Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fit‑18 ta’ Diċembru 2025 (1)
Kawża C‑626/24
PRAGON s.r.o.
vs
Státní zemědělská a potravinářská inspekce, Inspektorát v Praze
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (il‑Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi u miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Artikoli 34 u 36 TFUE – Armonizzazzjoni eżawrjenti – Kontrolli uffiċjali tal-għalf u tal-prodotti tal-ikel – Regolament (UE) 2017/625 – Artikolu 9(7) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel ta’ importazzjoni ta’ supplimenti tal-ikel minn Stati Membri oħra”
1. Is-suq tas-supplimenti tal-ikel qiegħed kulma jmur jikber. Fl-Ewropa, dan kien jirrappreżenta 26.6 biljun dollaru Amerikan (USD) fl‑2024 u l-projezzjonijiet għall-għaxar snin li ġejjin imorru fid-direzzjoni ta’ żieda kostanti (2). Peress li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, is-supplimenti tal-ikel invadew il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. U huwa preċiżament għaliex l-aċċess għalihom huwa tant faċli u għaliex ma humiex meqjusa perikolużi li kellha tiġi organizzata s-sorveljanza stretta tagħhom. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-qafas leġiżlattiv, huwa bbaża ruħu ħafna fuq l-istanzi nazzjonali sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu.
2. Din il-kawża tirrigwarda leġiżlazzjoni Ċeka li timponi fuq l-operatur destinatarju ta’ supplimenti tal-ikel li joriġinaw minn Stat Membru ieħor obbligu ġenerali ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti. Din il-komunikazzjoni għandha ssir mill-inqas 24 siegħa qabel il-wasla tal-prodotti fil-post tad-destinazzjoni u għandha tinkludi l-informazzjoni neċessarja għall-analiżi tar-riskji u għall-ippjanar tal-kontrolli uffiċjali tal-imsemmija supplimenti. B’dan il-mod, l-awtoritajiet Ċeki jaħsbu li jiżguraw l-innokwità tas-supplimenti preżenti fit-territorju, iżda tali obbligu jqajjem xi dubji dwar il-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.
I. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
3. PRAGON s.r.o. (iktar ’il quddiem “PRAGON”) hija kumpannija Ċeka li timporta supplimenti tal-ikel u tikkummerċjalizzahom fi ħwienet fiżiċi kif ukoll online.
4. Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, l-iStátní zemědělská a potravinářská inspekce, Inspektorát v Praze (l-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari, l-Ispettorat ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) wettaq kontroll sabiex jivverifika l-osservanza tal-obbligi previsti mill-vyhláška č. 172/2015 Sb., o informační povinnosti příjemce potravin v místě určení (id-Digriet Nru 172/2015 dwar l-Obbligu ta’ Informazzjoni tad-Destinatarju ta’ Prodotti tal-Ikel fil-Post tad-Destinazzjoni, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 172/2015”) (3). Dan id-digriet jimplimenta ż-zákon č. 110/1997 Sb., o potravinách a tabákových výrobcích (il-Liġi Nru 110/1997 dwar il-Prodotti tal-Ikel u l-Prodotti tat-Tabakk. iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel”) (4).
5. Mill-qafas ġuridiku nazzjonali (5) jirriżulta li kull wasla, fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, tal-prodotti tal-ikel koperti mid-Digriet Nru (6) li joriġinaw minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għandha tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel permezz tas-sistema ta’ informazzjoni tal-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari mill-inqas 24 siegħa qabel il-wasla tal-prodotti tal-ikel fil-post tad-destinazzjoni (7). Kull destinatarju ta’ prodotti tal-ikel koperti mid-Digriet huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni li ġejja: it-tip ta’ prodotti tal-ikel, il-kwantità, l-oriġini, id-destinatarju kif ukoll id-data tal-wasla fil-post tad-destinazzjoni (8). Is-supplimenti tal-ikel jagħmlu parti mill-prodotti tal-ikel koperti mid-Digriet Nru 172/2015 (9).
6. PRAGON ippreżentat rikors quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) sabiex tikkontesta l-kontroll imwettaq fis‑7 ta’ Ġunju 2021. Fis‑6 ta’ Ottubru 2022, il-Qorti Muniċipali ta’ Praga ċaħdet ir-rikors. Għalhekk PRAGON ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li, permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2023, annullat is-sentenza tal-Qorti Muniċipali ta’ Praga u bagħtet lura l-kawża quddiem din tal-aħħar sabiex teżamina, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà tad-Digriet Nru 172/2015 mad-dritt tal-Unjoni. Fit‑12 ta’ Ottubru 2023, il-Qorti Muniċipali ta’ Praga ddeċidiet li l-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel kien konformi mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) 2017/625 (10) u, konsegwentement, ċaħdet mill-ġdid ir-rikors ta’ PRAGON.
