Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fit‑22 ta’ Jannar 2026 (1)

Kawża C877/24 [Shamsi] (i)

X,

Minister van Asiel en Migratie, li kien Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

fil-preżenza ta’

Y

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 6, 8 u 9 – Deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment u li jkunu fil-ħabs għal għomorhom jew għal żmien twil – Impossibbiltà ta’ konformità mal-obbligu ta’ ritorn fil-futur qrib – Prinċipju ta’ proporzjonalità”






 Introduzzjoni

1.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-portata tad-Direttiva 2008/115/KE dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (2) f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri dik ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (li jirrisjedu irregolarment) li ġew ikkundannati, fl-Istat Membru kkonċernat, għal pieni ta’ priġunerija għal żmien twil ħafna, jew saħansitra għal għomorhom, għal delitti li ma jkunux marbuta man-natura irregolari tar-residenza tagħhom. B’mod iktar preċiż, għandu jiġi ddeterminat jekk, u f’liema kundizzjonijiet, Stat Membru jibqax obbligat jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħhom meta, minħabba l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-pieni, la tluq volontarju u lanqas tneħħija forzata ma ser ikunu jistgħu jseħħu fil-futur qarib.

2.        Ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), ser jippermettu li tiġi ċċarata b’mod partikolari r-relazzjoni bejn l-obbligu, impost fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-każ ta’ residenza irregolari, u r-rekwiżit, li jirriżulta mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li t-tneħħija ssir “malajr kemm jista’ jkun” (3), meta l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija toħloq impediment fit-tul. Din il-kawża ser toffri wkoll l-okkażjoni li tiġi ppreċiżata l-funzjoni tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115 bħala mekkaniżmu ta’ posponiment tat-tneħħija, kif ukoll ir-rwol tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-kuntest.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l‑4 u l‑5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(4)      Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.”

4.        L-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

[...]

(b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

5.        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)      il-ħajja familjari,

(c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

6.        L-Artikolu 6(1) sa (5) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

4.      L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

5.      Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jkun is-suġġett ta’ proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta’ xi permess ieħor li joffri d-dritt ta’ soġġorn, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6.”

7.        L-Artikolu 8(1) sa (3) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

2.      Jekk l-Istat Membru jkun ta perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi nfurzata biss wara li l-perijodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perijodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

3.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.”

8.        Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)      meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement jew

(b)      sakemm jingħata effett sospensiv skond l-Artikolu 13(2).

2.      L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu kont ta’:

(a)      l-istat fiżiku jew il-kapaċità mentali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;

(b)      raġunijiet tekniċi, bħan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ trasport jew jekk it-tneħħija ma sseħħx minħabba nuqqas ta’ identifikazzjoni.

3.      Jekk tneħħija tiġi posposta kif previst fil-paragrafi 1 u 2, l-obbligi previsti fl-Artikolu 7(3) jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.”

 Id‑dritt Olandiż

9.        L-Artikolu 64 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin) (4), tat‑23 ta’ Novembru 2000, jipprovdi:

“It-tneħħija għandha tiġi posposta sakemm l-istat tas-saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jkunx jippermetti l-ivvjaġġar.”

10.      L-Artikolu 6.1(b) tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin) (5), tat‑23 ta’ Novembru 2000, jipprovdi:

“Jekk il-barrani jkollu jitlaq mit-territorju immedjatament [...] jew ma jkunx telaq minnu fit-terminu mogħti lilu, it-tkeċċija tista’ tiġi posposta. Il-posponiment għandu fi kwalunkwe każ jieħu inkunsiderazzjoni l-istat fiżiku u mentali tal-barrani u raġunijiet ta’ natura teknika, bħalma huma l-assenza ta’ mezzi ta’ trasport jew il-fatt li t-tneħħija ma rnexxietx minħabba l-assenza ta’ identifikazzjoni.

[...]”

 It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Il-proċedura fil-kawżi prinċipali għandha bħala suġġett żewġ deċiżjonijiet ta’ ritorn adottati mill-minister van Asiel en Migratie (il-Ministru għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) fir-rigward ta’ X u Y, żewġ persuni li għandhom nazzjonalitajiet ta’ pajjiżi terzi.

12.      X, ċittadin tal-Azerbajġan, ġie kkundannat minn qorti Olandiża, fid‑19 ta’ Jannar 2015, għal piena ta’ għomor il-ħabs għal diversi omiċidji, imwettqa f’Mejju 2011. Wara din il-kundanna, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2018, il-Ministru rtira l-permess ta’ residenza ta’ X b’effett retroattiv mit‑12 ta’ Mejju 2011, u fl-istess ħin ordnalu jitlaq immedjatament mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Huwa ħareġ ukoll, kontra X, projbizzjoni fuq id-dħul għal perijodu ta’ għaxar snin. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2020, il-Ministru ċaħad l-ilment imressaq minn X kontra d-deċiżjoni tiegħu tal‑20 ta’ Settembru 2018.

13.      X ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ministru tas‑27 ta’ Lulju 2020 quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaatsen ‘s-Hertogenbosch en Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, Diviżjonijiet ta’ ‘s-Hertogenbosch u ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2022, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Ministru kien obbligat jadotta deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115. B’mod partikolari, skont dik il-qorti, minħabba l-irtirar tal-permess ta’ residenza tiegħu, X kien qiegħed jirrisjedi illegalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u d-deċiżjoni ta’ ritorn kienet neċessarja sabiex tiġi żgurata t-tneħħija tiegħu li kieku kellu jiġi rrilaxxat. Fil-fatt, tali liberazzjoni setgħet isseħħ wara li dan ikun qatta’ 25 sena l-ħabs (6).

14.      X appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

15.      Sadanittant, Y, ċittadin Afgan, kien daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-Ġermanja fil‑31 ta’ Awwissu 2018, wara li l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu ppreżentata fil-Ġermanja kienet ġiet definittivament miċħuda hemmhekk. Fis‑16 ta’ Novembru 2020, huwa ġie kkundannat b’mod definittiv, minn qorti Olandiża, għal piena ta’ priġunerija ta’ 25 sena għal żewġ tentattivi ta’ qtil b’għan terroristiku, imwettqa fil-jum tad-dħul tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Minn dak iż-żmien lil hawn, huwa nżamm taħt detenzjoni skont id-dritt kriminali. Barra minn hekk, Y qatt ma kellu d-dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi.

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2023, il-Ministru kkonstata li Y ma kienx jirrisjedi regolarment fil-Pajjiżi l-Baxxi, ordnalu jitlaq immedjatament mit-territorju tal-Unjoni u ħareġ, kontra Y, projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ 20 sena.

