SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Artikolu 2(1) u Artikolu 4(2) – Proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II – Xogħlijiet ta’ żvilupp urban – Artikolu 4(4) u (5) – Obbligi tal-iżviluppatur u tal-awtorità kompetenti meta l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jeżiġi d-determinazzjoni prevista f’dawn il-paragrafi 4 u 5 għal tali proġetti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ppreżentati minn terz, li juru impatt potenzjali tal-proġett ikkonċernat fuq speċi ta’ annimali koperta mill-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43/KEE”

Fil-Kawża C‑41/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura

Waltham Abbey Residents Association

vs

An Bord Pleanála,

Ireland,

The Attorney General,

fil-preżenza ta’:

O’Flynn Construction Co. Unlimited Company,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Waltham Abbey Residents Association, minn J. Devlin, SC, J. Kenny, BL, u D. Healy, solicitor,

għal An Bord Pleanála, minn B. Foley, SC, A. Carroll, BL, u P. Reilly, solicitor,

għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, S. Finnegan, K. Hoare u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. McGrath, SC, F. Valentine, SC, u E. O’Callaghan, BL,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Noll‑Ehlers u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Waltham Abbey Residents Association, assoċjazzjoni ta’ residenti u, min-naħa l-oħra, l-An Bord Pleanála (l-Aġenzija tal-Ippjanar tat-Territorju, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem l-“aġenzija”), Ireland (l-Irlanda) u l-Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Irlanda) dwar awtorizzazzjoni, mogħtija mill-aġenzija, li tirrigwarda proġett ta’ żvilupp strateġiku għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjonijiet residenzjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/92

3

Il-premessi 7 sa 9 tad-Direttiva 2011/92 jistabbilixxu:

“(7)

Kunsens għall-iżvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li tkun saret stima minn qabel tal-effetti ambjentali sinifikanti probabbli ta’ dawk il-proġetti. […]

(8)

Proġetti li jappartienu lil ċerti tipi għandhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent u dawk il-proġetti għandhom, bħala regola, jkunu suġġetti għal stima sistematika.

(9)

Proġetti ta’ tipi oħra jista’ ma jkollomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent f’kull każ u dawk il-proġetti għandhom ikunu stmati fejn l-Istati Membri jaħsbu li x’aktarx li jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il- proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l- lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

5

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva:

“Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali, l-effetti sinifikattivi, diretti u indiretti, ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

[…]

(b) il-bijodiversità, b’attenzjoni partikolari għal speċijiet u ambjenti protetti skont id-Direttiva [tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/43”),] u d-Direttiva 2009/147/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7)];

[…]”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

3.   Fejn issir analiżi każ b’każ jew jiġu stabbiliti parametri jew kriterji għall-fini tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti ddikjarati fl-Anness III. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta ma jkunx hemm bżonn li proġetti jgħaddu jew mid-determinazzjoni taħt il-paragrafi 4 u 5 jew minn valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, u/jew limiti massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta proġetti jkunu f’kull każ suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent mingħajr ma jgħaddu minn determinazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 4 u 5.

4.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeħtieġu determinazzjoni għal proġetti elenkati fl-Anness II, l-iżviluppatur għandu jipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-proġett u l-effetti sinifikattivi li dan x’aktarx ikollu fuq l-ambjent. Il-lista dettaljata tat-tagħrif li għandu jiġi pprovdut hija speċifikata fl-Anness II. A. L-iżviluppatur għandu jieħu kont, fejn rilevanti, tar-riżultati disponibbli ta’ valutazzjonijiet rilevanti oħra tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. L-iżviluppatur jista’ wkoll jipprovdi deskrizzjoni ta’ kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel id-determinazzjoni tagħha, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-iżviluppatur f’konformità mal-paragrafu 4 filwaqt li tqis, meta jkun rilevanti, ir-riżultati ta’ verifiki preliminari jew valutazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’mod konformi ma’ leġislazzjoni tal-Unjoni barra minn din id-Direttiva. Id-determinazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku u:

(a)

fejn jiġi deċiż li hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex kienet meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III; jew

(b)

fejn jiġi deċiż li mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, tiddikjara r-raġunijiet prinċipali għaliex ma kinitx meħtieġa tali valutazzjoni b’riferiment għall-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III, u fejn proposta mill-iżviluppatur, tiddikarja kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżura previsti sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tagħmel id-determinazzjoni tagħha kemm jista’ jkun malajr u f’perjodu li ma jaqbiżx 90 ġurnata mid-data meta l-iżviluppatur ssottometta t-tagħrif kollu meħtieġ b’mod konformi mal-paragrafu 4. F’każijiet eċċezzjonali, pereżempju dawk relatati man-natura, il-kumplessità, il-post u d-daqs tal-proġett, l-awtorità kompetenti tista’ testendi dik l-iskadenza biex tasal għad-determinazzjoni tagħha; f’dak il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tinforma bil-miktub l-iżviluppatur bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoni u d-data sa meta hija mistennija d-determinazzjoni tagħha.”

