Kawża C‑211/24
LEGO A/S
vs
Pozitív Energiaforrás Kft
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal‑4 ta’ Settembru 2025
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Disinn Komunitarju – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 8(3) – Disinn li jippermetti l-assemblaġġ jew il-konnessjonijiet multipli ta’ prodotti interkambjabbli f’sistema modulari – Portata tal-protezzjoni mogħtija minn tali disinn – Artikolu 10 – Kunċett ta’ ‘utent avżat’ – Artikolu 89(1) – Sanzjonijiet fl-azzjoni għal kontrafazzjoni – Raġunijiet partikolari li jippermettu lill-qorti nazzjonali ma tagħtix id-digrieti previsti f’din id-dispożizzjoni – Kontrafazzjoni tal-elementi ta’ logħba tal-kostruzzjoni, kwantitattivament ftit numerużi meta mqabbla mal-komponenti kollha ta’ din il-logħba”
Disinn tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet ta’ protezzjoni – Disinn ta’ interkonnessjoni – Portata tal-protezzjoni – Disinn li ma jipproduċix impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat – Utent avżat – Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 8(3) u 10(1))
(ara l-punti 45 sa 50 u 58, u d-dispożittiv 1)
Disinn tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet ta’ protezzjoni – Disinn ta’ interkonnessjoni – Portata tal-protezzjoni – Disinn li ma jipproduċix impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Libertà tad-disinjatur
(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 8(3) u 10(2))
(ara l-punti 51 sa 54)
Disinn tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni għal kontrafazzjoni – Sanzjonijiet – Eċċezzjoni – Eżistenza ta’ raġunijiet partikolari – Kunċett – Kontrafazzjoni li tirrigwarda biss ċerti elementi ta’ sistema modulari – Esklużjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 89(1))
(ara l-punti 61 sa 67, u d-dispożittiv 2)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “utent avżat” fil-kuntest tal-protezzjoni ta’ disinni jippermetti l-assemblaġġ jew il-konnessjonijiet multipli ta’ prodotti interkambjabbli ġewwa sistema modulari ( 1 ). Barra minn hekk, hija kkjarifikat il-portata tal-kunċett ta’ “raġunijiet partikolari” li jippermettu lil qorti tad-disinni Komunitarji tastjeni milli tagħti digriet fil-kuntest ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni jew ta’ theddida ta’ kontrafazzjoni ( 2 ).
Fi żmien il-fatti tal-kawża, LEGO A/S kienet il-proprjetarja ta’ żewġ disinni Komunitarji li kellhom rispettivament bħala suġġett element modulari u element ta’ konnessjoni għal logħba tal-kostruzzjoni. Pozitív Energiaforrás Kft. ippruvat timporta fl-Ungerija, taħt trade mark oħra, logħbiet ta’ kostruzzjoni li kienu magħmula wkoll minn elementi modulari tal-plastik. Wara l-ilment ta’ Lego, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Veszprém Megyei Adó- és Vámigazgatósága (id-Direttorat tat-Taxxa u tad-Dwana ta’ Veszprém, li jaqa’ taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) ordna s-sekwestru ta’ dan il-logħob u beda proċedura ta’ ksur kontra Pozitív Energiaforrás minħabba suspett ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ LEGO.
Fl-2022, Lego ressqet quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), talba għal miżura provviżorja intiża għaż-żamma ta’ dan is-sekwestru. Din it-talba ġiet miċħuda minħabba, b’mod partikolari, li d-disinni inkwistjoni kienu jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat, peress li dan kien jarahom b’għajn partikolarment attenta għall-iċken dettall. Mill-banda l-oħra, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), adita fl-appell, ordnat is-sekwestru tal-logħob inkwistjoni minħabba li d-disinni Lego ma kinux jipproduċu fuq l-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mill-elementi kkonċernati. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija).
Sussegwentement, Lego adixxiet lill-Qorti tal-Belt ta’ Budapest b’azzjoni għal kontrafazzjoni kontra Pozitív Energiaforrás. Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “utent informat [avżat]” fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 fil-kuntest tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll dwar il-kunċett ta’ “raġunijiet partikolari” fis-sens tal-Artikolu 89(1) tal-imsemmi regolament, dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija minn disinn Komunitarju testendi għal kull disinn li ma jħallix fuq l-“utent informat [avżat]”“impressjoni ġenerali [viżiva globali] differenti”, fejn din il-portata tal-protezzjoni għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-“grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu”. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta l-proprjetarju ta’ disinni Komunitarji msemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, li hija dispożizzjoni speċifikament iddedikata għas-sistemi modulari, li minnhom jagħmlu parti l-logħob tal-kostruzzjoni, iressaq azzjoni għal kontrafazzjoni kontra terz sabiex dan jiġi pprojbit milli juża disinni li ma jipproduċux impressjoni viżiva globali differenti fuq l-utent avżat.
