Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑23 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑683/24
Spielerschutz Sigma Prozessfinanzierungs GmbH
vs
Geissler Heilbock Hopf Ferox Legal Partnerschaft von Rechtsanwälten mbB
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ammissibbiltà tar-rinviju – Sentenzi f’Foglia I u Foglia II – Tilwima ġenwina – Ħtieġa ta’ risposta għad-domandi preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikoli 45 u 46 – Raġunijiet għal rifjut tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni – Klawżola tal-ordni pubbliku)
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), hija parti minn sensiela ta’ kawżi (2) rigward azzjonijiet ċivili ppreżentati minn konsumaturi quddiem il-qrati ta’ (inter alia) l-Awstrija u l-Ġermanja kontra operaturi tal-logħob tal-ażżard online stabbiliti f’Malta. Essenzjalment, il-konsumaturi, billi jibbażaw fuq ir-regoli dwar l-arrikkiment indebitu jew tort, ifittxu li jirkupraw l-imħatri li kienu għamlu mal-operaturi, fuq il-bażi li dawn tal-aħħar aġixxew bi ksur tar-regolamenti lokali dwar il-logħob tal-ażżard.
2. Din it-talba tikkonċerna, speċifikament, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-kredituri meta jippruvaw jeżegwixxu s-sentenzi li jilqgħu tali azzjonijiet f’Malta. Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dispożizzjoni tad-dritt Malti, li skontha tali sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jew meqjusa bħala eżegwibbli f’dan l-Istat, hijiex kompatibbli mar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi previsti fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).
3. Madankollu, dawn id-domandi ma ġewx ifformulati minn qorti Maltija fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza, iżda minn qorti Awstrijaka, li ntalbet tiddetermina r-responsabbiltà ta’ avukat li fassal, għal kumpannija li tiffinanzja tali azzjonijiet, opinjoni dwar proprju din il-kwistjoni ta’ kompatibbiltà. Dan il-kuntest kemxejn mhux tas-soltu jqajjem il-kwistjoni preliminari tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
4. Skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Brussell Ia, “sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali”.
5. Skont l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, “sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà”.
6. L-Artikolu 45(1)(a) tal-istess regolament jipprovdi li, “fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata […] jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika (ordre public) tal-Istat Membru indirizzat”.
7. L-Artikolu 46 tar-Regolament Brussell Ia jipprovdi li, “fuq it-talba tal-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata meta jinstab li teżisti waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 45”.
8. Skont l-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament, “il-qorti għandha tiddeċiedi dwar it-talba għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni mingħajr dewmien”.
9. Skont l-Artikolu 52 tal-istess regolament, “taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ tiġi riveduta sentenza mogħtija fi Stat Membru fir-rigward tal-mertu tagħha fl-Istat Membru indirizzat”.
B. Id-dritt nazzjonali
1. Id-dritt Awstrijak
10. L-Artikolu 1299 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jipprovdi:
“Kull min jimpenja ruħu pubblikament fl-eżerċizzju ta’ funzjoni, ta’ arti, ta’ negozju jew ta’ sengħa, jew jassumi volontarjament kompitu li jeħtieġ għarfien artistiku jew livell ta’ sforz mhux tas-soltu, juri b’dan il-fatt li huwa jqis ruħu kapaċi li jagħmel l-isforz neċessarju u li għandu l-għarfien mhux tas-soltu meħtieġ; għalhekk, jeħtieġlu jwieġeb għal għemilu meta dan l-isforz jew għarfien ma jkunx biżżejjed. Madankollu, meta l-persuna li tkun assenjatlu l-kompitu kienet taf bin-nuqqas ta’ esperjenza ta’ din il-persuna jew raġonevolment setgħet tkun taf bih, dik il-persuna wkoll għandha tkun responsabbli għan-nuqqasijiet ta’ din tal-aħħar.”
11. L-Artikolu 1300 tal-ABGB jipprevedi:
“Espert għandu jkun responsabbli wkoll meta b’mod mhux intenzjonat jagħti, bi ħlas, pariri detrimentali f’oqsma relatati mas-sengħa jew max-xjenza tiegħu. Fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra, konsulent ikun responsabbli biss għad-danni li kkawża konxjament lill-persuna l-oħra billi ta pariri lil dik il-persuna.” (4)
2. Id-dritt Malti
12. L-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob (5), introdott bl-Att tal-2023 li jemenda l-Att dwar il-Logħob (6), jipprovdi:
“Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u ta’ kull liġi oħra, bħala prinċipju ta’ ordni pubblika:
(a) l-ebda azzjoni ma tista’ tinġieb fil-konfront ta’ detentur ta’ liċenzja u, jew uffiċjali u, jew persuni rilevanti, preżenti jew passati, ta’ detentur ta’ liċenzja fir-rigward ta’ materji relatati mal-provvista ta’ servizz tal-logħob, jew fil-konfront ta’ ġugatur għax irċieva tali servizz tal-logħob, jekk dik l-azzjoni:
(i) tikkonfliġġi ma’, jew timmina, il-legalità tal-provvista ta’ servizzi tal-logħob ġewwa jew minn Malta permezz ta’ liċenzja maħruġa mill-Awtorità, jew il-legalità ta’ kwalunkwe obbligu legali jew naturali li jirriżulta mill-provvista ta’ tali servizzi tal-logħob; u
(ii) tirrigwarda attività awtorizzata li hija leġittima fit-termini tal-Att u strumenti regolatorji oħra; u
(b) il-Qorti għandha tirrifjuta r-rikonoxximent u, jew l-infurzar ġewwa Malta ta’ kwalunkwe sentenza u, jew deċiżjoni barranija mogħtija fir-rigward ta’ azzjoni tat-tip imsemmi fis-subartikolu (a).”
III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
13. Spielerschutz Sigma Prozessfinanzierungs GmbH (iktar ’il quddiem “Spielerschutz Sigma”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija speċjalizzata fil-finanzjament ta’ proċeduri legali. Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, hija tiffinanzja, inter alia, rikorsi ppreżentati minn ġugaturi ddomiċiljati fl-Awstrija kontra operaturi detenturi ta’ liċenzji Maltin li pprovdew servizzi ta’ logħob tal-ażżard online f’dan l-Istat Membru mingħajr ma kellhom il-liċenzja meħtieġa mid-dritt Awstrijak (iktar ’il quddiem il-“proċeduri legali inkwistjoni”).
14. Wara l-introduzzjoni tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, Spielerschutz Sigma, sabiex tevalwa r-riskji li din l-emenda tal-leġiżlazzjoni Maltija tista’ tinvolvi għall-mudell kummerċjali tagħha, inkarigat lil Geissler Heilbock Hopf Ferox Legal Partnerschaft von Rechtsanwälten mbB (iktar ’il quddiem il-“konsulent legali”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, sabiex tagħti opinjoni esperta dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni.
15. Fl-opinjoni legali tal‑5 ta’ Lulju 2023, il-konsulent legali essenzjalment wasal għal żewġ konklużjonijiet: (i) L-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob kien manifestament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma kienx konċepibbli li jiġi applikat mill-qrati Maltin; u (ii) skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell Ia, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni f’Malta, fl-ewwel istanza, għandhom jiġu konklużi fi żmien sitt xhur.
16. Spielerschutz Sigma bbażat ruħha fuq dik l-opinjoni u kompliet tiffinanzja l-proċeduri legali inkwistjoni fl-Awstrija. Hija għamlet dan sal‑1 ta’ Awwissu 2023, meta, kuntrarjament għal dak li kien irrakkomanda l-konsulent legali, qorti Maltija rrifjutat, abbażi tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, li tagħti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni skont ir-Regolament Brussell Ia fil-kuntest ta’ proċedura ffinanzjata minn din il-kumpannija.
17. Wara dik id-deċiżjoni, Spielerschutz Sigma ppreżentat rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) intiż għar-rimbors tal-onorarji mħallsa għal dak li hija tqis bħala opinjoni legali żbaljata. Hija talbet ukoll lil dik il-qorti tiddikjara lill-konsulent legali responsabbli għal kull telf futur li jirriżulta mill-finanzjament tal-proċeduri legali inkwistjoni bejn il‑5 ta’ Lulju 2023 (id-data tal-opinjoni) u l‑1 ta’ Awwissu 2023 (id-data tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-qorti Maltija).
18. Fid-dawl tad-dubji tagħha dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li invokaw il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) L-Artikolu 1(1) u (2) [tar-Regolament Brussell Ia], moqri flimkien mal-Artikolu 45(1)(a), l-Artikoli 46 u 52 ta’ dan l-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, abbażi tal-prinċipju ta’ ordni pubbliku fis-sens stabbilit f’dan id-dritt nazzjonali, teskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-proċeduri kollha kontra detentur ta’ liċenzja, ta’ uffiċjali attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja jew ta’ persunal ewlieni attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja rigward kwistjonijiet relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard meta din l-azzjoni tkun kunfliġġenti jew tippreġudika l-legalità tal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard f’Malta jew minn Malta abbażi ta’ liċenzja maħruġa mill-Awtorità [Maltija tal-Logħob] jew il-legalità ta’ kull obbligu legali jew naturali li jirriżulta mill-provvista ta’ tali servizzi ta’ logħob tal-azzard, u li hija relatata ma’ attività awtorizzata li tkun legali skont din il-liġi nazzjonali u skont strumenti leġiżlattivi nazzjonali applikabbli oħra?
(2) L-Artikolu 45(1) u l-Artikolu 46 [tar-Regolament Brussell Ia] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, indipendentement mit-tressiq ta’ talba f’dan is-sens quddiem il-qorti adita bit-talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni u mill-eżawriment ta’ rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-qorti tal-ewwel istanza mid-debitur kif ukoll mingħajr eżami mill-qorti adita tat-talba għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni, teskludi r-rikonoxximent (Artikolu 45 [tar-Regolament Brussell Ia]) u l-eżekuzzjoni (Artikolu 46 tar-[tar-Regolament Brussell Ia]) tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-proċeduri kollha kontra detentur ta’ liċenzja, ta’ uffiċjali attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja jew ta’ persunal ewlieni attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja rigward kwistjonijiet relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard, meta din l-azzjoni tkun kunfliġġenti jew tippreġudika l-legalità tal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard f’Malta jew minn Malta abbażi ta’ liċenzja maħruġa mill-Awtorità [Maltija tal-Logħob] jew il-legalità ta’ kull obbligu legali jew naturali li jirriżulta mill-provvista ta’ tali servizzi ta’ logħob tal-azzard, u li hija relatata ma’ attività awtorizzata li tkun legali skont din il-liġi nazzjonali u skont strumenti leġiżlattivi nazzjonali applikabbli oħra?
(3a) L-Artikolu 45(1)(a) u l-Artikolu 46 [tar-Regolament Brussell Ia] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiddikjara bħala kontra l-ordni pubbliku r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bl-uniku għan li jiġu protetti, fil-kuntest tas-sostenn li l-Istat iġib lill-ekonomija privata konformement mad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, id-detenturi ta’ liċenzja tal-logħob tal-azzard online kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija kontrihom mill-qrati ta’ Stati Membri oħra?
