SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Artikolu 52(1)(a) u (b) – Artikolu 7(1)(e)(ii) – Sinjal li jikkonsisti esklużivament fil-forma funzjonali tal-prodott neċessarju sabiex jinkiseb riżultat tekniku – Mala fide tal-applikant – Awtonomija u koeżistenza tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Kriterji rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-mala fide tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark – Seħħ ta’ elementi wara din il-preżentata”
Fil-Kawża C‑17/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura
CeramTec GmbH
vs
Coorstek Bioceramics LLC,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, N. Piçarra, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), S. Gervasoni u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal CeramTec GmbH, minn A. Bothe, Rechtsanwalt, C. Bratel u M.‑A. de Dampierre, avocates, kif ukoll M. A. Mittelstein u C. Stöber, Rechtsanwältinnen, |
|
– |
għal Coorstek Bioceramics LLC, minn S. Naumann, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, B. Dourthe, H. Nunes da Silva u E. Timmermans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret u P. Němečková, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) u tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CeramTec GmbH u Coorstek Bioceramics LLC (iktar ’il quddiem “Coorstek”) dwar azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa minn CeramTec kontra Coorstek, li qajmet kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ tliet trade marks tal-Unjoni Ewropea miżmuma minn CeramTec. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 71, p. 322, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 1), li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016. Sussegwentement, dan ġie mħassar u ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati minn Coorstek fit-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 49), dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni inizjali tiegħu. |
|
4 |
Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 207/2009 kienet tistipula: “Ikun tajjeb illi wieħed jippromwovi [fl-Unjoni] kollha l-iżvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi kif ukoll espansjoni kontinwa u bilanċata permezz tal-ksib ta’ suq intern li jiffunzjona sew u li joffri kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ suq nazzjonali. Sabiex jinħoloq suq ta’ dan it-tip li jkun dejjem iżjed suq waħdieni, hemm bżonn li [b’mod partikolari] jitneħħew kull ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi u li jsiru arranġamenti li jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix ostakolata […]” |
|
5 |
L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, kien jipprovdi fil-paragrafu 1(e)(ii) tiegħu: “Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: […] (e) sinjali li jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin: […]
|
|
6 |
L-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, kien jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,
|
|
7 |
L-Artikolu 99 tal-istess regolament, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ validità – Id-difiża fir-rigward tal-merti”, kien jaqra kif ġej: “1. Il-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jikkunsidraw it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] bħala valida sakemm il-validità tagħha ma tiġix kontestata mill-konvenut permezz ta’ kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
8 |
CeramTec hija impriża, stabbilita fil-Ġermanja, li tispeċjalizza fl-iżvilupp, fil-manifattura u fid-distribuzzjoni ta’ komponenti taċ-ċeramika tekniċi użati, b’mod partikolari, f’impjanti tal-ġenbejn jew tal-irkoppa. Hija tbigħ dawn il-komponenti lill-manifatturi ta’ prostetiċi mediċi sabiex jifformaw prostetiċi kompleti, li sussegwentement jinbiegħu lill-utenti finali, bħall-isptarijiet jew il-kirurgi ortopediċi. |
|
9 |
Coorstek hija kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan li l-attività tagħha hija l-manifattura ta’ komponenti mediċi tekniċi avvanzati taċ-ċeramika, b’mod partikolari għal prostetiċi artikulari tal-ġenb jew tad-dahar u għal prostetiċi dentali. |
|
10 |
CeramTec kienet il-proprjetarja tal-privattiva Ewropea Nru EP 0 542815, li tindika lil Franza u li tirrigwarda materjal kompost taċ-ċeramika. Din il-privattiva skadiet fil‑5 ta’ Awwissu 2011. |
|
11 |
Fit‑23 ta’ Awwissu 2011, CeramTec ippreżentat applikazzjonijiet għal tliet trade marks tal-Unjoni Ewropea, rispettivament dwar it-trade marks li ġejjin:
|
|
12 |
Dawn it-trade marks ikopru l-prodotti li ġejjin li jaqgħu fil-klassi 10 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat: “Partijiet magħmula miċ-ċeramika għal impjanti għall-osteosinteżi, sostituti għall-uċuħ ortopediċi, tagħmir għall-ġbid lura tal-għadam; boċċi għal ġogi tal-ġenbejn, forom/pjanċi tal-ġogi tal-ġenbejn u għal partijiet tal-ġogi tal-irkoppa; il-prodotti kollha hawn fuq iċċitati għall-bejgħ lill-manifatturi ta’ impjanti”. |
|
13 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2013, CeramTec ħarrket lil Coortek għall-kontrafazzjoni ta’ trade marks u kompetizzjoni parassitika, fejn sostniet li din tal-aħħar kienet tinnegozja prodott li jikkopja l-kulur roża karatteristiku tal-prodotti tagħha stess. Coorstek ressqet kontrotalba fejn talbet id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-tliet trade marks deskritti fil-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem it-“trade marks ikkontestati”). |
|
