SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 22(2) – Natura imperattiva ta’ din id-direttiva – Trasferiment favur terz minn konsumatur tal-kreditu tiegħu fil-konfront ta’ bank – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Stħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu li ma huwiex is-suġġett tat-tilwima pendenti quddiem dik il-qorti”
Fil-Kawża C‑80/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2024, fil-proċedura
Zwrotybankowe.pl sp. z o.o.
vs
Powszechna Kasa Oszczędności Bank Polski S.A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Zwrotybankowe.pl sp. z o.o., minn A. Tomaszewska, radca prawny, |
|
– |
għal Powszechna Kasa Oszczędności Bank Polski S.A., minn A. Kuzawińska, M. Malciak u W. Wandzel, adwokaci, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u U. Małecka, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Zwrotybankowe.pl sp. z o.o., kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Pollakk, u Powszechna Kasa Oszczędności Bank Polski S.A. (iktar ’il quddiem “PKO Bank Polski”), bank, dwar il-kreditu fir-rigward ta’ dan il-bank ta’ konsumatur li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ċ-ċessjonarja tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/13
|
3 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
4 |
L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id-Direttiva 2008/48
|
5 |
L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-Direttiva.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Penali”: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.” |
Id-dritt Pollakk
|
7 |
L-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, pożizzjoni 715), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum”), ittrasponiet id-Direttiva 2008/48 fl-ordinament ġuridiku Pollakk. |
|
8 |
L-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum jistabbilixxi li: “Fil-każ ta’ ksur, mill-kreditur, tal-Artikolu 29(1), tal-punti 1 sa 8, 10, 11 u 14 sa 17 tal-Artikolu 30(1), u tal-Artikoli 31 sa 33, 33a u 36a sa 36c [ta’ din il-liġi], il-konsumatur, wara li jkun ippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-kreditur, għandu jirrimborsa l-kreditu mingħajr l-interessi u l-ispejjeż l-oħra marbuta mas-self dovuti lill-kreditur, fit-termini u skont il-modalitajiet stabbiliti mill-kuntratt.” |
|
9 |
L-Artikolu 509(1) tal-ustawa Kodeks cywilny (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 16, pożizzjoni 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi li: “Kreditur jista’, mingħajr il-kunsens tad-debitur, jittrasferixxi d-dejn lil terz (trasferiment ta’ dejn), sakemm il-liġi, restrizzjoni kuntrattwali jew in-natura tal-obbligu ma jipprekludux dan.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
Permezz tar-rikors tagħha, Zwrotybankowe.pl titlob lis-Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, tikkundanna lil PKO Bank Polski tħallasha s-somma ta’ 4 537.45 zlote Pollakki (PLN) (madwar EUR 1050), flimkien mal-interessi moratorji legali u l-ispejjeż legali. |
|
11 |
Zwrotybankowe.pl ippreżentat dan ir-rikors abbażi ta’ kuntratt ta’ trasferiment konkluż ma’ konsumatur (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ trasferiment”), li permezz tiegħu dan tal-aħħar kien ittrasferixxielha d-dritt li jeżiġi kull kreditu pekunjarju li huwa seta’ jinvoka kontra PKO Bank Polski. Il-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ sanzjoni prevista fl-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum, li jimplimenta l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, għall-ksur, minn dan il-bank, tal-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuqu skont din il-liġi. Il-kuntratt ta’ trasferiment jistipula li, bħala korrispettiv għat-trasferiment ikkonċernat, dan il-konsumatur jirċievi 50 % tal-ammont tal-kreditu prinċipali rkuprat mingħand l-imsemmi bank. |
|
12 |
PKO Bank Polski titlob li l-imsemmi rikors jiġi miċħud, billi ssostni li Zwrotybankowe.pl ma għandhiex locus standi fir-rigward tagħha, peress li n-natura tal-kreditu li qed jintalab l-irkupru tiegħu tipprekludi li dan ikun jista’ jiġi ttrasferit lil terz. Fuq il-mertu, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, hija ma kisritx l-obbligi tagħha ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-kuntratt ta’ kreditu mal-imsemmi konsumatur. |
|
13 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-projbizzjoni introdotta fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48, li tgħid li l-konsumatur ma jistax jirrinunzja għad-drittijiet mogħtija lilu skont id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali. Din il-qorti tistaqsi jekk din il-projbizzjoni tapplikax ukoll għall-possibbiltà, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-konsumatur jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu lil terz li ser jinvokahom f’ismu stess u li, sussegwentement, ser jirċievi, b’mod partikolari, remunerazzjoni ta’ 50 % tas-somom miksuba u ser jħallas lura l-50 % li jifdal lill-konsumatur. |
|
14 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ rinunzja msemmi fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48, b’mod li tinkludi wkoll tali sitwazzjoni. Fil-fatt, din id-direttiva għandha bħala għan prinċipali li tipproteġi lill-konsumatur ikkonċernat kontra l-klawżoli inġusti fil-kuntratti ta’ kreditu, u mhux li toħloq sors ta’ arrikkiment għal terzi li ma humiex partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż. |
|
15 |