7

L-Anness II.A ta’ din id-direttiva 2011/92 jinkludi l-lista tat-“[it-tagħrif li għandu jiġi pprovdut mill-iżvilupattur dwar il-proġetti elenkati fl-Anness II”. Dan huwa fformulat kif ġej:

“1.

Deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b’mod partikolari:

(a)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu u, fejn rilevanti, tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ;

(b)

deskrizzjoni tal-lok tal-proġett, partikolarment fir-rigward tas-sensisittività taż-żoni ġeografiċi li x’aktarx ikunu affettwati.

2.

Deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinifikattiv mill-proġett.

3.

Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe effett sinifikattiv, sa fejn possibbli mill-informazzjoni dwar dawn l-effetti, li l-proġett x’aktarx ikollu fuq l-ambjent li jirriżultaw minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-residwi u l-emissjonijiet mistennija u mill-produzzjoni tal-iskart, fejn rilevanti;

(b)

l-użu ta’ riżorsi naturali, partikolarment il-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità.

4.

Il-kriterji tal-Anness III għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn rilevanti, meta tkun qed tinġabar l-informazzjoni b’mod konformi mal-punti 1 sa 3.”

8

L-Anness III ta’ din id-direttiva jipprevedi l-”kriterji li jiddeterminaw jekk il-proġetti elenkati fl-Anness II għandhomx ikunu soġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent”.

Id-Direttiva 2014/52

9

Skont il-premessi 23 u 29 tad-Direttiva 2014/52:

“(11)

Il-miżuri meħuda sabiex jiġu evitati, impediti, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti sinifikattivi ħżiena fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-ispeċi u l-ħabitat naturali protetti taħt d-[Direttiva 92/43] u d-[Direttiva 2009/147], għandhom jikkontribwixxu sabiex ikun evitat kwalunkwe deterjorament fil-kwalità tal-ambjent u kwalunkwe telf nett tal-bijodiversità, skont l-impenji tal-Unjoni [Ewropea] fil-kuntest tal-Konvenzjoni [tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-diversità bijoloġika, iffirmata f’Rio de Janeiro fil‑5 ta’ Ġunju 1992,] u l-objettivi u l-azzjonijiet tal-Istrateġija tal-Unjoni dwar il-Bijodiversità sal‑2020 stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [lill-Parlament Ewropew, lill-Kunnsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni] tat‑3 ta’ Mejju 2011 intitolata ‘L-assigurazzjoni tal-ħajja tagħna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020’ [(KUMM (2011) 244 finali)].

[…]

(29)

Meta jiġi determinat jekk hemmx probabbiltà li jiġu kkawżati effetti sinifikattivi fuq l-ambjent mill-proġett, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw l-aktar kriterji rilevanti li għandhom jitqiesu u jieħdu kont tat-tagħrif li jista’ jkun disponibbli wara valutazzjonijiet oħrajn meħtieġa mil-leġislazzjoni tal-Unjoni sabiex tapplika proċedura ta’ ‘screening’ b’mod effikaċi u trasparenti. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi speċifikat il-kontenut tad-determinazzjoni ta’ ‘screening’, b’mod partikolari fejn ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kummenti mhux mitluba li jistgħu jaslu minn sorsi oħra, bħall-membri tal-pubbliku jew l-awtoritajiet pubbliċi, għalkemm mhijiex meħtieġa konsultazzjoni formali, jikkostitwixxi prassi amministrattiva tajba.”

Id-Direttiva 92/43

10

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jiddisponi:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

11

L-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)

il-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

12

Il-punt (a) tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva jsemmi “[l-]ispeċi kollha” ta’ friefet il-lejl li jappartjenu għas-subordni tal-“Microchiroptera”.

Id-dritt Irlandiż

Ir-Regolament tal‑2001 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp

13

L-Artikolu 109 tal-Planning and Development Regulations 2001 (ir-Regolament tal‑2001 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“[…]

(2B)

(a)

Meta applikazzjoni għal żvilupp li jkun taħt il-limitu stabbilit ma tkunx akkumpanjata minn rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, iżda tkun akkumpanjata mill-informazzjoni speċifikata fl-Anness 7A u fil-paragrafu (2A), jew meta applikant jissottometti din l-informazzjoni lill-aġenzija konformement ma’ rekwiżit stabbilit skont il-paragrafu (2)(b)(ii), l-aġenzija għandha twettaq eżami, tal-inqas, tan-natura, tad-daqs jew tal-post tal-proġett għall-finijiet tal-eżami.

(b)

L-aġenzija għandha twettaq determinazzjoni fil-kuntest tal-verifika preliminari u

(i)

jekk hija tiddetermina li ma jkunx hemm probabbiltà reali ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li jkunu jirriżultaw mill-proġett propost, hija għandha tiddeċiedi li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma hijiex neċessarja, jew

(ii)

jekk hija tiddetermina li jkun hemm probabbiltà reali ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li jkunu jirriżultaw mill-proġett propost, hija

(I)

għandha tikkonstata li dan il-proġett jista’ jkollu tali effetti, u

(II)

permezz ta’ avviż bil-miktub innotifikat lill-applikant, hija għandha titlobu jippreżentalha evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 112.

