.” |
|
28 |
Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva: “Din id-Direttiva m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil.” |
|
29 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:
jirrispettaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement.” |
|
30 |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5. [...] 6. Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.” |
– Id‑Direttiva 2013/32/UE
|
31 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...] ‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).” |
|
32 |
L-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk: [...]
[...]”. |
– Ir‑Regolament (UE) 2016/399
|
33 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Settembru 2018 (ĠU 2018, L 236, p. 1), jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal residenza prevista ta’ tul ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum. Fost dawn l-obbligi hemm dak, li għalih huma suġġetti ċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi, li jkunu fil-pussess ta’ viża valida. |
– Ir‑Regolament (UE) 2018/1860
|
34 |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU 2018, L 312, p. 1) jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-[Sistema ta’ Informazzjoni Schengen (SIS)] allerti dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn [sabiex] jiġi vverifikat li l-obbligu ta’ ritorn ikun ġie rispettat u biex jiġi appoġġat l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn. Wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn għandu jiddaħħal fis-SIS allert dwar ritorn mingħajr dewmien.” |
Id‑dritt Olandiż
Il‑Liġi tal‑2000 dwar il‑Barranin
|
35 |
L-Artikolu 8 tal-Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi li tipprevedi Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin) (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin)) tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin”), jipprovdi: “Barrani għandu d-dritt jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi biss: [...]
[...]
[...]”. |
Id‑Digriet tal‑2000 dwar il‑Barranin
|
36 |
L-Artikolu 3.1a(1) tal-Besluit tot uitvoering van de Vreemdelingenwet 2000 (Vreemdelingenbesluit 2000) (id-Digriet li jimplimenta l-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin (id-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin)) tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 497), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin”), jipprovdi: “Il-preżentata ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanju minħabba ażil għandha bħala konsegwenza li, sakemm iddum fis-seħħ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [2001/55], it-tneħħija ma ssirx, kemm‑il darba l-barrani:
[...]
|
Ir‑Regolament tal‑2000 dwar il‑Barranin, kif ukoll ir‑Regolamenti tal‑2022 u tal‑2023
|
37 |
L-Artikolu 3.9.a tal-Voorschrift Vreemdelingen 2000 (ir-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin) jelenka l-gruppi ta’ barranin imsemmija fl-Artikolu 3.1a(1)(e) tad-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin. |
|
38 |
Dan l-Artikolu 3.9.a ddaħħal fir-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin b’effett retroattiv permezz tal-Artikolu 1 tar-Regeling van de Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid nummer 4123685, houdende wijziging van het Voorschrift Vreemdelingen 2000, in verband met het aanpassen van de doelgroep ontheemden uit Oekraïne, waaraan tijdelijke bescherming wordt verleend (ir-Regolament tas-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà Nru 4123685 li jemenda r-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin fir-rigward tal-grupp rilevanti tal-persuni spostati mill-Ukraina li lilhom tkun ingħatat il-protezzjoni temporanja) tas‑17 ta’ Awwissu 2022 (Stcrt. 2022, Nru 22623, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2022 »), li jipprevedi żewġ verżjonijiet għall-imsemmi Artikolu 3.9.a, l-ewwel waħda fis-seħħ tul il-perijodu mill‑4 ta’ Marzu 2022 sat‑18 ta’ Lulju 2022, it-tieni waħda fis-seħħ b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022. |
|
39 |
Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ bejn l‑4 ta’ Marzu 2022 u t‑18 ta’ Lulju 2022, l-Artikolu 3.9a(1)(c) tar-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin kien jipprovdi: “Jitqiesu bħala barranin imsemmija fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 3.1a(1) u fil-punt (e) tal-Artikolu 3.1a(1) tad-Digriet [tal‑2000 dwar il-Barranin], il-barranin: [...]
|
|
40 |
Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, l-Artikolu 3.9a(1) tar-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin huwa fformulat kif ġej: “Jitqiesu bħala barranin imsemmija fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 3.1a(1) u fil-punt (e) tal-Artikolu 3.1a(1) tad-Digriet [tal‑2000 dwar il-Barranin], il-barranin:
|
|
41 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament tal‑2022 jipprevedi sistema tranżitorja, billi jipprovdi dan li ġej: “L-Artikolu 3.9a(1)(c) [tar-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin], fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sad‑19 ta’ Lulju 2022, għandu jkompli japplika sal‑4 ta’ Marzu 2023 għall-barranin:
|
|
42 |
Din is-sistema tranżitorja ġiet ipprorogata permezz tal-Artikolu 2 tar-Regeling van de Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid, nummer 4507236, in verband met de Verlenging van de duur van tijdelijke bescherming aan een Groep ontheemden uit Oekraïne (ir-Regolament tas-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà Nru 4507236 li jipproroga t-tul tal-protezzjoni temporanja għal grupp ta’ persuni spostati mill-Ukraina), tal‑1 ta’ Marzu 2023 (Stcrt. 2023, Nru 7194, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2023”), li jipprovdi: “L-Artikolu 3.9a(1)(c) [tar-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin], fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sad‑19 ta’ Lulju 2022, għandu jkompli japplika sal‑4 ta’ Settembru 2023 għall-barranin:
|
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑Kawża C‑244/24
|
43 |
P huwa ċittadin Niġerjan, li kellu dritt ta’ residenza temporanja fl-Ukraina sal‑31 ta’ Jannar 2023. Wara l-invażjoni tat-territorju Ukrain mill-forzi armati Russi, huwa ħarab lejn il-Pajjiżi l-Baxxi u, fl‑1 ta’ Ġunju 2022, ġie rreġistrat fir-reġistru tal-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. F’din id-data, l-awtoritajiet Olandiżi taw il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja, fis-sens tad-Direttiva 2001/55, lil, b’mod partikolari, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ P, mingħajr ma ġiet evalwata l-possibbiltà li dawn jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Għalhekk, is-Segretarju tal-Istat ta lil P tali protezzjoni. |
|
44 |
Fid‑9 ta’ Awwissu 2014, P ippreżenta applikazzjoni għall-ażil. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Awwissu 2023, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li ma jkomplix bl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Ma tressaq ebda rikors kontra din id-deċiżjoni. |
|
45 |
Fl‑24 ta’ Awwissu 2023, is-Segretarju tal-Istat temm ukoll il-protezzjoni temporanja ta’ P, b’effett mill‑4 ta’ Settembru 2023. Din id-deċiżjoni ġiet sussegwentement irtirata minħabba li, permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2024, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) kien iddeċieda li l-awtoritajiet Olandiżi ma setgħux itemmu, b’effett mill‑4 ta’ Settembru 2023, il-protezzjoni temporanja taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ P u li l-protezzjoni temporanja mogħtija lil dawn iċ-ċittadini kellha tintemm ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024 u s-Segretarju tal-Istat informa lil P b’dan permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Jannar 2024. |
|
46 |
Fis‑7 ta’ Frar 2024, is-Segretarju tal-Istat adotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ P, minħabba li r-residenza legali tiegħu fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet ser tintemm ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024. Din id-deċiżjoni ordnat lil P jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fi żmien erba’ ġimgħat minn din id-data tal-aħħar. |
|
47 |
P adixxa lir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24, b’rikors li jikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa sostna, b’mod partikolari, li din tal-aħħar mhux biss kienet prematura iżda wkoll illegali, peress li l-protezzjoni temporanja kellha tingħatalu, skont id-dritt tal-Unjoni, sal‑4 ta’ Marzu 2025, bis-saħħa tal-proroga tal-protezzjoni temporanja prevista fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409. Barra minn hekk, iżid jgħid li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, huwa ma nstemax dwar, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mal-Artikoli 3 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. |
|
48 |
Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Olandiża li tittrasponi d-Direttiva 2001/55, il-persuna spostata għandha tippreżenta applikazzjoni għall-ażil sabiex tikseb dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 8(f) jew (h) tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin. Hija tenfasizza wkoll li l-Artikolu 3.1a(1) tad-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin jittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55 li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jestendu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja għal persuni oħra (iktar ’il quddiem il-“protezzjoni temporanja fakultattiva”). |
|
49 |
It-tieni nett, dik il-qorti tosserva li, permezz ta’ ittra indirizzata lill-President tat-Tweede Kamer der Staten‑Generaal (il-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Pajjiżi l-Baxxi) fit‑30 ta’ Marzu 2022, is-Segretarju tal-Istat indika li huwa kien biħsiebu japplika l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 billi jestendi l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni apolidi u għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom permess validu ta’ residenza temporanja fl-Ukraina fit‑23 ta’ Frar 2022, mingħajr ma jeżiġi li jiġi pprovat li dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. Madankollu, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2022, is-Segretarju tal-Istat qal li xtaq ineħħi din il-protezzjoni temporanja fakultattiva b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, filwaqt li ppreveda sistema tranżitorja għall-persuni li sa dak iż-żmien kienu qegħdin jibbenefikaw minnha. Fil-fehma tas-Segretarju tal-Istat, din it-tneħħija kienet iġġustifikata mill-abbuż li seta’ jsir u minn movimenti sekondarji lejn il-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
50 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fis‑17 ta’ Awwissu 2022, permezz tar-Regolament tal‑2022, is-Segretarju tal-Istat daħħal Artikolu 3.9a fir-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin, li jipprevedi, minn naħa, li, b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, il-protezzjoni temporanja fakultattiva ma kinitx ser tingħata iktar u, min-naħa l-oħra, li l-persuni li, f’din id-data, kienu diġà ngħataw tali protezzjoni temporanja fakultattiva kienet ser tintemmilhom din il-protezzjoni fl‑4 ta’ Marzu 2023. |
|
51 |
Ir-Regolament tal‑2023 ipproroga din is-sistema tranżitorja sal‑4 ta’ Settembru 2023. Din il-proroga kienet iġġustifikata mill-fatt li kien hemm lok li wieħed jistenna li numru mhux żgħir ta’ dawn il-persuni jibdew proċeduri ta’ ażil, bir-riskju ta’ nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza. |
|
52 |
Permezz tas-sentenza tiegħu tas‑17 ta’ Jannar 2024, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) qies, madankollu, li jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2001/55 li s-sistema tranżitorja għall-benefiċċju tal-persuni li kienu diġà qegħdin jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fakultattiva kellha tibqa’ fis-seħħ sal‑4 ta’ Marzu 2024. Fil-fatt, fil-fehma ta’ dik il-qorti, ladarba Stat Membru jkun ta tali protezzjoni temporanja fakultattiva, huwa ma jkunx jista’ jirtiraha matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55, ħlief meta l-Kunsill jiddeċiedi, matul dan il-perijodu, li jtemm minn qabel il-protezzjoni temporanja, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Mill-banda l-oħra, il-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva mogħtija minn dan l-Istat Membru huma kkonċernati biss mill-proroga tal-protezzjoni temporanja, deċiża mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jekk, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, dan l-Istat Membru jkun għadu jagħti tali protezzjoni temporanja fakultattiva lil dan il-grupp ta’ benefiċjarji. Issa, f’dan il-każ, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda, fid‑19 ta’ Lulju 2022, jiġifieri qabel id-data tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, li ma jagħtix iktar il-protezzjoni temporanja lill-persuni apolidi u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’permess ta’ residenza temporanju fl-Ukraina. |
|
53 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet waħda prematura, il-qorti tar-rinviju tqis li mill-Artikolu 2(1), kif ukoll mill-Artikolu 6(1) u (6) tad-Direttiva 2008/115 jidher li jirriżulta li, sakemm ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari, ma tista’ tiġi adottata ebda deċiżjoni ta’ ritorn li tkun tikkonċerna lilu. |
|
54 |
Madankollu, dik il-qorti tirrileva li, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Jannar 2024, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) qies li kien is-Segretarju tal-Istat li kellu jiddetermina l-mod kif kien ser jinforma lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva bit-tmiem tad-dritt ta’ residenza tagħhom fl‑4 ta’ Marzu 2024. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja tagħhom, dawn il-persuni rċevew ittra li tinformahom dwar l-istadji ulterjuri tal-proċedura. Fl-aħħar nett, ġie deċiż li jiġu adottati d-deċiżjonijiet ta’ ritorn kollha fil-konfront tagħhom fis‑7 u fit‑23 ta’ Frar 2024, sabiex ikunu jistgħu jiġu informati malajr kemm jista’ jkun bil-konsegwenzi ta’ tmiem ir-residenza legali tagħhom. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dan l-approċċ kien jagħmilha possibbli wkoll għall-awtoritajiet Olandiżi li jipproċedu b’mod iktar faċli bit-tneħħija tal-imsemmija persuni fl-iqsar żmien possibbli. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni ta’ ritorn stess jirriżulta li din ma tipproduċi ebda effett qabel id-data ta’ tmiem ir-residenza regolari, peress li din id-deċiżjoni tindika b’mod ċar li kien biss b’effett mill‑5 ta’ Marzu 2024 li r-residenza ta’ P issir irregolari u li kien biss b’effett minn din id-data li t-terminu għar-ritorn jibda jiddekorri fir-rigward tiegħu. Dik il-qorti tippreċiża, madankollu, li t-terminu li fih kellu jiġi ppreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni jibda jiddekorri b’effett mid-data tal-adozzjoni tagħha. |
|
55 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, jekk is-Segretarju tal-Istat setax jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tar-rikorrent inkwistjoni fil-kawża prinċipali mis‑7 ta’ Frar 2024, minkejja li, f’din id-data, dan tal-aħħar kien għadu qiegħed jirrisjedi legalment fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
56 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija illegali, il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha jekk il-protezzjoni temporanja mogħtija lir-rikorrent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55, intemmitx ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024, kif jirriżulta mis-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tas‑17 ta’ Jannar 2024. |
|
57 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, l-ewwel nett, li, f’każ li, f’qasam partikolari, il-kompetenza tkun maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, bħalma huwa l-każ tal-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jeżerċitaw iktar il-kompetenza tagħhom ladarba l-Unjoni tkun eżerċitat tagħha. |
|
58 |
Billi r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi uża l-possibbiltà mogħtija lilu fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 u ta protezzjoni temporanja fakultattiva lil ċerti persuni, dawn tal-aħħar jaqgħu b’mod sħiħ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/55, skont l-Artikolu 7 tagħha. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-protezzjoni temporanja fakultattiva hekk mogħtija minn Stat Membru għandha tosserva, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 6 ta’ din id-direttiva, liema artikoli jirregolaw, b’mod vinkolanti u eżawrjenti, it-tul tal-protezzjoni temporanja u l-modi kif din tista’ titwaqqaf. |
|
59 |
Konsegwentement, il-protezzjoni temporanja fakultattiva tista’ tintemm biss meta jkun għadda l-perijodu massimu tal-protezzjoni temporanja jew meta l-Kunsill jiddeċiedi li jtemm din il-protezzjoni minn qabel. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni – tissokta tgħid l-qorti tar-rinviju – eżerċita, fir-rigward tal-benefiċjarji kollha tad-Direttiva 2001/55, il-kompetenza tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mat-tul tal-protezzjoni temporanja u mal-kundizzjonijiet li taħthom tista’ titwaqqaf din tal-aħħar. |
|
60 |
It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tqis li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 ma tagħżilx bejn id-diversi gruppi ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja. Hija tirrileva wkoll li l-proposta li wasslet għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tippreċiża li d-Direttiva 2001/55 għandha tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-istess regoli u ta’ sett armonizzat ta’ drittijiet fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-persuni li jkunu ntlaqgħu hemmhekk fid-data tal-proroga tal-protezzjoni temporanja, kif proprju tikkonferma wkoll il-premessa 7 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. |
|
61 |
