KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑23 ta’ Ottubru 2025 (1)
Kawża C‑621/24
Landkreis Schweinfurt
vs
FB
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/33/UE – Akkoljenza tal-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 17 – Regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 20(1) – Limitazzjoni tad-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Regola nazzjonali li teskludi mid-dritt għall-benefiċċji maħsuba sabiex ikopru l-bżonnijiet fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum tad-dar u l-konsum domestiku lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ħlief jekk dawn iġibu prova li jeżistu ċirkustanzi speċjali – Ammissibbiltà”
I. Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, il-portata tad-dritt irrikonoxxut lill-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali (2) fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33/UE (3) li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jiżgurawlhom standard ta’ ħajja adegwat li jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom u jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li fih huma jkunu qegħdin ifittxu l-ażil (4).
2. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest ta’ tilwima bejn FB, ċittadin żagħżugħ Afgan, applikant għal protezzjoni internazzjonali, u l-Landkreis Schweinfurt (id-Distrett ta’ Schweinfurt, il-Ġermanja), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha din il-persuna tneħħielha d-dritt għall-benefiċċji maħsuba sabiex ikopru l-bżonnijiet tagħha fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku, minħabba li hija kienet ser tiġi ddeportata mit-territorju b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (5).
3. Il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja) tistaqsi, l-ewwel nett, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru ospitanti jistax jittratta lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont dan ir-regolament b’mod inqas favorevoli minn dawk li jkunu, għall-kuntrarju, ser jibqgħu fit-territorju ta’ dan l-Istat.
4. It-tieni nett, dik il-qorti tfittex li tiddetermina jekk l-imsemmi Stat Membru jiżgurax lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u li jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom billi jagħti lil dawn tal-aħħar benefiċċji in natura li jkopru l-alloġġ, l-ikel, il-kura personali u tas-saħħa, iżda jeskludihom, bħala prinċipju, mid-dritt għal għajnuna għall-ilbies u għal allowance finanzjarja li tkopri l-bżonnijiet tagħhom fejn jidħlu l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku.
5. Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tali limitazzjoni tad-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza tistax tiġi adottata abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33 minħabba li l-applikazzjoni ppreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tikkostitwixxi, f’dan il-każ, applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE (6).
6. Fl-ewwel lok, ser nispjega r-raġunijiet għaliex inqis li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludu regola nazzjonali li teskludi, bħala prinċipju, mid-dritt għall-benefiċċji maħsuba sabiex ikopru l-bżonnijiet fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment, iżda li tkun għadha ma ġietx eżegwita. F’dan ir-rigward, ser noqgħod fuq il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fis-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (7), tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (8), tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et (9), u, fl-aħħar nett, tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Ministero dell’Interno (Irtirar tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza) (10). Ser infakkar, b’mod partikolari, li l-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jiżgura lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom jeżiġi li dawk li ma għandhomx awtonomija finanzjarja jingħataw għajnuna għall-ilbies u allowance ta’ kuljum, u dan sakemm jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.
7. Fit-tieni lok, ser nispjega li tali esklużjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet previsti fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33 sa fejn applikazzjoni bħal dik ippreżentata minn FB ma kinitx tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti” għar-raġunijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza Khan Yunis u Baabda (11), mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2024, jiġifieri ftit xhur wara li tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2013/32
8. L-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” bħala “applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1)”.
2. Id-Direttiva 2013/33
9. Il-premessi 8, 11 u 35 tad-Direttiva 2013/33 jiddikjaraw:
“(8) Sabiex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, din id-Direttiva għandha tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemmjitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti.
[…]
(11) Għandhom ikunu stipulati standards għall-akkoljenza tal-applikanti li għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha.
[…]
(35) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(12)]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-Karta u trid tiġi implimentata b’dan il-mod.”
10. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi standards għall-akkoljenza tal-applikanti fl-Istati Membri.
11. L-Artikolu 2(g) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza” bħala “kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum”.
12. Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, l-istess direttiva tapplika “għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi […] li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju […] ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti”.
13. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu u fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu, jipprovdi:
“2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali
[…]
3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m’għandhomx mezzi suffiċjenti biex ikollhom standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom.
[…]
5. Fejn l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fil-forma ta’ konċessjonijiet finanzjarji jew vawċers, l-ammont tagħhom għandu jkun determinat fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat sew bil-liġi jew bil-prattika sabiex ikunu żgurati standards ta’ ħajja adegwati għaċ-ċittadini. L-Istati Membri jistgħu jagħtu trattament inqas favorevoli lill-applikanti meta mqabbla maċ-ċittadini f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fejn il-materjal ta’ appoġġ jingħata parzjalment f’oġġetti jew fejn il-livell(i) msemmija hawn fuq, applikati għaċ-ċittadini, ikollhom l-għan li jiżguraw standard ta’ ħajja ogħla minn dak preskritt għall-applikanti skont din id-Direttiva.”
14. L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, jipprevedi:
“1. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant:
[…]
(c) ikun iddepożita applikazzjoni sussegwenti kif definit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva [2013/32].
[…]
5. Deċiżjonijiet għal tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza […] għandhom jittieħdu b’mod individwali, oġġettiv u imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata […] filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 19 u għandhom jiżguraw standard tal-ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 5.”
3. Ir-Regolament Dublin III
15. Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Dublin III jiddikjaraw:
“(11) Id-Direttiva [2013/33] għandha tapplika għall-proċedura li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli kif regolat min dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.
(12) Id-Direttiva [2013/32] għandha tapplika flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji proċedurali regolati minn dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.”
16. L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-“[o]bbligi tal-Istat Membru responsabbli” kif ġej:
“1. L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:
[…]
(c) jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;
2. […]
F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva [2013/32]. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni.
[…]”
B. Id‑dritt Ġermaniż
1. Il-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza
17. Skont il-punt 5 tal-Artikolu 1(1) tal-Asylbewerberleistungsgesetz (il-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet mogħtija lill-Applikanti għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑5 ta’ Awwissu 1997 (13), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 18 tal-Gesetz zur Stärkung der Impfprävention gegen COVID‑19 und zur Änderung weiterer Vorschriften im Zusammenhang mit der COVID-19-Pandemia (il-Liġi li ssaħħaħ it-Tilqim kontra l-COVID‑19 u li temenda Dispożizzjonijiet Oħra relatati mal-Pandemija tal-COVID‑19) (14) tal‑10 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza”):
“(1) Għandhom dritt għall-kundizzjonijiet previsti f’din il-liġi ċ-ċittadini barranin li jirrisjedu effettivament fit-territorju federali u li
[…]
5. huma obbligati jitilqu mit-territorju nazzjonali, anki jekk ordni ta’ deportazzjoni ma tkunx jew ma tkunx għadha tista’ tiġi infurzata.”
18. L-Artikolu 1a ta’ din il-liġi, intitolat “Limitazzjoni tad-drittijiet”, jipprevedi:
“(1) Il-persuni li għandhom dritt għall-kundizzjonijiet mogħtija taħt il-punt 5 tal-Artikolu 1(1), li d-data tat-tluq tagħhom u l-possibbiltà tat-tluq tagħhom jkunu stabbiliti, ma għandhomx dritt għall-kundizzjonijiet mogħtija taħt l-Artikoli 2, 3 u 6 mill-għada tad-data tat-tluq sakemm it-tluq ma jkunx seta’ jseħħ għal raġunijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom. Sakemm jitilqu jew sakemm jiġu ddeportati, huma għandhom jingħataw biss kundizzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet tagħhom fejn jidħlu l-ikel u l-alloġġ, inkluż it-tisħin, kif ukoll il-kura personali u tas-saħħa. Kundizzjonijiet oħra msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) jistgħu jingħatawlhom biss f’każijiet speċjali u dan meta jkunu jeżistu ċirkustanzi speċjali. Il-kundizzjonijiet għandhom, bħala regola ġenerali, jingħataw in natura.
