SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Rimbors jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni – Regolament (KEE) Nru 1430/79 – Dazji doganali miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) – Kundizzjonijiet għar-rimbors ex officio – Konstatazzjoni tan-natura indebita ta’ dawn id-dazji miġbura qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul tagħhom fil-kontijiet – Konstatazzjoni li timplika l-għarfien, mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, tal-identità tal-operaturi kkonċernati kif ukoll tal-ammont li għandu jiġi rrimborsat lil kull wieħed minnhom – Obbligu, għal dawn l-awtoritajiet, li jieħdu l-miżuri neċessarji u xierqa sabiex jiksbu l-informazzjoni neċessarja sabiex jagħmlu tali rimbors”

Fil-Kawża C‑206/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura

YX,

Logística i Gestió Caves Andorranes i Vidal SA

vs

Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance,

Directeur général des douanes et droits indirects,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Franċiż, minn P. Chansou u B. Travard, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Demeneix u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79 tat‑2 ta’ Lulju 1979 dwar ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni (ĠU 1979, L 175, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3069/86 tas-7 ta’ Ottubru 1986 (ĠU 1986, L 286, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1430/79”), u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn YX u Logística i Gestió Caves Andorranes i Vidal SA, (iktar ’il quddiem “Caves Andorranes”), kumpannija rregolata mil-liġi Andorrana u l-ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance (il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Irkupru, Franza) u d-directeur général des douanes et droits indirects (id-Direttur Ġenerali tad-Dwana u Dazji Indiretti, Franza) dwar ir-rimbors ex officio ta’ dazji doganali miġbura indebitament fuq importazzjonijiet ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi lejn Andorra.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1430/79,

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1430/79 kien jipprevedi:

“1.   Dan ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti jagħtu r-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni.

2.   Skont dan ir-regolament,

[...]

(e)

‘dħul fil-kontijiet’ tfisser l-att amministrattiv li permezz tiegħu huwa stabbilit kif xieraq l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni li għandhom jinġabru mill-awtoritajiet kompetenti;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament kien jistipula:

“1.   Ikun hemm rimbors jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni sa fejn l-awtoritajiet kompetenti huma ssodisfatti li l-ammont ta’ dawn id-dazji mdaħħla fil-kontijiet:

huwa relatat ma’ merkanzija li fil-konfront tagħha ma tnissel l-ebda dejn doganali jew li tħallas b’xi mod ieħor minbarra l-pagament tal-ammont tiegħu jew permezz tal-preskrizzjoni,

jeċċedi, għal kwalunkwe raġuni, l-ammont legalment dovut.

2.   Ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jingħata fuq talba mressqa quddiem l-Uffiċju tad-Dwana kkonċernat qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fil-kontijiet tal-imsemmija dazji mill-awtorità inkarigata mill-ġbir tagħhom.

Dan it-terminu ma jistax jiġi estiż, ħlief jekk il-persuna kkonċernata tipprova li ma setgħetx tressaq it-talba tagħha fl-imsemmi terminu b’riżultat ta’ ċirkustanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu ex officio għar-rimbors jew għall-maħfra meta jikkonstataw huma stess, matul dan it-terminu, l-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni huwa mogħti biss lill-persuna li ħallset dawn id-dazji jew li hija obbligata tħallashom, jew lill-persuni li akkwistaw id-drittijiet u l-obbligi tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Ir-Regolament Nru 1430/79 tħassar permezz tal-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

7

L-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien jistipula:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

2.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.”

8

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 253 dan il-kodiċi kien applikabbli b’effett mill‑1 ta’ Jannar 1994.

9

L-imsemmi kodiċi tħassar permezz tal-Artikolu 186 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1), li huwa stess tħassar permezz tal-Artikolu 286 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u ĠU 2016, L 267, p. 2).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Bejn is-sena 1988 u s-sena 1991, kumpanniji rregolati mil-liġi Andorrana importaw f’Andorra, permezz tal-kumpannija Ysal, aġenta tad-dwana stabbilita fi Franza, merkanzija li kienet ġejja, b’mod partikolari, minn pajjiżi terzi. Dawn l-importazzjonijiet taw lok għall-ħlas ta’ dazji fi Franza. Fil-fatt, f’dan il-perijodu, l-awtoritajiet doganali Franċiżi kienu jirrikjedu li l-merkanzija ġejja minn pajjiżi terzi lejn l-Andorra għandha tiġi rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera meta tidħol fit-territorju Franċiż.