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kunċett ta’ “impressjoni ġenerali” imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li għalih jirreferi espressament l-Artikolu 8(3) tiegħu, din l-impressjoni ġenerali tikkonsisti fil-perċezzjoni viżiva, mill-utent avżat, tad-dehra tal-prodott inkwistjoni mogħtija, b’mod partikolari, mill-karatteristiċi elenkati fl-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament.
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzija osservat li l-kunċett ta’ “utent avżat” jindika utent li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom. Barra minn hekk, hija enfasizzat li ebda element ma jindika li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod differenti meta l-protezzjoni mogħtija minn disinn Komunitarju taqa’ taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, għalkemm il-livell ta’ attenzjoni ta’ utent jista’ jvarja skont is-settur ikkonċernat, inkluż fil-każ ta’ disinni li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni ta’ utent li jkun espert fis-settur ikkonċernat u lanqas li jitqies li l-impressjoni globali prodotta fuqu għandha tirriżulta prinċipalment minn opinjoni teknika.
It-tielet nett, fir-rigward tal-“grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu”, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-portata tal-protezzjoni mogħtija minn disinn, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, meta l-libertà tkun ristretta minn numru għoli ta’ karatteristiċi tad-dehra tal-prodott jew tal-parti tal-prodott inkwistjoni li huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu, il-preżenza ta’ differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti tista’ tkun biżżejjed sabiex tipproduċi impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Għalkemm din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “grad ta’ libertà tad-disinjatur” tapplika fil-każ ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa mill-proprjetarju ta’ disinni Komunitarji li taqa’ taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002, l-effett utli ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għandu jiġi żgurat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tad-dehra li tippermetti l-interkonnessjoni waqt l-evalwazzjoni tal-“impressjoni ġenerali [viżiva globali]” imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-preżenza ta’ elementi ta’ interkonnessjoni protetti mill-Artikolu 8(3) tal-istess regolament, fid-disinn Komunitarju kkonċernat, tista’ tkun ta’ detriment għall-konstatazzjoni ta’ impressjoni viżiva globali differenti, b’tali mod li, fl-assenza ta’ differenzi suffiċjentement sinjifikattivi fid-dehra globali tad-disinni kunfliġġenti, l-eżistenza ta’ punti ta’ konnessjoni li għandhom l-istess forma u l-istess dimensjonijiet tista’ teskludi tali konstatazzjoni.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-portata tal-protezzjoni ta’ disinn li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-impressjoni viżiva globali prodotta minn dan id-disinn fuq utent avżat li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, ikun jaf b’disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment ikun fihom u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juri livell ta’ attenzjoni relattivament għoli meta jużahom bħala elementi tas-sistema modulari li jagħmlu parti minnha u mhux fuq utent li, filwaqt li jkollu għarfien tekniku simili għal dak li jista’ jkun mistenni minn professjonist, jeżamina d-disinn ikkonċernat fl-iċken dettall u li l-impressjoni globali tiegħu tkun ibbażata prinċipalment fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura teknika.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “raġunijiet partikolari” fis-sens tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jippermetti lil qorti tad-disinni Komunitarji li ma tagħtix wieħed jew iktar mid-digrieti msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, għandu jingħata interpretazzjoni uniformi u stretta fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan il-kunċett ikopri biss sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-aġir ikkritikat fil-konfront ta’ terz, qorti tad-disinni Komunitarji ma tkunx obbligata li tagħti digriet li jipprojbixxi lil dan it-terz milli jwettaq tali atti. Il-fatt li kontrafazzjoni tkun tirrigwarda biss ċerti elementi ta’ sistema modulari, kwantitattivament ftit meta mqabbla mal-komponenti kollha ta’ din is-sistema, ma jaqax taħt l-imsemmi kunċett.
( 1 ) Fis-sens tal-Artikolu 8(3) u tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142, rettifika fil-ĠU L, 2025/90303).
( 2 ) Fis-sens tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 6/2002.