Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Diċembru 2025 (*)

“Appell – Politika komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni – Regolament (UE) 2019/1896 – Ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea – Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta – Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) – Obbligi ta’ Frontex dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali – Prattiki ta’ pushback lejn pajjiż terz fir-reġjun tal-Baħar Eġew – Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Frontex – Dannu reali u ċert – Oneru tal-prova – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prova prima facie – Obbligu tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li tinvestiga l-każ”

Fil-Kawża C‑136/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid‑19 ta’ Frar 2024,

Alaa Hamoudi, irrappreżentat inizjalment minn F. Gatta, avvocato, sussegwentement minn F. Gatta, avvocato, u A. Musco Eklund, professeure, assistiti minn J. De Coninck, experte,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), irrappreżentata inizjalment minn C. Carroll u R.-A. Popa, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avocat, sussegwentement minn H. Y. Caniard, C. Carroll u R.-A. Popa, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avocat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, L. Arastey Sahún, I. Ziemele, J. Passer, O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, D. Gratsias, M. Gavalec, Z. Csehi u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Frar 2025,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, Alaa Hamoudi jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Diċembru 2023, Hamoudi vs Frontex (T‑136/22, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2023:821), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiż sabiex jikseb kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab wara ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) allegatament wettqet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ tkeċċija li l-awtoritajiet Griegi allegatament ħadu fil-konfront tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir‑Regolament (UE) 2019/1896

2        Il-premessi 2, 3, 24, 81 u 103 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU 2019, L 295, p. 1) jipprovdu:

“(2)      L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 [tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2006 L 153M, p. 136)]. Minn meta ħadet ir-responsabbiltajiet tagħha fl‑1 ta’ Mejju 2005, din irnexxielha tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-aspetti operazzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni permezz ta’ operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntiera, analiżi tar-riskju, skambji ta’ informazzjoni, relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u r-ritorn ta’ persuni rimpatrijati.

(3)      L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ngħatat l-isem ġdid ta’ Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta [...] magħrufa b’mod aktar komuni bħala Frontex, u l-kompiti tagħha ġew estiżi b’kontinwità sħiħa tal-attivitajiet u l-proċeduri tagħha. Jenħtieġ li r-rwoli ewlenin [ta’ Frontex] jkunu: li tistabbilixxi strateġija teknika u operazzjonali bħala parti mill-implimentazzjoni taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri; li tissorvelja l-funzjonament effettiv tal-kontroll fuq il-fruntieri fil-fruntieri esterni; li twettaq analiżi tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà; li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali lill-Istati Membri u pajjiżi terzi permezz ta’ operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntieri; li tiżgura l-eżekuzzjoni prattika tal-miżuri f’każ ta’ sitwazzjoni li tkun teħtieġ azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni, biex tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali fl-appoġġ ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ ta’ persuni li jkunu jinsabu f’diffikultajiet fil-baħar; u li torganizza, tikkoordina u twettaq operazzjonijiet ta’ ritorn u interventi ta’ ritorn.

[…]

(24)      Jenħtieġ li l-kompiti u l-kompetenza estiżi [ta’ Frontex] jkunu bbilanċjati b’salvagwardji msaħħa tad-drittijiet fundamentali, aktar responsabbiltà [responsabilizzazzjoni] u responsabbiltà, b’mod partikolari f’termini tal-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi mill-persunal statutorju.

[…]

(81)      Jenħtieġ li [Frontex], fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li joħorġu deċiżjonijiet ta’ ritorn, tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali lill-Istati Membri fil-proċess ta’ ritorn, inkluż l-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u attivitajiet oħra ta’ qabel ir-ritorn jew relatati mar-ritorn tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li [Frontex] tassisti lill-Istati Membri fil-kisba ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għar-ritorn, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi rilevanti.

[…]

(103)            Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikoli 2 u 6 tat-TUE u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)], b’mod partikolari r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament jew kastig inuman jew degradanti, il-projbizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, id-dritt għall-asil, u l-protezzjoni kontra t-tneħħija u t-tkeċċija, in-non-refoulement, in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal.”

3        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tiżgura ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-fruntieri esterni bil-ħsieb li jiġu ġestiti dawk il-fruntieri esterni b’mod effiċjenti f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u biex tiżdied l-effiċjenza tal-politika ta’ ritorn tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament jindirizza sfidi migratorji u sfidi u theddidiet futuri potenzjali fil-fruntieri esterni. Huwa jiżgura livell għoli ta’ sigurtà interna fl-Unjoni b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi salvagwardjat il-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni. Huwa jikkontribwixxi għad-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni.”

4        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-gwardji tal-kosta sa fejn dawn iwettqu l-kompiti ta’ kontroll fuq il-fruntieri, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-ritorn, u [Frontex], għandhom jikkostitwixxu l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.”

5        L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “[Frontex]”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      Biex ikun żgurat li jkun hemm ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri koerenti, [Frontex] għandha tiffaċilita u tagħmel iktar effettiva l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni marbutin mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, b’mod partikolari r-[Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32)], u ta’ miżuri tal-Unjoni marbutin mar-ritorn.

4.      [Frontex] se tikkontribwixxi għall-applikazzjoni kontinwa u uniformi tal-liġi tal-Unjoni, inkluż l-acquis tal-Unjoni dwar id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari [l-Karta] fil-fruntieri esterni. Il-kontribuzzjoni tagħha għandha tinkludi l-iskambju ta’ prattiki tajbin.”

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament 2019/1896, intitolat “Responsabbiltà kondiviża”, jinqara kif ġej:

“1.      Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha timplimenta l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri bħala responsabbiltà kondiviża [Frontex] u tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-gwardji tal-kosta sa fejn dawn jagħmlu operazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq il-fruntieri tal-baħar u kull kompitu ieħor tal-kontroll fuq il-fruntieri. L-Istati Membri għandhom iżommu r-responsabbiltà primarja għall-ġestjoni tat-taqsimiet tagħhom tal-fruntieri esterna.

[…]

4.      [Frontex] għandha tappoġġa l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn billi ssaħħaħ, tivvaluta u tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri, u billi tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u fi kwistjonijiet ta’ ritorn. [Frontex] ma għandha tappoġġa l-ebda miżura jew tkun involuta f’ebda attività relatata mal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. [Frontex] għandha tkun totalment responsabbli u obbligata tagħti rendikont għal kwalunkwe deċiżjoni li tieħu u għal kwalunkwe attività li għaliha tkun unikament responsabbli, skont dan ir-Regolament.

[…]”

7        L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kompiti ta’ [Frontex]”, jipprovdi:

“1.      [Frontex] għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)      timmonitorja l-flussi migratorji u twettaq analiżi tar-riskju fir-rigward tal-aspetti kollha tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

(b)      timmonitorja l-ħtiġijiet operazzjonali tal-Istati Membri relatati mal-implimentazzjoni tar-ritorni, inkluż billi tiġbor id-data operazzjonali;

[…]

(e)      timmonitorja l-konformità mad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħha fil-fruntieri esterni u fl-operazzjonijiet ta’ ritorn;

[…]

(g)      tassisti lill-Istati Membri f’ċirkostanzi li jirrikjedu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni billi tikkoordina u torganizza operazzjonijiet konġunti, filwaqt li tikkunsidra li ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jinvolvu emerġenzi umanitarji u ta’ salvataġġ fuq il-baħar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dak internazzjonali;

[…]”

8        L-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Azzjonijiet [minn Frontex] fil-fruntieri esterni” jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“[Frontex] għandha torganizza l-assistenza teknika u operazzjonali xierqa għall-Istat Membru ospitanti u tista’, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi internazzjonali rilevanti, inkluż il-prinċipju tan-non-refoulement, tieħu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)      tikkoordina operazzjonijiet konġunti għal Stat Membru wieħed jew aktar u tistazzjona l-korp permanenti u tuża t-tagħmir tekniku;

(b)      torganizza interventi rapidi fil-fruntieri u tistazzjona l-korp permanenti u tuża t-tagħmir tekniku;

[…]

(e)      fil-qafas tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu u f’konformità mar-[Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 189, p. 93)] u l-liġi internazzjonali, tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi, biex jiġu appoġġati operazzjonijiet ta’ tfittix u salvataġġ għal persuni li jinsabu f’diffikultà fuq il-baħar, li jistgħu jseħħu waqt operazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq il-baħar;

[…]”

9        L-Artikolu 37 tal-istess regolament, intitolat “Bidu ta’ operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntieri esterni”, jipprovdi:

“1.      Stat Membru jista’ jitlob li [Frontex] tniedi operazzjonijiet konġunti biex jiffaċċja l-isfidi li jkunu ġejjin, inkluż l-immigrazzjoni illegali, it-theddid fil-preżent jew fil-futur fil-fruntieri esterni tiegħu jew il-kriminalità transfruntiera, jew tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali meta dan jimplimenta l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-kontroll fuq il-fruntieri esterni. Bħala parti minn tali talba, Stat Membru jista’ jindika wkoll il-profili ta’ persunal operattiv meħtieġ għall-operazzjoni konġunta in kwistjoni, inkluż dawk li jirrikjedu s-setgħat eżekuttivi meta applikabbli.

2.      Fuq talba ta’ Stat Membru li jkun qiegħed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ sfidi speċifiċi u sproporzjonati, speċjalment il-wasla f’punti tal-fruntieri esterni ta’ għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippruvaw jidħlu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru mingħajr awtorizzazzjoni, l-Aġenzija tista’ tuża intervent rapidu fil-fruntieri għal perjodu limitat ta’ żmien fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru ospitanti.

3.      Id-direttur eżekuttiv għandu jevalwa, japprova u jikkoordina proposti li jsiru minn Stati Membri għal operazzjonijiet konġunti jew interventi rapidi fil-fruntiera. Operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntiera għandhom ikunu preċeduti minn analiżi tar-riskju bir-reqqa, affidabbli u aġġornata, biex b’hekk [Frontex] tkun tista’ tistabbilixxi ordni ta’ prijorità għall-operazzjonijiet konġunti proposti u għall-interventi rapidi fil-fruntieri, filwaqt li jitqies il-livelli ta’ impatt attribwiti lit-taqsimiet tal-fruntiera esterni f’konformità mal-Artikolu 34 u d-disponibbiltà tar-riżorsi.

[…]”

10      Skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 2019/1896, intitolat “Pjan operazzjonali għall-operazzjonijiet konġunti”:

“1.      Bi tħejjija għal operazzjoni konġunta, id-direttur eżekuttiv, b’kooperazzjoni mal-Istat Membru ospitanti, għandu jfassal lista ta’ tagħmir tekniku, persunal u profili ta’ persunal meħtieġa inkluż dak il-persunal li għandu setgħat eżekuttivi, kif applikabbli, li għandhom jiġu awtorizzati f’konformità mal-Artikolu 82(2). […]

2.      Id-direttur eżekuttiv għandu jfassal pjan operazzjonali għall-operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri esterni. Id-direttur eżekuttiv u l-Istat Membru ospitanti, b’konsultazzjoni mill-qrib u f’waqtha mal-Istati Membri parteċipanti, għandhom jaqblu dwar il-pjan operazzjonali li jispjega l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-operazzjoni konġunta.