It-tielet nett, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-fatt li tali proroga tal-protezzjoni temporanja tiġi deċiża mill-Kunsill, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55, ma jippermettix li tinġibed il-konklużjoni li l-Istati Membri għandhom, f’din l-okkażjoni, jevalwaw, għal darba oħra, il-kategoriji tal-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni, billi s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja ma nbidlitx iktar minn dik tal-persuni li jaqgħu direttament taħt din id-direttiva. |
|
62 |
B’hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex jitqies li l-persuni li, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, b’tali mod li huma intitolati għall-protezzjoni temporanja, taħt din id-direttiva, sal‑4 ta’ Marzu 2025. |
|
63 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑Kawża C‑290/24
|
64 |
AI, ZY u BG huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom permess validu ta’ residenza temporanja fl-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022. Wara li telqu mill-Ukraina minħabba l-invażjoni tat-territorju ta’ dan il-pajjiż mill-forzi armati Russi, dawn iċ-ċittadini ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Popolazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil fil-perijodu li matulu l-awtoritajiet Olandiżi taw il-protezzjoni temporanja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’permess ta’ residenza temporanju fl-Ukraina, mingħajr ma ġie evalwat jekk dawn tal-aħħar setgħux jirritornaw fil-pajjiż jew fir-reġjun tal-oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. Għalhekk, is-Segretarju tal-Istat ta lil dawn iċ-ċittadini protezzjoni temporanja taħt id-Direttiva 2001/55. |
|
65 |
Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Frar 2024, is-Segretarju tal-Istat ordna lil AI, lil ZY u lil BG jitilqu mit-territorju tal-Unjoni fi żmien erba’ ġimgħat mill‑4 ta’ Marzu 2024. |
|
66 |
Permezz tas-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2024 u tas‑27 ta’ Marzu 2024, ir-rikorsi ppreżentati min AI u BG kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilhom intlaqgħu u dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati. Is-Segretarju tal-Istat appella minn dawn is-sentenzi quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li huwa l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑290/24. |
|
67 |
Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2024, ir-rikors ippreżentat minn ZY kontra d-deċiżjoni li tikkonċerna lilu ġie miċħud bħala infondat. ZY appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
68 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat tas‑7 ta’ Frar 2024, imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ ritorn, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. |
|
69 |
Hija tirrileva wkoll li l-eżitu tat-tilwimiet li tressqu quddiemha jimplika d-determinazzjoni tad-data li fiha tintemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti tenfasizza, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni Olandiża li ttrasponiet id-Direttiva 2001/55 tipprevedi li l-protezzjoni temporanja għandha tingħata abbażi tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin u abbażi tal-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ażil mill-persuna kkonċernata u t-terminu stipulat sabiex tingħata deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni jibqa’ sospiż sakemm iddum il-protezzjoni temporanja. |
|
71 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjoni li tintemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva ġiet iġġustifikata mis-Segretarju tal-Istat minħabba abbuż li seta’ kien hemm, minħabba movimenti sekondarji lejn il-Pajjiżi l-Baxxi u minħabba l-fatt li l-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni setgħu ħafna drabi jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. |
|
72 |
Fit-tielet lok, dik il-qorti tfakkar li, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Jannar 2024, hija qieset, għar-raġunijiet imfissra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li s-Segretarju tal-Istat ma setax jirtira, mill‑4 ta’ Settembru 2023 ’il quddiem, il-protezzjoni temporanja fakultattiva lil persuni li lilhom din kienet diġà ngħatat, iżda li din il-protezzjoni kienet ser tintemm ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024, id-data li fiha l-protezzjoni temporanja mogħtija mill-Kunsill kienet tieqaf li ma kienx għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409. |
|
73 |
Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55 jirreferu għal sitwazzjonijiet differenti, peress li l-paragrafu 1 jipprevedi t-tul inizjali tal-protezzjoni temporanja u l-proroga awtomatika tagħha, filwaqt li l-paragrafu 2 jipprevedi sitwazzjoni ġdida, li fiha l-Kunsill jevalwa mill-ġdid jekk ikunx għad hemm raġunijiet għaż-żamma tal-protezzjoni temporanja. |
|
74 |
Peress li Stat Membru għandu jkun jista’ jtemm l-applikazzjoni fakultattiva ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti tqis li l-proroga tal-protezzjoni temporanja, li tirriżulta minn deċiżjoni tal-Kunsill adottata abbażi ta’ dan l-Artikolu 4(2), bħad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, tapplika għall-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun għadu juża, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-possibbiltà li joffrulu l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Issa, dan ma kienx il-każ għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
75 |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja l-għoti tas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Jannar 2024, għad hemm diverġenzi fil-ġurisprudenza fil-Pajjiżi l-Baxxi dwar kif għandhom jiġu interpretati l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55 f’sitwazzjoni fejn Stat Membru jtemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva li huwa jkun ta skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tqis li, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-unità tad-dritt, huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24. Issa, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża tista’ tagħmel l-eżami ta’ din it-tielet domanda żejjed. |
|
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
Fuq it‑tgħaqqid tal‑Kawżi C‑244/21 u C‑290/24
|
77 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Mejju 2024, il-Kawżi C‑244/24 u C‑290/24 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u dawk orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. |
Fuq it‑talbiet għal applikazzjoni tal‑proċedura mħaffa
|
78 |
Il-qrati tar-rinviju talbu li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
79 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 2024, Kaduna (C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:491), dawn it-talbiet intlaqgħu. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq it‑tielet domanda fil‑Kawża C‑244/14 u d‑domandi fil‑Kawża C‑290/24
|
80 |
Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑244/24 u taż-żewġ domandi fil-Kawża C‑290/24, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2001/55 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, li jkun ta l-protezzjoni temporanja lil kategoriji ta’ persuni differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, iċaħħad lil dawn il-kategoriji ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja matul il-perijodu tagħha deċiż mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. |
|
81 |
Kif jindika l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2001/55 għandha l-għan li tistabbilixxi l-istandards minimi għall-għoti ta’ protezzjoni temporanja fil-każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom u li tgħin sabiex jinstab bilanċ bejn l-isforzi tal-Istati Membri li jakkolju lil dawn il-persuni u li jbatu l-konsegwenzi ta’ din l-akkoljenza. Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, l-implimentazzjoni ta’ din il-protezzjoni tfittex, b’mod partikolari, li tevita li s-sistema intiża għall-għoti tal-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali tkun mgħobbija bil-preżentata ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet f’salt intiżi sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, fl-interess kemm ta’ dawn il-persuni spostati kif ukoll ta’ persuni oħra li jitolbu protezzjoni internazzjonali. |
|
82 |
Dan il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja u immedjata, li huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politika tal-ażil, imsemmi fl-Artikolu 80 TFUE, għandu, madankollu, kif proprju jenfasizzaw il-premessi 2 u 13, kif ukoll il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, natura eċċezzjonali u għandu jkun irriżervat għall-każijiet ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 93). Barra minn hekk, huwa jagħti lill-benefiċjarji tiegħu drittijiet iktar limitati minn dawk li jirriżultaw mill-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 257). |
|
