SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjoni mill-VAT – Artikolu 143(1)(e) – Importazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija – Kundizzjoni dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni tal-merkanzija rritornata – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 86(6) u Artikolu 203 – Tnissil ta’ dejn doganali minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu formali previst mil-leġiżlazzjoni doganali – Każ ta’ tnissil ta’ tali dejn”

Fil-Kawża C‑125/24 [Palmstråle] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (Qorti Suprema Amministrattiva, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

AA

vs

Allmänna ombudet hos Tullverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Kumin, President tal-Awla, I. Ziemele u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u A. Demeneix, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-Artikolu 86(6) u tal-Artikolu 203 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikabbli għal tranżazzjoni ta’ importazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AA u l-Allmänna ombudet hos Tullverket (Rappreżentant tal-interess ġenerali fi ħdan l-amministrazzjoni doganali, l-Isvezja) dwar l-issuġġettar għall-VAT ta’ tranżazzjoni ta’ importazzjoni mill-ġdid ta’ żwiemel fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva dwar il-VAT

3

Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(d) l-importazzjoni ta’ merkanzija”.

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“‘Importazzjoni ta’ merkanzija’ għandha tfisser id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma tinsabx f’ċirkolazzjoni ħielsa fit-tifsira ta’ l-Artikolu [29 TFUE]”.

5

Skont l-Artikolu 70 tal-imsemmija direttiva:

“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata”.

6

L-Artikolu 71(2) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Meta merkanzija impurtata ma tkunx soġġetta għall-ebda mid-dazji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, rigward l-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-mument meta l-VAT issir dovuta, japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji doganali”.

7

L-Artikolu 143(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(e)

l-importazzjoni mill-ġdid, mill-persuna li esportatha, ta’ merkanzija fl-istat li fiha hija kienet esportata, fejn dik il-merkanzija hija eżenti minn dazji doganali”.

Il-Kodiċi Doganali

8

Il-premessa 38 tal-Kodiċi Doganali tiddikjara:

“Huwa xieraq li tkun ikkunsidrata l-intenzjoni tajba tal-persuna kkonċernata f’każijiet fejn jinħoloq dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali u biex jitnaqqas l-impatt ta’ negliġenza min-naħa tad-debitur”.

9

L-Artikolu 1(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni […] li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri ġenerali applikabbli għal merkanzija li tiddaħħal jew tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni”.

10

Skont l-Artikolu 79(1) tal-imsemmi kodiċi:

“Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

a)

wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu;

[…]”

11

L-Artikolu 86(6) tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Fejn il-leġislazzjoni doganali tipprovdi għal trattament tariffarju favorevoli ta’ merkanzija jew eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni, skont il-punti (d) sa (g) tal-Artikolu 56(2), l-Artikoli 203, 204, 205 u 208 jew l-Artikoli 259 sa 262 ta’ dan ir-Regolament jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 twaqqif ta sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali [ĠU 2009, L 324, p. 23], tali trattament tariffarju favorevoli jew eżenzjoni għandhom japplikaw ukoll f’każijiet fejn jinħoloq dejn doganali skont l-Artikoli 79 jew 82 ta’ dan ir-Regolament, sakemm in-nuqqas li wassal biex jinħoloq dejn doganali ma kienx jikkostitwixxi attentat ta’ qerq”.

12

L-Artikolu 139(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:

“Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun ppreżentata lid-dwana minnufih mal-wasla tagħha fl-uffiċċju doganali nominat jew kwalunkwe post ieħor nominat jew approvat mill-awtoritajiet doganali jew fiż-żona ħielsa minn waħda mill-persuni li ġejjin:

a)

il-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;

b)

il-persuna li f’isimha jew għan-nom tagħha taġixxi l-persuna li daħħlet il-merkanzija f’dak it-territorju;

c)

il-persuna li ħadet ir-responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija wara li ddaħħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni”.

13

L-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

“1.   Merkanzija mhux tal-Unjoni li, wara li oriġinarjament kienet esportata mit-territorju doganali tal-Unjoni bħala merkanzija tal-Unjoni, tinġieb lura f’dak it-territorju fi żmien tliet snin u li tkun ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa għandha, wara applikazzjoni mill-persuna kkonċernata, tkun eżentata mid-dazju tal-importazzjoni.