[…]
(7) Il-benefiċjarji tal-kundizzjonijiet mogħtija taħt il-punti 1 jew 5 tal-Artikolu 1(1), li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tkun ġiet miċħuda bħala inammissibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) meħuda abbażi tal-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tal-Asylgesetz (AsylG) [(il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil) (15) tas‑26 ta’ Ġunju 1992), moqri flimkien mal-Artikolu 31(6) ta’ din il-liġi, u li jkunu ġew ordnati li jiġu ddeportati skont it-tieni każ imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(1) tal-imsemmija liġi, jistgħu jingħataw biss kundizzjonijiet taħt il-paragrafu 1, imqar jekk din id-deċiżjoni tkun għadha tista’ tiġi kkontestata. L-ewwel sentenza ma tapplikax meta qorti tkun ordnat li l-appell mill-ordni ta’ deportazzjoni jkollu effett sospensiv.”
19. L-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza jipprovdi:
“Il-benefiċjarji taħt l-Artikolu 1 għandhom jingħataw kundizzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet tagħhom fejn jidħlu l-ikel, l-alloġġ, it-tisħin, l-ilbies, il-kura tas-saħħa, kif ukoll l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku (bżonnijiet essenzjali). Barra minn hekk, għandhom jingħataw kundizzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet personali tal-ħajja ta’ kuljum (bżonnijiet personali essenzjali).”
20. L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:
“Kundizzjonijiet oħra jistgħu, fost oħrajn, jingħataw jekk, f’każ speċjali, ikunu indispensabbli sabiex jiżguraw is-sussistenza jew is-saħħa, jekk ikunu neċessarji sabiex ikopru bżonnijiet speċjali tat-tfal jew jekk ikunu meħtieġa sabiex jissodisfaw obbligu ta’ kooperazzjoni previst fid-dritt amministrattiv. […]”
2. Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil
21. L-Artikolu 29 tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (16), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 9 tal-Gesetz zur Weiterentwicklung des Ausländerzentralregisters (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tar-Reġistru Ċentrali tal-Barranin) (17) tad‑9 ta’ Lulju 2021, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprevedi, fil-punt 1 tal-paragrafu 1 tiegħu:
“Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:
1. Stat ieħor
(a) taħt ir-Regolament [Dublin III] […]
[…]
ikun responsabbli jmexxi l-proċedura għall-ażil”.
22. Skont l-Artikolu 34a(1) ta’ din il-liġi:
“Jekk iċ-ċittadin barrani għandu jiġi ddeportat […] lejn Stat responsabbli jmexxi l-proċedura għall-ażil […], l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati għandu jordna d-deportazzjoni lejn dan l-Istat mill-mument li fih jiġi stabbilit li din id-deportazzjoni tista’ ssir. Dan jgħodd ukoll meta ċ-ċittadin barrani jkun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil fi Stat ieħor responsabbli jmexxi l-proċedura għall-ażil minħabba dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew ta’ trattat internazzjonali, jew meta jkun irtiraha qabel id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati. […]”
III. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari
23. FB huwa ċittadin Afgan li daħal il-Ġermanja fil‑25 ta’ Awwissu 2021 fl-età ta’ 19‑il sena u li ġie rreġistrat bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali fis‑6 ta’ Settembru 2021. L-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati talab lir-Rumanija tieħdu lura minħabba li FB kien preċedentement ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis‑6 ta’ Awwissu 2021 li huwa sussegwentement irtira b’mod impliċitu (18).
24. Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li ngħatawlu sa minn Settembru 2021, FB ġie alloġġjat f’ċentru tal-ewwel akkoljenza li jinsab fid-distrett ta’ Schweinfurt. Huwa ngħata l-benefiċċji in natura previsti fl-Artikoli 3 u 3a tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza, jiġifieri alloġġ msaħħan u miżmum, ikel, ilbies, enerġija domestika, prodotti għall-kura personali u tal-iġjene, kif ukoll aċċess għall-Wi‑Fi lokali. Barra minn hekk, huwa ngħata allowance finanzjarja li tkopri l-“bżonnijiet personali essenzjali” tiegħu fl-ammont ta’ EUR 101.25 għall-perijodu bejn is‑6 u t‑30 ta’ Settembru 2021 u ta’ EUR 121.50 fix-xahar minn Ottubru 2021 (19).
25. Wara li r-Rumanija aċċettat li tieħu lura lil FB, l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati adotta deċiżjoni, fil‑25 ta’ Ottubru 2021, li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kienet inammissibbli u ordna li jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru (20). It-trasferiment ġiet iffissat għat‑22 ta’ April 2021. FB ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, liema rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Verwaltungsgericht Würzburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Würzburg, il-Ġermanja) tal‑21 ta’ Diċembru 2021.
26. Wara li sema’ lil FB, id-Distrett ta’ Schweinfurt illimita, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2021, id-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li kienu ngħatawlu u dan billi qagħad fuq l-Artikolu 1a(7) tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza (21). Din id-deċiżjoni kienet tapplika mill‑1 ta’ Jannar sat‑30 ta’ Ġunju 2022. Għalhekk, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2022, FB ibbenefika minn benefiċċji in natura li jkopru l-bżonnijiet tiegħu fejn jidħlu l-alloġġ, l-ikel, it-tisħin, il-kura fiżika u tas-saħħa, kif ukoll, fil-każ ta’ mard, minn servizzi ta’ assistenza medika. Għall-kuntrarju, huwa tilef il-dritt għall-benefiċċji previsti sabiex ikunu koperti, minn naħa, il-“bżonnijiet essenzjali” tiegħu fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku u, min-naħa l-oħra, il-“bżonnijiet personali essenzjali” tiegħu msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi, jiġifieri, l-ispejjeż tat-trasport, tal-komunikazzjoni, tal-passatempi, tad-divertiment, tal-kultura, tas-servizzi ta’ alloġġ u tal-forniment tal-ikel, kif ukoll ta’ oġġetti u servizzi oħra. Mid-deċiżjoni kontenzjuża, annessa mal-proċess nazzjonali li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li FB ma invokax ebda ċirkustanza speċjali li tiġġustifika l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji l-oħra. It-trasferimenti previsti inizjalment fid‑19 ta’ Jannar 2022 u sussegwentement fit‑2 ta’ Marzu 2022 ma setgħux isiru għal raġunijiet li ma humiex attribwibbli lil FB, peress li r-Rumanija ma baqgħetx taċċetta trasferimenti lejn it-territorju tagħha mill‑1 ta’ Marzu 2022 u dan minħabba l-gwerra fl-Ukraina. Fit‑23 ta’ Frar 2022, FB ġie ttrasferit f’distrett ieħor fejn ibbenefika minn kundizzjonijiet li ma humiex ikkontestati f’dan il-każ. Huwa għalhekk stabbilit li, f’din il-kawża, il-perijodu kontenzjuż jibda fl‑1 ta’ Jannar 2022 u jispiċċa fit‑22 ta’ Frar 2022.
27. FB ippreżenta rikors quddiem is-Sozialgericht Würzburg (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Würtzburg, il-Ġermanja) sabiex jingħata kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza iktar favorevoli u, b’mod partikolari, allowance finanzjarja li tkopri l-bżonnijiet personali essenzjali tiegħu matul dan il-perijodu kontenzjuż.
28. Għalkemm dan ir-rikors ġie miċħud minn din il-qorti permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2023, huwa ntlaqa’ mill-Bayerisches Landessozialgericht (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Bayern, il-Ġermanja) permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2023, minħabba li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 1(7) tal-Liġi dwar il-Kundizzjonijiet Materjali ta’ Akkoljenza kienet teħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ aġir li jmur kontra xi obbligu partikolari – ħaġa li ma kinitx ġiet stabbilita f’dan il-każ. Għalhekk, id-Distrett ta’ Schweinfurt ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din is-sentenza.