83 |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55, l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati għandha tiġi kkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-eżami tas-sitwazzjoni u tal-portata tal-movimenti ta’ persuni spostati, kif ukoll fuq l-evalwazzjoni dwar jekk ikunx xieraq li tiġi stabbilita l-protezzjoni temporanja, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ta’ għajnuna ta’ emerġenza u ta’ interventi fuq il-post jew l-insuffiċjenza tagħhom. L-imsemmija deċiżjoni għandha l-effett li twassal għall-implementazzjoni tal-protezzjoni temporanja fl-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva 2001/55 fir-rigward tal-gruppi speċifiċi ta’ persuni deskritti fl-istess deċiżjoni, b’effett mid-data stabbilita minn din tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“protezzjoni temporanja obbligatorja”). |
|
84 |
Abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55, il-Kunsill adotta, fl‑4 ta’ Marzu 2022, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 li tikkonstata l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukraina. Id-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li seħħet dakinhar stess, kellu l-konsegwenza li jwassal, b’effett minn din id-data, għall-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja obbligatorja għall-benefiċċju tal-kategoriji ta’ persuni identifikati fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, kif ukoll tal-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 2(2) tal-istess deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, u dan sakemm l-Istati Membri ma jkunux taw lil dawn tal-aħħar protezzjoni adegwata skont id-dritt nazzjonali tagħhom. |
|
85 |
B’mod iktar speċifiku, mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jirriżulta li din tal-aħħar tapplika għal tliet kategoriji ta’ persuni spostati mill-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara din id-data, minħabba l-invażjoni militari Russa, jiġifieri, l-ewwel nett, iċ-ċittadini Ukraini li kienu qegħdin jirrisjedu fl-Ukraina qabel l-imsemmija data, it-tieni nett, il-persuni apolidi u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex l-Ukraina li bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew minn protezzjoni nazzjonali ekwivalenti fl-Ukraina qabel din l-istess data u, it-tielet nett, il-membri tal-familja tal-persuni li jaqgħu taħt dawn l-ewwel żewġ kategoriji. |
|
86 |
Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-imsemmija deċiżjoni jew jagħtu protezzjoni adegwata skont id-dritt nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-persuni apolidi u taċ-ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li ma humiex l-Ukraina li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukraina qabel l‑24 ta’ Frar 2022 abbażi ta’ permess validu ta’ residenza permanenti maħruġ skont id-dritt Ukrain, u li ma jistgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. |
|
87 |
Issa, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħu taħt ebda waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Fil-fatt, dawn tal-aħħar la huma ċittadini Ukraini, la benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jew ta’ protezzjoni ekwivalenti fl-Ukraina, u lanqas membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini jew ta’ dawn il-benefiċjarji. Barra minn hekk, huma kellhom biss permess ta’ residenza temporanju fl-Ukraina. |
|
88 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja lil kwalunkwe kategorija ta’ persuni li ma hijiex imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta din il-protezzjoni u dan sakemm dawn il-persuni jkunu ġew spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew mill-istess reġjun ta’ oriġini. L-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ifakkar tali possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri billi jenfasizza li dawn tal-aħħar jistgħu, skont dan l-Artikolu 7, japplikaw l-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għal persuni oħra, inkluż lill-persuni apolidi u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex l-Ukraina, li kienu jirrisjedu legalment fl-Ukraina u li ma jistgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. |
|
89 |
Kif jirriżulta mill-punti 37 sa 43, 49 u 50 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet Olandiżi inizjalment riedu jimplimentaw tali possibbiltà billi jestendu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja għal kategorija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni apolidi li ma kinitx issemmiet fl-intier tagħha fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, jiġifieri dawk kollha li kellhom permess ta’ residenza Ukrain, inkluż dak temporanju, validu fit‑23 ta’ Frar 2022 u li x’aktarx telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021, mingħajr ma ġie evalwat jekk dawn setgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. |
|
90 |
Madankollu, dawn l-awtoritajiet sussegwentement iddeċidew li, bis-saħħa tal-Artikolu 3.9a(1)(c) tar-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, jillimitaw tali protezzjoni għal kategorija ta’ persuni iktar ristretta, jiġifieri dawk li kellhom permess ta’ residenza Ukrain permanenti validu fit‑23 ta’ Frar 2022 u li x’aktarx, minn naħa, ikunu telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021 u, min-naħa l-oħra, ma jkunx intwera li huma rritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom wara t‑23 ta’ Frar 2022. |
|
91 |
Fir-rigward tal-persuni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma għandhomx tali permess ta’ residenza Ukrain permanenti iżda li kienu diġà ngħataw protezzjoni temporanja fakultattiva qabel id‑19 ta’ Lulju 2022, ġiet stabbilita sistema tranżitorja, li tipprevedi li, fir-rigward ta’ dawn il-persuni, din il-protezzjoni kellha tintemm fl‑4 ta’ Marzu 2023. Din is-sistema tranżitorja ġiet ipprorogata sal‑4 ta’ Settembru 2023 permezz tar-Regolament tal‑2023. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 45, 52 u 72 ta’ din is-sentenza, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, permezz tas-sentenza tiegħu tas‑17 ta’ Jannar 2024 li s-Segretarju tal-Istat ma setax jirtira, b’effett mill‑4 ta’ Settembru 2023, il-protezzjoni temporanja fakultattiva għall-persuni li għalihom din kienet diġà ngħatat, iżda li din il-protezzjoni kellha tintemm ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024, id-data li fiha l-protezzjoni temporanja obbligatorja kienet tieqaf li ma kienx għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409. |
|
92 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qrati tar-rinviju, għandu, għalhekk, jiġi ddeterminat, qabelxejn, jekk din il-kategorija ta’ persuni setgħetx tingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva, abbażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55, qabel ma jiġi eżaminat jekk, skont din id-direttiva, moqrija flimkien mad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2022/382 u 2023/2409, kienx possibbli għall-awtoritajiet Olandiżi li jirtiraw din il-protezzjoni, minkejja li l-protezzjoni temporanja obbligatorja, implimentata permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, ma kinitx intemmet. |
Fuq il‑persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-‑protezzjoni temporanja fakultattiva
|
93 |
Fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 jawtorizza lill-Istati Membri jestendu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja prevista f’din id-direttiva għal kategoriji ta’ persuni differenti minn dawk indikati mill-Kunsill kemm‑il darba dawn il-persuni jkunu ġew spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew mill-istess reġjun ta’ oriġini. |
|
94 |
Minn dan isegwi li Stat Membru li jagħmel użu mill-possibbiltà li toffrilu din id-dispożizzjoni jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li ma jistax jagħti l-protezzjoni temporanja fakultattiva lil persuni li ma jkunux ġew spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew mill-istess reġjun ta’ oriġini bħall-persuni li jkunu qegħdin jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja obbligatorja. Madankollu, tali konstatazzjoni ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jagħtu dritt ta’ residenza abbażi biss tad-dritt nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji, lil kategoriji ta’ persuni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 116 sa 118, kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2024, Changu,C‑352/23, EU:C:2024:748, punt 48). |
|
95 |
Fit-tieni lok, mill-Artikolu 3.9a(1)(c) tar-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ bejn l‑4 ta’ Marzu 2022 u t‑18 ta’ Lulju 2022, jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi taw il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja lil dawk kollha li kellhom permess ta’ residenza Ukrain, inkluż dak temporanju, validu fit‑23 ta’ Frar 2022 u li x’aktarx telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021, jiġifieri 90 jum qabel id-data tal-bidu tal-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati Russi, imsemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma kinitx timponi l-obbligu li jiġi evalwat jekk dawn il-persuni setgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. Għandu, għalhekk, jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet Olandiżi kinux awtorizzati, skont id-dritt tal-Unjoni, jagħtu lil dawn il-persuni kollha tali protezzjoni temporanja. |
