SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

10 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 66 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Azzjoni ġudizzjarja mressqa minn rikorrent – Ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas – Oppożizzjoni ta’ konvenut għal din l-ordni intiża għall-eżami mill-ġdid tal-kawża kkonċernata – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Il-punt 3 tal-Artikolu 5 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi-delitt – Il-punt 1 tal-Artikolu 6 – Numru ta’ konvenuti – Il-punt 1 tal-Artikolu 22 – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tad-drittijiet in rem immobiljari u tal-kirjiet ta’ proprjetajiet immobbli – Rikors intiż għall-ħlas ta’ kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru – Konvenut iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑99/24 [Chmieka] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Koszalinie I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwal ta’ Koszalinie, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

G.M.K.‑Z.B.M.

vs

S.O.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II u tal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa G.M.K.‑Z.B.M., entità komunali Pollakka, u min-naħa l-oħra S.O., persuna fiżika ddomiċiljata fil-Pajjiżi l-Baxxi, dwar il-ħlas ta’ kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobiljari li tinsab fil-Polonja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessi 11, 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 kienu fformulati kif ġej:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

4

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, bit-titolu “Ġurisdizzjoni”, kien jinkludi s-Sezzjoni 1, li t-titolu tagħha kien “Disposizzjonijiet ġenerali” u li fiha kienu jinsabu l-Artikoli 2 sa 4 ta’ dan ir-regolament.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess regolament kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 [tal-Kapitou II].”

7

Is-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali” kienet tinkludi l-Artikoli 5 sa 7 ta’ dan ir-regolament.

8

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.

(a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[…]

3.

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

9

L-Artikolu 6 tal-istess regolament kien jipprevedi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1.

meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

[…]”

10

Is-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, bit-titolu “Ġurisdizzjoni esklussiva”, kienet tinkludi l-Artikolu 22 ta’ dan tal-aħħar, li kien jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

1.

fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà.

B’ dana kollu, fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom kirjiet ta’ propjetà immobbli li jkunu konklużi għal użu privat temporanju għal massimu ta’ sitt xhur konsekuttivi, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat il-konvenut għandhom ukoll ikollhom il-ġurisdizzjoni, basta illi l-kerrej tkun persuna naturali u li s-sid tal-kera u l-kerrej ikunu domiċiljati fl-Istat Membru;

[…]”

Ir-Regolament Nru 1215/2012

11

Ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 44/2001.

12

Il-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprovdi:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Memebri l-ġodda għal din il-konvenżjoni (iktar ’il quddiem il-’Konvenzjoni ta’ Brussell’)], ir-Regolament [Nru 44/2001] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell […] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

13

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, bit-titolu “Ġurisdizzjoni”, jinkludi t-Taqsima 2, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali” u li fiha jinsabu l-Artikoli 7 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

14

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

[…]

2.

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

15

L-Artikolu 8 tal-istess regolament jipprevedi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:

(1)

meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma’ xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

[…]”

16

It-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, bit-titolu “Ġurisdizzjoni esklużiva”, tinkludi l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

(1)

fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

Madankollu, fi proċedimenti li jkollhom bħala l-objettiv tagħhom kirjiet ta’ proprjetà immobbli li jkunu konklużi għal użu privat temporanju għal perijodu massimu ta’ sitt xhur konsekuttivi, il-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konvenut għandhom ukoll ikollhom il-ġurisdizzjoni, dment li l-kerrej ikun persuna fiżika u li s-sid tal-kera u l-kerrej ikunu domiċiljati fl-istess Stat Membru;

[…]”

17

Fil-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Dispożizzjonijiet transitorji”, l-Artikolu 66 tiegħu jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l‑10 ta’ Jannar 2015.

2.   Minkejja l-Artikolu 80, ir-Regolament [Nru 44/2001] għandu jkompli japplika għal sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.”

Id‑dritt Pollakk

Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Kerrejja

18

L-Artikolu 18(1) tal-ustawa o ochronie praw lokatorów, mieszkaniowym zasobie gminy i o zmianie Kodeksu cywilnego (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Kerrejja, dwar l-Istokk ta’ Akkomodazzjoni tal-Muniċipalitajiet u li Temenda l-Kodiċi Ċivili), tal‑21 ta’ Ġunju 2001 (Dz. U. Nru 71, Pożizzjoni 733), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Kerrejja”), jipprevedi:

“Il-persuni li jokkupaw bini mingħajr titolu għandhom l-obbligu jħallsu kumpens kull xahar sad-data li fiha l-bini ma jibqax ikun okkupat.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

19

L-Artikolu 505 tal-ustawa: – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. (Dz. U. Nru 43, Pożizzjoni 296), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), jipprevedi:

“§ 1.   Il-konvenut jista’ jressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas.

