SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 4 u 8 – Direttiva 2004/48/KE – Artikoli 1 sa 3 – Direttiva 2006/115/KE – Direttiva 2006/116/KE – Artikoli 1, 2 u 9 – Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rimedji ġudizzjarji – Dritt għal rimedju effettiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għal ksur eżerċitata minn wieħed mill-komproprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol ċinematografiku għall-kundizzjoni li l-komproprjetarji l-oħra jissejħu fil-kawża”
Fil-Kawża C‑182/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal judiciaire de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura
RB, bħala suċċessur ta’ Claude Chabrol,
AD, irrappreżentat mill-kuratriċi tiegħu, NM, bħala suċċessur ta’ Claude Chabrol,
DR, bħala suċċessur ta’ Claude Chabrol,
ZB, bħala suċċessur ta’ Claude Chabrol,
VQ, bħala suċċessur ta’ Claude Chabrol,
RZ, bħala suċċessur ta’ Paul Gégauff,
DQ, bħala suċċessur ta’ Paul Gégauff,
FI, bħala suċċessur ta’ Paul Gégauff,
LF, bħala suċċessur ta’ Paul Gégauff
vs
Société des auteurs et compositeurs dramatiques (SACD).
Radio Days SARL,
Brinter Company Ltd,
BS,
MW,
Artedis SA,
Panoceanic Films SA,
fil-preżenza ta’:
Société des auteurs, compositeurs et éditeurs de musique (SACEM),
HU, bħala suċċessur ta’ Pierre Jansen,
YG, bħala suċċessur ta’ Ellery Queen,
VH, bħala suċċessur ta’ Ellery Queen,
IA,
ID, bħala suċċessur ta’ Jean Patrick Manchette,
Succession Daniel Boulanger, bħala suċċessur ta’ Daniel Boulanger,
HK, bħala suċċessur ta’ Claude Brulé,
QY, bħala suċċessur ta’ Claude Brulé,
WY, bħala suċċessur ta’ Claude Brulé,
KE, bħala suċċessur ta’ Claude Brulé,
NA, bħala suċċessur ta’ Claude Brulé,
IY, bħala suċċessur ta’ Claude Brulé,
Succession Nicholas Blake, bħala suċċessur ta’ Nicholas Blake,
Succession Edward Atiyah, bħala suċċessur ta’ Edward Atiyah,
Succession Ellery Queen, bħala suċċessur ta’ Ellery Queen,
Succession Richard Neely, bħala suċċessur ta’ Richard Neely,
Succession Patricia Highsmith,
Succession Charlotte Armstrong, bħala suċċessur ta’ Charlotte Armstrong,
WI, bħala suċċessur ta’ Claude Rank,
QT, bħala suċċessur ta’ Hubert Monteilhet
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele (Relatriċi), A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal RB, bħala suċċessur ta’Claude Chabrol, minn J. Aittouares, avocat, |
|
– |
għal AD, irrappreżentat mill-kuratriċi tiegħu NM, bħala suċċessur ta’ Claude Chabrol, DR, ZB u VQ, bħala suċċessuri ta’ Claude Chabrol, RZ, DQ, FI, u LF, bħala suċċessuri ta’ Paul Gégauff, minn L. Klein, avocat, |
|
– |
għal Radio Days SARL, Brinter Company Ltd, BS, MW, Artedis SA u Panoceanic Films SA, minn P. Spinosi, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda u E. Timmermans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u G. Kunnert, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ April 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 sa 4 u 8 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tal-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28), tal-Artikoli 1, 2 u 9 tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU 2006, L 372, p. 12), kif ukoll tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, disa’ persuni fiżiċi, fil-kwalità tagħhom ta’ suċċessuri ta’ Claude Chabrol, direttur tal-films li miet fl-2010, u ta’ Paul Gégauff, xeneġġatur u awtur tad-djalogi li miet fl-1983, u, min-naħa l-oħra, Société des auteurs et compositeurs dramatiques (SACD), Radio Days SARL, Brinter Company Ltd (iktar ’il quddiem “Brinter”), BS, MW, Artedis SA u Panoceanic Films SA dwar l-isfruttament ta’ erbatax-il film prodotti minn C. Chabrol u li għalihom kien ikkollabora P. Gégauff, għal ħamsa minnhom, fil-kwalità ta’ awtur tad-djalogi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/29
|
3 |
Il-premessa 4 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi: “Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.” |
|
4 |
Skond l-Artikolu 2 ta; din id-direttiva, bit-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
|
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:
3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, bit-titolu “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor. 2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.” |
|
7 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, bit-titolu “Sanzjonijiet u Rimedji”, jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi. 2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2). 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.” |
Id-Direttiva 2004/48
|
8 |
Il-premessi 10 u 13 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedu:
[...]