14 |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2021, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat it-trade marks ikkontestati minħabba mala fide meta ppreżentat l-applikazzjonijiet għal trade marks. |
|
15 |
Din il-qorti rrilevat li, fil-ġurnata tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati, CeramTec kienet konvinta mill-effett tekniku tal-ossidu tal-kromju sabiex tiġi żgurata s-saħħa u r-resistenza taż-żibeġ taċ-ċeramika li kienu jidħlu fil-kostituzzjoni ta’ prostetiċi mediċi u li hija kienet qiegħda tipprova tipproteġi l-kulur roża taż-żibeġ, li kien jirriżulta mill-effett li tipproduċi l-preżenza ta’ ossidu tal-kromju fiċ-ċeramika. Minn dan iddeduċiet li Ceram Tec kellha l-intenzjoni li testendi l-monopolju li hija kellha fuq is-soluzzjoni teknika preċedentement protetta minn privattiva msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, li kienet għadha kemm skadiet qabel id-data tal-preżentata ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni. |
|
16 |
Skont l-imsemmija qorti, il-mala fide kienet ikkaratterizzata minn rieda, mhux li l-kompetituri jiġu preklużi milli jkomplu jużaw il-kulur roża, iżda li jiġi estiż monopolju u li l-kompetituri jiġu preklużi milli jippenetraw is-suq iddominat minn CeramTec permezz tal-materjal li jikkostitwixxi l-prodotti tagħha, jiġifieri l-ossidu tal-kromju fi proporzjon li għandu bħala effett li jagħti kulur liċ-ċeramika bir-roża. L-istess qorti ddeċidiet li CeramTec kellha, għaldaqstant, l-intenzjoni li tikseb dritt esklużiv għal finijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjoni ta’ trade mark, jiġifieri l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti tagħha. |
|
17 |
CeramTec appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju. Skont CeramTec, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistgħux jikkaratterizzaw il-mala fide msemmija fl-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament, ħlief sabiex ikun jista’ jintuża l-kunċett ta’ mala fide sabiex jiġu evitati jew injorati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni previsti f’dan l-Artikolu 7. Barra minn hekk, interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 52(1)(b), li tippermetti l-invalidità ta’ trade mark unikament għar-raġuni li l-applikant tagħha kellu l-intenzjoni li jipproteġi drittijiet fuq soluzzjoni teknika, mingħajr ma jintwera li d-dritt fuq din it-trade mark jiżgura effettivament il-protezzjoni ta’ tali soluzzjoni teknika, twassal ukoll sabiex jiġi evitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 u tmur kontra l-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. CeramTec tispeċifika li kienet skopriet, wara l-iskadenza tal-privattiva tagħha u l-preżentata tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati, li l-ossidu tal-kromju, li jagħti l-kulur roża kopert minn dawn it-trade marks, fir-realtà, ma kellu ebda effett tekniku. |
|
18 |
Coorstek targumenta li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) u l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jissodisfaw għanijiet differenti u li ma jistax jiġi kkunsidrat li tal-ewwel jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali li jipprevali fuq it-tieni artiklu. Skont Coorstek, fl-evalwazzjoni tal-mala fide, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 52(1)(b), huwa biss l-aġir tal-applikant li jimporta u mhux il-kwalitajiet intrinsiċi tas-sinjal inkwistjoni. Barra minn hekk, peress li l-mala fide għandha tiġi evalwata fil-jum tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark, huwa irrilevanti li l-monopolju fuq is-sinjal inkwistjoni ma jippermettix realment il-protezzjoni tas-soluzzjoni teknika, peress li l-applikanta kienet temmen f’tali protezzjoni u li hija biss l-intenzjoni tal-applikanta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza ta’ diverġenzi ta’ interpretazzjoni bejn il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) u l-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), li ddeċidew dwar il-kwistjoni tal-invalidità tat-trade marks ikkontestati. Dawn id-diverġenzi jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-artikolazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-kunċett ta’ mala fide, li jikkostitwixxi raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura
|
21 |
Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, CeramTec, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Frar 2025, talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
22 |
Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma jkunx ġie ittrattat. |
|
23 |
Insostenn tat-talba tagħha, CeramTec issostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jindirizzaw la l-karatteristiċi partikolari u lanqas il-kumplessità tal-fatti tal-kawża prinċipali, li dawn il-konklużjonijiet ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mir-raġuni ta’ invalidità bbażata fuq il-mala fide, li l-istudju tal-ġurisprudenza jikkonferma r-rekwiżit ta’ riskju oġġettiv ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni u li l-imsemmija konklużjonijiet ma għandhomx indikazzjonijiet dwar l-interess kummerċjali leġittimu. |
|
24 |
Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet fil-kawża prinċipali u l-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut iwieġbu għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fil-kawża prinċipali jew ta’ persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Herbaria Kräuterparadies II, C‑240/23, EU:C:2024:852, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dan il-każ, mit-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura jirriżulta li, permezz ta’ din it-talba, CeramTec tfittex, fir-realtà, li tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-analiżi ġuridika mwettqa mill-Avukat Ġenerali. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tali raġuni ma tinsabx fost dawk li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali ta’ proċedura. Barra minn hekk, il-persuni kkonċernati li pparteċipaw f’din il-proċedura setgħu jesponu, matul il-fażi bil-miktub u matul il-fażi orali tagħha, il-punti ta’ liġi li huma qiesu rilevanti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti u li l-ebda wieħed mill-elementi invokati minn CeramTec insostenn tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma jiġġustifika dan il-ftuħ mill-ġdid skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
27 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-qorti tar-rinviju fformulat l-ewwel domanda bħala li tirrigwarda l-artikolazzjoni tar-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u dik prevista fl-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fost ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti f’dan l-Artikolu 7(1), hija biss ir-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament li hija msemmija fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament, u r-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament huma awtonomi u esklużivi waħda mill-oħra. |
|
29 |
Skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata meta din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament, ma jistgħux jiġu rreġistrati s-sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku. |
|
30 |
L-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament jipprevedi li l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata meta l-applikant kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. |
|
31 |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi eżaminat suċċessivament jekk ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament, u r-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem iż-“żewġ raġunijiet assoluti ta’ invalidità”), humiex awtonomi u jekk dawn iż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ invalidità jeskludux lil xulxin. |
|
32 |
Fl-ewwel lok, huwa neċessarju li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ invalidità humiex awtonomi, fis-sens li, sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ trade mark minħabba l-mala fide tal-applikant, abbażi ta’ dan l-Artikolu 52(1)(b), ma huwiex meħtieġ li tiġi vverifikata minn qabel l-eżistenza tar-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 7(1)(e)(ii). |
|
33 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih hija taqa’ kif ukoll l-għanijiet u l-iskop li jfittex li jilħaq l-att li minnu hija tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Inditex, C‑361/22, EU:C:2024:17, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li kull waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet hija stabbilita f’punt separat, jiġifieri l-punti (a) u (b), li huma separati minn punt u virgola, li jirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddistingwihom. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 52(1) ma jinkludix, la fil-frażi introduttiva tiegħu u lanqas fil-lista sussegwenti, frażijiet li jindikaw li ż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ invalidità għandhom jiġu eżaminati fi kwalunkwe ordni ta’ prijorità waħda fil-konfront tal-oħra. |
|
35 |
Din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija kkorroborata kemm mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għanijiet li hija tfittex li tilħaq. |
|
36 |
Fir-rigward ta’ dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, f’dan l-Artikolu 52(1), ir-raġuni ta’ invalidità prevista fil-punt (a) tirreferi, kuntrarjament għal dik prevista fil-punt (b), għar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni inklużi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, u għandha tinqara u tiġi interpretata flimkien ma’ dan l-artikolu. |
|
37 |
Barra minn hekk, kull waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 46), b’tali mod li l-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi huwa stess raġunijiet ta’ invalidità li huma awtonomi minn xulxin u li kull waħda minnhom għandha l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha stess. |
|
38 |
Konsegwentement, tali awtonomija għandha, a fortiori, tiġi rrikonoxxuta bejn ir-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(a) tal-imsemmi regolament u dik prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament. |
|
39 |
Barra minn hekk, kif semma’ l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm, fl-intier tiegħu, l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi lista eżawrjenti tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, kull raġuni assoluta ta’ invalidità li huwa jsemmi għandha natura differenti. Fil-fatt, dik prevista fil-punt (a) tapplika biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li dik prevista fil-punt (b) tirreferi għall-kunċett ta’ “mala fide”, li jista’ japplika f’numru indeterminat ta’ sitwazzjonijiet. |
|
40 |
Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn dawn ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità, dawn għandhom l-istess għan ġenerali mfittex mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks, li huwa li jikkontribwixxu għal kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 207/2009, dan tal-aħħar għandu l-għan li jistabbilixxi u li jiżgura l-funzjonament tas-suq intern. F’dan il-kuntest, ir-regoli dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea huma intiżi li jiggarantixxu li kull impriża tkun tista’, sabiex tintrabat mal-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha, tkun f’pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli l-prodotti jew is-servizzi tiegħu minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Madankollu, ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom għanijiet distinti. |
|
42 |
Fil-fatt, minn naħa, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha l-għan li tinvalida t-trade marks li ġew irreġistrati minkejja l-fatt li huma jmorru kontra raġuni jew raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament u jkunu, għaldaqstant, inadatti għar-reġistrazzjoni, peress li ma jistgħux ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ trade mark. Din ir-raġuni ta’ invalidità tiċċensura nuqqas tat-trade mark stess u hija intiża li tipproteġi l-interess ġenerali li fuqu huma bbażati dawn ir-raġunijiet assoluti għal rifjut. |
|
43 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, l-għan li fuqu hija bbażata huwa li jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fir-rigward tas-soluzzjonijiet tekniċi jew tal-karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jiġu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri. Din ir-raġuni għal rifjut hija għaldaqstant intiża li tevita li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade marks tiġi estiża, lil hinn mis-sinjali li jippermettu li prodott jew servizz jiġi distint minn dawk offruti mill-kompetituri, sabiex jiġi ostakolat li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu joffru liberament prodotti li jinkorporaw dawn is-soluzzjonijiet tekniċi jew dawn il-karatteristiċi utilitarji f’kompetizzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43, u tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 25, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-għan huwa li jiġi prekluż li d-dritt esklużiv u permanenti mogħti minn trade mark ikun jista’ jservi sabiex jiġu pperpetwati, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet oħra li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissuġġetta għal termini perentorji (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 45). |
|
44 |
Kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-artikolu għalhekk jopera, skont il-ġurisprudenza, bilanċ bejn żewġ rekwiżiti, jiġifieri, minn naħa, dak li jiġi evitat li l-protezzjoni ta’ soluzzjoni teknika bi privattiva tiġi pperpetwata lil hinn mill-iskadenza tal-privattiva u, min-naħa l-oħra, dak li tiġi limitata l-inkapaċità għar-reġistrazzjoni biss għat-trade marks li jillimitaw realment l-użu ta’ soluzzjoni teknika minn impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 44 sa 48). |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha l-għan li tiżgura li l-operaturi ekonomiċi li għandhom l-intenzjoni jużaw is-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jipparteċipaw b’mod leali għas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, hija intiża li tissanzjona nuqqas inerenti għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mhux għat-trade mark innifisha. |
|
46 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ invalidità huma awtonomi, fis-sens li, sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni minħabba l-mala fide tal-applikant, abbażi tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex meħtieġ li tiġi vverifikata minn qabel l-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li għaliha jirreferi l-Artikolu 52(1)(a) tiegħu. Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ mala fide ma teħtieġx li jiġi kkonstatat li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit ukoll esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament. Il-kuntrarju huwa minnu wkoll, peress li, sabiex jiġi kkonstatat li s-sinjal huwa kkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-mala fide tal-applikant. |
|
47 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jeskludux lil xulxin reċiprokament, fis-sens li l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet teskludi l-applikazzjoni tal-oħra. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jinkludux, la fis-sentenza introduttiva tiegħu u lanqas fil-punti (a) u (b) tiegħu, elementi li jippermettu li wieħed jaħseb li r-raġunijiet ta’ invalidità msemmija f’dawn il-punti jeskludu lil xulxin reċiprokament. |
|
49 |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 ma jeskludux li l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ddikjarata abbażi tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti fl-Artikolu 52(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009. Ċertament, adita b’talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark ibbażata fuq dawn ir-raġunijiet, il-qorti tista’ tqis xieraq, skont il-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni, li tillimita ruħha li tanalizza waħda mill-imsemmija raġunijiet. Fil-fatt, jekk din hija fondata, ma jkunx iktar neċessarju li tiġi eżaminata r-raġuni l-oħra minn dawn sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma tipprekludiha milli tanalizza wkoll din ir-raġuni l-oħra. |
|