3.      Il-pjan operazzjonali għandu jorbot lill-Aġenzija, lill-Istat Membru ospitanti u lill-Istati Membri parteċipanti. Għandu jkopri l-aspetti kollha li jitqiesu meħtieġa għat-twettiq tal-operazzjoni konġunta, inklużi dawn li ġejjin:

[…]

(d)      deskrizzjoni tal-kompiti, inklużi dawk li jirrikjedu setgħat eżekuttivi tar-responsabbiltajiet, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u rekwiżit tal-protezzjoni tad-data u tal-istruzzjonijiet speċjali għat-timijiet, inkluż dwar il-konsultazzjoni permessa ta’ bażijiet ta’ data u l-armi tas-servizz, il-munizzjon u t-tagħmir permessi fl-Istat Membru ospitanti;

[…]

(i)      skema ta’ rapportar u evalwazzjoni li jkollha punti ta’ riferiment għar-rapport ta’ evalwazzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u d-data finali għas-sottomissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali;

[…]

(l)      istruzzjonijiet ġenerali dwar kif jista’ jkun żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu ssalvagwardjati matul l-attività operazzjonali [ta’ Frontex];

[…]”

11      L-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura għat-tnedija ta’ intervent rapidu fil-fruntieri”, jipprovdi:

“1.      Talba minn Stat Membru biex jitnieda intervent rapidu fil-fruntieri għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, il-miri possibbli u l-ħtiġijiet previsti, u profili ta’ persunal meħtieġa, inkluż dak il-persunal li għandu setgħat eżekuttivi, kif applikabbli. […]

[…]

5.      Id-direttur eżekuttiv għandu jieħu deċiżjoni dwar it-talba għat-tnedija ta’ intervent rapidu fil-fruntieri fi żmien jumejn ta’ xogħol mid-data tal-wasla tat-talba. Id-direttur eżekuttiv għandu fl-istess ħin javża lill-Istat Membru kkonċernat u lill-bord maniġerjali bil-miktub dwar id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tagħti r-raġunijiet ewlenin li tkun ġiet ibbażata fuqhom.

[…]

8.      Id-direttur eżekuttiv flimkien mal-Istat Membru ospitanti għandhom minnufih ifasslu u jaqblu dwar pjan operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 38(2) u, f’kull każ, sa mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol mid-data tad-deċiżjoni.

[…]”

12      L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, intitolat “Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni”, jinqara kif ġej:

“1.      [Frontex] għandha tiżgura l-implimentazzjoni operazzjonali tal-aspetti organizzazzjonali kollha tal-operazzjonijiet konġunti, tal-proġetti pilota jew interventi rapidi fil-fruntiera, inkluż il-preżenza ta’ persunal statutorju.

[…]

3.      L-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu jaġixxi f’isem [Frontex] fl-aspetti kollha tal-istazzjonament tat-timijiet. Ir-rwol tal-uffiċjali ta’ koordinazzjoni għandu jkun li jrawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri ospitanti u parteċipanti. Mill-inqas osservatur tad-drittijiet fundamentali wieħed għandu jassisti u jagħti pariri lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni. B’mod partikolari, l-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu:

[…]

(b)      jissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali, inkluż, f’kooperazzjoni mal-osservaturi tad-drittijiet fundamentali, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jirrapporta lid-direttur eżekuttiv dwar dan;

[…]

(d)      jirrapporta lid-direttur eżekuttiv fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-timijiet tiegħu mill-Istati Membri ospitanti mhumiex f’konformità mal-pjan operazzjonali b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, u fejn xieraq, jissuġġerixxi lid-direttur eżekuttiv biex jikkunsidra jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46.

[…]”

13      L-Artikolu 46 tal-istess regolament, intitolat “Deċiżjoni ta’ sospensjoni, terminazzjoni tal-attivitajiet jew li ma jiġux imnedija attivitajiet”, jipprevedi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.      Id-direttur eżekuttiv għandu, wara li jikkonsulta lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u jinforma lill-Istat Membru kkonċernat, jirtira l-finanzjament ta’ kwalunkwe attività [minn Frontex] jew jissospendi jew itemm, kwalunkwe attività mill-Aġenzija, kompletament jew parzjalment jekk huwa jqis li hemm ksur ta’ drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali relatati mal-attività kkonċernata. li huma ta’ natura gravi jew li x’aktarx jippersistu.

5.      Id-direttur eżekuttiv għandu, wara li jikkonsulta lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali jiddeċiedi li ma jniedi l-ebda attività [minn Frontex] fejn huwa jqis li diġà kien hemm raġunijiet serji fil-bidu tal-attività biex jissospendiha jew ittemmha minħabba li tista’ twassal għal ksur ta’ drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ natura serja. Id-direttur eżekuttiv għandu jinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dik id-deċiżjoni.”

14      L-Artikolu 48 tar-Regolament 2019/1896, bit-titolu “Ritorn”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr ma tidħol fil-merti tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn li jibqgħu unikament responsabbiltà tal-Istati Membri, u f’konformità mar-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u għal-liġi internazzjonali, inkluża l-protezzjoni internazzjonali, ir-rispett għall-prinċipju ta’ non-refoulement u d-drittijiet tat-tfal, fir-rigward tar-ritorn, [Frontex] għandha:

(a)      tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali lil Stati Membri fil-qasam tar-ritorn, inkluż:

(i)      fil-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa biex jinħarġu deċiżjonijiet ta’ ritorn, l-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz soġġetti għall-proċeduri ta’ ritorn u attivitajiet oħrajn tal-Istati Membri relatati mal-fażijiet ta’ qabel ir-ritorn, ir-ritorn u l-fażijiet ta’ wara l-wasla u ta’ wara r-ritorn, sabiex tinħoloq sistema integrata ta’ ġestjoni tar-ritorn bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

[…]”

15      L-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u strateġija għad-drittijiet fundamentali”, jinqara kif ġej:

“1.      Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament f’konformità mad-dritt rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Karta u l-liġi internazzjonali rilevanti, inklużi l-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951] [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], [kif issupplimentata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967], il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal [adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta’ Novembru 1989] [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3, Nru 257531 (1990)], u l-obbligi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement.

Għal dak il-għan, [Frontex], bil-kontribut tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u soġġetta għall-approvazzjoni tiegħu, għandha tfassal, timplimenta u tiżviluppa ulterjorment strateġija għad-drittijiet fundamentali u pjan ta’ azzjoni, inkluż mekkaniżmu effettiv għall-monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha [ta’ Frontex].

2.      Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tiżgura li l-ebda persuna, f’kontravenzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement, ma tkun sfurzata tiżbarka, sfurzata tidħol jew imwassla f’pajjiż, jew tiġi b’xi mod mgħoddija jew ritornata f’idejn l-awtoritajiet ta’ pajjiż, fejn, inter alia, ikun hemm riskju serju li tkun soġġetta għall-piena tal-mewt, it-tortura, il-persekuzzjoni jew trattament jew pieni inumani jew degradanti oħra, jew fejn il-ħajja jew il-libertà tagħha jkunu mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, iċ-ċittadinanza, l-orjentazzjoni sesswali, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tagħha, jew li minnu jkun hemm riskju ta’ espulsjoni, tneħħija, estradizzjoni jew ritorn lejn pajjiż ieħor f’kontravenzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

3.      Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tqis l-ħtiġijiet speċjali tat-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati, il-persuni b’diżabbiltà, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, persuni li jeħtieġu assistenza medika, persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, persuni f’diffikultà fuq il-baħar u persuni oħrajn f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, u tindirizza dawk il-ħtiġijiet fil-qafas tal-mandat tagħha. Fl-attivitajiet kollha tagħha, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet tat-tfal u tiżgura li l-aħjar interessi tat-tfal jiġu rispettati.

[…]”

16      L-Artikolu 97 tal-imsemmi regolament, intitolat “Responsabbiltà”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, [Frontex] għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkaġunat mid-dipartimenti jew mill-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom, inklużi dawk relatati mal-użu tas-setgħat eżekuttivi.”

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

17      L-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li:

“1.      Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji jistgħu jiġu adottati jew emendati f’kull stadju tal-proċedura, jew ex officio jew fuq talba ta’ parti prinċipali.

2.      It-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika bi preċiżjoni s-suġġett tal-miżuri mitluba u r-raġunijiet ta’ natura li jiġġustifikaw dawn il-miżuri. Meta din it-talba titressaq wara l-ewwel skambju ta’ noti, il-parti li tressaq it-talba għandha tesponi r-raġunijiet għaliex ma setgħetx tressaqha qabel.

3.      Fil-każ ta’ talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji, il-President għandu jagħti lill-partijiet l-oħra l-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni dwarha.”

18      L-Artikolu 89 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura huma intiżi li jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, il-preparazzjoni tal-kawżi, l-iżvolġiment tal-proċeduri u s-soluzzjoni tat-tilwim.

2.      B'mod partikolari, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandhom l-iskop:

(a)      li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura u li tiġi ffaċilitata l-produzzjoni tal-provi;

(b)      li jiġu ddeterminati l-punti li fir-rigward tagħhom il-partijiet għandhom jikkompletaw l-argumenti tagħhom jew li jeħtieġu istruttorja;

(c)      li tiġi ppreċiżata l-portata tat-talbiet kif ukoll tal-motivi u tal-argumenti tal-partijiet u li jiġu kkjarifikati l-punti kontenzjużi bejn il-partijiet;

(d)      li jiġi ffaċilitat il-ftehim bonarju dwar it-tilwim.

3.      Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu jieħdu l-forma, b’mod partikolari, ta’:

(a)      mistoqsijiet magħmula lill-partijiet;

(b)      stedina lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub jew oralment dwar ċerti aspetti tat-tilwima;

(c)      talba għal informazzjoni lill-partijiet jew lil terzi, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-[Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea];

(d)      talba lill-partijiet sabiex jipproduċu kull anness relatat mal-kawża;

(e)      konvokazzjoni tal-partijiet għal laqgħat.

4.      Meta tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Qorti Ġeneraligħandha, sa fejn ikun possibbli, tistieden lill-partijiet sabiex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq kwistjoni jew kwistjonijiet partikolari.”

19      L-Artikolu 90(1) tal-imsemmija Regoli jinqara kif ġej:

“Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti Ġenerali.”

20      L-Artikolu 91 tal-istess regolament jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 24 u 25 tal-[Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], il-miżuri istruttorji jinkludu:

(a)      id-dehra personali tal-partijiet;

(b)      it-talba lil parti għal informazzjoni jew għall-produzzjoni ta’ kull anness relatat mal-kawża;

(c)      it-talba għall-produzzjoni ta' dokumenti li l-aċċess għalihom kien miċħud minn istituzzjoni fil-kuntest ta' rikors dwar il-legalità ta' din iċ-ċaħda;

(d)      il-prova permezz ta’ xhieda;

(e)      il-perizja;

(f)      l-aċċess.”

21      Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tistabbilixxi l-miżuri li hija tqis xierqa permezz ta’ digriet li jifformula l-fatti li għandhom jiġu pprovati.

