Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2026 (1)
Kawżi magħquda C‑722/24 u C‑756/24
SIA “Elektro bizness”,
Partijiet:
Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (C‑722/24)
u
Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija
fil-preżenza ta’:
SIA “Jelgavas autobusu parks” (C‑756/24)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva (UE) 2019/944 – Il-punt 41 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ linja diretta – Dritt tal-għażla tal-klijent – Skonnessjoni totali min-network – Konnessjoni ta’ klijent ma’ linja eżistenti – Konnessjoni ta’ diversi klijenti”
I. Introduzzjoni
1. Linja diretta, li permezz tagħha klijent jikseb l-elettriku mingħand produttur mingħajr intermedjarju tan-network (u għalhekk mingħajr ħlas tal-ispejjeż assoċjati) hija rriżervata biss għall-klijenti li, għal raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi, ma jistgħux jiġu konnessi man-network? Jew l-Istati Membri għandhom il-flessibbiltà li jippermettu linji diretti f’każijiet oħra (pereżempju, għall-promozzjoni ta’ siti industrijali jew ta’ ġenerazzjoni u l-provvista deċentralizzata ta’ enerġija ekoloġika)?
2. Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni li wasslet għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākā tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema).
3. B’effett mid-Direttiva 96/92/KE (2), il-linja diretta hija element rikonoxxut tas-suq intern tal-elettriku. Id-Direttiva (UE) 2019/944 attwalment fis-seħħ (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku”) (3) hija rregolata b’tali mod li tiżgura bilanċ bejn is-sigurtà tal-provvista tal-klijenti kollha u l-allokazzjoni ġusta tal-ispejjeż tan-network, minn naħa, u l-promozzjoni tal-industrija u d-diversifikazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, min-naħa l-oħra.
4. Dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākā tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja) issa jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet għal tali bilanċ.
5. Il-linji inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-għan li jqabbdu impjant tal-enerġija elettrika ma’ klijent. Madankollu, iż-żewġ linji previsti għandhom ċerti karatteristiċi partikolari. Fil-Kawża C‑722/24, il-klijent għandu jiġi konness, permezz tal-linja kontenzjuża, ma’ linja eżistenti konnessa man-network u li permezz tagħha huma diġà fornuti klijenti oħra. Fil-Kawża C‑756/24, il-klijent huwa diġà konness man-network u jixtieq iżomm din il-konnessjoni fil-futur bħala konnessjoni ta’ riżerva flimkien mal-linja tal-elettriku kontenzjuża.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
6. Il-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, intitolat “Definizzjonijiet”, jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ linja diretta. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“‘linja diretta’ tfisser jew linja tal-elettriku li torbot b’konnessjoni ta’ sit iżolat ta’ ġenerazzjoni ma’ klijent iżolat jew linja tal-elettriku li torbot b’konnessjoni produttur u impriża ta’ forniment tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti”.
7. L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, intitolat “Linji diretti”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex:
(a) il-produtturi u l-impriżi fornituri [(4)] tal-elettriku kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jipprovdu l-elettriku lill-bini tagħhom stess, lis-sussidjarji tagħhom u lil klijenti permezz ta’ linja diretta mingħajr ma jkunu soġġetti għal proċeduri jew spejjeż amministrattivi sproporzjonati;
(b) il-klijenti kollha fit-territorju tagħhom, b’mod individwali jew konġunt, ikunu jistgħu jiġu fornuti permezz ta’ linja diretta minn produtturi u impriżi fornituri tal-elettriku.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-bini ta’ linji diretti fit-territorju tagħhom. Dawk il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.
3. Il-possibbiltà li l-elettriku jkun provdut permezz ta’ linja diretta kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex taffettwa l-possibbiltà li l-elettriku jkun mogħti b’kuntratt f’konformità mal-Artikolu 6.
4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għall-bini ta’ linja diretta soġġett għar-rifjut tal-aċċess għas-sistema fuq il-bażi, fejn ikun il-każ, tal-Artikolu 6 jew għall-bidu ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwima taħt l-Artikolu 60.
5. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jawtorizzaw linja diretta jekk l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ixekkel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku fl-Artikolu 9. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati.”
B. Id-dritt Latvjan
8. Il-punt 29 tal-Artikolu 1 tal-Elektroenerģijas tirgus likums (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku”), tal‑5 ta’ Mejju 2005 jiddefinixxi linja diretta bħala:
“linja tal-elettriku li tqabbad sit ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku iżolat ma’ klijent iżolat jew linja tal-elettriku li tqabbad produttur tal-elettriku iżolat ma’ fornitur li jforni direttament l-bini li huwa proprjetà jew pussess tiegħu, lill-kumpanniji relatati jew lill-klijenti tiegħu”.
9. L-Artikolu 25 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, intitolat “Installazzjoni ta’ linji tal-elettriku”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu u fil-punt 1 tal-paragrafu 3 tiegħu:
“2. L-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni għandu d-dritt li jinstalla linja ta’ distribuzzjoni fiż-żona koperta mil-liċenzja tiegħu.
(3) Persuna li ma hijiex l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni għandha d-dritt li tinstalla network ta’ distribuzzjoni fiż-żona koperta mil-liċenzja tal-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni jekk il-linja li se tinbena tkun:
(1) linja diretta”.
10. L-Artikolu 26 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, intitolat “Linja diretta”, jipprovdi:
“(1) Il-produttur għandu d-dritt li jipprovdi l-elettriku lill-klijenti tiegħu jew lill-bini tiegħu stess permezz ta’ linja diretta.
(2) L-awtorizzazzjoni għall-installazzjoni ta’ konnessjoni permezz ta’ linja diretta tinħareġ mill-Kummissjoni Regolatorja. Il-Kummissjoni Regolatorja għandha tistabbilixxi kriterji oġġettivi u uniformi li abbażi tagħhom tingħata l-awtorizzazzjoni għall-bini ta’ linja diretta.”
III. It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
A. Kawża C‑722/24, Elektro Bizness
11. Elektro bizness topera impjant ta’ koġenerazzjoni. Mhux biss hija l-proprjetarja ta’ dan l-impjant tal-enerġija, iżda wkoll ta’ linja taħt l-art konnessa miegħu (iktar ’il quddiem il-“linja eżistenti”) b’tul ta’ 7.6 km, li permezz tagħha l-elettriku jiġi ttrasportat f’20 kilovolt. Il-linja eżistenti kienet diġà l-proprjetà ta’ Elektro bizness qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku fl‑2005. Permezz ta’ din il-linja, Elektro bizness tittrasporta l-elettriku lejn in-network tal-kumpannija Sadales tīkls. Barra minn hekk, hija tuża l-linja eżistenti sabiex tipprovdi l-elettriku lil sitt klijenti industrijali mingħajr l-użu tal-intermedjarju tan-network ta’ Sadales tīkls.
12. Fl‑2021, Elektro bizness talbet lis-Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (il-Kummissjoni Regolatorja tas-Servizzi Pubbliċi, iktar ’il quddiem, il-“Kummissjoni Regolatorja”) l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-installazzjoni ta’ linja diretta. Il-linja ppjanata kienet se tgħaqqad faċilità tal-klijent mal-linja eżistenti fuq tul ta’ madwar 400 m u tippermetti lil Elektro bizness tipprovdi lil dan il-klijent bl-elettriku mingħajr l-użu tal-intermedjarju tan-network ta’ Sadales tīkls.