29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundessozialgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti biss lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, skont l-istatus tagħhom bħala persuna suġġetta għal obbligu li titlaq it-territorju ta’ eżekuzzjoni f’terminu ta’ trasferiment previst bir-Regolament [Dublin III] dritt għall-akkomodazzjoni, għall-ikel, għall-kura tal-ġisem u tas-saħħa, għal trattament f’każ ta’ mard kif ukoll, f’każijiet partikolari, skont iċ-ċirkustanzi, għal ħwejjeġ u għal oġġetti ta’ użu ta’ kuljum u ta’ konsum fid-dar, hija konformi mal-livell minimu deskritt fl-Artikolu 17(2) u (5) tad-Direttiva [2013/33]?
(2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:
(a) Il-punt (c) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni sussegwenti tinkludi wkoll sitwazzjonijiet li fihom l-applikant kien diġà ppreżenta preċedentement applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor u li abbażi ta’ dan [l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati] []bbaża ċ-ċaħda tal-applikazzjoni bħala inammissibbli skont ir-Regolament [Dublin III] u ordna t-tneħħija?
(b) Sabiex jiġi stabbilit jekk, f’din is-sitwazzjoni, teżistix applikazzjoni sussegwenti fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija dik tal-irtirar jew dik ta’ deċiżjoni ta’ Istat Membru ieħor prevista fl-Artikolu 27 jew fl-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva?
(c) Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-punt (c) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33, tal-Artikolu 20(5) u (6) ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun awtorizzat li jiġu limitati l-benefiċċji mogħtija fil-kuntest tal-akkoljenza għall-benefiċċji biss li jkopru l-bżonnijiet tal-ikel u tal-akkomodazzjoni, inkluż it-tisħin, il-kura tal-ġisem u tas-saħħa, il-benefiċċji f’każ ta’ mard, kif ukoll, f’każijiet partikolari, il-ħwejjeġ u l-oġġetti ta’ użu ta’ kuljum u ta’ konsum fid-dar?”
30. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn FB, mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Belġjan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati (ħlief il-Gvern Bulgaru) ipparteċipaw fis-seduta li saret fl‑4 ta’ Settembru 2025, li matulha dawn il-partijiet wieġbu wkoll b’mod orali għad-domandi li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV. Analiżi
A. Osservazzjoni preliminari
31. Fid-dawl tal-kontenut tal-iskambji li saru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun utli, fil-fehma tiegħi, li ssir osservazzjoni preliminari dwar il-portata tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
32. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż sostna li l-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Dublin III, sa fejn jagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jiġu deċiżi r-rikors tagħha jew t-talba tagħha għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ta’ xkiel għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33. Fil-fatt, fil-fehma ta’ dan il-gvern, peress li d-deċiżjoni ta’ trasferiment li ttieħdet fir-rigward ta’ FB saret waħda definittiva, dan tal-aħħar ma kellux iktar id-dritt li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż u, konsegwentement, ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tagħha, imqar jekk it-trasferiment ma kienx ġie effettivament eżegwit.
33. Ninnota li dan l-argument ma tqajjimx mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u, fil-fehma tiegħi, l-istħarriġ tiegħu jmur lil hinn mill-iskop tat-tilwima ddefinit mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din tal-aħħar titlaq mill-premessa li FB jaqa’, fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33, minkejja li r-rikors li huwa ppreżenta kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn ir-Rumanija ġie miċħud u minkejja n-natura definittiva ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-kuntest, dik il-qorti sempliċement tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) u (5) u tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, sa fejn għandha x’taqsam il-portata tad-dritt irrikonoxxut lil dan l-applikant li jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jiżgurawlu standard ta’ ħajja adegwat. Issa, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali biss li tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tkun biħsiebha tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (22).
34. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax testendi s-suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju billi teżaminahom fid-dawl tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III u billi tistħarreġ jekk, minħabba l-eżawriment tar-rikors previst f’din id-dispożizzjoni, FB kienx għad għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż, imqar jekk id-deċiżjoni ta’ trasferiment ma kinitx ġiet eżegwita, u, konsegwentement, kien ħareġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33. Peress li din il-kwistjoni tmur ferm lil hinn mill-perimetru ddefinit minn dik il-qorti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li l-imsemmija qorti ssemmi b’mod espliċitu.
B. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33 (l-ewwel domanda)
35. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità kompetenti għandha tirtira l-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet sa fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku, mogħtija in natura jew fil-forma ta’ allowances finanzjarji, tal-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III, ħlief jekk dawn l-applikanti jipprovaw l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċjali.
36. Din id-domanda teħtieġ li jiġi analizzat it-trattament li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jagħti lil applikant li jkun ser jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali qabel ma tiġi eżaminata l-portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33. Ser nagħmel dan l-eżami fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ applikant li, bħal FB, ma kellu ebda riżorsi tiegħu, kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta.
1. Fuq it-trattament li għandu jingħata lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment
37. Skont it-titolu tiegħu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.
38. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jiddefinixxi l-għan u l-iskop tal-miżuri dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, li jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw lill-“applikanti” standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom.
39. Il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu jiddefinixxi, min-naħa tiegħu, ir-regoli li japplikaw għall-iffissar tal-ammont tal-allowances finanzjarji jew tal-vawċers mogħtija għal dan il-għan, u jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jittrattaw lill-applikanti b’mod inqas favorevoli miċ-ċittadini tagħhom, b’mod partikolari meta għajnuna materjali tingħata parzjalment in natura jew meta dawn il-livelli applikati għaċ-ċittadini tagħhom ikunu intiżi li jiggarantixxu standard ta’ ħajja ogħla minn dak li jeħtieġu l-applikanti taħt id-Direttiva 2013/33.
40. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, lil hinn mid-differenza fit-trattament li hija permessa bejn applikant u ċittadin nazzjonali, l-Istat Membru ospitanti jistax, barra minn hekk, jittratta b’mod differenti lill-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, billi dawn tal-aħħar jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-applikanti l-oħra.
41. Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2013/33 u tal-mod kif dan tal-aħħar huwa fformulat, ma hemm l-ebda dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-ħsieb li jintroduċi sistema ta’ assistenza b’ġeometrija varjabbli li fiha l-arranġamenti ta’ akkoljenza tal-applikant ikunu, fir-realtà, jiddependu minn jekk l-Istat Membru li jkun jinsab fih ikunx l-Istat Membru li ser jiddeċiedi b’mod definittiv l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Ħlief id-dispożizzjonijiet speċifiċi espliċitament previsti minn dan il-leġiżlatur fir-rigward tal-persuni vulnerabbli (Artikoli 21 sa 25 ta’ din id-direttiva), ta’ dawk imqiegħda f’detenzjoni (Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva), jew ta’ dawk suġġetti għal sanzjoni minħabba l-aġir tagħhom (Artikolu 20 tal-istess direttiva), ebda prova, sew jekk ta’ natura testwali, kuntestwali jew teleoloġika, ma tippermetti li tiġi stabbilita tali differenza fit-trattament.
42. Fl-ewwel lok, fid-dritt tal-Unjoni kif inhu llum, ebda wieħed mill-istrumenti li jagħmlu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ma jistabbilixxi status ġuridiku speċifiku għall-applikant li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment jew ma jipprevedi sistema legali speċifika fir-rigward tiegħu (23).