§ 2.   L-ordni ta’ ħlas għandha tieqaf tipproduċi l-effetti tagħha sa fejn din tkun ikkontestata permezz tal-oppożizzjoni. L-oppożizzjoni mressqa minn wieħed biss mill-kokonvenuti fl-istess kawża u fir-rigward ta’ waħda jew iktar mit-talbiet li jkunu ntlaqgħu għandha ttemm l-effetti tal-ordni biss fir-rigward ta’ dawn it-talbiet.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Matul is-sena 1994, T.O., persuna fiżika, ikkonkludiet ma’ G.M.K.‑Z.B.M., entità komunali Pollakka, kuntratt ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni li tinsab f’Koszalin (il-Polonja), li fiha din il-persuna għexet mat-tlett itfal tagħha, fosthom S.O. Dan il-kuntratt ġie sussegwentement xolt minn din l-entità komunali. Matul is-sena 2007, it-tkeċċija tal-okkupanti ta’ din l-akkomodazzjoni ġiet ordnata minn qorti Pollakka, iżda, skont l-imsemmija entità komunali, dawn madankollu ma telqux mill-post.

21

Fil‑15 ta’ Marzu 2013, G.M.K.‑Z.B.M. adixxiet lis-Sąd Rejonowy w Koszalinie I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Koszalin, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-ħlas ta’ kumpens. Permezz ta’ dak ir-rikors, li jidher li huwa bbażat fuq l-Artikolu 18 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Kerrejja, G.M.K.‑Z.B.M. talbet li T.O. u t-tliet itfal tagħha jiġu kkundannati jħallsuha tali kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali tal-akkomodazzjoni kkonċernata matul is-snin 2011 u 2012. Ir-rikors kien jindika indirizz ta’ domiċiljazzjoni ta’ dawn il-konvenuti kollha fil-Polonja.

22

Wara l-imsemmi rikors, inħarġet ordni ta’ ħlas. Din ġiet irċevuta, fil-Polonja, minn wieħed mill-imsemmija konvenuti, f’isem u għan-nom tal-oħrajn kollha. Peress li din l-ordni, f’dak iż-żmien, ma kinitx is-suġġett ta’ oppożizzjoni, din ġiet iddikjarata definittiva u eżekuttiva.

23

Fis‑7 ta’ Lulju 2023, S.O. validament ressqet oppożizzjoni kontra l-imsemmija ordni ta’ ħlas, skont l-Artikolu 505 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tal-kawża u taċ-ċaħda tar-rikors tal‑15 ta’ Marzu 2013 bħala inammissibbli. S.O. qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki, billi invokat li hija kienet tirrisjedi esklużivament fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mis-sena 2007. S.O. żiedet li hija qatt ma kienet ikkonkludiet kuntratt ta’ kiri fir-rigward tal-akkomodazzjoni inkwistjoni.

24

Għall-kuntrarju, G.M.K.‑Z.B.M. sostniet li l-qrati Pollakki kellhom ġurisdizzjoni. Din l-entità sostniet li r-rabta bejn il-konvenuti kkonċernati hija tant mill-qrib, peress li huma relatati u għexu flimkien f’din l-akkomodazzjoni, li kien hemm lok li jiġu eżaminati flimkien it-talbiet għal ħlas li hija ressqet kontrihom.

25

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001 meta mqabbel ma’ dak tar-Regolament Nru 1215/2012, li ssostitwixxih, u, b’mod iktar preċiż, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “azzjonijiet ġudizzjarji mressqa” li jinsab fl-Artikolu 66 ta’ dan l-aħħar regolament. Hija tixtieq tkun taf jekk dan il-kunċett jirrelatax, f’dan il-każ, mar-rikors għad-danni, li ġie ppreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil‑15 ta’ Marzu 2013, jew mal-oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas maħruġa wara dan ir-rikors, li tressqet minn S.O. fis‑7 ta’ Lulju 2023 għall-finijiet tal-eżami mill-ġdid tal-kawża kkonċernata.

26

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, jew minn dawk tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 jekk dan tal-aħħar ikun jirriżulta applikabbli, jirriżultax li persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li tkun adita b’rikors intiż għall-ħlas ta’ kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

27

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali rikors jaqax taħt il-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, jew tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C‑307/19, EU:C:2021:236), tindika li dan il-kunċett jinkludi kull talba intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma tkunx marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jew tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Madankollu, minn ġurisprudenza Pollakka jirriżulta li, fid-dawl tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Kerrejja, il-fatt li wieħed jirrisjedi fil-bini ta’ ħaddieħor mingħajr titolu validu ma jikkostitwixxix reat.