(3b) L-Artikolu 45(1)(a) u l-Artikolu 46 [tar-Regolament Brussell Ia] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti adita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubblika meta dan ir-rifjut ikun ibbażat esklużivament fuq il-fatt li r-rikonoxximent ta’ tali sentenza jmur kontra interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-Istat Membru indirizzat, peress li l-operaturi ta’ logħob tal-azzard jipprovdu kontribuzzjoni essenzjali għall-ekonomija nazzjonali u għad-dħul ta’ dan l-Istat Membru?
(4) L-Artikolu 52 [tar-Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi r-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward ta’ kull azzjoni kontra detentur ta’ liċenzja, uffiċjali attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja jew persunal ewlieni attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja li għandha bħala suġġett talba marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard, minħabba li, evalwata fid-dawl tad-dritt Malti, l-attività tal-operatur tal-logħob tal-azzard tkun leċita?
(5) L-Artikolu 48 [tar-Regolament Brussell Ia] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni mingħajr dewmien previst f’dan l-artikolu meta, sitt xhur wara l-introduzzjoni tat-talba għal rikonoxximent, ebda sentenza ma tkun ingħatat fl-ewwel istanza fuq din it-talba, mingħajr ma dan ikun dovut għal ċirkustanzi jew għal dewmien imputabbli lill-partijiet jew lil terzi fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent ikkonċernata?”
19. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti u mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Grieg, Malti u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
IV. Analiżi
20. Fil-fehma tiegħi, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li ma jidhirx li hija meħtieġa risposta għad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Għalhekk, fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina fid-dettall il-kwistjonijiet proċedurali mqajma minn din il-kawża (A). Sussegwentement, u għal finijiet ta’ kompletezza biss, ser nindirizza l-mertu tad-domandi preliminari (B).
A. Kwistjonijiet proċedurali
21. Fil-kawża ineżami, il-Gvern Ġermaniż u dak Malti jqajmu dubji kemm dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi preliminari kif ukoll dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fehma tagħhom, ċerti elementi tat-tilwima fil-kawża prinċipali jqajmu dubju dwar jekk hijiex verament ġenwina.
22. Barra minn hekk, huma jsostnu li ma hijiex meħtieġa risposta għad-domandi magħmula sabiex il-qorti tar-rinviju tagħti s-sentenza tagħha. Anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni b’mod differenti minn dak adottat fl-opinjoni legali inkwistjoni, dan ma jkunx biżżejjed, waħdu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-konsulent legali taħt id-dritt nazzjonali.
23. Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, huwa utli li nibda b’xi rimarki preliminari dwar il-kunċetti (distinti, għalkemm komplementari) ta’ “ġurisdizzjoni” u “ammissibbiltà”.
1. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
24. Il-kunċett ta’ ġurisdizzjoni jikkonċerna, essenzjalment, il-portata tal-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-Trattati sabiex twettaq il-missjoni tagħha li tiżgura “li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati” (Artikolu 19(1) TUE). Bħal kull istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha “taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom” (Artikolu 13(2) TUE) (7).
25. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja “għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar […] l-interpretazzjoni tat-Trattati […] [u l-]validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni”. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta, inter alia, id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni ma hijiex parti għalihom. Lanqas ma tista’ tintalab tapplika d-dritt tal-Unjoni għall-fatti ta’ kawża partikolari (8).
26. Għalhekk, meta domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, mifhuma b’mod wiesa’ bħala dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tad-dritt primarju jew f’atti adottati mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni li jistgħu jipproduċu effetti legali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa, u bħala prinċipju hija obbligata, li tirrispondiha (9), sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx espressament eskluża mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati (10).
27. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, “fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, [hija] tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi lilha attribwiti” (11). Fuq din il-bażi, hija rrifjutat il-ġurisdizzjoni meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom intalbet l-interpretazzjoni ma kellhom ebda rabta mat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li dawn kienu manifestament inapplikabbli, ratione materiae, ratione temporis, ratione personae jew ratione loci (12). B’“manifestament”, għandu jinftiehem li l-inapplikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet evidenti u inkontestabbli. Madankollu, mingħajr dubju tibqa’ l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni preċiżament sabiex tiddetermina jekk dawn humiex applikabbli f’kawża partikolari.
28. F’tali sitwazzjonijiet, fejn ma hemmx rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kawża ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk dawn il-każijiet ikunux ikkunsidrati b’mod iktar xieraq jekk jitqiesu bħala każijiet ta’ inammissibbiltà (13).
29. Fi kwalunkwe każ, fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia. Tali domandi manifestament jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ma jistax jiġi affermat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni manifestament ma għandhom ebda rabta mat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, il-miżura nazzjonali kkontestata mill-partijiet fil-kawża, jikkonċerna l-istess suġġett irregolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia: ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin. It-tieni nett, it-tilwima tidher li toriġina minn, jew tal-inqas hija kemxejn marbuta mad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ċerti ċittadini tal-Unjoni sabiex jippruvaw jeżegwixxu, f’Malta, sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri oħra. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tad-domandi preliminari.
2. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
30. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “ammissibbiltà” jikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjonijiet (fil-parti l-kbira proċedurali) li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq b’mod effettiv il-missjoni tagħha skont l-Artikolu 267 TFUE. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu strutturali, bħar-rekwiżit li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir minn “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, jew ċirkustanzjali, bħar-rekwiżit li r-risposta għad-domandi magħmula tkun neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha jew li t-talba tkun konformi mar-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
31. Fil-kawża ineżami, tqajmu żewġ kapi possibbli ta’ inammissibbiltà: l-ewwel, in-natura allegatament artifiċjali tat-tilwima (a); u, it-tieni, l-allegata assenza ta’ rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (b). Ser neżaminahom wieħed wieħed.
a) In-natura artifiċjali tat-tilwima
32. Uħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura jsostnu li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija “artifiċjali”, sa fejn tikkostitwixxi “kostruzzjoni proċedurali miftehma mill-partijiet” intiża li tikkontesta l-kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw is-sentenzi Foglia I u Foglia II tal-Qorti tal-Ġustizzja (14).
33. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’European Lotto (15), jiena diġà wissejt kontra l-invokazzjoni malajr wisq tal-ġurisprudenza Foglia sabiex rinviju jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tkunx ġenwina.
34. Ma hemmx lok li hawnhekk jiġu rrepetuti, fl-intier tagħhom, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din il-pożizzjoni. Żewġ punti huma biżżejjed.
35. L-ewwel nett, il-kunċett ta’ tilwima “ġenwina” jqajjem diffikultajiet kemm kunċettwali kif ukoll prattiċi. Ma hemm xejn inerentement mhux xieraq fil-fatt li parti tibda proċeduri sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha, anki meta l-partijiet jaqblu b’mod ġenerali fuq il-kwistjonijiet legali inkwistjoni. Lanqas ma jista’ jiġi kkritikat fih innifsu l-fatt li l-partijiet jistgħu jfittxu li jiċċaraw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom billi jressqu kawża pilota u, għal dan l-għan, iressqu kawża pilota quddiem qorti jew tribunal li huma jqisu li għandhom ġurisdizzjoni.
36. Barra minn hekk, il-verifika tal-intenzjonijiet reali tal-partijiet, fil-prattika, hija eżerċizzju ta’ spiss delikat, jekk mhux impossibbli. Barra minn hekk, meta l-qorti tar-rinviju tkun obbligata, skont id-dritt nazzjonali, li tiddeċiedi dwar it-tilwima, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula jobbliga lill-qorti tar-rinviju tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni minkejja d-dubji tagħha. Tali riżultat ma tantx jiffavorixxi l-applikazzjoni uniformi u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.
37. It-tieni, għandu jiġi rrilevat ukoll li, wara s-sentenzi f’Foglia I u f’Foglia II, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn naf jien, ma ddikjaratx rinviju inammissibbli għas-sempliċi raġuni li t-tilwima ma kinitx ġenwina, lanqas f’każijiet fejn tali karatteristika setgħet kienet issuspettata. Dan l-approċċ jidher konsistenti mal-kritika tal-ġurisprudenza Foglia espressa fid-duttrina legali (16).
38. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ leġittimament jistaqsi jekk din il-ġurisprudenza ġietx impliċitament imwarrba jew, tal-inqas, jekk għandhiex tiġi eżaminata mill-ġdid.
39. Dan premess, ma nqisx li l-loġika sottostanti wara dawn is-sentenzi għandha tiġi miċħuda kompletament. Mifhuma sew u applikata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, din għadha tista’ tkun utli.
40. Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi invokat għal finijiet frawdolenti jew abbużivi (17). L-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni jista’ jikkostitwixxi abbuż meta, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet applikabbli, l-għan imfittex minn dawn ir-regoli ma jintlaħaqx u meta l-intenzjoni reali tal-partijiet tkun li jinkiseb vantaġġ indebitu billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa (18).
41. F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza Foglia tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għal sitwazzjonijiet ta’ abbuż ta’ proċedura, jiġifieri meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari, oġġettivi u konsistenti li t-tilwima ġiet maħluqa artifiċjalment biss bl-għan li tinkiseb deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
42. F’ċerti sistemi legali, inklużi dawk ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni, tali arranġamenti proċedurali huma ġeneralment magħrufa bħala “abbuż ta’ proċedura” (19). Dan il-kunċett jirreferi, essenzjalment, għal użu ħażin ta’ proċedura ġudizzjarja, meta l-proċedura ma tinbediex għall-eżekuzzjoni ta’ drittijiet sostantivi, permezz tal-użu ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda sabiex jinkiseb vantaġġ indebitu billi jiġi sfruttat il-proċess ġudizzjarju. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta proċedura tinbeda bl-għan li tintimida jew tagħti fastidju lill-parti l-iktar dgħajfa (bl-għan li ġġiegħel lil din il-parti taġixxi b’ċertu mod, jew saħansitra twassalha għall-insolvenza), li ddewwem deliberatament il-kors tal-ġustizzja jew li tevita indebitament l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni jew tar-regoli nazzjonali li altrimenti jirregolaw is-sitwazzjoni.
43. Proċedura ġudizzjarja abbużiva tipikament tinvolvi talbiet frivoli, vessatorji jew manifestament infondati. Sabiex jiġġieldu tali mġiba, is-sistemi legali ġeneralment jipprovdu lill-qrati għodod jew prinċipji proċedurali speċifiċi li jippermettulhom jadottaw miżuri xierqa, kemm biex jipproteġu l-parti jew il-partijiet in bona fide, fejn dawn jeżistu, kif ukoll biex iħarsu l-integrità tas-sistema ġudizzjarja u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Tali miżuri jistgħu jinkludu, inter alia, iċ-ċaħda sommarja tar-rikors u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji jew l-għoti tal-ispejjeż jew tad-danni kontra l-parti li taġixxi in mala fide.