[…]

(4)

(a)

Meta tagħmel id-determinazzjoni tagħha fil-kuntest tal-verifika preliminari skont il-paragrafu (2B) sabiex tiddetermina jekk ikunx hemm jew le probabbiltà reali ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li jkunu jirriżultaw mill-iżvilupp propost, l-aġenzija għandha tieħu inkunsiderazzjoni

(i)

il-kriterji stabbiliti fl-Anness 7,

(ii)

l-informazzjoni ppreżentata konformement mal-Anness 7A,

(iii)

l-informazzjoni addizzjonali, jekk ikun hemm, imsemmija fil-paragrafu (2A)(a) u d-deskrizzjoni, jekk ikun hemm, imsemmija fil-paragrafu (2A)(b),

(iv)

ir-riżultati disponibbli, meta dawn ikunu rilevanti, il-verifiki preliminari jew l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont atti leġiżlattivi tal-Unjoni għajr id-[Direttiva 2011/92], u

(v)

l-effetti sinjifikattivi fuq sit, żona, spazju, post jew element sa fejn ikun xieraq fir-rigward ta’ proġett li jkun jinsab fuq jew fi, jew li jkollu impatt potenzjali fuq

(I)

sit Ewropew,

(II)

żona li hija s-suġġett ta’ avviż skont l-Artikolu16(2)(b) tal-Wildlife (Amendment) Act 2000 (No 38 of 2000) [il-Liġi Nru 38 tal‑2000 dwar il-Fawna u l-Flora (emenda)],

(III)

żona indikata bħala żona ta’ patrimonju naturali skont l-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 38 tal‑2000 dwar il-Fawna u l-Flora (emenda),

(IV)

artijiet stabbiliti jew irrikonoxxuti bħala riżerva naturali, fis-sens tal-Artikoli 15 jew 16 tal-Wildlife Act 1976 (No 39 of 1976) (il-Liġi Nru 39 tal‑1976 dwar il-Fawna u l-Flora),

(V)

artijiet indikati bħala refuġju għall-fawna jew għall-flora skont l-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 39 tal‑1976 dwar il-Fawna u l-Flora,

(VI)

żona, sit jew element ta’ interess ekoloġiku li l-preżervazzjoni, il-konservazzjoni jew il-protezzjoni tagħhom tkun għan ta’ pjan ta’ żvilupp jew ta’ pjan lokali ta’ żvilupp urban, ta’ proġett ta’ pjan ta’ żvilupp jew ta’ proġett ta’ pjan lokali ta’ żvilupp urban, jew ta’ varjazzjoni proposta tal-pjan ta’ żvilupp għaż-żona li fiha l-iżvilupp ikun propost, jew

(VII)

pjan jew sit li jkun ġie inkluż mill-Ministru għall-Kultura, għall-Wirt u għall-Gaeltacht f’lista proposta ta’ żoni ta’ patrimonju nazzjonali ppubblikata fuq is-sit internet tad-dipartiment tal-parks nazzjonali u tal-ħajja selvaġġa.

(b)

Id-determinazzjoni mwettqa mill-aġenzija fil-kuntest tal-verifika preliminari skont il-paragrafu (2B), dwar jekk ikunx hemm jew le, skont il-każ, probabbiltà reali ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li jkunu jirriżultaw mill-proġett ta’ żvilupp, inklużi r-raġunijiet u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali fir-rigward tal-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness 7 li fuqhom hija bbażata din id-determinazzjoni, u kull komunikazzjoni skont il-paragrafu (2C)(c), għandhom jitqiegħdu u jinżammu flimkien mad-dokumenti relatati mal-applikazzjoni għal żvilupp.

(5)

Meta d-determinazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-verifika preliminari skont il-paragrafu (2B) tkun tindika li l-iżvilupp propost ma jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u li l-applikant ipprovda, skont il-paragrafu (2A)(b), deskrizzjoni tal-elementi, jekk ikun hemm, tal-iżvilupp propost u tal-miżuri, jekk ikun hemm, intiżi li jevitaw jew li jipprevjenu dak li altrimenti seta’ jikkostitwixxi effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-aġenzija għandha tippreċiża dawn l-elementi, jekk ikun hemm, u dawn il-miżuri, jekk ikun hemm, f’din id-determinazzjoni.

[…].”

14

L-Artikolu 299B(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“(b)

(i)

Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu (1)(b)(ii)(II) tkun ġiet ipprovduta mill-applikant, l-aġenzija għandha twettaq eżami, bħala minimu, tan-natura, tad-daqs jew tal-post tal-iżvilupp għall-finijiet ta’ determinazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-verifika preliminari.