17.      Y ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaatsen ‘s-Hertogenbosch en Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, Diviżjonijiet ta’ ‘s-Hertogenbosch u ta’ Amsterdam). Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2023, dik il-qorti laqgħet dan ir-rikors u annullat l-imsemmija deċiżjoni, billi qieset li l-Ministru ma setax validament jadotta deċiżjoni ta’ ritorn f’sitwazzjoni fejn ma kienx f’pożizzjoni li jipproċedi bit-tneħħija, minħabba l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għal żmien twil. Dik il-qorti ddeduċiet din il-konklużjoni, inter alia, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (7) u tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru) (8).

18.      Il-Ministru appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

19.      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ma huwiex ikkontestat li X u Y jirrisjedu irregolarment fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huma ma invokawx il-prinċipji elenkati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn stabbiliti fl-Artikolu 6(2) sa (5) ta’ din id-direttiva.

20.      F’dan il-kuntest, il-partijiet fil-kawżi prinċipali madankollu ma jaqblux dwar il-possibbiltà, għall-Ministru, li jadotta deċiżjoni ta’ ritorn kontra X u Y f’sitwazzjoni fejn, minħabba l-priġunerija tagħhom, dawn ma jistgħux jeżegwixxu l-obbligu tagħhom ta’ ritorn u l-Ministru ma jistax ineħħihom.

21.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li, għalkemm l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jidher li jimponi obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn f’sitwazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din id-direttiva ma tiddeterminax b’mod ċar ir-relazzjoni bejn dan l-obbligu u l-fatt li, f’tali sitwazzjoni, kull possibbiltà ta’ ritorn effettiv hija eskluża għal perijodu twil. Barra minn hekk, ma huwiex ċar li huwa possibbli li t-tneħħija ta’ X u ta’ Y tiġi posposta abbażi tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva peress li din id-dispożizzjoni tidher li tkopri każijiet ta’ posponiment għal żmien limitat. Barra minn hekk, it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt Olandiż ma tippermettix li t-tneħħija tiġi posposta minħabba l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija (9).

22.      Dik il-qorti tqis, barra minn hekk, li l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta b’mod partikolari obbligu li t-tneħħija titwettaq “malajr kemm jista’ jkun”, lanqas ma tippermetti li tiġi riżolta d-diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115 inkwistjoni.

23.      Fit-tieni lok, fil-każ li l-Ministru ma jkunx awtorizzat jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk huwa jkunx għalhekk obbligat, skont id-Direttiva 2008/115, jagħti permess ta’ residenza lil X u Y, sabiex tiġi evitata l-persistenza ta’ sitwazzjoni li fiha dawn ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn, mingħajr madankollu ma jkunu qegħdin jirrisjedu b’mod regolari fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

24.      Fit-tielet lok, dik il-qorti tistaqsi jekk huwiex possibbli li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi invokat sabiex tiġi opposta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva [2008/115], u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 8 u 9 tagħha, tipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kontra barrani li, minħabba l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għal żmien twil jew għal għomru, ma jistax jeżegwixxi l-obbligu ta’ ritorn tiegħu għal perijodu twil u, għall-istess raġuni, ma jistax iktar jitneħħa mit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Istat Membru huwa għalhekk obbligat, matul iż-żamma f’detenzjoni għal żmien twil jew għal għomru, li jagħti lill-barrani permess ta’ residenza awtonomu jew forma oħra ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza, kemm jekk fuq il-bażi jew le tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115?

3)      Fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, teżisti marġni ta’ evalwazzjoni li tippermetti li jsir stħarriġ ta’ proporzjonalità f’każ individwali, minbarra eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu u tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji u tal-interessi esposti fl-Artikolu 5 tal-istess direttiva?”

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawżi prinċipali, X u Y, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

 Analiżi

27.      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi preliminari huma strutturati f’żewġ partijiet. Jaqgħu taħt l-ewwel parti l-ewwel u t-tielet domanda, li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2008/115 tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom jiskontaw, minn qabel, pieni twal ta’ priġunerija, jew saħansitra għal għomorhom. It-tieni domanda tifforma t-tieni parti. Ibbażata fuq l-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, it-tieni domanda tirrigwarda l-eventwali eżistenza ta’ obbligu, għall-Istat Membru kkonċernat, li joħroġ lill-persuna kkonċernata, matul l-eżekuzzjoni tal-piena tagħha u sat-tneħħija effettiva tagħha, permess li jawtorizzaha tirrisjedi fit-territorju tiegħu. Ser nibda billi neżamina l-ewwel u t-tielet domanda, qabel ma nindirizza, fit-tieni lok, it-tieni waħda.

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

 Osservazzjonijiet preliminari

28.      Fir-rigward tal-ewwel domanda, marbuta mill-qrib mat-tielet waħda, għandu jiġi identifikat is-sors tad-dubju tal-qorti tar-rinviju. Fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 f’sitwazzjoni fejn hemm mogħdija ta’ żmien sinjifikattiv bejn, minn naħa, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u, min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ tneħħija tal-persuni kkonċernati. Fi kliem ieħor, id-domanda tal-qorti tar-rinviju turi tensjoni inerenti bejn l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, li jimponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, u l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li l-persuna kkonċernata titneħħa, peress li dawn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura ta’ ritorn għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iseħħu “malajr kemm jista’ jkun” wara xulxin (10).

29.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domandi magħmula, għandhom jiġu eżaminati, minn naħa, ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/115 fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minnha, kif jirriżultaw mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet jinteraġixxu ma’ regoli oħra li jistgħu japplikaw f’din il-kawża, b’mod partikolari l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, dwar il-posponiment tat-tneħħija.

30.      Għaldaqstant, għandhom jiġu ttrattati suċċessivament il-mistoqsijiet segwenti: L-ewwel nett, id-Direttiva 2008/115 timponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru? It-tieni nett, kif jirrelataw l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni u t-tmexxija ta’ proċeduri kriminali minn dan l-Istat Membru, irrispettivament minn jekk dawn il-proċeduri jkunux marbuta jew le mar-residenza irregolari? Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat jekk interruzzjoni fil-proċedura ta’ ritorn hijiex possibbli fid-dawl tad-Direttiva 2008/115, x’portata għandu l-Artikolu 9 tagħha, li jelenka l-każijiet li fihom it-tneħħija tista’ tiġi posposta?

 L-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn

31.      Id-Direttiva 2008/115 timponi obbligu doppju fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat. Minn naħa, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tal-istess direttiva, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn meta tkun stabbilita n-natura irregolari tar-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz (11). Min-naħa l-oħra, l-istess awtoritajiet għandhom jiżguraw li din id-deċiżjoni tiġi eżegwita b’mod effettiv u diliġenti, konformement mal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, filwaqt li jiżguraw ruħhom li l-miżuri adottati jwasslu realment għat-tneħħija tal-persuna kkonċernata. Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra espliċitament li “l-obbligu impost mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lill-Istati Membri li jipproċedu, fis-sitwazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, għat-tneħħija, għandu jitwettaq mill-iktar fis possibbli” (12).