28

It-tieni nett, dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk jistax jirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, jew mill-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, li hija għandha teżamina r-rikors li hija adita bih b’mod li tiddeċiedi b’mod konġunt fir-rigward tal-persuni kollha koperti minn dan ir-rikors li jkunu rrisjedew fl-akkomodazzjoni kkonċernata. Mid-dritt Pollakk tirriżulta possibbiltà li jingħataw sentenzi differenti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, skont jekk l-individwu kkonċernat okkupax jew le din l-akkomodazzjoni wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ kiri inkwistjoni, peress li ma hemmx responsabbiltà in solidum bejn l-imsemmija persuni. Tali possibbiltà tista’ timmilita kontra l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-tilwima fil-kawża prinċipali, bħala bażi tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-imsemmija qorti.

29

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni tiddetermina jekk rikors intiż għall-ħlas ta’ kumpens għall-okkupazzjoni, mingħajr titolu validu, ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil ħaddieħor, wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri relatat magħha, jikkostitwixxix azzjoni “li jkollh[a] l-obbjettiv tagħh[a] [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, jew tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012. Skont dik il-qorti, tali interpretazzjoni tista’ tiġi miċħuda fid-dawl tas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Schneider (C‑386/12, EU:C:2013:633).

30

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tindika li, fil-każ li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012 imsemmija fil-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza ma tkun tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki, hija tiċħad bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat fil‑15 ta’ Marzu 2013 mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Koszalinie I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Koszalinie, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 66 tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li, ‘ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja’ tfisser il-preżentata ta’ rikors mir-rikorrent fi kwistjoni proċedurali jew tfisser ukoll it-tressiq ta’ talba għall-eżami mill-ġdid ta’ din il-kawża mill-konvenut wara l-konklużjoni definittiva tagħha?

[Fid-dawl tar-risposta għad-domanda preċedenti:]

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 44/2001], jew inkella id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ titressaq quddiem qrati ta’ Stat Membru ieħor f’kawżi għall-ħlas ta’ kumpens għall-użu mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab f’dan it-tieni Stat Membru?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-applikabbiltà ratione temporis ta’ dan ir-regolament, azzjoni ġudizzjarja għandha titqies li tressqet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-data li fiha r-rikorrent ressaq l-azzjoni tiegħu, f’kawża li sussegwentement kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni, jew fid-data li fiha l-konvenut sussegwentement ressaq, kontra din id-deċiżjoni, oppożizzjoni intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ din il-kawża.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament japplika, b’mod partikolari, għall-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa mill‑10 ta’ Jannar 2015. L-Artikolu 66(2) iżid li r-Regolament Nru 44/2001 għandu jkompli japplika għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa qabel din id-data.

34

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxietha b’rikors għad-danni, fil‑15 ta’ Marzu 2013, u li waħda mill-erba’ konvenuti msemmija f’dak ir-rikors, jiġifieri S.O., ressqet validament oppożizzjoni quddiem dik il-qorti, fis‑7 ta’ Lulju 2023, kontra l-ordni ta’ ħlas li kienet inħarġet wara l-imsemmi rikors.

35

Il-formulazzjoni tal-ewwel domanda tirrigwarda l-ipoteżi li fiha l-“kawża” miftuħa permezz tar-rikors ikkunsidrat kienet is-suġġett ta’ “għeluq definittiv”. Madankollu, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, l-oppożizzjoni mressqa minn S.O. bil-għan ta’ eżami mill-ġdid ta’ din il-kawża hija valida, b’mod li l-ordni ta’ ħlas ikkontestata tidher li waqfet tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ din il-persuna, skont l-Artikolu 505(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

36

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001 jew tar-Regolament Nru 1215/2012, id-data determinanti sabiex tiġi identifikata l-azzjoni ġudizzjarja msemmija fl-Artikolu 66 ta’ dan tal-aħħar hijiex dik li fiha r-rikorrent ippreżenta r-rikors li wassal għal deċiżjoni mogħtija minn qorti jew dik li fiha l-konvenut ressaq, kontra din id-deċiżjoni, oppożizzjoni intiża għall-eżami mill-ġdid, minn dik il-qorti, tal-kawża kkonċernata.

37

Issa, fil-kuntest ta’ tali verifika tal-ġurisdizzjoni diretta ta’ qorti ta’ Stat Membru, sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex ir-Regolament Nru 44/2001 jew ir-Regolament Nru 1215/2012 li huwa applikabbli ratione temporis skont l-Artikolu 66(1) ta’ dan tal-aħħar, għandu jsir riferiment għad-data tat-tressiq tal-azzjoni ġudizzjarja li biha hija adita dik il-qorti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking,C‑551/15, EU:C:2017:193, punti 2526, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2019, Guaitoli et, C‑213/18, EU:C:2019:927, punt 29).

38

B’mod iktar partikolari, għall-finijiet tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, oppożizzjoni mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru li tinkludi, konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli, talba għall-eżami mill-ġdid tal-kawża kkonċernata, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies li hija kontinwazzjoni tar-rikors inizjali, peress li din it-talba mressqa mill-konvenut hija att li jintroduċi istanza li ma tikkostitwixxix proċedura indipendenti minn dik miftuħa permezz ta’ dan ir-rikors inizjali, iżda l-estensjoni tiegħu.