11

Fit‑23 ta’ Jannar 1991, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-Opinjoni motivata COM(90) 2042 final, li permezz tagħha, minn naħa, hija kkonstatat li r-Repubblika Franċiża, meta stipulat tali rekwiżit ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, kienet naqset mill-obbligi tagħha skont ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, stiednet lil dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ 30 jum.

12

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fis‑27 ta’ Marzu 1991, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw lill-Kummissjoni li kienu ddeċidew li jirrispondu b’mod favorevoli għat-talba tagħha billi neħħew l-imsemmi rekwiżit ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, u għamlu dan permezz ta’ avviż lill-importaturi u lill-esportaturi tal-ministère de l’Économie, des Finances et du Budget (il-Ministeru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Baġit, Franza), ippubblikat fil-Journal officiel de la République française (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża) fis‑6 ta’ Ġunju 1991.

13

Fl‑20 ta’ Mejju 2008, Ysal ressqet lill-amministrazzjoni doganali Franċiża quddiem qorti tal-ewwel istanza Franċiża sabiex tikseb ir-rimbors tad-dazji doganali li din l-amministrazzjoni kienet indebitament ġabret fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi lejn Andorra bejn is-sena 1988 u s-sena 1991 (iktar ’il quddiem id-“dazji doganali inkwistjoni”).

14

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2010, din il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat ir-rikors imressaq minn Ysal inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell fit‑13 ta’ Diċembru 2011.

15

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2014, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Ysal minn din id-deċiżjoni fl-appell. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dik is-sentenza, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) irrilevat b’mod partikolari li l-importaturi Andorrani kienu rrimborsaw lil Ysal id-dazji doganali inkwistjoni, li din tal-aħħar kienet ħallset għan-nom tagħhom, u li, konsegwentement, kienu biss dawn l-importaturi li kellhom locus standi u interess ġuridiku.

16

Fis‑16 ta’ Lulju 2015, dawn l-importaturi, li s-suċċessuri fid-drittijiet tagħhom kienu Caves Andorranes u YX, ressqu lill-awtoritajiet doganali Franċiżi quddiem it-tribunal de grande instance de Toulouse (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Toulouse, Franza) sabiex jiksbu il-ħlas ta’ somma korrispondenti għad-dazji doganali inkwistjoni, miġbura indebitament minn din l-amministrazzjoni. Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, dik il-qorti ċaħdet dik it-talba.

17

Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Frar 2020, il-cour d’appel de Toulouse (il-Qorti tal-Appell ta’ Toulouse, Franza) ikkonfermat dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, hija qieset li, sabiex tipproċedi bir-rimbors ex officio tad-dazji doganali inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79 u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-amministrazzjoni doganali Franċiża kellu jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi kemm l-ammont tad-dazji li kellu jiġu rrimborsat kif ukoll l-identità ta’ kull debitur, u dan mingħajr ma kellha bżonn tagħmel riċerki sproporzjonati.

18

Caves Andorranes u YX ippreżentaw appell minn din is-sentenza, quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju, li insostenn tiegħu huma jissottomettu, essenzjalment, li l-cour d’appel de Toulouse (il-Qorti tal-Appell ta’ Toulouse), permezz tas-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Frar 2020, kisret l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79. L-obbligu ta’ rimbors ex officio previst f’din id-dispożizzjoni huwa suġġett biss għall-osservanza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-dazji doganali lid-debitur. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix li l-awtoritajiet doganali għandu jkollhom informazzjoni neċessarja sabiex jiġu ddeterminati kemm l-ammont tad-dazji li għandhom jiġu rrimborsati kif ukoll l-identità ta’ kull debitur. Il-cour d’appel de Toulouse (il-Qorti tal-Appell ta’ Toulouse) għalhekk żiedet mal-imsemmija dispożizzjoni kundizzjoni li ma kinitx inkluża fiha.