32.      Dan ir-rekwiżit doppju, jiġifieri l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-każ ta’ residenza irregolari, u mbagħad l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni b’diliġenza, jirrifletti l-għan stess tad-Direttiva 2008/115, li huwa l-organizzazzjoni ta’ politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, filwaqt li jiġi ggarantit li l-persuni kkonċernati jitneħħew b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom u tad-dinjità tagħhom (13). Kif fakkret b’mod kostanti l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux, fl-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2008/115, jadottaw prattiki li jistgħu “jikkompromett[u] t-twettiq tal-għan intiż minn din id‑direttiva, jiġifieri l-adozzjoni ta’ politika effettiva ta’ ripatrijazzjoni u ta’ tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari” (14).

33.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat ma għandhomx sempliċi possibbiltà, iżda huma, bħala prinċipju, obbligati (15) jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn meta tiġi kkonstatata r-residenza irregolari tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, jista’ jkun hemm deroga minn dan l-obbligu biss fil-każijiet espressament previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) (16) tad-Direttiva 2008/115 jew fil-każ fejn ir-rekwiżiti elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jostakolaw l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

 L-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 u l-kompetenza kriminali tal-Istati Membri

34.      Għandu jiġi eżaminat il-mod kif il-proċedura ta’ ritorn tirrelata mal-kompetenza kriminali tal-Istat Membru kkonċernat li jibda proċeduri kriminali fir-rigward ta’ fatti li jkunu jew ma jkunux marbuta mar-residenza irregolari. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa neċessarju li ssir distinzjoni doppja. Minn naħa, hemm is-sitwazzjonijiet diġà eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, li jikkonċernaw reati marbuta direttament mad-dħul jew mar-residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. Min-naħa l-oħra, hemm il-proċeduri u l-kundanni relatati ma’ reati li ma jkunux marbuta mal-fatt biss tal-irregolarità tar-residenza, sitwazzjoni din li tikkorrispondi preċiżament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, jidhirli li n-natura tas-sanzjoni kriminali inkwistjoni tikkostitwixxi l-kriterju rilevanti sabiex issir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji.

35.      Fir-rigward tal-ewwel kategorija, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat preċiżament din il-problema u tat risposti li, fil-fehma tagħha, huma konformi mal-għan imsemmi fil-punt 32 iktar ’il fuq, imfittex mid-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprova tikkonċilja, minn naħa, l-effett utli tad-Direttiva dwar ir-ritorn u, min-naħa l-oħra, il-kompetenza kriminali tal-Istati Membri (17). Minn dan joħroġ li s-sanzjoni kriminali marbuta mar-residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas l-effett utli tad-Direttiva 2008/115 u, b’mod partikolari, li tikkomprometti l-eżekuzzjoni effettiva u diliġenti tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

36.      B’hekk, fis-sentenza El Dridi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sanzjoni kriminali ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2008/115 meta jkollha l-konsegwenza li teskludi mill-proċedura ta’ ritorn liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment (18). Fuq il-linji ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li miżuri kriminali li jindirizzaw biss ir-residenza irregolari ma jistgħux jiġu inkorporati fi stadju preċedenti jew matul l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ ritorn f’sitwazzjoni fejn jimpedixxu l-eżekuzzjoni jew jikkompromettu l-effikaċja ta’ din il-proċedura (19). Dan ikun b’mod partikolari l-każ tad-detenzjoni fid-domiċilju (20), kif ukoll tas-sostituzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn b’multa (21), li ma humiex kompatibbli mad-Direttiva 2008/115. Mill-banda l-oħra, meta ma tostakolax ritorn effettiv, pereżempju minħabba li tkun sanzjoni ta’ natura pekunjarja, sanzjoni kriminali tibqa’ kompatibbli mad-Direttiva 2008/115 (22).

37.      Fir-rigward tat-tieni kategorija, jiġifieri l-ipoteżi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz iwettaq reat kriminali minbarra r-residenza irregolari biss, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, “[l]-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li [...] huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni”. F’tali każ, il-persuna kkonċernata tista’ tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 u b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponulha sanzjoni kriminali minħabba l-irregolarità tar-residenza tagħha mingħajr ma jkunu obbligati jsegwu l-loġika tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza El Dridi.

38.      Dan fakkritu l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Achughbabian meta ddeċidiet li “ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, minbarra mir-reat ta’ residenza illegali, ikunu wettqu reat jew reati oħra, jistgħu, skont il-każ, abbażi tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha” (23). Dan l-approċċ ġie sussegwentement spjegat f’iktar dettall fis-sentenza Affum (24), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “d-Direttiva 2008/115 ma teskludix is-setgħa tal-Istati Membri li jrażżnu b’piena ta’ priġunerija t-twettiq ta’ reati differenti minn dawk marbuta mal-fatt biss ta’ dħul irregolari, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn l-imsemmija proċedura tkun għadha ma ġietx ikkompletata” (25).

39.      Din il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li hija partikolarment importanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-espressjoni “jrażżnu bi”, u mhux dik, iktar stretta, li “jimponu” piena. Fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ “trażżin” (bil-Franċiż, “répression”) (26) ma jinkludix biss il-kriminalizzazzjoni tar-reat u l-għoti tal-piena, iżda wkoll, bħala prinċipju, l-eżekuzzjoni tagħha. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tillimita ruħha biss għas-setgħa ta’ kriminalizzazzjoni jew ta’ impożizzjoni ta’ piena, hija ma kinitx tuża espressjoni daqstant wiesgħa daqs “jrażżnu bi”. Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li ż-żewġ proċeduri, dik kriminali u dik relatata mar-ritorn tal-persuna kkonċernata, jistgħu jitmexxew b’mod parallel, huwa ovvju li dan japplika a fortiori meta l-kundanna kriminali tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, bħalma huwa l-każ fil-kawżi prinċipali.

40.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-Direttiva 2008/115 la għandha l-għan u lanqas l-effett li tirrestrinġi, b’mod ġenerali, il-kompetenza kriminali tal-Istati Membri sabiex jissanzjonaw reati oħra minbarra dawk relatati mad-dħul jew mar-residenza irregolari. L-Istati Membri jżommu għalhekk il-possibbiltà li jimponu pieni li jċaħħdu l-libertà għat-twettiq ta’ reati li ma jkunux marbuta mar-residenza irregolari u li jikkonstataw, sussegwentement, in-natura irregolari ta’ din ir-residenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawżi prinċipali, la X u lanqas Y ma jikkontestaw in-natura irregolari tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

41.      Peress li, kif diġà tfakkar, l-Istati Membri ma għandhomx sempliċi possibbiltà, iżda huma, bħala prinċipju, obbligati jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn mill-mument li fih tiġi kkonstatata r-residenza irregolari, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2008/115 tipprovdix hija stess il-muftieħ għal interpretazzjoni armonjuża tal-Artikoli 6 u 8 tagħha.