Fit-tieni lok, fil-każ li din l-interpretazzjoni wiesgħa ma tiġix aċċettata, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tistħarreġ ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, il-qorti nazzjonali hija obbligata wkoll li tistħarreġ ex officio l-klawżoli tal-kuntratt ta’ trasferiment konkluż bejn il-konsumatur ċedent u ċ-ċessjonarju tiegħu, meta dan il-kuntratt ikun jikkostitwixxi l-bażi legali tar-rikors li permezz tiegħu dan iċ-ċessjonarju jinvoka l-krediti ta’ dan il-konsumatur kontra l-mutwant. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ trasferiment tista’ twassal għan-nullità tiegħu, b’tali mod li Zwrotybankowe.pl tiġi mċaħħda mil-locus standi tagħha u, konsegwentement, ir-rikors fil-kawża prinċipali jiġi miċħud. |
|
17 |
Din il-qorti tenfasizza l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw għall-konsumatur ikkonċernat li, f’tali ċirkustanzi, lanqas biss jikseb il-parti tal-kreditu mitlub mill-mutwant li hija stipulata fil-kuntratt ta’ trasferiment. Barra minn hekk, l-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ trasferiment iseħħ fl-assenza ta’ dan il-konsumatur u mingħajr ma jkun jista’, għal raġunijiet marbuta mar-regoli proċedurali nazzjonali, jiġi żgurat lilu l-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċedura u li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni. |
|
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Ċentru) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
19 |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil konsumatur jittrasferixxi għall-benefiċċju ta’ terz, li ma huwiex konsumatur, kreditu bbażat fuq il-ksur ta’ dritt mogħti lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva. |
|
20 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija biss bejn bejjiegħa jew fornituri ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, u lanqas dik tad-Direttiva 93/13, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi ma jiddependix mill-identità tal-partijiet f’din it-tilwima, iżda mill-kwalità tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor,C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 20, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix,C‑519/19, EU:C:2020:933, punti 53 u 54). |
|
21 |
F’dan il-każ, il-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn konsumatur u PKO Bank Polski u ġie akkwistat minn Zwrotybankowe.pl bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ trasferiment, b’tali mod li dawn iż-żewġ direttivi japplikaw għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
22 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/48 ġiet adottata bl-għan doppju li tiżgura lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom kif ukoll li tiffaċilita l-ħolqien ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb fil-qasam tal-kreditu għall-konsum (sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť,C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 41, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi billi jipprojbixxi kull rinunzja minnhom għad-drittijiet mogħtija lilhom mill-imsemmija direttiva. |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ rinunzja li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, b’mod li jinkludi t-trasferiment tad-drittijiet li l-konsumatur ikkonċernat jislet mid-Direttiva 2008/48 u jista’ għalhekk jipprekludi tali trasferiment, anki jekk dan huwa ammess fid-dritt nazzjonali. |
|
24 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tispeċifikax x’għandu jinftiehem b’rinunzja għad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi bis-saħħa tad-dritt nazzjonali li jimplimenta din id-direttiva. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, kif imfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Perijodu massimu tal-kontroll fil-fruntieri interni),C‑368/20 u C‑369/20, EU:C:2022:298, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni lil parti dgħajfa f’kuntratt, fil-każ ta’ trasferiment tad-drittijiet ta’ din il-parti lil kumpannija kummerċjali. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eventmedia Soluciones (C‑11/23, EU:C:2024:194), il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ivverifikat jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), kienx jippermetti l-istipulazzjoni ta’ klawżola li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet li jgawdi passiġġier fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru li jopera, b’mod partikolari d-dritt għal kumpens. Dan l-Artikolu 15, intitolat “Esklużjoni tar-rinunzja”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tal-passiġġieri stabbiliti minn dan ir-regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, partikolarment permezz ta’ deroga jew ta’ klawżola restrittiva inkluża fil-kuntratt ta’ trasport. |
|
26 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru u sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għal kumpens ta’ dawn il-passiġġieri, għandhom jitqiesu li huma inammissibbli, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 15, mhux biss id-derogi jew il-limitazzjonijiet li jirrigwardaw direttament dan id-dritt bħala tali, iżda wkoll dawk li jirrestrinġu, għad-detriment tal-imsemmija passiġġieri, il-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eventmedia Soluciones,C‑11/23, EU:C:2024:194, punt 43). |
|
27 |
Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru u sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effikaċi d-drittijiet tagħhom, il-passiġġier tal-ajru li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata għandu jiġi ggarantit il-libertà li jagħżel l-iktar mod effikaċi sabiex jiddefendi d-dritt tiegħu, b’mod partikolari billi jippermettilu jiddeċiedi li jindirizza direttament lit-trasportatur tal-ajru li jopera, li jmur quddiem il-qrati kompetenti jew, meta dan ikun previst mid-dritt nazzjonali rilevanti, li jittrasferixxi l-kreditu tiegħu lil terz sabiex jevita diffikultajiet u spejjeż li jistgħu jiddiswaduh milli jieħu passi personali fir-rigward ta’ dan it-trasportatur għal interess finanzjarju limitat (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eventmedia Soluciones,C‑11/23, EU:C:2024:194, punt 44). |
|
28 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru jipprekludi l-inklużjoni, f’kuntratt ta’ trasport, ta’ klawżola li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet li dawn jisiltu mir-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eventmedia Soluciones,C‑11/23, EU:C:2024:194, punt 46). |
|
29 |
Minn dan isegwi, b’analoġija, li l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jipprekludi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ rinunzja li jinsab fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48, prevista mill-qorti tar-rinviju, li twassal sabiex jiġi pprojbit ukoll it-trasferiment tad-drittijiet li dawn jisiltu minn din id-direttiva. Fil-fatt, tali trasferiment jikkostitwixxi waħda mill-possibbiltajiet legali, eventwalment previsti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom billi jevitaw diffikultajiet u spejjeż li jistgħu jiddiswaduhom milli jieħdu passi personali fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat. |
|
30 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil konsumatur jittrasferixxi għall-benefiċċju ta’ terz, li ma huwiex konsumatur, kreditu bbażat fuq il-ksur ta’ dritt mogħti lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
|
31 |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali tista’, jew saħansitra għandha, tistħarreġ ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż minn konsumatur meta t-tilwima li hija adita biha, bejn il-kumpannija ċessjonarja u bejjiegħ jew fornitur, ma tkunx tirrigwarda dan il-kuntratt ta’ trasferiment, iżda tkun tirrigwarda l-kreditu tal-konsumatur fil-konfront ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur. |
|
32 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-kreditu li jirriżulta mill-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn PKO Bank Polski u konsumatur li tiegħu Zwrotybankowe.pl hija ċ-ċessjonarja. Għalhekk, il-kuntratt ta’ trasferiment ma huwiex is-suġġett ta’ din it-tilwima u l-imsemmi konsumatur ma huwiex parti fil-proċedura miftuħa minn din tal-aħħar. |
|
33 |
Madankollu, wara li ħadet konjizzjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment li minnu Zwrotybankowe.pl tislet il-locus standi tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka, sabiex tiġġustifika t-tieni domanda preliminari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tistħarreġ ex officio, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan l-għan, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali hija obbligata tevalwa ex officio, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’hekk, tirrimedja n-nuqqas ta’ bilanċ li jkun jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 26). |
|
35 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, qabelxejn, li l-istħarriġ ex officio li l-qorti nazzjonali adita għandha twettaq b’mod obbligatorju skont id-Direttiva 93/13 huwa limitat għall-klawżoli kuntrattwali li n-natura inġusta tagħhom tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jinsabu fil-proċess li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha din il-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 27). |
|
36 |
Sussegwentement, hija ppreċiżat li l-imsemmija qorti nazzjonali hija obbligata tadotta ex officio miżuri istruttorji sakemm il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu diġà jinsabu fil-proċess iqajmu dubji serji dwar in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli li, minkejja li ma jkunux ġew ikkontestati mill-konsumatur, ikunu marbuta mas-suġġett tat-tilwima u sakemm, konsegwentement, l-implimentazzjoni tal-eżami ex officio li din il-qorti għandha twettaq jeżiġi li tali miżuri istruttorji jiġu adottati (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 38). Fil-fatt, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska,C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li huwa fil-limiti tas-suġġett tat-tilwima li biha hija adita li l-qorti nazzjonali hija mitluba tistħarreġ ex officio klawżola kuntrattwali abbażi tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur bis-saħħa tad-Direttiva 93/13, sabiex jiġi evitat li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar jiġu miċħuda permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret, jekk ikun il-każ, res judicata, filwaqt li dawn setgħu jiġu milqugħa li kieku dan il-konsumatur ma kienx, minħabba nuqqas ta’ għarfien, naqas milli jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 32). |
|
38 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 34 sa 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dmir tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio klawżola kuntrattwali japplika fir-rigward tal-klawżoli li, minkejja li ma ġewx ikkontestati mill-konsumatur ikkonċernat, jinsabu fil-kuntratt li huwa s-suġġett tat-tilwima u li dan l-istħarriġ huwa ġġustifikat mir-rekwiżit ta’ protezzjoni li għandu jingħata lil dan il-konsumatur skont id-Direttiva 93/13. |
