SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Jannar 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Artikolu 4(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Responsabbiltà delittwali ta’ organu ta’ kumpannija li torganizza logħob tal-azzard online mingħajr ma jkollha l-liċenzja meħtieġa – Azzjoni għar-rimbors tat-telf tal-logħob – Post fejn seħħ id-dannu”

Fil-Kawża C‑77/24 [Wunner] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2024, fil-proċedura

NM,

OU

vs

TE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, S. Gervasoni u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: I. Illéssy, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OU u NM, minn C. Leitgeb, Rechtsanwalt,

għal TE, minn O. Peschel, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Hribar u F. Koppensteiner, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn R. Verbeke u P. Vlaemminck, advocaten,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Sahner, bħala aġenti,

għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent, assistita minn J. Baldacchino, avukat, u D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogado,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Hohenecker u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(d) u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, NM u OU, bħala amministraturi ta’ kumpannija Maltija tal-logħob tal-azzard, u, min-naħa l-oħra, TE, persuna ddomiċiljata fl-Awstrija, dwar ir-rimbors ta’ telf sostnut fl-okkażjoni tal-parteċipazzjoni f’logħob tal-azzard online propost minn din il-kumpannija fl-Awstrija fl-assenza tal-liċenzja meħtieġa skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Ruma II

3

Il-premessi 6, 7, 14 u 16 tar-Regolament Ruma II jiddikjaraw:

“(6)

Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7)

Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [(UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2012 tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012, L 351, p. 1)] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.

[…]

(14)

Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja. Dan ir-Regolament jipprevedi l-fatturi ta’ rabta li huma l-aktar adatti sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għalhekk, dan ir-Regolament jipprevedi regola ġenerali iżda wkoll regoli speċifiċi u, f’ċerti dispożizzjonijiet, ‘klawsola liberatorja’ li tippermetti deroga minn dawn ir-regoli fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament marbut aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor. Dan il-grupp ta’ regoli b’hekk joħloq qafas flessibbli ta’ regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet. […]

[…]

(16)

Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Konnessjoni mal-pajjiż fejn seħħ id-dannu dirett (lex loci damni) toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna miżmuma responsabbli u tal-persuna li ġġarrab id-dannu, u tirrifletti wkoll l-approċċ modern tar-responsabbiltà ċivili u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ responsabbiltà oġġettiva.”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa ma għandux japplika, b’mod partikolari, għal materji fiskali, doganali u amministrativi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).

2.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(d)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mil-liġi dwar il-kumpanniji u dwar korpi oħra, ġuridiċi jew mhux inkorporati, li jirrigwardaw materji bħall-ħolqien, permezz tar-reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u ta’ korpi oħra ġuridiċi jew mhux inkorporati, ir-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u ta’ membri simili għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp u r-responsabbiltà personali ta’ awdituri lejn kumpannija jew lejn il-membri tagħha fil-verifiki statutorji ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà;

[…]”

5

Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament huwa ddedikat għall-avvenimenti dannużi. Intitolat “Regola ġenerali”, l-Artikolu 4, li jinsab f’dan il-kapitolu, tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.   Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

6

Fil-Kapitolu V tal-istess regolament, li jirrigwarda r-“regoli komuni”, jinsab l-Artikolu 15, intitolat “L-ambitu tal-liġi applikabbli”, li jipprovdi:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

(a)

il-bażi u l-medda tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal atti mwettqa minnhom;

[…]

(g)

ir-responsabbiltà għall-atti ta’ persuna oħra;

[…]”

Ir-Regolament Nru 1215/2012

7

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

(2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

Id-dritt Awstrijak

8

L-Artikolu 1301 tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali) huwa fformulat kif ġej:

“Ir-responsabbiltà għal dannu kkawżat illegalment tista’ taqa’ fuq diversi persuni, jekk ikunu kkontribwixxew għalih konġuntament, direttament jew indirettament, permezz ta’ inċitament, theddid, ordnijiet, assistenza, ħabi u affarijiet simili, jew sempliċement billi jkunu astjenew milli jwettqu l-obbligazzjoni speċjali sabiex jipprevjenu d-dannu.”