 Il-konċiljazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 6 u 8 permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/115

42.      Fil-punti li jmiss ser neżamina jekk it-tensjoni inerenti bejn l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/115 tistax titnaqqas fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew permezz ta’ interpretazzjoni sistematika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari billi jiġu kkunsidrati flimkien mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

43.      Fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet relazzjoni “inversa” bejn l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/115, fis-sens li l-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6 ma huwiex impost b’mod awtomatiku iżda jeħtieġ qabelxejn evalwazzjoni tal-possibbiltà reali tat-tneħħija fis-sens tal-Artikolu 8. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa mill-bidu, il-kundizzjonijiet prevedibbli tal-eżekuzzjoni tagħha, fis-sens li deċiżjoni ta’ ritorn ma tistax tittieħed b’mod validu meta t-tneħħija ma tkunx, fil-prattika, possibbli.

44.      Dan huwa t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (27), TQ u M. Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni ta’ ritorn ma tistax tiġi adottata meta l-persuna kkonċernata, marida serjament u f’sitwazzjoni irregolari, tkun f’riskju reali ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja tagħha jew ta’ deterjorament rapidu, sinjifikattiv u irrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tagħha minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kura xierqa fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. Fit-tieni sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet, inter alia, għal minuri mhux akkumpanjat, li tiġi identifikata soluzzjoni ta’ akkoljenza adegwata fil-pajjiż ta’ ritorn saħansitra qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, identifikazzjoni li mingħajrha tali deċiżjoni ma tkunx tista’ tittieħed. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza M, hija qieset, essenzjalment, li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor ma jistax ikun is-suġġett, fl-Istat fejn jirrisjedi irregolarment, ta’ deċiżjoni ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement (28).

45.      Madankollu, ma nqisx li din il-linja ġurisprudenzjali tista’ tiġi trasposta għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, l-ostakolu għat-tneħħija kien marbut prinċipalment mas-sitwazzjoni li fiha kienet ser issib ruħha l-persuna kkonċernat fl-Istat ta’ destinazzjoni (riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, assenza ta’ soluzzjoni ta’ akkoljenza adegwata, ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement) (29). Mill-banda l-oħra, fl-ipoteżi ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà għal perijodu twil ħafna jew ta’ pieni ta’ għomor il-ħabs, bħal fil-kawżi prinċipali, l-impediment għat-tneħħija jirriżulta minn element intern speċifiku għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri t-twettiq tal-piena ordnata mill-qrati kriminali tiegħu.

46.      Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-preżenza ta’ impossibbiltà ta’ tneħħija minħabba l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà għandha tinftiehem skont loġika oħra, fi ħdan l-istess struttura tad-Direttiva 2008/115.

47.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa rilevanti l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115. Is-sitwazzjoni ta’ persuna kkundannata għal piena li ċċaħħad il-libertà tista’ tiġi kkunsidrata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, li tindirizza preċiżament l-ipoteżi fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn ma tkunx tista’ sseħħ immedjatament. L-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija “għal perijodu xieraq”, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-“ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali”, meta jkun hemm, b’mod partikolari, raġunijiet tekniċi jew raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata. Fil-fehma tiegħi, huwa f’dan il-kuntest li jista’ jinftiehem il-posponiment tat-tneħħija għall-perijodu tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà.

48.      L-ewwel nett, għalkemm huwa minnu li t-test tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115 isemmi, sabiex jiġġustifika l-posponiment, raġunijiet ta’ natura medika jew teknika, bħalma huma l-“istat fiżiku jew il-kapaċità mentali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz” jew ukoll “raġunijiet tekniċi, bħan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ trasport jew jekk it-tneħħija ma sseħħx minħabba nuqqas ta’ identifikazzjoni”, din il-lista ma għandhiex natura eżawrjenti. Billi ppreveda li l-Istati Membri, sabiex jiddeċiedu li jipposponu t-tneħħija “għal perijodu xieraq”, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni “b’mod partikolari” (30) dawn l-ipoteżijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta, fil-fehma tiegħi, lill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115, rwol iktar flessibbli u, biex ngħidu hekk, iktar funzjonali meta mqabbel mal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom ikun hemm l-obbligu ta’ posponiment tat-tneħħija.

49.      L-espressjoni “b’mod partikolari” għandha, f’dan ir-rigward, importanza determinanti. Din l-espressjoni tindika li r-raġunijiet elenkati huma mogħtija bħala eżempji u ma humiex eżawrjenti (31). Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2008/115 tammetti espressament l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet oħra li fihom it-tneħħija ma tistax, fil-fatt jew fid-dritt, tiġi eżegwita immedjatament, minkejja li tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn u minkejja li l-obbligu li t-tneħħija ssir “malajr kemm jista’ jkun” ikompli, bħala prinċipju, jorbot lill-Istat Membru (32).

50.      Fil-fatt, piena ta’ priġunerija mogħtija għal reati awtonomi mir-residenza irregolari toħloq, min-natura tagħha, impossibbiltà materjali li t-tneħħija titwettaq qabel il-ħelsien tal-persuna kkonċernata. Dan huwa impediment oġġettiv, indipendenti mir-rieda ta’ din tal-aħħar, li jaqa’, fil-fehma tiegħi, taħt iċ-“ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali” fis-sens tal-Artikolu 9(2), tad-Direttiva 2008/115, u jiġġustifika, għal din ir-raġuni, posponiment tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

51.      It-tieni nett, l-istruttura stess tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115 issaħħaħ l-idea li dan l-artikolu jista’ jikkostitwixxi l-bażi tal-posponiment tat-tneħħija matul l-eżekuzzjoni ta’ piena twila li ċċaħħad il-libertà. Il-kunċett ta’ “perijodu xieraq” ma huwiex ekwivalenti, fih innifsu, għal “perijodu qasir” jew “strettament limitat”; dan il-kunċett jirreferi għal tul ta’ żmien meħtieġ u proporzjonat mar-raġuni tal-posponiment.

52.      Fi kliem ieħor, il-posponiment la jista’ jkun indefinit u lanqas iffriżat. Il-posponiment għandu jibqa’ limitat għaż-żmien strettament neċessarju sabiex jintemm l-ostakolu oġġettiv tat-tneħħija kkostitwit mill-piena ta’ priġunerija. Il-posponiment għandu jkun ukoll is-suġġett ta’ kontroll perijodiku li jippermetti li tiġi eżaminata kull bidla fiċ-ċirkustanzi li tkun seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u li jkun jista’ jkollha impatt sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tad-Direttiva 2008/115 u b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha (33). B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jevalwaw, f’intervalli xierqa, jekk it-tneħħija tistax tiġi raġonevolment implimentata, b’mod partikolari meta joqorbu d-dati għal liberazzjoni kundizzjonata jew għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-piena. Meta l-ħelsien isir prevedibbli, dawn l-awtoritajiet għandhom jeżaminaw mill-ġdid l-implimentazzjoni tar-ritorn fid-dawl tal-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 (34).

