SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Suq tal-modafinil – Ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn żewġ impriżi farmaċewtiċi fil-qasam tal-privattivi bil-għan li jiddewwem it-tqegħid fis-suq ta’ verżjoni ġenerika tal-modafinil – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Restrizzjoni minħabba l-għan”

Fil-Kawża C‑2/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑4 ta’ Jannar 2024,

Teva Pharmaceutical Industries Ltd, stabbilita f’Petah Tikva (l-Iżrael),

Cephalon Inc., stabbilita f’West Chester (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn S. Ortoli u D. Tayar, avocats,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn G. Conte, T. Franchoo u C. Sjödin, sussegwentement minn G. Conte u T. Franchoo, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Condinanzi u3 N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Marzu 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Teva Pharmaceutical Industries u Cephalon vs Il‑Kummissjoni (T‑74/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:651), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-s tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2020) 8153 final tas‑26 ta’ Novembru 2020, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39686‑CEPHALON) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, il-fatti li wasslu għall-kawża, hekk kif esposti fil-punti 2 sa 23 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3

Cephalon Inc. hija kumpannija bijofarmaċewtika bbażata fl-Istati Uniti li tipprovdi prodotti farmaċewtiċi kemm oriġinaturi kif ukoll ġeneriċi mad-dinja kollha. L-attivitajiet ewlenin ta’ Cephalon jinkludu r-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali, u jiffokaw b’mod partikolari fuq id-disturbi tas-sistema nervuża ċentrali.

4

Teva Pharmaceutical Industries Ltd (iktar ’il quddiem “Teva”) hija kumpannija multinazzjonali farmaċewtika attiva fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kif ukoll ta’ prodotti farmaċewtiċi innovattivi u speċjalizzati, ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi u ta’ prodotti mhux suġġetti għal riċetta medika.

5

F’Ottubru 2011, wara li l-Kummissjoni approvat il-konċentrazzjoni kkomunikata, permezz tad-Deċiżjoni C(2011) 7435 final (Każ COMP/M. 6258 – Teva/Cephalon), tat‑13 ta’ Ottubru 2011, abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) (iktar ’il quddiem id-”deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni”), Cephalon inxtrat mill-ġdid minn Teva.

II-prodott ikkonċernat u l-privattivi li jikkonċernawh

6

Il-prodott ikkonċernat jikkorrispondi għall-prodotti mediċinali li jkun fihom l-ingredjent farmaċewtiku attiv (iktar ’il quddiem l-“IFA”) imsejjaħ “modafinil”. Il-modafinil, skopert fl‑1976 mil-laboratorju Lafon, impriża farmaċewtika Franċiża, huwa aġent stimulant li jaħdem fit-tul li jgħin biex wieħed jistenbaħ użat għat-trattament ta’ ċerti disturbi tal-irqad.

7

Fl‑1993, Cephalon kisbet id-drittijiet esklużivi fuq il-modafinil u, fl‑1997, din l-impriża bdiet tbigħ il-modafinil taħt it-trade mark Provigil fir-Renju Unit. Fl‑2005, hija kienet tbigħ il-modafinil f’diversi pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

8

Fir-rigward taż-ŻEE, id-diversi privattivi nazzjonali fuq il-molekula miżmuma minn Cephalon għall-IFA tal-modafinil skadew l-iktar tard matul is-sena 2003, filwaqt li l-protezzjoni tad-data relatata ma’ dan l-IFA skadiet l-iktar tard fl‑2005.

9

Għalkemm il-privattivi fuq il-molekula tal-modafinil kienu skadew, Cephalon kien għad kellha privattivi sekondarji fuq id-daqs tal-partiċelli u privattivi oħra marbuta mal-modafinil li kienu jiskadu matul is-sena 2015 fiż-ŻEE.

10

Il-prodott mediċinali Provigil kien il-prodott l-iktar importanti fil-portafoll ta’ Cephalon f’termini ta’ bejgħ. Fid-dawl tal-wasla fis-suq tal-prodotti ġeneriċi f’futur qarib u sabiex tipproteġi l-attivitajiet tagħha fil-qasam inkwistjoni, Cephalon ħadmet fuq prodott tat-tieni ġenerazzjoni, imsejjaħ “Nuvigil” ibbażat fuq l-IFA tal-modafinil, li hija pprevediet li tqiegħed fis-suq sabiex tissostitwixxi progressivament il-Provigil mis-sena 2006, l-ewwel fl-Istati Uniti, u mbagħad fiż-ŻEE. Barra minn hekk, Cephalon kienet ipprevediet it-tnedija ta’ prodott mediċinali ieħor abbażi tal-modafinil, imsejjaħ Sparlon. Fl-aħħar mill-aħħar, Cephalon ma nediet la n-Nuvigil u lanqas is-Sparlon fiż-ŻEE.

11

Fl-aħħar tas-sena 2002, meta erba’ kumpanniji tas-settur tal-prodotti ġeneriċi, fosthom Teva, talbu awtorizzazzjoni regolatorja sabiex jikkummerċjalizzaw il-prodotti ġeneriċi tagħhom tal-modafinil fl-Istati Uniti, Cephalon bdiet proċedura ta’ kontrafazzjoni ta’ privattiva fl-Istati Uniti.

12

F’Ġunju 2005, Teva nediet il-prodott ġeneriku tagħha tal-modafinil fir-Renju Unit.

13

Fis‑6 ta’ Lulju 2005, wara skambju ta’ ittri, Cephalon bdiet proċedura ġudizzjarja fil-qasam tal-privattivi kontra Teva quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) u talbet ordni provviżorja sabiex Teva tkun prekluża milli tbigħ il-prodott ġeneriku tagħha tal-modafinil fir-Renju Unit. Sussegwentement, Teva ressqet kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

14

Qabel is-seduta dwar it-talba għal ordni provviżorja, prevista għall‑11 ta’ Lulju 2005, Teva aċċettat li tieqaf tbigħ prodotti ġeneriċi tal-modafinil fir-Renju Unit. Inkambju, Cephalon aċċettat li tipprovdi garanzija ta’ 2.1 miljun lira sterlina (GBP) (jiġifieri madwar EUR 3.07 miljun) fil-każ li Teva kellha tirbaħ matul il-proċedura ġudizzjarja u hija jkollha d-dritt titlob danni għat-telf ta’ qligħ subit.