22      L-Artikolu 93 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Ix-xhieda li l-eżami tagħhom jitqies neċessarju għandhom jiġu mħarrka permezz ta’ digriet, imsemmi fl-Artikolu 92(1), li għandu jinkludi:

(a)      l-isem, il-professjoni u l-indirizz tax-xhieda;

(b)      id-data u l-post tal-eżami;

(c)      l-indikazzjoni tal-fatti li għandhom jiġu stabbiliti u tax-xhieda li għandhom jinstemgħu fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-fatti.

2.      Ix-xhieda għandhom jiġu mħarrka mill-Qorti Ġenerali, jekk ikun meħtieġ wara d-depożitu tal-garanzija msemmija fl-Artikolu 100(1).”

23      L-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament jinqara kif ġej:

“1.      Wara li ssir il-verifika tal-identità tax-xhieda, il-President għandu jinformahom li ser ikollhom jikkonfermaw il-verità tad-dikjarazzjonijiet tagħhom skont il-modalitajiet speċifikati fil-paragrafu 5 u fl-Artikolu 97.

2.      Ix-xhieda għandhom jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali, wara li l-partijiet jissejħu sabiex jattendu. Wara d-depożizzjoni, il-President jista’, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet jew ex officio, jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

3.      L-Imħallfin kollha u l-Avukat Ġenerali wkoll jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

4.      Il-President jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

5.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 97, wara li jagħmel id-depożizzjoni tiegħu, ix-xhud għandu jieħu l-ġurament li ġej: “Jiena naħlef li għidt is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa”.

6.      Il-Qorti Ġenerali tista’, wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, teżenta lix-xhud milli jieħu l-ġurament.”

24      L-Artikolu 95 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.      Ix-xhieda regolarment imħarrka għandhom joqogħdu għat-taħrika u jidhru għall-eżami.

2.      Meta xhud regolarment imħarrek ma jidhirx quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr raġuni leġittima, il-Qorti Ġenerali tista’ timponi fuqu sanzjoni pekunjarja ta’ mhux iktar minn EUR 5000 u tordna taħrika ġdida tax-xhud bi spejjeż tiegħu.

3.      L-istess sanzjoni tista’ tiġi imposta fuq xhud li, mingħajr raġuni leġittima, jirrifjuta li jagħti x-xhieda tiegħu jew li jieħu l-ġurament.”

25      L-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi:

“1.      Fil-fażi orali tagħha, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tinkludi seduta għas-sottomissjonijiet orali li tiġi organizzata jew ex officio jew fuq it-talba ta’ parti prinċipali.

2.      It-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa minn parti prinċipali għandha tindika r-raġunijiet għaliex din il-parti tkun tixtieq tinstema’. Din it-talba għandha titressaq f’terminu ta’ tliet ġimgħat li jiddekorri min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat mill-President.

3.      Fl-assenza tat-talba msemmija fil-paragrafu 2, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess tal-kawża, tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali xorta tista’ tiddeċiedi sussegwentement li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.”

26      L-Artikolu 126 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

27      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti kif ġej fil-punti 2 sa 5 u 10 tad-digriet appellat:

“2.      Ir-rikorrent huwa ċittadin Sirjan. Huwa jsostni li, fit‑28 ta’ April 2020, meta wasal mit-Turkija bid-dgħajsa, huwa daħal fit-territorju Grieg, jiġifieri l-gżira ta’ Samos, flimkien ma’ grupp ta’ persuni oħra, sabiex jitlob l-ażil hemmhekk. Huwa jsostni, barra minn hekk, li wara li żbarka fuq l-imsemmija gżira, il-pulizija lokali interċettatu kif ukoll lill-persuni l-oħra u, fl-istess jum, l-awtoritajiet Griegi bagħtuh lura fuq il-baħar fejn, l-għada, bastiment tal-gwardja tal-kosta Torka tellgħu abbord u ttrasferixxieh lejn it-territorju Tork (iktar ’il quddiem l-‘allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020’).

3      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li fid‑29 ta’ April 2020, matul il-perijodu li fih kien fuq il-baħar, ajruplan ta’ sorveljanza privat, allegatament mgħammar b’kamera u ġestit minn Frontex, għadda minn fuq ix-xena darbtejn.

4      Ir-rikorrent jiddikjara li, wara l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, huwa ġie ttrasferit f’ċentru tad-detenzjoni fit-Turkija fejn inżamm għal għaxart ijiem. Huwa sussegwentement irċieva ordni ta’ tkeċċija u ġie kkonfiskat il-passaport tiegħu Sirjan. Konsegwentement, kien maqbud fit-Turkija mingħajr aċċess għas-sistema tal-ażil, u għex bħala klandestin taħt theddida imminenti ta’ refoulement lejn is-Sirja.

5      Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikorrent, fil-frattemp, irnexxielu jidħol fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni u jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja.

[…]

10      Fil-mument tal-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, kienu għaddejjin żewġ attivitajiet operazzjonali ta’ Frontex fiż-żona ġeografika fejn seħħ tali inċident, jiġifieri l-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Baħar Eġew u l-operazzjoni konġunta ‘Poseidon’”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Marzu 2022, l-appellant ippreżenta rikors ibbażat fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE u intiż sabiex jikseb kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-aġir illegali ta’ Frontex fil-kuntest tal-operazzjonijiet tagħha fil-Baħar Eġew, b’mod partikolari matul l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020. F’dan ir-rigward, huwa talab li Frontex tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 500 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba ksur tal-Artikoli 38, 46 u 80 tar-Regolament 2019/1896 kif ukoll tal-Artikolu 1 (dinjità tal-bniedem), tal-Artikolu 2 (dritt għall-ħajja), tal-Artikolu 3 (dritt għall-integrità tal-persuna), tal-Artikolu 4 (projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti), tal-Artikolu 6 (dritt għal-libertà u s-sigurtà), tal-Artikolu 18 (dritt għall-ażil), tal-Artikolu 19 (protezzjoni fil-każ ta’ tneħħija, ta’ tkeċċija u ta’ estradizzjoni) u tal-Artikolu 21 (nondiskriminazzjoni) tal-Karta.

29      Fl‑10 ta’ Marzu 2022, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji sabiex Frontex tipproduċi dokumenti fil-pussess tagħha, u, min-naħa l-oħra, torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali. Fid‑29 ta’ April u fit‑18 ta’ Mejju 2022, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi għall-produzzjoni minn Frontex ta’ dokumenti oħra.

30      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellant. Wara li fakkret, fil-punti 19 sa 23 ta’ dan id-digriet, il-prinċipji li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u, fil-punti 28 sa 34 tal-imsemmi digriet, dawk relatati b’mod partikolari mar-realtà tad-dannu invokat, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor, fil-punt 36 tal-istess digriet, il-fatti li wasslu għad-dannu allegat invokati mill-appellant fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, fit-termini li ġejjin:

“Ir-rikorrent jiddikjara fir-rikors tiegħu li, fit‑28 ta’ April 2020, madwar is-7:30 ta’ filgħodu, 22 persuna, inkluż hu, waslu fil-gżira ta’ Samos, fil-Greċja. Huma waslu fuq il-bajja ħdejn il-muntanji, li bdew jitilgħu wara li telqu d-dgħajsa. Skont ir-rikorrent, malli waslu fil-quċċata tal-muntanji, huwa ġibed ritratti u vidjos u bagħathom lil persuna li jaf fl-Awstrija. Il-grupp qatta’ ftit sigħat jistaqsi lir-residenti sabiex iċemplu lill-pulizija. Meta l-uffiċjali tal-pulizija waslu, ikkonfiskaw il-mobiles tagħhom u wasslu lill-grupp sal-bajja fi trakk tat-tip “pick-up” fejn kien hemm vapur żgħir u dgħajsa żgħira. Il-membri kollha tal-grupp twasslu sussegwentement fuq dgħajsa oranġjo żgħira li, skont ir-rikorrent, kienet raft tas-salvataġġ mingħajr l-ebda mezz ta’ propulsjoni. Meta kien fuq il-baħar, il-grupp kien ġie mġiegħel ibiddel id-dgħajjes darbtejn oħra. Skont ir-rikorrent, dawn it-trasferimenti minn dgħajsa għal dgħajsa komplew ukoll mal-lejl u sal-wara nofsinhar tad‑29 ta’ April 2020, meta l-gwardja tal-kosta Torka finalment ġabrithom.”

31      Fil-punt 37 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, “[s]abiex jiġu pprovati dawn l-allegazzjonijiet dwar il-preżenza u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq il-provi li ġejjin:

–        fl-ewwel lok, fuq ix-xhieda tiegħu stess, mehmuża bħala Anness A. 1 mar-rikors;

–        fit-tieni lok, fuq artiklu tal-media Bellingcat, ippubblikat fl‑20 ta’ Mejju 2020 fuq l-internet (iktar ’il quddiem [l-“artiklu ta’ Bellingcat]”), u, b’mod partikolari, żewġ vidjos YouTube inklużi f’dan l-artiklu. Ir-rikors jinkludi hyperlink għas-sit internet li jinkludi l-artiklu, kemm fit-test tiegħu kif ukoll fl-Anness A. 2 tiegħu;

–        u, fit-tielet lok, fuq erba’ ritratti, mehmuża bħala Anness A. 2 mar-rikors. Dawn ir-ritratti huma ritratti tal-iskrin bil-kulur meħuda mill-vidjos li jinsabu [fl-artiklu ta’ Bellingcat]”.

32      Fil-punt 39 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-provi kienu manifestament insuffiċjenti sabiex jipprovaw, b’mod konklużiv, il-preżenza u l-involviment tal-appellant fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 40 sa 60 ta’ dak id-digriet, hija kkonkludiet, fil-punt 61 tal-imsemmi digriet, li l-appellant ma kienx ipprova r-realtà tad-dannu invokat u li, għaldaqstant, il-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu ma kinitx manifestament issodisfatta.

33      Għaldaqstant, fil-punt 62 tal-istess digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala manifestament nieqes minn kull bażi fid-dritt, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Frontex.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

34      L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ jekk hija tqis li għandha biżżejjed informazzjoni misluta mill-proċess; sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din twettaq eżami komplet tal-fatti, u

–        tikkundanna lil Frontex għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

35      Frontex titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż, inklużi dawk imġarrba minn Frontex.

 Fuq l-appell

36      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, bi ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li l-osservanza tagħhom hija meħtieġa skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta bħala livell minimu ta’ protezzjoni. Dan l-aggravju uniku jinkludi żewġ partijiet, li għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

37      Fl-ewwel parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-appellant isostni, essenzjalment, li huwa bi ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova li, fil-punti 35, 39, 61 u 62 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li huwa ma kienx manifestament wera b’mod suffiċjenti li l-kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni dwar ir-realtà tad-dannu kienet issodisfatta.