[…]

5.   L-eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni għandha tingħata biss jekk il-merkanzija tinġieb lura fl-istat li fih kienet esportata.

6.   L-eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni għandha tkun appoġġata minn informazzjoni li tistabbilixxi li l-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni huma sodisfatti”.

Id-dritt Svediż

Il-Liġi dwar il-VAT

14

Il-Kapitolu 1 tal-mervärdesskattelagen (1994:200), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Liġi Nru 1994:200 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jinkludi l-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 li jipprovdi:

“[VAT] hija dovuta lill-Istat skont din il-liġi:

[…]

3.

fuq l-importazzjonijiet ta’ merkanzija fit-territorju nazzjonali li huma taxxabbli”.

15

Il-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi jinkludi l-Artikolu 1, li huwa fformulat kif ġej:

“Importazzjoni tfisser l-introduzzjoni fl-Isvezja ta’ merkanzija minn post li jinsab barra mill-Unjoni Ewropea”.

16

Fi ħdan il-Kapitolu 3 tal-imsemmija liġi, l-Artikolu 30 jipprevedi:

“Huma eżentati l-importazzjonijiet li jagħtu lok għal eżenzjoni skont il-lagen [1994:1551] om frihet från skatt vid import, m.m. (Liġi (1994:1551) dwar b’mod partikolari l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Eżenzjoni fuq l-Importazzjonijiet”)).”

Il-Liġi dwar il‑Ministeru tal‑Intern

17

Il-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar l-Eżenzjoni fuq l-Importazzjonijiet jinkludi l-Artikolu 5, li jipprovdi, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Hija eżenti l-merkanzija tal-Unjoni li, wara li tkun ġiet esportata mill-Unjoni lejn pajjiż terz, tiġi importata fl-Isvezja mill-persuna li kienet esportatha jekk ma tkunx ġiet ipproċessata matul il-perijodu li fih tkun ġiet esportata barra mill-Unjoni.

Din l-eżenzjoni għandha tingħata biss jekk il-merkanzija tkun koperta minn eżenzjoni mid-dazji doganali skont […] l-Artikolu 203 sa 205 tal-Kodiċi Doganali. Merkanzija eżenti mid-dazji doganali skont ir-Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffa doganali u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 1] għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet suġġetta għal dazji doganali”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

AA hija l-proprjetarja ta’ żwiemel li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet organizzati f’pajjiżi differenti. Wara li ttrasportat tnejn miż-żwiemel tagħha lejn in-Norveġja sabiex tipparteċipa f’tali kompetizzjonijiet, hija reġgħet daħħlithom fl-Unjoni billi qasmet il-fruntiera bejn in-Norveġja u l-Isvezja, mingħajr ma ppreżentathom lid-dwana. Ftit wara li qabżet il-post tad-dwana, hija ġiet interċettata minn pattulja fit-toroq tat-Tullverket (amministrazzjoni doganali, l-Isvezja).

19

Fid-dawl tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, AA ma kinitx suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward ta’ din l-operazzjoni ta’ importazzjoni mill-ġdid, iżda l-amministrazzjoni doganali qieset li hija kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT, għal ammont ta’ 41178 krona Svediża (SEK) (madwar EUR 3750). Skont din l-amministrazzjoni, għalkemm l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi dwar l-Eżenzjoni fuq l-Importazzjonijiet, li jittrasponi fid-dritt Svediż l-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT, jipprevedi eżenzjoni mill-VAT fil-każ ta’ importazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija, din l-eżenzjoni ma setgħetx tingħata lil AA, li ma kinitx iddikjarat iż-żwiemel bl-għan li jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera u lanqas ma talbet l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni.

20

Il-Förvaltningsrätten i Karlstad (Qorti Amministrattiva sedenti f’Karlstad, l-Isvezja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn AA kontra d-deċiżjoni tal-imsemmija amministrazzjoni. Din il-qorti kkonstatat li ż-żwiemel ma kinux ġew ippreżentati lid-dwana meta rritornaw fit-territorju tal-Unjoni. Hija qieset li kien tnissel dejn doganali u li din is-sitwazzjoni kienet wasslet għall-eżiġibbiltà tal-VAT. Sussegwentement hija fakkret li, sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT fil-każ ta’ importazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija, din għandha tiġi ddikjarata għar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera u li għandha ssir talba għal eżenzjoni mid-dazji doganali mid-dikjarant doganali. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx osservati f’dan il-każ, hija ddeċidiet li l-eżenzjoni mill-VAT ma setgħetx tingħata.