9

L-Artikolu 1311 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Is-sempliċi inċident huwa sostnut mill-persuna li l-assi jew il-persuna tagħha jkunu affettwati minnu. Madankollu, jekk xi ħadd ikun ikkawża l-inċident bi ħtija, jikser liġi maħsuba sabiex tipprevjeni dannu inċidentali […] huwa jkun responsabbli għall-ħsara kollha li altrimenti ma kinitx isseħħ.”

10

L-Artikolu 3 tal-Glücksspielgesetz (il-Liġi dwar il-Logħob tal-Azzard, iktar ’il quddiem il-“GSpG”) jipprovdi:

“Sakemm din il-liġi ma tispeċifikax mod ieħor, id-dritt li jiġi organizzat logħob tal-azzard għandu jkun irriżervat għall-Istat Federali (Monopolju tal-logħob tal-azzard).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Il-kumpannija Titanium Brace Marketing Limited (iktar ’il quddiem “TBM”), f’sitwazzjoni ta’ insolvenza u li tagħha NM u OU kienu l-amministraturi, kienet topera każinò online mis-sede tagħha f’Malta, li l-offerta tiegħu ta’ logħob kienet aċċessibbli għas-suq Ewropew kollu. Hija kellha liċenzja għal-logħob tal-azzard taħt id-dritt Malti, iżda ma kellhiex liċenzja skont il-GSpG.

12

Bejn l‑14 ta’ Novembru 2019 u t‑3 ta’ April 2020, TE, li lagħab logħob tal-azzard online fuq is-sit internet ta’ TBM, ġarrab telf ta’ logħob totali ta’ EUR 18 547.67.

13

Sabiex ikun jista’ jilgħab fuq is-sit internet ta’ TBM, TE ssottoskriva għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ din il-kumpannija u, f’dan il-kuntest, kellu jiftaħ “kont tal-ġugatur”. Sabiex ikollu fondi f’dan il-kont tal-ġugatur, TE għamel trasferiment mill-kont bankarju Awstrijak tiegħu lejn kont bankarju miftuħ ma’ bank Malti. Dan il-kont bankarju kien kont ta’ flus ta’ TBM, miftuħ għal TE u distint mill-patrimonju ta’ din il-kumpannija. Waqt il-parteċipazzjoni f’logħba tal-azzard, is-somma li kienet involuta kienet tiġi ddebitata mill-kont tal-ġugatur u, fil-każ ta’ rebħ, dan kien jiġi kkreditat fil-kont tal-ġugatur.

14

Peress li qies li, fl-assenza ta’ liċenzja mogħtija lil TBM skont id-dritt Awstrijak, il-kuntratt tal-logħob tal-azzard huwa null u bla effett, TE talab lil NM u lil OU, quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija), ir-rimbors tat-telf li huwa ġarrab, billi bbaża t-talba tiegħu fuq ir-responsabbiltà delittwali ta’ dawn tal-aħħar. TE jqis, f’dan ir-rigward, li l-ksur tal-monopolju Awstrijak tal-logħob tal-azzard iwassal għal ksur ta’ liġi ta’ protezzjoni (Schutzgesetz) u li NM u OU huma responsabbli personalment u in solidum għall-fatt li l-kumpannija TBM kienet tipproponi logħob tal-azzard illegali fl-Awstrija.

15

Quddiem din il-qorti, NM u OU qajmu n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, billi sostnew li TE ma setax jinvoka l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. NM u OU ma kellhomx is-setgħa li jiddeċiedu jekk TBM kellhiex tirtira mis-suq Awstrijak, li fih kienet diġà stabbilita. Barra minn hekk, huma ma ħadux deċiżjonijiet strateġiċi għal din l-impriża. Fil-fehma tagħhom, il-postijiet tal-avveniment kawżali u tad-dannu jinsabu f’Malta. Id-dritt sostantiv applikabbli ma huwiex id-dritt Awstrijak, iżda d-dritt Malti, li ma jirrikonoxxix ir-responsabbiltà tal-organi tal-kumpannija fir-rigward tal-kredituri tal-kumpannija.

16

L-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors ta’ TE minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Din id-deċiżjoni ġiet annullata fl-appell mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ddeċidiet li l-kundizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 kienu ssodisfatti.