(ii)

L-aġenzija għandha twettaq determinazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-verifika preliminari u

(I)

jekk hija tiddetermina li ma hemmx probabbiltà reali ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li jkunu jirriżultaw mill-iżvilupp propost, hija għandha tiddeċiedi li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma hijiex neċessarja, jew

(II)

jekk hija tiddetermina li hemm probabbiltà reali ta’ effetti sinjifikattivi li jkunu jirriżultaw mill-iżvilupp propost, hija

(A)

għandha tikkonstata li l-iżvilupp jista’ probabbilment ikollu tali effetti, u

(B)

għandha tirrifjuta li tinteraġixxi mal-applikant skont l-Artikolu 8(3)(a) tal-Planning and Development (Housing and Residential Tenancies) Act 2016 (il-Liġi tal‑2016 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp (Akkomodazzjoni) u l-Kirjiet Residenzjali (iktar ’il quddiem il-‘Liġi tal‑2016’)].”

Il-Liġi tal‑2016

15

L-Artikolu 8(3) tal-Liġi tal‑2016 huwa fformulat kif ġej:

“(a)

L-aġenzija tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta li tilqa’ applikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 4 (1) meta hija tkun tqis li l-applikant għal awtorizzazzjoni, jew ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew id-dikjarazzjoni tal-effetti Natura jekk dan ikun il-każ, ikunu insuffiċjenti jew inkompleti, fid-dawl b’mod partikolari tar-regolamenti ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kull leġiżlazzjoni adottata skont l-Artikolu 12 jew l-Artikolu 177 tal-[Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar l-Ippjanar tat-Territorju u l-Iżvilupp)], jew ta’ kull konsultazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6.

[…]”

16

L-Artikolu 9(5) tal-Liġi tal‑2016 jipprevedi:

“Meta l-aġenzija ma tkunx eżerċitat il-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 8(3) sabiex tirrifjuta li tilqa’ applikazzjoni, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-paragrafu ma għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi lill-aġenzija milli tirrifjuta li tagħti awtorizzazzjoni għal proġett ta’ żvilupp strateġiku ta’ akkomodazzjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 4 meta hija tkun tqis li l-iżvilupp tat-tip propost ikun prematur minħabba n-natura inadegwata jew inkompleta tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew tad-dikjarazzjoni tal-effetti Natura sottomessa mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jekk dan ikun neċessarju”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda proġett ta’ żvilupp strateġiku għall-kostruzzjoni ta’ 123 appartament u għax-xogħlijiet relatati, f’Ballincollig (l-Irlanda).

18

Fid-dawl tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett, twettaq studju tas-siġar u ġew ippreparati żewġ rapporti ta’ eżami minn qabel f’isem l-iżviluppatur, l-ewwel wieħed għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmi proġett fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva 2011/92 (iktar’ il quddiem l-“EEA”) u t-tieni wieħed għall-finijiet tal-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-istess proġett fuq is-siti indikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni jew bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali, prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

19

L-ewwel rapport ma jinkludix analiżi partikolari tal-fawna u l-flora, ma jirreferix għall-impatt tal-istess proġett fuq il-friefet il-lejl u t-tabella ta’ evalwazzjoni inkluża fih ma tirreferix għall-bijodiversità. Fit-tieni rapport, lanqas ma hemm riferiment partikolari għall-impatt effettiv tiegħu fuq il-friefet il-lejl, peress li dan it-tieni rapport jinkludi biss riferiment ġenerali għall-fatt li “t-tfixkil ikkawżat lill-fawna jista’ jirriżulta, direttament mit-telf ta’ habitat (pereżempju l-bejtiet għall-friefet il-lejl), jew indirettament mill-istorbju, mill-vibrazzjonijiet u miż-żieda ta’ attivitajiet assoċjati mal-kostruzzjoni u mal-operat”. L-unika riferiment għall-bijodiversità tinsab fl-imsemmi tieni rapport, li madankollu jirreferi biss għas-siti Natura 2000 pjuttost milli għall-ekosistema tas-sit ta’ żvilupp innifsu.

20

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-siġar, din twettqet matul ġurnata waħda u identifikat tlettax‑il siġra li kellhom jinqatgħu. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-użu effettiv jew potenzjali tas-siġar mill-friefet il-lejl jew il-kwistjoni dwar jekk is-sit ikkonċernat kienx użat minnhom għat-tfittxija ta’ ikel jew għall-ispostamenti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Madankollu, filwaqt li r-rapport ta’ eżami minn qabel dwar l-EEA jipproponi l-konservazzjoni tal-veġetazzjoni eżistenti fuq dan is-sit “sa fejn ikun possibbli” u jafferma li t-titjib tagħha permezz ta’ miżuri ġodda ta’ żvilupp tal-pajsaġġ iwassal għal impatt pożittiv tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-bijodiversità, ċertu numru ta’ siġar fil-fatt ser jinqatgħu, fosthom ċertu numru ta’ siġar taċ-ċipress u tnejn mis-sitt siġar tal-ballut preżenti fl-imsemmi sit.