39

Din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 66(1), qorti li tiddeċiedi fl-appell għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha stess fil-kontinwità ta’ dik tal-qorti li tkun ġiet adita bl-ewwel istanza, b’mod li d-data tal-preżentata tal-istanza inizjali għandha tittieħed bħala kriterju ta’ riferiment (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Hanssen Beleggingen,C‑341/16, EU:C:2017:738, punti 3, 4, 2022, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, AMS Neve et, C‑172/18, EU:C:2019:674, punti 16, 28, 3436).

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-applikabbiltà ratione temporis ta’ dan ir-regolament, azzjoni ġudizzjarja għandha titqies li tressqet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-data li fiha r-rikorrent ressaq l-azzjoni tiegħu, f’kawża li sussegwentement kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni, u mhux fid-data li fiha l-konvenut sussegwentement ressaq, kontra din id-deċiżjoni, oppożizzjoni intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ din il-kawża.

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

41

Fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha b’mod alternattiv, skont ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, jew skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod iktar partikolari skont il-punt 3 tal-Artikolu 5, il-punt 1 tal-Artikolu 6 u l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tiegħu, jew skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod iktar partikolari skont il-punt 2 tal-Artikolu 7, il-punt 1 tal-Artikolu 8 u l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tiegħu.

42

Mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, l-azzjoni ġudizzjarja tressqet, fis-sens tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, fid-data tal-preżentata tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri fil‑15 ta’ Marzu 2013. Minn dan isegwi li huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li huma applikabbli ratione temporis għal din it-tilwima u li għalhekk għandhom jiġu interpretati sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċidiha.

43

Madankollu, mill-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li, sa fejn dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 44/2001, li huwa stess issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti legali tapplika wkoll għal dawk tal-oħrajn, kemm-il darba dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Mahá, C‑494/23, EU:C:2024:848, punt 27, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2025, utua Madrileña Automovilista, C‑536/23, EU:C:2025:293, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, tali ekwivalenza teżisti bejn, minn naħa, il-punt 3 tal-Artikolu 5, il-punt 1 tal-Artikolu 6 u l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll, min-naħa l-oħra, rispettivament il-punt 2 tal-Artikolu 7, il-punt 1 tal-Artikolu 8, u l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012.

44

Dan ppreċiżat, jidher li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 5, il-punt 1 tal-Artikolu 6 l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija applikabbli għal azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ħlas ta’ kumpens minħabba l-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri relatat ma’ din il-proprjetà immobbli, li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak tad-domiċilju tal-konvenut ikkonċernat.

45

L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22, il-punt 3 tal-Artikolu 5 u l-punt 1 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati suċċessivament.

Fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001

46

Fir-rigward tal-eventwali applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għal azzjoni ġudizzjarja bħal dik imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet “li jkollhom l-obbjettiv tagħhom [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli”, irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet.

47

Dan l-Artikolu 22 jinsab fis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li tinkludi ċertu numru ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, li jidderogaw mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab id-domiċilju tal-konvenut, prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tiegħu kif ukoll fid-dawl tal-premessi 11 u 12 tal-imsemmi regolament. Fid-dawl tan-natura derogatorja tiegħu, l-imsemmi l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 ma għandux jiġi interpretat f’sens usa’ minn dak meħtieġ mill-għan tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 19, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2023, Roompot Service,C‑497/22, EU:C:2023:873, punt 25).

48

Għal dak li jirrigwarda l-għan imfittex mill-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat kunsiderazzjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, billi enfasizzat li r-raġuni essenzjali għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata hija l-fatt li l-qorti tal-post li fih tinsab din il-proprjetà hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex, fid-dawl tal-prossimità, ikollha konoxxenza tajba tas-sitwazzjonijiet ta’ fatt u sabiex tapplika r-regoli u l-użanzi li, b’mod ġenerali, ikunu dawk tal-Istat li fih tinsab il-proprjetà immobbli. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kirjiet ta’ proprjetajiet immobbli, din il-ġurisdizzjoni esklużiva hija ġġustifikata, b’mod partikolari, mill-kumplessità tar-relazzjoni bejn il-proprjetarju u l-kerrej u mill-fatt li din ir-relazzjoni hija rregolata minn leġiżlazzjonijiet partikolari, fosthom xi wħud ta’ natura imperattiva, tal-Istat li fih tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tal-kirja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Komu et, C‑605/14, EU:C:2015:833, punti 2530, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2023, Roompot Service,C‑497/22, EU:C:2023:873, punti 2627).