15

In-negozjati bil-għan ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bdew fl-aħħar ta’ Novembru 2005.

Il-ftehim ta’ riżoluzzjoni

16

Fit‑8 ta’ Diċembru 2005, Cephalon u Teva kkonkludew il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem il-”ftehim ta’ riżoluzzjoni”). Dan il-ftehim ġie konkluż ukoll għall-affiljati tagħhom u daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Diċembru 2005.

17

Skont il-ftehim ta’ riżoluzzjoni, kien previst, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 2, Teva kienet qiegħda tintrabat li ma tidħolx b’mod indipendenti u li ma tikkompetix ma’ Cephalon fis-suq tal-modafinil, (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni”) u li ma tikkontestax il-privattivi miżmuma minn Cephalon fuq il-modafinil (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni”) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“klawżoli restrittivi”).

18

L-Artikoli 2.2 sa 2.6 tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni kienu jinkludu sensiela ta’ tranżazzjonijiet li jirrigwardaw:

liċenzja mogħtija minn Teva lil Cephalon li tirrigwarda id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Teva;

liċenzja mogħtija minn Cephalon lil Teva sabiex hija tuża d-data, magħrufa bħala “CEP1347”, kożviluppata minn Cephalon fil-kuntest ta’ studji dwar it-trattament tal-marda tal-Parkinson;

il-provvista tal-IFA tal-modafinil minn Teva lil Cephalon;

ħlasijiet minn Cephalon lil Teva għall-ispejjeż tal-kontenzjuż evitati, u

d-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ Cephalon fir-Renju Unit minn Teva.

19

Bl-istess mod, il-ftehim ta’ riżoluzzjoni kien jipprevedi, fl-Artikolu 3 tiegħu, drittijiet ġeneriċi favur Teva. Skont dan l-artikolu, Cephalon kienet qiegħda tagħti lil Teva liċenzja mhux esklużiva għat-tnedija tal-prodott ġeneriku tagħha tal-modafinil, inkluż fiż-ŻEE, mill‑2012 (jew qabel, fil-każ li kwalunkwe entità kellha tintroduċi fis-suq prodott ġeneriku tal-modafinil).

20

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim, Teva u Cephalon kienu impenjaw ruħhom li jtemmu immedjatament it-tilwima tagħhom dwar il-modafinil fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit.

21

Il-ftehim ta’ riżoluzzjoni kien jinkludi wkoll l-ammonti jew it-tariffi involuti fid-diversi tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza.

Id-deċiżjoni kontenzjuża

22

Fis‑26 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

23

F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-appellanti kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni fis-settur farmaċewtiku, kontra ħlas invertit (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

24

Għal dan l-ksur, il-Kummissjoni imponiet fuq Cephalon u fuq Teva multi li jammontaw rispettivament għal EUR 30480000 u għal EUR 30000000 (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Frar 2021, Teva u Cephalon talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multi.

26

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, l-appellanti invokaw erba’ motivi.

27

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, l-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt sa fejn il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (punti 27 sa 205 tas-sentenza appellata).

28

L-ewwel nett, hija ċaħdet l-ilmenti relatati man-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju ġuridiku adegwat (punti 30 sa 57 tas-sentenza appellata).

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generics (UK), EU:C:2020:52), il-klassifikazzjoni ta’ ftehim bħala restrizzjoni minħabba l-għan teħtieġ evalwazzjoni globali li tinkludi l-interessi u l-inċentivi tal-partijiet ikkonċernati, sabiex jiġi vverifikat jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fi ftehim ta’ riżoluzzjoni setax ikollhom spjegazzjonijiet oħra għajr l-interess kummerċjali, kemm tal-proprjetarju tal-privattiva kif ukoll tal-allegat awtur tal-kontrafazzjoni, li ma jikkompetux fuq il-merti (punti 37 sa 43 tas-sentenza appellata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha l-obbligu tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali koperti mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni setgħux ukoll jiġu konklużi, b’kundizzjonijiet daqstant favorevoli, fl-assenza tal-klawżoli restrittivi. Skont il-Qorti Ġenerali, jekk il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonstata li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma kinux jiġu konklużi jew ma kinux jiġu konklużi b’kundizzjonijiet daqstant favorevoli fl-assenza tal-imsemmija klawżoli, minn dan ikun jista’ jiġi konkluż li l-imsemmija tranżazzjonijiet ma jistax ikollhom spjegazzjoni oħra ħlief l-interess kummerċjali tal-proprjetarju tal-privattiva inkwistjoni u tal-allegat awtur tal-kontrafazzjoni li ma jikkompetux fuq il-merti (il-punt 45 tas-sentenza appellata).

30

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement irrilevat li l-kriterju ġuridiku applikat mill-Kummissjoni ma kienx ekwivalenti għal analiżi kontrofattwali li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-ftehimiet bħala restrizzjoni minħabba l-effett (punt 47 tas-sentenza appellata).

31

Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni li għandha ssir sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jaqax jew le taħt il-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” ma għandhiex l-iskop li tidentifika u lanqas li tikkwantifika l-effetti antikompetittivi ta’ prattika, iżda biss li tiddetermina l-gravità oġġettiva tagħha, li tista’ preċiżament tiġġustifika li l-effetti tagħha ma għandhomx jiġu evalwati (punt 49 tas-sentenza appellata).