44. Il-kunċett ta’ “abbuż ta’ proċedura” ma huwiex ġdid għad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, hemm diversi riferimenti espliċiti jew impliċiti fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni (20), inkluż fir-rigward tal-użu tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (21). Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni reċentement ħafna introduċa dispożizzjoni espliċita li tintegra dan il-kunċett fid-Direttiva (UE) 2024/1069 dwar kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (22). Din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi salvagwardji kontra talbiet manifestament infondati jew proċeduri tal-qorti abbużivi f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika. L-Artikolu 4(3) tagħha jipprovdi definizzjoni speċifika ta’ “proċedimenti tal-qorti abbużivi” (23).
45. Fil-fehma tiegħi, ir-raġuni wara l-ġurisprudenza Foglia hija, essenzjalment, abbuż ta’ proċedura (24). F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tilwima kienet tikkostitwixxi arranġament proċedurali artifiċjali, maħsub sabiex iwassal lil qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Essenzjalment, il-partijiet kienu meqjusa bħala li kienu involuti f’forma mhux permessa ta’ għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (forum shopping), billi ddevjaw it-tilwima mill-qorti “naturali” tagħha (25).
46. Madankollu, ma ninsabx kompletament konvint li l-proċeduri li wasslu għas-sentenzi Foglia I u Foglia II fil-fatt kienu jinvolvu abbuż ta’ proċedura. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’European Lotto (26), xejn ma jipprekludi lill-partijiet milli jressqu kawża ċivili jew kummerċjali quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni (pereżempju, qorti Taljana) u jqajmu, f’dan il-kuntest, kwistjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (pereżempju, id-dritt Franċiż), minflok ma jibdew proċedura quddiem il-qrati Franċiżi. Madankollu, il-loġika usa’ ta’ abbuż ta’ proċedura li fuqu hija bbażata din il-ġurisprudenza jidhirli li hija soda u li tista’ tibqa’ rilevanti, anki jekk f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss. Dawn jinkludu sitwazzjonijiet li fihom, abbażi ta’ indizji ċari u konsistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li t-tilwima fil-kawża prinċipali, jew it-talba magħmula lill-qorti nazzjonali sabiex tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, tikkostitwixxi abbuż ta’ proċedura. F’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ leġittimament tikkunsidra li risposta għad-domandi magħmula tkun tiffaċilita t-twettiq tal-għan abbużiv u għalhekk tista’ tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli.
47. Madankollu, sitwazzjonijiet bħal dawn jibqgħu eċċezzjonali. Fin-nuqqas ta’ provi konvinċenti ta’ abbuż, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taħsibha sew qabel ma tikkonkludi li tilwima ma hijiex ġenwina.
48. Fil-kawża ineżami, bħal fil-kawża European Lotto (27), ma narax indikazzjonijiet ċari, oġġettivi u konsistenti ta’ tali abbuż ta’ proċedura.
b) Fuq in-neċessità ta’ risposta għad-domanda preliminari magħmula
49. B’kuntrast ma’ dan, naqbel mal-Gvern Ġermaniż u mal-Gvern Malti li din it-talba hija inammissibbli minħabba li risposta għad-domandi magħmula ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.
50. Mill-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li deċiżjoni preliminari għandha tkun “meħtieġa” biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ “tagħti deċiżjoni” fil-kawża adita biha. Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma hijiex intiża biex jingħataw opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda biex tgħin lill-qrati nazzjonali jsolvu tilwimiet konkreti (28).
51. Il-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment interpretat ir-rekwiżit tan-“neċessità” b’mod wiesa’, f’konformità mal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 267 TFUE. (29) Id-domanda preliminari magħmula ma għandhiex għalfejn tkun determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u lanqas ma għandha tirrigwarda l-qofol tagħha. Huwa biżżejjed li r-risposta tkun rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tagħha.
52. Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja xi drabi semmiet ir-rilevanza u n-neċessità bħala żewġ rekwiżiti distinti għall-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula, dawn huma, fir-realtà, biss żewġ espressjonijiet tal-istess idea. Kif osserva tajjeb l-Avukat Ġenerali Bobek, “ir-rilevanza u n-neċessità huma […] żewġ naħat tal-istess munita: domanda hija rilevanti jekk ir-risposta tagħha tkun neċessarja sabiex il-qorti nazzjonali tkun f’pożizzjoni tiddeċiedi fil-kawżi prinċipali, u viċi versa” (30). Fil-fatt, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja titlaq minn preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE (31), filwaqt li bilkemm hemm traċċa ta’ preżunzjoni ta’ neċessità awtonoma korrispondenti (32).
53. Dawn il-kunsiderazzjonijiet naturalment iwasslu għall-mistoqsija li ġejja: risposta għal domanda preliminari magħmula meta għandha titqies rilevanti għas-soluzzjoni ta’ tilwima? F’dan ir-rigward, il-kriterju deċiżiv jidher li huwa l-eżistenza ta’ kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju li fiha dik il-qorti hija mitluba tagħti deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari. (33)
54. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida utli f’dan ir-rigward. Hija tippreċiża li, sabiex tiġi stabbilita n-“neċessità”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, jeħtieġ li jkun hemm fattur ta’ rabta, suffiċjentement dirett u mhux purament inċidentali (34), bejn it-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom, b’tali mod li din l-interpretazzjoni hija oġġettivament meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali fattur ta’ rabta jista’ jiġi kkonstatat meta: (i) it-tilwima tkun irregolata fil-mertu mid-dritt tal-Unjoni, tal-inqas parzjalment; (ii) id-domanda tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura proċedurali li jistgħu jkunu applikabbli; jew (iii) ir-risposta mitluba tkun tidher li hija ta’ natura li tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu (35).
55. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li d-domandi huma ammissibbli meta l-qorti tar-rinviju tkun f’pożizzjoni li tislet konsegwenzi legalment vinkolanti mir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (36), kemm jekk ikunu ta’ natura sostantiva kif ukoll ta’ natura proċedurali, għall-finijiet tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dan l-impatt għandu jkun konkret, speċifiku u prevedibbli (37); ma jistax ikun purament ipotetiku, teoretiku jew sempliċement spekulattiv (38). Talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma biss ta’ interess inċidentali jew li l-qorti tar-rinviju tista’ fl-aħħar mill-aħħar tinjorahom mingħajr ma dan jaffettwa d-deċiżjoni tagħha għandha għalhekk tiġi ddikjarata inammissibbli (39).
56. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula fil-kawża ineżami.
57. F’din il-kawża, jidher pjuttost ċar li s-sitwazzjoni ma taqax taħt it-tieni u t-tielet kategorija identifikati fil-punt 54 iktar ’il fuq. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu, bħala prinċipju, jiġi eżaminat fid-dawl tal-ewwel kategorija iktar ’il fuq sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikoli 1, 45, 46, 48 u 52 tar-Regolament Brussell Ia.
58. Konsegwentement, il-kwistjoni ċentrali hija jekk teżistix rabta sostantiva suffiċjentement diretta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.
59. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx tali rabta diretta.
60. It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ diliġenza ta’ konsulent legali fit-tfassil ta’ opinjoni legali dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-kwistjoni ċentrali ma hijiex jekk l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob huwiex effettivament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost jekk l-evalwazzjoni tal-konsulent legali kinitx diliġenti fil-mument meta saret.
61. Din l-evalwazzjoni hija rregolata mid-dritt nazzjonali u tipikament tinvolvi paragun mal-aġir mistenni ta’ membru tal-professjoni legali raġonevolment prudenti u informat. Dak li jgħodd, f’dan il-kuntest, ma huwiex jekk l-opinjoni hijiex korretta fl-aħħar mill-aħħar, iżda jekk kinitx raġonevolment ġustifikabbli fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien.
62. Tali evalwazzjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, iżda ma tistax tiddetermina jekk parir legali partikolari kienx plawżibbli jew suffiċjentement diliġenti.
63. Ċertament, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu ta’ ċertu interess għall-qorti tar-rinviju. Madankollu, dawn ma jippermettulhiex tasal għal konklużjonijiet legalment vinkolanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima. L-iktar l-iktar, dawn jikkostitwixxu elementi li dik il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, jekk hija tqis li dan huwa xieraq.
64. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni u t-tilwima fil-kawża prinċipali hija inċerta u indiretta wisq sabiex tiġġustifika r-rekwiżit ta’ neċessità.
65. Jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju, ikun hemm ir-riskju li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari jiġi estiż lil hinn mil-limiti tagħha. Wieħed faċilment jista’ jimmaġina sitwazzjonijiet analogi, bħal tilwim li jikkonċerna evalwazzjonijiet akkademiċi jew kompetizzjonijiet ta’ qrati ipotetiċi (moot courts) (jekk wieħed jassumi li jiġu llitigati quddiem qorti nazzjonali), li fihom jistgħu jqumu inċidentalment domandi dwar id-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkunu verament meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima.
66. Fil-fehma tiegħi, tali sitwazzjonijiet ma jiġġustifikawx l-użu tal-Artikolu 267 TFUE.
67. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Horn (40), li kienet tikkonċerna sitwazzjoni paragunabbli li tinvolvi tilwima bejn avukat u wieħed mill-klijenti tiegħu. L-Avukat kien ta parir lill-klijent tiegħu sabiex ma jressaqx azzjoni quddiem qorti Ġermaniża kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bl-għan li jikseb kumpens għal dannu li jista’ jirriżulta, fil-futur, min-natura allegatament illegali tal-miżuri diplomatiċi miftiehma fil-livell tal-Unjoni fl‑2000 kontra l-Awstrija (41). Madankollu, il-qorti nazzjonali adita bil-kawża qieset li kien neċessarju, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ domandi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
68. F’digriet qasir, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari manifestament inammissibbli. Hija rrilevat, b’mod partikolari, li s-sempliċi fatt li l-opinjoni tal-avukat “kienet tikkonċerna l-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ talba għad-danni mressqa kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja wara l-miżuri adottati kontra r-Repubblika tal-Awstrija mill-Istati Membri l-oħra ma jimplikax li l-mertu tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji jiddependi mill-validità tal-imsemmija miżuri”. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad enfasizzat li “l-legalità u t-twettiq xieraq tal-obbligi reċiproċi tal-partijiet fil-konsultazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma indipendenti mill-validità tal-atti legali u tal-fatti li jikkostitwixxu s-suġġett tagħha” (42). Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli bl-istess mod għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.
69. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara din it-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli.
70. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta perspettiva differenti u, għall-finijiet ta’ kompletezza, issa ser nindirizza l-kwistjonijiet sostantivi prinċipali mqajma mid-domandi preliminari magħmula.
B. Kwistjonijiet sostantivi
1. L-(in)kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob mar-regoli tar-Regolament Brussell Ia (domandi 1 sa 4)
71. Permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 36, 39 u 52 tar-Regolament Brussell Ia jipprekludux lil Stat Membru milli jadotta dispożizzjoni, bħall-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, li tipprovdi li sentenza f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija kontra operatur tal-logħob tal-ażżard online liċenzjat f’dan l-Istat, minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, la għandha tiġi rrikonoxxuta u lanqas eżegwita, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, meta dik is-sentenza tqis li s-servizzi pprovduti minn dan l-operatur huma illegali f’dan l-Istat Membru l-ieħor, minkejja l-fatt li dawn is-servizzi huma legali skont id-dritt tal-ewwel Stat Membru.