7. Għalhekk din tal-aħħar ippreżentat it-tieni appell quddiem il-qorti tar-rinviju li quddiemha hija ssostni, essenzjalment, li l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst mid-Digriet Nru 172/2015 jimplika li l-merkanzija tista’ tiġi kkunsinnata fir-Repubblika Ċeka biss mill-inqas 24 siegħa wara li tiġi ordnata u li dan huwa ostakolu mhux tariffarju li jikser id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, PRAGON issostni li l-prodotti tal-ikel li jinsabu barra mit-territorju Ċek huma s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak li jingħata lill-merkanzija li diġà tinsab f’dan it-territorju u li ma hijiex suġġetta għal obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel u għalhekk tista’ tiġi kkummerċjalizzata immedjatament. PRAGON issostni li d-Digriet Nru 172/2015 jikser b’mod manifest il-moviment liberu tal-merkanzija.
8. Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu li kull wasla li toriġina minn Stat Membru ieħor tal-prodotti tal-ikel koperti mid-Digriet Nru 172/2015 tiġi kkomunikata 24 siegħa bil-quddiem lill-awtorità ta’ kontroll huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta kunsinna nazzjonali ta’ prodotti tal-ikel tal-istess kategorija ta’ riskju ma taqax taħt tali obbligu. Barra minn hekk, minn dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni jirriżulta proċess iktar kumpless ta’ kunsinna li huwa wkoll iktar għali, ħaġa li tista’ tiddisswadi lill-operaturi tas-settur milli jikkummerċjalizzaw il-prodotti tal-ikel ikkonċernati fit-territorju Ċek. Għalhekk id-Digriet Nru 172/2015 jista’ jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE. Tali miżura tista’ madankollu tkun iġġustifikata taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/265 jeżiġi wkoll ċerta relazzjoni ta’ proporzjonalità. Issa, in-natura sistematika tal-obbligu ta’ komunikazzjoni jwassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddubita min-natura proporzjonata tiegħu.
9. Il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ukoll il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni. Hija tistaqsi jekk sitwazzjoni li fiha l-informazzjoni tiġi rikjesta fil-mument tal-wasla tal-merkanzija u tkun immirata lejn ir-riskji attwali tkunx iktar adatta għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u konformi magħhom.
10. Fl-aħħar nett, għalkemm il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-obbligu sistematiku ta’ informazzjoni minn qabel previst mid-Digriet Nru 172/2015 huwa proporzjonat għat-twettiq tal-għan imfittex, hija tammetti li dawn id-dubji huma iktar u iktar evidenti f’dak li jirrigwarda l-kategorija partikolari tal-prodotti tal-ikel li jikkonsistu f’supplimenti tal-ikel li n-natura tagħhom hija kunsiderevolment differenti meta mqabbla mal-prodotti tal-ikel l-oħra koperti minn dan id-digriet. Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li d-Digriet Nru 172/2015 ġie emendat fl-2024 (11). Il-lista tal-prodotti tal-ikel suġġetti għall-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel tnaqqset għal ħames prodotti tal-ikel li fosthom għadhom inklużi s-supplimenti tal-ikel minħabba r-riskju ta’ eventwali preżenza ta’ sustanzi anaboliċi, ta’ prodotti farmaċewtiċi, ta’ ormoni u ta’ kontaminanti perikolużi oħra bħalma huma l-metalli tqal jew l-idrokarbonji aromatiċi (12). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan huwiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-preżenza tagħhom fil-lista tal-prodotti tal-ikel li għalihom japplika l-obbligu ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni.
11. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2024, li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 34 TFUE, fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE u tal-Artikolu 9(7) tar-[Regolament 2017/625], jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq id-destinatarju ta’ supplimenti tal-ikel li joriġinaw minn Stat Membru ieħor obbligu ġenerali li jikkomunika mill-inqas 24 siegħa bil-quddiem il-wasla tagħhom fil-post tad-destinazzjoni u li jipprovdi l-informazzjoni neċessarja għall-analiżi tar-riskji u għall-ippjanar tal-kontrolli uffiċċjali?”
12. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn PRAGON, mill-Gvern Ċek u mill-Kummissjoni Ewropea, li s-sottomissjonijiet orali tagħhom instemgħu wkoll waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Settembru 2025.