21

Fis‑7 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat lill-aġenzija osservazzjonijiet li jindikaw li s-sit ta’ żvilupp propost kien jinsab fil-viċinanza immedjata ta’ kuritur bijoloġiku fuq ix-xmara Lee, filwaqt li rrapportat osservazzjonijiet viżivi ta’ friefet il-lejl fuq l-istess sit u indikat, billi bbażat ruħha fuq studju tal-fawna tal-friefet il-lejl imwettaq fl‑2016, b’mod partikolari, li “[i]r-rekords attwali tal-friefet il-lejl fil-viċinanzi immedjati [kienu jindikaw] li teżisti varjetà ta’ diversi speċi ta’ friefet il-lejl li jużaw il-kuritur tax-xatt tax-xmara u [li] l-impatti deċiżivi fuq dawn l-annimali [kienu jirriżultaw] mit-telf potenzjali ta’ bejtiet, mit-telf ta’ żoni ta’ ikel u mit-tfixkil tar-rotot ta’ spostament”.

22

Fil‑11 ta’ Settembru 2020, l-eżaminatur irrakkomanda l-għoti ta’ awtorizzazzjoni. Huwa qies li, b’mod ġenerali, is-sit ikkonċernat ma kienx joffri habitat adegwat għall-annimali selvaġġi jew għall-ispeċi denji ta’ konservazzjoni, iżda ddikjara li l-qtugħ tas-siġar kellu jitwettaq skont il-pariri ta’ ekologu debitament ikkwalifikat sabiex jiġi evitat impatt potenzjali tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-friefet il-lejl. L-eżaminatur ma wettaqx eżami minn qabel relatat mal-EEA, filwaqt li eskluda n-neċessità ta’ tali eżami minn qabel wara studju preliminari.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2020, l-aġenzija awtorizzat dan il-proġett mingħajr ma eżiġiet EEA u mingħajr ma ġabret informazzjoni oħra dwar il-preżenza ta’ friefet il-lejl. Fil-fatt, abbażi tal-eżami minn qabel tagħha stess dwar in-neċessità li l-proġett ikun suġġett għal EEA, hija qieset li “r-rapport f’dan ir-rigward, ippreżentat mill-iżviluppatur, [kien jidentifika] u [kien] jiddeskrivi b’mod adegwat l-effetti diretti, indiretti u kumulattivi tal-iżvilupp propost fuq l-ambjent” u kkonkludiet li, “minħabba n-natura, id-daqs u l-post tas-sit ikkonċernat, l-iżvilupp propost probabbilment ma jkollux effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent”. Ebda informazzjoni addizzjonali ma ntalbet mingħand l-iżviluppatur wara l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, skont rakkomandazzjoni magħmula mill-eżaminatur, l-awtorizzazzjoni hekk mogħtija tinkludi l-kundizzjoni li ġejja:

“21.

Is-siġar li għandhom jitneħħew mis-sit għandhom jinqatgħu fi tmiem is-Sajf jew fil-Ħarifa. Kull fastidju li jsofru l-friefet il-lejl fis-sit għandu jsir b’mod li jkun miftiehem bil-miktub mal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ippjanar urban, fuq il-parir ta’ ekologu kkwalifikat.

Raġunijiet: Fl-interess tal-preservazzjoni tan-natura.”

24

Adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’rikors kontra din id-deċiżjoni, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk id-Direttiva 2011/92 teżiġix, b’mod partikolari, li l-iżviluppatur jiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ispeċi jew il-habitat li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett ikkonċernat billi jwettaq jew billi jiġbor studji xjentifiċi adegwati sabiex jiġi eskluż kull dubju dwar l-effetti sinjifikattivi tiegħu fuq tali speċi jew tali habitat. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar l-obbligi imposti, jekk ikun il-każ, fuq l-iżviluppatur u fuq l-awtorità kompetenti fil-każ fejn terz jipprovdi lil din tal-aħħar b’informazzjoni addizzjonali oġġettivament ta’ natura li toħloq dubju fir-rigward tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent.

25

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huwa l-limitu li għandu jiġi applikat, jiġifieri jekk l-aġenzija għandhiex teskludi kull dubju raġonevoli dwar l-effetti sinjifikattivi tal-imsemmi proġett fuq l-ambjent jew sempliċement tadotta deċiżjoni “raġonevoli” abbażi tad-dokumenti li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Skont dik il-qorti, jekk deċiżjoni ta’ esklużjoni tan-neċessità ta’ EEA tkun tiddependi mill-esklużjoni ta’ kull dubju raġonevoli, id-deċiżjoni li ma titwettaqx EEA f’dan il-każ tkun illegali. Għall-kuntrarju, ikun hemm fatturi li jirrendu d-deċiżjoni tal-aġenzija raġonevoli jekk it-test ikun sempliċement jirrigwarda n-natura raġonevoli ta’ tali deċiżjoni iktar milli l-esklużjoni ta’ kull dubju.

26

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett, fuq l-aspetti msemmija fil-punti 24 u 25ta’ din is-sentenza, tal-fatt li d-dubji mqajma fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tas‑7 ta’ Lulju 2020 jirrigwardaw speċi li jaqgħu taħt il-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(4) u/jew il-punt 3 tal-Anness IIA tad-[Direttiva 2011/92] interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandhom l-effett, f’każ fejn għandha tingħata informazzjoni taħt l-Anness IIA tad-Direttiva, u fejn ikun hemm indikazzjonijiet quddiem l-awtorità kompetenti li speċi jew habitat jistgħu jiġu affettwati mill-proġett, li l iżviluppatur ikkonċernat għandu jikseb l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ispeċi jew l-habitats li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett billi jwettaq jew jikseb sondaġġi xjentifiċi li jkunu adegwati sabiex jitneħħa d-dubju dwar l-effetti sinjifikattivi fuq tali speċi jew habitats, u li fl-assenza tar-riżultati ta’ tali sondaġġi, l-awtorità kompetenti għandha tkun informata u mitluba tipproċedi abbażi tal-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti għall-esklużjoni tad-dubju dwar jekk il-proġett ikunx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent?