32

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-fatt li din l-evalwazzjoni għandha ssir, jekk ikun hemm bżonn, wara analiżi ddettaljata tal-ftehim ikkonċernat u b’mod partikolari tal-effett ta’ inċentiv tat-trasferimenti ta’ valuri li dan jipprevedi, iżda wkoll tal-għanijiet tiegħu kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu lanqas ma jimplika evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi ta’ dan il-ftehim fis-suq. Dan jippreżumi biss li ssir evalwazzjoni globali u bir-reqqa tal-ftehimiet kumplessi stess, sabiex mhux biss tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” meta jkun jidher dubju fir-rigward tan-noċività suffiċjenti tagħhom għall-kompetizzjoni, iżda wkoll sabiex jiġi evitat li ftehimiet ikunu jistgħu jevitaw din l-istess klassifikazzjoni minħabba l-kumplessità tagħhom biss u minkejja li l-analiżi bir-reqqa tagħhom tkun turi li dawn oġġettivament għandhom grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni (punt 50 tas-sentenza appellata).

33

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti relatati mal-eżistenza ta’ spjegazzjoni plawżibbli dwar it-tranżazzjonijiet konklużi barra mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni għajr dik li jservu biss bħala korrispettiv għall-klawżoli restrittivi (punti 58 sa 166 tas-sentenza appellata).

34

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti relatati mal-kriterju stabbilit permezz tas-sentenza Generics (UK) dwar l-eżistenza ta’ effetti favur il-kompetizzjoni pprovati, rilevanti, speċifiċi għall-ftehim ikkonċernat u suffiċjentement sinjifikattivi (punti 167 sa 191 tas-sentenza appellata).

35

Il-Qorti Ġenerali qieset, fir-rigward tal-argumenti misluta mid-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni, li l-kuntest ta’ riferiment ta’ din id-deċiżjoni huwa differenti minn dak li fuqu hija bbażata l-analiżi tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE. Filwaqt li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni evalwat ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni u qabblet l-effett tagħha ma’ xenarju kontrofattwali li fih il-ftehim ta’ riżoluzzjoni ma kienx jiġi konkluż, id-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni tieħu l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bħala fatt u tevalwa l-effett probabbli tal-konċentrazzjoni tal-partijiet fuq il-kompetizzjoni f’futur prevedibbli fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, mill‑2011 (punt 182 tas-sentenza appellata).

36

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni, li wara u minkejja l-konklużjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni, Teva kienet għadha l-iktar restrizzjoni kompetittiva probabbli eżerċitata fuq Cephalon ma kienx ifisser li hija kienet qieset li d-drittijiet ġeneriċi ta’ Teva kellhom effett favur il-kompetizzjoni (punt 183 tas-sentenza appellata).

37

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti relatati mal-iżbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni (punti 192 sa 205 tas-sentenza appellata).

38

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv, ibbażat fuq żball sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bħala restrizzjoni minħabba l-effett sa fejn hija bbażat ruħha biss fuq l-effetti potenzjali tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni (punti 206 sa 255 tas-sentenza appellata).

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-kompetizzjoni potenzjali rrappreżentata minn kompetitur potenzjali, eliminata mill-ftehim inkwistjoni, u fuq l-istruttura tas-suq inkwistjoni u li l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex intiż biss li jipproteġi l-kompetizzjoni attwali, iżda wkoll il-kompetizzjoni potenzjali (punti 227 sa 229 tas-sentenza appellata).

40

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet u r-raba’ motiv, invokati mill-appellanti sussidjarjament, li jirrigwardaw rispettivament applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101(3) TFUE u l-multi li kienu ġew imposti fuqhom (punti 256 sa 307 tas-sentenza appellata).

41

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tal-appellanti intiża li din tneħħi jew tnaqqas l-ammont tal-multi imposti (punti 308 sa 311 tas-sentenza appellata).

42

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

43

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni mill-ġdid, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

45

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterju ġuridiku li jirriżulta mis-sentenza Generics (UK) sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

46

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju ġuridiku li jirriżulta mis-sentenza Generics (UK) sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fil-kuntest ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja.

47

L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju tirrigwarda l-interpretazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel parti ta’ dan il-kriterju, inkluża fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, li skontha l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għandha tiġi adottata meta mill-analiżi tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja kkonċernat ikun jirriżulta li t-trasferimenti ta’ valuri previsti minnu jiġu spjegati biss mill-interess kummerċjali kemm tal-proprjetarju tal-privattiva kif ukoll tal-allegat awtur tal-kontrafazzjoni li ma jikkompetux fuq il-merti. It-tieni parti tal-ewwel aggravju tirrigwarda t-tieni parti tal-imsemmi kriterju, adottata fil-punt 111 tal-imsemmija sentenza, li tgħid li l-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja li jkollhom effetti favur il-kompetizzjoni pprovati ta’ natura li jqajmu dubji raġonevoli dwar in-natura suffiċjentement noċiva tagħhom fir-rigward tal-kompetizzjoni ma jistgħux jikkostitwixxu restrizzjonijiet minħabba l-għan.

Fuq l-ewwel parti, dwar applikazzjoni żbaljata tal-ewwel parti tal-kriterju ġuridiku stabbilit mis-sentenza Generics (UK)

– L-argumenti tal-partijiet

48

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkontestaw il-punti 45 sa 47 tas-sentenza appellata.

49

L-ewwel nett, il-kriterju ġuridiku adottat fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza jmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Generics (UK) u jikkorrispondi għal analiżi kontrofattwali li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-ftehimiet bħala restrizzjoni minħabba l-effett.

50

F’dan il-kuntest, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma spjegatx ir-raġuni li għaliha l-kriterju ġuridiku stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża ma huwiex ekwivalenti, fir-realtà, għal analiżi kontrofattwali li taqa’ taħt evalwazzjoni tal-ftehimiet bħala restrizzjoni minħabba l-effett. Barra minn hekk, il-kriterju kkonfermat mill-Qorti Ġenerali jeżiġi, fir-realtà, li jiġi evalwat, għal kull tranżazzjoni kummerċjali, jekk tali tranżazzjoni tkunx effettivament konkluża, jew jekk din tkunx konkluża taħt l-istess kundizzjonijiet, fl-assenza tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni meħud fl-intier tiegħu, fatt li jmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Generics (UK).