72. Iktar ’il quddiem, qabelxejn ser nispjega r-raġunament wara l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob (a), qabel ma neżamina l-kompatibbiltà tiegħu mar-Regolament Brussell Ia (b).
a) Ir-raġunament wara l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob
73. F’ċertu stadju, l-awtoritajiet Maltin adottaw politika ekonomika li għandha l-għan li tippożizzjona lil Malta bħala ċ-“ċentru” Ewropew għall-industrija tal-logħob tal-ażżard online li qiegħda tikber malajr. Biex jilħqu dan l-għan, huma (inter alia) stabbilixxew qafas regolatorju u legali relattivament liberali, inkluż reġim ta’ liċenzjar li issa huwa rregolat mill-Att dwar il-Logħob.
74. Kif jispjega l-Gvern Malti, il-liċenzja Maltija tal-logħob kienet ikkonċepita bħala awtorizzazzjoni ta’ “punt ta’ provvista”, li tippermetti lill-operaturi jipprovdu servizzi ta’ logħob tal-ażżard mhux biss f’Malta, iżda wkoll minn Malta lejn Stati oħra, sakemm dawn l-operaturi josservaw id-dritt Malti u sakemm ikun hemm “raġuni legali ġustifikabbli” biex joperaw f’dawn l-Istati (43). B’mod iktar ġenerali, l-awtoritajiet Maltin konsistentement qiesu li, flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, din il-liċenzja tippermetti lill-operaturi tal-logħob tal-ażżard, sakemm jikkonformaw mad-dritt Maltija, joffru s-servizzi tagħhom fis-suq intern kollu, jew tal-inqas, fl-Istati Membri “li l-qafas legali tagħhom huwa indebitament restrittiv” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (44). Fil-fatt, numru sinjifikattiv ta’ operaturi tal-logħob tal-ażżard online għażlu li jinkorporaw ruħhom f’Malta u li jiksbu tali liċenzja bl-għan li jipprovdu s-servizzi tagħhom prinċipalment barra mill-pajjiż.
75. F’dan il-kuntest, l-operaturi li għandhom liċenzja Maltija bdew, b’mod partikolari, jimmiraw lejn swieq bħall-Awstrija u l-Ġermanja (permezz tar-reklamar, il-ħolqien ta’ siti web bil-Ġermaniż, eċċ.), u jipprovdu servizzi ta’ logħob tal-ażżard online hemmhekk mingħajr ma josservaw ir-regoli nazzjonali applikabbli f’dawk l-Istati. Skont il-Gvern Malti, dawn l-operaturi aġixxew abbażi tal-“preżunzjoni raġonevoli” li, abbażi tal-liċenzja Maltija tagħhom u tal-Artikolu 56 TFUE, huma kellhom id-dritt li jagħmlu dan, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet, fil-fehma tagħhom, “indebitament restrittiva”.
76. F’dawn l-aħħar snin, għadd sinjifikattiv ta’ konsumaturi minn dawn l-Istati Membri ressqu kawżi ċivili quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom biex jiksbu r-restituzzjoni tal-imħatri li tilfu permezz tal-użu ta’ tali servizzi (45). Dawn it-talbiet huma tipikament ibbażati fuq l-argument li l-kuntratti tal-logħob tal-ażżard konklużi mal-operaturi tal-logħob tal-ażżard Maltin ikkonċernati huma nulli skont id-dritt nazzjonali, peress li s-servizzi ġew ipprovduti bi ksur tar-rekwiżiti regolatorji lokali u, għalhekk, kienu illegali fl-Istat Membru kkonċernat, minkejja l-konformità tal-operaturi mad-dritt Malti. Għaldaqstant, dawn l-operaturi huma obbligati jirrimborsaw dawk l-imħatri skont ir-regoli dwar l-arrikkiment indebitu (46). Jidher li eluf ta’ tali talbiet ġew ippreżentati jew huma pendenti bħalissa, inter alia, quddiem il-qrati Awstrijaki u Ġermaniżi (47).
77. Għalkemm l-operaturi kkonċernati sostnew li s-servizzi pprovduti f’dawn l-Istati Membri fil-mira kienu, fir-realtà, legali (b’mod partikolari minħabba li l-leġiżlazzjoni lokali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard hija inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE u, għaldaqstant, ma għandhiex tiġi applikata) (48), il-qrati tal-Istati Membri kkonċernati ġeneralment ċaħdu dawn l-argumenti u laqgħu t-talbiet għal restituzzjoni.
78. Ikkonfrontat bin-numru dejjem jikber ta’ dawn is-sentenzi, il-leġiżlatur Malti intervjena. Peress li qies li dawn id-deċiżjonijiet, billi jikkunsidraw bħala illegali s-servizzi pprovduti mill-operaturi bis-saħħa ta’ liċenzji tal-logħob tal-ażżard Maltin validi, kienu jikkostitwixxu “kontestazzjonijiet infondati” (49) kontra l-qafas regolatorju u ġuridiku Malti, huwa introduċa, permezz tal-Abbozz ta’ Liġi 55, l-Artikolu 56A fl-Att dwar il-Logħob.
79. Skont din id-dispożizzjoni, “minkejja kwalunkwe dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u ta’ kull liġi oħra”, qorti Maltija, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, “għandha tirrifjuta r-rikonoxximent u, jew l-infurzar ġewwa Malta” ta’ kwalunkwe sentenza barranija li, essenzjalment, (i) tilqa’ talba kontra operatur tal-logħob tal-ażżard li jkollu liċenzja Maltija (ii) ibbażata fuq l-illegalità tas-servizzi pprovduti minn dan l-operatur fi Stat Membru (b’mod ġenerali jew fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard partikolari), minkejja li (iii) dawn is-servizzi kienu legali skont id-dritt Malti (50).
80. Konsegwentement, is-sentenzi tat-tip deskritt, fosthom, b’mod partikolari, dawk li jilqgħu t-talbiet tal-ġugaturi għal restituzzjoni, diskussi fil-punti preċedenti, ma jistgħux jiġu eżegwiti f’Malta, u b’hekk il-kredituri huma mċaħħda mill-aċċess għall-assi tal-operaturi Maltin tal-logħob tal-ażżard li jinsabu hemm. Konsegwentement, huwa prattikament impossibbli għad-detenturi ta’ tali talbiet li jiksbu l-ħlas (51).
b) In-nuqqasijiet tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob
81. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’European Lotto, spjegajt li, għalkemm il-qrati ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim bejn individwi sabiex jevalwaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra (inkluża l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, fit-tilwima bejn Spielerschutz Sigma u l-konsulent legali), huma għandhom jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni b’ċertu trażżin. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta d-dritt tal-Unjoni jħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali (bħal f’dan il-każ, ara l-punt 89 iktar ’il quddiem). Sabiex jitneħħa t-tħassib dwar il-leġittimità ta’ dawn il-qrati li jistħarrġu l-għażliet sovrani ta’ Stat Membru ieħor, huma għandhom jiċċensuraw il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor biss f’sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà manifesta, pereżempju, meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddelimita b’mod ċar u konsistenti l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-qasam inkwistjoni.
82. Din il-kawża tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, tali sitwazzjoni. Kif isostnu l-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (bl-eċċezzjoni ovvja tal-Gvern Malti), dispożizzjoni bħall-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob hija manifestament inkompatibbli mar-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Brussell Ia, kif interpretati b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja.
83. Is-sentenzi fil-mira tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, sa fejn (i) jikkonċernaw “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia u (ii) ingħataw minn qrati ta’ Stati Membri oħra, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (52). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għas-sentenzi mogħtija, fost l-oħrajn, mill-qrati ta’ Stati Membri differenti li jilqgħu t-talbiet tal-ġugaturi għar-restituzzjoni, eżaminati fit-taqsima preċedenti. Għalhekk, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi f’Malta huma rregolati (esklużivament) (53) minn dawn ir-regoli.
84. Skont l-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Brussell Ia, tali sentenzi għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti (54) fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr proċedura speċjali jew dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonkretizzaw l-għan fundamentali tal-istrument, jiġifieri ċ-“ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi” fi ħdan l-Unjoni, għan li, min-naħa tiegħu, jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb ta’ dan is-suq u għall-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja fih (55). Dispożizzjoni nazzjonali li teżiġi li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi għandhom jiġu rrifjutati hija għalhekk f’kontradizzjoni diretta ma’ dawn ir-regoli.
85. Ċertament, ir-Regolament Brussell Ia jipprevedi derogi limitati mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 36 u 39 tiegħu. Skont l-Artikolu 45(1), ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru għandu jiġi rrifjutat, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, fl-Istat Membru indirizzat (biss) jekk ikun hemm waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent elenkati fih b’mod eżawrjenti. (56) Barra minn hekk, skont l-Artikolu 46, l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza għandha tiġi rrifjutata, fuq talba tal-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, fl-Istat indirizzat (biss) għall-istess raġunijiet. Waħda minn dawn ir-raġunijiet, stabbilita fl-Artikolu 45(1)(a), tinħoloq meta r-rikonoxximent (jew l-eżekuzzjoni) tas-sentenza kkonċernata fl-Istat Membru indirizzat tkun “manifestament kontra l-istrateġija pubblika (ordre public)” f’dak l-Istat.
86. F’dan il-każ, il-Gvern Malti jinvoka din id-deroga. Fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob huwa “dispożizzjoni dikjaratorja” maħsuba biex “tgħin lill-qrati Maltin” fl-applikazzjoni tal-klawżola ta’ “ordni pubbliku” prevista fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Brussell Ia (57). Din id-dispożizzjoni sempliċement “tiċċara” (58) (jew tikkonferma (59)) li s-sentenzi inkwistjoni ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti jew eżegwiti f’Malta, abbażi tal-Artikolu 45(1)(a) u tal-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, sa fejn tali rikonoxximent jew eżekuzzjoni jkunu manifestament kuntrarji għall-“ordni pubbliku” Malti.
87. F’dan ir-rigward, il-Gvern Malti jsostni li t-talbiet għal restituzzjoni mressqa kontra operaturi li għandhom liċenzja Maltija huma opportunistiċi, jikkostitwixxu abbuż tal-libertà li wieħed jirċievi servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE (60) u huma bbażati fuq liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard li huma, fil-fehma tiegħu, “indebitament restrittivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Billi jilqgħu tali talbiet u billi jittrattaw is-servizzi pprovduti minn dawn l-operaturi bħala illegali fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, il-qrati Awstrijaki u Ġermaniżi, jargumenta l-Gvern Malti, “jonqsu milli jieħdu azzjoni sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet u n-natura mhux iġġustifikata ta’ sistema nazzjonali restrittiva” fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE u, barra minn hekk, jinjoraw il-fatt li l-operaturi kkonċernati kienu detenturi ta’ liċenzja Maltija valida u kienu konformi mal-qafas legali u regolatorju Malti. Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenzi f’Malta għalhekk jwasslu għal ksur manifest tal-Artikolu 56 TFUE, li jagħmel parti mill-“ordni pubbliku” Malti, u, barra minn hekk, jippreġudikaw l-“integrità” ta’ dan il-qafas regolatorju, b’mod partikolari billi jikkontestaw il-validità ta’ tali liċenzji u billi b’hekk idgħajfu ċ-ċertezza legali li huma intiżi li jiggarantixxu lil dawn l-operaturi fi ħdan is-suq intern.