13. Bid-Deċiżjoni Nru 65 tal‑10 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni Regolatorja rrifjutat lil Elektro bizness l-installazzjoni tal-linja diretta. Hija ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha bil-fatt li l-linja ppjanata ma kinitx linja diretta. Peress li l-linja eżistenti ma tistax titqies bħala parti mis-“sit ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku”, il-linja ppjanata ma tqabbad ebda klijent ma’ sit iżolat ta’ ġenerazzjoni.
14. Elektro bizness għalhekk ippreżentat rikors quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), li ċaħditu. Hija qablet mal-opinjoni tal-Kummissjoni Regolatorja li l-linja eżistenti ma tistax titqies bħala parti mis-sit ta’ ġenerazzjoni, peress li ma tintużax għall-ġenerazzjoni, iżda għat-trażmissjoni tal-elettriku ġġenerat. Għaldaqstant, il-klijent ma huwiex direttament marbut mal-impjant tal-enerġija.
15. Elektro bizness ippreżentat appell fil-kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema), billi sostniet li l-linja eżistenti kienet tagħmel parti integrali mill-operat tal-impjant tal-enerġija u kellha għalhekk titqies li tagħmel parti mis-sit ta’ ġenerazzjoni. Skont Elektro bizness, barra minn hekk l-għan tal-bini ta’ linja diretta huwa li jippermetti lil produttur tal-elettriku jforni direttament lil klijent b’enerġija ġġenerata, mingħajr l-intermedjarju tan-network.
16. Huwa f’dan il-kuntest li l-Augstākā tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
Għall-finijiet tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku]:
(a) Il-kunċett ta’ ‘sit iżolat ta’ ġenerazzjoni’ użat fl-imsemmija dispożizzjoni għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi wkoll linja tal-elettriku, li tkun il-proprjetà ta’ produttur, konnessa ma’ impjant ta’ ġenerazzjoni, intiża għat-trażmissjoni tal-elettriku ġġenerat u li testendi lil hinn mil-limiti tal-post (indirizz postali) tal-impjant ta’ ġenerazzjoni?
(b) Id-definizzjoni ta’ linja diretta msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni tinkludi linja tal-elettriku li torbot b’konnessjoni klijent ma’ sit ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku (impjant ta’ koġenerazzjoni) permezz tal-istabbiliment ta’ konnessjoni ma’ linja tal-elettriku, li tkun proprjetà ta’ produttur, diġà mibnija u intiża għat-trażmissjoni tal-elettriku, jekk, b’riżultat ta’ dan, tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku mill-produttur lill-klijent mingħajr l-intermedjarju tan-network tal-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni? Ir-risposta għal din id-domanda tkun affettwata mill-fatt li l-linja tal-elettriku, diġà mibnija, proprjetà tal-produttur u intiża għat-trażmissjoni tal-elettriku, li magħha l-linja proposta tkun konnessa sabiex tilħaq lill-klijent il-ġdid, tkun diġà qiegħda tintuża għall-provvista tal-elettriku lil klijenti oħra?
B. Kawża C‑756/24, Jelgavas Autobusu Parks
17. Jelgavas autobusu parks teżerċita attivitajiet ta’ trasport lokali ta’ persuni. Hija kellha l-intenzjoni tuża karozzi tal-linja urbani li jaħdmu bl-idroġenu u li topera impjant tal-idroġenu għal dan il-għan.
18. F’Marzu tal‑2021, Jelgavas autobusu parks talbet lill-Kummissjoni Regolatorja permess sabiex tibni linja ta’ 6.5 km li tqabbad il-faċilità tal-idroġenu tagħha ma’ impjant tal-enerġija bijomassa li huwa proprjetà ta’ SIA Gren Latvija. Jelgavas autobusu parks tixtieq tixtri direttament mingħand Gren Latvija sabiex, b’mod partikolari, tnaqqas l-ispejjeż marbuta ma’ żieda fil-kapaċità ta’ konnessjoni. Wara l-installazzjoni tal-linja ppjanata, Jelgavas autobusu parks tixtieq iżżomm il-konnessjoni eżistenti man-network tal-elettriku ta’ Sadales tīkls biss bħala konnessjoni ta’ riżerva. Sakemm hija tixtri l-elettriku permezz tal-linja diretta, ma hemmx lok li l-elettriku jinxtara min-network.
19. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 123 tal‑4 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Regolatorja ċaħdet it-talba tagħha. Fil-fehma tagħha, l-ebda awtorizzazzjoni ma tista’ tingħata għall-installazzjoni ta’ “linja diretta”, peress li Jelgavas autobusu parks ma tistax titqies bħala “klijent iżolat”. Fil-fatt, l-operatur tan-network jista’ jiżgura ruħu li Jelgavas autobusu parks tiġi fornuta bi spejjeż raġonevoli anki fil-każ ta’ żieda fil-kapaċità. Madankollu, l-installazzjoni ta’ linja diretta hija permessa biss jekk tkun teknikament u ekonomikament iġġustifikata. Jelgavas autobusu parks ippreżentat rikors kontra dan ir-rifjut quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja).
20. L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) laqgħet dan ir-rikors. Mill-kuntest ġuridiku ma jirriżultax li l-għan tal-installazzjoni ta’ linji diretti huwa biss li tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku tal-klijenti li ma jistgħux jiksbu l-elettriku neċessarju fuq in-network jew li jistgħu jiksbu l-elettriku biss b’mod limitat. Huwa minnu li linja diretta tippreżupponi skonnessjoni min-network. Madankollu, Jelgavas autobusu parks għamlet dikjarazzjoni li tgħid li, meta tintuża l-linja diretta, jiġi żgurat diżakkoppjament tagħha min-network tas-Sadales tīkls. Għaldaqstant, teżisti skonnessjoni suffiċjenti.
21. Il-Kummissjoni Regolatorja appellat fil-kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja). Din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
1) L-Artikolu 7 tad-[Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘linja diretta’ għandha titqies bħala forma alternattiva ta’ provvista ta’ elettriku fuq talba tal-klijent, jew, għall-kuntrarju, fis-sens li linja diretta tista’ tiġi awtorizzata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali?
2) Il-punt 41 tad-[Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku] għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ titqies bħala ‘linja diretta’ linja elettrika intiża sabiex tgħaqqad produttur tal-elettriku konness ma’ network ta’ distribuzzjoni ma’ klijent tal-elettriku konness ma’ network ta’ distribuzzjoni meta, wara l-bini tal-linja elettrika prevista, l-imsemmi klijent iżomm din il-konnessjoni man-network ta’ distribuzzjoni bħala konnessjoni ta’ riżerva, iżda ma jibqax konness man-network ta’ distribuzzjoni meta l-produttur tal-elettriku jipprovdilu l-elettriku mil-linja diretta?