|
96 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jirriżulta li din tal-aħħar tapplika għall-kategoriji ta’ persuni, elenkati f’din id-dispożizzjoni, li ġew spostati mill-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara din id-data, minħabba l-invażjoni militari mill-forzi armati Russi li bdiet fl-imsemmija data. Minn dan isegwi li r-raġuni għall-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja obbligatorja, kif identifikata mill-Kunsill f’din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, hija l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati Russi li bdiet fl‑24 ta’ Frar 2022. |
|
97 |
Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-perijodu ta’ 90 jum, imsemmi fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, ġie stabbilit mill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jikkorrispondi għat-tul tar-residenza fit-territorju tal-Unjoni li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni apolidi jista’ jkollhom fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/399, kif emendat bir-Regolament 2018/1240. |
|
98 |
Issa, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li, minħabba t-tul limitat ħafna tad-dritt ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, kienu ntalbu jirritornaw fl-Ukraina ftit wara l-bidu tal-invażjoni ta’ dan il-pajjiż terz mill-forzi armati Russi, jistgħu jiġu assimilati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55 u tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, mal-persuni spostati minħabba tali invażjoni. |
|
99 |
Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-premessa 14 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw jestendu l-protezzjoni temporanja għall-persuni li ħarbu mill-Ukraina ftit qabel l‑24 ta’ Frar 2022, u dan meta t-tensjoni kienet qiegħda żżid, jew li sabu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni eżatt qabel din id-data u li ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukraina minħabba l-kunflitt armat. |
|
100 |
Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55, li l-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva għandhom ikunu ġew spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew mill-istess reġjun ta’ oriġini bħall-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja obbligatorja lanqas ma tinkiser mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Olandiżi li inizjalment jagħtu tali protezzjoni temporanja fakultattiva lill-persuni apolidi u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom permess ta’ residenza temporanju fl-Ukraina, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn tal-aħħar setgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 isemmi b’mod espliċitu, fost il-benefiċjarji li jistgħu jgawdu l-protezzjoni temporanja fakultattiva, lill-persuni apolidi u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu jirrisjedu regolarment fl-Ukraina u li ma jistgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(3) isemmi lil din il-kategorija biss bħala eżempju. |
|
101 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru jagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lil persuni apolidi li kellhom permess ta’ residenza temporanju fl-Ukraina validu fit‑23 ta’ Frar 2022 u li x’aktarx telqu minn dan il-pajjiż wara s‑26 ta’ Novembru 2021 mingħajr ma jiġi evalwat jekk dawn tal-aħħar jistgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. |
Fuq it‑tul tal‑protezzjoni temporanja fakultattiva
|
102 |
Preliminarjament, għandu, l-ewwel nett, jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55, it-tul inizjali tal-protezzjoni temporanja obbligatorja huwa, bħala prinċipju, ta’ sena u li, fi tmiem dan il-perijodu ta’ sena, il-protezzjoni temporanja obbligatorja tista’ tiġi pprorogata awtomatikament b’perijodi ta’ sitt xhur għal perijodu massimu ta’ sena. |
|
103 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li, jekk ikun hemm raġunijiet għaż-żamma tal-protezzjoni temporanja obbligatorja lil hinn mill-perijodu ta’ sentejn, imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi, b’maġġoranza kkwalifikata, li jipproroga din il-protezzjoni temporanja għal perijodu ta’ sena. |
|
104 |
Madankollu, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2001/55, il-Kunsill jista’, fi kwalunkwe mument, jiddeċiedi li jtemm il-protezzjoni temporanja obbligatorja. Mill-Artikolu 6 jirriżulta li tali deċiżjoni tal-Kunsill għandha, minn naħa, tkun adottata b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, tkun imsejsa fuq il-konstatazzjoni li s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini tippermetti r-ritorn sigur u stabbli tal-persuni li bbenefikaw mill-protezzjoni temporanja, b’rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif ukoll tal-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam ta’ non‑refoulement. |
|
105 |
It-tieni nett, peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, skont l-Artikolu 4 tagħha, daħlet fis-seħħ fl‑4 ta’ Marzu 2022, il-protezzjoni temporanja obbligatorja ġiet inizjalment applikata għal perijodu inizjali ta’ sena sal‑4 ta’ Marzu 2023, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, din il-protezzjoni ġiet awtomatikament ipprorogata għal żewġ perijodi suċċessivi ta’ sitt xhur, jiġifieri l-ewwel sal‑4 ta’ Settembru 2023, imbagħad sal‑4 ta’ Marzu 2024. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija protezzjoni ġiet ipprorogata darbtejn mill-Kunsill għal perijodu ta’ sena kull darba, l-ewwel darba sal‑4 ta’ Marzu 2025 skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, u t-tieni darba sal‑4 ta’ Marzu 2026 skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2024/1836. |
|
106 |
It-tielet nett, kif ġie rrilevat fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-persuni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet ingħatatilhom protezzjoni temporanja fakultattiva abbażi tas-sistema Olandiża applikabbli bejn l‑4 ta’ Marzu 2022 u t‑18 ta’ Lulju 2022, iżda li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3.9a(1)(c) tar-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, ġiet stabbilita sistema tranżitorja. Din is-sistema tranżitorja pprevediet, inizjalment, li għal dawn il-persuni, il-protezzjoni temporanja fakultattiva diġà mogħtija lilhom kellha tintemm fl‑4 ta’ Marzu 2023, liema data kienet tikkoinċidi mat-tul inizjali tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Sussegwentement, l-imsemmija sistema tranżitorja kienet ġiet ipprorogata sal‑4 ta’ Settembru 2023, id-data li fiha kellha tintemm l-ewwel proroga awtomatika ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2024, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, madankollu, li s-Segretarju tal-Istat ma setax jirtira lil dawn il-persuni l-protezzjoni temporanja fakultattiva b’effett minn din id-data tal-aħħar, iżda li din il-protezzjoni tintemm ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024, jiġifieri l-iskadenza li tirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55, il-jum li fih il-protezzjoni temporanja kienet tieqaf fin-nuqqas ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. |
|
107 |
Il-protezzjoni temporanja fakultattiva mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, mill-awtoritajiet Olandiżi għalhekk waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha qabel ma l-protezzjoni temporanja obbligatorja waslet fi tmiemha. |
|
108 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki preliminari, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2001/55 jeħtiġux li l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi lil tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi jipperdura sakemm il-protezzjoni temporanja obbligatorja, implimentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, tibqa’ tipproduċi l-effetti tagħha jew, tal-inqas, sa tmiem il-proroga awtomatika tal-perijodu inizjali ta’ din il-protezzjoni temporanja obbligatorja, imsemmija f’dan l-Artikolu 4(1). |
|
109 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li dan tal-aħħar iħalli fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru d-deċiżjoni li tiġi implimentata l-protezzjoni temporanja fakultattiva, għar-raġunijiet li huwa jqis xierqa, inkluż għal raġunijiet umanitarji, karitatevoli jew organizzattivi. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 93 sa 101 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tħalli marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw minn tali protezzjoni, bil-kundizzjoni li dawn il-persuni jkunu ġew spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew mill-istess reġjun ta’ oriġini. |
|
110 |
Fin-nuqqas ta’ kjarifiki oħra f’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 iħalli wkoll lill-Istati Membri l-libertà li jiffissaw d-data li minn dakinhar ’il quddiem ikunu biħsiebhom jagħtu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva, kemm‑il darba din id-data tkun bejn id-data li fiha l-protezzjoni temporanja obbligatorja tidħol fis-seħħ u dik li fiha tieqaf l-effetti tagħha. |