2)

L-Artikolu 4(4) u/jew il-punt 3 tal-Anness IIA tad-[Direttiva 2011/92] interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandhom l-effett, f’każ fejn għandha tingħata informazzjoni taħt l-Anness IIA tad-Direttiva, li l-awtorità kompetenti tkun meħtieġa teskludi d dubju dwar il-possibbiltà ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jekk tipproponi li l-proġett ma jiġix issuġġettat għal evalwazzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva, u għalhekk li fejn matul determinazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, awtorità kompetenti ma jkollhiex oġġettivament biżżejjed informazzjoni sabiex teskludi d-dubju dwar jekk il-proġett ikunx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, ikun meħtieġ li l-proġett jiġi ssuġġettat għal evalwazzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva?

3)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda inġenerali hija fin-negattiv, tali konsegwenzi jirriżultaw sa fejn l-effett sinjifikattiv potenzjali fuq l-ambjent jirrigwarda speċi li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett fejn tali speċi jkunu intitolati għal protezzjoni stretta skont l-Artikolu 12 tad-[Direttiva 92/43], fid-dawl inter alia tal-importanza ta’ tali speċi kif irrikonoxxuta fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 u fil-premessa 11 tad-Direttiva 2014/52?

4)

L-Artikolu 4(4) u/jew il-punt 3 tal-Anness IIA tad-[Direttiva 2011/92] interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandhom l-effett li, jekk, wara l-provvista ta’ informazzjoni mill-iżviluppatur skont l-Anness IIA tad-Direttiva, informazzjoni addizzjonali tiġi pprovduta minn parti oħra lill-awtorità kompetenti oġġettivament kapaċi toħloq dubju dwar l-effett tal-proġett fuq l-ambjent, ikun meħtieġ li jew, minn naħa, l-iżviluppatur jipprovdi iktar informazzjoni lill-awtorità kompetenti li teskludi tali dubju jew jinforma lill-awtorità kompetenti bl-assenza ta’ tali informazzjoni, jew li, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti nnifisha tikseb iktar informazzjoni li teskludi tali dubju jew alternattivament tiddetermina dik l-evalwazzjoni skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva, fl-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi eskluż id-dubju dwar jekk il-proġett ikunx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent?

5)

Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda inġenerali hija fin-negattiv, dawn il-konsegwenzi jirriżultaw sa fejn l-effett sinjifikattiv potenzjali fuq l-ambjent jirrigwarda speċi li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett fejn tali speċi jkunu intitolati għal protezzjoni stretta taħt l-Artikolu 12 tad-[Direttiva 92/43], fid-dawl inter alia tal-importanza ta’ tali speċi kif irrikonoxxuta fl-Artikolu 3(l)(b) tad-Direttiva 2011/92 u l-premessa 11 tad-Direttiva 2014/52?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika preliminari mwettqa skont din id-dispożizzjoni, terz ikun ipprovda lill-awtorità kompetenti informazzjoni oġġettivament ta’ natura li toħloq dubju dwar l-effetti sinjifikattivi potenzjali ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq speċi protetta taħt id-Direttiva 92/43, l-iżviluppatur jew, jekk ikun il-każ, l-awtorità kompetenti stess għandhom jiġbru l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jeskludu kull dubju fir-rigward ta’ dawn l-effetti u fis-sens li din l-awtorità għandha tiddeċiedi li EEA tkun neċessarja jekk tali dubju ma jkunx jista’ jiġi eskluż.

29

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jeżiġi li l-proġetti li jkunu jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 4 tagħha, moqri flimkien mal-Annessi I jew II ta’ din id-direttiva, għandhom ikunu suġġetti għal EEA qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino, C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/92 jippreċiża li, bla ħsara għall-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva, il-proġetti elenkati fl-Anness I tagħha għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni, konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva. Dawn il-proġetti huma għalhekk ikkunsidrati bħala li neċessarjament jippreżentaw riskju ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

31

Għall-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/92, l-Artikolu 4(2) tagħha jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-proġett ikkonċernat għandux ikun suġġett għal EEA abbażi ta’ eżami każ b’każ jew abbażi tal-livelli jew tal-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat jew saħansitra, jekk ikun il-każ, abbażi taż-żewġ proċeduri. Hekk kif jirriżulta minn qari flimkien ta’ din id-dispożizzjoni u tal-premessa 9 ta’ din id-direttiva, dawn il-proġetti ma għandhomx neċessarjament effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fil-każijiet kollha, b’mod li dawn għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni biss jekk l-Istati Membri jkunu jqisu li dawn jistgħu jkollhom tali effetti.