38      Hekk kif allegatament jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fil-kawżi li jirrigwardaw it-tkeċċija ta’ applikanti għall-ażil, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà li jkunu jinsabu fiha dawn tal-aħħar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet, jew saħansitra l-impossibbiltà, għal dawn il-persuni li jiksbu provi. B’mod partikolari, il-Qorti EDB tqis li, f’tali sitwazzjonijiet, l-assenza ta’ provi diretti ma tikkostitwixxix fattur deċiżiv, li spiss ikun neċessarju li l-imsemmija persuni jingħataw il-benefiċċju tad-dubju meta tiġi evalwata l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tagħhom u tad-dokumenti li jissostanzjawhom, u li meta dawn l-istess persuni jkunu pproduċew prova prima facie insostenn tal-verżjoni tal-fatti tagħhom, l-oneru tal-prova jinqaleb (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Awwissu 2016, J.K. et vs L-Isvezja, CE:ECHR:2016:0823JUD005916612, punti 92 sa 97; Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, N.D. u N.T. Vs Spanja, CE:ECHR:2017:1003JUD000867515, punt 85; u Qorti EDB, 18 ta’ Novembru 2021, M.H et vs Il-Kroazja, CE:ECHR:2021:1118JUD001567018, punt 268).

39      Billi imponiet rekwiżiti fil-qasam tal-prova li huma diffiċli, jew saħansitra impossibbli li jiġu ssodisfatti fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ refoulement, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, fosthom id-dritt għal rimedju effettiv, u s-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat FUE. Dawn ir-rekwiżiti jwasslu sabiex Frontex tiġi eżentata minn kull obbligu legali li jimponilha tipprovdi informazzjoni rilevanti li għaliha hija l-unika waħda li għandha aċċess u minn kull konsegwenza li tirriżulta min-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ din l-informazzjoni.

40      Barra minn hekk, l-impożizzjoni tal-imsemmija rekwiżiti allegatament wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex twettaq żbalji ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti kif ukoll żnaturamenti tal-provi.

41      Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 37, 42, 46, 47, 53 u 55 tad-digriet appellat, li jgħidu li r-ritratti u l-vidjos li joriġinaw mill-artiklu ta’ Bellingcat ma kinux jippermettu li jiġi identifikat l-appellant jew il-post u d-data li fiha ttieħdu, jiżnaturaw dawn ir-ritratti u dawn il-vidjos.

42      It-tieni nett, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja meta qieset li l-provi prodotti mill-appellant kienu wisq impreċiżi sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma rilevanti u probatorji. F’dan ir-rigward, ir-ritratti u l-vidjos prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jippermettu li jiġi identifikat l-appellant kif ukoll li tiġi kkonfermata l-preżenza tiegħu matul l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020. Dawn il-fatti huma kkorroborati mir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) stabbilit wara l-investigazzjoni OC/2020/0866/A1 u li jirrigwarda irregolaritajiet serji li twettqu minn Frontex, li jikkonsistu b’mod partikolari f’li baqgħet siekta dwar jew li kienet involuta f’push-backs ta’ migranti (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”), li għalih l-appellant kellu aċċess wara żvelar a’ informazzjoni fl-istampa. L-appellant talab lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex dan ir-rapport jiġi prodott. Madankollu, din it-talba baqgħet mingħajr segwitu u lanqas biss issemmiet fid-digriet appellat.

43      It-tielet nett, fil-punti 40 u 41 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u żnaturat il-provi meta qieset li x-xhieda tal-appellant annessa mar-rikors fl-ewwel istanza kellha biss valur probatorju dgħajjef, li ma kinitx suffiċjentement preċiża u li ma kinitx tippermetti li jiġu identifikati l-persuni l-oħra preżenti matul l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020. L-appellant jinvoka, f’dan il-kuntest, ir-rapport tal-OLAF, li jistabbilixxi, l-ewwel nett, li mezzi kofinanzjati minn Frontex ipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi, kuntrarjament għal dak li affermat Frontex matul l-investigazzjoni. Sussegwentement, dan ir-rapport allegatament jattesta li Frontex kienet iddeċidiet li tirriloka l-mezzi tal-ajru tagħha sabiex ma tkunx xhud ta’ inċidenti fil-Baħar Eġew u tal-fatt li l-uffiċjali tagħha, minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni mill-Istat Membru ospitanti, kienu astjenew milli jirrapportaw l-inċidenti. Dawn l-elementi jikkorroboraw l-argument tal-appellant li l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020 huwa iktar każ ta’ nuqqas ta’ senjalizzazzjoni ta’ inċident milli każ ta’ nuqqas ta’ detezzjoni tiegħu. Fl-aħħar nett, l-imsemmi rapport jikkonferma l-kredibbiltà tal-artiklu ta’ Bellingcat dwar l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020. Fid-dawl tal-imsemmija elementi, li ġew ippreżentati lill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kellha tagħti lill-appellant il-benefiċċju tad-dubju għall-finijiet tal-istabbiliment tal-materjalità tal-fatti inkwistjoni.

44      Fit-tieni parti tal-aggravju uniku, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta, fil-punti 14 u 62 tad-digriet appellat, qieset li kellha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u li r-rikors kien manifestament infondat fid-dritt. L-appellant essenzjalment jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma investigatx il-każ b’mod korrett u li applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’mod iktar partikolari, billi rrifjutat, mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni, li tilqa’ t-talbiet tal-appellant li tipproduċi u li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapport tal-OLAF kif ukoll it-tliet rapporti li jinsabu fid-database tal-applikazzjoni ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-operazzjonijiet konġunti (Joint Operations Reporting Application) (iktar ’il quddiem ir-“rapporti JORA”), li għalihom Frontex kellha aċċess esklużiv, u billi rrifjutat li torganizza seduta mitluba mill-appellant sabiex ikun jista’ jixhed waqt din is-seduta, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kif ukoll il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u wettqet eżami inkomplet tal-fatti. Dawn l-iżbalji, li jippreġudikaw is-sistema kompleta tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattati u jwasslu sabiex Frontex tiġi eżentata inġustament minn kull responsabbiltà, jivvizzjaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 14, 58, 59, 61 u 62 tad-digriet appellat.

45      L-appellant iqis ukoll li, bil-kontra ta’ dak li ssostni Frontex, dan l-aggravju huwa ammissibbli. Minn naħa, l-appellant ma jibbażax ruħu fuq provi li ma jinsabux fil-proċess, iżda fuq talbiet ta’ organizzazzjoni tal-proċedura indirizzati lill-Qorti Ġenerali intiżi sabiex tinkiseb il-produzzjoni ta’ dokumenti li għalihom Frontex kellha aċċess esklużiv. Min-naħa l-oħra, l-appellant jinvoka żnaturament tal-provi li jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

46      Frontex issostni li l-aggravju uniku huwa manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat.

47      Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-ewwel parti tal-aggravju uniku hija inammissibbli. Qabelxejn, l-appellant sempliċement jitlob l-eżami mill-ġdid tal-provi jew l-evalwazzjoni tal-provi prodotti għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Sussegwentement, huwa ma jsemmix il-punti kkontestati tad-digriet appellat meta jallega ksur kemm tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova kif ukoll tal-Artikolu 52(3) tal-Karta. Barra minn hekk, l-appellant jippreżenta bħala punti ta’ liġi dak li jikkostitwixxi evalwazzjonijiet fattwali. Dan allegatament huwa l-każ tal-punt dwar jekk l-appellant kellux jingħata l-benefiċċju tad-dubju, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Frontex tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din il-ġurisprudenza ma tistax tipprevali fuq ir-regola tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi. Fl-aħħar nett, Frontex tqis li, f’diversi aspetti, l-appellant sempliċement jirrepeti l-argumenti fformulati fl-ewwel istanza.

48      Fi kwalunkwe każ, din il-parti hija parzjalment ineffettiva u parzjalment infondata. Qabel kollox, imkien ma huwa kkontestat li l-artiklu ta’ Bellingcat ma jsemmix isem l-appellant u li l-kwalità grafika ta’ dawn il-vidjos hija relattivament fqira. Barra minn hekk, l-allegati żnaturamenti jew żbalji bl-ebda mod ma huma stabbiliti, peress li dawn ma jidhrux b’mod manifest mill-atti tal-proċess. Sussegwentement, ir-rapport tal-OLAF huwa irrilevanti peress li bl-ebda mod ma jistabbilixxi li l-appellant jidher fuq ir-ritratti prodotti minn dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, bil-kontra għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-argumenti u l-provi prodotti minn dan tal-aħħar.

49      Fit-tieni lok, Frontex tqis li t-tieni parti tal-aggravju uniku hija inammissibbli wkoll. Minn naħa, l-appellant jibbaża ruħu fuq ir-rapport tal-OLAF li ma kienx jinsab fil-proċess tal-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rapporti JORA, huwa ma jindikax il-punti tad-digriet appellat li jikkontesta abbażi ta’ dawn ir-rapporti.

50      Fi kwalunkwe każ, din il-parti ma hijiex fondata. F’dan ir-rigward, Frontex tqis li l-appellant ma jistax jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 14 tad-digriet appellat, li tgħid li hija kellha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, jew iċ-ċaħda tar-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt, fil-punt 62 ta’ dan id-digriet, billi jinvoka r-rapport tal-OLAF, ir-rapporti JORA jew inkella t-talba tal-appellant li tiġi organizzata seduta sabiex ikun jista’ jidher quddiem il-Qorti Ġenerali.

51      Fir-rigward tat-talba tal-appellant lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna l-produzzjoni tar-rapport tal-OLAF, fl-intier tiegħu, inklużi l-annessi tiegħu, mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni (C‑481/07 P, EU:C:2009:461, punt 44), jirriżulta li hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li hija jkollha billi tordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji, li ma jistgħux ikollhom l-għan li jikkumpensaw għan-nuqqas tal-appellant li jipproduċi l-provi. Fi kwalunkwe każ, dan ir-rapport huwa irrilevanti peress li l-appellant ma jindikax li ismu huwa ċċitat fih jew li l-imsemmi rapport jippermetti li jiġi stabbilit li huwa kien jidher fuq ir-ritratti li huwa pproduċa fl-ewwel istanza.

52      Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba tal-appellant li tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali sabiex ikun jista’ jidher bħala xhud, Frontex tqis li l-appellant ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi jekk kawża teħtieġx is-smigħ ta’ xhud jew iż-żamma ta’ seduta. Frontex tippreċiża li, peress li l-appellant ma pproduċa ebda prova li turi li huwa persuna kkonċernata mill-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Griegi u/jew li huwa jidher fuq ir-ritratti prodotti fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun obbligata tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji, peress li dawn ma jippermettux li jiġu prodotti l-provi li l-produzzjoni tagħhom ma saritx mill-appellant. La l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħu jippreżumu li l-appellant kien ikkonċernat mill-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020. L-appellant lanqas ma jindika b’liema mod seduta quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tippermetti li jiġi stabbilit li huwa kien wieħed mill-persuni li jidhru fuq ir-ritratti ta’ kwalità ħażina prodotti fl-ewwel istanza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà

53      Frontex tikkontesta, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tal-aggravju uniku tal-appell għar-raġuni, essenzjalment, li l-appellant ma jidentifikax bi preċiżjoni suffiċjenti l-punti tad-digriet appellat li huwa jikkontesta.