|
39 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Zwrotybankowe.pl qiegħda titlob li PKO Bank Polski tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu konkluż minn konsumatur ma’ dan il-bank, bħala konsegwenza tal-allegat ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti mid-Direttiva 2008/48 waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Bħala difiża, PKO Bank Polski tallega, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48, tali kreditu, li minnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tislet il-locus standi tagħha, ma setax ikun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasferiment. |
|
40 |
Minn dan isegwi li l-klawżola kuntrattwali msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha ma taqax fil-limiti tas-suġġett tat-tilwima li biha hija adita, b’tali mod li din il-qorti ma tistax tintalab tistħarreġ ex officio abbażi tal-protezzjoni li għandha tingħata lil dan il-konsumatur skont id-Direttiva 93/13, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. |
|
41 |
Barra minn hekk, fir-rigward ta’ azzjoni mressqa minn kumpannija ċessjonarja tal-kreditu ta’ konsumatur kontra l-parti kontraenti li hija l-bejjiegħ jew il-fornitur ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-Avukata Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, azzjoni bejn żewġ bejjiegħa jew fornituri ma hijiex ikkaratterizzata mill-iżbilanċ li jeżisti fil-kuntest ta’ rikors bejn il-konsumatur u l-parti kontraenti li hija l-bejjiegħ jew il-fornitur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas,C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 38). |
|
42 |
Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li huwa minħabba s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’dan il-mod, tirrimedja tali żbilanċ. |
|
43 |
Minn dan isegwi li, b’differenza mill-ipoteżi msemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13, li l-qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn żewġ bejjiegħa jew fornituri, bħal kumpannija ċessjonarja tad-drittijiet ta’ konsumatur u l-parti kontraenti li hija l-bejjiegħ jew il-fornitur ta’ dan il-konsumatur, tistħarreġ ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt konkluż mill-konsumatur (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas,C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 39). |
|
44 |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, f’dan il-każ, konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola waħda jew iktar li jinsabu fil-kuntratt ta’ trasferiment ikollha bħala konsegwenza possibbli, fl-ipoteżi fejn il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr dawn il-klawżoli, l-assenza ta’ locus standi taċ-ċessjonarju kkonċernat, jiġifieri Zwrotybankowe.pl, u, għalhekk, l-assenza ta’ kull kumpens favur il-konsumatur ċedent fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem din il-qorti. Tali sitwazzjoni tista’ tippreġudika l-protezzjoni effettiva tal-konsumatur peress li dan tal-aħħar ikun imċaħħad, tal-inqas immedjatament, mill-parti tal-kreditu li huwa jittama li jikseb permezz tal-kuntratt ta’ trasferiment, mingħajr lanqas ma jkollu l-possibbiltà li jinstema’ f’dan ir-rigward, peress li ma jkunx parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
45 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jeżiġux li l-qorti nazzjonali tistħarreġ ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż bejn konsumatur u ċ-ċessjonarju tad-drittijiet ta’ dan tal-aħħar meta t-tilwima li biha tkun adita ma tirrigwardax dan il-kuntratt ta’ trasferiment, iżda l-kreditu ta’ dan il-konsumatur fil-konfront tal-bank li kien ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu miegħu. |
|
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija esklużivament il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk u sa fejn id-dritt intern tagħha jippermettilha, jew saħansitra timponilha, li tivverifika l-eżistenza tal-locus standi ta’ Zwrotybankowe.pl, b’mod partikolari billi teżamina l-kontenut tal-kuntratt li eventwalment jagħtiha l-locus standi tagħha, iżda li ma huwiex is-suġġett tat-tilwima li tressqet quddiemha. Madankollu, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni proċedurali nazzjonali ma tistax tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija, b’mod partikolari, mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, SPV Project 1503 et, C‑693/19 u C‑831/19, EU:C:2022:395, punt 60). Għalhekk, din il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li din id-dispożizzjoni ma twassalx għal konsegwenzi sfavorevoli għall-konsumatur ikkonċernat, meta dan tal-aħħar ma jkollux l-opportunità li jippreżenta l-argumenti tiegħu fil-kuntest ta’ dibattitu kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas,C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 44). |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tistħarreġ ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż minn konsumatur meta t-tilwima li hija adita biha, bejn il-kumpannija ċessjonarja u bejjiegħ jew fornitur, ma tkunx tirrigwarda dan il-kuntratt ta’ trasferiment, iżda tkun tirrigwarda l-kreditu tal-konsumatur fil-konfront ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur. |
Fuq l-ispejjeż
|
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.