49

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-ewwel lok, l-espressjoni “li jkollhom l-obbjettiv tagħhom [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha. Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista f’din id-dispożizzjoni tkopri biss l-azzjonijiet li jirrigwardaw tali drittijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li huma intiżi, minn naħa, li jiddeterminaw il-portata, il-konsistenza, il-proprjetà, il-pussess ta’ proprjetà immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet in rem oħra fuq tali proprjetà u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi marbuta mat-titolu tagħhom. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, ma huwiex biżżejjed li l-azzjoni inkwistjoni tirrigwarda dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew li din ikollha rabta ma’ proprjetà immobbli. Jeħtieġ li din l-azzjoni tkun ibbażata fuq dritt in rem, li jolqot proprjetà tanġibbli u jipproduċi l-effetti tiegħu fir-rigward ta’ kulħadd, u mhux fuq dritt personali, li jista’ jiġi invokat biss kontra d-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Schneider,C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 21; tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt,C‑417/15, EU:C:2016:881, punti 30, 3134, kif ukoll tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević,C‑630/17, EU:C:2019:123, punti 97, 99100).

50

Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk tilwima tirrigwardax “kirjiet ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk din it-tilwima tirrigwardax kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli u, min-naħa l-oħra, jekk is-suġġett tal-imsemmija tilwima huwiex marbut direttament mad-drittijiet u mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt ta’ kiri, peress li ma huwiex biżżejjed li l-istess tilwima jkollha rabta ma’ tali kuntratt. Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tirrigwarda għalhekk il-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ tgawdija ta’ proprjetà immobbli, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk bejn sidien il-kera u kerrejja dwar l-eżistenza jew l-interpretazzjoni ta’ kirjiet, it-tiswija tad-danni kkawżati minn kerrej jew l-evakwazzjoni tal-proprjetà mikrija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Roompot Service,C‑497/22, EU:C:2023:873, punti 2829 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni pendenti quddiemha tirrigwarda l-ħlas ta’ kumpens għall-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni wara t-tmiem ta’ kuntratt ta’ kiri relatat magħha. Ma huwiex ikkontestat li, mid-data li fiha l-entità komunali proprjetarja ta’ din l-akkomodazzjoni xoljiet il-kirja li hija kienet ikkonkludiet ma’ T.O., l-erba’ konvenuti mressqa quddiem il-qorti permezz tar-rikors inizjali, jiġifieri T.O. u t-tliet uliedha, saru okkupanti mingħajr titolu validu tal-imsemmija akkomodazzjoni, sakemm huma kienu għadhom jirrisjedu fiha, u għalhekk ma kellhomx iktar ebda dritt fuqha. Barra minn hekk, jidher li ma huwiex ikkontestat li S.O. la kkonkludiet personalment dan il-kuntratt ta’ kiri, filwaqt li jitfakkar li hija bint il-firmatarja tal-imsemmi kuntratt, u lanqas aderixxiet miegħu sussegwentement, b’tali mod li hija għandha tiġi kklassifikata bħala terz fir-rigward ta’ din ir-relazzjoni kuntrattwali.

52

Issa, għandu jitqies li tali azzjoni, intiża għall-ħlas ta’ kumpens minħabba l-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri relatat magħha, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

53

Fil-fatt, l-ewwel nett, tali analiżi tissodisfa r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tar-regola derogatorja li tinsab f’din id-dispożizzjoni u hija kompatibbli mal-għanijiet imfittxija minnha, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, l-eżami ta’ tali azzjoni għal kumpens ma jeħtieġx li jsiru investigazzjonijiet fuq il-post u la jeżiġi l-evalwazzjoni tal-fatti u lanqas l-applikazzjoni tar-regoli u tal-użanzi tal-post li fih tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata, li huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din il-proprjetà immobbli. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et, C‑722/17, EU:C:2019:577, punti 4748 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

It-tieni, din l-analiżi hija konformi mal-interpretazzjonijiet tal-espressjoni “fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli, ” u tal-kunċett ta’ “kirjiet ta’ proprjetajiet immobbli”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li huma mfakkra fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, azzjoni intiża għall-ħlas ta’ kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli, wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri relatat magħha, ma hijiex koperta minn din l-espressjoni, peress li tali azzjoni ma hijiex ibbażata fuq dritt in rem, li jipproduċi effetti fir-rigward ta’ kulħadd, iżda fuq dritt personali, li jista’ jiġi invokat biss kontra l-allegat debitur li lilu jintalab dan il-ħlas. Min-naħa l-oħra, azzjoni bħal dik imressqa kontra S.O., li għandha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-kuntratt xolt, ma tistax tiġi koperta mill-kunċett ta’ “kirjiet ta’ proprjetajiet immobbli”, fis-sens ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22, peress li tali azzjoni ma hijiex marbuta direttament mad-drittijiet u mal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kiri u għalhekk ma hijiex ibbażata fuq ir-relazzjoni bejn il-proprjetarju u l-kerrej (ara b’analoġija, fir-rigward tad-dispożizzjoni ekwivalenti għall-imsemmi l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22, li tinsab fl-Artikolu 16 (1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 1994, Lieber,C‑292/93, EU:C:1994:241, punti 1520, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ April 2001, Gaillard,C‑518/99, EU:C:2001:209, punt 20).