88. Jiena ma iniex persważ minn dan l-argument. Fir-realtà, huwa ċar li l-Artikoli 45(1)(a) u 46 tar-Regolament Brussell Ia ma jinkludux dispożizzjoni bħall-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob.
89. Filwaqt li, kif jirrileva l-Gvern Malti, bħala prinċipju huwa kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi l-kontenut tal-“ordni pubbliku” tiegħu, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni ma hijiex illimitata. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala deroga mir-regoli ġenerali dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni previsti fl-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Brussell Ia, l-Artikolu 45(1)(a) għandu jiġi interpretat “b’mod strett” u li l-użu tal-klawżola ta’ “ordni pubbliku” “jista’ jiġi previst biss f’każijiet eċċezzjonali”, sabiex ma jiġix kompromess l-għan tal-moviment liberu tas-sentenzi segwit minn dan l-istrument. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kemm intitolata kif ukoll, tabilħaqq, “għandha”, “tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor” (61). Dispożizzjoni bħall-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob manifestament taqbeż dawn il-limiti.
90. B’mod iktar speċifiku, l-ewwel, rigward li allegatament kienu żbaljati s-sentenzi fil-mira tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, il-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux jirrifjutaw ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, fuq il-bażi tal-klawżola tal-“ordni pubbliku”, unikament għax jikkunsidraw li d-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 56 TFUE, ġie applikat b’mod żbaljat f’dik is-sentenza (62).
91. Jekk sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, pereżempju, fil-kuntest ta’ proċedura dwar talbiet għal restituzzjoni mressqa minn ġugaturi kontra operatur Malti tal-logħob tal-ażżard, kienet tabilħaqq ivvizzjata minn applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 56 TFUE, huwa l-operatur ikkonċernat li għandu jikkontesta dik is-sentenza fl-Istat ta’ oriġini, billi jagħmel użu mir-rimedji ġudizzjarji previsti mill-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat. Din is-sistema, flimkien mal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, toffri lil individwi garanziji suffiċjenti f’dan ir-rigward.
92. Ladarba sentenza tkun saret definittiva fl-Istat ta’ oriġini, potenzjalment wara l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-partijiet għandhom, bħala prinċipju, jaċċettaw kwalunkwe konstatazzjoni inkluża fiha (63). B’mod partikolari, il-kwistjonijiet sostantivi tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux jiġu eżaminati mill-ġdid fl-istadju tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni, quddiem il-qrati tal-Istat Membru indirizzat. L-Artikolu 52 tar-Regolament Brussell Ia jipprekludi espressament tali stħarriġ, billi jipprovdi li “taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ tiġi riveduta sentenza mogħtija fi Stat Membru fir-rigward tal-mertu tagħha fl-Istat Membru indirizzat”. Din il-projbizzjoni tipprekludi, inter alia, lill-qorti indirizzata milli teżamina mill-ġdid il-konstatazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi magħmula mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini. Bħala prinċipju, is-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri għandhom għalhekk jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati Membri l-oħra minkejja kwalunkwe żball (allegat) tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jkun fihom (64).
93. It-tieni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-użu tal-klawżola ta’ “ordni pubbliku” li tinsab fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Brussell Ia huwa possibbli biss f’“każijiet eċċezzjonali” fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkonċernata fl-Istat Membru indirizzat “jolqtu s-sistema legali ta’ l-Istat […] b’mod inaċċettabbli”, peress li dan “jikkostitwixxi vjolazzjoni manifesta ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali ta’ [dak] l-Istat […] jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali” (65). Dan il-limitu massimu huwa partikolarment għoli.
94. Naċċetta b’mod sħiħ li x-xenarju previst fil-punt preċedenti jista’ jinkludi dak tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija li tinvolvi “ksur manifest” ta’ “regoli tad-dritt meqjusa bħala essenzjali” fid-dritt tal-Unjoni (66), peress li dawn jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat. Jiena lest ukoll li naċċetta li l-Artikolu 56 TFUE jikkostitwixxi tali “regola” (67). Madankollu, l-użu tal-klawżola tal-“ordni pubbliku” għandu jibqa’ wkoll eċċezzjonali meta jkun hemm inkwistjoni l-ksur ta’ regola sostantiva bħall-Artikolu 56 TFUE. Kif tfakkar iktar ’il fuq, din il-klawżola għandha tintuża biss meta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija jkunu inkompatibbli mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni b’mod inaċċettabbli (68). Dan jista’ jkun il-każ biss meta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza, mogħtija wara li l-operatur ikkonċernat ikun eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji disponibbli fl-Istat ta’ oriġini, ikunu jagħtu effett lill-ksur l-iktar flagranti għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità, nieqsa minn kull ġustifikazzjoni plawżibbli (69).
95. Fil-kawża preżenti, il-leġiżlatur Malti ma setax leġittimament jipproċedi, b’mod astratt u ġenerali, kif jagħmel l-Artikolu 56A, billi jitlaq mill-premessa li kwalunkwe sentenza f’materji ċivili u kummerċjali li tqis is-servizzi pprovduti minn operatur detentur ta’ liċenzja Maltija bħala illegali fi Stat Membru, minkejja li dawn is-servizzi huma legali skont id-dritt Malti, hija neċessarjament inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, wisq inqas li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza jkunu jagħtu effett lill-forma ta’ ksur l-iktar flagranti u “inaċċettabbli” kkontemplata fil-punt preċedenti.
96. Tali evalwazzjoni globali tmur kontra l-prinċipju li fuqu huma bbażati r-regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni stabbiliti mir-Regolament Brussell Ia, jiġifieri l-prinċipju ta’ “fiduċja reċiproka”, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jkollhom kunfidenza fis-sistemi legali u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji ta’ xulxin (70). Fuq din il-bażi, l-awtoritajiet Maltin ma setgħux jippreżumu, sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura bħall-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, li l-qrati ta’ Stati Membri oħra “sistematikament” u “b’għajnejhom magħluqin” (fi kliem il-Gvern Malti) japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-ażżard li tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE jew juru “kompjaċenza flagranti” fil-konfront tat-talbiet tal-ġugaturi għar-restituzzjoni (71), b’mod partikolari billi ma jagħmlux rinviji għal deċiżjoni preliminari xierqa fuq din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (72).
97. Barra minn hekk, l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob evidentement huwa bbażat fuq interpretazzjoni partikolarment wiesgħa tal-Artikolu 56 TFUE, imsemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq (73), li skontha l-operaturi detenturi ta’ liċenzja Maltija tal-logħob tal-ażżard ikunu intitolati, skont l-Artikolu 56 TFUE, li jipprovdu s-servizzi tagħhom b’mod liberu u legalment madwar l-Unjoni, sakemm ikunu konformi mad-dritt Malti.
98. Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard ġiet konsistentement miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar repetutament enfasizzat li, peress li l-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari dak offrut online, jinvolvi riskji sinjifikattivi għas-soċjetà (inklużi l-vizzju, id-dannu finanzjarju, il-ħasil tal-flus) u fid-dawl tad-“diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri” fuq il-kwistjoni, dawk l-Istati għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex jirregolaw is-servizzi tal-logħob tal-ażżard ipprovduti fit-territorju tagħhom skont id-dritt rispettiv tagħhom (74).
99. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, japplikaw il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom dwar il-logħob tal-ażżard ukoll għall-operaturi li jipprovdu servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fit-territorju tagħhom minn Stat Membru ieħor, bħal Malta (75). F’dan ir-rigward, il-prinċipju tal-“pajjiż ta’ oriġini”, li jgħid li huwa biss l-Istat Membru ta’ stabbiliment li huwa kompetenti sabiex jirregola s-servizzi kkonċernati, ma japplikax fil-qasam tal-logħob tal-ażżard online (76).
100. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ liċenzjar, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda obbligu li jirrikonoxxu l-liċenzji tal-logħob tal-ażżard maħruġa minn Stati Membri oħra u, għalhekk, li jippermettu lill-operaturi detenturi ta’ tali liċenzji jipprovdu servizzi fit-territorju tagħhom fuq din il-bażi biss (77). Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, liċenzja Maltija tal-logħob tal-ażżard hija, bħala prinċipju, valida biss fit-territorju ta’ Malta u, jekk ikun il-każ, fl-Istati Membri li jagħżlu li jirrikonoxxu tali liċenzji (78).
101. L-argument, imressaq mill-Gvern Malti fil-passat (79), li “mhux meħtieġ” (u, għaldaqstant, ikun sproporzjonat skont l-Artikolu 56 TFUE) li jiġu applikati r-rekwiżiti restrittivi stabbiliti fil-liġi dwar il-logħob tal-ażżard tal-Istat Membru ospitanti għall-operaturi liċenzjati f’Malta, minħabba li d-dritt Malti, flimkien mas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet Maltin, diġà jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kontra l-vizzju tal-logħob tal-ażżard, l-infiq eċċessiv jew il-ħasil tal-flus, ukoll ġie miċħud b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-proporzjonalità tal-miżuri regolatorji nazzjonali għandha tiġi evalwata biss b’riferiment għall-kuntest morali, reliġjuż u kulturali prevalenti fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll għal-livell ta’ protezzjoni li dan l-Istat għandu l-intenzjoni li jiżgura fit-territorju tiegħu. Għalhekk, filwaqt li Malta għażlet li tirregola l-logħob tal-ażżard b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, Stati Membri oħra jibqgħu liberi li jadottaw regoli differenti, inklużi regoli iktar restrittivi, li jirriflettu s-soċjetà tagħhom stess u l-valutazzjoni tar-riskji involuti. Tali regoli ma jistgħux, għal din ir-raġuni biss, jitqiesu “mhux meħtieġa” fir-rigward tal-operaturi Maltin. Fir-rigward tas-superviżjoni eżerċitata mill-Awtorità Maltija tal-Logħob, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma huwiex obbligat “jibbaża ruħu fuq kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor permezz ta’ sistemi regolatorji li ma jikkontrollax huwa nnifsu” (80)
102. Fil-qosor, Stati Membri oħra għandhom id-dritt li japplikaw il-liġijiet rispettivi tagħhom dwar il-logħob tal-ażżard għall-operaturi liċenzjati f’Malta. Huma jistgħu jeħtieġu li dawk l-operaturi jikkonformaw mar-regoli nazzjonali li jirregolaw, skont il-każ, il-monopolji, ir-rekwiżiti ta’ liċenzjar u restrizzjonijiet regolatorji oħra. Huma jistgħu jagħżlu wkoll li jipprojbixxu kompletament ċertu logħob tal-ażżard jew li jirregolawh b’mod differenti ħafna mill-approċċ adottat f’Malta (81). Konsegwentement, neċessarjament ser iqumu sitwazzjonijiet li fihom is-servizzi pprovduti minn operatur tal-logħob tal-ażżard detentur ta’ liċenzja Maltija, jew logħob tal-ażżard partikolari li huwa joffri, ikunu illegali fi Stat Membru filwaqt li jkunu legali skont id-dritt Malti, mingħajr ma din id-differenza tkun, fiha nnifisha, kuntrarja għall-Artikolu 56 TFUE (82). Il-fatt li l-operaturi tal-logħob tal-ażżard online liċenzjati f’Malta jaf ikollhom jikkonformaw mhux biss mad-dritt Malti, iżda wkoll mad-dritt tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri fil-mira tas-servizzi tagħhom, u li n-nuqqas li jagħmlu dan jista’ jkollu riperkussjonijiet skont d-dritt ċivili lokali, bħan-nullità tal-kuntratti tal-logħob tal-ażżard konklużi mal-konsumaturi lokali, huwa sempliċiment konsegwenza tal-koeżistenza ta’ sistemi regolatorji nazzjonali differenti. F’dan il-kuntest, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jimponu tali riperkussjonijiet fid-dritt ċivili għandhom, bħala prinċipju, jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fl-Unjoni kollha, inkluż fl-Istati Membri fejn is-servizzi inkwistjoni huma legali skont il-liġi tagħhom stess dwar il-logħob tal-ażżard.