3) Il-kunċett ta’ ‘klijent iżolat’ użat fil-punt 41 tad-[Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss klijent li ma huwiex konness man-network ta’ distribuzzjoni u li l-operatur tan-network ma huwiex f’pożizzjoni li jiżguralu l-kapaċità neċessarja permezz tal-installazzjoni ta’ konnessjoni bi spiża raġonevoli?
22. Bid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad il-Kawżi C‑722/24, Elektro bizness, u C‑756/24, Jelgavas autobusu parks għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għas-sentenza.
23. Il-Kummissjoni Regolatorja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fiż-żewġ kawżi. Il-Gvern Taljan ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża C‑722/24, Elektro bizness, u l-Gvern Awstrijak fil-Kawża C‑756/24, Jelgavas autobusu parks. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tinżammx seduta, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
IV. L-analiżi ġuridika
24. Il-ħames domandi preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, żewġ settijiet ta’ domandi li l-eżami tagħhom jeħtieġ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ linja diretta.
25. F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk il-linji diretti jikkostitwixxux forma oħra ta’ provvista tal-enerġija jew jekk linja diretta tistax tiġi installata biss jekk il-klijent ma jkunx jista’ jiġi konness man-network għal raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi (Sezzjoni A.) (it-tieni domanda fil-Kawża C‑722/24 u l-ewwel u t-tielet domanda fil-Kawża C‑756/24). Jekk dan ikun il-każ, ma jkunx neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni addizzjonali dwar jekk konnessjoni ta’ riżerva man-network tistax tibqa’ fis-seħħ flimkien mal-linja diretta (Sezzjoni B.) (it-tieni domanda fil-Kawża C‑756/24).
26. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-linja diretta tistax tiġi konnessa biss ma’ klijent b’mod individwali jew konġunt u kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “sit iżolat ta’ ġenerazzjoni” (l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑722/24 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑756/24) (Sezzjonijiet C. sa E.).
A. Linja diretta bħala forma alternattiva ta’ provvista tal-enerġija? (it-tieni domanda fil-Kawża C‑722/24 u l-ewwel u t-tielet domanda fil-Kawża C‑756/24)
27. Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari tagħha fil-Kawża C‑722/24, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-element determinanti ta’ linja diretta fis-sens tad-definizzjoni tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku] huwiex li l-provvista tal-elettriku tiġi żgurata mill-produttur lill-klijent mingħajr l-intermedjarju tan-network tal-operatur tan-network. Tali definizzjoni tal-linja diretta hija bbażata fuq is-sitwazzjoni reali tal-provvista u hija indipendenti mill-eżistenza jew mill-possibbiltà ta’ konnessjoni man-network.
28. Il-kjarifika ta’ din id-domanda hija wkoll neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-provvista permezz ta’ linji diretti tikkostitwixxix forma oħra ta’ provvista tal-elettriku jew jekk hijiex irriżervata għal każijiet eċċezzjonali li fihom forma oħra ta’ provvista ma hijiex teknikament jew ekonomikament possibbli (l-ewwel u t-tielet domanda fil-Kawża C‑756/24). Jekk wieħed kellu jibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ konnessjoni, il-klijenti eżistenti diġà konnessi man-network jew il-klijenti l-ġodda li għandhom tali possibbiltà ma jkunux jistgħu jagħżlu li jiksbu provvista permezz ta’ linja diretta.
29. Il-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku jiddefinixxi żewġ każijiet ta’ linji diretti. Skont din id-dispożizzjoni, din hija “linja tal-elettriku li torbot b’konnessjoni ta’ sit iżolat ta’ ġenerazzjoni ma’ klijent iżolat” (l-ewwel każ) jew “linja tal-elettriku li torbot b’konnessjoni produttur u impriża ta’ forniment tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti” (it-tieni każ).
30. Ser nispjega qabelxejn kif dawn iż-żewġ każijiet għandhom jiġu distinti minn xulxin u għaliex it-tieni waħda hija rilevanti għal-linji kontenzjużi (Sezzjoni 1). Minn din l-analiżi diġà jirriżulta li l-linja diretta hija kkonċepita bħala alternattiva għall-provvista tal-elettriku min-network (Sezzjoni 2.).
1. Fuq id-delimitazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku
31. Il-formulazzjoni tad-domandi preliminari tagħti l-impressjoni li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-linji kontenzjużi jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-ewwel każ, jiġifieri jekk jistgħux jiġu kklassifikati bħala linji li jorbtu “konnessjoni ta’ sit iżolat ta’ ġenerazzjoni ma’ klijent iżolat” (5).
32. Madankollu, kif issostni l-Awstrija fil-Kawża C‑756/24, iċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-linji kontenzjużi għandhomx ikunu kklassifikati pjuttost taħt it-tieni każ, jiġifieri bħala linji li jorbtu “produttur mal-klijenti [tiegħu] [...] bl-għan ta’ provvista diretta”. Għalhekk, il-linja inkwistjoni fil-Kawża C‑722/24 hija intiża sabiex tqabbad lil Elektro bizness mal-klijent il-ġdid tagħha permezz tal-linja eżistenti li permezz tagħha hija diġà tipprovdi lil sitt klijenti oħra mingħajr l-intermedjarju tan-network. Il-linja kontenzjuża fil-Kawża C‑756/24 hija intiża sabiex tqabbad lil Jelgavas autobusu parks mal-impjant tal-enerġija bijomassa ta’ Gren Latvija għall-provvista diretta, minkejja li din hija diġà konnessa man-network.
33. F’dan ir-rigward, l-Awstrija ssostni li l-ewwel każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku (“linja tal-elettriku li torbot b’konnessjoni ta’ sit iżolat ta’ ġenerazzjoni ma’ klijent iżolat”) ikopri biss “lokalitajiet iżolati”. Fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, sit ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mhux konness man-network ikun marbut ma’ klijent li wkoll ma jkunx konness man-network permezz ta’ “linja diretta”, b’tali mod li t-tnejn li huma jkunu iżolati mil-linji u l-konnessjonijiet l-oħra man-network. Min-naħa l-oħra, it-tieni każ għandu jinftiehem b’mod iktar wiesa’ u jkopri l-każijiet kollha li fihom linja torbot direttament produttur jew fornitur mal-bini tiegħu stess, ma’ sussidjarja jew ma’ klijent. Il-konġunzjoni “u” użata darbtejn fit-tieni każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 għandha tinftiehem bħala li tfisser “jew”.
34. Din il-pożizzjoni hija konvinċenti.
35. Madankollu, il-formulazzjoni tat-tieni każ, li jgħid li l-linja inkwistjoni “torbot b’konnessjoni produttur u impriża ta’ forniment tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti” (6), toħloq konfużjoni. Fil-fatt, din il-formulazzjoni użata fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi (7) tissuġġerixxi, prima facie, li l-produttur u l-fornitur għandhom ikunu konnessi bil-linja diretta u li l-fornitur imbagħad jqabbad, permezz ta’ linja oħra, il-bini, is-sussidjarji u l-klijenti tiegħu. Din l-impressjoni tirriżulta mill-użu tal-konġunzjoni “u” minflok il-konġunzjoni “jew”.