54      F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun mitlub kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD/FRA, C‑680/22 P, EU:C:2024:1019, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat li huwa inammissibbli, aggravju li l-argument tiegħu ma jkunx suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità b’mod partikolari peress li l-elementi essenzjali li fuqhom ikun ibbażat l-aggravju ma jkunux jirriżultaw b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, test li, f’dan ir-rigward, ikun ifformulat b’mod oskur u ambigwu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell li ma jkollux struttura koerenti, li jkun limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali u li ma jkun jinkludi ebda indikazzjonijiet preċiżi marbuta mal-punti tad-deċiżjoni appellata li jkunu possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD vs FRA, C‑680/22 P, EU:C:2024:1019, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fil-każ ineżami, fl-uniku aggravju tiegħu, l-appellant espona l-konsegwenzi tal-allegat ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, fid-dawl tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB u mill-Artikolu 52(3) tal-Karta, fuq, minn naħa, l-investigazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ dan il-każ u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-atti tal-proċess tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, f’kull parti ta’ dan l-aggravju, l-appellant indika l-punti tad-digriet appellat li huma vvizzjati bl-iżbalji ta’ liġi invokati. Minn dan isegwi li l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat dan l-aggravju jirriżultaw b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test tal-appell u li l-argument tal-appellant huwa suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità.

57      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq assenza ta’ identifikazzjoni suffiċjenti tal-punti tad-digriet appellat li huma kkontestati għandha tiġi miċħuda.

58      Fit-tieni lok, Frontex issostni li l-appell huwa inammissibbli, sa fejn, fih, l-appellant jipprova jippreżenta bħala punti ta’ liġi punti ta’ fatt u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tal-provi. B’mod partikolari, Frontex issostni li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ dubju li minnu għandu jibbenefika r-rikorrent hija kwistjoni fattwali u li t-tagħlim tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-applikanti għall-ażil f’kawżi ta’ tkeċċija ma jistax jipprevali fuq ir-regola tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tgħid li appell huwa limitat għal punti ta’ liġi.

59      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 256 TFUE kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni (Google Shopping), C‑48/22 P, EU:C:2024:726, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova applikabbli għal persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-appellant għandhomx jiġu organizzati b’tali mod li dawn il-persuni jkunu jistgħu jingħataw il-benefiċċju tad-dubju hija kwistjoni ta’ liġi. Fil-fatt, il-kwistjoni tat-tqassim tal-oneru tal-prova, minkejja li jista’ jkollha effett fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi (sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punt 61).

61      Barra minn hekk, fl-appell tiegħu, l-appellant jimmotiva, b’mod speċifiku, l-iżnaturamenti li allegatament twettqu mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-allegati żnaturamenti ma jikkorrispondux għal talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti jew tal-provi.

62      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preżentazzjoni ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi għandha wkoll tiġi miċħuda.

63      Fit-tielet lok, sa fejn Frontex tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell billi ssostni li l-appellant sempliċement irrepeta l-argumenti fformulati fl-ewwel istanza, huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell ma jistax sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà ġew sottomessi quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma jippreżenta argumenti biex jiġi stabbilit li hija żbaljat fid-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Mainova vs Il-Kummissjoni, C‑484/23 P, EU:C:2025:482 punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fil-każ ineżami, l-appellant ressaq speċifikament argumenti intiżi li jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali, fid-digriet appellat, wettqet żbalji ta’ liġi b’tali mod li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

64      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-appell tal-appellant huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

65      L-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, li żnaturat il-provi u li wettqet żbalji ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta ddeċidiet li l-provi li huwa kien ipproduċa kienu manifestament insuffiċjenti sabiex juru, b’mod konklużiv, il-preżenza tiegħu u l-involviment tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, b’tali mod li huwa ma kienx wera r-realtà tad-dannu li huwa jinvoka u, għaldaqstant, is-sodisfazzjon tal-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu li huwa suġġett għaliha l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-aġir ta’ Frontex.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

66      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li Frontex hija aġenzija tal-Unjoni maħluqa mir-Regolament Nru 2007/2004 sabiex ittejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-Unjoni msemmija, issa, mill-Artikolu 77(1)(c) TFUE. Mill-Artikolu 7(1) u (4) tar-Regolament 2019/1896 jirriżulta li, għalkemm Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri għandhom responsabbiltà kondiviża f’dan ir-rigward, Frontex hija kompletament responsabbli u hija obbligata li tagħti rendikont ta’ kull deċiżjoni li hija tieħu u ta’ kull attività li hija responsabbli għaliha waħedha skont dan ir-regolament.

67      L-Artikolu 97(4) tar-Regolament 2019/1896 jipprevedi, bħat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li jikkostitwixxi konkretizzazzjoni tiegħu, li fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, Frontex għandha tikkumpensa, konformement mal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, id-danni kkawżati mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha fl-eżerċizzju ta’ dmirijiethom. Konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE hija rilevanti fil-każ ineżami.

68      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol, C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, l-azzjoni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina l-imsemmija kundizzjonijiet f’ordni partikolari (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, C‑297/22 P, EU:C:2023:1027, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari t-tieni waħda minn dawn l-istess kundizzjonijiet dwar ir-realtà tad-dannu, huwa meħtieġ li d-dannu li għalih jintalab kumpens ikun reali u ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il-Kummissjoni, C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi li jirrigwardaw l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija, bħala prinċipju, il-parti li tqiegħed inkwistjoni din ir-responsabbiltà li għandha turi permezz ta’ provi konklużivi li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tagħha huma ssodisfatti. Għaldaqstant, din il-parti hija b’mod partikolari obbligata tipproduċi tali provi tal-eżistenza u tal-portata tad-dannu li hija tinvoka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Nemea Bank vs BĊE et , C‑181/22 P, EU:C:2024:1020, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan l-għan, l-imsemmija parti tista’ tinvoka provi ta’ kull natura, peress li l-prinċipju fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD vs FRA, C‑130/22 P, EU:C:2024:1018, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Madankollu, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, jagħti lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza ta’ tilwim dwar il-kumpens għad-danni msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dawn il-kawżi fl-appell, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi.

73      Fil-fatt, ir-rikors għad-danni msemmi fl-Artikolu 268 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sistema kollha ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi stabbilita mit-Trattati u jikkontribwixxi għan-natura effettiva ta’ din il-protezzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valuri ta’ ugwaljanza u tal-Istat tad-dritt. Issa, l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza ta’ tali Stat tad-dritt (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Barra minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fl-ewwel paragrafu tiegħu jeżiġi li kull persuna li tkun ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-preambolu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/591/ECSC, KEE, Euratom, tal‑24 ta’ Ottubru 1988, li tistabbilixxi l-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 001, p. 181), il-Qorti Ġenerali nħolqot sabiex iżżomm il-kwalità u l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku Komunitarju, li sar l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan il-preambolu jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-għoti lill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, fl-ewwel istanza, tar-rikorsi li jeħtieġu eżami fil-fond tal-fatti kumplessi, u b’hekk jistabbilixxi grad doppju ta’ ġurisdizzjoni, huwa tali li jtejjeb il-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet fil-kawża.

77      Konsegwentement, l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-provi ma tistax tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni. Tali applikazzjoni ma tistax b’mod partikolari twassal sabiex jiġi impost fuq parti oneru tal-prova eċċessiv jew saħansitra impossibbli li jiġi ssodisfatt (probatio diabolica) jew sabiex jitqiegħed inkwistjoni l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jimplika, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-avversarju tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għaldaqstant, fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali għandha tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li jkollha quddiemha. Jekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li l-applikazzjoni tal-imsemmija regoli timponi fuq parti fil-kawża oneru tal-prova eċċessivament diffiċli, jew saħansitra impossibbli, aġġustament ta’ dawn l-istess regoli jkun meħtieġ.

79      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ngħatat setgħat għall-finijiet tal-istabbiliment u tal-investigazzjoni tal-kawżi mressqa quddiemha. Fil-fatt, skont l-Artikoli 88 u 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li huma intiżi jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, il-preparazzjoni tal-kawżi, l-iżvolġiment tal-proċeduri u s-soluzzjoni tat-tilwim. Hekk kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tiegħu, u tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu miżuri li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li titlob lill-partijiet jipproduċu d-dokumenti kollha u jipprovdu l-informazzjoni kollha li hija tqis neċessarja. L-Artikolu 91 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura jippermetti lill-Qorti Ġenerali tieħu miżuri istruttorji, li jinkludu b’mod partikolari d-dehra personali tal-partijiet, it-talba lil dawn il-partijiet għal informazzjoni jew il-produzzjoni ta’ kull dokument relatat mal-kawża. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 26 sa 30 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tiegħu, moqrija flimkien mal-Artikoli 93 sa 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tisma’ xhieda taħt ġurament. Fl-aħħar nett, waqt iż-żamma ta’ seduta, l-Artikolu 32 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tiegħu, jippermetti lill-Qorti Ġenerali tisma’ lill-partijiet u lix-xhieda.

80      Għalkemm, ċertament, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar in-neċessità li tuża dawn is-setgħat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Heli-Flight vs EASA, C‑61/15 P, EU:C:2016:59, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata), xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita l-imsemmija setgħat b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, meta l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi ma tippermettix eċċezzjonalment li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrent, il-Qorti Ġenerali għandha, sabiex tiżgura din il-protezzjoni li hija fundamentali fl-Unjoni bħala Unjoni ta’ dritt, tagħmel użu mill-istess setgħat sabiex tikkompleta l-informazzjoni li jkollha fil-kawża quddiemha.

81      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax sempliċement tiċħad l-allegazzjonijiet tar-rikorrent minħabba insuffiċjenza ta’ provi, meta hija din il-qorti li għandha s-setgħa, b’mod partikolari billi tilqa’ talba ta’ dawn il-partijiet, sabiex tordna miżuri istruttorji, bħall-produzzjoni ta’ dokumenti, sabiex tneħħi l-inċertezza li tista’ teżisti fir-rigward tal-eżattezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet jew sabiex tispjega r-raġunijiet li għalihom tali dokument ma jistax, fi kwalunkwe każ u jkun xi jkun il-kontenut tiegħu, ikun rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punti 110 u 111, kif ukoll id-digriet tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Olsen vs Il-Kummissjoni, C‑320/05 P, EU:C:2007:573, punt 64).

82      Fl-istess linja ta’ ideat, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li din tal-aħħar tinvolvi ruħha fit-tfittxija tal-provi għall-benefiċċju ta’ rikorrent fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura f’każijiet eċċezzjonali li fihom dan ir-rikorrent effettivament ikollu bżonn sabiex jissostanzjaw l-argument tiegħu u jiltaqa’ ma’ diffikultajiet ta’ aċċess jew ta’ rifjut ta’ aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il‑Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, EU:T:2002:224, punt 75; tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Tf1vs Il-Kummissjoni, T‑275/11, EU:T:2013:535, punt 116, u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, van der Aat et vs Il-Kummissjoni, T‑304/13 P, EU:T:2014:1055, punt 61, kif ukoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑4 ta’ Frar 2005, Aguar Fernandez et vs Il-Kummissjoni, T‑20/04, EU:T:2005:35, punt 36).

83      Sabiex ikun hemm l-intervent tal-Qorti Ġenerali fit-tfittxija tal-provi, il-parti li tagħmel it-talba għandha madankollu tipprovdi tal-inqas minimu ta’ elementi li juru l-utilità ta’ dan l-intervent għall-bżonnijiet tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑474/09 P sa C‑476/09 P, EU:C:2011:522, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell li jikkontesta l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova, li għandha tivverifika jekk din issodisfax l-obbligi msemmija fil-punti 78 u 80 tas-sentenza preżenti b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta.