21

AA u r-rappreżentant tal-interess ġenerali fi ħdan l-amministrazzjoni doganali appellaw it-tnejn li huma mis-sentenza tal-Förvaltningsrätten i Karlstad (Qorti Amministrattiva sedenti f’Karlstad) quddiem il-Kammarrätten i Göteborg (il-Qorti tal-Appell Amministrattiva ta’ Göteborg, l-Isvezja) u talbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ssuġġettar ta’ AA għall-VAT. Dawn l-appelli ġew miċħuda.

22

AA ppreżentat appell quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (Qorti Suprema Amministrattiva, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju.

23

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-fatt li AA qasmet il-post tad-dwana mingħajr ma ż-żwiemel ikkonċernati ġew ippreżentati lid-dwana u mingħajr ma għamlet dikjarazzjoni u mingħajr ma ressqet talba għal eżenzjoni mid-dazji doganali, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha diffikultajiet sabiex tapplika l-Artikolu 86(6) tal-Kodiċi Doganali. Skont din id-dispożizzjoni, meta eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni hija prevista, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi, din l-eżenzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ tnissil ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 79 tal-imsemmi kodiċi, wara n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni bil-kundizzjoni li dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jikkostitwixxix tentattiv ta’ manuvra.

24

F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk għandhiex tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 86(6) tal-Kodiċi Doganali, li jeżiġi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi jkunu fil-każijiet kollha ssodisfatti sabiex tingħata l-eżenzjoni mill-VAT, jew jekk din l-eżenzjoni għandhiex tapplika inkluż meta l-kundizzjonijiet formali previsti f’dan l-Artikolu 203 ma jkunux issodisfatti.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (Qorti Suprema Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikoli 86(6) u 203 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll proċedurali previsti f’dan l-Artikolu 203 għandhom jiġu ssodisfatti sabiex eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni - u għalhekk eżenzjoni mill-VAT - tkun tista’ tingħata mal-importazzjoni mill-ġdid meta jiġi sostnut dejn doganali skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ preżentazzjoni previst fl-Artikolu 139(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll l-Artikolu 86(6) u l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi formali bħall-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana prevista fl-Artikolu 139(1)(a) ta’ dan il-kodiċi u d-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera prevista fl-Artikolu 203 tal-imsemmi kodiċi jipprekludix il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 143(1)(e) ta’ din id-direttiva għall-importazzjonijiet mill-ġdid fit-territorju tal-Unjoni ta’ merkanzija fl-istat li fih kienet ġiet esportata.

27

Skont l-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT “l-importazzjoni mill-ġdid, mill-persuna li esportatha, ta’ merkanzija fl-istat li fiha hija kienet esportata, fejn dik il-merkanzija hija eżenti minn dazji doganali”.

28

Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-eżenzjoni mill-VAT għat-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija fl-istat li fih ġiet esportata hija suġġetta b’mod partikolari għall-kundizzjoni li din il-merkanzija “hija eżenti minn dazji doganali”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk espressament għażel li jallinja l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-imsemmija dispożizzjoni mal-kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll formali, li għalihom il-Kodiċi Doganali jissuġġetta l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-merkanzija rritornata.

29

Fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, dwar il-merkanzija rritornata, jipprovdi li l-merkanzija esportata barra mit-territorju doganali tal-Unjoni li, f’terminu ta’ tliet snin, terġa’ tiddaħħal f’dan it-territorju fl-istess stat bħal dak li fih ġiet esportata u li hija ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera hija, fuq talba tal-persuna kkonċernata, eżentata mid-dazji fuq l-importazzjoni.

30

F’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li l-kundizzjonijiet materjali previsti f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ tal-kundizzjonijiet formali meħtieġa minn din tal-aħħar. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li AA reġgħet daħlet iż-żwiemel tagħha fit-territorju tal-Unjoni mingħajr, b’mod partikolari, ma għamlet dikjarazzjoni għar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera. Barra minn hekk, kuntrarjament għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 139(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, AA lanqas ma ppreżentat iż-żwiemel tagħha lid-dwana.