51

It-tieni nett, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali fformulat regola ġuridika iktar stretta minn dik stabbilita fis-sentenza Generics (UK).

52

L-appellanti jfakkru li, skont it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Generics (UK), ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja jkun jikkostitwixxi ftehim li jkollu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk mill-elementi kollha disponibbli jkun jirriżulta li t-trasferimenti ta’ valuri jkunu jistgħu jiġu spjegati biss mill-interess kummerċjali tal-partijiet f’dan il-ftehim li ma jikkompetux fuq il-merti. Barra minn hekk, minn dik is-sentenza jirriżulta li, sabiex tali trasferimenti ta’ valuri ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan, huwa biżżejjed li l-ispjegazzjoni alternattiva ta’ dawn it-trasferimenti tkun plawżibbli.

53

Issa, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali koperti mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni setgħux ukoll jiġu konklużi, taħt kundizzjonijiet daqstant favorevoli, fl-assenza tal-klawżoli restrittivi, il-Qorti Ġenerali mhux biss żnaturat il-kriterju stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll wettqet, kuntrarjament għaliha, inverżjoni tal-oneru tal-prova.

54

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali approvat kriterju impossibbli li jiġi ssodisfatt mill-partijiet, b’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Generics (UK).

55

L-appellanti jilmentaw, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett il-kriterju stabbilit fil-punt 43 tas-sentenza appellata, sabiex tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fi ftehim ta’ riżoluzzjoni setgħux ikollhom spjegazzjonijiet oħra għajr l-interess kummerċjali, kemm tal-proprjetarju tal-privattiva kif ukoll tal-allegat awtur tal-kontrafazzjoni, li ma jikkompetux fuq il-merti.

56

Huma jenfasizzaw li, fil-mument meta ġie konkluż il-ftehim ta’ riżoluzzjoni, huma kienu involuti f’tilwim fuq livell dinji relatat mal-privattivi ta’ Cephalon li jipproteġu l-modafinil u li, “fl-assenza tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni, il-partijiet kienu jkomplu t-tilwima tagħhom. F’tali sitwazzjoni, Cephalon ma kellha ebda interess li tikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni kummerċjali ma’ Teva b’rabta mas-suġġett tat-tilwima u kellha biss ftit interess li tikkonkludi l-iċken ftehim, hekk kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess fil-punt 794 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

57

Issa, kriterju bħal dak applikat mill-Qorti Ġenerali, jeskludi neċessarjament il-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali fl-istess ħin ma’ ftehim ta’ riżoluzzjoni, fatt li huwa f’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Generics (UK).

58

Skont l-appellanti, il-mistoqsija rilevanti li kellha ssir f’dan il-kuntest kienet dik dwar jekk, jekk jitqies li Teva u Cephalon kienu solvew it-tilwima tagħhom, kull waħda mit-tranżazzjonijiet kummerċjali setgħetx tiġi spjegata b’mod plawżibbli.

59

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkontestaw il-punti 45 sa 47 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, il-kriterju ġuridiku adottat mill-Qorti Ġenerali sabiex tikklassifika l-impenji ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni meħuda fil-kuntest tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

61

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja li permezz tagħhom manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li jfittex li jidħol f’suq, jirrikonoxxi, tal-inqas temporanjament, il-validità ta’ privattiva miżmuma minn manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi u jimpenja ruħu, għalhekk, li ma jikkontestahiex, u lanqas li jidħol fis-suq ikkonċernat, jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, peress li l-kontestazzjoni tal-validità u tal-portata ta’ privattiva tagħmel parti mill-proċess normali tal-kompetizzjoni fis-setturi li fihom jeżistu drittijiet ta’ esklużività fuq teknoloġiji (sentenzi Generics (UK), punt 81, u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 293).

62

Fil-fatt, manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jista’, wara li jkun evalwa l-possibbiltajiet tiegħu li jirbaħ il-proċedura ġudizzjarja kontra l-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur ikkonċernat, jiddeċiedi li jirrinunzja milli jidħol fis-suq inkwistjoni u li jikkonkludi ma’ dan tal-aħħar ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ din il-proċedura (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Issa, tali ftehim ma jistax jitqies, fil-każijiet kollha, bħala restrizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-fatt li tali ftehim ikun akkumpanjat minn trasferimenti ta’ valuri mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi ma jikkostitwixxix raġuni suffiċjenti sabiex dan jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, peress li l-imsemmija trasferimenti ta’ valuri jistgħu jkunu ġġustifikati. Dan jista’ jkun il-każ meta l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirċievi mingħand il-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi ammonti li jkunu jikkorrispondu effettivament għall-kumpens ta’ spejjeż jew ta’ inkonvenjenzi marbuta mat-tilwima bejniethom jew li jkunu jikkorrispondu għal remunerazzjoni għall-provvista effettiva ta’ oġġetti jew ta’ servizzi lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Għaldaqstant, meta ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima dwar il-validità ta’ privattiva bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, proprjetarju ta’ din il-privattiva, ikun akkumpanjat minn trasferimenti ta’ valuri mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-bilanċ nett pożittiv ta’ dawn it-trasferimenti ikunx jista’ jiġi ġġustifikat b’mod sħiħ, hekk kif previst fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, min-neċessità li jiġu kkumpensati l-ispejjeż jew l-inkonvenjenzi marbuta ma’ din it-tilwima, bħall-ispejjeż u l-onorarji tal-konsulenti ta’ dan l-aħħar manifattur, jew minn dik li tiġi rremunerata l-provvista effettiva u pprovata ta’ oġġetti jew ta’ servizzi tiegħu lill-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur. Fil-fatt, il-ftehim bonarju ta’ tali tilwima jimplika li l-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrikonoxxi l-validità tal-privattiva inkwistjoni, għaliex huwa jirrinunzja milli jikkontestaha. Minn dan jirriżulta li, taħt ħlas imsejjaħ “invertit”, mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, biss it-teħid ta’ responsabbiltà ta’ tali spejjeż, jew ir-remunerazzjoni ta’ tali oġġetti jew servizzi pprovduti, jistgħu jitqiesu bħala li jkunu koerenti fir-rigward ta’ tali rikonoxximent u, għaldaqstant, bħala li jistgħu jiġu ġġustifikati fir-rigward tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Fit-tieni lok, għalkemm dan il-bilanċ nett pożittiv tat-trasferimenti ma huwiex iġġustifikat b’mod sħiħ minn tali neċessità, għandu jiġi vverifikat jekk, fl-assenza ta’ tali ġustifikazzjoni, dawn it-trasferimenti jiġux spjegati biss mill-interess kummerċjali ta’ dawn il-manifatturi ta’ prodotti mediċinali li ma jikkompetux fuq il-merti. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi bilanċ, inkluż spejjeż iġġustifikati possibbli, huwiex kbir biżżejjed sabiex jinċentiva effettivament lill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan il-bilanċ pożittiv nett ikun neċessarjament ogħla mill-profitti li kien jagħmel li kieku rebaħ il-proċedura fil-qasam tal-privattivi (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jitqies li l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tista’ għaldaqstant tiġi aċċettata biss meta r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jkunu jirriżultaw mill-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni previsti mill-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni jkunu bbażati mhux fuq rikonoxximent tal-validità tal-privattivi tal-manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, iżda fuq trasferiment ta’ valur minnu favur il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi inkwistjoni li jkun jikkostitwixxi inċentiv, għal dan tal-aħħar, li jirrinunzja milli jikkompeti fuq il-merti.