103. Ċertament, ċerti sentenzi fil-mira tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob jistgħu jagħtu effett lil leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-ażżard li hija, tal-inqas parzjalment, diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-Artikolu 56 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tindirizza tali tensjonijiet (83). Minbarra dan, anki meta tali leġiżlazzjoni tkun, bħala prinċipju, kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-fatt li jintlaqgħu talbiet għal restituzzjoni kontra operaturi detenturi ta’ liċenzja Maltija jirriżulta sproporzjonat u, għaldaqstant, kuntrarju għal din id-dispożizzjoni (84). Madankollu, ma iniex konvint li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi speċifiċi jilħqu, bħala regola ġenerali, il-limitu għoli ta’ “inaċċettabbiltà” iddefinit fil-punt 94 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, din l-evalwazzjoni tista’ ssir biss mill-qrati Maltin fuq bażi ta’ każ b’każ.
104. It-tielet, fir-rigward tal-argument li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f’Malta tas-sentenzi previsti mill-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob “jippreġudikaw” l-ordinament ġuridiku liberali Malti li jirregola l-logħob tal-ażżard, il-“validità” tal-liċenzji Maltin jew, tal-inqas, iċ-“ċertezza legali” li dawn il-liċenzji huma intiżi li joffru lid-detenturi tagħhom u, bħala tali, id-dmir tal-Istat Malti li “jinkoraġġixxi l-intrapriża ekonomika privata” skont l-Artikolu 18 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.
105. Anki jekk jiġi preżunt li l-Artikolu 18 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jirrifletti “regola essenzjali” fl-ordinament ġuridiku Malti, ma narax kif ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi kkonċernati “jippreġudikaw” id-dmir tal-Istat Malti li “jinkoraġġixxi l-intrapriża ekonomika privata”. Xejn f’dawn is-sentenzi ma jipprekludi lil dan l-Istat milli jagħmel dan, fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, billi jadotta u jżomm qafas ġuridiku liberali fit-territorju tiegħu. Dawn is-sentenzi sempliċement jikkontestaw l-effetti ekstraterritorjali li l-awtoritajiet Maltin għandhom l-intenzjoni li jorbtu ma’ dan il-qafas ġuridiku. Dawn is-sentenzi jiżvelaw, l-iktar l-iktar, il-limiti ta’ proposta li tissuġġerixxi li l-osservanza tal-qafas inkwistjoni tagħti lid-detenturi ta’ liċenzji Maltin id-dritt li jipprovdu s-servizzi tagħhom liberament fl-Unjoni Ewropea kollha.
106. Madankollu, kif jirrileva ġustament il-Gvern Ġermaniż, Stat Membru ma jistax jitlob, abbażi tal-kostituzzjoni tiegħu stess, is-setgħa li jirregola u jilliberalizza attività ekonomika lil hinn mit-territorju tiegħu stess, fi Stati oħra. Bl-istess mod, Stat Membru ma jistax validament jirrifjuta li jirrikonoxxi sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li tikkonstata l-illegalità tal-attivitajiet ta’ operatur partikolari fit-territorju tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-logħob tal-ażżard, għas-sempliċi raġuni li dawn l-attivitajiet huma legali skont il-liġi iktar liberali dwar il-logħob tal-ażżard tal-Istat indirizzat. Fil-fatt, tali approċċ iċaħħad lill-Istati Membri mill-kompetenza li jirregolaw l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fit-territorju tagħhom stess, kif jippermetti l-Artikolu 56 TFUE.
107. Ir-raba’, kif sostnew il-partijiet ikkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Malti, lil hinn mix-“xejra” kostituzzjonali mogħtija lill-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, din id-dispożizzjoni tiżvela, fil-qofol tagħha, għan protettiv. Hija maħsuba biex tipproteġi industrija li l-Gvern Malti stess jiddeskrivi bħala “essenzjali” għall-ekonomija nazzjonali (85) mill-konsegwenzi finanzjarji potenzjalment sinjifikattivi li jistgħu jirriżultaw jekk l-operaturi kkonċernati jkunu obbligati jissodisfaw it-talbiet tal-ġugaturi. Barra minn hekk, dawn it-talbiet jista’ jkollhom riperkussjonijiet usa’ fuq l-industrija u, fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jkollhom impatt fuq l-impjiegi u d-dħul pubbliku f’dan l-Istat Membru. Dawn jistgħu jaffettwaw ukoll, sa ċertu punt, il-politika ekonomika tal-awtoritajiet Maltin li jagħmlu lil Malta ċ-“ċentru” Ewropew għall-industrija tal-logħob tal-ażżard online.
108. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-eżekuzzjoni ta’ ċerti sentenzi barranin tista’ twassal għal konsegwenzi ekonomiċi serji għal operatur nazzjonali, għal industrija jew anki għall-Istat Membru indirizzat ma jiġġustifikax l-użu tal-klawżola tal-“ordni pubbliku” stabbilita fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Brussell Ia (86). B’mod iktar ġenerali, sabiex jippromwovi l-interessi ekonomiċi tiegħu stess, kemm jekk f’termini ta’ kompetittività, ta’ prodott domestiku gross, ta’ impjiegi jew ta’ dħul mit-taxxa, Stat Membru ma jistax jipproteġi lill-industrija tiegħu mir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-attivitajiet (possibbilment illegali) tagħha fi Stati Membri oħra. Tali approċċ mhux biss iċaħħad il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali potenzjalment leġittimi mill-effettività tagħhom, iżda joħloq ukoll distorsjoni tal-kompetizzjoni u joħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ekwi fi ħdan is-suq intern.
109. Ser inżid osservazzjoni tal-aħħar. Jekk l-awtoritajiet Maltin ġenwinament iqisu li xi Stati Membri qegħdin iżommu, bl-għajnuna tal-qrati nazzjonali tagħhom, liġijiet dwar il-logħob tal-ażżard li huma inkompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE għad-detriment tal-operaturi liċenzjati f’Malta u, indirettament, tal-ekonomija Maltija, l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob ma tistax titqies bħala risposta xierqa. L-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jirrikorru għal miżuri unilaterali ta’ “ritaljazzjoni” b’reazzjoni għal allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stati Membri oħra (87). Minflok, il-mezz xieraq ta’ azzjoni kien ikun li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE.
110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel erba’ domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikoli 36, 39 u 52 tar-Regolament Brussell Ia jipprekludu lil Stat Membru milli jadotta dispożizzjoni, bħall-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, li tipprovdi li sentenza f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija kontra operatur tal-logħob tal-ażżard online awtorizzat f’dan l-Istat, minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, la għandha tiġi rrikonoxxuta u lanqas eżegwita, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, meta dik is-sentenza tqis li s-servizzi pprovduti minn dan l-operatur huma illegali f’dan l-Istat Membru l-ieħor, minkejja l-fatt li dawn is-servizzi huma legali skont id-dritt tal-ewwel Stat Membru. B’mod partikolari, id-deroga prevista fl-Artikolu 45(1)(a) u fl-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament ma tkoprix tali dispożizzjoni.
2. L-allegat dewmien tal-qrati Maltin (domanda 5)
111. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-qrati aditi b’talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li jiddeċiedu “mingħajr dewmien” jiġix miksur meta dawn il-qrati ma jkunux iddeċidew fl-ewwel istanza f’terminu ta’ sitt xhur u meta dan id-dewmien la jkun imputabbli lill-partijiet u lanqas lit-terzi involuti fil-proċedura.
112. Din il-kwistjoni toriġina mill-allegazzjonijiet ta’ Spielerschutz Sigma li, fil-prattika, il-proċeduri quddiem il-qrati Maltin dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin li jilqgħu t-talbiet għar-restituzzjoni tal-ġugaturi jistgħu jieħdu xhur, jew saħansitra snin, qabel ma tingħata deċiżjoni fl-ewwel istanza, mingħajr ma tingħata ebda spjegazzjoni għal tali dewmien.
113. L-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell Ia jipprevedi li, meta l-persuna li fil-konfront tagħha tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tippreżenta talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, il-qrati tal-Istat Membru indirizzat “għand[hom] [j]iddeċied[u] dwar [din] it-talba mingħajr dewmien”.
114. Din id-dispożizzjoni għalhekk timponi fuq dawn il-qrati obbligu ta’ ħeffa fl-ipproċessar ta’ tali talbiet. Dan l-obbligu jservi biex jiżgura “għarfien u eżekuzzjoni malajr […] ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru” (88), u b’hekk jikkontribwixxi kemm għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni.
115. Madankollu, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell Ia jsegwi li ma huwa preskritt l-ebda terminu speċifiku. Għaldaqstant, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-fatt li l-qrati tal-Istat Membru indirizzat ma jkunux iddeċidew dwar talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni f’terminu ta’ sitt xhur mit-tressiq tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies li jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. L-osservanza tal-obbligu ta’ ħeffa għandha tiġi evalwata każ b’każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Dan jinkludi mhux biss l-aġir tal-partijiet u tat-terzi involuti fil-proċedura, iżda wkoll il-kumplessità tal-kawża (89). Ma jistax jiġi eskluż ix-xenarju ta’ talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni li tqajjem kwistjonijiet delikati, li jeħtieġu diversi skambji ta’ sottomissjonijiet u, globalment, iktar minn sitt xhur biex tittieħed deċiżjoni, irrispettivament minn dan l-aġir.
116. Madankollu, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati dwar is-sitwazzjoni f’Malta, għandu jiġi enfasizzat dan li ġej. Kif ġie spjegat fit-taqsima preċedenti, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Brussell Ia, il-qrati tal-Istat indirizzat ma humiex mitluba, meta jiddeċiedu dwar talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, jistħarrġu l-konstatazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi magħmula mill-qorti tal-oriġini, iżda biss li jivverifikaw jekk waħda mir-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament hijiex preżenti. Minn dan isegwi li l-qrati tal-Istat indirizzat ma jistgħux jiġġustifikaw dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar tali talbiet billi jwettqu eżami inġustifikat tal-mertu tas-sentenza inkwistjoni.