19

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-amministrazzjoni doganali Franċiża ssostni li hija ma tistax tirrimborsa ex officio d-dazji doganali inkwistjoni ħlief jekk ikollha l-informazzjoni kollha li tippermettilha tikkonstata li dawn kienu ġew indebitament miġbura u li għandhom jingħataw lura. Hija ma għandhiex tintalab tagħmel riċerki fil-fond sabiex tiddetermina l-ammont tad-dazji li għandu jiġi rrimborsat lil kull operatur ikkonċernat.

20

Din il-qorti tistaqsi b’hekk jekk l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79 u l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti nazzjonali ma hijiex obbligata tipproċedi ex officio bir-rimbors tad-dazji doganali indebitament miġbura ħlief jekk, biex tagħmel dan, hija jkollha l-informazzjoni kollha neċessarja, u jekk ma jkollhiex, ħlief jekk hija ma jkollhiex tagħmel riċerki sproporzjonati.

21

Skont l-imsemmija qorti, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk ir-rimbors ex officio minn awtorità doganali nazzjonali jistax isir lil hinn mit-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-dazji lid-debitur. Fir-rigward tas-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD (C‑533/10, EU:C:2012:347), li fil-punt 21 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jillimita b’terminu ta’ tliet snin ir-rimbors tad-dazji doganali mhux legalment dovuti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu iktar, wara li jkun skada dan it-terminu, jipproċedu b’rimbors ex officio, u dan, anki jekk jiġi stabbilit li huma kkonstataw matul l-imsemmi terminu, li dawn id-dazji ma kinux legalment dovuti.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament [Nru 1430/79,] irripetut fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) ta[l-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat] fis-sens li r-rimbors ex officio tad-dazji doganali miġbura minn awtorità doganali huwa limitat għal perijodu ta’ tliet snin mid-data tat-teħid inkunsiderazzjoni [mid-dħul fil-kontijiet] tal-imsemmija dazji mill-awtorità inkarigata mill-irkupru jew [f’dan is-sens] li l-amministrazzjoni doganali għandha tkun f’pożizzjoni li tikkonstata, fi żmien tliet snin mill-avveniment li ta lok għad-dazji, li d-dazji ma kinux dovuti?

2)

L-Artikolu 2(2) tar-[Regolament Nru 1430/79], irripetut fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-[Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat] fis-sens li r-rimbors ex officio tad-dazji doganali miġbura minn awtorità doganali huwa suġġett għall-għarfien, minn din tal-aħħar, tal-identità tal-operaturi kkonċernati kif ukoll tal-ammonti li għandhom jiġu rrimborsati lil kull wieħed minnhom, mingħajr hija ma jkollha twettaq riċerki fil-fond jew sproporzjonati?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-data li fiha huwa allegat li d-dritt għar-rimbors ex officio tad-dazji doganali inkwistjoni tnissel, huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1430/79 li japplikaw esklużivament għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

24

Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ obbligu li jsir rimbors ex officio tad-dazji doganali minn awtorità doganali nazzjonali hija suġġetta, minn naħa, għall-fatt li din tal-aħħar tkun ikkonstatat hija stess, qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-dħul fil-kontijiet ta’ dawn id-dazji, li dawn ikunu nġabru indebitament u, min-naħa l-oħra, għall-għarfien, minn din l-awtorità, tal-identità tal-operaturi kkonċernati kif ukoll tal-ammont li għandu jiġi rrimborsat lil kull wieħed minnhom. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi dwar il-miżuri li l-imsemmija awtorità għandha, jekk ikun il-każ, tieħu sabiex tikseb tali informazzjoni.

25

Mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rimbors tad-dazji doganali għandu jsir meta jiġi stabbilit, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti, li l-ammont imdaħħal fil-kontijiet ta’ dawn id-dazji jirrigwarda merkanzija li għaliha ma jkun tnissel ebda dejn doganali jew huwa ogħla mill-ammont li kien legalment dovut.

26

L-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi żewġ modalitajiet distinti sabiex isir tali rimbors, jiġifieri jew fuq talba, jew ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Aqua Pro,C‑407/16, EU:C:2017:817, punt 41).

27

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79, ir-rimbors għandu jingħata fuq talba ppreżentata lill-uffiċċju doganali kkonċernat qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fil-kontijiet tal-imsemmija dazji. Fit-tieni lok, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu ex officio għar-rimbors meta huma stess jikkonstataw, matul dan it-terminu, l-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament.