67

Għalhekk, ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja, bħall-ftehim ta’ riżoluzzjoni, għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan meta mill-eżami tagħhom jirriżulta li t-trasferimenti ta’ valuri mwettqa mill-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur favur il-manifattur tal-prodott mediċinali ġeneriku jiġu spjegati, finalment, biss mill-interess kummerċjali ta’ dawn l-operaturi li ma jikkompetux fuq il-merti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Generics (UK), punt 87, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 114).

68

Sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim ikunx jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma għandhiex tiġi analizzata kull waħda mill-klawżoli tiegħu b’mod separat, iżda għandu jiġi evalwat jekk dan il-ftehim, meħud fl-intier tiegħu, jippreżentax grad ta’ noċività ekonomika fuq il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 294).

69

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, jekk kienx b’mod korrett li, fil-kuntest tal-eżami intiż li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim ta’ riżoluzzjoni kellux jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-unika spjegazzjoni plawżibbli għal kull waħda mit-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi f’dan il-ftehim kinitx li tinċentiva lil Teva taċċetta l-klawżoli restrittivi u, għalhekk, tirrinunzja milli tikkompeti ma’ Cephalon fuq il-merti tagħha jew jekk dawn it-tranżazzjonijiet kinux, fi kwalunkwe każ, jiġu konklużi f’kundizzjonijiet normali tas-suq, kellu jiġi analizzat jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fl-imsemmi ftehim ikunx effettivament jiġu konklużi jew jekk ikunx jiġu konklużi taħt l-istess kundizzjonijiet fl-assenza tal-klawżoli restrittivi.

70

F’dan ir-rigward, meta l-bilanċ nett pożittiv tat-trasferimenti ta’ valuri ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat b’mod sħiħ min-neċessità li jiġu kkumpensati spejjeż jew inkonvenjenzi marbuta mat-tilwima relatata mal-validità ta’ privattiva bejn manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u manifattur ta’ prodotti mediċinali oriġinaturi, il-kriterju ġuridiku adottat mill-ġurisprudenza sabiex ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jimponi li jiġi vverifikat jekk l-uniku korrispettiv tat-trasferiment ta’ valur irċevut mill-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi mingħand il-manifattur tal-prodott mediċinali oriġinatur huwiex suffiċjentement sinjifikattiv sabiex jinċentiva effettivament lil dan il-manifattur ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi jirrinunzja milli jidħol fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑KummissjoniC‑201/19 P, EU:C:2024:552, punti 164165 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ffokat l-eżami tagħha fuq l-impenji ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni, peress li dawn tal-aħħar jikkonsistu, essenzjalment, f’rinunzja għad-dħul fis-suq.

72

Ċertament, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, qari iżolat tal-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata jista’ jissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali wettqet analiżi astratta tal-klawżoli restrittivi, permezz tal-eżami tax-xenarju ipotetiku bbażat fuq paragun ta’ “dak li fil-fatt ġara ma’ dak li kien jiġri fin-nuqqas ta’ klawżoli restrittivi”.

73

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 43 sa 46 u 61 sa 162 tas-sentenza appellata, huwa wara analiżi ddettaljata u wara evalwazzjoni globali tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li t-trasferiment ta’ valur imwettaq minn Cephalon favur Teva permezz ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali kien jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-inklużjoni ta’ klawżoli restrittivi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni u, għaldaqstant, tal-impenn ta’ Teva li tirrinunzja milli tidħol b’mod indipendenti fis-suq tal-prodotti mediċinali ġeneriċi.

74

Speċifikament, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddikjarat, fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, li hija kellha l-intenzjoni tistabbilixxi, abbażi ta’ xenarju ipotetiku, jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-appellanti kinux jitbiegħdu mill-kundizzjonijiet normali tas-suq billi tiffoka, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet u l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taħtu dawn it-tranżazzjonijiet kienu jaqgħu fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-effett ta’ inċentiv tat-trasferimenti ta’ valuri previsti minn dan il-ftehim.

75

Issa, xejn ma jipprojbixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kontrofattwali sabiex tiġi kkonstatata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank etC‑228/18, EU:C:2020:265, punti 8283).

76

Għalkemm l-analiżi stabbilita mill-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li tikkonsisti fl-eżami tat-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni fl-assenza ta’ klawżoli restrittivi, timplika, hekk kif din l-istess qorti rrilevat fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni ipotetika, din l-analiżi ma tistax tiġi konfuża mal-metodu msejjaħ “kontrofattwali”.