36. Madankollu, kunsiderazzjonijiet ta’ natura grammatikali jipprekludu din l-interpretazzjoni. L-użu tal-plural (il-“bini tagħhom”, is-“sussidjarji” tagħhom, il-“klijenti” tagħhom) (8) juri b’mod ċar li dawn huma rispettivament l-bini, is-sussidjarji u l-klijenti kemm tal-produtturi, kif ukoll tal-fornituri. Għalhekk, jidher loġiku li jiġi mifhum li, fl-istess sentenza, kemm l-ewwel “u” (“produttur u fornitur”) kif ukoll it-tieni “u” (“lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti”) ifissru “jew”. Fil-fatt, huwa evidenti li, f’dan l-aħħar każ, il-konġunzjoni “u” għandha tinftiehem bħala li tfisser “jew” (“lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom [jew] lil klijenti”) peress li l-produtturi jew il-fornituri kollha mhux neċessarjament ikollhom kemm stabbilimenti (addizzjonali) kif ukoll sussidjarji u klijenti (9).
37. Din il-fehma hija sostnuta wkoll minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura sistematika. Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, li jikkonkretizza d-dritt għall-installazzjoni ta’ linja diretta, jipprevedi, fil-punt (a) tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex “il-produtturi u l-impriżi fornituri tal-elettriku kollha [...] ikunu jistgħu jipprovdu l-elettriku lill-bini tagħhom stess, lis-sussidjarji tagħhom u lil klijenti”. Għal darba oħra, huwa evidenti li kemm il-produtturi kif ukoll il-fornituri għandu jkollhom (rispettivament) id-dritt li jfornu l-bini, is-sussidjarji u (fis-sens ta’ jew) l-klijenti tagħhom stess permezz ta’ linja diretta.
38. Fl-aħħar nett, kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi jimmilitaw ukoll fis-sens li t-tieni każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku għandu jinftiehem fis-sens li kemm il-produtturi kif ukoll il-fornituri jistgħu jfornu l-bini tagħhom, is-sussidjarji tagħhom u fuq kollox il-klijenti tagħhom permezz ta’ linja diretta. Fil-fatt, kif ser nispjega fil-punti 61 et seq. iktar ’il quddiem, l-istrument tal-linja diretta huwa intiż li jikkontribwixxi għal-liberalizzazzjoni tas-suq intern tal-elettriku u li joffri flessibbiltà bħala alternattiva għas-sempliċi provvista tan-network għat-trasformazzjoni ekoloġika tiegħu. Dan huwa konformi mal-fatt li dan l-istrument jista’ jintuża mhux biss minn produttur fir-rigward ta’ fornitur, iżda wkoll minn fornitur wieħed.
39. Linja li tgħaqqad sit iżolat ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ma’ klijent wieħed (l-ewwel każ) hija dejjem ukoll linja li tgħaqqad produttur u klijent (wieħed mis- sitwazzjonijiet tat-tieni każ). Minn dan isegwi, li linja diretta fis-sens tal-ewwel każ hija neċessarjament linja diretta fis-sens tat-tieni każ, jiġifieri li l-ewwel każ jaqa’ taħt it-tieni każ.
40. Meta mqabbel mat-tieni każ, l-ewwel każ jidher li jimponi rekwiżiti ogħla billi jirreferi għas-“sit iżolat ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku” tal-produttur u għall-“klijenti iżolat”. Madankollu, sa fejn huwa evidenti, dan għandu biss effett indirett fuq id-drittijiet tal-produtturi, il-fornituri u l-klijenti ggarantiti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku fil-qafas tal-Artikolu 7(4), li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-permessi għall-bini ta’ linja diretta fuq ir-rifjut ta’ aċċess għan-network.
41. Konsegwentement, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposti utli għas-soluzzjoni taż-żewġ kawżi prinċipali, kemm il-linja ppjanata ta’ Elektro bizness (Kawża C‑722/24) kif ukoll il-linja ppjanata ntiża għall-konnessjoni ta’ Jelgavas autobusu parks (Kawża C‑756/24) ser jiġu eżaminati fid-dawl tal-każ addizzjonali espost fit-tieni każ, fl-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku.
2. Kunċett tal-linja diretta fit-tieni każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku bħala alternattiva għan-network
42. Il-linja diretta, fil-forma iktar wiesgħa tagħha skont it-tieni każ, jiġifieri “linja tal-elettriku li torbot b’konnessjoni produttur u (fis-sens ta’ ‘jew’) impriża ta’ forniment tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lill-bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u (fis-sens ta’ ‘jew’) lil klijent”, hija intiża bħala alternattiva għan-network? Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mill-formulazzjoni (a), mill-oriġini (b), mill-kuntest (c), mill-istruttura (d) u mill-għanijiet (e) tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku.
a) Il-formulazzjoni tat-tieni każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2
43. Mid-definizzjoni ta’ “linja diretta” fit-tieni alternattiva tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku jirriżulta li l-klijent għandu jiġi fornut b’enerġija mingħajr l-intermedjarju tan-network. Fil-fatt, linja diretta hija linja “biex dawn ifornu direttament”. Skont it-tifsira ġenerali tat-terminu, provvista diretta hija provvista “immedjata”, “mingħajr devjazzjonijiet”. Għalhekk, huwa loġiku li “provvista diretta” tfisser tali servizz mingħajr l-intermedjarju tan-network.
44. Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn fil-formulazzjoni li jindika definizzjoni stretta tal-kunċett fis-sens li konnessjoni eżistenti jew potenzjali man-network teskludi linja diretta. Għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, huwa irrilevanti jekk teżistix konnessjoni man-network jew jekk tali konnessjoni hijiex possibbli.
45. Il-fatt li l-leġiżlatur ma bbażax ruħu fuq is-sitwazzjoni tal-konnessjoni sabiex jiddefinixxi dan il-kunċett, iżda fuq is-sitwazzjoni tal-provvista, jimmilita wkoll favur il-fatt li t-tip ta’ provvista biss huwa l-element determinanti ta’ linja diretta.
b) L-oriġini tal-punt 41 tal-Artikolu 2
46. Fil-każ ta’ differenza fit-tifsira bejn verżjoni antika u verżjoni iktar reċenti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jiġi preżunt li l-awturi tad-dispożizzjoni l-ġdida kellhom l-intenzjoni li jvarjaw mill-kriterju preċedenti (10). Il-punt 12 tal-Artikolu 2 tal-ewwel Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku ddefinixxa l-linja diretta bħala “linja ta’ l-elettriku kumplimentarja għan-network interkonness”. L-element determinanti tal-linja diretta kien għalhekk il-komplementarjetà man-network. Madankollu, dan jista’ jfisser kemm li l-linji diretti jeżistu b’mod ġenerali flimkien man-network (għall-finijiet tal-provvista ta’ lokalitajiet fuq ġżejjer iżolati fejn il-klijenti ma humiex konnessi man-network) kif ukoll li linja diretta teżisti, fil-każ ta’ klijent partikolari, flimkien mal-konnessjoni tagħha man-network.
47. Il-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54/KE (11), li ħassar id-Direttiva 96/92, sussegwentement introduċa definizzjoni ġdida tal-linja diretta, li l-kontenut tagħha huwa essenzjalment identiku (12) għal dak tal-verżjoni attwali tad-Direttiva 2019/944.