28

Fid-dawl tas-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1430/79, minn dan jirriżulta li dawn l-awtoritajiet jipproċedu ex officio għar-rimbors tad-dazji doganali meta jikkonstataw huma stess, matul l-imsemmi terminu, li dawn inġabru indebitament, jiġifieri meta, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, jiġi stabbilit, għas-sodisfazzjon ta’ dawn l-awtoritajiet, b’mod partikolari, li l-ammont imdaħħal fil-kontijiet ta’ dawn id-dazji jirrigwarda merkanzija li għaliha ma tnissel ebda dejn doganali jew huwa ogħla mill-ammont li kien legalment dovut.

29

F’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, sa fejn jipprevedi f’termini kategoriċi li l-awtoritajiet doganali nazzjonali “għandhom jipproċedu ex officio għar-rimbors” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistabbilixxi obbligu ta’ rimbors fil-konfront ta’ dawn l-awtoritajiet mingħajr ma l-importatur ikkonċernat ikollu jressaq talba.

30

Issa, peress li, f’din id-dispożizzjoni, il-kliem “matul dan it-terminu” huwa relatat mal-verb “jikkonstataw”, dawn it-termini għandhom jinftiehmu fis-sens li, sabiex jitnissel dan l-obbligu ta’ rimbors, tali konstatazzjoni għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fil-kontijiet tad-dazji doganali. Konformement mal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 1430/79, din id-data tikkorrispondi għad-data tal-adozzjoni tal-att amministrattiv li permezz tiegħu l-ammont ta’ dawn id-dazji jkun ġie inizjalment stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti.

31

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ obbligu ta’ rimbors ex officio tad-dazji doganali minn awtorità doganali nazzjonali għandha titqies li hija suġġetta għall-fatt li din tal-aħħar tkun ikkonstatat hija stess, qabel l-iskadenza ta’ tali terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fil-kontijiet tad-dazji doganali kkonċernati, li dawn id-dazji nġabru indebitament.

32

Dan it-terminu b’hekk jiddelimita l-perijodu li matulu l-awtoritajiet doganali nazzjonali li jkunu huma stess ikkonstataw li nġabru dazji doganali indebitament huma obbligati jipproċedu ex officio għar-rimbors ta’ dawn id-dazji. Min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 46 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rimbors bħala tali ma għandux neċessarjament isir fl-imsemmi terminu, b’tali mod li jista’ jsir lil hinn mill-iskadenza tiegħu.

33

Barra minn hekk, sa fejn id-dazji doganali huma imposti għal ammonti preċiżi, stabbiliti mill-awtorità doganali nazzjonali abbażi ta’ dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati għan-nom ta’ persuna partikolari, il-konstatazzjoni, minn din l-awtorità, li tali dazji nġabru indebitament timplika neċessarjament il-konstatazzjoni li persuna magħrufa mill-imsemmija awtorità ħallset ammont partikolari indebitament, ammont li huwa wkoll magħruf mill-istess awtorità. Konsegwentement, meta l-awtorità doganali nazzjonali tikkonstata li d-dazji doganali nġabru indebitament u għandhom jiġu rrimborsati, ikollha, bħala prinċipju, għarfien kemm tal-identità tal-persuna li lilha jkun irid isir ir-rimbors kif ukoll tal-ammont eżatt li jkollu jiġi rrimborsat.

34

Fil-fatt, din l-awtorità ma tistax tinvoka l-fatt li hija ma għadx għandha d-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati mill-persuni kkonċernati, jew deċiżjonijiet individwali adottati fir-rigward tagħhom, sabiex tiġġustifika l-possibbiltà li ma tirrimborsax lil dawn il-persuni kkonċernati d-dazji doganali li hija kkonstatat, fit-terminu ta’ tliet snin previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79, li dawn kienu nġabru indebitament peress li, sakemm dan it-terminu ma jkunx skada, l-awtoritajiet doganali huma obbligati jżommu d-dokumenti u l-informazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti sabiex possibbilment isir rimbors tad-dazji doganali li jkunu nġabru.