77

Filwaqt li dan tal-aħħar jikkonsisti fil-paragun tas-sitwazzjoni kompetittiva li tirriżulta mill-ftehim ikkonċernat ma’ dik li kienet teżisti fl-assenza tiegħu sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi kkawżati minn ftehim bejn impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs KRKA, C‑151/19 P, EU:C:2024:546, punt 316 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, hekk kif jirriżulta mill-punti 43 sa 50 u 61 tas-sentenza appellata, kienet intiża li tiddetermina jekk dawn il-klawżoli kinux jikkostitwixxu inċentiv għal Teva li tirrinunzja milli tikkompeti ma’ Cephalon fuq il-merti tagħha sabiex tiġi ddeterminata l-gravità oġġettiva tal-prattika kkonċernata, u mhux li tevalwa l-eżistenza tal-effetti antikompetittivi tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni. Din l-aħħar evalwazzjoni saret fil-punti 221 sa 223 u 230 sa 254 tas-sentenza appellata.

78

Għaldaqstant, il-kriterju kkonfermat mill-Qorti Ġenerali ma jeżiġix li jiġi evalwat, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, għal kull tranżazzjoni kummerċjali, jekk din tkunx effettivament ġiet konkluża, jew jekk din tkunx tiġi konkluża taħt l-istess kundizzjonijiet, fl-assenza tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni meħud fl-intier tiegħu. Għall-kuntrarju, dan il-kriterju huwa intiż li jistabbilixxi jekk, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, it-trasferimenti ta’ valuri jiġux spjegati, finalment, biss mill-interess kummerċjali tal-operaturi kkonċernati li ma jikkompetux fuq il-merti.

79

Barra minn hekk, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet inklużi fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza appellata, li l-punti 48 sa 50 tagħhom ma humiex ikkontestati mill-appellanti, fir-rigward tad-differenza bejn l-analiżi mwettqa fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u l-metodu “kontrofattwali” li għandu jiġi applikat biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi ta’ ftehim, il-Qorti Ġenerali spjegat tajjeb, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, ir-raġunijiet li għalihom din l-analiżi ma hijiex ekwivalenti għal dan il-metodu “kontrofattwali”.

80

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali tbedietx, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Generics (UK), meta hija qieset li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-unika spjegazzjoni plawżibbli għal kull waħda mit-tranżazzjonijiet kummerċjali kinitx li tinċentiva lil Teva taċċetta l-klawżoli restrittivi u, b’hekk, tirrinunzja milli tikkompeti ma’ Cephalon fuq il-merti tagħha jew jekk dawn it-tranżazzjonijiet ikunux, fi kwalunkwe każ, jiġu konklużi f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni kellha tipparaguna dak li fil-fatt ġara ma’ dak li kien jiġri fl-assenza tal-klawżoli restrittivi.

81

Permezz ta’ dan l-ilment, l-appellanti għandhom l-intenzjoni, essenzjalment, juru li l-kriterju stabbilit mill-Qorti Ġenerali jikkorrispondi għal dak li jirriżulta mis-sentenza Generics (UK) għall-eżami tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett u għalhekk ma jistax, ħlief jekk dan ikun iwassal għal żball ta’ liġi, jintuża sabiex tiġi stabbilita restrizzjoni minħabba l-għan.

82

Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni twettaq evalwazzjoni globali tal-interessi u tal-inċentivi tal-partijiet ikkonċernati, sabiex tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni setax ikollhom spjegazzjonijiet oħra għajr l-interess kummerċjali tal-appellanti li ma jikkompetux fuq il-merti.

83

Tali analiżi għandha tkun ibbażata, hekk kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 50 u 56 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestati mill-appellanti, fuq analiżi flimkien tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni meta dawn it-tranżazzjonijiet u dan il-ftehim ikunu jifformaw parti mill-istess globalitá kuntrattwali.

84

Fil-fatt, hekk kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim ikunx jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, huwa indispensabbli, b’mod partikolari minħabba r-rabtiet stretti bejn il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ provvista esklużiva ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, mhux li tiġi analizzata kull waħda mill-klawżoli restrittivi b’mod separat, iżda li jiġi evalwat jekk dan il-ftehim, meħud globalment, jippreżentax grad ta’ noċività ekonomika fuq il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat li jiġġustifika tali klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 294).

85

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal f’dan il-każ, l-għan ta’ din l-analiżi jikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-effett potenzjalment ta’ inċentiv tat-trasferimenti ta’ valuri u fid-determinazzjoni ta’ jekk l-inklużjoni tal-klawżoli restrittivi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni kinitx tirrappreżenta l-korrispettiv tat-trasferimenti ta’ valuri mwettqa minn Cephalon permezz tat-tranżazzjonijiet kummerċjali koperti mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni.

86

Fil-fatt, jekk kellu jiġi kkonstatat li, fl-assenza tal-klawżoli restrittivi inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni, il-partijiet ma kinux jikkonkludu t-tranżazzjonijiet kummerċjali previsti minn dan il-ftehim, minn dan ikun jista’ jiġi dedott li dawn it-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu spjegati biss mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni miftiehma f’dan il-ftehim.

87

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, mis-sentenza appellata bl-ebda mod ma jirriżulta, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx tali analiżi, peress li l-punti 61 u 162 tas-sentenza appellata jixhdu l-kuntrarju, u lanqas, min-naħa l-oħra, li hija kienet irrikjediet il-prova ta’ dak li kien jiġri fl-assenza tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni meħud fl-intier tiegħu.

88

Għalhekk, dan l-ilment, li huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, ma jistax jintlaqa’.

89

Bl-istess mod, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tal-appellanti, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-kriterju stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, u fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova meħtieġa minn din il-ġurisprudenza.

90

Fil-fatt, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali koperti mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni setgħux ukoll jiġu konklużi, b’kundizzjonijiet daqstant favorevoli, fin-nuqqas ta’ klawżoli restrittivi.