50 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunijiet assoluti ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jeskludux lil xulxin. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament, u r-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament huma awtonomi, iżda ma jeskludux lil xulxin. |
Fuq it‑tieni domanda
|
52 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-mala fide tal-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tista’, jekk din ir-reġistrazzjoni tkun intalbet wara l-iskadenza ta’ privattiva, tiġi ssostanzjata billi tibbaża ruħha biss fuq l-opinjoni ta’ dan l-applikant fir-rigward tal-kapaċità ta’ dan is-sinjal li jesprimi s-soluzzjoni teknika preċedentement protetta minn din il-privattiva, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi sinjal huwiex ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament. |
|
53 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kunċett ta’ “mala fide” li jinsab fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan il-kunċett għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża dan il-kunċett u l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “mala fide” jippreżupponi l-preżenza ta’ mentalità jew ta’ intenzjoni diżonesta. Dan il-kunċett għandu barra minn hekk jinftiehem fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, li huwa dak tal-kummerċ. F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tal-Kunsill Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), Nru 207/2009 u 2017/1001, adottati suċċessivament, jagħmlu parti mill-istess għan, jiġifieri l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. |
|
55 |
Kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, ir-regoli dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jikkontribwixxu għas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni, li fiha kull impriża għandha, sabiex tintrabat mal-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha, tkun fil-pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur li jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi u dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Konsegwentement, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark mhux bl-għan li jipparteċipa b’mod leali għas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod mhux konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi, jew mal-intenzjoni li jikseb, mingħajr lanqas ma jkun intiż għal terz b’mod partikolari, dritt esklużiv għal finijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini mfakkra fil-punt preċedenti (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 46). |
|
57 |
L-intenzjoni tal-applikant ta’ trade mark hija element suġġettiv li għandu madankollu jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti. Għaldaqstant, kwalunkwe allegazzjoni ta’ mala fide għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Huwa biss b’dan il-mod li l-allegazzjoni ta’ mala fide tista’ tiġi evalwata oġġettivament (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jirriżultax li, sabiex tiġi evalwata l-eventwali mala fide tal-applikant, għandhom jiġu esklużi ċirkustanzi fattwali li jikkontribwixxu jew li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jikkaratterizzaw ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament. |
|
59 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà jirriżulta li elementi li, barra minn hekk, jistgħu jikkontribwixxu sabiex jikkaratterizzaw raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi kklassifikata l-mala fide tal-applikant fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma l-karatterizzazzjoni tal-mala fide b’rabta ma’ raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni teżiġi li jiġi eżaminat jekk, barra minn hekk, din ir-raġuni kinitx kompletament issodisfatta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
Bl-istess mod, għandu jitqies li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eventwali mala fide tal-applikant il-fatt li dan ipprova jestendi l-monopolju fuq soluzzjoni teknika protetta preċedentement minn privattiva. L-opinjoni tal-applikant fir-rigward tal-kapaċità tas-sinjal li għalih huwa jitlob ir-reġistrazzjoni bħala trade mark li jesprimi, kompletament jew parzjalment, din is-soluzzjoni teknika, tinsab, mingħajr madankollu ma tista’ tkun l-unika waħda, fost l-elementi li jistgħu jsostnu l-eżistenza ta’ intenzjoni, li ma għandhiex x’taqsam mal-funzjonijiet tat-trade mark, li tipprekludi lill-kompetituri milli jidħlu fis-suq li l-applikant iddomina permezz tal-privattiva tiegħu. Din l-opinjoni tista’ tagħmel parti mill-indizji rilevanti u konkordanti li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippreżentata mhux bl-għan li tipparteċipa b’mod leali għas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni iżda b’intenzjoni mhux konformi mal-użanzi onesti fil-kummerċ. |
|
61 |
Din il-possibbiltà teżisti kemm meta ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti tal-każ ineżami jippermettu li tiġi kkaratterizzata b’mod sħiħ ir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll meta dawn iċ-ċirkustanzi jkunu insuffiċjenti f’dan ir-rigward, peress li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, iż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ invalidità huma awtonomi u ma jeskludux lil xulxin. |
|
62 |
Konsegwentement, il-mala fide tal-applikant fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tista’ tiġi kkonstatata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-analiżi tar-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jiġi neċessarjament ikkonstatat li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku. |