55

It-tielet nett, l-imsemmija analiżi hija kkorraborata mir-rapport ta’ P. Schlosser dwar il-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll mal-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71, punt 61). Mill-punt 163 ta’ dan ir-rapport jirriżulta li l-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq ksur ta’ drittijiet in rem ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ekwivalenti għall-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-eżistenza u s-sustanza tad-dritt in rem, ħafna drabi l-proprjetà, għandhom biss importanza inċidentali f’dan il-kuntest.

56

Konsegwentement, l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ħlas ta’ kumpens minħabba l-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri relatat ma’ din il-proprjetà immobbli, li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak tad-domiċilju tal-konvenut ikkonċernat, ma tikkostitwixxix azzjoni “li jkollh[a] l-obbjettiv tagħh[a] [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli” u ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kirjiet ta’ proprjetajiet immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001

57

Fir-rigward tal-eventwali applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għal azzjoni ġudizzjarja bħal dik imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ titressaq, fi Stat Membru ieħor, quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż jew fejn dan jista’ jseħħ.

58

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, FCA Italy et FPT Industrial, C‑81/23, EU:C:2024:165, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik li tirrigwarda l-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Kerrejja, tikklassifika jew le bħala “delitt” il-fatt li wieħed jirrisjedi fil-bini ta’ ħaddieħor mingħajr titolu validu, huwa irrilevanti.

59

Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, minn naħa, din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandha, bħala deroga mir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, tiġi interpretata b’mod strett u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija regola hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn it-tilwima u l-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, li tiġġustifika attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil dawn il-qrati għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċess, b’mod partikolari fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, FCA Italy u FPT Industrial, C‑81/23, EU:C:2024:165, punti 23 sa 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “materji ta’ delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludi kull talba li, minn naħa, ma hijiex marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, hija intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut, b’tali mod li għandu jiġi vverifikat jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punti 8385, kif ukoll tad‑9 ta’ Diċembru 2021, HRVATSKE ŠUME, C‑242/20, EU:C:2021:985, punti 4243 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett awtonomu ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludi kull talba bbażata fuq obbligu liberament ikkonsentit minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 52, kif ukoll tad‑9 ta’ Diċembru 2021, HRVATSKE ŠUME, C‑242/20, EU:C:2021:985, punt 44).

62

F’dan il-każ, talba għal kumpens bħal dik imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra S.O. ma hijiex koperta minn dan il-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, peress li tali talba hija bbażata fuq il-fatt li persuna okkupat proprjetà immobbli mingħajr il-kunsens liberu tal-proprjetarju espress fil-forma ta’ kuntratt ta’ kiri.

63

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, diġà ġie deċiż li azzjoni hija intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut meta fatt dannuż, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, ikun jista’ jiġi imputat lill-konvenut, sa fejn huwa jkun akkużat b’att jew b’ommissjoni li tkun tmur kontra dmir jew projbizzjoni imposta mil-liġi. Fil-fatt, għandha tkun tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-fatt illegali li minnu joriġina dan id-dannu, mingħajr ma jkun hemm lok f’dan ir-rigward li ssir distinzjoni speċifika bejn il-“materji ta’ kważi delitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, HRVATSKE ŠUME, C‑242/20, EU:C:2021:985, punti 52 sa 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan il-każ, talba għall-ħlas ta’ kumpens minħabba l-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil ħaddieħor hija bbażata fuq obbligu li joriġina minn fatt dannuż, peress li dan l-obbligu ma nħoloqx indipendentement mill-aġir tal-konvenut, b’tali mod li tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu allegat u eventwali att illegali jew eventwali ommissjoni illegali mwettqa minn dan il-konvenut (ara, a contrario, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, HRVATSKE ŠUME, C‑242/20, EU:C:2021:985, punt 55).

65

Peress li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza huma għalhekk issodisfatti f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hekk kif irrilevaw il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, talba għal kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli għandha titqies li taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

66

Konsegwentement, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’ bħala prinċipju tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni abbażi ta’ dan il-punt 3 tal-Artikolu 5, bħala qorti tal-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-proprjetà immobbli kkonċernata tinsab fil-Polonja u b’mod iktar preċiż fit-territorju ta’ din il-qorti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” ikopri kemm il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat kif ukoll dak tal-avveniment kawżali li jkun ta lok għal dan id-dannu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat fir-rigward tal-atturi kollha allegatament responsabbli, bil-kundizzjoni li dan ikun immaterjalizza ruħu fit-territorju tal-qorti adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL‑Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 42, u tal‑4 ta’ Lulju 2024, MOL, C‑425/22, EU:C:2024:578, punt 26).