35

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fil-każ fejn in-natura indebita tal-ġbir ta’ dazji doganali toriġina minn żball tal-awtorità doganali nazzjonali fir-rigward tal-possibbiltà li jintalbu dazji doganali fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw minn jew sejrin lejn pajjiż terz partikolari. Ċertament, tali żball jista’ jikkonċerna numru kbir ta’ operaturi u ta’ deċiżjonijiet individwali u, konsegwentement, jeħtieġ riċerki ta’ kwantitajiet sinjifikattivi, min-naħa tal-awtorità doganali tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jiġu identifikati l-persuni li għandhom dritt għal rimbors. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux jeċċepixxu diffikultajiet prattiċi, amministrattivi jew finanzjarji sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Kontabbiltà), C‑384/18, EU:C:2020:124, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Huwa minnu li, f’ċerti każijiet, sabiex isir ir-rimbors tad-dazji doganali li hija kkonstatat li kienu nġabru indebitament, l-awtorità doganali nazzjonali jista’ jkollha bżonn ċerta informazzjoni li ma tinsabx, u lanqas ma setgħet tinsab, fil-pussess tagħha. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, tal-identità tal-persuna jew tal-persuni li jkunu ssuċċedew lill-persuna li tkun ħallset id-dazji li jkollhom jiġu rrimborsati, peress li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1430/79, ir-rimbors tad-dazji doganali jingħata biss lill-persuna stess li tkun ħallset dawn id-dazji jew lill-persuni li jkunu ssuċċedewha fid-drittijiet u l-obbligi tagħha. Dan jista’ jkun il-każ ukoll fir-rigward ta’ dettalji ta’ kont bankarju li fuqu jkollu jsir ir-rimbors.

37

Madankollu, dan il-fatt huwa, skont il-każ, rilevanti mhux sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ obbligu ta’ rimbors, peress li tali obbligu jitnissel malli l-awtorità doganali nazzjonali tikkonstata, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, in-natura indebita tal-ħlas ta’ dazji doganali, iżda sabiex jiġi ddeterminat jekk, billi damet sabiex tipproċedi għal, jew saħansitra billi ma wettqitx, tali rimbors, din l-awtorità kisritx l-obbligu tagħha li taġixxi ex officio.

38

B’mod konkret, meta l-imsemmija l-awtorità doganali ma jkollhiex, mingħajr nuqqas min-naħa tagħha, l-informazzjoni neċessarja sabiex tipproċedi għar-rimbors tad-dazji doganali miġbura indebitament, bħal dawk imsemmija fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, hija għandha, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha ta’ rimbors li jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79, tieħu l-miżuri neċessarji u xierqa sabiex tikseb din l-informazzjoni. Ċertament, tali miżuri ma jinkludux riċerki sproporzjonati, jiġifieri riċerki li jeħtieġu l-użu ta’ riżorsi umani u materjali mingħajr ebda rabta ma’ dak li jista’ raġonevolment ikun mistenni minn amministrazzjoni diliġenti. Madankollu, attitudni passiva tal-awtorità doganali, bl-iskuża li hija ma għandhiex l-imsemmija informazzjoni, la hija kompatibbli mal-obbligu tagħha ta’ rimbors imsemmi iktar ’il fuq u lanqas mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa intiż li japplika għall-Istati Membri meta jimplimentaw dan id-dritt (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et. (C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fil-kawża prinċipali, hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk jistax jitqies li l-awtoritajiet doganali Franċiżi kienu kkonstataw huma stess, qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-dħul fil-kontijiet tad-dazji doganali inkwistjoni, li dawn id-dazji nġabru indebitament. Madankollu, sabiex tiggwida lil din il-qorti f’din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jkunu utli għaliha (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Berlin Chemie A. Menarini,C‑333/20, EU:C:2022:291, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fit‑23 ta’ Jannar 1991, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża opinjoni motivata li permezz tagħha hija sostniet li l-prattika li tikkonsisti fir-rekwiżit tal-ħlas ta’ dazji doganali għall-merkanzija minn pajjiżi terzi lejn Andorra kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Marzu 1991, l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew lill-Kummissjoni li huma kienu ddeċidew li jirrispondu b’mod favorevoli għat-talba tal-Kummissjoni u, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u dan il-pajjiż terz li kellu japplika fl‑1 ta’ Lulju 1991, jemendaw b’mod antiċipat is-sistema ta’ esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli lejn Andorra. Permezz ta’ avviż ministerjali tas‑6 ta’ Ġunju 1991, l-awtoritajiet Franċiżi temmew l-imsemmija prattika, fir-rigward tal-merkanzija kollha minn pajjiżi terzi lejn Andorra.