117. Barra minn hekk, l-aġir ta’ dawk il-qrati huwa rilevanti wkoll meta jiġi ddeterminat jekk l-obbligu previst fl-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell Ia ġiex miksur f’kawża partikolari. F’dan ir-rigward, perijodu ta’ inattività estiż min-naħa tagħhom, li għalih ma tingħata ebda spjegazzjoni, ma jistax jiġi rrikonċiljat ma’ dan l-obbligu (90). Tali dewmien mhux spjegat jista’ jammonta, fil-prattika, għal rifjut “impliċitu” ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni, sa fejn dan jista’ jipposponi eċċessivament, jew saħansitra jiddiferixxi indefinittivament, l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkonċernata fl-Istat Membru indirizzat. Jekk dan id-dewmien ikun sistematiku, dan ikun jista’ wkoll jinkoraġġixxi aġir ta’ dewmien min-naħa tad-debituri ġudizzjarji, li jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jressqu talbiet frivoli għal rifjut ta’ eżekuzzjoni għal dan l-għan biss. Fl-aħħar mill-aħħar, tali sitwazzjonijiet jirriskjaw li jċaħħdu l-prinċipju ta’ eżegwibbiltà minqux fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament mill-effettività prattika tiegħu.
118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 48 tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-qrati aditi b’talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor li jiddeċiedu “mingħajr dewmien” jiġi miksur meta dawn il-qrati ma jkunux iddeċidew fl-ewwel istanza f’terminu ta’ sitt xhur u meta dan id-dewmien la jkun imputabbli lill-partijiet u lanqas lit-terzi involuti fil-proċedura. Jekk dan l-obbligu ġiex miksur għandu jiġi evalwat każ b’każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż l-aġir tal-partijiet u ta’ terzi involuti, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-qrati tal-Istat Membru indirizzat.
V. Konklużjoni
119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli d-domandi magħmula mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija).
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Wunner (C‑77/24, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi f’Wunner”, EU:C:2025:432, punti 19 sa 22); f’European Lotto and Betting u Deutsche Lotto- und Sportwetten (C‑440/23, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi f’European Lotto”, EU:C:2025:668, punti 16 sa 18); f’Mr Green (C‑198/24, EU:C:2025:852, punti 1 sa 5); u f’Tipico (C‑530/24, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi f’Tipico”, EU:C:2026:230, punt 1).
3 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1). F’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi mingħajr distinzjoni għas-sentenzi li jikkonċernaw mhux biss dan l-istrument, iżda wkoll il-predeċessuri tiegħu, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), u l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1978, L 304, p. 36). Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I tista’ tiġi trasposta għar-Regolament Brussell Ia meta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jitqiesu ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 27). Dan huwa l-każ għad-dispożizzjonijiet rilevanti f’din il-kawża.
4 Mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Awstrijak ma jipprevedix reġim ta’ responsabbiltà speċifiku għall-avukati. Skont il-ġurisprudenza rilevanti, l-avukati għandhom jitqiesu bħala esperti fis-sens tal-Artikoli 1299 u 1300 tal-ABGB, bil-konsegwenza li r-responsabbiltà tagħhom hija rregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet. Għalkemm ir-Rechtsanwaltsordnung (il-Kodiċi tal-Avukati) fih regoli dwar l-obbligi professjonali tal-avukati, il-qrati nazzjonali jqisu li dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux drittijiet infurzabbli lill-individwi li jitolbu kumpens għall-ksur tagħhom, iżda sempliċement jirriflettu l-livell ta’ diliġenza diġà meħtieġ mill-Artikolu 1299 tal-ABGB.
5 Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, Nru 19 991 tal‑15 ta’ Mejju 2018, Taqsima A, p. 509.
6 Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, Nru 21 071 tas‑16 ta’ Ġunju 2023, Taqsima A, p. 473.
7 Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:168).
8 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, DuoDecad (C‑596/20, EU:C:2022:474, punti 34 u 37).
9 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Valančius (C‑119/23, EU:C:2024:653, punti 31 u 33).
10 Ara, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TEU u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.
11 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Ara, rispettivament, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos (C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 30); tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Varna Holideis (C‑364/17, EU:C:2018:500, punti 17 u 18); tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Servicio Aragonés de Salud (C‑942/19, EU:C:2021:440, punti 36 u 37); u tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Solar Electric Martinique (C‑303/16, EU:C:2017:773, punti 23 u 24).
13 Tabilħaqq, il-ġurisprudenza mhux dejjem kienet konsistenti f’dan ir-rigward. Ara, inter alia, Wahl, N. et, “The Gatekeepers of Article 267 TFEU: On Jurisdiction and Admissibility of References for Preliminary Rulings”, Common Market Law Review, Vol. 55(2), 2018, pp. 513 sa 516; u Iannuccelli, P., “L’indépendance du juge national et la recevabilité de la question préjudicielle concernant sa propre qualité de ‘juridiction’”, Il Diritto dell’Unione Europea, 2021, pp. 828 sa 831.
14 Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Foglia I”, EU:C:1980:73), u tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Foglia II”, EU:C:1981:302) (flimkien, il-“ġurisprudenza Foglia”).
15 Punti 78 sa 89 tal-konklużjonijiet.
16 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’European Lotto, nota ta’ qiegħ il-paġna 67.
17 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 44 sa 46). Dwar il-projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt fid-dritt tal-Unjoni, ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punti 281 sa 283).
19 Ara, pereżempju, Taruffo, M. (ed.), Abuse of Procedural Rights: Comparative Standards of Procedural Fairness, Kluwer, 1999.
20 Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1980, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (243/78, EU:C:1980:65, punt 11); tal‑14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni (346/87, EU:C:1989:59, punti 31 sa 35); tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 108); u tal‑10 ta’ Lulju 2025, Chmieka (C‑99/24, EU:C:2025:563, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, EU:C:1990:386, punt 23), u tas‑7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 15).
22 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn talbiet manifestament infondati jew proċedimenti tal-qorti abbużivi (ĠU L, 2024/1069).
23 Id-definizzjoni hija bbażata, l-ewwel nett, fuq l-iskop tal-proċedura tal-qorti: azzjonijiet “li ma jitressqux biex jasserixxu jew jeżerċitaw ġenwinament xi dritt, iżda li għandhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew il-penalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni pubblika, fejn spiss jisfruttaw żbilanċ ta’ poter bejn il-partijiet, u li jsegwu talbiet infondati”. Din id-definizzjoni hija kkomplementata minn sett ta’ indikazzjonijiet ta’ tali għan, bħan-“natura sproporzjonata, eċċessiva jew mhux raġonevoli tat-talba jew ta’ parti minnha […]”, “l-eżistenza ta’ bosta proċedimenti mibdija mill-attur jew mill-partijiet assoċjati fir-rigward ta’ kwistjonijiet simili”, “l-intimidazzjoni, il-fastidju jew it-theddid min-naħa tal-attur jew tar-rappreżentanti […]”, “l-użu in mala fede ta’ tattiċi proċedurali, bħal dewmien fil-proċedimenti, għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv jew il-waqfien ta’ kawżi fi stadju aktar tard tal-proċedimenti in mala fede”.
24 Ara, f’dan ir-rigward, Mancini. F., “Short note on abuse of procedure in Community law”, f’Taruffo, M. (ed.), nota ta’ qiegħ il-paġna 20, op. cit., p. 234 u 235.
25 Fuq din il-kwistjoni, ara, pereżempju, Lipstein, K., “Foglia vs Novello – Some Unexplored Aspects”, f’Capotorti, F., et (eds), Du droit international au droit de l’integration. Festschrift Liber Amicorum Pierre Pescatore, Nomos, 1987, pp. 382 u 383, u Ginés Martín, D., “The Court of Justice in the Archives Project – Analysis of the Foglia case (244/80)”, Academy of European Law, Working Paper 2021/03, p. 25 sa 27.
26 Punti 40 sa 67.
27 Ara, mutatis mutandis, il-punti 86 sa 89 tal-konklużjonijiet tiegħi.
28 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Municipality of Ginosa) (C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punt 77). Din il-fehma hija wkoll konsistenti mal-mod kif id-duttrina legali tifhem il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, Broberg, M. u Fenger, N., Broberg and Fenger on Preliminary References to the European Court of Justice, it‑3 ed., Oxford University Press, 2021, p. 142; u Lenaerts, K., Gutman, K. u Nowak, J.T., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2023, p. 92.
31 Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2025, Stichting Right to Consumer Justice u Stichting App Stores Claims (C‑34/24, EU:C:2025:936, punt 39).
32 Fil-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja, stajt insib biss każ wieħed fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal “preżunzjoni ta’ neċessità u ta’ rilevanza”: is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult (C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 29).
33 Għal dan l-għan, ara, inter alia, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 28); u tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 71). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:178, punt 7).
35 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 48 sa 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur‑Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 29), u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll l-Opinjoni 1/91 (L-ewwel Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE), tal‑14 ta’ Diċembru 1991 (EU:C:1991:490, punt 61).
37 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 14).
38 Bl-istess mod, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punt 106). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punti 30 sa 33).
39 Ara, f’dan ir-rigward, l-Ordni tas‑16 ta’ Mejju 1994, Monin Automobiles (C‑428/93, EU:C:1994:192, punti 12 sa 16); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:178, punt 5); tal-Avukat Ġenerali Léger f’der Weduwe (C‑153/00, EU:C:2002:247, punt 51); u tal-Avukat Ġenerali Tizzano f’Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins (C‑318/00, EU:C:2002:544, punt 35).
40 Digriet tal‑24 ta’ Lulju 2003 (C‑44/03, EU:C:2003:419).
41 Dawn kienu miżuri bilaterali adottati mill-14‑il Stat Membru l-oħra tal-Unjoni wara li daħal fil-Gvern ta’ koalizzjoni Awstrijak il-Partit tal-Ħelsien (FPÖ) tal-lemin estrem, immexxi minn Jörg Haider. Ara d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza Portugiża tal-Unjoni Ewropea f’isem XIV‑il Stat Membru (il-31 ta’ Jannar 2000), disponibbli online.
42 Digriet tal‑24 ta’ Lulju 2003, Horn (C‑44/03, EU:C:2003:419, punt 15).
43 Ara l-Awtorità Maltija tal-Logħob (MGA), “Amendments to the Gaming Act introduced through Bill 55” (Emendi għall-Att dwar il-Logħob introdotti permezz tal-Abbozz ta’ Liġi 55), tal‑21 ta’ Ġunju 2023 (https://www.mga.org.mt/amendments-to-the-gaming-act-introduced-through-bill-55/).
44 Kif jispjega l-Gvern Malti, l-operaturi tal-logħob tal-ażżard liċenzjati f’Malta huma meħtieġa “jagħmlu valutazzjoni skont il-prinċipji tas-suq intern u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja” qabel ma jibdew joffru s-servizzi tagħhom fi Stat Membru partikolari.