85      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat jekk, fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali kisritx l-obbligu tagħha li tistabbilixxi r-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

–       Fuq il-ħtieġa ta’ aġġustament tal-oneru tal-prova

86      Fil-punt 39 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-provi prodotti mill-appellant kienu manifestament insuffiċjenti sabiex juru, b’mod konklużiv, il-preżenza u l-involviment tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020.

87      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, hekk kif isostni l-appellant, din il-kunsiderazzjoni hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi, minħabba li l-Qorti Ġenerali injorat in-neċessità ta’ aġġustament tal-oneru tal-prova fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-azzjoni tiegħu għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Unjoni għad-danni li huwa ġarrab fid-dawl tal-allegat ksur tal-Artikolu 46(4) u (5) tar-Regolament 2019/1896 u tad-drittijiet fundamentali tiegħu bbażati fuq l-Artikoli 1 sa 4, 6, 18, 19 u 21 tal-Karta, minn Frontex waqt dan l-allegat inċident, għandu jiġi rrilevat li din l-azzjoni għandha l-karatteristiċi partikolari li ġejjin.

88      L-ewwel nett, l-imsemmi allegat inċident jikkonsisti f’operazzjoni ta’ refoulement mit-territorju tal-Unjoni, bil-baħar, lejn Stat terz, ta’ persuni li, bħall-appellant, ħarbu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, mingħajr ma dawn il-persuni jkunu rċevew il-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan it-territorju. Issa, tali operazzjoni ta’ push-back hija kkaratterizzata minn vulnerabbiltà kbira tal-persuni li huma suġġetti għaliha kif ukoll minn assenza ta’ identifikazzjoni u ta’ trattament individwalizzat ta’ dawn il-persuni min-naħa tal-awtoritajiet. Barra minn hekk, fil-mument tal-fatti, l-imsemmija persuni jkunu jinsabu f’sitwazzjoni li tagħmilha diffiċli ħafna għalihom li jiġbru provi sabiex jistabbilixxu tali fatti, jew saħansitra li jeskludu kull possibbiltà f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu kkonfiskaw it-telefoni tal-imsemmija persuni.

89      It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-punt 10 tad-digriet appellat, fil-mument tal-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, kienu għaddejjin żewġ attivitajiet operazzjonali ta’ Frontex fiż-żona ġeografika fejn seħħ l-allegat inċident, jiġifieri l-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Baħar Eġew u l-operazzjoni konġunta “Poseidon”.

90      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament 2019/1896, Frontex hija aġenzija tal-Unjoni li tikkostitwixxi, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali msemmija f’dan l-Artikolu 4, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li hija responsabbli sabiex tiżgura l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri esterni bl-għan li timmaniġġja b’mod effettiv dawn il-fruntieri b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, u li żżid l-effettività tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-ritorn.

91      Mill-premessa 3 tar-Regolament 2019/1896 jirriżulta b’mod partikolari li. għal dan l-għan, Frontex ingħatat kompiti u kompetenzi estiżi fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, li huma, hekk kif tiddikjara l-premessa 24 ta’ dan ir-regolament ibbilanċjati minn garanziji msaħħa fil-qasam tad-drittijiet fundamentali kif ukoll minn responsabbilizzazzjoni u responsabbiltà ikbar ta’ din l-aġenzija.

92      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2019/1896, Frontex tiffaċilita u tirrendi iktar effettiva l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u mar-ritorn. L-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament jippreċiża f’dan ir-rigward li Frontex għandha ssostni l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri billi ssaħħaħ, tevalwa u tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tipprovdilhom assistenza teknika u operazzjonali fl-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1)(a), (b) u (g) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-kompiti tal-Frontex huma b’mod partikolari li timmonitorja l-flussi migratorji u li twettaq analiżi tar-riskji fir-rigward tal-aspetti kollha tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, li tiżgura l-monitoraġġ tal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-ritorn, inkluż billi tiġbor data dwar l-operazzjonijiet, kif ukoll li tassisti lill-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jeħtieġu assistenza teknika operazzjonali msaħħa fil-fruntieri esterni, billi tikkoordina u torganizza operazzjonijiet konġunti, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jaqgħu taħt każijiet ta’ emerġenza umanitarja u jinvolvu salvagwardji fuq il-baħar skont id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali.

93      Fl-istess ħin, hekk kif tiddikjara l-premessa 103 tar-Regolament 2019/1896, dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Artikoli 2 u 6 TUE u mill-Karta. L-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament jipprevedi għalhekk li Frontex tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tal-Karta, fil-fruntieri esterni u l-Artikolu 10(1)(e) tal-istess regolament jafda lill-Frontex bil-kompitu li timmonitorja r-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħha, fil-fruntieri esterni u fl-operazzjonijiet ta’ ritorn.

94      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 80(1) u (2) tar-Regolament 2019/1896 jippreċiża li l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Karta u d-dritt internazzjonali, inklużi l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3, Nru 257531 (1990)), u l-obbligi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement. B’mod iktar speċifiku, jiżgura li, fit-twettiq tal-kompiti tagħha, ħadd ma jiġi mġiegħel jiżbarka, imġiegħel jidħol jew jitwassal f’pajjiż, u lanqas ma jiġi kkonsenjat jew jintbagħat lura b’xi mod ieħor lill-awtoritajiet ta’ pajjiż bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

95      Barra minn hekk, fir-rigward tal-assistenza teknika u operazzjonali fil-qasam tar-ritorn, l-Artikolu 48(1)(a)(i) tar-Regolament 2019/1896, moqri flimkien mal-premessa 81 ta’ dan ir-regolament, jippreċiża li din l-assistenza għandha ssir b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tinkludi l-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal proċeduri ta’ ritorn u attivitajiet oħra tal-Istati Membri qabel ir-ritorn.

96      Fid-dawl tal-kompiti tagħha ta’ sorveljanza, ta’ ġbir ta’ data operazzjonali, ta’ assistenza lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, u tal-obbligu tagħha li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, il-Frontex jista’, bħala prinċipju, ikollha informazzjoni rilevanti sabiex tipprova l-eżistenza ta’ push-back.

97      Din l-aġenzija jista’, iktar u iktar, ikollha tali informazzjoni fir-rigward taż-żoni ġeografiċi li fihom hija tipparteċipa f’attivitajiet operazzjonali konkreti, bħal, fil-każ ineżami, l-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Baħar Eġew u l-operazzjoni konġunta “Poseidon”, imsemmija fil-punt 89 tas-sentenza preżenti, li kienu qiegħdin iseħħu fil-mument u fiż-żona ġeografika tal-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020.

98      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 36(2)(a), (b) u (e), mill-Artikolu 37(1), (2) u (3), mill-Artikolu 38(2) u mill-Artikolu 39(5) u (8) tar-Regolament 2019/1896, huwa d-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex li għandu jevalwa, japprova u jikkoordina tali attivitajiet operazzjonali u jfassal, flimkien mal-Istat Membru ospitanti u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti, il-pjan operazzjonali għalihom.

99      Issa, konformement mal-Artikolu 38(3)(d), (i) u (l) ta’ dan ir-regolament, il-pjan operazzjonali huwa vinkolanti kemm għall-Frontex kif ukoll għal dawn l-Istati Membri fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ deskrizzjoni tal-kompiti, ta’ sistema ta’ rapporti u ta’ evalwazzjoni u ta’ struzzjonijiet ġenerali sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali matul tali attivitajiet operazzjonali.

100    B’mod partikolari, Frontex hija obbligata tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali waqt l-implimentazzjoni operazzjonali minn uffiċjali ta’ koordinazzjoni li, skont l-Artikolu 44(1) u (3)(b) u (d) tal-imsemmi regolament, għandhom ir-rwol li jikkontrollaw l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali u li jinformaw lil dan id-direttur eżekuttiv meta l-istruzzjonijiet mogħtija lit-timijiet mill-Istati Membri ospitanti ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali, u dan b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

101    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 46(4) tal-istess regolament, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex għandu jissospendi jew itemm l-attivitajiet ta’ din l-aġenzija jekk iqis li jeżisti ksur gravi jew li jista’ jippersisti tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali marbuta magħhom.

102    Barra minn hekk, l-obbligu li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija kemm fil-punt preċedenti kif ukoll fil-punti 93sa 95 ta’ din is-sentenza, jimponi fuq Frontex l-obbligu li tikkoopera b’mod diliġenti f’kull investigazzjoni amministrattiva jew proċedura ġudizzjarja li tirrigwarda allegat ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni.

103    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali skont l-Artikolu 268 TFUE tista’ tikkostitwixxi l-uniku rimedju ġudizzjarju tali li jiggarantixxi, b’mod suffiċjenti, protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra Frontex.

104    Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi partikolari ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Unjoni minħabba allegati illegalitajiet imwettqa minn Frontex relatati ma’ operazzjoni ta’ push-back lejn pajjiż terz li persuni ta’ dan il-pajjiż, bħall-appellant, jallegaw li kienu vittmi, dawn il-persuni ma jistgħux jintalbu jipproduċu provi konklużivi tal-iżvolġiment ta’ din l-operazzjoni u tal-preżenza tagħhom matul tali operazzjoni.

105    Fil-fatt, hekk kif essenzjalment irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ aġġustament tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-imsemmija persuni tista’ tostakola kull rimendju tal-vittmi ta’ operazzjoni ta’ push-back kontra Frontex minħabba atti allegatament illegali mwettqa minn din l-aġenzija, li jagħtu immunità de facto lil din tal-aħħar u li b’hekk jikkompromettu l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-vittmi hekk kif stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 18, 19 u 47 tal-Karta.

106    Għaldaqstant, meta persuni jallegaw li kienu vittmi ta’ operazzjoni ta’ push-back, ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li jkun biżżejjed għal dawn il-persuni li jipproduċu prova prima facie tal-iżvolġiment ta’ din l-operazzjoni li fiha tkun ipparteċipat Frontex u tal-preżenza tagħhom matul din l-operazzjoni.

107    Din il-konklużjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

108    Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni, id-drittijiet hekk kif iggarantiti mill-KEDB li jikkorrispondu għal dawk tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Alchaster II, C‑743/24, EU:C:2025:230, punt 24). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-ewwel u t-tieni paragrafi tiegħu jikkorrispondu għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 13 tal-KEDB, tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti EDB (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, KS et vs Il-Kunsill et C‑29/22 P u C‑44/22 P, EU:C:2024:725, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109    Issa, il-Qorti EDB iddeċidiet b’mod kostanti, fil-kuntest ta’ tkeċċijiet kollettivi ta’ migranti, li meta l-assenza ta’ identifikazzjoni u ta’ trattament ippersonalizzat mill-awtoritajiet tal-Istat tkun il-qofol tal-ilment ta’ rikorrent, dan tal-aħħar jista’ sempliċement jipproduċi prova prima facie favur il-verżjoni tal-fatti li huwa jippreżenta. Għal dan l-għan, huwa biżżejjed li r-rikorrent jipprovdi narrattiva ddettaljata, speċifika u konkordanti mal-avvenimenti inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, N.D. u N.T. vs Spanja, CE:ECHR:2020:0213JUD000867515, punt 85; Qorti EDB, 18 ta’ Novembru 2021, M.H et vs Il-Kroazja, CE:ECHR:2021:1118JUD001567018, punt 268 kif ukoll Qorti EDB, 7 ta’ Jannar 2025, A.R.E vs Il-Greċja, CE:ECHR:2025:0107JUD001578321, punt 214).

110    Minn dan isegwi li, fil-punt 39 tad-digriet appellat, l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li kellu jiġi evalwat jekk l-appellant kienx ipproduċa provi konklużivi tal-preżenza tiegħu u tal-involviment tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, minflok ma eżaminat jekk l-appellant kienx ipproduċa prova prima facie ta’ din il-preżenza u ta’ dan l-involviment.

111    Dan l-iżball ta’ liġi neċessarjament ivvizzja l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 40 sa 57 tad-digriet appellat, tal-provi prodotti mill-appellant, peress li din l-evalwazzjoni twettqet fid-dawl ta’ standard ta’ prova għoli wisq.

112    Għalkemm dan l-iżball ta’ liġi huwa biżżejjed sabiex jiġi annullat id-digriet appellat, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiggarantixxi l-osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, li għandha tevalwa, abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, jekk l-appellant ipproduċiex prova prima facie tal-preżenza tiegħu u tal-involviment tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020.

–       Fuq l-eżistenza ta’ prova prima facie

113    Fil-punt 37 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, sabiex jipprova l-preżenza u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, l-appellant jibbaża ruħu, fl-ewwel lok, fuq ix-xhieda tiegħu stess, fit-tieni lok, fuq l-artiklu ta’ Bellingcat u, fit-tielet lok, fuq erba’ ritratti li huma ritratti tal-iskrin bil-kulur meħuda mill-vidjos li jinsabu f’dan l-artiklu.

114    Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-provi invokati u prodotti mill-appellant jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex tiġi prodotta prova prima facie tal-preżenza tiegħu u tal-involviment tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat, hekk kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, li l-korollarju tal-prinċipju tal-produzzjoni libera tal-prova huwa l-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-prova. Skont dan il-prinċipju tal-aħħar, l-uniku kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata s-saħħa probatorja tal-provi prodotti b’mod legali jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, tax-xhieda bil-miktub tal-appellant, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tas-saħħa probatorja tagħha teħtieġ li tiġi vverifikata l-kredibbiltà ta’ din ix-xhieda u l-probabbiltà tal-informazzjoni li tinsab fiha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tal-imsemmija xhieda kif ukoll tad-destinatarju tagħha, u li wieħed jistaqsi jekk, abbażi tal-kontenut tagħha, jidhirx li hija raġonevoli u affidabbli. (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2019, OY vs Il-Kummissjoni, C‑816/18 P, EU:C:2019:486, punt 4 (punt 6 tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Pikamäe)).

116    B’mod partikolari, ix-xhieda ta’ rikorrent ma tistax tiġi miċħuda bħala li għandha valur probatorju dgħajjef, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti f’każ partikolari.

117    Minn dan isegwi li, fil-punti 33 u 40 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, bħala regola ġenerali, ix-xhieda tal-appellant, innifisha, għandha biss valur probatorju dgħajjef.

118    Hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 36 u 37 ta’ dan id-digriet, l-appellant, fix-xhieda bil-miktub tiegħu annessa mar-rikors promotur quddiem il-Qorti Ġenerali, ta deskrizzjoni ddettaljata u koerenti tal-vjaġġ tiegħu lejn il-gżira ta’ Samos, filwaqt li kkonferma wkoll li dan kien seħħ f’April 2020, u tal-operazzjoni ta’ push-back li huwa jallega li kien vittma tagħha wara li wasal fuq din il-gżira.

119    Issa, abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li x-xhieda bil-miktub tal-appellant kienet suffiċjentement iddettaljata, speċifika u konkordanti sabiex tikkostitwixxi prova prima facie tal-fatt li l-appellant kien effettivament vittma ta’ operazzjoni ta’ push-back mill-gżira ta’ Samos fix-xahar ta’ April 2020.

120    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li din ix-xhieda tinkludi diversi dikjarazzjonijiet li ma humiex suffiċjentement preċiżi f’dak li jirrigwarda l-elementi fattwali essenzjali ma tippermettix li jiġi konkluż li l-imsemmija xhieda ma tikkostitwixxix tali prova prima facie.

121    F’dan ir-rigward, mill-punt 41 tad-digriet appellat jirriżulta li, sabiex tiġġustifika din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali indikat, minn naħa, li bi tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk kienx jiftakar id-data li fiha huwa kien beda l-vjaġġ tiegħu lejn l-Ewropa, l-appellant kien iddikjara li ma kienx jiftakar eżattament din id-data, iżda kien jaħseb li kien fix-xahar ta’ April u, min-naħa l-oħra, li huwa kien iddikjara li kien jifforma parti minn grupp ta’ 22 persuna matul l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, iżda li huwa ma kien identifika ebda waħda minn dawn il-persuni l-oħra fix-xhieda tiegħu u li ma kien ipprovda ebda xhieda li toriġina mill-imsemmija persuni.

122    Issa, is-sempliċi fatt li persuna, li ssostni li kienet vittma ta’ operazzjoni ta’ push-back ma tiftakarx id-data eżatta li fiha hija bdiet il-vjaġġ tagħha lejn l-Ewropa u li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tidentifika bi preċiżjoni l-vittmi l-oħra ta’ din l-operazzjoni, jew li tipproduċi x-xhieda tagħhom, ma huwiex manifestament suffiċjenti sabiex jiġi eskluż il-valur probatorju tax-xhieda ta’ din il-persuna sabiex jiġi ddeterminat jekk din tikkostitwixxix prova prima facie.

123    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 109 u 115 tas-sentenza preżenti, dan il-valur probatorju jiddependi biss min-natura ddettaljata, speċifika u konkordanti tar-rakkont riprodott f’din ix-xhieda u mill-kredibbiltà tal-informazzjoni li tkun tinsab fiha.

124    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-artiklu ta’ Bellingcat, għandu jiġi rrilevat li dan jirrakkonta, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 50 u 53 sa 55 tad-digriet appellat, il-wasla bil-baħar, fit‑28 ta’ April 2020, ta’ grupp ta’ persuni fuq il-gżira ta’ Samos, il-push-back ta’ dawn il-persuni mill-awtoritajiet Griegi fuq dgħajsa improvizzata mingħajr mutur u t-teħid ta’ responsabbiltà tagħhom l-għada mill-gwardja tal-kosta Torka fil-baħar miftuħ. Għaldaqstant, il-kontenut ta’ dan l-artiklu jaqbel max-xhieda tal-appellant.

125    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 55 tad-digriet appellat, li, essenzjalment, minn naħa, l-informazzjoni riprodotta f’dan l-artikolu fir-rigward tad-data u tal-post tal-fatti relatati miegħu ma hijiex suffiċjentement preċiża u, min-naħa l-oħra, is-sorsi li fuqhom huma bbażati l-konstatazzjonijiet tal-awturi tal-imsemmi artikolu ma setgħux jiġu vverifikati. Fil-fatt, għalkemm dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu li l-artiklu ta’ Bellingcat ma jistax jitqies bħala prova konklużiva tal-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, huma ma jistgħux iċaħħdu lil dan l-artikolu minn kwalunkwe saħħa probatorja u, għaldaqstant, jipprekludih milli jitqies li jikkorrobora l-prova prima facie li tikkostitwixxi x-xhieda bil-miktub tal-appellant.

126    F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-erba’ ritratti li joriġinaw mill-artiklu ta’ Bellingcat, fil-punt 48 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellant la huwa faċilment identifikabbli fihom u lanqas ma huwa rikonoxxibbli b’mod ċar u qieset li, għaldaqstant, dawn ir-ritratti ma humiex tali li juru li l-persuna indikata fuqhom hija l-istess bħal dik li tinsab fil-passaport tal-appellant. Issa, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jaffettwawx il-fatt li x-xhieda bil-miktub tal-appellant, li turi b’mod iddettaljat, speċifiku u konkordanti operazzjoni ta’ push-back li huwa jallega li kien vittma tagħha fix-xahar ta’ April 2020 meta wasal fil-gżira ta’ Samos u li hija kkorroborata mill-artiklu ta’ Bellingcat, tikkostitwixxi prova prima facie, fis-sens tal-punt 106 tas-sentenza preżenti.

127    Barra minn hekk, il-prova prima facie prodotta mill-appellant f’dak li jirrigwarda l-preżenza u l-involviment tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020 ma hijiex ikkontestata mill-argument ta’ Frontex, riprodott fil-punt 38 tad-digriet appellat, li jgħid li ebda inċident ma kien ġie nnotifikat lilha u li hija ma kienet irċeviet ebda informazzjoni dwar dan l-allegat inċident. Fil-fatt, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-informazzjoni f’dan ir-rigward li hija kellu jkollha, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Baħar Eġew u tal-operazzjoni konġunta “Poseidon”, din l-aġenzija ma tistax tinvoka, mingħajr preċiżazzjoni oħra, in-nuqqas ta’ għarfien tagħha dwar dan l-allegat inċident.

128    Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-appellant ma għandux jipproduċi prova konklużiva iżda prova prima facie tal-preżenza tiegħu u tal-involviment tiegħu fl-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, għandu jiġi kkonstatat li l-provi invokati u prodotti mir-rikorrent, li jifformaw sensiela ta’ provi konkordanti, kienu suffiċjenti sabiex tiġi prodotta tali prova prima facie.

–       Fuq l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tkompli l-proċedura u li tinvestiga l-każ

129    Mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 110 u 128 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 13, 14, 61 u 62 tad-digriet appellat, meta ddeċidiet li, fl-assenza ta’ prova mill-appellant tar-realtà tad-dannu tiegħu, ir-rikors ta’ dan tal-aħħar kellu, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt mingħajr ma jkun hemm lok li titkompla l-proċedura.

130    Minn naħa, indipendentement mill-valur probatorju tal-provi prodotti mill-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-assenza ta’ prova mill-appellant tar-realtà tad-dannu tiegħu kienet tiġġustifika ċ-ċaħda tar-rikors tiegħu għal responsabbiltà mhux kuntrattwali bħala li huwa manifestament infondat fid-dritt, skont dan l-Artikolu 126.

131    Min-naħa l-oħra, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża msemmija fil-punti 88 sa 103 tas-sentenza preżenti u, it-tieni nett, tal-fatt li l-appellant ipproduċa prova prima facie tal-push-back li huwa jallega li kien vittma tiegħu billi pproduċa xhieda bil-miktub u l-artiklu ta’ Bellingcat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma komplietx il-proċedura sabiex tinvestiga l-każ pendenti quddiemha qabel ma tagħti deċiżjoni.

132    Meta rikorrent jipproduċi prova prima facie tal-fatt li huwa kien vittma ta’ push-back u jilmenta li Frontex kienet involuta f’dan il-push-back, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tkompli l-proċedura u tinvestiga l-każ li tressaq quddiemha sabiex tevalwa, abbażi tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, il-veraċità ta’ dan il-fatt. Jekk il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li din il-prova prima facie ma hijiex ikkonfutata waqt seduta tar-rikorrent jew mill-provi u mill-argumenti ppreżentati mill-partijiet l-oħra f’dik il-kawża fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom jew minn eventwali provi oħra miksuba fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha tal-każ, dan il-fatt għandu jiġi preżunt stabbilit.

133    B’mod partikolari, fid-dawl tal-informazzjoni li kellu jkollha Frontex sabiex teżerċita l-kompiti u l-kompetenzi tagħha kif ukoll l-obbligu tagħha li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali waqt l-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Baħar Eġew u tal-operazzjoni konġunta “Poseidon”, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata, f’dan il-każ, li tieħu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji sabiex tikseb, mingħand din l-aġenzija, l-informazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiċċara ċ-ċirkustanzi tal-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020. Din l-investigazzjoni hija meħtieġa sabiex, fid-dawl tal-aġġustament tal-oneru tal-prova li jibbenefika minnha r-rikorrent fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 106 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali tkun tista’ effettivament tiġi informata biżżejjed sabiex tevalwa l-fondatezza tar-rikors tar-rikorrent u tkun tista’ tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ta’ dan tal-aħħar.

134    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant ifformula diversi talbiet sabiex jiġu adottati tali miżuri.

135    L-ewwel nett, fl‑10 ta’ Marzu 2022, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji, tistieden lil Frontex tagħtih aċċess għad-dokumenti li ġejjin.

136    Qabelxejn, huwa talab l-aċċess għall-partijiet prinċipali tal-pjan operazzjonali, għall-annessi kollha tiegħu kif ukoll għall-manwal marbut mal-pjan operazzjonali, għal dak li jikkonċerna l-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Baħar Eġew matul is-sena 2020.

137    Sussegwentement, huwa talab il-komunikazzjoni tal-korrispondenza kollha, inklużi iżda mhux biss l-ittri, il-posta elettronika, u l-atti kollha annessi, id-dokumenti, inklużi iżda mhux biss l-evalwazzjonijiet, deskrizzjonijiet, briefings, noti, rapporti u analiżi, l-iskambji bejn il-konvenuta u l-awtoritajiet Griegi bi tħejjija għall-intervent rapidu fil-fruntieri fil-Baħar Eġew matul is-sena 2020, inklużi d-dokumenti kollha skambjati li jinkludu deskrizzjoni tas-sitwazzjoni u tal-għanijiet tal-operazzjoni inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2019/1896.

138    Fl-aħħar nett, huwa talab il-produzzjoni tal-korrispondenza kollha, inklużi iżda mhux biss il-posta elettronika, messaġġi, noti u ittri, kif ukoll l-atti kollha mehmuża bejn, minn naħa, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex u, min-naħa l-oħra, il-Ministeru Grieg għall-Migrazzjoni, l-Uffiċċju tad-Drittijiet Fundamentali ta’ Frontex u kull persuna oħra, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ refoulement iddokumentati li seħħew fit‑18 u fid‑19 ta’ April 2020, jiġifieri għaxart ijiem qabel l-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020.

139    It-tieni nett, fit-talba tiegħu tal‑10 ta’ Marzu 2022, l-appellant talab ukoll lill-Qorti Ġenerali torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali sabiex ikun jista’ jixhed oralment dwar l-operazzjoni ta’ refoulement fil-Baħar Eġew li tagħha huwa jallega li kien vittma u d-dannu morali li ġarrab f’dan ir-rigward.

140    It-tielet nett, fid‑29 ta’ April 2022, l-appellant stieden lill-Qorti Ġenerali, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, titlob lil Frontex tipproduċi r-rapport tal-OLAF fl-intier tiegħu, inklużi l-annessi tiegħu.

141    Ir-raba’ nett, fit‑18 ta’ Mejju 2022, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tordna lil Frontex tipproduċi r-rapporti JORA dwar inċidenti li seħħew fit‑28 u fid‑29 ta’ April 2020.

142    Barra minn hekk, għal kull waħda mit-talbiet tiegħu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji, l-appellant ipprovda minimu ta’ elementi li jikkonfermaw l-utilità ta’ dawn il-miżuri għall-bżonnijiet tal-istanza, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 83 tas-sentenza preżenti.

143    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda t-talba għal produzzjoni sħiħa tar-rapport tal-OLAF, l-appellant sostna li dan ir-rapport, li kien għadu ma ġiex ippubblikat fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, kien jiddokumenta fost l-oħrajn operazzjoni ta’ refoulement fil-Baħar Eġew li seħħet fit‑28 u fid‑29 ta’ April 2020. Barra minn hekk, dan ir-rapport jikkonferma l-allegazzjonijiet tal-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali li jipprovdu li, minn naħa, il-Bord tat-Tmexxija ta’ Frontex kien informat bil-parteċipazzjoni ta’ mezzi u ta’ membri tal-persunal ta’ din l-aġenzija f’operazzjonijiet ta’ refoulement illegali u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni u l-provi b’rabta ma’ dawn l-azzjonijiet u dawn l-ommissjonijiet illegali ġew moħbija u distorti, li pprekludew b’mod partikolari lil Frontex milli teżerċita l-prerogattivi tagħha konformement mal-Artikolu 46(4) u (5) tar-Regolament 2019/1896. Barra minn hekk, l-imsemmi rapport jippermetti li jiġi stabbilit li l-assenza ta’ sinjalizzjoni tal-operazzjoni ta’ refoulement tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020 ma hijiex dovuta għal assenza ta’ detezzjoni minn ajruplan ta’ sorveljanza ta’ Frontex ferm mgħammar li jtir fuq żona fejn id-distanzi sabiex jinqasmu l-baħar huma qosra ħafna, iżda huwa dovut għal kultura organizzattiva fi ħdan Frontex li tgħid li kien jaqbel li “ngħalqu għajnejna” dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-migranti.

144    Insostenn tat-talba tiegħu li jiġu prodotti r-rapporti JORA, l-appellant allega li, wara investigazzjoni mwettqa minn konsorzju ta’ ġurnalisti investigattivi ppubblikata fit‑28 ta’ April 2022, huwa kien irnexxielu jikseb provi li jistabbilixxu li fit‑28 u fid‑29 ta’ April 2020 seħħew tliet operazzjonijiet distinti f’żona koperta mill-operazzjonijiet ta’ Frontex, u li dawn kollha ġew ikklassifikati fid-database tal-applikazzjoni ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-operazzjonijiet konġunti (Joint Operations Reporting Application), ospitata fuq is-server ta’ Frontex bħala operazzjonijiet ta’ “prevenzjoni ta’ tluq”.

145    Fir-rigward tat-talbiet għall-produzzjoni tad-dokumenti fformulati fl‑10 ta’ Marzu 2022, l-appellant qies, essenzjalment, li dawn kienu neċessarji sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddetermina jekk l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet allegati fil-konfront tal-Frontex kinux tali li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, kif allega fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza.

146    Fid-dawl tat-talbiet tal-appellant għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji kif ukoll tal-elementi pprovduti minnu sabiex tiġi akkreditata l-utilità ta’ dawn il-miżuri, għandu jitfakkar li għalkemm hija l-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-Artikolu 90(1), tal-Artikolu 92(1) u tal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li għandha tiddeċiedi dwar l-utilità ta’ tali miżuri għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet dawn it-talbiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑474/09 P sa C‑476/09 P, EU:C:2011:522, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

147    B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punti 80 u 84 tas-sentenza preżenti, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell li jikkontesta l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-regoli dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova, li għandha tivverifika jekk din il-qorti eżerċitatx din is-setgħa fl-osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta.

148    Issa, għandu jitqies li, peress li pproduċa prova prima facie li huwa kien affettwat minn operazzjoni ta’ push-back u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni volontarja min-naħa ta’ Frontex, l-appellant jirrileva każijiet eċċezzjonali msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 81 u 82 tas-sentenza preżenti li jiġġustifikaw l-involviment tal-Qorti Ġenerali, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji, hekk kif issuġġeriti mill-appellant, fit-tfittxija tal-provi li huma allegatament fil-pussess ta’ Frontex relatati ma’ dan il-push-back.

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari li r-rapport tal-OLAF li ġie parzjalment żvelat minn diversi mezzi ta’ komunikazzjoni u mehmuż mal-appell tal-appellant, jirreferi espressament, fil-punt 2.2.1(c), għall-operazzjonijiet ta’ tkeċċija kollettiva li seħħew fit‑28 u fid‑29 ta’ April 2020, li l-appellant jallega li kien il-vittma tagħhom, u jindika li żewġ entitajiet ta’ Frontex (ir-risk analysis unit jew “RAU” u l-vulnerability assessment unit jew “VAU”) ikkonfermaw il-kredibbiltà ta’ ċerti rapporti “open source” fosthom l-artiklu ta’ Bellingcat, li jirrigwardaw preċiżament dawn il-fatti.

150    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad it-talbiet tal-appellant għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji għar-raġunijiet invokati fil-punt 60 tad-digriet appellat, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma hija obbligata tadotta miżura addizzjonali ta’ produzzjoni tal-prova tal-fatti kontenzjużi, anki jekk tasal għall-konklużjoni li ebda waħda mill-provi tal-proċess ma tidher probatorju fi tmiem l-analiżi tagħha.

151    Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba tal-appellant li tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali sabiex ikun jista’ jixhed oralment quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 58 tad-digriet appellat, meta ċaħdet din it-talba għar-raġuni li, fid-dawl tal-konklużjoni li l-provi prodotti mill-appellant manifestament ma setgħux juru l-fatti li wasslu għad-dannu allegat u fid-dawl tal-fatt li, b’mod ġenerali, ix-xhieda tal-appellant għandha biss valur probatorju dgħajjef, is-smigħ tal-appellant ma jippermettix lil dan tal-aħħar jissodisfa l-oneru tal-prova tal-fatti li wasslu għad-dannu allegat li huwa għandu, iktar u iktar peress li huwa kien diġà pproduċa x-xhieda bil-miktub tiegħu.

152    Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 116 u 117 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tqis, a priori, li x-xhieda ta’ rikorrent stess għandha biss, bħala regola ġenerali, valur probatorju dgħajjef. Barra minn hekk, għar-raġunijiet invokati fil-punti 113 sa 128 tas-sentenza preżenti, ix-xhieda bil-miktub tal-appellant, ikkorroborata mill-artiklu ta’ Bellingcat u li għalhekk tifforma sensiela ta’ provi konkordanti, tikkostitwixxi prova prima facie li huwa kien affettwat mill-allegat inċident tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2020, b’tali mod li s-smigħ tiegħu seta’ jippermetti lill-Qorti Ġenerali tikseb preċiżazzjonijiet dwar il-fatti mressqa fix-xhieda bil-miktub tal-appellant u tevalwa b’mod sħiħ il-kredibbiltà ta’ din ix-xhieda.

153    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-uniku aggravju għandu jintlaqa u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

154    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess taqta’ definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

155    Dan ma huwiex il-każ fil-każ ineżami. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali ma investigatx b’mod xieraq it-tilwima sabiex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Frontex humiex issodisfatti, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors tal-appellant.

 Fuq l-ispejjeż

156    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat13 ta’ Diċembru 2023, Hamoudi vs Frontex (T136/22, EU:T:2023:821) hija annullata.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.