II. Analiżi
13. Mil-leġiżlazzjoni Ċeka jirriżulta li, meta jimportaw fit-territorju Ċek ċertu numru ta’ prodotti tal-ikel li minnhom jagħmlu parti s-supplimenti tal-ikel, l-operaturi ekonomiċi huma obbligati jinformaw lill-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari mill-inqas 24 siegħa qabel il-wasla tal-imsemmija prodotti tal-ikel fil-post tad-destinazzjoni bl-imminenza ta’ din il-wasla (13). Id-destinatarju ta’ prodotti tal-ikel li joriġinaw minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għandu jispeċifika lil din l-awtorità t-tip ta’ prodotti tal-ikel ikkonċernati; il-kwantità kkunsinnata; l-Istat Membru jew il-pajjiż terz ta’ oriġini kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-kunsinnatur; l-isem, l-indirizz u n-numru ta’ identifikazzjoni tad-destinatarju tal-prodotti tal-ikel importati u; fl-aħħar nett, id-data tal-wasla fil-post tad-destinazzjoni. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta permezz ta’ formola li għandha timtela online (14).
14. PRAGON, bħala kumpannija li timporta supplimenti tal-ikel, hija għalhekk suġġetta għall-obbligu li tikkomunika sistematikament kull wasla ta’ supplimenti tal-ikel li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Hija indikat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Gvern Ċek, li wettqet 142 komunikazzjoni mill‑21 ta’ Settembru 2016.
15. Permezz tad-domanda preliminari unika tagħha, il-qorti tar-rinviju, adita għat-tieni darba fil-kuntest tal-istess tilwima nazzjonali, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ċeka, kif għadni kemm iddeskrivejt, mad-dritt tal-Unjoni. Peress li dik il-qorti ssemmi, f’din id-domanda, kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju kif ukoll ir-Regolament 2017/625, huwa neċessarju li jiġi ddefinit il-qafas ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata r-regola tad-dritt tal-Unjoni li fid-dawl tagħha ser ikollha tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni Ċeka.
A. Determinazzjoni tal-qafas ta’ analiżi
16. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux f’dak tad-dritt primarju (15).
17. L-istess bħall-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, jidhirli li d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju invokati – jiġifieri l-Artikoli 34 u 36 TFUE – ma jikkostitwixxux il-qafas ta’ analiżi sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.
18. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-kontrolli uffiċjali intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ikel (16), dan huwa qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni permezz tar-Regolament 2017/625.
19. Il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament tfakkar li “[i]l-leġislazzjoni tal-Unjoni tipprevedi sett ta’ regoli armonizzati li jiżguraw li l-ikel […] ikun[…] sikur[…] u bni[n], u li l-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq is-sikurezza tal-katina agroalimentari […] jitwettqu f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi”. Iktar ’il quddiem, il-leġiżlatur tal-Unjoni jfakkar li “[i]r-responsabbiltà għall-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari tinsab f’idejn l-Istati Membri, li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jimmonitorjaw u jivverifikaw, billi jorganizzaw kontrolli uffiċjali, li r-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni jkunu rispettati u infurzati b’mod effettiv” (17).
20. Barra minn hekk, mill-premessa 16 tar-Regolament 2017/625 jirriżulta li dan tal-aħħar iħassar u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 882/2004 (18), li kien “stabbilixxa qafas leġislattiv waħdieni għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali” u “pprovda […] qafas legali konsolidat li jappoġġa approċċ integrat għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali tul il-katina agroalimentari”. Ir-Regolament 2017/625 għandu l-għan li “il-qafas leġislattiv ġenerali jiġi razzjonalizzat u simplifikat, [billi jintegra] r-regoli applikabbli għall-kontrolli uffiċjali f’oqsma speċifiċi jiġu integrati f’qafas leġislattiv waħdieni għall-kontrolli” (19).
21. Għalhekk jirriżulta mir-rieda espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li dan jixtieq “jistabbilixxi qafas armonizzat tal-Unjoni għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali […] tul il-katina agroalimentari kollha” (20) u “jiġi żgurat approċċ armonizzat fir-rigward ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari” (21).
22. Ir-Regolament 2017/625 jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, regoli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u japplika “għall-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli […] bil-fini li tiġi applikata l-leġislazzjoni tal-Unjoni f’oqsma ta’ […] l-ikel u s-sikurezza tal-ikel” (22).
23. L-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament 2017/625 jiddefinixxi l-kontrolli uffiċjali bħala “attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti […] sabiex jivverifikaw [li jkun hemm] konformità min-naħa tal-operaturi ma’ dan ir-Regolament u mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)”.
24. L-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/625 jirreferi għall-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 għad-definizzjoni tal-prodotti tal-ikel, li għalhekk għandha tfisser “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”.