31

F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li, abbażi tal-Artikolu 79(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, dejn doganali jista’ jitnissel min-nuqqas ta’ osservanza ta’ “wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu”.

32

Madankollu, l-Artikolu 86(6) tal-Kodiċi Doganali jestendi l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi għall-każijiet li fihom dejn doganali jitnissel skont, b’mod partikolari, dan l-Artikolu 79, bil-kundizzjoni li n-nuqqas ta’ osservanza li tat lok għal dan id-dejn ma jikkostitwixxix tentattiv ta’ manuvra.

33

Issa, dan l-Artikolu 86(6) ikun fil-parti l-kbira mċaħħad mill-effettività tiegħu li kieku kellha tiġi interpretata bħala li ma tapplikax f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li l-kundizzjonijiet formali meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika minn eżenzjoni doganali ma humiex issodisfatti. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet tagħha, l-applikazzjoni tal-Artikolu 79(1)(a) tal-imsemmi kodiċi u, għaldaqstant, dik tal-Artikolu 86(6) tal-istess kodiċi, tippreżupponi preċiżament in-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali kundizzjonijiet.

34

Minn dan isegwi li, ħlief sa fejn jikkostitwixxi tentattiv ta’ manuvra, il-fatt li l-merkanzija rritornata ma kinitx is-suġġett tal-preżentazzjoni għal skopijiet doganali meħtieġa fl-Artikolu 139(1)(a) tal-Kodiċi Doganali u lanqas tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera prevista fl-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi ma jipprekludix, skont l-Artikolu 86(6) tal-imsemmi kodiċi li din il-merkanzija tibbenefika, grazzi għall-introduzzjoni mill-ġdid tagħha fit-territorju tal-Unjoni, tal-eżenzjoni doganali prevista f’dan l-Artikolu 203.

35

Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-premessa 38 tal-Kodiċi Doganali, li tindika li “[h]uwa xieraq li tkun ikkunsidrata l-intenzjoni tajba tal-persuna kkonċernata f’każijiet fejn jinħoloq dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali u biex jitnaqqas l-impatt ta’ negliġenza min-naħa tad-debitur”.

36

Peress li l-ksur, b’negliġenza, minn operatur ta’ bona fide, ta’ obbligi formali bħall-preżentazzjoni lid-dwana tal-merkanzija u d-dikjarazzjoni tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ma jipprekludix il-benefiċċju ta’ eżenzjoni doganali, dan lanqas ma jipprekludi, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT prevista f’din id-dispożizzjoni.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, b’mod konkret, li l-fatt li persuna taxxabbli bħal AA tkun evitat obbligi formali bħall-preżentazzjoni lid-dwana u d-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ żwiemel waqt l-importazzjoni mill-ġdid tagħhom fit-territorju tal-Unjoni ma jipprekludix, ħlief meta tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tentattiv ta’ manuvra, l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni, tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT.

38

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju turi li AA ma għamilx tentattiv ta’ manuvra. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha minn dan il-punt u li tiddetermina għalhekk jekk in-nuqqas ta’ osservanza minn AA ta’ tali obbligi formali, jekk jitqies li huwa stabbilit, jirriżultax minn sempliċi negliġenza min-naħa tagħha li ma tqigħedx f’dubju il-bona fide tagħha.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll l-Artikolu 86(6) u l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ħlief għall-każ fejn dan ikun jikkostitwixxi tentattiv ta’ manuvra, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi formali bħall-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana prevista fl-Artikolu 139(1)(a) ta’ dan il-kodiċi u d-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera prevista fl-Artikolu 203 tal-imsemmi kodiċi ma jipprekludix il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva dwar il-VAT għall-importazzjonijiet mill-ġdid fit-territorju tal-Unjoni ta’ merkanzija fl-istat li fih ġiet esportata.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 143(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll l-Artikolu 86(6) u l-Artikolu 203 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ħlief għall-każ fejn dan ikun jikkostitwixxi tentattiv ta’ manuvra, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi formali bħall-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana prevista fl-Artikolu 139(1)(a) ta’ dan ir-regolament u d-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera prevista fl-Artikolu 203 tal-imsemmi regolament ma jipprekludix il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 143(1)(e) ta’ din id-direttiva għall-importazzjonijiet mill-ġdid fit-territorju tal-Unjoni Ewropea ta’ merkanzija fl-istat li fih ġiet esportata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.