|
111 |
Fit-tieni lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 118 sa 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jżommu kontroll fuq it-tul tal-protezzjoni temporanja fakultattiva li huma jkunu jixtiequ jagħtu, bil-kundizzjoni li dan it-tul ma jmurx lil hinn mill-perijodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja li huwa ddefinit fil-livell tal-Unjoni. Effetivament, sa fejn il-protezzjoni temporanja mogħtija skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2001/55 ma tirriżultax minn obbligu previst fid-dritt tal-Unjoni, imma mid-deċiżjoni awtonoma ta’ Stat Membru li jwessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni, dan l-Istat Membru għandu jkun jista’ jirtira l-imsemmija protezzjoni b’mod awtonomu. |
|
112 |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55 jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lil kategoriji ta’ persuni minbarra dawk imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kunsill il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja “kif ipprovdut f’din id-Direttiva”. Fil-fatt, fid-dawl ta’ din il-kjarifika, dan l-Artikolu 7 huwa intiż biss li jiggarantixxi li, bla ħsara għal dak li jipprevedi l-paragrafu 2 tiegħu, id-drittijiet mogħtija lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja obbligatorja fil-Kapitoli III u IV ta’ din id-direttiva jingħataw ukoll lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva sakemm din tal-aħħar ma tkunx intemmet mill-Istat Membru li jkun taha dik il-protezzjoni. |
|
113 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55, adottata fil-punti 109 sa 112 ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata kemm mill-għan imfittex minn dan l-artikolu, li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jestendu l-kategoriji ta’ persuni spostati li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja, kif ukoll mill-għan iktar ġenerali ta’ din id-direttiva li, kif ifakkar il-punt 81 ta’ din is-sentenza, huwa li tiġi evitata l-konġestjoni tas-sistema għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, l-Istat Membru kkonċernat, billi jagħmel użu mill-possibbiltà prevista mill-imsemmi artikolu, anki jekk għal kategoriji limitati ta’ persuni spostati jew għal perijodu iqsar minn dak tal-protezzjoni temporanja obbligatorja, jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
|
114 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kellu Stat Membru jiġi pprojbit milli jirtira, għal raġunijiet tiegħu stess, il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva qabel tmiem il-protezzjoni temporanja obbligatorja stabbilita fil-livell tal-Unjoni jiġri li l-Istati Membri jiġu skuraġġuti milli jimplimentaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55 u li b’hekk jiġu mfixkla l-għanijiet li dan l-artikolu u din id-direttiva jfittxu li jilħqu. |
|
115 |
Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55, l-Istati Membri jistgħu liberament jiddeċiedu li jtemmu l-protezzjoni temporanja fakultattiva li jkunu taw qabel tmiem il-protezzjoni temporanja obbligatorja stabbilita fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, huma ma humiex obbligati jallinjaw it-tul ta’ din il-protezzjoni temporanja fakultattiva mal-perijodu inizjali tal-protezzjoni temporanja obbligatorja jew mal-proroga awtomatika tagħha, previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, u lanqas ma’ dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mill-proroga fakultattiva tagħha, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva. |
|
116 |
Id-differenzi li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li kull Stat Membru huwa għalhekk liberu li jistabbilixxi t-tul tal-protezzjoni temporanja fakultattiva li huwa jkun biħsiebu jagħti lil kategoriji addizzjonali ta’ persuni spostati huma perfettament kompatibbli mal-portata u mal-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 109 sa 115 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu nħaseb mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala dispożizzjoni fakultattiva li l-implimentazzjoni tagħha tħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri, b’tali mod li d-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw tali possibbiltà jkunu jirriżultaw naturalment mill-għażla hekk magħmula ta’ dan il-leġiżlatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat), C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
117 |
Fir-raba’ lok, għalkemm huwa minnu li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2001/55, il-leġiżlatur tal-Unjoni eżerċita l-kompetenza mogħtija lilu mill-punt 2(a) u (b) tal-Artikolu 63 KE (li llum sar l-Artikolu 78(2)(c) TFUE), li hija kompetenza maqsuma, kif jikkonferma l-Artikolu 4(2)(j) TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, dan il-leġiżlatur ħalla, b’mod espliċitu, il-possibbiltà lill-Istati Membri li jindikaw jew ma jindikawx persuni li, apparti minn dawk indikati mill-Kunsill, ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva. |
|
118 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza nnifisha ta’ tali possibbiltà li l-imsemmi leġiżlatur joffri lill-Istati Membri tagħmilha possibbli li jiġi miċħud l-argument li, f’qasam ta’ kompetenza maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, dawn tal-aħħar jitilfu l-kompetenza tagħhom kemm‑il darba l-Unjoni tkun eżerċitat il-kompetenza tagħha. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/55 ma kellhiex il-konsegwenza li ċċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jillimitaw il-perijodu li matulu huma jkunu biħsiebhom jagħtu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva lil ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni apolidi. |
|
119 |
Fil-ħames lok, huwa wkoll irrilevanti l-fatt li, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, il-proroga tal-protezzjoni temporanja, prevista f’din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, tkopri l-persuni spostati kollha mill-Ukraina li jaqgħu taħt l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, inklużi għalhekk il-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fakultattiva, li huma msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 2. |
|
120 |
Fil-fatt, l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni sempliċement jeżegwixxi d-Direttiva 2001/55, b’tali mod li ma jistax ikun inkonsistenti mal-għan li l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jfittex li jilħaq, u lanqas ma jista’ jbiddel il-kontenut normattiv ta’ dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International,C‑695/20, EU:C:2023:127, punti 49 u 50). Minn dan isegwi li l-imsemmi Artikolu 1 ma jistax jillimita l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Istati Membri minn dan l-Artikolu 7. |
|
121 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ikopri biss il-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva kemm‑il darba l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx temm din il-protezzjoni u l-proroga tal-protezzjoni temporanja, prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, tkun torbot lill-Istati Membri biss fir-rigward tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja obbligatorja. |
|
122 |
Il-fatt li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 jirreferi għall-persuni kollha msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, mingħajr ma jeskludi dawk li jaqgħu taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, għandu, għaldaqstant, jinftiehem fis-sens li l-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva mogħtija minn Stat Membru għandhom, bħala prinċipju, jgawdu d-drittijiet kollha li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/55 sal‑4 ta’ Marzu 2025 u dan kemm‑il darba dan l-Istat Membru jastjeni milli jtemm din il-protezzjoni minn qabel. |
|
123 |
Mill-kunsiderazzjonijiet premessi kollha jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jawtorizza, bħala prinċipju, lil Stat Membru jirtira l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva li huwa jkun ta f’xi data qabel dik li fiha l-protezzjoni temporanja obbligatorja tieqaf tipproduċi l-effetti tagħha. |
|
124 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, fl-użu mill-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55, l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, inkluż meta jiddeċiedu li jirtiraw il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva li huma jkunu taw preċedentement lil ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi. Minn dan isegwi li tali deċiżjoni ta’ rtirar la tista’ tqiegħed f’perikolu l-għanijiet u lanqas l-effett utli ta’ din id-direttiva, u li hija għandha tosserva, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja–Oħt refuġjat), C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 62 u 64, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms,C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 38). |