41

Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li minn dawn l-avvenimenti jista’ jiġi dedott li l-awtoritajiet doganali Franċiżi, impliċitament iżda neċessarjament, ikkonstataw li d-dazji doganali miġbura fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi lejn Andorra kienu nġabru illegalment, peress li opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni ma għandhiex, fiha nnifisha, effett legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑191/95, EU:C:1998:441, punt 44), tali konstatazzjoni għandha titqies magħmula minn dawn l-awtoritajiet doganali “stess”, b’tali mod li dawn tal-aħħar kienu obbligati, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79, li jipproċedu ex officio għar-rimbors tad-dazji doganali inkwistjoni, peress li dawn inġabru matul it-tliet snin li jippreċedu din il-konstatazzjoni.

42

Jekk jirriżulta li, sabiex jipproċedu għar-rimbors tad-dazji doganali inkwistjoni, l-awtoritajiet doganali Franċiżi kellhom bżonn informazzjoni addizzjonali, bħal dik prevista fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, li la kienet u lanqas ma setgħet tinsab fil-pussess tagħhom, il-qorti tar-rinviju għandha, sabiex tiddetermina jekk dawn l-awtoritajiet astjenewx b’mod żbaljat milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom li jipproċedu ex officio għal dan ir-rimbors li jirriżulta minn dan it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2), teżamina jekk, wara li kkonstataw li d-dazji doganali inkwistjoni kienu nġabru illegalment, l-imsemmija awtoritajiet adottawx miżuri li, mingħajr ma kienu sproporzjonati, kienu neċessarji u xierqa sabiex jiksbu din l-informazzjoni. F’dan ir-rigward, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali miżuri ttieħdu.

43

Fid-dawl tar-raġunijiet kollha li ngħataw, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1430/79 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ obbligu li jsir rimbors ex officio tad-dazji doganali minn awtorità doganali nazzjonali hija suġġetta għall-fatt li din tal-aħħar tkun ikkonstatat hija stess, qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-dħul fil-kontijiet ta’ dawn id-dazji, li dawn inġabru indebitament fejn din il-konstatazzjoni timplika li din l-awtorità taf l-identità tal-persuni li ħallsu l-imsemmija dazji kif ukoll taf l-ammont li għandu jiġi rrimborsat lil kull waħda minnhom. Meta l-imsemmija awtorità ma jkollhiex, u lanqas ma seta’ jkollha, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex twettaq tali rimbors lill-persuna li tkun ħallset id-dazji doganali miġbura indebitament jew lill-persuni li jkunu ssuċċedewha fid-drittijiet u l-obbligi tagħha, hija l-istess awtorità li għandha, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha ta’ rimbors, tieħu l-miżuri li, mingħajr ma jkunu sproporzjonati, ikunu neċessarji u xierqa sabiex tikseb din l-informazzjoni u tipproċedi bir-rimbors.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79 tat‑2 ta’ Lulju 1979 dwar ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3069/86 tas‑7 ta’ Ottubru 1986,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li,

 

l-eżistenza ta’ obbligu li jsir rimbors ex officio tad-dazji doganali minn awtorità doganali nazzjonali hija suġġetta għall-fatt li din tal-aħħar tkun ikkonstatat hija stess, qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-dħul fil-kontijiet ta’ dawn id-dazji, li dawn inġabru indebitament fejn din il-konstatazzjoni timplika li din l-awtorità taf l-identità tal-persuni li ħallsu l-imsemmija dazji kif ukoll taf l-ammont li għandu jiġi rrimborsat lil kull waħda minnhom. Meta l-imsemmija awtorità ma jkollhiex, u lanqas ma seta’ jkollha, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex twettaq tali rimbors lill-persuna li tkun ħallset id-dazji doganali miġbura indebitament jew lill-persuni li jkunu ssuċċedewha fid-drittijiet u l-obbligi tagħha, hija l-istess awtorità li għandha, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha ta’ rimbors, tieħu l-miżuri li, mingħajr ma jkunu sproporzjonati, ikunu neċessarji u xierqa sabiex tikseb din l-informazzjoni u tipproċedi bir-rimbors.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.