45 Il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tirriżulta mir-regola tal-“forum actoris” stabbilita favur il-konsumaturi skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia. Jidher ukoll li dawn l-azzjonijiet huma, f’ħafna każijiet, iffinanzjati minn kumpanniji speċjalizzati li jiffinanzjaw il-litigazzjoni inkambju għal parti mir-restituzzjoni jew id-danni finalment mogħtija lill-ġugaturi. Spielerschutz Sigma, fil-fatt, hija waħda minn dawn il-kumpanniji.
46 F’ċerti każijiet, il-ġugaturi jfittxu, sussidjarjament, li jirkupraw it-telf tagħhom taħt id-dritt dwar it-tort, billi jsostnu li l-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard bi ksur tar-regoli lokali dwar il-logħob tal-ażżard tikkostitwixxi att illeċita li jagħti lok għal responsabbiltà (ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Wunner (punti 12 u 21) u f’Tipico (punti 25 u 29).
47 Ara Pena, P., Schumann, H. u Peigné, M., “EU citizens lose out as Malta regulatory ‘sledgehammer’ protects gambling giants”, Investigate Europe, is‑6 ta’ Marzu 2025. Jidher li hemm talbiet simili pendenti quddiem il-qrati Olandiżi (ara de Graef, M., “The House Doesn’t Always Win: Gambling Providers Must Pay”, Solv. Blog.
48 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Tipico (punti 26 sa 48).
49 Ara, f’dan ir-rigward, MGA, nota ta’ qiegħ il-paġna 43, op. cit.
50 Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Abbozz ta’ Liġi 55 jindika li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li “jikkodifika f’ligi l-politika pubblika ben stabbilita ta’ Malta li tinkoraġġixxi operaturi fis-settur tal-logħob sabiex jistabbilixxu ruħhom f’Malta u joffru l-provvista tas-servizzi tagħhom kemm lokalment kif ukoll f’pajjizi oħra, b’mod li jaderixxu mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġijiet ta’ Malta, fil-kuntest tal-inkoraġġiment tal-intrapriża ekonomika privata a tenur tal-artikolu 18 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta”.
51 Proprju għal dik ir-raġuni, fit‑18 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni fetħet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Malta, billi hija tal-fehma li l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob huwa kuntrarju għar-regoli tar-Regolament Brussell Ia (INNFR(2025)2100).
52 Ara l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Brussell Ia. B’kuntrast ma’ dan, is-sentenzi li, għalkemm koperti mill-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob, ma jaqgħux taħt “materji ċivili u kummerċjali” u/jew ingħataw minn qrati ta’ Stati terzi, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia.
53 Fil-fatt, meta japplikaw ir-regoli previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Brussell Ia, dawn jeskludu r-regoli interni dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin tal-Istat Membru indirizzat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Gasser, C‑116/02, EU:C:2003:657, punt 72).
54 Sakemm is-sentenza tkun eżegwibbli fl-Istat Membru li fih ingħatat.
55 Ara l-premessi 1, 3, 4 u 6 tar-Regolament Brussell Ia.
56 Ara l-premessa 30 tar-Regolament Brussell Ia u s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 46).
57 Il-preċiżazzjoni “minkejja […] kull liġi oħra” fil-bidu tal-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob ikun riferiment impliċitu għall-Artikolu 45(1)(a) u l-Artikolu 46 (inter alia) tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, skont dan il-gvern, meta l-qrati Maltin jiċħdu l-effett legali ta’ tali deċiżjonijiet, huma jagħmlu dan abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 56A.
58 Ara MGA, nota ta’ qiegħ il-paġna 43, op. cit.
59 Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Abbozz ta’ Liġi 55 jgħid, infakkar, li l-Artikolu 56A sempliċement “jikkodifika f’ligi l-politika pubblika ben stabbilita ta’ Malta” dwar il-kwistjoni.
60 Fil-fehma ta’ dan il-gvern, il-ġugaturi sfruttaw din il-libertà li jirċievu servizz transkonfinali mingħajr problemi, sabiex imbagħad sussegwentement sostnew li huwa illegali skont id-dritt nazzjonali sabiex jirkupraw it-telf tagħhom. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi f’European Lotto (punti 90 sa 98).
61 Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 21 sa 23); tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punti 41 u 42); u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting (C‑590/21, EU:C:2023:633, punti 32 sa 34).
62 Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2000, Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 33), u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 49).
63 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li, fid-dawl tal-importanza li għandu l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għall-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix, bħala regola, fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teskludi l-effett vinkolanti ta’ sentenza finali, anki meta jkun fiha żbalji tad-dritt tal-Unjoni (ara, inter alia, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, meta l-qrati ta’ Stat Membru jkunu applikaw b’mod manifestament żbaljat id-dritt tal-Unjoni, dak l-Istat jista’ jinżamm responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 50 u 59, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 66).
64 Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 36); tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 43); u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol (C-633/22, EU:C:2024:843, punt 36). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Renault (C‑38/98, EU:C:1999:325, punti 60, 65 u 66).
65 Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 37); tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 44); u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting (C‑590/21, EU:C:2023:633, punt 35).
66 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting (C‑590/21, EU:C:2023:633, punti 37 sa 40).
67 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36).
68 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punti 48 u 50), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber f’Renault (C‑38/98, EU:C:1999:325, punt 67).
69 Ara, fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bħala l-iktar forma inaċċettabbli ta’ restrizzjoni fid-dritt tas-suq intern tal-Unjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:99, punti 1 u 2).
70 Ara l-premessa 26 tar-Regolament Brussell Ia u s-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C‑116/02, EU:C:2003:657, punt 72), u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 63).
71 Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2019:592, punt 103), enfasizza li, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, “qorti nazzjonali ma tistax […] tkun is-suġġett ta’ […] suspetti ta’ protezzjoniżmu, peress li l-indipendenza tagħha għandha tippreżumi l-osservanza tal-oġġettività u n-nuqqas ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima apparti l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt”.
72 Preżunzjoni li, barra minn hekk, irriżultat li kienet żbaljata, peress li saru diversi rinviji dwar il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali dwar il-logħob tal-ażżard u ġew sottomessi talbiet għal restituzzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja minn mindu ġie adottat l-Artikolu 56A tal-Att dwar il-Logħob. Ara, inter alia, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi pendenti C‑530/24 u C‑9/25, Tipico.
73 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582, punti 94 sa 96).
74 Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, EU:C:1994:119, punt 60); tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 57); u tal‑24 ta’ Jannar 2013, Stanleybet et (C‑186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33, punt 24).
75 Il-Gvern Malti ħafna drabi jippreżenta n-“natura transkonfinali” tas-servizzi pprovduti mill-operaturi li għandhom liċenzja f’Malta bħala raġuni għaliex dawn is-servizzi għandhom ikunu rregolati biss mid-dritt Malti, u mhux mid-dritt tal-Istati li fihom jinsabu d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi. F’dan ir-rigward, nenfasizza li, normalment, is-servizzi pprovduti minn dawn l-operaturi ma humiex sempliċement aċċessibbli minn dawn l-Istati l-oħra, mingħajr l-ebda intenzjoni partikolari mill-operaturi li jagħmlu negozju mal-konsumaturi f’dawn l-Istati. Minflok, huma mmirati lejn dawn l-Istati l-oħra u l-konsumaturi tagħhom (permezz ta’ siti web bil-lingwa tal-pajjiż fil-mira, l-użu ta’ dominju tal-ogħla livell tal-pajjiż inkwistjoni, reklamar, eċċ.). Dan jiġġustifika iktar l-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-logħob tal-ażżard tal-Istati kkonċernati (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi f’Wunner (punti 63 sa 66).
76 B’mod partikolari, is-servizzi tal-logħob tal-ażżard online ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) (l-Artikolu 1(5)(d)) u tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (verżjoni kodifikata) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15) (ara l-premessa 22), li mill-bqija jimplimentaw il-prinċipju tal-“pajjiż ta’ oriġini”.
77 Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Stoß et (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punti 108 sa 116), u tat‑12 ta’ Settembru 2013, Biasci et (C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550, punt 41). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Tipico, punt 38.
78 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Tipico (punti 55 u 56).
79 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582, punti 94 sa 96).
80 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Biasci et (C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
81 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi f’Tipico (punti 31, 32 u 37).
82 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Unibet International (C‑49/16, EU:C:2017:491, punt 37) u l-ġurisprudenza ċċitata. Madankollu, il-Gvern Malti jsostni li, skont id-dritt Malti, l-operaturi liċenzjati f’Malta jistgħu jipprovdu servizzi legalment biss fi Stati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard hija “indebitament restrittiva” fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Madankollu, din il-pożizzjoni titlob żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, kif indikat fil-punt 101 iktar ’il fuq, il-premessa tal-Gvern Malti tidher li hija li, bħala regola, kwalunkwe liġi dwar il-logħob tal-ażżard li tirrestrinġi l-possibbiltà għal operatur tal-logħob tal-ażżard liċenzjat f’Malta li jipprovdi servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru hija “indebitament restrittiva” (peress li l-qafas regolatorju Malti diġà jipproteġi, b’mod suffiċjenti, kwalunkwe interess pubbliku involut). It-tieni, anki meta jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni lokali ma hijiex konformi mal-Artikolu 56 TFUE, dan ma jagħtix dritt awtomatiku lill-operaturi Maltin tal-logħob tal-ażżard li jipprovdu s-servizzi tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma huwiex obbligat “jilliberalizza s-suq fil-logħob tal-ażżard fil-każ fejn huwa jqis li tali liberalizzazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura” (ara, inter alia, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Stanleybet et, C‑186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33, punt 46). F’tali ċirkustanzi, għall-Istati Membri jibqa’ “possibbli […] li jagħmlu riforma” tal-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 56 TFUE.
83 Ara, pereżempju, fir-rigward tan-nuqqasijiet tal-monopolju Ġermaniż fuq l-imħatri sportivi, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Stoß et (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504), u tat‑8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group (C‑46/08, EU:C:2010:505).
84 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi f’Tipico (punti 75 sa 86). B’kuntrast ma’ dan, fil-konklużjonijiet tiegħi f’European Lotto (punti 94 sa 97) diġà spjegajt għaliex, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Malti, tali talbiet ma jistgħux jikkostitwixxu abbuż tal-libertà li wieħed jirċievi servizzi. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ abbuż tad-dritt tal-Unjoni ma għandux effett f’dan il-kuntest, peress li tali talbiet huma kompletament ibbażati fuq id-dritt nazzjonali.
85 Il-Gvern Malti indika li, fl‑2023, is-settur tal-logħob tal-ażżard kien jirrappreżenta madwar 7 % tal-ekonomija nazzjonali, filwaqt li l-impjiegi ġġenerati minn dan is-settur kienu jirrappreżentaw madwar 5.2 % tal-impjiegi kollha f’Malta.
86 Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 56 sa 58).
87 Ara, inter alia, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1996:205, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
88 Ara l-premessa 4 tar-Regolament Brussell Ia.
89 Ara, b’analoġija, Qorti EDB, 21 ta’ Lulju 2022, Bieliński vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2022:0721JUD004876219, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.
90 Ara, b’analoġija, Qorti EDB, 24 ta’ Novembru 1994, Beaumartin vs Franza, CE:ECHR:1994:1124JUD001528789, punt 33.