17

Adita b’rikors għal reviżjoni ppreżentat minn NM u OU, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi jimplika, qabelxejn, li d-dispożizzjoni nazzjonali li tista’ sservi bħala bażi għat-talba ta’ TE tkun applikabbli konformement mar-Regolament Ruma II. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi dwar il-portata tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament.

18

Fil-każ li l-azzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar id-determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jista’ jkun il-post, fl-Awstrija, li minnu TE wettaq trasferimenti mill-kont bankarju tiegħu lejn il-kont tal-ġugatur tiegħu jew il-post fejn jinsab dan il-kont tal-ġugatur, jiġifieri, f’Malta. Jekk huwa biss it-telf definittiv tad-dritt għall-ħlas ta’ bilanċ ta’ kreditu fil-kont tal-ġugatur li jikkostitwixxi d-dannu inizjali, il-post fejn seħħ dan id-dannu jista’ jinsab f’Malta, fejn il-kont huwa ġestit, fid-domiċilju ta’ TE, fil-post fejn jinsab il-patrimonju prinċipali tagħha, jew inkella xi mkien ieħor.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 1(2)(d) tar-[Regolament Ruma II] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal azzjonijiet għall-kumpens għad-dannu mressqa kontra organu ta’ kumpannija minn kreditur tal-kumpannija li jibbaża ruħu fuq ir-responsabbiltà delittwali għal ksur ta’ dispożizzjonijiet protettivi (bħal dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-azzard) minn dan l-organu?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 4(1) [tar-Regolament Ruma II] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjoni għall-kumpens għad-dannu bbażata fuq ir-responsabbiltà delittwali minħabba telf relatat mal-logħob, li titressaq kontra organu ta’ kumpannija li toffri logħob tal-azzard online fl-Awstrija mingħajr liċenzja, il-post fejn seħħ id-dannu għandu jiġi ddeterminat skont

(a)

il-post minn fejn il-ġugatur jagħmel trasferimenti ta’ kreditu mill-kont bankarju tiegħu lejn il-kont tal-logħob ġestit mill-kumpannija,

(b)

il-post fejn il-kumpannija tiġġestixxi l-kont tal-logħob, fejn jiġu ddepożitati t-trasferimenti tal-ġugatur, ir-rebħ, it-telf u l-bonusijiet,

(c)

il-post minn fejn il-ġugatur iwettaq l-imħatri tiegħu permezz tal-kont tal-logħob, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżultaw f’telf,

(d)

il-post ta’ residenza tal-ġugatur bħala l-post tal-pretensjoni tiegħu għall-ħlas tal-bilanċ fil-kont tal-logħob tiegħu,

(e)

il-post fejn jinsab il-patrimonju prinċipali tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal responsabbiltà delittwali mressqa kontra d-diretturi ta’ kumpannija għal ksur ta’ projbizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali li jiġi propost lill-pubbliku logħob tal-azzard mingħajr liċenzja għal dan l-għan taqa’ taħt il-kategorija ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mid-dritt tal-kumpanniji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Ruma II, dan ir-regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali.

22

Skont l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament, huma madankollu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar “obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mil-liġi dwar il-kumpanniji u dwar korpi oħra, ġuridiċi jew mhux inkorporati, li jirrigwardaw materji bħall-ħolqien, permezz tar-reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u ta’ korpi oħra ġuridiċi jew mhux inkorporati, ir-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u ta’ membri simili għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp u r-responsabbiltà personali ta’ awdituri lejn kumpannija jew lejn il-membri tagħha fil-verifiki statutorji ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà”.

23

Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6), jinkludi eċċezzjoni simili għall-Artikolu 1(2)(f) tiegħu, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija tirrigwarda esklużivament l-aspetti organiċi tal-kumpanniji, tal-assoċjazzjonijiet u tal-persuni ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Verein für Konsumenteninformation, C‑272/18, EU:C:2019:827, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Madankollu, peress li r-responsabbiltà personali tas-soċji u tal-amministraturi bħala tali għad-djun tal-kumpannija, tal-assoċjazzjoni jew tal-persuna ġuridika bħal dik tal-awdituri inkarigati mill-verifika legali tad-dokumenti tal-kontabbiltà fil-konfront tal-kumpannija jew tal-organi tagħha, imsemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II, ma jikkostitwixxux aspetti strutturali ta’ dawn il-kumpanniji, ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet u ta’ dawn il-persuni ġuridiċi, hemm lok li tiġi ppreċiżata l-portata tal-esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni permezz ta’ kriterju funzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 53).