25. Min-naħa tagħha, l-appartenenza tas-supplimenti tal-ikel għall-kategorija tal-prodotti tal-ikel hija ddeterminata mid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (23) minn fejn jirriżulta li dawn tal-aħħar huma “oġġetti ta’ l-ikel li l-għan tagħhom huwa li jissupplementaw id-dieta normali u [li jikkostitwixxu] l- fonti kkonċentrati ta’ nutrijenti jew sustanzi oħrajn b’effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, waħedhom jew f’għaqdiet, mibjugħa b’dożi, jiġifieri forom, bħala kapsuli, pastillji, pirmli, pilloli u forom oħra bħalhom, borżetti tat-terra, ampulli ta’ likwidi, flixkien tal-qtar, u forom oħra ta’ likwidi u trabijiet, intiżi li jkunu meħudin fi kwantitajiet ta’ miżura żgħira” (24).
26. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-Regolament 2017/625 wettqu armonizzazzjoni eżawrjenti tar-regoli applikabbli għall-kontrolli uffiċjali tal-prodotti tal-ikel, fosthom is-supplimenti tal-ikel.
27. Ir-rekwiżit ta’ komunikazzjoni minn qabel mal-wasla tas-supplimenti tal-ikel li joriġinaw minn Stat Membru tal-Unjoni fit-territorju Ċek jikkostitwixxi wieħed mill-modalitajiet tal-kontrolli uffiċjali fis-sens tar-Regolament 2017/625 u ġie adottat, kif fakkar il-Gvern Ċek, għall-finijiet tal-analiżi tar-riskji skont ir-Regolament Nru 178/2002.
28. Peress li jaqa’ fil-qasam irregolat mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tar-Regolament 2017/625, ir-rekwiżit ta’ komunikazzjoni minn qabel għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 9(7) tiegħu.
B. Fuq it-tifsira u l-portata tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625
29. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-approċċ analitiku jimponi tradizzjonalment li wieħed jibda bl-eżami tal-kliem (25). Infakkar li l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 jipprovdi li, “[s]afejn strettament meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali”, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-operaturi jirrapportaw il-wasla fit-territorju tagħhom ta’ oġġetti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor. Mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li r-Regolament 2017/625 huwa bbażat fuq il-prinċipju li tali wasla ma tagħtix lok għal informazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti u li huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu dan. L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-possibbiltà huma obbligati jibbażaw il-prassi tagħhom fuq rekwiżiti li jirriżultaw mill-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, u huwa biss sa fejn huwa strettament neċessarju għal din l-organizzazzjoni li l-irrapportar minn qabel tal-wasla tal-prodotti tal-ikel jista’ jiġi aċċettat. Bħala miżura li tidderoga mill-moviment liberu tal-prodotti tal-ikel fit-territorju tal-Unjoni, l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 għandu jiġi interpretat strettament.
30. Barra minn hekk, mill-kuntest normattiv tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 jirriżulta li dan tal-aħħar jaqa’ taħt l-artikolu ddedikat għar-regoli ġenerali applikabbli għall-kontrolli uffiċjali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi kollha – li għandhom ir-responsabbiltà primarja għas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel (26) u li huma obbligati jikkooperaw għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali (27) – fuq bażi regolari, skont ir-riskji (28) u bi frekwenza adegwata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji identifikati, kwalunkwe informazzjoni li tindika l-possibbiltà li l-konsumatur jista’ jitqarraq, il-fatti preċedenti tal-operaturi, l-affidabbiltà u r-riżultati tal-awtokontrolli mwettqa mill-operaturi jew kwalunkwe informazzjoni li tagħti x’jifhem li seta’ twettaq ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ikel (29).
31. Il-kontrolli għandhom jitwettqu fi “kwalunkwe stadju tal-produzzjoni l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-użu [tal-oġġetti]” (30) u għandhom jiġu adattati skont is-sitwazzjonijiet u, b’mod partikolari, skont jekk il-prodotti tal-ikel jinsabux diġà fit-territorju tal-Unjoni jew ikunux deħlin f’dan it-territorju (31).
32. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 għandha tiġi kkompletata b’mod utli mill-qari tal-premessa 37 ta’ dan ir-regolament li tagħmel riferiment għall-preżenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” sabiex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-Istati Membri jeżiġu informazzjoni minn qabel tal-wasla ta’ oġġetti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Dan jikkuntrasta nettament mal-komunikazzjoni minn qabel obbligatorja u sistematika li barra minn hekk hija prevista mill-imsemmi regolament għal ċerti kategoriji ta’ prodotti tal-ikel li jidħlu fl-Unjoni (32).