48. Il-fatt li l-komplementarjetà bejn in-network u l-linja diretta ġiet abbandunata fid-definizzjoni attwali jista’ jitqies bħala indikazzjoni tal-fatt li l-leġiżlatur xtaq definizzjoni iktar restrittiva li skontha l-linja diretta tista’ teżisti biss, għal klijent partikolari, minflok in-network, u mhux b’mod parallel.
49. Madankollu, tali konklużjoni ma hijiex konvinċenti. Id-Direttiva 2003/54 tat definizzjoni ħafna usa’ tal-linja diretta. Il-leġiżlatur għalhekk ipprova jieħu inkunsiderazzjoni diversi sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw linji diretti. Għalhekk, l-oriġini ta’ dan l-istrument ma tippermettix li tiġi dedotta limitazzjoni tal-kunċett ta’ linja diretta għal każijiet fejn ma jkunx hemm aċċess għan-network.
c) Paragun mad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Gass
50. Interpretazzjoni ristretta ta’ dan il-kunċett lanqas ma tirriżulta mill-paragun mad-Direttiva (UE) 2024/1788 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Gass”) (13), li tinkludi wkoll definizzjoni ta’ ‘linja diretta’ (jew, f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi, ‘pipeline dirett’). Din hija simili għall-verżjoni użata fid-Direttiva 96/92/KE u tiddefinixxi l-linja diretta bħala “pipeline tal-gass naturali li jikkumplimenta lis-sistema interkonnessa”.
51. Madankollu, minn dan ma jsegwix li l-leġiżlatur ried jiddefinixxi l-linja diretta b’mod differenti, jiġifieri b’mod iktar strett minn “pipeline dirett”, fis-suq intern tal-elettriku. Kif tindika l-premessa 18 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, minħabba d-differenzi bejn il-provvista tal-elettriku u tal-gass, l-approċċi regolatorji taż-żewġ Direttivi huma tant differenti, pereżempju f’termini ta’ kapaċità ta’ ħżin, infrastruttura, strutturi ta’ ġenerazzjoni u fatturi li jaffettwaw l-istabbiltà tan-network, li ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet minn dawn il-formulazzjonijiet differenti.
d) L-istruttura tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku
52. Skont il-Kummissjoni, kunsiderazzjonijiet ta’ natura sistematika juru, fost l-oħrajn, li klijent ma għandux id-dritt li jagħżel konnessjoni ma’ linja diretta f’każ ta’ konnessjoni man-network eżistenti jew bi prezzijiet raġonevoli. Fil-fatt, din tikkostitwixxi biss eċċezzjoni għall-prijorità ta’ provvista permezz tan-networks. Minħabba din in-natura eċċezzjonali, huma biss dawk il-linji li għalihom ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ konnessjoni man-network li jistgħu jitqiesu bħala linji diretti.
53. Madankollu, l-evalwazzjoni li l-linji diretti jikkostitwixxu eċċezzjoni fl-istruttura tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku ma hijiex konvinċenti.
54. Jekk wieħed jaqra d-definizzjoni tal-kunċett li tinsab fl-punt 41 tal-Artikolu 2 flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, l-impressjoni li tinħoloq tkun differenti. Għalhekk, l-Artikolu 7(1) jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu “l-miżuri neċessarji” sabiex jiżguraw li l-“klijenti kollha fit-territorju tagħhom, b’mod individwali jew konġunt, ikunu jistgħu jiġu fornuti permezz ta’ linja diretta minn produtturi u impriżi fornituri tal-elettriku” (14). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4, “[i]l-klijenti kollha jkunu ħielsa li jixtru l-elettriku mill-fornitur li jagħżlu huma” (15). Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni ta’ restrizzjoni fil-provvista tal-elettriku permezz tan-networks.
55. F’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi, għandha ssir distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet li taħthom linja tista’ tiġi kklassifikata bħala linja diretta u l-kundizzjonijiet li taħthom din il-linja tista’ tiġi awtorizzata. Din id-distinzjoni hija preżunta wkoll mill-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku.
56. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 7(1) jistabbilixxi d-dritt fundamentali tal-klijenti li jiġu fornuti permezz ta’ linja diretta u b’mod simetriku, id-dritt tal-produtturi u impriżi fornituri li jfornu lill-klijenti tagħhom permezz ta’ linja diretta. Min-naħa l-oħra, il-paragrafi segwenti tal-Artikolu 7 jipprovdu li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-awtorizzazzjoni tal-linji diretti għall-osservanza ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Madankollu, li kieku setgħu jitqiesu bħala linji diretti biss dawk il-linji li għalihom ma huwiex possibbli li tiġi żgurata provvista differenti minn dik ta’ linja diretta, il-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 7 ikollhom biss kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna. Fil-prattika, l-Istati Membri jkunu mbagħad jistgħu jistabbilixxu l-kriterji għall-każijiet fejn il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jiġu konnessi, la permezz ta’ linja diretta u lanqas permezz tan-network.
57. B’mod partikolari, fil-każ ta’ interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ linja diretta, l-Artikolu 7(4) ma jkollux kamp ta’ applikazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-awtorizzazzjoni għall-bini ta’ linja diretta għall-każijiet fejn l-aċċess għan-networks jiġi rrifjutat lill-utenti tan-network skont l-Artikolu 6(2), minħabba li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni ma jkollhomx il-kapaċità neċessarja, jew meta tkun inbdiet proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim f’dan ir-rigward.
58. L-istess japplika għall-Artikolu 7(5) tad-Direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għall-bini ta’ linja diretta meta l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jostakola l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 dwar l-obbligi ta’ servizz pubbliku. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet li fihom linja diretta tippermetti, b’mod inġustifikat, lil operatur ekonomiku jevita l-ħlas ta’ tariffi tan-network. Dan huwa wkoll sostnut mill-fatt li, skont l-Artikolu 9(5), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 sa fejn dan ifixkel, legalment jew fattwalment, it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tal-elettriku.
59. Is-sentenza fil-kawża ENGIE Deutschland lanqas ma tipprekludi l-konklużjoni li linja diretta tikkostitwixxi alternattiva għall-provvista ta’ network. Huwa minnu li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rwol essenzjali li d-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku tagħti lill-operaturi tan-network fit-tlestija tal-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali (16). Għaldaqstant, din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna l-każ li fiha l-leġiżlatur nazzjonali kien ħoloq kategorija ġdida, mhux prevista mid-Direttiva, ta’ natura li timmina l-istruttura tagħha (17). Il-każ ineżami, kuntrastament, jikkonċerna l-linja diretta li hija kategorija prevista mid-Direttiva stess.
60. Konsegwentement, kunsiderazzjonijiet ta’ natura sistematika jimmilitaw, fil-fehma tiegħi, favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ linja diretta, li skontha l-uniku rekwiżit huwa li ma jkun hemm ebda intermedjarju tan-network.
e) L-għanijiet tad-Direttiva
61. Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll minn evalwazzjoni globali tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku (18).