25

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ riferiment għal kwalunkwe dritt nazzjonali, il-kategorija ta’ “obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mil-liġi dwar il-kumpanniji” għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex minn din ir-regola u billi tiġi żgurata l-effettività sħiħa tar-Regolament Ruma II (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch, C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Peress li l-għan li jsostni lil din l-esklużjoni huwa r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinżammu taħt l-istatus uniku tal-lex societatis l-aspetti li għalihom teżisti soluzzjoni speċifika li tirriżulta mir-rabta bejn dawn l-aspetti u l-funzjonament kif ukoll l-operat ta’ kumpannija, ta’ assoċjazzjoni jew ta’ persuna ġuridika, għandu jiġi vverifikat f’kull każ jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali tas-soċji, tal-amministraturi jew tal-awdituri msemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II teżistix għal raġunijiet speċifiċi għad-dritt tal-kumpanniji, jew li ma humiex relatati miegħu (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 54).

27

Għaldaqstant, ir-responsabbiltà tal-organi tal-kumpannija, inkluża dik tad-diretturi, li tirriżulta mill-ksur ta’ obbligu impost minħabba l-kostituzzjoni jew il-ħatra tagħhom u li hija marbuta mal-ġestjoni, mal-operat u mal-funzjonament tal-kumpannija, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirriżulta mid-dritt tal-kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II. Min-naħa l-oħra, l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tkopri r-responsabbiltà ta’ direttur ta’ kumpannija li tirriżulta minn obbligazzjoni li tinsab barra mill-ħajja tal-kumpannija.

28

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset, għal dak li jirrigwarda speċifikament in-nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ diliġenza, li għandha ssir distinzjoni skont jekk dan ikunx dmir speċifiku ta’ diliġenza li jirriżulta mir-relazzjoni bejn l-organu u l-kumpannija, li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Ruma II, jew dmir ġenerali ta’ diliġenza erga omnes, li jaqa’ f’tali kamp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 55).

29

Fir-rigward tal-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-azzjoni hija intiża li tikkontesta r-responsabbiltà ta’ NM u ta’ OU minħabba l-allegat ksur minn kumpannija li tagħha huma l-amministraturi, tal-projbizzjoni imposta mill-GSpG fuq kull persuna li tipproponi lill-pubbliku logħob tal-azzard mingħajr ma jkollha liċenzja għal dan l-għan.

30

Għaldaqstant, u mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-klassifikazzjoni ta’ azzjonijiet oħra li jistgħu jiġu ppreżentati kontra dawn l-amministraturi minħabba l-ksur ta’ dmir li huma għandhom fil-konfront tal-kumpannija, għandu jiġi konkluż li t-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà ta’ NM u OU minħabba allegat ksur ta’ projbizzjoni ġenerali li jiġi offrut logħob tal-azzard online mingħajr liċenzja għal dan l-għan, ma jaqax taħt il-kategorija ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mid-dritt tal-kumpanniji, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II. Tali azzjoni ġudizzjarja ma tikkonċernax ir-relazzjoni bejn kumpannija u l-amministraturi tagħha.

31

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt dwar jekk din l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali għandhiex tiġi imputata lill-amministraturi tal-kumpannija jew lill-kumpannija nnifisha ma huwiex iddeterminat mil-lex societatis, iżda mil-liġi applikabbli għall-fatt dannuż, sa fejn din il-liġi tiddetermina, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament Ruma II, b’mod partikolari fil-punt (a) tiegħu, il-kundizzjonijiet u l-portata tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni tal-persuni li jistgħu jiġu ddikjarati responsabbli għall-atti li huma jwettqu kif ukoll, fil-punt (g) tiegħu, ir-responsabbiltà għal atti ta’ ħaddieħor.

32

Fil-fatt, mis-sistema stabbilita mir-Regolament Ruma II jirriżulta li qabelxejn għandha tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal fatt ġuridiku sabiex sussegwentement tkun f’pożizzjoni li tiddetermina l-portata tar-regoli applikabbli skont din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Lazar, C‑350/14, EU:C:2015:802, punt 28).