|
|
9 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Materja tas-suġġett”, jipprevedi: “Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘diritijiet tal-proprjetà intellettwali’ jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.” |
|
10 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Firxa [Kamp] ta’ applikazzjoni”, jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b'din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat. 2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-infurzar tad-drittijiet u fuq l-eċċezzjonijiet li qegħdin fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur, l-aktar dawk li huma fid-Direttiva 91/250/KEE [tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 1991, L 122, p. 42)], b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tiegħu jew fid-Direttiva [2001/29], b’mod partikolari, l-Artikoli 2 sa 6 u l-Artikolu 8 tiegħu. 3. Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:
|
|
11 |
Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, bit-titolu “Obbligu Ġenerali”: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat [żgurat] l-infurzar [ir-rispett] tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament [inutilment] kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin [termini] mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat [iġġustifikat]. 2. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ [ostakoli għall-kummerċ leġittimu] u biex [li] jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż [l-użu abbużiv] tagħhom.” |
|
12 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, bit-titolu “Il-persuni ntitolati biex japplikaw [jitolbu] għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw [jitolbu l-applikazzjoni tal-] għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f'dan il-kapitolu:
|
Id-Direttiva 2006/115
|
13 |
Id-Direttiva 2006/115 tikkonċerna kemm id-dritt ta’ kiri u ta’ self kif ukoll ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. |
Id-Direttiva 2006/116
|
14 |
Il-premessa 11 tad-Direttiva 2006/116 tistipula: “Il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u tad-drittijiet relatati għandu jkun għoli, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma fundamentali għall-kreattività intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tassigura ż-żamma u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interess ta’ l-awturi, l-industriji kulturali, il-konsumaturi u s-soċjeta in ġenerali.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “It-tul tal-perjodu ta’ validità tad-drittijiet ta’ l-awtur”: “1. Id-drittijiet ta’ l-awtur ta’ xogħol artistiku jew letterarju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna [għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Lulju 1979,] għandhom idumu tul il-ħajja ta’ l-awtur u għal 70 sena wara mewtu, irrispettivament mid-data meta x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku. 2. Fejn id-dritt ta’ l-awtur ikun ta’ aktar minn awtur wieħed, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkalkulat mill-mewt ta’ l-aħħar ko-awtur li jibqa’ ħaj. [...] 4. Fejn Stat Membru jipprovdi għal dispożizzjonijet partikolari dwar drittijiet ta’ l-awtur fuq xogħlijiet kollettivi jew sabiex persuna ġuridika tiġi maħtura bħala detentur tad-drittijiet, il-perjodu tal-protezzjoni għandu jkun ikkalkulat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, għajr jekk il-persuni fiżiċi li ħalqu x-xogħol ikunu identifikati bħala tali fil-verżjonijiet tax-xogħol li jkunu saru disponibbli għall-pubbliku. Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet ta’ l-awturi identifikati li l-kontributi identifikabbli tagħhom ikunu inklużi f'dawn ix-xogħlijiet, li għal liema kontributi għandhom japplikaw il-paragrafi 1 jew 2. [...]” |
|
16 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi”, jipprovdi: “1. Id-direttur prinċipali ta' xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew bħala wieħed mill-awturi. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jindikaw ko-awturi oħrajn. 2. Il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi għandu jiskadi 70 sena wara l-mewt ta' l-aħħar mill-persuni li ġejjin li jkunu baqgħu ħajjin, sew jekk dawn il-persuni jiġux indikati jew le bħala ko-awturi: id-direttur prinċipali, l-awtur ta’ l-iscreenplay [xeneġġatura], l-awtur tad-djalogu u l-kompożitur tal-mużika maħluqa speċifikament biex tintuża fix-xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv.” |
|
17 |
Skont l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, bit-titolu “Drittijiet morali”: “Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijet ta’ l-Istati Membri li jirregolaw id-drittijiet morali.” |
Id‑dritt Franċiż
|
18 |