33. Barra minn hekk, il-premessa 34 tar-Regolament 2017/625 tistieden lill-awtoritajiet kompetenti “iqisu l-interessi [tal-operaturi] meta jorganizzaw u jwettqu l-attivitajiet ta’ kontroll uffiċjali, u […] jillimitaw tali piż għal dak li jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali effiċjenti u effettivi”.
34. Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna s-supplimenti tal-ikel, il-kuntest normattiv tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 għandu jiġi estiż għad-Direttiva 2002/46 li minnha jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-supplimenti tal-ikel ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni biss jekk ikunu konformi mar-regoli previsti minn din id-direttiva (33) u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-manifattur jew il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq fit-territorju tagħhom jinformaw lill-awtorità kompetenti b’din il-kummerċjalizzazzjoni permezz tat-trażmissjoni tal-mudell tat-tikketta użata għall-prodott ikkonċernat (34). F’dan ir-rigward, nirrileva li prodott tal-ikel li jkun konformi mar-rekwiżiti settorjali tal-Unjoni għandu jitqies li huwa sikur (35), ħaġa li ma tipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti milli jkunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa sabiex jimponu restrizzjonijiet għat-tqegħid tiegħu fis-suq jew sabiex jeżiġu l-irtirar tiegħu biss “meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett, li minkejja dik il-konformità, dak l-ikel ma jkunx tajjeb” (36).
35. F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika, ir-Regolament 2017/625 jirregola l-kontrolli uffiċjali li huma essenzjali sabiex tiġi ggarantita l-konformità tal-prodotti tal-ikel mal-leġiżlazzjoni applikabbli fi ħdan l-Unjoni u, b’mod partikolari, mar-regoli stabbiliti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (37). Dan ir-regolament isegwi l-azzjoni tar-Regolament Nru 882/2004 li huwa jissostitwixxi u li kien “tejjeb b’mod sinifikanti l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali, l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari, u l-livell ta’ protezzjoni minn riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti […]” (38).
36. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament 2017/625 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(4)(b) TFUE. Billi stabbilixxa l-Artikolu 9(7) ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jfittex bilanċ speċifiku bejn il-moviment liberu tal-prodotti tal-ikel u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent (39). Il-leġiżlatur tal-Unjoni żgura wkoll li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u li jżomm il-fiduċja ta’ dawn tal-aħħar (40).
37. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 jikkonkretizza, fid-dritt sekondarju, paradigma kostituzzjonali ekonomika tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi fundamentali li ġejjin: it-tfittxija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-kuntest ta’ suq intern li jiffunzjona; rekwiżit ta’ kontrolli effettivi filwaqt li l-operaturi jiġu ppreżervati minn piż amministrattiv eċċessiv u; fl-aħħar nett, qafas ġuridiku ddifferenzjat għal oġġetti li diġà jinsabu fit-territorju tal-Unjoni u li diġà huma suġġetti għal regoli settorjali.
38. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi fundamentali li issa għandha tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (41).
C. Fuq il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625
39. Skont il-Gvern Ċek, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom bżonn il-komunikazzjoni minn qabel u informazzjoni li takkumpanjaha sabiex jiżguraw l-effettività tal-kontrolli dwar l-osservanza tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel u, b’mod partikolari, tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel. Huwa essenzjali li jkunu jistgħu jiġu organizzati l-kontrolli direttament mill-ewwel ħolqa tal-katina ta’ distribuzzjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx informazzjoni minn qabel dwar dawn il-prodotti tal-ikel.
40. Qabelxejn, nenfasizza li huwa minnu li sistema ta’ komunikazzjoni minn qabel sistematika tippermetti li jiġu informati b’mod perfett l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali. Madankollu, tali sistema ma tiħux inkunsiderazzjoni, f’tali każ, l-għan l-ieħor li jfittex li jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni u li jirrigwarda l-funzjonament tas-suq intern.
41. Barra minn hekk, id-Digriet Nru 172/2015 ma jiħux inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-prodotti tal-ikel u jissuġġetta lill-operaturi għall-istess obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel, kemm jekk dawn ikunu prodotti tal-ikel li joriġinaw minn Stat Membru tal-Unjoni kemm jekk ikunu prodotti tal-ikel li joriġinaw minn pajjiżi terzi (42). Din l-assenza ta’ distinzjoni skont l-oriġini tal-prodotti tal-ikel ma hijiex konformi mar-Regolament 2017/625 (43).
42. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li ma hijiex suffiċjentement immirata, kemm f’dak li jirrigwarda l-prodotti tal-ikel koperti minnha kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-perikoli allegati u l-perijodu li matulu hija rikjesta l-komunikazzjoni minn qabel.