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal responsabbiltà delittwali mressqa kontra d-diretturi ta’ kumpannija għal ksur ta’ projbizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali li jiġi propost lill-pubbliku logħob tal-azzard mingħajr liċenzja għal dan l-għan ma taqax taħt il-kategorija ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mid-dritt tal-kumpanniji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens għal telf subit waqt il-parteċipazzjoni f’logħob tal-azzard online propost minn kumpannija fi Stat Membru fejn hija ma kellhiex il-liċenzja legalment meħtieġa, id-dannu mġarrab minn ġugatur għandu jitqies li seħħ fl-Istat Membru fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu.

35

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, jirriżulta, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, billi jkunu bbażati mhux biss fuq it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll fuq il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Lazar, C‑350/14, EU:C:2015:802, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Skont ir-regola ġenerali pprovduta fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn fatt dannuż hija dik tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dan il-fatt.

37

Kif jirriżulta mill-premessi 6, 14 u 16 tar-Regolament Ruma II, l-għan li tintuża regola ta’ kunflitt uniformi huwa li tiġi ffavorita ċ-ċertezza legali fir-rigward tad-dritt applikabbli, irrispettivament mill-pajjiż li fih titressaq l-azzjoni, kif ukoll li tittejjeb il-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u li jiġi żgurat bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna li r-responsabbiltà tagħha hija invokata u dawk tal-persuna leża.

38

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dannu huwa ddefinit bħala dannu għall-persuna leża jew għal interess ġuridikament protett tagħha.

39

Mill-ġurisprudenza dwar il-ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt jirriżulta li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu jista’ jvarja skont in-natura tad-dritt allegatament miksur u li l-fatt li dannu jimmaterjalizza ruħu fi Stat Membru partikolari huwa suġġett għall-fatt li d-dritt li l-ksur tiegħu huwa allegat ikun protett f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 3233, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Konformement mar-rekwiżiti ta’ koerenza previsti fil-premessa 7 tar-Regolament Ruma II, din il-ġurisprudenza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punti 5960, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu huwa dak fejn id-dannu allegat jimmanifesta ruħu b’mod konkret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Vereniging van Effectenbezitters, C‑709/19, EU:C:2021:377, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-allegat fatt dannuż jikkonsisti fi ħsara għall-interessi ta’ TE ġuridikament protetti mill-projbizzjoni applikabbli fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu milli tiġi proposta lill-pubbliku l-parteċipazzjoni f’logħob tal-azzard online mingħajr liċenzja għal dan l-għan.

43

Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dannu allegat minn TE mmanifesta ruħu b’mod konkret fl-okkażjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu, mill-Awstrija, fil-logħob tal-azzard online organizzat bi ksur ta’ projbizzjoni applikabbli f’dan l-Istat Membru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dannu għandu jitqies li seħħ fl-Awstrija.

44

Fid-dawl tan-natura stess tal-logħob tal-azzard online li ma tippermettix li l-logħob tal-azzard online jiġi llokalizzat faċilment f’post materjali preċiż, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-logħob seħħ fil-post tar-residenza abitwali tal-ġugatur.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-aġir ta’ TBM u tal-amministraturi tagħha, li, mid-domiċilju tagħhom f’Malta, ipproponew logħob tal-azzard lil persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxi biss il-fatt li kkawża d-dannu allegat minn TE.

46

Issa, mill-punt 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-post fejn il-fatt li kkawża d-dannu seħħ ma huwiex fattur ta’ konnessjoni rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II.