67

Madankollu, fid-dawl tal-punti ta’ fatt esposti mill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju, sabiex tingħata risposta li tkun utli għaliha, li jiġi ppreċiżat li hija għandha tivverifika jekk, fit-tilwima li hija adita biha, seħħx “l-effett tal-ħsara”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba aġir ta’ S.O. u, b’mod iktar preċiż, jekk S.O. okkupatx personalment il-proprjetà immobbli kkonċernata matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri matul is-snin 2011 u 2012. Fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex eskluż li S.O. irrisjediet esklużivament fil-Pajjiżi l-Baxxi matul dan il-perijodu. Issa, fl-assenza ta’ tali okkupazzjoni min-naħa tagħha, ebda wieħed mill-fatturi ta’ konnessjoni li jirrendu dan il-punt 3 tal-Artikolu 5 applikabbli fir-rigward ta’ S.O. ma jista’ jiġi identifikat.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli għandha titqies li taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001

69

Fir-rigward tal-applikazzjoni eventwali tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 għal azzjoni ġudizzjarja bħal dik imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ titressaq, jekk ikun hemm diversi konvenuti, quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed mill-konvenuti, bil-kundizzjoni li t-talbiet ikunu konnessi bejniethom b’rabta tant stretta li jkun hemm interess li dawn jinstemgħu u li dawn jiġu deċiżi fl-istess waqt sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu rrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament.

70

L-għan tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jissodisfa, konformement mal-premessi 12 u 15 ta’ dan ir-regolament, ix-xewqa li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġi evitat li deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jingħataw fi Stati Membri differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 61, kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2025, Athenian Brewery u Heineken, C‑393/23, EU:C:2025:85, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Peress li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali tidderoga mill-ġurisdizzjoni li bħala prinċipju hija tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, din għandha tiġi interpretata b’mod strett. Sabiex deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu li huma “irrikkonċiljabbli”, għandu jkun hemm diverġenza fis-soluzzjoni tat-tilwim li tqum fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi. Is-sempliċi fatt li r-riżultat ta’ waħda mill-proċeduri kkonċernati jista’ jkollu influwenza fuq ir-riżultat tal-oħra ma huwiex biżżejjed sabiex id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri jiġu kklassifikati bħala “irrikonċiljabbli”. (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C‑366/13, EU:C:2016:282, punti 63, 6566, kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2025, Athenian Brewery u Heineken, C‑393/23, EU:C:2025:85, punti 2122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

Barra minn hekk, dan il-punt 1 tal-Artikolu 6 ma jistax jippermetti lil rikorrent iressaq talba kontra diversi konvenuti bl-uniku għan li jneħħi lil wieħed minn dawn il-konvenuti mill-qrati tal-Istat li fih dan ikun iddomiċiljat u, għalhekk, bil-għan li jevita r-regola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni. Il-qorti adita tista’ tikkonstata tali użu ħażin biss fil-preżenza ta’ indizji probatorji li jippermettulha tistabbilixxi li r-rikorrent ħoloq jew żamm b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2025, Athenian Brewery u Heineken, C‑393/23, EU:C:2025:85, punti 2324 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, minn naħa, li għandha tevalwa l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi billi tieħu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan l-elementi rilevanti kollha tal-kawża li hija adita biha, mingħajr ma tevalwa la l-ammissibbiltà u lanqas il-fondatezza tal-azzjoni kkonċernata, u, min-naħa l-oħra, li għandha tiżgura ruħha li t-talbiet imressqa kontra numru ta’ konvenuti ma jkollhomx l-għan li jiġu ssodisfatti b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu utli għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 64, u tat‑13 ta’ Frar 2025, Athenian Brewery u Heineken, C‑393/23, EU:C:2025:85, punti 2541 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-qrati Pollakki għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali, minħabba li r-rabta bejn l-erba’ konvenuti li hija inizjalment ressqet quddiem il-qorti, permezz tar-rikors tagħha tal‑15 ta’ Marzu 2013, hija tant stretta li għandhom jiġu deċiżi fl-istess ħin it-talbiet għal kumpens imressqa kontrihom, bl-għan li jiġu evitati diverġenzi fil-każ ta’ sentenzi mogħtija fi proċeduri distinti. Hekk kif issemma fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar in-neċessità ta’ eżami flimkien ta’ dawn it-talbiet, filwaqt li tosserva madankollu li l-konvenuti kkonċernati huma l-membri tal-istess familja u li qabel huma kienu jirrisjedu flimkien fl-akkomodazzjoni li l-okkupazzjoni tagħha tqajjem l-imsemmija talbiet.