91

Hekk kif jirriżulta mill-punt 53 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkontestat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali fakkret, billi rreferiet għall-punti 83 u 87 tas-sentenza Generics (UK), li hija l-Kummissjoni li għandha turi li, fil-kuntest inkwistjoni, il-klawżoli restrittivi konklużi fil-kuntest tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja taw lok għal ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan u, għalhekk, li għandha turi li mill-eżami ta’ dan il-ftehim jirriżulta li t-trasferimenti ta’ valuri previsti minnu jistgħu jiġu spjegati biss mill-interess kummerċjali kemm tal-proprjetarju tal-privattiva inkwistjoni kif ukoll tal-allegat awtur tal-kontrafazzjoni li ma jikkompetux fuq il-merti.

92

Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostnew li kull waħda mit-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni kellha spjegazzjoni plawżibbli għajr dik li jservu biss bħala korrispettiv għall-klawżoli restrittivi. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ivverifikat, hekk kif jirriżulta mill-punt 61 tas-sentenza appellata, jekk, għal kull waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali previsti minn dan il-ftehim, il-Kummissjoni kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-imsemmija tranżazzjonijiet kellhom l-għan li jservu ta’ trasferiment ta’ valur minn Cephalon lil Teva inkambju għall-impenn ta’ Teva li ma tidħolx b’mod indipendenti fis-swieq tal-prodotti mediċinali ġeneriċi u li ma tikkompetix ma’ Cephalon f’dak li jirrigwarda l-modafinil.

93

Fi tmiem analiżi tad-deċiżjoni kontenzjuża u ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali inkluża fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali waslet, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, għall-konklużjoni, mhux ikkontestata mill-appellanti, li l-Kummissjoni kienet applikat il-kriterju ġuridiku xieraq meta stabbilixxiet li kull waħda mit-tranżazzjonijiet kummerċjali previsti fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni ma kellha l-ebda għan ieħor ħlief li żżid il-livell tat-trasferiment ta’ valur globalment imwettaq favur Teva permezz ta’ dan il-ftehim sabiex din tiġi inċentivata tissuġġetta ruħha għall-klawżoli restrittivi.

94

Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet debitament ipprovat, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punt 87 tas-sentenza Generics (UK), li t-trasferimenti ta’ valuri mwettqa fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja kienu spjegati biss mill-interess kummerċjali ta’ Teva u ta’ Cephalon li ma jikkompetux fuq il-merti.

95

It-tielet nett, għandu jiġi evalwat jekk, hekk kif isostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali effettivament applikatx kriterju impossibbli li jiġi ssodisfatt mill-partijiet, b’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Generics (UK) u jekk il-Qorti Ġenerali applikatx b’mod korrett il-kriterju li hija stess adottat fil-punt 43 tas-sentenza appellata, sabiex tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fi ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja setax ikollhom spjegazzjonijiet oħra għajr l-interess kummerċjali, kemm tal-proprjetarju tal-privattiva kif ukoll tal-allegat awtur tal-kontrafazzjoni, li ma jikkompetux fuq il-merti.

96

F’dan ir-rigward, qabelxejn, sa fejn dan l-ilment huwa bbażat fuq l-argument, diġà eżaminat fil-punti 83 sa 87 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni teżamina t-tranżazzjonijiet kummerċjali “fl-assenza tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni”, dan għandu jiġi miċħud.

97

Sussegwentement, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tal-appellanti li jgħidu li l-evalwazzjoni globali li wettqet il-Qorti Ġenerali kienet tirrigwarda, kuntrarjament għal dak li hija ddikjarat fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti jkunux ikkonkludew kwalunkwe tranżazzjoni kummerċjali indipendentement mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni.

98

Fil-fatt, xejn fis-sentenza appellata ma jindika li l-Qorti Ġenerali ma pproċedietx, hekk kif stabbilit fil-punt 43 tas-sentenza appellata, għad-determinazzjoni tal-punt dwar jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni setax ikollhom spjegazzjonijiet oħra għajr l-interess kummerċjali tal-appellanti li ma jikkompetux fuq il-merti. Għalhekk, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 61 u 162 tas-sentenza appellata, hija preċiżament din l-analiżi li l-Qorti Ġenerali wettqet.

99

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali eskludiet il-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali konkomitanti ma’ ftehim ta’ riżoluzzjoni. Il-punti 56, 61 u 162 tas-sentenza appellata juru, għall-kuntrarju, li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet tali possibbiltà billi eżaminat it-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha konklużi bejn il-partijiet fil-kuntest tas-soluzzjoni bonarja tat-tilwim tagħhom.

100

Għaldaqstant, u hekk kif osserva, essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni rilevanti, f’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan hija dik dwar jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi fil-kuntest ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja jistgħux jiġu spjegati b’mod plawżibbli, fis-sens li l-għan tagħhom ma jikkonsistix fir-restrizzjoni jew fid-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq billi kompetitur potenzjali jiġi inċentivat ma jidħolx fis-suq inkambju għal trasferiment ta’ valur mhux iġġustifikat min-neċessità ta’ kumpens għall-ispejjeż jew għan-nuqqas ta’ qbil marbuta mat-tilwima bejn il-partijiet f’dan il-ftehim.

101

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli wettqet tali analiżi, li tirriżulta mill-punti 61 u 162 tas-sentenza appellata.

102

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, dwar l-applikazzjoni żbaljata tat-tieni parti tal-kriterju ġuridiku stabbilit mis-sentenza Generics (UK)

– L-argumenti tal-partijiet

103

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-punti 182 u 183 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, minħabba li l-motivazzjoni inkluża fihom hija insuffiċjenti u kontradittorja.