32

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92 jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli massimi jew kriterji sabiex jiddeterminaw meta l-proġetti ma jkollhomx għalfejn ikunu suġġetti għad-determinazzjoni prevista fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu jew għal EEA, u/jew limiti massimi jew kriterji sabiex jiddeterminaw meta l-proġetti għandhom ikunu suġġetti, f’kull każ, għal EEA mingħajr ma jkunu suġġetti għad-determinazzjoni prevista f’dawn il-paragrafi 4 u 5.

33

Fl-aħħar nett, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jeżiġu tali determinazzjoni, l-imsemmija paragrafi 4 u 5 jipprevedu proċedura ta’ verifika preliminari li tiżvolġi kif ġej.

34

L-ewwel nett, l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-proġett ikkonċernat u dwar l-effetti sinjifikattivi li dan tal-aħħar jista’ jkollu fuq l-ambjent. Il-lista ddettaljata tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta hija indikata fl-Anness II.A tad-Direttiva 2011/92. Din l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-elementi tal-ambjent li jistgħu jkunu affettwati b’mod sinjifikattiv mill-proġett kif ukoll deskrizzjoni tal-effetti sinjifikattivi kollha, sa fejn ikun hemm informazzjoni disponibbli dwar dawn l-effetti, li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent. L-iżviluppatur jista’ wkoll jipprovdi deskrizzjoni ta’ kwalunkwe element tal-proġett u/jew miżuri intiżi sabiex jiġu evitati jew impediti dawk li jistgħu altrimenti jkunu effetti sinjifikattivi ħżiena fuq l-ambjent.

35

It-tieni nett, l-awtorità kompetenti għandha tipproċedi bid-determinazzjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni hekk ipprovduta mill-iżviluppatur, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92.

36

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, jekk ikun il-każ, minn naħa, mill-iżviluppatur, ir-riżultati disponibbli ta’ evalwazzjonijiet rilevanti oħra tal-effetti tal-proġett ikkonċernat fuq l-ambjent imwettqa skont atti leġiżlattivi tal-Unjoni għajr id-Direttiva 2011/92 u, min-naħa l-oħra, mill-awtorità kompetenti, ir-riżultati tal-verifiki preliminari jew tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont tali atti leġiżlattivi.

37

It-tielet nett, id-determinazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għandha tindika, b’mod partikolari, ir-raġunijiet prinċipali għad-deċiżjoni li tiġi meħtieġa jew li ma tiġix meħtieġa EEA fid-dawl tal-kriterji rilevanti elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92.

38

Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2011/92 ma tipprevedix espressament obbligu ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku matul din il-proċedura ta’ verifika preliminari. Fil-fatt, il-premessa 29 tad-Direttiva 2014/52, li tispjega l-għan imfittex fl-Artikolu 4(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/92, tippreċiża li “it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kummenti mhux mitluba li jistgħu jaslu minn sorsi oħra, bħall-membri tal-pubbliku jew l-awtoritajiet pubbliċi […] jikkostitwixxi prassi amministrattiva tajba”, filwaqt li tindika li “mhijiex meħtieġa konsultazzjoni formali”.

39

Bl-istess mod, id-Direttiva 2011/92 ma tiddefinixxix l-ipoteżijiet li fihom l-awtorità kompetenti tista’ jew għandha titlob lill-iżviluppatur jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

40

Konsegwentement, id-Direttiva 2011/92 ma tipprevedix b’mod espliċitu l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, wara l-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha minn terz dwar effetti sinjifikattivi possibbli tal-proġett ikkonċernat fuq l-ambjent, li titlob lill-iżviluppatur informazzjoni addizzjonali jew li tiġbor hija stess din l-informazzjoni.

41

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta li EEA għandha titwettaq meta jkun hemm probabbiltà jew riskju li l-proġett ikkonċernat ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli segwita mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, li fid-dawl tiegħu d-Direttiva 2011/92 għandha tiġi interpretata, għandu jitqies li tali riskju jkun jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dan il-proġett jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑526/16, EU:C:2018:356, punti 6667, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika preliminari, li hija intiża li tiddetermina jekk EEA tkunx neċessarja, hija l-awtorità kompetenti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluża informazzjoni li tkun ġiet ippreżentata lilha b’mod spontanju minn terz, meta din l-informazzjoni tkun tinkludi elementi oġġettivi li jkunu jippermettulha tevalwa l-eżistenza ta’ riskju li l-proġett ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

43

Barra minn hekk, fil-każ li, abbażi tal-informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha minn terz, l-awtorità kompetenti tkun tqis li ma jistax jiġi eskluż li l-proġett ikkonċernat jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, hija għandha tippermetti lill-iżviluppatur jipprovdilha informazzjoni addizzjonali qabel ma tieħu deċiżjoni dwar jekk EEA tkunx neċessarja jew le għal dan il-proġett. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4(4) u (5) tad-Direttiva 2011/92, l-iżviluppatur għandu rwol predominanti f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ informazzjoni li tkun tippermetti lill-awtorità kompetenti tipproċedi bid-determinazzjoni tagħha. Issa, għal dan l-għan u, b’mod partikolari, sabiex l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ikun limitat biss għall-proġetti li jkun jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, din l-awtorità għandu jkollha l-informazzjoni l-iktar kompleta possibbli.