|
63 |
Madankollu, sabiex tiġi evalwata allegazzjoni ta’ mala fide, għandha tiġi stabbilita l-intenzjoni reali tal-applikant abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha. Fosthom, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hemm ukoll, kif espona l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura tat-trade mark ikkontestata, l-oriġini tas-sinjal inkwistjoni u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu, il-portata tal-privattiva skaduta, il-loġika kummerċjali li tagħmel parti minnha l-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw din il-preżentata. |
|
64 |
Fl-aħħar nett, peress li, skont l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tgawdi minn preżunzjoni ta’ validità, huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq ir-raġuni msemmija fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 li għandu jipproduċi, sabiex tiġi stabbilita l-mala fide waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-indizji rilevanti u konkordanti msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza. F’tali każ, huwa, sussegwentement, l-applikant għar-reġistrazzjoni li għandu jistabbilixxi, billi jipprovdi spjegazzjonijiet plawżibbli dwar l-għanijiet u l-loġika kummerċjali mfittxija, li din ir-reġistrazzjoni tagħmel parti minn strateġija kummerċjali leġittima. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li trade mark irreġistrata b’mala fide tissodisfa l-funzjonijiet proprji ta’ trade mark, u, b’mod partikolari, il-funzjoni ta’ oriġini, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għad-dikjarazzjoni tal-invalidità tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll minn din il-ġurisprudenza, trade mark li tissodisfa dawn il-funzjonijiet għandha madankollu tiġi invalidata jekk tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tagħha bl-intenzjoni li tippreġudika, b’mod mhux konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi. |
|
65 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mala fide tal-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tista’, jekk din ir-reġistrazzjoni tkun intalbet wara l-iskadenza ta’ privattiva, tiġi ssostanzjata billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-opinjoni ta’ dan l-applikant fir-rigward tal-kapaċità ta’ dan is-sinjal li jesprimi, kompletament jew parzjalment, is-soluzzjoni teknika protetta minn din il-privattiva, u dan irrispettivament mill-punt dwar jekk l-imsemmi sinjal huwiex ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament. Fost iċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eventwali eżistenza ta’ mala fide tal-applikant hemm ukoll in-natura tat-trade mark ikkontestata, l-oriġini tas-sinjal inkwistjoni u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu, il-portata tal-privattiva skaduta, il-loġika kummerċjali li tagħmel parti minnha l-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw din il-preżentata. |
Fuq it‑tielet domanda
|
66 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-mala fide tal-applikant tista’ tiġi evalwata abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. |
|
67 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li t-trade mark tkun iddikjarata invalida meta l-applikant kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. |
|
68 |
Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-mument rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant huwa dak tal-preżentata, mill-persuna kkonċernata, tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 35, u tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 59). |
|
69 |
Kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark mhux bl-għan li jipparteċipa b’mod leali għas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod mhux konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi, jew bl-intenzjoni li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terz b’mod partikolari, dritt esklużiv għal finijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. |
|
70 |
Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, iċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha kif kienu jeżistu waqt din il-preżentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 59). |
|
71 |
Minn dan isegwi li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kull element li jippermetti li l-qorti tiġi informata dwar l-intenzjoni tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. Ċirkustanzi, anki wara l-preżentata ta’ din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jistgħu jservu bħala indizji tal-intenzjoni tal-applikant f’dan il-mument. |
|
72 |
Għall-kuntrarju, element li l-applikant kien jaf bih biss wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jbiddel il-perċezzjoni ta’ dan l-applikant waqt din il-preżentata. |
|
73 |
F’dan il-każ, iċ-ċirkustanza, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li CeramTec skopriet biss wara din il-preżentata li l-inklużjoni ta’ ossidu tal-kromju fil-prodotti tagħha ma kellhiex effett tekniku ma tistax tkun rilevanti sabiex tiġi stabbilita a posteriori perċezzjoni ta’ CeramTec li ma kinitx teżisti fil-mument tal-imsemmija preżentata. |
|
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mala fide tal-applikant ma tistax tiġi evalwata abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
|
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.