75

Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq dik il-qorti, għandu jiġi kkonstatat li jidher ftit probabbli li kienet teżisti, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li minnha jirriżulta riskju li sentenzi “irrikonċiljabbli”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, jingħataw fi Stati Membri differenti jekk it-talbiet inkwistjoni jiġu deċiżi separatament, fatt li jkun jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista f’din id-dispożizzjoni.

76

Fil-fatt, it-talbiet għal kumpens imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra l-erba’ persuni kkonċernati mill-imsemmi rikors huma, ċertament, marbuta bejniethom minħabba s-suġġett tagħhom, peress li l-għan ta’ dawn it-talbiet huwa identiku. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk applikabbli, minn naħa, dawn it-talbiet huma separabbli sa fejn jistgħu jingħataw sentenzi differenti fir-rigward ta’ dawn il-persuni, skont l-okkupazzjoni jew le minn kull waħda minnhom tal-akkomodazzjoni kkonċernata matul il-perijodu rilevanti, u, min-naħa l-oħra, ma teżistix responsabbiltà in solidum bejniethom, fatt li jidher li jimplika eżami individwali tal-fatti kkritikati. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Pollakk jidher li jikkonferma, essenzjalment, li d-dritt nazzjonali jippermetti li jiġu adottati deċiżjonijiet individwalizzati fir-rigward tal-imsemmija persuni, skont jekk mill-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti adita jkunx jirriżulta li kull waħda minnhom kienet tokkupa jew le l-akkomodazzjoni kkonċernata.

77

Għalhekk, il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkun applikabbli biss jekk, fid-data tat-tressiq ta’ azzjoni li permezz tagħha rikorrent ikun ressaq diversi konvenuti quddiem qorti ta’ Stat Membru, kien hemm l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li twassal sabiex ikun hemm interess li jinstemgħu u jiġu deċiżi t-talbiet kollha mressqa kontra dawn il-konvenuti fl-istess ħin sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu rrikonċiljabbli jekk dawn it-talbiet jiġu deċiżi separatament fi Stati Membri differenti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti adita.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5, il-punt 1 tal-Artikolu 6, u l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ħlas ta’ kumpens minħabba l-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri relatat ma’ din il-proprjetà immobbli, li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak tad-domiċilju tal-konvenut ikkonċernat, ma tikkostitwixxix azzjoni “li jkollh[a] l-obbjettiv tagħh[a] [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli” u ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kirjiet ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22;

talba għal kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli għandha titqies li taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens ta’ dan il-punt 3 tal-Artikolu 5, u

dan il-punt 1 tal-Artikolu 6 jkun applikabbli biss jekk, fid-data tat-tressiq ta’ azzjoni li permezz tagħha rikorrent ikun ressaq diversi konvenuti quddiem qorti ta’ Stat Membru, kien hemm l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li twassal sabiex ikun hemm interess li jinstemgħu u jiġu deċiżi t-talbiet kollha mressqa kontra dawn il-konvenuti fl-istess ħin sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu rrikonċiljabbli jekk dawn it-talbiet jiġu deċiżi separatament fi Stati Membri differenti.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-applikabbiltà ratione temporis ta’ dan ir-regolament, azzjoni ġudizzjarja għandha titqies li tressqet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-data li fiha r-rikorrent ressaq l-azzjoni tiegħu, f’kawża li sussegwentement kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni, u mhux fid-data li fiha l-konvenut sussegwentement ressaq, kontra din id-deċiżjoni, oppożizzjoni intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ din il-kawża

 

2)

Il-punt 3 tal-Artikolu 5, il-punt 1 tal-Artikolu 6, u l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

azzjoni ġudizzjarja intiża għall-ħlas ta’ kumpens minħabba l-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli wara x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri relatat ma’ din il-proprjetà immobbli, li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak tad-domiċilju tal-konvenut ikkonċernat, ma tikkostitwixxix azzjoni “li jkollh[a] l-obbjettiv tagħh[a] [drittijiet] in rem fi propjetà immobbli” u ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kirjiet ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22;

talba għal kumpens għall-okkupazzjoni mhux kuntrattwali ta’ proprjetà immobbli għandha titqies li taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens ta’ dan il-punt 3 tal-Artikolu 5, u

dan il-punt 1 tal-Artikolu 6 jkun applikabbli biss jekk, fid-data tat-tressiq ta’ azzjoni li permezz tagħha rikorrent ikun ressaq diversi konvenuti quddiem qorti ta’ Stat Membru, kien hemm l-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li twassal sabiex ikun hemm interess li jinstemgħu u jiġu deċiżi t-talbiet kollha mressqa kontra dawn il-konvenuti fl-istess ħin sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu rrikonċiljabbli jekk dawn it-talbiet jiġu deċiżi separatament fi Stati Membri differenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.