53.      It-tielet nett, jekk jiġi aċċettat li l-piena għal żmien twil imposta taħt id-dritt kriminali tikkostitwixxi ostakolu għall-adozzjoni stess ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, dan ikun jimplika, neċessarjament, id-definizzjoni ta’ limitu astratt ta’ żmien li lil hinn minnu l-Istat Membru jkun obbligat jastjeni milli jadottaha. Issa, fid-Direttiva 2008/115 ma hemm xejn li jippermetti li jinstilet tali limitu. La l-Artikolu 6 li jimponi bħala prinċipju l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-każ ta’ residenza irregolari, u lanqas l-Artikoli 8 u 9 li jirregolaw l-eżekuzzjoni u l-posponiment tagħha, ma jagħmlu distinzjoni bejn pieni “qosra” u “twal”, u ma jipprevedux regoli speċifiċi għall-kundanni għal għomor il-ħabs.

54.      Fil-fehma tiegħi, l-introduzzjoni, permezz ta’ interpretazzjoni, ta’ kriterju ratione temporis riġidu (sena, ħames snin, għaxar snin jew tletin sena ta’ detenzjoni?) tkun tammonta għal żieda mad-Direttiva 2008/115 ta’ kundizzjoni li ma tinsabx fiha. Barra minn hekk, id-diversità tas-sistemi kriminali nazzjonali, tas-sistemi ta’ ħelsien kundizzjonali u tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-pieni twassal neċessarjament għal limiti ddifferenzjati minn Stat Membru għal ieħor, bir-riskju li tiddgħajjef iċ-ċertezza legali, li tiġi fframmentata s-sistema tar-ritorn u li fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqas l-effett utli tad-Direttiva 2008/115.

55.      Ir-raba’ nett, u kif irrileva b’mod partikolari l-Gvern Olandiż, kriterju bbażat biss fuq it-tul tal-piena jipproduċi effetti paradossali fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2008/115. L-awturi tal-iktar reati gravi, ikkundannati għal pieni severi ħafna jew għall-piena ta’ għomor il-ħabs, bħalma huma l-persuni kkonċernati fil-kawżi prinċipali, jevitaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, fil-mument tal-kundanna kriminali tagħhom, minħabba li t-tneħħija tagħhom tista’ sseħħ biss wara perijodu twil ħafna, filwaqt li l-persuni ssanzjonati b’mod inqas sever jibqgħu kompletament suġġetti għas-sistema ta’ din id-direttiva.

56.      Tali konfigurazzjoni tistabbilixxi, fil-fehma tiegħi, differenza fit-trattament li diffiċilment tista’ tiġi ġġustifikata. Iktar ma l-gravità tar-reat tkun kbira, iktar il-persuna kkonċernata tkun, fil-prattika, “protetta” kontra l-adozzjoni, fil-mument tal-kundanna kriminali tagħha, ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-irregolarità tar-residenza tagħha u li twassal għat-tneħħija tagħha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti, essenzjalment, li d-Direttiva 2008/115 hija intiża preċiżament li jiġu evitati sistemi paralleli għall-ġestjoni tar-residenza irregolari, billi timponi qafas uniformi għall-adozzjoni u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn (35). Għaldaqstant, it-tul tal-piena ma jistax jiffunzjona bħala element li jikkundizzjona l-adozzjoni stess tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

57.      Il-ħames nett, tali approċċ huwa konformi mal-għan ta’ effikaċja mfittex mid-Direttiva 2008/115. Kif ġie indikat b’mod partikolari mill-Kummissjoni u mill-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata matul l-eżekuzzjoni tal-piena, l-awtoritajiet ikollhom il-ħin neċessarju sabiex jippreparaw, minn qabel, il-modalitajiet konkreti tat-tneħħija, b’tali mod li din tkun tista’ sseħħ kemm jista’ jkun malajr, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, hekk kif il-piena imposta tkun ġiet skontata. Hija tippermetti wkoll, kif irrilevaw il-Gvern Belġjan u l-Gvern Olandiż, li jitħares l-użu tal-istrumenti internazzjonali dwar it-trasferiment tal-persuni kkundannati (36), li jeħtieġu l-eżistenza ta’ miżura ta’ tneħħija adottata preċedentement, mingħajr ma d-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li tostakola dan kemm-il darba jkunu osservati l-garanziji li hija tistabbilixxi.

58.      Is-sitt nett, fis-sentenza Gnandi (37) tista’ tinstab spjegazzjoni utli dwar ir-relazzjoni bejn id-deċiżjoni ta’ ritorn u l-pieni li jċaħħdu l-libertà. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, wara ċ-ċaħda fl-ewwel istanza ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ir-residenza tal-persuna kkonċernata ssir irregolari fis-sens tad-Direttiva 2008/115, b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ ritorn tkun tista’ tiġi adottata, u anki magħquda fl-istess att, mad-deċiżjoni li ttemm ir-residenza regolari. Madankollu, hija żiedet li, meta r-rimedju disponibbli kontra din id-deċiżjoni ta’ ritorn ikollu effett sospensiv, l-effetti kollha ta’ din id-deċiżjoni jkollhom jiġu sospiżi sal-eżitu definittiv tal-proċedura fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju, filwaqt li l-persuna kkonċernata żżomm, fil-frattemp, id-drittijiet neċessarji għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk aċċettat il-koeżistenza ta’ tliet elementi: residenza irregolari, deċiżjoni ta’ ritorn diġà meħuda u impossibbiltà legali li tiġi eżegwita t-tneħħija matul ċertu perijodu. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix dan, iżda torganizza r-relazzjoni bejn dawn l-elementi permezz ta’ arranġament ta’ sospensjoni irregolat.

59.      Mutatis mutandis, din il-loġika tista’ tiġi applikata b’analoġija għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat għal piena twila jew għal piena għal għomru l-ħabs li tista’ titnaqqas (38). Ladarba tiġi kkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l-Istat Membru jkollu, bħala prinċipju, jadotta deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115. L-impediment ikkostitwit mill-inkarċerazzjoni ma għandux jiġi ttrattat bl-astensjoni ta’ kull deċiżjoni, iżda bil-posponiment tal-eżekuzzjoni tagħha għal “perijodu xieraq” fis-sens tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva.

60.      Fl-aħħar nett, is-seba’ nett, il-każ tal-pieni ta’ għomor il-ħabs jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, analiżi distinta. Meta l-piena ta’ għomor il-ħabs tkun tista’ titnaqqas, jiġifieri tkun tista’ tkun suġġetta għal arranġamenti, għal eżamijiet mill-ġdid perijodiċi jew għal ħelsien kundizzjonali, ikun għad hemm prospett ta’ ħelsien, anki jekk imbiegħed. F’dan il-kuntest, il-posponiment tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn jibqa’ kompatibbli mad-Direttiva 2008/115, sakemm ikun ibbażat fuq prospett identifikabbli ta’ tneħħija u jkun suġġett għal eżamijiet mill-ġdid regolari. Kif ġie rrilevat fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “perijodu xieraq” jista’ għalhekk ikopri tul sostanzjali, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet jivverifikaw perijodikament jekk, u għal liema perijodu fil-ġejjieni, it-tneħħija tista’ tiġi konkretament prevista, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata mill-aspett tad-dritt kriminali.