47

Bl-istess mod, fir-rigward tad-dannu patrimonjali allegatament sostnut fil-kont tal-ġugatur maħluq speċjalment għall-parteċipazzjoni ta’ TE fil-logħob tal-azzard online, jew fil-kont bankarju personali ta’ dan tal-aħħar li minnu ġie fornut il-kont tal-ġugatur tiegħu, għandu jiġi rrilevat li dan il-ftaqir jikkostitwixxi biss konsegwenza indiretta tad-dannu allegat, li ma jistax jintuża għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

48

Il-lokalizzazzjoni ta’ fejn seħħ id-dannu allegat fil-post tar-residenza abitwali tal-ġugatur, fejn il-parteċipazzjoni fil-logħob tal-azzard online tista’ titqies li seħħet, hija konformi mal-għan ta’ prevedibbiltà mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, peress li TBM u l-amministraturi tagħha setgħu raġonevolment jistennew li, billi jipproponu logħob tal-azzard online lil persuni residenti fi Stat Membru ieħor, li ma kinux josservaw l-obbligi legali tiegħu, tali persuni jipparteċipaw f’dan il-logħob tal-azzard u jsostnu konsegwentement dannu għall-interessi legalment protetti tagħhom.

49

Id-determinazzjoni ta’ dan il-post fejn seħħ id-dannu hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

50

Fil-fatt, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, ma huwiex imsemmi l-post tad-domiċilju tar-rikorrent fejn jinsab iċ-ċentru tal-patrimonju tiegħu, għas-sempliċi raġuni li huwa ġarrab dannu finanzjarju li jirriżulta mit-telf ta’ elementi tal-patrimonju tiegħu li seħħ u ġie sostnut fi Stat Membru ieħor, sakemm dan il-post ma jikkostitwixxix effettivament il-post tal-fatt li kkawża d-dannu jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Vereniging van Effectenbezitters, C‑709/19, EU:C:2021:377, punt 2829, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, tali rekwiżiti jimmilitaw ukoll favur l-indikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat fil-post tar-residenza abitwali tal-ġugatur, li jwassal, għalhekk, għal konkordanza bejn id-dritt applikabbli u l-ġurisdizzjoni.

52

Għal kull skop utli, għandu jiġi rrilevat li l-liġi magħżula konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II tista’ tiġi eskluża favur il-liġi applikabbli konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, jekk miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-fatt dannuż ikollu rabtiet manifestament eqreb ma’ pajjiż differenti minn dak imsemmi fil-paragrafu 1.

53

Kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Ruma II, l-għan ta’ tali regola derogatorja huwa li l-qorti adita tkun tista’ tittratta, bil-flessibbiltà neċessarja, id-diversi każijiet individwali sabiex jiġi ggarantit li l-liġi applikabbli tkun dik li effettivament ikollha l-eqreb rabtiet mal-fatt dannuż.

54

Madankollu, bħala regola derogatorja, l-interpretazzjoni tagħha għandha tkun stretta u l-liġi magħżula skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II għandha tiġi eskluża biss b’mod eċċezzjonali, jiġifieri meta, abbażi ta’ analiżi globali taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-fatt dannuż ikollu rabtiet manifestament iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor minn dak li fih seħħ id-dannu, b’mod li jiġu ggarantiti l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali mfittxija minn dan ir-regolament.

55

Għalkemm, skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, rabta manifestament iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq relazzjoni preeżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li għandha rabta stretta mal-fatt dannuż inkwistjoni, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 4(1) jew (2), u ma tippermettix l-applikazzjoni awtomatika tal-liġi tal-kuntratt għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, peress li l-qorti adita għandha marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta sinjifikattiva bejn l-obbligu mhux kuntrattwali u l-pajjiż li l-liġi tiegħu tirregola r-relazzjoni preeżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 63 sa 65).

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens għal telf sostnut waqt il-parteċipazzjoni f’logħob tal-azzard online propost minn kumpannija fi Stat Membru fejn hija ma kellhiex il-liċenzja meħtieġa, id-dannu sostnut minn ġugatur għandu jitqies li seħħ fl-Istat Membru fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

azzjoni għal responsabbiltà delittwali mressqa kontra d-diretturi ta’ kumpannija għal ksur ta’ projbizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali li jiġi propost lill-pubbliku logħob tal-azzard mingħajr liċenzja għal dan l-għan ma taqax taħt il-kategorija ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mid-dritt tal-kumpanniji, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 864/2007

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens għal telf sostnut waqt il-parteċipazzjoni f’logħob tal-azzard online propost minn kumpannija fi Stat Membru fejn hija ma kellhiex il-liċenzja meħtieġa, id-dannu sostnut minn ġugatur għandu jitqies li seħħ fl-Istat Membru fejn huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.