44

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti ma tistax tikkonkludi li hemm riskju li l-proġett ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba li l-informazzjoni pprovduta mill-iżviluppatur ma tkunx kompluta mingħajr ma hija tkun talbitu, minn qabel, jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

45

Għall-kuntrarju, fil-każ li, minkejja l-elementi ppreżentati minn terz, l-awtorità kompetenti tkun tista’ teskludi, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-proġett inkwistjoni jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, din l-awtorità tista’ tiddeċiedi li EEA ma hijiex neċessarja, mingħajr ma hija tkun meħtieġa titlob lill-iżviluppatur jipprovdilha informazzjoni addizzjonali.

46

Għandu jingħad ukoll, minn naħa, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, proġett jitqies li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent meta, minħabba n-natura tiegħu, ikun hemm riskju li jiġu ttrasformati b’mod sostanzjali jew irreversibbli fatturi ambjentali, bħall-fawna u l-flora, il-ħamrija jew l-ilma, indipendentement mid-dimensjonijiet tiegħu (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑526/16, EU:C:2018:356, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Min-naħa l-oħra, hekk kif ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 huwa essenzjalment simili għal dak tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 42).

48

F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 timplika li, fil-każ ta’ dubju dwar l-assenza ta’ effetti sinjifikattivi, hemm lok li titwettaq tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 41 u l-ġurisprudenza stabbilita). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan l-Artikolu 6(3) għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li tawtorizza pjan jew proġett li jkun jista’ jaffettwa sit protett skont din id-direttiva mingħajr ma teħtieġ evalwazzjoni xierqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din l-awtorità għandha tindika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li jkunu ppermettewlha, qabel l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni, tikseb iċ-ċertezza, minkejja l-fehmiet kuntrarji u d-dubji raġonevoli eventwalment espressi fihom, li kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-possibbiltà li dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv kien eskluż (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Eco Advocacy,C‑721/21, EU:C:2023:477, punt 43).

49

Minn dan għandu jiġi dedott li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika preliminari mwettqa skont id-Direttiva 2011/92, żewġ kundizzjonijiet huma meħtieġa sabiex, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha minn terz, l-awtorità kompetenti jkollha l-obbligu titlob lill-iżviluppatur jipprovdilha informazzjoni supplimentari. Minn naħa, dawn l-osservazzjonijiet għandhom jirrigwardaw effetti “sinjifikattivi” potenzjali tal-proġett ikkonċernat fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l-imsemmija osservazzjonijiet ikunu effettivament ta’ natura li jostakolaw il-konklużjoni li kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-possibbiltà ta’ effetti sinjifikattivi ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent huwa eskluż.

50

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-elementi li kellha l-aġenzija fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2020, inklużi dawk li kienu ġew ippreżentati lilha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha tas‑7 ta’ Lulju 2020, din l-aġenzija setgħetx tikseb iċ-ċertezza, minkejja l-elementi li jinsabu f’dawn l-osservazzjonijiet, li kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar il-possibbiltà li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq speċi protetti skont id-Direttiva 92/43, kien eskluż.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika preliminari mwettqa skont din id-dispożizzjoni, terz ikun ipprovda lill-awtorità kompetenti elementi oġġettivi fir-rigward tal-effetti sinjifikattivi potenzjali ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq speċi protetta skont id-Direttiva 92/43, din l-awtorità għandha titlob lill-iżviluppatur jipprovdilha informazzjoni addizzjonali u hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni qabel ma tieħu deċiżjoni dwar jekk EEA tkunx neċessarja jew le għall-imsemmi proġett. Għall-kuntrarju, fil-każ li, minkejja l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-imsemmija awtorità minn dan it-terz, ikun jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li dan il-proġett jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-istess awtorità tista’ tiddeċiedi li EEA ma hijiex neċessarja, mingħajr ma hija tkun meħtieġa titlob lill-iżviluppatur jipprovdilha informazzjoni addizzjonali.

Fuq l‑ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

fil-każ li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika preliminari mwettqa skont din id-dispożizzjoni, terz ikun ipprovda lill-awtorità kompetenti elementi oġġettivi fir-rigward tal-effetti sinjifikattivi potenzjali ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq speċi protetta skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013, din l-awtorità għandha titlob lill-iżviluppatur jipprovdilha informazzjoni addizzjonali u hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni qabel ma tieħu deċiżjoni dwar jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tkunx neċessarja jew le għall-imsemmi proġett. Għall-kuntrarju, fil-każ li, minkejja l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-imsemmija awtorità minn dan it-terz, ikun jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li dan il-proġett jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-istess awtorità tista’ tiddeċiedi li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma hijiex neċessarja, mingħajr ma hija tkun meħtieġa titlob lill-iżviluppatur jipprovdilha informazzjoni addizzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.