61.      Mill-banda l-oħra, jekk il-piena ta’ għomor il-ħabs ma tkunx tista’ titnaqqas, jiġifieri jekk ma jkun previst ebda mekkaniżmu ta’ ħelsien jew ta’ arranġament u ma jkun hemm ebda perspettiva ta’ flessibbiltà fil-piena fid-dritt intern (39), jidhirli li l-loġika stess tad-Direttiva 2008/115 tilħaq il-limiti tagħha fir-rigward tal-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn. Il-kunċett ta’ “perijodu xieraq” ma jistax jiġi estiż sal-punt li jkopri sospensjoni indefinita, li tkun ekwivalenti, fil-prattika, għal posponiment sine die tat-tneħħija. Tali posponiment illimitat imur kontra r-rekwiżit ta’ prospett reali ta’ tneħħija (40) u jmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva, li hija intiża li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment, kif tfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq.

62.      Fl-aħħar nett, din id-distinzjoni bejn pieni li jistgħu jitnaqqsu u pieni li ma jistgħux jitnaqqsu twassal sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (41) f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2008/115. Kif ġie indikat b’mod kostanti fil-ġurisprudenza dwar din id-direttiva, dan il-prinċipju għandu jiġi osservat fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn (42). Fir-rigward tad-distakk bejn it-teħid tad-deċiżjoni ta’ ritorn u t-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa meħtieġ approċċ delikat. Minn naħa, fir-rigward tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment, inqis li, lil hinn mill-eċċezzjonijiet previsti fil-Artikolu 6(2) sa (5) ta’ din id-direttiva u mill-interessi msemmija fl-Artikolu 5 tal-istess direttiva, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax jittrasforma t-tul tal-piena fi kriterju li jikkundizzjona l-adozzjoni stess tad-deċiżjoni.

63.      Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju jeżiġi li d-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata u tinżamm biss meta tibqa’ marbuta ma’ prospett realistiku ta’ tneħħija. Għalhekk, huma biss ipoteżijiet eċċezzjonali, ikkaratterizzati mill-assenza definittiva ta’ kull prospett ta’ tneħħija, bħalma huma dawk tal-pieni ta’ għomor il-ħabs li ma jistgħux jitnaqqsu, li jistgħu jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li deċiżjoni ta’ ritorn intiża li tibqa’ perpetwalment mhux eżegwibbli ma tibqax tissodisfa l-għan tad-Direttiva 2008/115 u ma tistax, għaldaqstant, tiġi adottata mingħajr ma jinkisru r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

64.      Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment u li jkun qiegħed jiskonta piena ta’ priġunerija għal żmien twil, meta t-tneħħija tiegħu tkun ser isseħħ biss fi tmiem din il-piena, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet jivverifikaw perijodikament jekk it-tneħħija tistax tiġi konkretament prevista, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata mill-aspett tad-dritt kriminali. Mill-banda l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet, meqjusa mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta piena ta’ għomor il-ħabs li ma tkunx tista’ titnaqqas telimina kull prospett ta’ tneħħija peress li din issir fil-fatt impossibbli.

 Fuq it-tieni domanda

65.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/115, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq Stat Membru li jiddeċiedi li jżomm fil-ħabs, għal perijodu twil, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment, mingħajr ma jkun jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu, l-obbligu li joħroġlu permess jew awtorizzazzjoni ta’ residenza, anki jekk provviżorjament.

66.      Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, din id-domanda tqum biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi, f’tali sitwazzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront taċ-ċittadin ikkonċernat. Huwa biss f’dan il-każ, fejn il-proċedura ta’ ritorn tibqa’ magħluqa, li tqum il-kwistjoni jekk l-Istat Membru huwiex obbligat li “jirregolarizza” l-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tiegħu billi jagħtiha dritt ta’ residenza.

67.      Jekk jitqies li huwa neċessarju li tingħata risposta għal din it-tieni domanda, għandha titfakkar, qabel kollox, il-portata tad-Direttiva 2008/115. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Hija tistabbilixxi standards u proċeduri komuni biss fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (43). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 2008/115 ma hijiex intiża li tirregola s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom ebda deċiżjoni ta’ ritorn ma tkun tista’ tiġi adottata, b’tali mod li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema applikabbli għall-preżenza tagħhom fit-territorju (44).

68.      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji, ta’ kompassjoni jew oħrajn, inkluż wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, f’liema każ din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata jew sospiża. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-possibbiltà ma hijiex limitata għar-raġunijiet imsemmija espliċitament, iżda tippermetti lill-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq kull raġuni oħra li jqisu li hija xierqa (45). Madankollu, dan l-Artikolu 6(4) sempliċement jirrikonoxxi marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri; huwa ma joħloqx, fis-sens kuntrarju, obbligu pożittiv li jingħata permess ta’ residenza fis-sitwazzjonijiet fejn id-Direttiva ma tippermettix jew ma tkunx għadha tippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (46).

69.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li d-Direttiva 2008/115 ma timponix obbligu fuq Stat Membru kkonċernat li jagħti permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment matul l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà tiegħu f’dan l-Istat Membru.

 Konklużjoni

70.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi):

1)      L-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment u li jkun qiegħed jiskonta piena ta’ priġunerija għal żmien twil, meta t-tneħħija tiegħu tkun ser isseħħ biss fi tmiem din il-piena, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet jivverifikaw perijodikament jekk it-tneħħija tistax tiġi konkretament prevista, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata mill-aspett tad-dritt kriminali. Mill-banda l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet, meqjusa mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta piena ta’ għomor il-ħabs li ma tkunx tista’ titnaqqas telimina kull prospett ta’ tneħħija peress li din issir fil-fatt impossibbli.

2)      Id-Direttiva 2008/115

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma timponix obbligu fuq Stat Membru kkonċernat li jagħti permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment matul l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà tiegħu f’dan l-Istat Membru.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i            L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008, L 348, p. 98).


3      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 34), u tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 50).


4      Stb. 2000, Nru 495.


5      Stb. 2000, Nru 497.


6      Skont il-Besluit Adviescollege levenslang gestraften (deċiżjoni tal-Kumitat ta’ esperti dwar dawk ikkundannati għal għomorhom), il-kwistjoni tal-għoti ta’ grazzja lil persuna arrestata għal għomorha għandha fi kwalunkwe każ tiġi eżaminata wara 25 sena l-ħabs.