1) Liberalizzazzjoni tas-suq intern tal-elettriku
62. L-ewwel nett, il-fatt li d-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku hija intiża għal-liberalizzazzjoni kompleta tas-suq intern tal-elettriku jimmilita favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ linja diretta (19).
63. Qabel il-liberalizzazzjoni, f’ħafna Stati Membri kienu jeżistu monopolji tal-impriżi li jipprovdu l-elettriku. Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 96/92 (20), id-Direttivi dwar is-Suq Intern tal-Elettriku fetħu progressivament suq komuni għall-provvista tal-elettriku. L-għan huwa li jinkisbu mhux biss prezzijiet kompetittivi u standards għoljin għall-provvista tal-enerġija u l-istabbiltà tan-network, iżda wkoll għanijiet ta’ sostenibbiltà. Dan huwa espress fil-premessa 2 tad-Direttiva 2019/944 attwalment fis-seħħ (21).
64. Il-linji diretti huma element essenzjali ta’ suq intern tal-elettriku kompletament miftuħ. Jekk ir-rekwiżiti għal-linji li jikkwalifikaw bħala linji diretti jkunu inqas stretti, iktar klijenti jistgħu jibbenefikaw minn forniment permezz ta’ linji diretti. Għalhekk, kunċett wiesa’ tal-linja diretta jiffavorixxi liberalizzazzjoni u integrazzjoni ulterjuri ta’ dan is-suq.
65. Skont il-premessa 35 tad-Direttiva 96/92, “għandhom isiru dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ bini u użu ta’ linji diretti”. Huwa minnu li d-Direttiva, fil-verżjoni attwali tagħha, ma għadhiex tinkludi, fil-premessi tagħha, tali referenza espliċita għar-rwol tal-linji diretti bl-għan li tinkiseb liberalizzazzjoni sħiħa.
66. Madankollu, ir-rwol importanti tal-linja diretta fil-provvista tal-enerġija jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, anki fin-nuqqas ta’ referenza espliċita fil-premessi. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu lill-produtturi u lill-impriżi kollha li jipprovdu l-elettriku, b’mod partikolari, ifornu lill-klijenti tagħhom permezz ta’ linji diretti u sabiex il-klijenti kollha jkunu jistgħu jiġu fornuti permezz ta’ linja diretta. Huwa minnu li l-paragrafi sussegwenti tal-Artikolu 7 jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw l-awtorizzazzjoni tal-linji diretti f’ċirkustanzi partikolari. Madankollu, dan jikkonferma li l-kunċett ta’ linja diretta fil-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku għandu, bħala prinċipju, jinftiehem b’mod wiesa’ u li l-installazzjoni ta’ linji diretti jista’ l-iktar l-iktar jiġi limitat mill-Istati Membri.
2) L-għan tat-trasformazzjoni ekoloġika
67. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku għandha l-għan li tiżgura tranżizzjoni bla xkiel lejn sistema tal-enerġija sostenibbli b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2, bl-użu tal-benefiċċji ta’ suq integrat. Is-sostenibbiltà tissemma wkoll, fost l-oħrajn, fil-premessa 2 bħala għan imfittex minn din id-direttiva.
68. Għalkemm il-linji diretti ma humiex limitati għall-provvista tal-enerġija rinnovabbli, dawn jistgħu jippromwovu l-miri ta’ sostenibbiltà.
69. Fil-fatt, il-linji diretti jippermettu lill-klijenti jużaw esklużivament l-elettriku “ekoloġiku”, mingħajr ma jkollhom jgħaddu min-network pubbliku li fih l-elettriku jkun għadu ma ġiex iġġenerat kompletament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Eżempju tajjeb huwa l-każ ta’ Jelgavas autobusu parks fil-Kawża C‑756/24, li tixtieq tixtri l-elettriku minn impjant tal-enerġija bijomassa permezz tal-linja diretta.
3) Kunflitt ta’ objettivi mal-garanzija ta’ prezzijiet tal-enerġija affordabbli
70. Madankollu, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, id-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku għandha wkoll l-għan li tiżgura prezzijiet u spejjeż tal-enerġija affordabbli u trasparenti għall-konsumaturi kif ukoll livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista, bl-użu tal-benefiċċji ta’ suq integrat.
71. Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ linja diretta għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, peress li l-elettriku pprovdut minn linji diretti ma jikkontribwixxix għall-ispejjeż tan-network kollu kemm hu, filwaqt li l-klijenti fornuti min-network għandhom iħallsu t-tariffi ġenerali tan-network. Il-Kummissjoni għalhekk tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jiżdiedu, b’mod partikolari għad-djar u għall-impriżi ż-żgħar, jekk il-klijenti (prinċipalment il-klijenti industrijali l-kbar) ikunu jistgħu jiġu fornuti permezz ta’ linji diretti, anki fil-każ fejn ikun hemm konnessjoni man-network jew fejn din tkun possibbli. Fil-fatt, il-klijenti nazzjonali u l-impriżi żgħar jikkonsmaw inqas elettriku, b’tali mod li l-installazzjoni ta’ linja diretta ma għandhiex tkun ta’ benefiċċju għall-produtturi u għall-fornituri għal dawn il-klijenti. Fl-istess waqt, l-ispejjeż tal-manutenzjoni u tal-operat tan-network għall-kumplament tal-klijenti tan-network jiżdiedu meta l-klijenti l-kbar tal-enerġija jitilqu min-network u jiġu fornuti permezz ta’ linji diretti, mingħajr ma jħallsu t-tariffa tan-network.
72. Anki jekk naqbel ma’ dan it-tħassib tal-Kummissjoni, ma nara ebda raġuni sabiex minn dan niddeduċi li l-leġiżlatur ried jirrimedja din il-problema permezz ta’ interpretazzjoni stretta tal-linja diretta.
73. Fil-fatt, kif diġà esponejt fil-punti 55 et seq., il-fatt li linja tiġi kklassifikata bħala linja diretta ma jwassalx neċessarjament għall-awtorizzazzjoni ta’ din il-linja. Għall-kuntrarju, il-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirrifjutaw il-permess għall-installazzjoni ta’ linja diretta, sakemm dawn jibbażaw ruħhom fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji u jieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 7(1). Fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri, l-effetti negattivi potenzjali fuq il-prezzijiet tal-enerġija għall-klijenti nazzjonali u l-klijenti finali żgħar oħra jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (ara b’mod speċifiku, kif diġà ġie espost fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(5) u l-Artikolu 9(5)) (22). Barra minn hekk, konformement mal-premessa 58 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, l-Istati Membri għandhom jieħdu, b’mod ġenerali, il-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli u lill-persuni b’kundizzjonijiet ta’ enerġija fqira.
74. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-bini tal-linji kontenzjużi huwiex ibbażat fuq il-biża’ ta’ effetti negattivi konkreti u jekk huwiex ibbażat fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji (23).
3. Konklużjoni intermedja
75. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li d-definizzjoni ta’ linja diretta ma tiddependix fuq jekk teżistix konnessjoni man-network jew jekk tali konnessjoni hijiex teknikament possibbli jew ekonomikament raġonevoli. Id-definizzjoni ta’ linja diretta tiddependi biss fuq jekk il-klijent huwiex fornut mill-produttur (24) mingħajr l-intermedjarju tan-network.