L-Artikolu L. 113-3 tal-Code de la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, Franza) jipprovdi: “Ix-xogħol kollaborattiv huwa proprjetà komuni tal-koawturi. Il-koawturi għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bi ftehim reċiproku. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, ikun f’idejn il-qorti ċivili li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Meta l-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed mill-koawtur tikkorrispondi għal ġeneri differenti, kull wieħed minnhom jista’, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, jisfrutta separatament il-kontribut personali tiegħu, mingħajr madankollu ma jippreġudika l-isfruttament tax-xogħol komuni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
19 |
Bejn is-sena 1967 u s-sena 1974, C. Chabrol idderieġa erbatax-il film (iktar ’il quddiem il-“films inkwistjoni”). P. Gégauff ikkollabora f’ħamsa minn dawn il-films bħala l-awtur tad-djalogi, tax-xeneġġatura jew tal-adattament. |
|
20 |
Il-materjali tal-films inkwistjoni kienu jappartjeni lill-produttur tagħhom, SA Les Films La Boétie, li, matul l-istralċ tagħha, ittrasferixxiethom, permezz ta’ kuntratt tal-25 ta’ Marzu 1982, lill-kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż Brinter C. |
|
21 |
Permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ tal-1 ta’ Jannar 1990, Brinter tat lil Artedis, li tagħha MW kienet id-direttur, awtorizzazzjoni sabiex tiffirma direttament max-xerrejja kuntratti ta’ bejgħ u sabiex tirċievi r-rikavat, għal perijodu ta’ tnax-il xahar li jiġġedded b’mod taċitu. |
|
22 |
Permezz ta’ kuntratt tat-8 ta’ Ġunju 1990, C. Chabrol ittrasferixxa lill-Brinter id-dritt li “tkompli tisfrutta” diversi mill-films inkwistjoni, għal perijodu ta’ tletin sena. BS kien id-direttur ta’ din il-kumpannija. |
|
23 |
Erba’ eredi ta’ P. Gégauff ittrasferrixew lill-Brinteri d-drittijiet ta’ sfruttament fuq il-ħames films li għalihom huwa kien ikkollabora permezz ta’ kuntratt tat-8 ta’ Ġunju 1990. |
|
24 |
Permezz ta’ kuntratt tat-18 ta’ Frar 2012, Brinter ittrasferixxiet lil Panoceanic Films id-dritt ta’ sfruttament ta’ dawn il-ħames films. |
|
25 |
Fl-11 ta’ Lulju 2019, il-ħames eredi ta’ C. Chabrol u l-erba’ eredi ta’ P. Gégauff ressqu azzjoni kontra Radio Days, Brinter, BS, MW, Artedis u Panoceanic Films għal ksur ta’ kuntratt u għal ksur tad-drittijiet tal-awtur relatati mal-films inkwistjoni. Dawn l-eredi, li huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, essenzjalment jallegaw l-isfruttament ineżistenti jew insuffiċjenti ta’ dawn il-films u jitolbu l-ħlas ta’ kumpens għad-danni mġarrba minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kuntratti. |
|
26 |
Fis-27 ta’ Jannar 2020, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, abbażi tal-ġurisprudenza dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 113–3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, eċepixxew l-inammissibbiltà minħabba li 19-il koawturi tal-imsemmija films ma ssejħux fil-kawża. |
|
27 |
Permezz ta’ atti tal-5 ta’ Mejju u tat-12 ta’ Ġunju 2020 intiżi sabiex jirregolarizzaw it-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sejjħu fil-kawża seba’ persuni fiżiċi li huma qiesu bħala “koawturi” jew “suċċessuri tal-koawturi” li kienu diġà mietu, tmien “suċċessjonijiet” ta’ koawturi, li fir-rigward tagħhom huma ma kinux f’pożizzjoni li jidentifikaw il-persuni fiżiċi li għandhom il-kwalità ta’ werrieta, u żewġ soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, jiġifieri s-Société des auteurs et compositeurs dramatiques (SACD) u s-Société des auteurs, compositeurs et éditeurs de musique (SACEM). |
|
28 |
Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Frar 2023, it-tribunal judiciaire de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi), li hija l-qorti tar-rinviju, ordnat, essenzjalment, lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jipprovdu d-data ta’ identifikazzjoni tal-koawturi tal-films inkwistjoni jew tas-suċċessuri tagħhom fit-titolu. |
|
29 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, anki wara li ngħatat din id-data, ma rnexxielhomx jillokalizzaw u jidentifikaw lill-koawturi kollha tal-films inkwistjoni u s-suċċessuri tagħhom, minħabba n-numru ta’ films inkwistjoni, il-qedem tagħhom, id-diversità tal-partijiet interessati u l-mewt ta’ wħud minn dawn il-koawturi, li l-werrieta tagħhom ma humiex magħrufa jew ma jirrisjedux fi Franza. |
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, mis-27 ta’ Jannar 2020, il-kawża prinċipali hija pparalizzata mill-impossibbiltà li jiġu identifikati d-diversi werrieta suċċessivi tal-koawturi tal-films inkwistjoni. Hija tenfasizza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadu passi kunsiderevoli sabiex jidentifikaw dawn il-koawturi jew s-suċċessuri tagħhom mingħajr ma kien possibbli li dawn jissejħu regolarment fil-kawża, kif teżiġi l-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-Artikolu L. 113–3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali. |
|
31 |
Dik il-qorti tenfasizza, l-ewwel nett, li d-Direttiva 2001/29 teżiġi madankollu, minn naħa, li l-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet u rimedji xierqa u, min-naħa l-oħra, li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
|
32 |
L-imsemmija qorti tenfasizza, it-tieni nett, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48 huma mingħajr preġudizzju għall-mezzi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda “sakemm dawk il-mezzi jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet” u sakemm dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji ma jkunux “mhux neċessarjament [inutilment] kumplikati jew għaljin” u ma jinvolvux “limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli” jew iwasslu għal “dewmien mhux ordnat [iġġustifikat]”. |
|
33 |
Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/116 jipproteġi d-drittijiet tal-awtur, trażmessi lill-suċċessuri, għal 70 sena wara l-mewt tal-awtur u li din il-protezzjoni hija estiża fir-rigward ta’ xogħlijiet kollettivi, peress li din tiġi kkalkolata mid-data tal-mewt tal-aħħar superstiti minn fost il-kollaboraturi tax-xogħol ikkonċernat. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. |
|
34 |
Barra minn hekk, dik il-qorti tirrileva li l-Karta tiggarantixxi d-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Fil-fehma tagħha, dawn ikunu, effettivament, preklużi milli jaċċedu għal qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kontestazzjoni ċivili tagħhom jekk ma jkunux jistgħu jsejjħu fil-kawża lis-suċċessuri kollha tal-koawturi tal-films inkwistjoni. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li inkwistjoni ma hemmx kontestazzjoni ta’ drittijiet kweżiti, ikkontestati mill-partijiet u li jifformaw parti mid-diskussjoni fuq il-mertu, iżda, fl-istadju tal-ammissibbiltà, il-possibbiltà stess li dawn id-drittijiet jiġu invokati permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja. Fil-fehma tagħha, f’dan il-każ, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali donnu jiddependi mill-kapaċità tagħhom li jidentifikaw il-komproprjetarji kollha tal-imsemmija drittijiet. |
|
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal judiciaire de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/115
|
37 |
Għandu jitfakkar li d-domandi magħmula jirrigwardaw esklużivament problema proċedurali li tirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu L. 113–3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, li jipprovdi li l-koawturi ta’ xogħol ta’ kollaborazzjoni għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bi ftehim reċiproku. Skont il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-koawtur ta’ xogħol ta’ kollaborazzjoni, bħall-films inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaġixxi ġudizzjarjament għad-difiża tad-drittijiet patrimonjali tiegħu għandu l-obbligu, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-azzjoni tiegħu, li jsejjaħ fil-kawża l-koawturi kollha tax-xogħol inkwistjoni, meta li l-kontribuzzjoni tiegħu ma tistax tiġi sseparata minn dik ta’ dawn il-koawturi l-oħra. Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, li tiegħu hija tinvoka ċerti dispożizzjonijiet, imsemmija f’dawn id-domandi, inkluża d-Direttiva 2006/115, jipprekludix tali rekwiżit. |
|
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji sabiex il-qrati nazzjonali jsolvu t-tilwima li dwarha huma mitluba jiddeċiedu (sentenza tas-27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-neċessità li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat b’mod li jkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih saru d-domandi tagħha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wasslu sabiex il-qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
41 |
Issa, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-eventwali rilevanza tad-Direttiva 2006/115 għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u lanqas ma tippreċiża liema huma d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li tagħhom il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb interpretazzjoni. |
|
42 |
Minn dan għandu jiġi konkluż li, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/115, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha msemmija fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza. |
|
43 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/115, hija inammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
44 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2021, A. S.A., C‑212/20, EU:C:2021:934, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
F’dan il-każ, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, l-effett tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/116 fuq l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għal-ksur imressqa minn parti mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol kollettiv. Dik il-qorti tirrileva li r-rekwiżit, previst mill-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li jgħid li tali azzjoni hija ammissibbli biss jekk titressaq minn dawn id-detenturi kollha, ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex f’pożizzjoni li jidentifikaw is-suċċessuri ta’ ċerti koawturi b’mod li jippermetti li dawn jissejħu fil-kawża. |
|
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/116, moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol kollettiv għas-sejħa fil-kawża tal-komproprjetarji kollha ta’ dawn id-drittijiet. |
|
47 |
Fl-ewwel lok, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet u rimedji xierqa kontra l-ksur tad-drittijiet u tal-obbligi stipulati minn din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn ikunu applikati. |
|
48 |
Għalhekk, din id-dispożizzjoni sempliċement tistipula r-rekwiżit li jiġu previsti, b’mod partikolari, rimedji ġudizzjarji xierqa kontra l-ksur tad-drittijiet u tal-obbligi previsti mill-imsemmija direttiva, mingħajr ma tippreċiżax il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fil-każ ta’ komproprjetà ta’ tali drittijiet. |
|
49 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2004/48, l-Artikolu 3(1) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn din id-direttiva. Dawn il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u ma għandhomx ikunu inutilment ikkumplikati jew għaljin u la għandhom iwasslu għal termini mhux raġonevoli u lanqas għal dewmien mhux iġġustifikat. Barra minn hekk, skont dan l-Artikolu 3(2), l-imsemmija miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikun wkoll effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’tali mod li jevitaw il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu u li jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-użu abbużiv tagħhom. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-imsemmi Artikolu 3 jeħtieġ l-implementazzjoni, b’mod partikolari, ta’ proċeduri effettivi sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, filwaqt li huwa ppreċiżat li dawn il-proċeduri ma jistgħux ikunu inutilment ikkumplikati jew għaljin, dan ma jinkludix, madankollu, regoli applikabbli fil-każ ta’ komproprjetà ta’ drittijiet tal-awtur. |
|
51 |
Fit-tielet lok, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/116 jirregola l-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur billi jipprevedi li, meta dan id-dritt ikun proprjetà komuni tal-kollaboraturi ta’ xogħol, il-perijodu msemmi f’dan l-Artikolu 1(1) huwa kkalkolat mill-mewt tal-aħħar superstiti minn fost il-kollaboraturi. Konsegwentement, dan ma jindirizzax il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur fil-każ ta’ komproprjetà ta’ tali drittijiet. |
|
52 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/116 jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu l-proċeduri neċessarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn dawn id-direttivi, billi jipprojbixxu b’mod partikolari l-proċeduri li jkunu inutilment ikkumplikati jew għaljin. Min-naħa l-oħra, ebda wieħed minn dawn l-artikoli ma jiddetermina, bil-formulazzjoni tiegħu biss, il-modalitajiet ta’ din il-protezzjoni fil-każ ta’ komproprjetà ta’ drittijiet tal-awtur. |
|
53 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas-27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
F’dak li jirrigwarda l-kuntest li minnu jifformaw parti l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/116, għandu jiġi rrilevat li lanqas l-artikoli l-oħra ta’ dawn id-direttivi ma jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tar-rimedji inkwistjoni fil-każ ta’ komproprjetà ta’ drittijiet tal-awtur. |
|
55 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, li jirrigwarda l-persuni intitolati sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva, ma jinkludix regoli speċifiċi fil-qasam ta’ rikorsi ppreżentati minn komproprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur. |
|
56 |
F’dak li jirrigwarda l-għanijiet imfittxija, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 4 tad-Direttiva 2001/29, mill-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48 u mill-premessa 11 tad-Direttiva 2006/116 jirriżulta li dawn it-tliet direttivi huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, inkluż tad-drittijiet tal-awtur. |
|
57 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-Direttiva 2004/48, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għal-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi li jipprevjenu, itemmu jew jirrimedjaw kull ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali eżistenti. B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jwettaq armonizzazzjoni minima fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih,C‑264/19, EU:C:2020:542, punt 36, u tal-11 ta’ Jannar 2024, Mylan, C‑473/22, EU:C:2024:8, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, bla ħsara għall-obbligu li jiġu previsti rimedji ġudizzjarji li ma jkunux inutilment ikkumplikati jew għaljin, huma l-Istati Membri li għandhom, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jiddeterminaw il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji inkwistjoni, u inkluż fil-każijiet ta’ komproprjetà ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. |
|
59 |
F’dan l-aħħar rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont dan il-prinċipju, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5, tas-17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 65, kif ukoll tat-30 ta’ April 2024, M.N.(EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 129]. |
|
60 |
Barra minn hekk, dawn il-modalitajiet proċedurali għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 17 tagħha, dwar id-dritt għall-proprjetà, kif ukoll mill-Artikolu 47 tagħha, li jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv. |
|
61 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu L. 113–3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, il-koawturi ta’ xogħlijiet kollettivi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bi ftehim reċiproku u li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, hija l-qorti nazzjonali adita li għandha tiddeċiedi. Madankollu, il-konsegwenza tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) hija l-inammissibbiltà ta’ azzjoni mressqa minn koawtur fl-assenza ta’ sejħa fil-kawża tal-koawturi l-oħra kollha jew, jekk ikun il-każ, tas-suċċessuri tagħhom, anki meta tali kontestazzjoni tirriżulta diffiċli ħafna, jekk mhux saħansitra impossibbli, minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tar-rikorrent. |
|
62 |
Fid-dawl tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 58 sa 60 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proċedura inkwistjoni hijiex inutilment ikkumplikata jew għalja, u jekk hijiex ta’ natura li tmur kontra kemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 17 u 47 tal-Karta. |
|
63 |
L-ewwel nett, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-effett tar-rekwiżit li l-koawturi kollha u/jew tas-suċċessuri tagħhom għandhom jissejħu fil-kawża huwa li jagħmel l-eżami ġudizzjarju tat-talbiet tagħhom impossibbli, meqjusa d-diffikultà relatata mal-identifikazzjoni u, konsegwentement, mas-sejħa fil-kawża tas-suċċessuri kollha tal-komproprjetarji tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni. Hija dik il-qorti li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, dan ir-rekwiżit iwassalx sabiex jagħmel il-proċedura inkwistjoni inutilment ikkumplikata u għalja. |
|
64 |
It-tieni nett, għalkemm il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxix ebda ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, l-effett tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex dak li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-aspetti partikolari tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Issa, f’dan il-każ, meta jkun hemm diffikultajiet serji u persistenti sabiex il-koawturi ta’ xogħol kollettiv jiġu identifikati u lokalizzati, il-fatt li l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-koawturi ta’ dan ix-xogħol li jkollhom l-intenzjoni li jiddefendu d-drittijiet tagħhom tkun suġġetta għas-sejħa fil-kawża tal-koawturi l-oħra kollha tal-imsemmi xogħol jista’ jirrendi l-eżerċizzju tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-koawturi eċċessivament diffiċli. |
|
67 |
It-tielet nett, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk tali sitwazzjoni tistax tippreġudika d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, li jikkonċernaw rispettivament id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.” Il-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 68). |
|
69 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, meta oġġett jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, dan għandu, f’din il-kwalità, jibbenefika minn protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur, konformement ma’ din id-direttiva, filwaqt li din ma tipprevedi, barra minn hekk, ebda kundizzjoni fir-rigward tan-numru ta’ koawturi ta’ tali xogħol. |
|
70 |
Minn dan għandu jiġi konkluż li, meta diversi persuni jkunu dententuri konġunti ta’ proprjetà intellettwali, bħad-drittijiet tal-awtur, fuq l-istess xogħol, dawn huma kollha meqjusa bħala li kisbu, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt li jgawdu minn din il-proprjetà intellettwali u huma protetti bl-istess mod. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ awtur ta’ xogħol ċinematografiku, bħal f’dan il-każ, jikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza. |
|
72 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha tibbenefika minn rimedju effettiv, kif jipprevedi l-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal rimedju effettiv jista’ jiġi invokat biss abbażi ta’ dan l-Artikolu 47, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-kontenut tiegħu jiġi speċifikat minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet tad-dritt intern tal-Istati Membri, ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt għal rimedju effettiv, f’każ partikolari, għalhekk jippreżupponi li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 jirriżulta li l-persuna li tinvokah qed tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi, fost elementi oħra, dak li jikkonsisti fil-possibbiltà li l-persuna li għandha dan id-dritt ikollha aċċess għal qorti li għandha l-kompetenza sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet li jiggarantixxilha d-dritt tal-Unjoni u, għal dan il-għan, sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi t-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
Ċertament, restrizzjoni bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 113–3 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali tipproteġi d-drittijiet tal-komproprjetarji assenti, billi tippermettilhom li jkollhom informazzjoni suffiċjenti sabiex jipparteċipaw jew ma jipparteċipawx fil-proċedura, fatt li jikkontribwixxi, b’mod partikolari, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt għall-proprjetà ta’ dawn il-komproprjetarji, fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Karta u sabiex jintlaħaq, fir-rigward tagħhom, l-għan imfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza. |
|
75 |
Madankollu, jidher li l-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa dak li jagħmel l-eżami ġudizzjarju tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali impossibbli, minkejja l-isforzi u d-diliġenza murija mill-imsemmija rikorrenti sabiex jissejħu fil-kawża l-komproprjetarji kollha tad-drittijiet tal-awtur. F’tali każ, l-obbligu li l-komproprjetarji kollha jissejħu fil-kawża, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-azzjoni kkonċernata, jidher li jipprekludi lil dawn ir-rikorrenti milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom stess. F’dan ir-rigward il-Gvern Franċiż ammetta li dan l-obbligu seta’ jikkostitwixxi, f’ċerti każijiet, rekwiżit mhux raġonevoli, li jista’ jagħmel l-eżerċizzju, mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt tal-komproprjetarji li jiddefendu d-drittijiet tal-awtur tagħhom ma jistax ikun suġġett għal rekwiżiti proċedurali li l-osservanza tagħhom tkun impossibbli jew diffiċli ħafna, li jkun jammonta għan-newtralizzazzjoni, fil-prattika, ta’ dan id-dritt u għalhekk jippreġudika d-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
76 |
Bla ħsara għall-verifika li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti proċedurali imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tat-tilwima mressqa quddiem dik il-qorti, jistgħu jkunu ta’ natura li jagħmlu l-proċedura inkwistjoni inutilment ikkumplikata u għalja, kif ukoll li jippreġudikaw kemm il-prinċipju ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
77 |
Jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li ma huwiex possibbli li d-dritt nazzjonali tagħha jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, hija jkollha l-obbligu li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan l-Artikolu 47, u li tiggarantixxi l-effett sħiħ tiegħu billi ma tapplikax, jekk ikun hemm bżonn, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2025, Wojewoda Mazowiecki, C‑713/23, EU:C:2025:917, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/116, moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol kollettiv għas-sejħa fil-kawża tal-komproprjetarji kollha ta’ dawn id-drittijiet, bil-kundizzjoni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jagħmlux il-proċedura prevista inutilment ikkumplikata jew għalja, peress li din ma għandhiex tagħmel l-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni, unikament minn koawtur jew minn diversi fosthom, impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Il-Qorti nazzjonali għandha, fi kwalunkwe każ, tiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
Fuq l-ispejjeż
|
79 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol kollettiv għas-sejħa fil-kawża tal-komproprjetarji kollha ta’ dawn id-drittijiet, bil-kundizzjoni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jagħmlux il-proċedura prevista inutilment ikkumplikata jew għalja, peress li din ma għandhiex tagħmel l-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni, unikament minn koawtur jew minn diversi fosthom, impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Il-Qorti nazzjonali għandha, fi kwalunkwe każ, tiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.