7      C‑441/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza TQ”, EU:C:2021:9.


8      C‑673/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza M”, EU:C:2021:127.


9      Ara l-Artikolu 64 tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin u l-Artikolu 6.1(b)(1) tad-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin.


10      Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


11      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 31 tas-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Achughbabian”, EU:C:2011:807), “l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jevitaw ksur tal-għan tad-Direttiva 2008/115, [...] jaġixxu b’diliġenza u jiddeterminaw l-opinjoni tagħhom mingħajr dewmien fuq in-natura legali jew le tar-residenza tal-persuna kkonċernata. Ladarba tkun ikkonstatata l-illegalità tar-residenza, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din tal-aħħar, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn”. L-istess japplika għall-miżuri ta’ detenzjoni previsti, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2008/115. Dawn il-miżuri ma jistgħux jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu: “l-għan tal-miżuri ta’ detenzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2008/115, ma huwiex il-prosekuzzjoni jew ir-repressjoni ta’ reati kriminali, iżda t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva fil-qasam tar-ritorn” (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Adrar, C‑313/25 PPU, EU:C:2025:647, punt 50).


12      Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


13      Ara l-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115.


14      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza El Dridi”, EU:C:2011:268, punt 59), u s-sentenza Achughbabian (punt 43). Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 38), “skont l-Artikolu 79(2) TFUE, l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq regoli u fuq garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu rripatrijati b’mod uman u b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom”. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 121), u s-sentenza TQ (punt 70).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 55). Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, kif ser jiġi analizzat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn timplika li l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, sa mill-bidu, il-kundizzjonijiet prevedibbli tal-eżekuzzjoni tagħha, b’tali mod li tali deċiżjoni ma tistax tiġi validament adottata meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, it-tneħħija ma tistax raġonevolment tiġi prevista fil-prattika. Barra minn hekk, inqis li huwa utli li jiġi nnotat li fid-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment” (COM(2005) 391 final), il-possibbiltà ta’ posponiment tal-“infurzar ta’ deċiżjoni tar-ritorn għal tul ta’ żmien xieraq, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali” kienet prevista fl-Artikolu 8(1). Fit-test finali, din il-possibbiltà hija riprodotta fl-Artikolu 9(2), iżda b’fokus differenti fuq il-fażi tat-“tneħħija” fil-veru sens tal-kelma. Dan l-ispostament jirrifletti, fil-fehma tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur li jħares in-natura obbligatorja u sistematika tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, filwaqt li jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra sabiex jadattaw ratione temporis l-eżekuzzjoni tat-tneħħija fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ.


16      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma tapplika fil-kawżi prinċipali.


17      Ara Lebœuf, L., “La Cour de justice à la poursuite d’une conciliation entre la compétence pénale des États membres et l’effet utile de la directive retour. CJUE, 1er octobre 2015, Celaj, aff. C‑290/14, EU:C:2015:640”, Revue des affaires européennes – Law & European affairs, 2015/4, p. 749.


18      Sentenza El Dridi (punti 58 sa 62).


19      Ara s-sentenza Achughbabian (punti 42 sa 45).


20      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Sagor (C‑430/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sagor”, EU:C:2012:777, punt 45). Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika, speċifikament, li r-“riskju li l-proċedura ta’ ritorn tiġi preġudikata jeżisti b’mod partikolari jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix li l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju imposta fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment għandha tieqaf hekk kif ikun possibbli li titwettaq it-tneħħija tal-imsemmija persuna”.


21      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 37).


22      Ara s-sentenza Sagor (punt 36).


23      Sentenza Achughbabian (punt 41).


24      Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016 (C‑47/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Affum”, EU:C:2016:408).


25      Sentenza Affum (punt 65). Korsiv miżjud minni.


26      Id-dizzjunarju Le Robert jiddefinixxi t-terminu “répression” kif ġej: “Action de réprimer : châtiment, punition. La répression d’un crime. Répression et prévention”, disponibbli fuq l-internet fl-indirizz segwenti: https://dictionnaire.lerobert.com/definition/repression.


27      C‑69/21, EU:C:2022:913.


28      Sentenza M (punti 38 sa 42).


29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza TQ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi prattika tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjati mingħajr ma ssir it-tneħħija tagħhom sakemm il-minuri jkunu laħqu l-età ta’ 18-il sena (punti 79 u 80). Minkejja x-xebh marbut mad-distakk ratione temporis bejn id-deċiżjoni ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni tagħha, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza TQ ma jidhirlix li tista’ tiġi trasposta għall-kawżi prinċipali. Is-sentenza TQ kienet tirrigwarda minuri mhux akkumpanjati u wriet nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali fit-twettiq tal-verifiki meħtieġa mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115 favur grupp partikolarment vulnerabbli. Il-kawżi prinċipali ineżami jikkonċernaw, min-naħa tagħhom, adulti kkundannati għal pieni twal ta’ priġunerija, jew saħansitra għal għomorhom, u s-sospensjoni de facto tat-tneħħija tirriżulta esklużivament mill-eżekuzzjoni ta’ dawn il-pieni.


30      Korsiv miżjud minni.


31      Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ raġunijiet mogħtija bħala eżempju fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115 jenfasizzaw kriterju komuni. Fil-fatt, dawn huma sitwazzjonijiet fejn it-tneħħija tkun temporanjament impossibbli jew ma tkunx tagħmel sens minħabba impediment oġġettiv. Huwa minnu li l-verżjoni finali tinkwadra b’mod iktar preċiż din il-possibbiltà milli kien jagħmel l-Artikolu 8(1) tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, li kienet ifformulata f’termini iktar ġenerali (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, inqis li ż-żamma, fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115, tal-istess loġika bażika, jiġifieri l-posponiment għal perijodu xieraq, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, turi li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jżomm dan il-marġni ta’ evalwazzjoni, filwaqt li jinkludih f’kuntest iktar strutturat. Issa, meta ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi kkundannat għal piena twila li ċċaħħad il-libertà u jkollu jiskonta din il-piena, l-Istat Membru jkun jinsab, fil-fatt u fid-dritt, fl-impossibbiltà li jipproċedi bit-tneħħija tiegħu matul il-perijodu tad-detenzjoni. Għaldaqstant, tali sitwazzjoni taqa’ taħt l-istess loġika bħall-ipoteżijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 9(2).