B. Fuq l-iskonnessjoni totali min-network (it-tieni domanda fil-Kawża C‑756/24)
76. Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑756/24, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk klijent preċedentement konness man-network jistax jiġi konness ma’ produttur permezz ta’ linja diretta, anki meta, wara l-installazzjoni tal-linja ppjanata, il-klijent ikun jixtieq iżomm il-konnessjoni eżistenti man-network bħala konnessjoni ta’ riżerva.
77. Jekk, kif ġie espost iktar ’il fuq, l-element determinanti ta’ linja diretta huwa li l-klijent jiġi fornut mill-produttur mingħajr l-intermedjarju tan-network, l-eżistenza ta’ konnessjoni ta’ riżerva man-network jew, jekk ikun il-każ, jekk din il-konnessjoni hijiex użata b’mod parallel mal-linja diretta, ma jistgħux ikunu rilevanti.
78. Din il-fehma hija kkonfermata mill-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, li jiggarantixxi lill-klijent l-għażla libera tal-fornitur. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti jkollhom il-libertà li jkollhom diversi kuntratti ta’ provvista tal-enerġija fl-istess ħin. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(3) jispeċifika li dan jista’ jinvolvi l-koeżistenza ta’ linja diretta u konnessjoni man-network.
79. Kif tenfasizza l-Awstrija, il-possibbiltà (ikkontrollata) ta’ skambju tal-elettriku bejn il-linja diretta u n-network hija partikolarment importanti fid-dawl tar-rwol attiv tal-klijenti bħala atturi deċentralizzati fl-użu ta’ enerġiji rinnovabbli, li spiss huwa komplementari għall-provvista tan-network (25).
80. Għaldaqstant, skonnessjoni totali tal-klijent min-network jew diżakkoppjament (26) ma hijiex neċessarja sabiex il-klijent ikun jista’ jiġi fornut permezz ta’ linja diretta.
C. Fuq il-konnessjoni ta’ diversi klijenti mal-istess linja (it-tieni domanda fil-Kawża C‑722/24)
81. Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑722/24, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk diversi klijenti jistgħux jiġu konnessi permezz tal-istess linja diretta jew jekk linja diretta tistax tintuża biss għall-provvista ta’ klijent wieħed.
82. Jiena tal-fehma li linja li huma konnessi diversi klijenti magħha tista’ wkoll tiġi kklassifikata bħala linja diretta. Fil-fatt, kuntrarjament għall-ewwel każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku, il-leġiżlatur ma llimitax it-tieni każ għal klijent iżolat. Id-differenza lingwistika bejn iż-żewġ każijiet turi b’mod ċar li, fit-tieni każ, ma huwa impost ebda rekwiżit ieħor fuq il-klijent.
83. Barra minn hekk, l-għan tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku msemmi fil-punt 79, jiġifieri li l-klijenti jingħataw rwol deċentralizzat u komplementari fil-kuntest tat-trasformazzjoni ekoloġika tas-suq tal-elettriku, jimmilita favur l-interpretazzjoni li diversi klijenti jistgħu jiġu fornuti permezz ta’ linja diretta.
84. Bl-istess mod, il-fatt li l-linja eżistenti li Elektro bizness tixtieq li l-klijenti jkunu konnessi magħha ma hijiex biss diġà konnessa ma’ klijenti oħra iżda tittrasporta wkoll l-elettriku lejn in-network, ma jipprekludix li l-konnessjoni bejn Elektro bizness u l-klijent inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala linja diretta. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li Elektro bizness tforni (ukoll) direttament lil dan il-klijent (jiġifieri mingħajr intermedjarju tan-network) u li miżuri teknoloġiċi jipprevjenu fluss mhux ikkontrollat ta’ elettriku min-network lejn dan il-klijent.
D. Fuq il-kunċett ta’ “sit ta’ ġenerazzjoni” (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑722/24)
85. Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑722/24, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk linja proprjetà tal-produttur, li hija konnessa ma’ impjant tal-elettriku għat-trażmissjoni tal-elettriku ġġenerat u li taqbeż il-limiti tas-sit tal-impjant (27), taqax taħt il-kunċett ta’ sit iżolat ta’ ġenerazzjoni fis-sens tal-ewwel każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju, permezz tat-“trażmissjoni tal-elettriku ġġenerat”, ma tillimitax id-domanda tagħha għal “trażmissjoni” ta’ elettriku, fis-sens tal-Artikolu 2(34) ta’ din id-direttiva, iżda tirreferi, b’mod mhux tekniku, għall-forom kollha ta’ trasport tal-elettriku.
86. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-linja hijiex parti mis-sit iżolat ta’ ġenerazzjoni (fl-ewwel każ) jew jekk hijiex attribwita għas-sit tal-produttur (fit-tieni każ). Fil-fatt, kif diġà kkonstatajt fil-punt 39 iktar ’il fuq, id-delimitazzjoni bejn iż-żewġ każijiet imsemmija fl-punt 41 tal-Artikolu 2 ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward.
87. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tixtieq tkun taf, essenzjalment, f’liema każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2, li huwa fformulat b’mod ambigwu, għandha taqa’ l-linja kontenzjuża fil-Kawża C‑722/24. Il-qorti tar-rinviju tixtieq pjuttost tikseb risposta għad-domanda ġenerali dwar jekk linja li tgħaqqad klijent mhux mas-sit tal-produttur iżda ma’ linja eżistenti li twassal għal dan is-sit tistax tiġi kklassifikata bħala linja diretta.
88. Fil-fehma tiegħi, ma hijiex id-delimitazzjoni ġeografika tas-sit fejn jinsab il-produttur li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, iżda r-rabta funzjonali bejn il-klijent u l-produttur permezz tal-linja diretta. Fi kliem ieħor, linja tal-elettriku tkun linja diretta meta sservi l-provvista diretta tal-klijent mill-produttur, kemm jekk permezz tal-konnessjoni tal-klijent mas-sit tal-produttur kif ukoll permezz ta’ linja konessa ma’ dan is-sit, sakemm in-network tal-elettriku ġenerali ma jkunx jagħmel parti mill-konnessjoni.
E. Fuq il-kriterju tal-klijent iżolat u tas-sit iżolat ta’ ġenerazzjoni (l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑722/24 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑756/24)
89. Kif spjegajt fil-paragrafu 39, iż-żewġ linji li l-awtorizzazzjoni tagħhom hija kkotestata fil-proċeduri prinċipali huma, f’kull każ, koperti mit-tieni każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku.
90. Min-naħa l-oħra, il-linji kontenzjużi ma jaqgħux taħt l-ewwel każ ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, fiż-żewġ kawżi prinċipali, jeżistu konnessjonijiet man-network.