43. Fil-fatt, minn naħa, l-issuġġettar tas-supplimenti tal-ikel kollha għal dan ir-rekwiżit ma jidhirx li huwa “strettament meħtieġ” peress li għandu jkun possibbli li jiġu identifikati, fi ħdan dawn is-supplimenti, dawk li jeħtieġu iktar sorveljanza, u għalhekk kontrolli. Id-Direttiva 2002/46 tipprovdi, pereżempju, li “l-Istati Membri jistgħu, b’konformità mar-regoli tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-restrizzjoniet nazzjonali eżistenti jew il-projbizzjoniet fuq il-kummerċ fis-supplimenti ta’ l-ikel li jkollhom vitamini u minerali mhux inklużi fil-lista f’Anness I jew fil-forom mhux elenkati f’Anness II” (44).
44. Nosserva wkoll li mill-proċess ma jirriżultax li r-Repubblika Ċeka għamlet użu mill-possibbiltà offruta mid-Direttiva 2002/46 li teżiġi t-trażmissjoni tal-mudell ta’ tikketta sabiex tiffaċilita l-kontrolli (45), li diġà tista’ tikkostitwixxi sors primarju ta’ informazzjoni għall-awtoritajiet. Fid-dawl ta’ din il-possibbiltà offruta mid-dritt tal-Unjoni, il-Gvern Ċek ma rnexxilux jistabbilixxi kif l-issuġġettar tas-supplimenti tal-ikel kollha għall-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel mal-wasla tagħhom fit-territorju jirriżulta li huwa strettament neċessarju għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali (46).
45. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-riskji allegati, nirrileva wkoll li l-Gvern Ċek jibbaża ruħu fuq allegazzjonijiet eċċessivament ġenerali li s-supplimenti tal-ikel spiss jinkludu dożi ta’ prodotti kkonċentrati ferm u l-preżenza ta’ sustanzi anaboliċi, ta’ prodotti mediċinali, ta’ ormoni u ta’ prodotti pprojbiti oħra jew ta’ forom ipprojbiti oħra ta’ minerali, ta’ metalli, ta’ kontaminanti jew ta’ idrokarbonji aromatiċi.
46. Fl-aħħar nett, obbligu sistematiku ta’ komunikazzjoni minn qabel li jkopri, b’mod permanenti, kategorija sħiħa ta’ prodotti tal-ikel ma jidhirx li huwa konformi mal-ispirtu li wassal għall-adozzjoni tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 peress li huwa preċiżament l-eżatt oppost ta’ miżura li hija “strettament meħtieġ[a]” għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali u peress li ma hija prevista ebda evalwazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni, skont skeda fissa u regolari.
47. Minbarra n-natura insuffiċjentement immirata tiegħu, huwa wkoll diffiċli li wieħed jikkonvinċi ruħu min-natura strettament neċessarja ta’ dan l-obbligu mill-qari tat-tabella ta’ statistiċi pprovduta minn PRAGON (47). Minn din it-tabella jirriżulta li fl‑2015, ġew sottomessi 175 935 komunikazzjoni lill-awtoritajiet Ċeki għal 3 128 kontroll imwettqa. Fl‑2022, dawn l-istess awtoritajiet irċevew 280 202 komunikazzjoni għal 767 kontroll imwettqa. Bejn l‑2015 u l‑2022, in-numru ta’ komunikazzjonijiet żdied b’59 % filwaqt li, f’dan l-istess perijodu, il-kontrolli naqsu b’75 % (48). Il-Gvern Ċek irrikonoxxa waqt is-seduta li kontroll jitwettaq biss f’0.5 % tal-importazzjonijiet ikkomunikati, filwaqt li spjega li t-terminu ta’ 24 siegħa qabel kien jippermetti lill-awtoritajiet janalizzaw ir-riskji u jiddeterminaw jekk kontroll huwiex neċessarju jew le abbażi tal-informazzjoni li takkumpanja l-komunikazzjoni. Jidhirli li l-Gvern Ċek għaldaqstant ammetta impliċitament l-isproporzjon manifest bejn in-numru ta’ komunikazzjonijiet li l-operaturi kellhom jissottomettu ruħhom għalihom għal snin sħaħ meta mqabbel man-numru ta’ kontrolli realment imwettqa.
48. Barra minn hekk, nammetti li ma jidhirlix li l-perikolożità allegata, kif imfakkra iktar ’il fuq (49), hija tant ikkorroborata mill-konstatazzjoni li 0.5 % biss tal-komunikazzjonijiet wasslu lill-awtoritajiet Ċeki sabiex jiddeċiedu li jwettqu kontroll (50).
49. Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tosservax ir-relazzjoni stretta ta’ neċessità stabbilita mill-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 li minnha jirriżulta mingħajr ambigwità li l-obbligu li jiġu rrapportati l-wasliet ta’ prodotti tal-ikel ma jistax ikun sistematiku u kontinwu, iżda għandu jkun ibbażat fuq ċirkustanzi partikolari u temporanji, biss sa fejn dan huwa indispensabbli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali previsti minn dan ir-regolament (51).
III. Konklużjoni
50. Għall-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka):
L-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali)
għandu jiġi interpretat fis-sens li
jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi obbligu, ġenerali u kontinwu, ta’ komunikazzjoni minn qabel sistematika tal-wasla fit-territorju nazzjonali ta’ kategorija sħiħa ta’ prodotti tal-ikel, bħas-supplimenti tal-ikel, li tkun akkumpanjata mill-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-analiżi tar-riskji u għall-ippjanar tal-kontrolli uffiċjali.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Ara https://www.towardsfnb.com/insights/europe-dietary-supplements-market.
3 Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li dan huwa d-Digriet Nru 172/2015 fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal‑31 ta’ Awwissu 2024, jiġifieri kif emendat bid-Digriet Nru 141/2017.
4 L-Artikolu 3d(3) tal-Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel jipprovdi li “[l-]operatur tas-settur tal-ikel li, fil-post tad-destinazzjoni, jirċievi prodotti tal-ikel iddefiniti mil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew minn pajjiż terz, huwa obbligat jinforma lill-awtorità ta’ kontroll kompetenti skont l-Artikolu 16(4) jew (5) bil-wasla tagħhom skont il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni li, abbażi tal-analiżi tar-riskji prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Nru 178/2002’)] għandha tiddetermina t-tip ta’ prodott tal-ikel, id-data, il-portata u l-modalitajiet tal-komunikazzjoni, sa fejn ikun neċessarju għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali”.
5 L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Nru 172/2015 jistabbilixxi li dan “jirregola l-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni tal-operatur tas-settur tal-ikel fil-post tad-destinazzjoni […], skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni direttament applikabbli”. L-Artikolu 1(3) ta’ dan id-digriet jispeċifika li l-imsemmi digriet “japplika biss meta l-post tad-destinazzjoni jkun il-post tal-ewwel riċezzjoni”.
6 Id-Digriet Nru 172/2015, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien ikopri ċerti speċi ta’ frott frisk, ċerti speċi ta’ ħxejjex friski, il-patata, il-peprin, is-supplimenti tal-ikel kif ukoll kważi l-prodotti tal-ikel kollha li ġejjin mill-annimali.
7 Kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 172/2015.
8 Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Digriet Nru 172/2015.
9 L-Artikolu 1(2) ta’ dan id-digriet jistabbilixxi l-lista tal-prodotti tal-ikel li huma suġġetti għal obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel mal-wasla tagħhom fit-territorju Ċek. Il-punt e) ta’ din il-lista jkopri, b’mod speċifiku, is-supplimenti tal-ikel.
Mill-Artikolu 2(1)(g) tal-Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel jirriżulta li dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “prodott tal-ikel intiż li jissupplimenta d-dieta normali li hija sors ikkonċentrat ta’ vitamini u ta’ minerali jew ta’ sustanzi oħra b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, li jinsabu fil-prodott tal-ikel waħdu jew f’kombinazzjoni, intiż għall-konsum dirett fi kwantitajiet żgħar imkejla”.
10 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU 2017, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 40). Fil-mument li fih seħħ il-kontroll inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Regolament 2017/625 kien ġie emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/478 tal‑14 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament [2017/625] fir-rigward tal-kategoriji ta’ kunsinni li jkunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera (ĠU 2019, L 82, p. 4) kif ukoll bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2127 tal‑10 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament [2017/625] fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE, 97/78/KE u 2000/29/KE (ĠU 2019, L 321, p. 111).
L-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 2017/625 jistabbilixxi li “[s]afejn strettament meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, l-Istati Membri ta’ destinazzjoni jistgħu jitolbu lill-operaturi li jkollhom annimali jew oġġetti mwassla lilhom minn Stat Membru ieħor jirrappurtaw il-wasla ta’ tali annimali jew oġġetti”.
11 Permezz tad-Digriet Nru 235/2024.
12 Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Digriet Nru 235/2024 li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2024.
13 Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ċeka kienet tipprevedi inizjalment obbligu ta’ komunikazzjoni f’terminu ta’ 48 siegħa qabel il-wasla fit-territorju: ara l-punt 5 tat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll il-punt 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ċek.
14 Ara l-punt 5 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
15 Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Tsipouro) (C‑91/18, EU:C:2019:600, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et (C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 26) u tal‑20 ta’ Marzu 2025, Anib et (C‑728/22 sa C‑730/22, EU:C:2025:200, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Kif iddefinita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 178/2002. Ara wkoll l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2017/625.
17 Premessa 15 tar-Regolament 2017/625.
18 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91).
19 Premessa 19 tar-Regolament 2017/625.
20 Premessa 20 tar-Regolament 2017/625. L-idea ta’ qafas leġiżlattiv uniku hija rrepetuta fil-premessa 43 ta’ dan ir-regolament.
21 Premessa 99 tar-Regolament 2017/625.
22 Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament 2017/625.
23 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490.
24 Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46.
25 Fost ġurisprudenza abbundanti, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Kwizda Pharma II (C‑451/24, EU:C:2025:663, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Ara l-premessa 30 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 178/2002. Ara wkoll, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Albrecht et (C‑382/10, EU:C:2011:639, punt 20).
27 Ara l-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/625.
28 Ir-riskju huwa ddefinit bħala “funzjoni tal-probabbiltà ta’ effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, fuq it-trattament xieraq tal-annimali jew fuq l-ambjent u tas-severità ta’ dak l-effett, b’konsegwenza għall-periklu” (punt 24 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/625). Min-naħa tagħha, l-analiżi tar-riskji hija ddefinita bħala “il-proċess li jikkonsisti fi tliet komponenti interkonnessi: l-istima tar-riskju, l-amministrazzjoni tar-riskju u l-komunikazzjoni tar-riskju” (punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 178/2002).
29 Ara l-Artikolu 9(1)(a) sa (e), rispettivament, tar-Regolament 2017/625.
30 Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament 2017/625.
31 Ara l-Artikolu 9(6) tar-Regolament 2017/625.
32 Ara l-premessa 53, l-Artikolu 47(1) u l-Artikolu 56(3)(a) u (4) tar-Regolament 2017/625. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2104 tas‑27 ta’ Ġunju 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward tal-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi jinnotifikaw il-wasla ta’ ċerti oġġetti li jidħlu fl-Unjoni (ĠU C/2024/3160).
33 Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/46.
34 Ara l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/46.
35 Ara l-Artikolu 14(7) tar-Regolament Nru 178/2002.
36 Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 178/2002.
37 Ara l-premessa 53 tar-Regolament 2017/625 dwar il-kontrolli mad-dħul fl-Unjoni.
38 Premessa 16 tar-Regolament 2017/625.
39 Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et (C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 64).
40 Ara l-premessi 2 u 3, l-Artikolu 1(2)(a) u l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2017/625.
41 Kif indikat mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-Kummissjoni diġà kkontestat il-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni billi, fl‑24 ta’ Jannar 2019, bagħtet intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka. Fid-data ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-proċedura (li, skont dak li stqarret il-Kummissjoni waqt is-seduta, hija, għalissa, “iffriżata”) għadha fil-fażi prekontenzjuża tagħha u l-aħħar att formali ta’ din il-proċedura jmur lura għal Novembru 2021.
42 Mill-intervent tal-Kummissjoni sabiex tadotta r-Regolament Delegat 2024/2104 jista’ jiġi dedott li saħansitra l-prodotti tal-ikel li joriġinaw minn pajjiżi terzi li għalihom ir-Regolament 2017/625 ma jipprevedix obbligu ta’ komunikazzjoni tal-wasla fit-territorju tal-Unjoni jistgħu jiġu suġġetti għal tali obbligu biss taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament delegat.
43 Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
44 Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2002/46.
45 Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
46 Infakkar ukoll li mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/46 jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva, “l-Istati Membri ma għandhomx […] jipprojbixxu jew jillimitaw il-kummerċ fil-prodotti msemmija f’Artikolu 1 li jkunu konformi ma’ din id-Direttiva”.
47 Ara p. 13 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ PRAGON.
48 L-aħħar kolonna ta’ din it-tabella tindika n-numru ta’ kontrolli li jirrigwardaw importazzjonijiet li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni. Fl‑2022, 667 mis‑767 kontroll imwettqa kienu jikkonċernaw dawn l-importazzjonijiet. Mistieden jirreaġixxi dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Gvern Ċek indika li ma jifhimx din iċ-ċifra peress li l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi huma suġġetti għal kontrolli sistematiċi.
49 Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
50 Iktar u iktar peress li, fost dawn iż‑0.5 % ta’ komunikazzjonijiet segwiti minn kontroll, proporzjon probabbilment iktar baxx ikun wassal għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità.
51 Bl-istess mod, ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑111/03, EU:C:2005:619, punt 59).