32      Jagħmel sens ukoll li jitfakkar, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 45 tas-sentenza Achughbabian, ippreċiżat li l-għan ta’ tneħħija “malajr kemm jista’ jkun” ma jkunx osservat jekk “wara li jkun ikkonstata r-residenza illegali taċ-ċittadin fil-pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat jippreċedi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-ritorn, jew saħansitra l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’prosekuzzjoni kriminali segwita, skont il-każ, b’piena ta’ priġunerija. Tali pass idewwem it-tneħħija [...] u barra minn hekk, ma jagħmilx parti mill-ġustifikazzjonijiet għal posponiment tat-tneħħija msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/115” (enfasi miżjuda minni). Din il-kunsiderazzjoni għandha, madankollu, tinqara fid-dawl tal-punt 44 ta’ din is-sentenza, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-argument li “l-Artikoli 8, 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 [...] ma jostakolawx li Stat Membru jimponi, fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment, piena ta’ priġunerija qabel ma ssir it-tneħħija ta’ din il-persuna skont il-modalitajiet previsti mid-direttiva”. Minn dan il-kuntest jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirreferi għal proċeduri kriminali marbuta mar-residenza irregolari u mhux għal kundanni għal reati kriminali awtonomi oħra.


33      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Kaduna (C‑244/24 u C‑290/24, EU:C:2024:1038, b’mod partikolari l-punt 143).


34      Għandu jiġi osservat ukoll li, wara s-sentenza TQ (punt 81), il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi evalwazzjoni aġġornata tar-riskji ta’ refoulement u tal-effetti tat-tneħħija fuq il-ħajja tal-familja.


35      Ara, b’mod partikolari u f’dan is-sens, is-sentenzi El Dridi (punti 31 u 55); Achughbabian (punt 43); Sagor (punt 32), u Affum (punti 61, 82 u 86), fejn huwa essenzjalment imfakkar li d-Direttiva 2008/115 hija intiża li tistabbilixxi politika ta’ ritorn effettiva bbażata fuq “standards u proċeduri komuni”.


36      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati.


37      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018 (C‑181/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gnandi”, EU:C:2018:465).


38      Madankollu, l-analoġija magħmula mas-sentenza Gnandi għandha ssir b’kawtela. Fl-ewwel lok, l-ostakolu għat-tneħħija ma għandux l-istess natura. Fis-sentenza Gnandi, l-ostakolu kien joriġina minn dritt tal-Unjoni: ir-rimedju kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, flimkien ma’ effett sospensiv, u d-dritt li jirriżulta minn dan għall-applikant sabiex jibqa’ fil-pajjiż. L-impossibbiltà ta’ tneħħija kienet għalhekk tirriżulta direttament min-neċessità li jiġu ggarantiti rimedju effettiv u l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Fil-kawżi ineżami, l-ostakolu huwa esklużivament kriminali u intern. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ineżami tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ piena twila jew ta’ piena għal għomor il-ħabs fi Stat Membru sigur, mingħajr rabta ma’ dritt ta’ residenza mogħti mid-dritt tal-Unjoni. Fit-tieni lok, il-perijodu ta’ żmien fil-ġejjieni huwa differenti radikalment. Is-sospensjoni fis-sentenza Gnandi kienet limitata għat-tul tal-proċedura tar-rimedju, filwaqt li hawnhekk l-impediment jista’ jdum għaxar snin, ħmistax-il sena jew għoxrin sena, jew saħansitra l-ħajja kollha. L-iskema adottata fis-sentenza Gnandi (residenza irregolari kkonstatata, deċiżjoni ta’ ritorn adottata, iżda eżekuzzjoni sospiża f’qafas legali preċiż) tista’ għalhekk tiġi invokata biss b’analoġija, u mhux bħala eżempju trasponibbli.


39      Jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li tali ipoteżi tibqa’ fil-biċċa l-kbira teoretika sa fejn sitwazzjoni ta’ dan it-tip tmur kontra, probabbilment, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. B’mod partikolari, skont dik il-qorti, il-KEDB ma tipprojbixxix, bħala prinċipju, l-impożizzjoni ta’ piena ta’ għomor il-ħabs. Madankollu, sabiex tkun kompatibbli mal-Artikolu 3 tal-KEDB, tali piena għandha tkun tista’ titnaqqas de jure u de facto, jiġifieri għandha toffri kemm opportunità ta’ flessibbiltà fil-piena kif ukoll possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid (ara Qorti EDB, 9 ta’ Lulju 2013, Vinter et vs Ir‑Renju Unit (Awla Manja) (CE:ECHR:2013:0709JUD006606909, punti 110 u 122)). Ara wkoll, dwar l-istess suġġett, Qorti EDB, 26 ta’ April 2016, Murray vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (Awla Manja) CE:ECHR:2016:0426JUD001051110, punti 101 sa 104); Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2017, Hutchinson vs Ir‑Renju Unit (Awla Manja) (CE:ECHR:2017:0117JUD005759208, punt 42), u Qorti EDB, 13 ta’ Ġunju 2019, Marcello Viola vs L‑Italja (It-Tieni Awla) (CE:ECHR:2019:0613JUD007763316, punt 136): “id-dinjità tal-bniedem, li tinsab fil-qalba tas-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni, tipprekludi li persuna tiġi mċaħħda mil-libertà tagħha permezz ta’ koerċizzjoni mingħajr ma ssir ħidma fl-istess ħin għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħha u mingħajr ma tingħatalha opportunità li xi darba tirkupra din il-libertà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, b’mod ġenerali, dwar din il-kwistjoni, Maierhöfer, C., “Artikel 3. Verbot des Folter”, fi Frowein/Peukert, Europäische MenschenRechtsKonvention. EMRK-Kommentar, N. P. Engel Verlag, Kehl am Rhein, 2024, ir-raba’ edizzjoni, p. 130 et seq.). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, kif ġie indikat fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-każ ta’ X fil-kawżi prinċipali, il-kwistjoni tal-għoti ta’ grazzja ser tiġi fi kwalunkwe każ eżaminata wara 25 sena ta’ detenzjoni.


40      Meta nsemmi l-assenza ta’ “prospett reali ta’ tneħħija”, nirreferi għall-kunċett ta’ “prospett raġonevoli ta’ tneħħija” li jinsab fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741). Issa, dan ir-riferiment jirrigwarda problema distinta, jiġifieri dik tad-detenzjoni għall-finijiet ta’ ritorn, u mhux dik li tqum fil-kawżi prinċipali.


41      Infakkar li, fir-rigward tal-KEDB, tista’ tiddaħħal inkwistjoni l-kompatibbiltà mal-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni ta’ piena ta’ għomor il-ħabs li ma tkunx tista’ titnaqqas de jure u de facto (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


42      Ara s-sentenzi El Dridi (punt 41), u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 49).


43      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza M (punt 43).


44      Ara s-sentenza M (punti 44 u 45). Infakkar li, f’din il-kawża, l-impossibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn kienet tirriżulta, b’mod partikolari, mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement.


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 43). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Istati Membri hija “wiesgħa ħafna” (punt 44 ta’ din is-sentenza).


46      B’hekk, fis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (C‑69/21, EU:C:2023:913, punt 86), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 2008/115 “sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jagħtu, għal raġunijiet ta’ kompassjoni jew umanitarji, dritt ta’ residenza, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, u mhux tad-dritt tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom”.