91. Għalkemm il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku ma humiex kompletament identiċi fir-rigward tal-post tas-sit ta’ ġenerazzjoni u tal-klijent fl-ewwel każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2, il-maġġoranza tagħhom jirreferu għan-natura separata u iżolata ta’ dan il-post. Ċerti verżjonijiet lingwistiċi, b’mod partikolari l-Latvjan, l-Ingliż u l-Franċiż (28), jenfasizzaw, bl-użu tal-kliem “izolēts lietotājs”, “isolated customer” jew “client isolé”, il-pożizzjoni iżolata, separata jew distinta mill-klijent jew mis-sit ta’ ġenerazzjoni. F’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Estonjana, Finlandiża u Pollakka, jintuża t-terminu simili separat (“eraldiasetseva tarbijaga”, “erilliseen asiakkaaseen” u “wydzielonym odbiorcą”). It-termini “einzelner Kunden” u “enskild kund” użati fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża u dik Svediża jistgħu wkoll jinftiehmu bħala waħdieni jew iżolat.
92. Għaldaqstant, minn qari inġenerali jirriżulta li l-ewwel każ tal-punt 41 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku ikopri, kif issostni l-Awstrija, is-sitwazzjoni tal-hekk imsejħa siti iżolati li ma humiex konnessi man-network. Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-linji kontenzjużi fil-kawżi prinċipali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-ewwel każ minħabba l-konnessjonijiet eżistenti man-network.
V. Konklużjoni
93. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Augstākā tiesa (Senāts) (is-Senat tal-Qorti Suprema, il-Latvja) kif ġej:
Il-punt 41 tal-Artikolu 2 flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– linja tista’ titqies bħala linja diretta meta sservi l-provvista diretta tal-klijent;
– id-definizzjoni ta’ linja diretta tiddependi biss fuq jekk il-klijent ikunx fornut mill-produttur jew mill-impriża fornitriċi mingħajr l-intermedjarju tan-network;
– linja diretta tista’ tkun linja intiża sabiex tqabbad produttur konness man-network ma’ klijent konness man-network, sakemm il-klijent ikun fornut direttament mill-produttur permezz ta’ din il-linja diretta mingħajr l-intermedjarju tan-network;
– id-definizzjoni ta’ linja diretta tista’ tkopri wkoll linja użata għall-provvista tal-elettriku ta’ diversi klijenti.
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3).
3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).
4 L-użu doppju, fil-verżjoni Ġermaniża, “Elektrizitätsversorgungsunternehmen Versorger” jidher li huwa żball fl-abbozzar.
5 Fil-Kawża C‑722/24, iż-żewġ domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sit iżolat ta’ ġenerazzjoni” u ta’ “sit ta’ ġenerazzjoni”, li jinsab biss fl-ewwel każ. It-tielet domanda preliminari fil-Kawża C‑756/24 tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klijent iżolat”, li jinsab ukoll biss fl-ewwel każ.
6 Enfasi miżjuda.
7 Fil-verżjoni bil-lingwa Ċeka, pereżempju, it-tieni kelma hija “nebo” (“jew”).
8 Enfasi miżjuda.
9 Fuq dan il-punt, il-Liġi Latvjana dwar is-Suq tal-Elettriku tiddevja, fil-punt 29 tal-Artikolu 1 tagħha, mill-formulazzjoni tad-Direttiva, billi tiddefinixxi t-tieni każ bħala “linja tal-elettriku li tqabbad sit iżolat ta’ ġenerazzjoni ma’ klijent iżolat jew linja tal-elettriku li tqabbad produttur tal-elettriku iżolat ma’ kummerċjant, li jforni direttament il-bini, il-kumpanniji relatati u l-klijenti tiegħu stess li huwa proprjetarju tagħhom jew li jinsabu fil-pussess tiegħu”. Madankollu, għandu jkun possibbli li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva fis-sens li produttur jista’ wkoll iforni direttament il-bini, il-kumpanniji relatati u l-klijenti tiegħu. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 26 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, li jipprevedi li “[i]l-produttur għandu d-dritt li jforni elettriku lill-klijenti tiegħu jew lill-bini tiegħu stess permezz ta’ linja diretta”.
10 Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1961 fil-kawża Simon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (15/60, EU:C:1961:11, p. 261). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-kawża Quelle (C‑404/06, EU:C:2007:682, punt 58).
11 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).
12 Skont il-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54, linja diretta “tfisser jew linja tal-elettriku li tgħaqqad sit iżolat ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ma’ klijent iżolat jew inkella linja tal-elettriku li tgħaqqad produttur tal-elettriku u impriża tal-provvista tal-elettriku biex dawn ifornu direttament lil bini tagħhom stess, lil sussidjarji tagħhom u lil klijenti eliġibbli”.
13 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u l-idroġenu, li temenda d-Direttiva (UE) 2023/1791 u li tħassar id-Direttiva 2009/73/KE (ĠU L, 2024/1788).
14 Enfasi miżjuda.
15 Enfasi miżjuda.
16 Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024 fil-kawża, ENGIE Deutschland (C‑293/23, EU:C:2024:992, punt 77).
17 Billi ħoloq il-kategorija ta’ “installazzjoni ta’ awtokonsum” mhux prevista mid-Direttiva, il-leġiżlatur Ġermaniż, fl-istess ħin, iddefinixxa l-kunċett ta’ “network ta’ distribuzzjoni” b’mod iktar restrittiv minn dak previst mid-Direttiva. L-operaturi ta’ installazzjonijiet ta’ awtokonsum ma kinux suġġetti għall-obbligi tal-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni, u għal din ir-raġuni kien hemm il-biża’ li r-rekwiżiti tad-Direttiva jiġu evitati.
18 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwarda l-effett utli tagħha; ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 1988, Saarland et (187/87, EU:C:1988:439, punt 19), u tal‑24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21).
19 F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:344, punt 22).
20 Sadanittant, kienu applikabbli d-Direttiva 2003/54 msemmija iktar ’il fuq u d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).
21 Skont din id-dispożizzjoni, is-suq intern tal-elettriku għandu l-għan “permezz tal-organizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku kompetittivi li jaqsmu l-fruntieri tal-pajjiżi, li jipprovdi għażla reali lill-klijenti finali kollha tal-Unjoni, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju, prezzijiet kompetittivi, sinjali ta’ investimenti effiċjenti u standards ogħla ta’ servizzi, u għandu l-għan ukoll li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà.” Ara wkoll il-premessa 4 tad-Direttiva 96/92, u l-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2009/72.
22 Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:344, punt 43). Ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 48), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Elektrorazpredelenie Yug (C‑31/18, EU:C:2019:421, punt 43).
23 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 48); kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża, Elektrorazpredelenie Yug (C‑31/18, EU:C:2019:421, punt 43).
24 L-istess japplika għall-każijiet l-oħra msemmija fil-punt 41 tal-Artikolu 2.
25 Ara, pereżempju, l-Artikolu 15 (“Klijenti attivi”) jew l-Artikolu 16 (“Komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin”) kif ukoll il-premessi 42 sa 47 tad-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku.
26 Jelgavas autobusu parks għamlet dikjarazzjoni lill-Kummissjoni Regolatorja li d-diżakkoppjament min-network se jiġi żgurat waqt il-konnessjoni mal-linja diretta prevista.
27 Skont il-qorti tar-rinviju, dan is-sit huwa ddefinit permezz tal-indirizz postali.
28 Bl-istess mod, pereżempju, fil-verżjoni Taljana “cliente isolato”, Daniża “isoleret kunde” u Portugiża “cliente isolado”.