|
125 |
F’dan ir-rigward, f’dak li għandu x’jaqsam, l-ewwel nett, mas-salvagwardja tal-għanijiet u tal-effett utli tad-Direttiva 2001/55, mill-Artikolu 2(a) ta’ din tal-aħħar jirriżulta li l-mekkaniżmu tal-protezzjoni temporanja għandu l-għan, b’mod partikolari, li jippreżerva l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-Istati Membri. |
|
126 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jippreċiża, barra minn hekk, li l-protezzjoni temporanja ma għandhiex tippreġudika l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat taħt il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, filwaqt li l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil f’kull mument u li l-eżami tal-applikazzjonijiet li ma jkunux ġew ipproċessati qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja għandu jitlesta sussegwentement. |
|
127 |
B’hekk, id-Direttiva 2001/55 tiżgura, b’mod partikolari, li tiġi ppreżervata l-possibbiltà effettiva taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni apolidi, benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja, li jiksbu protezzjoni internazzjonali, wara eżami xieraq tas-sitwazzjoni individwali tagħhom, filwaqt li tiggarantixxilhom ukoll, b’mod immedjat, protezzjoni ta’ portata iżgħar, kif imfakkar fil-punt 82 ta’ din is-sentenza. |
|
128 |
Għalhekk, ikun imur kontra dan l-għan u l-effett utli tad-Direttiva 2001/55 li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dawn il-persuni apolidi jkunu, jekk ikun il-każ, ippreżentaw u li ma tkun għadha ttieħdet ebda deċiżjoni dwarha, ikun għadu ma tlestiex, b’osservanza stretta tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/32, wara l-iskadenza tal-protezzjoni temporanja fakultattiva. |
|
129 |
Barra minn hekk, ladarba tintemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva, dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dawn il-persuni apolidi ma jistgħux jiġu preklużi milli jeżerċitaw, b’mod effettiv, id-dritt tagħhom li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, liema eżerċizzju jikkostitwixxi stadju essenzjali fil-proċedura għall-għoti ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 99). |
|
130 |
F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li benefiċjarju tal-protezzjoni temporanja ma jkunx wieġeb pożittivament għat-talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-benefiċjarju kienx biħsiebu jkompli bl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma jistax ikollu l-konsegwenza li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huwa jista’ jippreżenta ’l quddiem tiġi kklassifikata bħala applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, li tista’ titqies bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, tali nuqqas ta’ risposta ma jistax jiġi assimilat ma’ rtirar espliċitu ta’ din it-talba, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tal-imsemmija direttiva. |
|
131 |
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, invokat mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju japplika għal kull parti f’kawża li awtorità amministrattiva nazzjonali tkun nisslet fiha aspettattivi ġġustifikati minn garanziji preċiżi li din tal-aħħar tkun tatha. Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ att leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni u l-aġir ta’ awtorità nazzjonali fdata bl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, liema aġir imur kontra dan tal-aħħar, ma jistax inissel f’parti f’kawża aspettattiva leġittima ta’ benefiċċju minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, prassi ta’ Stat Membru li ma hijiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tnissel aspettattivi leġittimi f’benefiċjarju partikolari tas-sitwazzjoni li tkun inħolqot b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 81, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms,C‑443/21, EU:C:2022:899, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
132 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-individwi ma humiex iġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi li tinżamm sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Kapniki A. Michailidis,C‑99/22, EU:C:2023:382, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
133 |
F’dan il-każ, kif ġie enfasizzat fil-punti 104 u 111 ta’ din is-sentenza, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2001/55 li l-Kunsill jista’, f’kull mument, itemm il-protezzjoni temporanja obbligatorja u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva li l-Istati Membri ma jistgħux jipperpetwaw il-protezzjoni temporanja fakultattiva li huma jkunu, jekk ikun il-każ, stabbilixxew wara d-data li fiha l-protezzjoni temporanja obbligatorja tkun intemmet. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Olandiżi ma setgħux jagħtu lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva garanziji preċiżi konformi mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-perijodu minimu ta’ din il-protezzjoni minbarra l-garanzija li dawn l-awtoritajiet ikunu ntrabtu li ma jtemmux il-protezzjoni temporanja fakultattiva qabel ma l-protezzjoni temporanja obbligatorja tieqaf tipproduċi l-effetti tagħha. |
|
134 |
Madankollu, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-awtoritajiet Olandiżi taw tali garanzija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ħaġa li, madankollu, għandha tiġi vverifikata mill-qrati tar-rinviju. |
|
135 |
Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2001/55 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, li jkun ta l-protezzjoni temporanja lil kategoriji ta’ persuni differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, iċaħħad lil dawn il-kategoriji ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja matul il-perijodu ta’ din tal-aħħar deċiż mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Dan l-Istat Membru jista’ jirtira l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja li huwa jkun ta lill-imsemmija kategoriji ta’ persuni f’data qabel dik li fiha l-protezzjoni temporanja deċiża mill-Kunsill tieqaf tipproduċi l-effetti tagħha kemm‑il darba, b’mod partikolari, l-imsemmi Stat Membru la jqiegħed f’perikolu l-għanijiet u lanqas l-effettività tad-Direttiva 2001/55 u josserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda fil‑Kawża C‑244/24
|
136 |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24 qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi regolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, bis-saħħa tal-possibbiltà użata minn dan tal-aħħar li jagħtih il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn qabel id-data ta’ tmiem din il-protezzjoni, fejn ikun jidher li l-imsemmija protezzjoni ser tieqaf milli tipproduċi l-effetti tagħha f’data fil-futur qarib u li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni huma sospiżi sa din id-data. |
|
137 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ddefinit b’riferiment għas-sitwazzjoni biss ta’ residenza irregolari li fiha jkun jinsab ċittadin ta’ pajjiż terz, indipendentement mir-raġunijiet li jkunu wasslu għal din is-sitwazzjoni jew mill-miżuri li jkunu jistgħu jiġu adottati fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat,C‑156/23, EU:C:2024:892, punti 31 u 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
138 |
Konsegwentement, Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, biss fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi,C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 37, 38 u 59), kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2023, Odbor azylové a migrační politiky MV (Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn), C‑257/22, EU:C:2023:852, punt 39). |
|
139 |
L-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva jawtorizza, l-iktar l-iktar, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar tmiem ir-residenza regolari fl-istess ħin ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-kuntest tal-istess att ta’ natura amministrattiva, billi din il-possibbiltà ta’ kumulu tippermetti lill-Istati Membri jiżguraw il-konkomitanza, jekk mhux ukoll ir-raggruppament, tal-proċeduri amministrattivi li jwasslu għall-imsemmija deċiżjonijiet u tal-proċeduri ta’ appell intavolati kontra dawn tal-aħħar, kif ukoll li jegħlbu diffikultajiet prattiċi relatati mal-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi,C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 49). |
|
140 |
Minn dan isegwi li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi li deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata minn Stat Membru fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi legalment fit-territorju tiegħu. |
|
141 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 151 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti tispeċifika b’mod espliċitu, fid-deċiżjoni ta’ ritorn, li din tal-aħħar ma tipproduċix effett sakemm ir-residenza tal-persuna kkonċernata tibqa’ waħda regolari ma jikkontestax tali konklużjoni. |
|