104

F’dan ir-rigward, l-appellanti jfakkru li, skont it-tagħlim li jirriżulta mill-punt 111 tas-sentenza Generics (UK), il-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni li huma mogħnija b’effetti favur il-kompetizzjoni pprovati ta’ natura li jqajmu dubji raġonevoli dwar in-natura suffiċjentement noċiva fir-rigward tal-kompetizzjoni ma jistgħux jikkostitwixxu restrizzjonijiet minħabba l-għan. Skont din il-ġurisprudenza, dawn l-effetti għandhom ikunu pprovati, rilevanti u speċifiċi għall-ftehim ikkonċernat kif ukoll suffiċjentement sinjifikattivi, b’mod li jippermettu li tiġi raġonevolment iddubitata n-natura suffiċjentement noċiva fir-rigward tal-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja kkonċernat, u, għaldaqstant, l-għan antikompetittiv tiegħu.

105

Issa, fid-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni indikat li, sa fejn il-ftehim ta’ riżoluzzjoni kien neħħa l-ostakoli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali li kienu jirrendu d-dħul ta’ manifatturi oħra ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi estremament inċert fi żmien qasir, il-ftehim ta’ riżoluzzjoni kien jippermetti lil Teva ssir l-ikbar kompetitriċi ta’ Cephalon fis-suq tal-modafinil.

106

Ir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Teva fuq Cephalon kienet tqieset tali li l-Kummissjoni kienet eżiġiet li Teva tittrasferixxi d-drittijiet tagħha ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tal-prodott modafinil tagħha sabiex tiġi eliminata s-sovrappożizzjoni ta’ attività bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni.

107

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, ma indikatx, sabiex tirrispondi għall-argumenti li huma kienu ressqu fl-ewwel istanza sabiex juru li l-effetti favur il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni kienu jirriżultaw b’mod ċar mid-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni, il-motivi li għalihom ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni inklużi fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni jegħlbu l-effetti favur il-kompetizzjoni evidenti li jirriżultaw minn dan il-ftehim. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma indikatx il-motivi li għalihom id-differenza bejn il-kuntest analitiku użat fid-deċiżjoni kontenzjuża u dak inkluż fid-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni kellha bħala konsegwenza li mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni ma kien jirriżulta ebda effett favur il-kompetizzjoni.

108

Minn naħa l-oħra, l-appellanti jqisu li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma tippermettix li jinftiehem kif il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni kontradittorja, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, li skontha l-fatt li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni, li wara u minkejja l-konklużjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni, Teva kienet għadha l-iktar restrizzjoni kompetittiva probabbli eżerċitata fuq Cephalon ma kienx ifisser li hija kienet qieset li d-drittijiet ġeneriċi ta’ Teva kellhom effett favur il-kompetizzjoni.

109

B’mod partikolari, din il-motivazzjoni ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni ma ppermettietx li tiġi ddubitata b’mod raġonevoli n-natura suffiċjentement noċiva fir-rigward tal-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja.

110

Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ppreżentati mill-appellanti fir-replika tagħhom dwar in-natura allegatament kontradittorja tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkluż fil-punti 182 u 183 tas-sentenza appellata għandhom, bħala argumenti ġodda, jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-punti 182 u 183 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja.

112

Preliminarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa mill-appellanti dwar in-natura kontradittorja tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, imressqa fil-kuntest tar-replika tagħhom, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli bħala argumenti ġodda.

113

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti sempliċement semmew, fit-titolu tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u f’punt tal-appell tagħhom, in-natura kontradittorja tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma taw ebda spjegazzjoni jew mingħajr ma ressqu ebda argument sabiex jistabbilixxu tali natura. Kien biss fl-istadju tar-replika li l-allegata kontradizzjoni kienet is-suġġett ta’ żviluppi f’dak li jirrigwarda biss il-punt 183 tas-sentenza appellata.

114

Konsegwentement, sa fejn l-argument ibbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi bl-ebda mod ma ġie sostnut fir-rikors u peress li ġie fformulat biss għall-ewwel darba fir-replika fir-rigward tal-punt 183 tas-sentenza appellata, mingħajr, barra minn hekk, ma huwa bbażat fuq elementi li ħarġu wara l-preżentata tar-rikors u lanqas ma jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ aggravju msemmi fir-rikors, dan għandu jitqies bħala inammissibbli, konformement mal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli.

115

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti ma jikkontestawx il-motivazzjoni kollha żviluppata mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-tielet parti tal-ewwel motiv tagħhom imqajjem fl-ewwel istanza. B’mod iktar preċiż, huma jikkontestaw biss il-motivazzjoni esposta mill-Qorti Ġenerali fil-punti 182 u 183 tas-sentenza appellata sabiex tiċħad l-argumenti li huma kienu ressqu sabiex juru li l-effetti favur il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni kienu jirriżultaw b’mod ċar mid-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni.

116

Issa, anki jekk jitqies li l-motivazzjoni inkluża fil-punti 182 u 183 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi marbut man-natura insuffiċjenti tagħha, tali żball ma jistax ikollu bħala konsegwenza l-annullament ta’ dik is-sentenza.

117

Fil-fatt, l-appellanti kkontestaw biss, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, element wieħed tar-raġunament li fuqu bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza.

118

F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-punti 178 sa 180 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-argumenti bbażati fuq in-natura prinċipalment favur il-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni, billi ddeċidiet li d-dħul ta’ Teva fis-swieq tal-modafinil kellu jiġi kklassifikat “bħala dħul tardiv, ikkontrollat u limitat fl-imsemmija swieq, pjuttost milli dħul prekoċi”, kif kienu sostnew l-appellanti. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet, fil-punti 186 sa 190 ta’ dik is-sentenza, li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma tistax tiġi eskluża minħabba n-natura allegatament anċillari tal-klawżoli restrittivi.

119

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

120

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE

121

Insostenn tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-effetti antikompetittivi tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni.

122

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi iżda huma kundizzjonijiet alternattivi sabiex tkun tapplika l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123

Issa, peress li l-eżami tal-ewwel aggravju, dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma żvela ebda żball ta’ liġi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni aggravju, dwar l-effetti antikompetittivi tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni.

124

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

125

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

126

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

127

Peress li l-appellanti tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Teva Pharmaceutical Industries Ltd u Cephalon Inc. huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż