Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
30 ta’ April 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Trażmissjoni mill-ġdid tas-sinjal permezz ta’ network bil-kejbil speċifiku għal residenza għal persuni anzjani – Mod tekniku speċifiku – Pubbliku ġdid”
Fil-Kawża C‑127/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2024, fil-proċedura
Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA)
vs
VHC 2 Seniorenresidenz und Pflegeheim gGmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallef,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ April 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA), minn T. Winter, Rechtsanwalt,
– għal VHC 2 Seniorenresidenz und Pflegeheim gGmbH, minn A. Conrad, R. Grzybowska, T. Schubert u W. Spoerr, Rechtsanwälte,
– għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, P. Boccanfuso, B. Dourthe, B. Fodda u E. Timmermans, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA), soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, u VHC 2 Seniorenresidenz und Pflegeheim gGmbH (iktar ’il quddiem “VHC 2”) dwar allegat obbligu ta’ pussess ta’ liċenzja għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ programmi tax-xandir fi ħdan residenza għall-persuni anzjani.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 4, 9, 10 u 23 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw li:
“(4) Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, [...] li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea [...]
[...]
(9) Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.
(10) Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.
[...]
(23) Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.”
4 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.
[...]
3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”
Id‑dritt Ġermaniż
5 Skont il-punt 3 tal-Artikolu 15(2) tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l- “UrhG”), id-dritt esklużiv tal-awtur li jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(2) tal-UrhG, jinkludi d-dritt ta’ xandir, jiġifieri, skont l-Artikolu 20 tal-UrhG, id-dritt li jagħti lill-pubbliku aċċess għax-xogħol permezz tal-mewġ, u b’mod partikolari permezz tax-xandir (bir-radju u bit-televiżjoni), bis-satellita, bid-distribuzzjoni bil-kejbil jew b’kull mezz tekniku ieħor.
6 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20b(1) tal-UrhG, id-dritt ta’ xandir jinkludi d-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil, jiġifieri d-dritt ta’ xandir mill-ġdid ta’ xogħol imxandar, fil-kuntest ta’ programm trażmess mill-ġdid simultanjament, kompletament u mingħajr modifika, permezz ta’ sistemi ta’ kejbils jew ta’ sistemi ta’ xandir permezz ta’ mikromewġ.
7 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-UrhG, il-komunikazzjoni ssir lill-pubbliku meta din tkun intiża għal numru ta’ membri tal-pubbliku. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-UrhG, kull persuna li ma hijiex marbuta b’relazzjonijiet personali ma’ dik li tisfrutta x-xogħol jew mal-persuni l-oħra li lilhom ix-xogħol huwa perċepibbli jew li jirċievu aċċess għalih f’forma immaterjali, tagħmel parti mill-pubbliku.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 GEMA hija soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-mużika.
9 VHC 2 topera residenza għal persuni anzjani li tospita, b’mod permanenti, 89 persuna anzjani li jeħtieġu kura, li jibbenefikaw minn teħid ta’ responsabbiltà sħiħa għall-ispejjeż. Dan l-istabbiliment jinkludi 88 kamra individwali u tliet kmamar doppji mqassma f’erba’ żoni residenzjali u għandu, barra minn hekk, diversi spazji komuni, bħalma huma s-swali ta’ ristorazzjoni u s-swali ta’ soġġorn.
10 Permezz ta’ installazzjoni ta’ riċezzjoni bis-satellita speċifika għaliha, VHC 2 tirċievi programmi tax-xandir, jiġifieri tat-televiżjoni u tar-radju, u xxandarhom simultanjament, kompletament u mingħajr modifika, permezz tan-network ta’ kejbils tagħha, lejn il-konnessjonijiet installati fil-kmamar tar-residenti u fil-kmamar tal-kura.
11 Peress li qieset li din it-trażmissjoni mill-ġdid tal-programmi tax-xandir teħtieġ liċenzja, GEMA ppreżentat rikors kontra VHC 2, intiż għall-waqfien tax-xandir tax-xogħlijiet mużikali li jagħmlu parti mir-repertorju tagħha. Il-Landgericht Frankenthal (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankenthal, il-Ġermanja) laqgħet din l-azzjoni.
12 Filwaqt li ddeċidiet dwar l-appell ippreżentat minn VHC 2 minn dik is-sentenza, l-Oberlandesgericht Zweibrücken (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Zweibrücken, il-Ġermanja) annullat l-imsemmija sentenza u ċaħdet l-azzjoni ta’ GEMA minħabba li t-trażmissjoni mill-ġdid imwettqa minn VHC 2 ma kinitx tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Dik il-qorti ddeċidiet, essenzjalment, li, għalkemm kien hemm komunikazzjoni, din tal-aħħar min-naħa l-oħra ma kinitx intiża għal pubbliku peress li kienet limitata għaċ-ċirku ristrett tal-okkupanti tar-residenza kkonċernata, li kien jirrappreżenta grupp strutturalment omoġenju ħafna, li kien kompost minn persuni li jirrisjedu hemmhekk b’mod permanenti u li kien pjuttost stabbli bħala numru. B’hekk, skont l-imsemmija qorti, il-komunikazzjoni inkwistjoni kienet limitata għal persuni speċifiċi li jappartjenu għal grupp privat.
13 Adita minn GEMA b’rikors għal reviżjoni, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, għandha dubju, fl-ewwel lok, dwar jekk l-okkupanti ta’ residenza għal persuni anzjani, bħal dik operata minn VHC 2, jikkostitwixxux numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jew jekk jirrappreżentawx, kif iddeċidiet l-Oberlandesgericht Zweibrücken (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Zweibrücken), grupp privat u limitat ta’ persuni ddeterminati.
14 Fit-tieni lok, minkejja li, f’dan il-każ, il-komunikazzjoni ssir skont mod tekniku speċifiku, dik il-qorti għandha dubji dwar ir-rilevanza ġenerali tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tip ta’ proċess ta’ xandir użat sabiex att jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Fil-fatt, hija tal-fehma li mis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2017, AKM (C‑138/16, EU:C:2017:218, punti 26 sa 30) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proċess ta’ xandir distint minn dak tal-komunikazzjoni oriġinali li kien inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, jiġifieri, bħal f’dan il-każ, sempliċi trażmissjoni mill-ġdid simultanja, kompleta u mhux modifikata permezz ta’ kejbils tas-sinjal irċevut b’antenna, iżda bbażat ruħha fuq il-kriterju, determinanti sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, tal-eżistenza ta’ “pubbliku ġdid”.
15 Bl-istess mod, skont il-qorti tar-rinviju, fis-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 37 sa 47), tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 197 sa 199), tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110, punti 27 sa 33), kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 57), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss dan l-aħħar kriterju, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-proċess tekniku ta’ xandir użat.
16 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont interpretazzjoni dottrinali, din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġerixxi li l-proċess tekniku speċifiku jiġġustifika li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fil-każijiet biss fejn it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ kontenut irċevut inizjalment permezz ta’ antenna, tas-satellita jew tal-kejbil issir bl-internet.
17 Fit-tielet lok, dik il-qorti għandha dubju dwar jekk trażmissjoni mill-ġdid bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kundizzjoni dwar il-kriterju tal-“pubbliku ġdid”. Hija għandha dubju wkoll dwar l-eventwali effett li jista’ jkollu, f’dan ir-rigward, il-fatt li r-residenti tal-istabbiliment ikkonċernat għandhom il-possibbiltà, indipendentement minn din it-trażmissjoni mill-ġdid, li jirċievu huma stess programmi tar-radju u tat-televiżjoni permezz ta’ antenna fil-kamra tagħhom u l-fatt li l-persuni intitolati għal remunerazzjoni diġà jkunu rċevewha fir-rigward tax-xandira oriġinali.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“(1) Ir-residenti ta’ dar tal-anzjani, operata kummerċjalment, li fil-kmamar tagħhom ikollhom konnessjonijiet għat-televiżjoni u għar-radju, li permezz tagħhom l-operatur tad-dar tal-anzjani jittrażmetti mill-ġdid permezz tan-network ta’ kejbils tiegħu, simultanjament, mingħajr modifika u kompletament, programmi ta’ xandir irċevuti permezz ta’ tagħmir ta’ riċeviment bis-satellita, jikkostitwixxu ‘numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali’ fis-sens tad-definizzjoni ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/29]?
(2) Id-definizzjoni adottata sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li l-klassifikazzjoni bħala ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 teħtieġ li ‘l-komunikazzjoni tax-xogħol protett issir skont teknika speċifika, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, meta dan ikun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku’ għadha tapplika b’mod ġenerali, jew il-metodu tekniku użat għandu importanza biss fil-każijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet miftuħ ta’ kontenut l-ewwel maqbud bl-antenna, bis-satellita jew bil-kejbil?
(3) Meta l-operatur li jopera dar tal-anzjani għal skopijiet ta’ lukru, li jittrażmetti mill-ġdid permezz tan-network ta’ kejbils tiegħu, simultanjament, mingħajr modifika u kompletament, fuq il-konnessjonijiet għat-televiżjoni u tar-radju fil-kmamar tar-residenti tad-dar, programmi ta’ xandir irċevuti permezz ta’ tagħmir ta’ riċeviment bis-satellita, dan ikun ‘pubbliku ġdid’, fis-sens tad-definizzjoni ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29? Il-fatt li r-resident ikollu, indipendentement mit-trażmissjoni bil-kejbil, il-possibbiltà li jaqbad il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju fil-kamra tiegħu bl-antenna, għandu effett fuq dan? Il-fatt li d-detentur tad-drittijiet diġà jgawdi minn remunerazzjoni għall-awtorizzazzjoni mogħtija għax-xandira oriġinali għandu wkoll effett fuq dan?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
19 Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri t-trażmissjoni mill-ġdid, mill-operatur ta’ residenza għal persuni anzjani, ta’ programmi tax-xandir, simultanjament, kompletament u mingħajr modifika, maqbuda minn installazzjoni ta’ riċezzjoni bis-satellita marbuta mal-konnessjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar tal-okkupanti permezz tan-network bil-kejbil installat fi ħdan ir-residenza.
20 Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk tali trażmissjoni mill-ġdid taqax taħt dan il-kunċett, jew bħala komunikazzjoni mwettqa skont “mod tekniku speċifiku”, jew bħala komunikazzjoni intiża għal “pubbliku ġdid”.
21 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż id-dritt li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li kull membru tal-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-ħin magħżul individwalment minnu.
22 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jintervjenu fl-istadju bejn eventwali utenti tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jkunu qegħdin jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li ssir din il-komunikazzjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 75, u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 17).
23 Fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dan il-kunċett, kif tenfasizza l-premessa 23 ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem f’sens wiesa’ bħala li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku li ma jkunx preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni u, għalhekk, kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, ta’ din in-natura, ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Fil-fatt, mill-premessi 4, 9 u 10 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din għandha bħala għan prinċipali l-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari, fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 36, u tal‑11 ta’ April 2024, Citadines, C‑723/22, EU:C:2024:289, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
24 F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1), jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku, u jimplika evalwazzjoni individwalizzata (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 66, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 21).
25 Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji addizzjonali, ta’ natura mhux awtonoma u li huma interdipendenti. Peress li f’sitwazzjonijiet konkreti differenti jistgħu jkunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna, dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati kemm b’mod individwali kif ukoll fl-interazzjoni ma’ xulxin (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 35, u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 22).
26 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fost dawn il-kriterji, sabiex ikun hemm “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu, b’mod partikolari, jiġi kkomunikat skont mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, inkella, għandu jiġi kkomunikat lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-dritt meta jkun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 37, u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 43).
27 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa li trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali titwettaq permezz ta’ mod tekniku speċifiku, differenti minn dak tal-komunikazzjoni oriġinali.
28 Madankollu, għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi stabbilita r-rilevanza ta’ dan il-kriterju għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-att ta’ operatur bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-awtorizzazzjoni tal-inklużjoni tax-xogħlijiet protetti f’komunikazzjoni lill-pubbliku ma teżawrixxix id-dritt li jiġu awtorizzati jew li jiġu pprojbiti komunikazzjonijiet oħra lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 23).
29 Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta rregola s-sitwazzjonijiet li fihom xogħol partikolari jkun is-suġġett ta’ użi multipli, ried li kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol li tuża “mod tekniku speċifiku” tkun, bħala prinċipju, individwalment awtorizzata mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 24).
30 Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, is-sitwazzjonijiet li fihom operatur jagħmel aċċessibbli, permezz tal-intervent intenzjonat tiegħu, xandir li jinkludi xogħlijiet protetti lil pubbliku ġdid li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-awturi kkonċernati meta jkunu awtorizzaw it-trażmissjoni mxandra inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li fihom isiru żewġ trażmissjonijiet, f’kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi, skont mod differenti ta’ trażmissjoni, fejn kull waħda minnhom tkun intiża għal pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punti 38 u 39).
31 Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147), jirriżulta li huwa biss jekk l-użu ta’ mod tekniku partikolari jimplika t-twettiq ta’ trażmissjoni ġdida jew ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet, indipendenti mill-komunikazzjoni oriġinali, li tali att jista’ jitqies li twettaq skont “mod tekniku speċifiku”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.
32 Kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ikun il-każ, b’mod partikolari, tat-trażmissjoni mill-ġdid fuq in-network tal-internet ta’ xandira televiżiva terrestri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 26, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punti 14, 46 u 48). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sitwazzjoni bħal dik li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764), jiġifieri d-distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni lill-klijenti installati fil-kmamar ta’ lukanda, ma taqax taħt din l-ipoteżi, iżda taħt l-ewwel każ imsemmi fil-punt 30 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punti 37 u 38).
33 Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-aħħar sitwazzjoni hija analoga għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-operatur ta’ residenza għal persuni anzjani, bħall-operatur ta’ lukanda, jittrażmetti mill-ġdid, permezz tas-sistema ta’ kejbils installata fi ħdan l-istabbiliment tiegħu, is-sinjal maqbud mill-antenna satellitari li tappartjeni lilu lejn iż-żoni differenti ta’ dan l-istabbiliment.
34 Minn dan isegwi li trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li saret skont “mod tekniku speċifiku”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.
35 Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, għandu, fit-tieni lok, jiġi vverifikat jekk it-trażmissjoni mill-ġdid inkwistjoni hijiex intiża għal “pubbliku ġdid”, differenti minn dak li għalih huma intiżi x-xandiriet oriġinali.
36 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta jawtorizza x-xandir tax-xogħol tiegħu, l-awtur jieħu inkunsiderazzjoni biss l-utenti diretti, jiġifieri d-detenturi ta’ settijiet tat-televiżjoni li, individwalment jew fl-isfera privata jew familjali, jirċievu x-xandiriet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 41, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 198).
37 Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klijenti ta’ lukanda jew ta’ kafetterija ristorant, il-pazjenti ta’ stabbiliment termali jew ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni kif ukoll l-inkwilini f’appartamenti ta’ bini suġġett għal kiri għal żmien qasir, b’mod partikolari bħala akkomodazzjoni turistika, jikkostitwixxu tali pubbliku ġdid (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42; tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 199; tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 32; tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 61; kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 44).
38 F’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, qieset, essenzjalment, li d-destinatarji tal-komunikazzjoni kienu jikkostitwixxu “pubbliku ġdid” sa fejn, bħala prinċipju, huma jgawdu mix-xogħol protett biss minħabba l-intervent tal-operatur tal-istabbiliment ikkonċernat, li jagħtihom, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, aċċess għal dan ix-xogħol meta jkunu jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura ta’ xandir ta’ dan ix-xogħol.
39 Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma jkunx il-każ fir-rigward tal-inkwilini residenzjali ta’ appartamenti ta’ bini, li ma jistgħux, min-naħa tagħhom, jitqiesu li jikkostitwixxu “pubbliku ġdid”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 45).
40 Issa, din is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-okkupanti ta’ residenza għal persuni anzjani jgħixu fiha b’mod permanenti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li tali okkupanti ma jikkostitwixxux tali “pubbliku ġdid”.
41 Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li, b’differenza mill-proprjetarju ta’ akkomodazzjoni li huwa joffri għall-kiri, l-operatur ta’ residenza għal persuni anzjani jipprovdi diversi servizzi lir-residenti, li għandhom awtonomija limitata. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 37 sa 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, fiż-żewġ każijiet, id-destinatarji tat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet ikkonċernata, bħala detenturi ta’ apparati ta’ riċezzjoni li jaqbdu dawn ix-xandiriet fl-isfera privata tagħhom, jagħmlu parti mill-pubbliku fil-mira tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta dawn tal-aħħar ikunu taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-komunikazzjoni lill-pubbliku inizjali tax-xogħlijiet tagħhom fil-forma ta’ xandir.
42 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, meta jittrażmetti mill-ġdid permezz ta’ sistema ta’ kejbils lejn il-kmamar ta’ residenza għal persuni anzjani xandiriet tat-televiżjoni u tar-radju maqbuda permezz ta’ antenna satellitari, l-operatur ta’ tali residenza ma jwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.
43 F’dan ir-rigward, ma hijiex determinanti ċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, dwar in-natura lukrattiva tal-attività ta’ tali operatur. Fil-fatt, din in-natura lukrattiva, għalkemm ċertament ma hijiex irrilevanti, ma tikkostitwixxix madankollu neċessarjament kundizzjoni indispensabbli li tiddetermina l-eżistenza stess ta’ tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li tali interpretazzjoni ma tmurx kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, imfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikonoxximent, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-eżistenza ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, iwassal sabiex id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jingħataw remunerazzjoni indebita, filwaqt li, kif tindika espliċitament il-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29, dawn għandhom, skont din id-direttiva, jiġu żgurati biss remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 108).
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix it-trażmissjoni mill-ġdid, mill-operatur ta’ residenza għal persuni anzjani, ta’ programmi tax-xandir, simultanjament, kompletament u mingħajr modifika, maqbuda minn installazzjoni ta’ riċezzjoni bis-satellita marbuta mal-konnessjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar tal-okkupanti permezz tan-network bil-kejbil installat fi ħdan ir-residenza.
Fuq l-ewwel domanda
46 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.
Fuq l-ispejjeż
47 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix it-trażmissjoni mill-ġdid, mill-operatur ta’ residenza għal persuni anzjani, ta’ programmi tax-xandir, simultanjament, kompletament u mingħajr modifika, maqbuda minn installazzjoni ta’ riċezzjoni bis-satellita marbuta mal-konnessjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar tal-okkupanti permezz tan-network bil-kejbil installat fi ħdan ir-residenza.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.