142 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1860 jirriżulta li kull deċiżjoni ta’ ritorn għandha, sa mill-adozzjoni tagħha, tkun, mingħajr dewmien, is-suġġett ta’ allert mill-Istat Membru kkonċernat fis-SIS sabiex “jiġi vverifikat li l-obbligu ta’ ritorn ikun ġie rispettat u biex jiġi appoġġat l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn”, inkluż meta din id-deċiżjoni ma jkollhiex effett immedjat. Issa, f’dan il-każ tal-aħħar, fid-data li fiha jsir dan l-allert, il-persuna kkonċernata tkun għadha tirrisjedi b’mod regolari fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u jista’ jkollha d-dritt li tmur fi Stati Membri oħra. |
|
143 |
Min-naħa l-oħra, tali deċiżjoni minn qabel ta’ ritorn tittieħed mill-awtorità nazzjonali kompetenti mingħajr ma din tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ bejn l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u tmiem ir-residenza regolari tal-persuna kkonċernata u li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha. |
|
144 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Olandiż, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn bi ksur tar-rekwiżit sostanzjali mfakkar fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, ma tekwivalix għal ksur ta’ obbligu proċedurali, bħalma huwa d-dritt għal smigħ, li kien inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533). Il-ksur ta’ tali rekwiżit sostanzjali għandu għalhekk jiġi ssanzjonat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-awtorità kompetenti setgħetx tasal għal deċiżjoni differenti li kieku hija ma kinitx wettqet din l-irregolarità. |
|
145 |
Fit-tieni lok, minn naħa, mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/55, moqri flimkien mal-Artikolu 2(g) tagħha, jirriżulta li l-benefiċjarju tal-protezzjoni temporanja għandu jinħariġlu permess ta’ residenza mill-Istat Membru kkonċernat li jippermettilu jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
|
146 |
Min-naħa l-oħra, kif ġie mfisser fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, il-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva implimentata minn Stat Membru għandu jkollhom, skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, id-drittijiet kollha li l-imsemmija direttiva tagħti lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja obbligatorja. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru huwa obbligat jagħti lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva permess ta’ residenza li jippermettilhom jirrisjedu fit-territorju tiegħu sakemm din il-protezzjoni ma tkunx irtirata lilhom. |
|
147 |
Minn dan isegwi li, sakemm dawn il-persuni jkomplu jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fakultattiva, huma jkunu qegħdin jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u ma jistgħux għalhekk ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tad-Direttiva 2008/115. |
|
148 |
Tali konklużjoni ma hijiex kontradetta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/55 speċifikament iddedikati għar-ritorn. |
|
149 |
B’hekk, l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jipprevedi, f’sitwazzjoni fejn ittemm il-protezzjoni temporanja, l-applikazzjoni tad-dritt komuni fil-qasam tal-protezzjoni u li jikkonċerna l-barranin fl-Istati Membri “mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21, 22 u 23” tal-imsemmija direttiva. Issa, dawn l-artikoli ma jaffettwawx il-prinċipju li deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, li tobbliga lill-persuna kkonċernata titlaq mit-territorju tal-Unjoni, tista’ tiġi adottata biss fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna apolida li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment. |
|
150 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-acquis Komunitarju fil-qasam tal-immigrazzjoni u tal-ażil, inkluż id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/55, kemm‑il darba dawn id-dispożizzjonijiet ikunu iktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ dispożizzjoni li tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw deċiżjonijiet ta’ ritorn minn qabel. |
|
151 |
B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jiddikjara l-Gvern Olandiż, xejn ma juri li l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni ta’ ritorn tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja aħjar lill-persuni kkonċernati. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra tali deċiżjoni jibda jiddekorri mid-data tal-adozzjoni tagħha u mhux mid-data li fiha din tibda tipproduċi l-effetti tagħha. |
|
152 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, huwa minnu, kif proprju jenfasizza l-Gvern Olandiż, li, mal-iskadenza tal-protezzjoni temporanja fakultattiva, l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ numru kbir ta’ sitwazzjonijiet individwali li jkollhom jiġu eżaminati fl-istess waqt, u dan jirriskja jġib miegħu diżorganizzazzjoni fil-funzjonament ta’ dawn l-awtoritajiet. Madankollu, tali riskju ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jippermetti li ssir deroga mill-prinċipju mfakkar fil-punt 147 ta’ din is-sentenza. |
|
153 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet ta’ natura interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC -Que choisir u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 72, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
154 |
It-tieni nett, ir-residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tal-persuni kollha li jkunu bbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fakultattiva ma ssirx awtomatikament irregolari b’effett mid-data li fiha tintemm din il-protezzjoni. B’hekk, uħud minn dawn il-persuni jistgħu, b’mod partikolari, ikunu ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jkollhom, bħala prinċipju, dritt li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dritt li jipprekludi milli tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħhom, almenu sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil), C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 137). |
|
155 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida għandhom id-dritt li, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċerna lilhom, ifissru il-perspettiva tagħhom dwar il-legalità tar-residenza tagħhom, dwar l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll dwar l-arranġamenti għar-ritorn tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jisma’ lil din il-persuna f’data li fiha hija ma tkunx għadha tirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu, kemm‑il darba ma tiġix ikkontestata l-possibbiltà, għall-imsemmija persuna, li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha b’mod utli u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega,C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 69 sa 71, u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida,C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 68). |
|
156 |
Fl-aħħar nett, għalkemm id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li timplimenta politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, b’mod li t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment għandha, bħala prinċipju, tikkostitwixxi prijorità għall-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 43), xorta jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar għandhom jiżguraw ukoll l-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuqhom, sabiex dawn iċ-ċittadini jiġu rripatrijati b’mod uman u b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif ukoll tad-dinjità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D.(Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 72). |
|
157 |
Fi kliem ieħor, f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru fdati bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn iħabbtu wiċċhom ma’ numru kbir ħafna ta’ każijiet individwali li għandhom jiġu eżaminati fl-istess ħin, minħabba l-iskadenza tal-protezzjoni temporanja fakultattiva li ngħatat minn dan l-Istat Membru, id-Direttiva 2008/115 tipprekludi lil dawn l-awtoritajiet milli jipposponu, lil hinn minn terminu raġonevoli fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn li għandhom jittieħdu fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-persuni apolidi li jkunu qegħdin jirrisjedu illegalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru minħabba tmiem il-protezzjoni temporanja fakultattiva li kienu qegħdin jibbenefikaw minnha. |
|
158 |
Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tal-possibbiltà li jkun uża dan tal-aħħar li jagħtih il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn qabel ma din il-protezzjoni tkun intemmet, anki fejn jidher li l-imsemmija protezzjoni mhux ser tibqa’ tipproduċi l-effetti tagħha f’data fil-futur qarib u li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni huma sospiżi sa din id-data. |
Fuq l‑ispejjeż
|
159 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
( i ) Fil-punti 36, 52, 64, 87 u 100 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.
( ii ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.