43. B’hekk, sa fejn għandha x’taqsam id-Direttiva 2013/33, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza IPAT li “l-applikanti li huma s-suġġett tal-‘proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali’ stabbiliti mir-Regolament Dublin III huma manifestament inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae [ta’ din id-direttiva]” u li din tal-aħħar ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk l-applikant ikunx is-suġġett ta’ proċeduri ta’ trasferiment jew le (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża b’mod uniformi u trażversali l-kunċett ta’ “applikant” li jinsab fl-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, liema kunċett ikopri “kategorija waħda biss ta’ applikanti” li tinkludi ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u l-apolidi li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ma tkunx għadha ġiet deċiża b’mod definittiv (25). Sa fejn deċiżjoni ta’ trasferiment ma tikkostitwixxix deċiżjoni li permezz tagħha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi deċiża b’mod definittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni jista’, għalhekk, ikollha l-effett li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-kwalità tagħha ta’ “applikant” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mid-drittijiet assoċjati ma’ din il-kwalità (26). Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva jirreferi għall-“applikanti” mingħajr ebda distinzjoni.
44. Fit-tieni lok, l-għan tad-Direttiva 2013/33 ma huwiex li tiggarantixxi l-integrazzjoni tal-applikanti fl-Istat Membru ospitanti, iżda li tiżgura li r-responsabbiltà għall-bżonnijiet essenzjali u immedjati tagħhom tittieħed b’mod effettiv sabiex jiġi żgurat, skont il-premessi 11 u 35 ta’ din id-direttiva, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
45. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-dritt għall-ażil, irrikonoxxuti fl-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, rispettivament, ma japplikawx biss fir-rigward tal-applikanti li jkunu jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, iżda wkoll fir-rigward ta’ dawk li jkunu qegħdin jistennew li jiġi ddeterminat dan l-Istat (27).
46. Dan ir-raġunament għandu jiġi estiż għall-applikanti li jkunu qegħdin jistennew it-trasferiment effettiv tagħhom lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-kunċett stess ta’ “akkoljenza” jeżiġi li jittieħed inkunsiderazzjoni kriterju oġġettiv, jiġifieri l-post fejn ikun jinsab l-applikant, u mhux l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Dublin III u tal-prassi relatati miegħu, li minnha jirriżulta li d-data tat-trasferiment u l-implimentazzjoni ta’ dan tal-aħħar jibqgħu fl-aħħar mill-aħħar inċerti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament enfasizzat dan, billi fakkret li l-esklużjoni tal-applikanti mid-dritt għal ċerti kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma setgħetx tiġi ġġustifikata la minħabba l-qosor tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fid-dawl tat-termini relatati mal-proċedura ta’ teħid (lura) ta’ responsabbiltà u ta’ trasferiment stipulati fl-Artikolu 21 sa 25 u fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, u lanqas minħabba s-sitwazzjoni li fiha t-trasferiment ma jkunx seħħ fit-termini stipulati (28). Din il-kawża hija eżempju ta’ dan mhux biss għaliex it-terminu massimu li fih kellha tiġi applikata d-deċiżjoni ta’ trasferiment kien twil sitt xhur – perijodu twil iżżejjed jekk l-applikant, li ma jkollux awtonomija finanzjarja, la jibbenefika minn għajnuna għall-ilbies u lanqas minn allowance ta’ kuljum – iżda wkoll għaliex din id-deċiżjoni ma ġiet qatt eżegwita.
47. Il-fatt li l-applikanti jiġu esklużi mid-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minħabba li ma jkunux “fejn suppost”, u dan b’applikazzjoni tal-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fir-Regolament Dublin III, jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom. Oġġettivament, dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni li tixbah lil dik li jinsabu fiha l-applikanti li jkunu qegħdin jirrisjedu fl-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom jew li jkunu qegħdin jistennew li jiġi ddeterminat dan l-Istat. Il-bżonnijiet tagħhom huma identiċi: għalkemm ma humiex suġġetti għall-obbligi ta’ kooperazzjoni li jimponi fuqhom l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, huma għandhom, madankollu, ikollhom fejn joqogħdu, x’jieklu, x’jilbsu u jkollhom somma flus li tippermettilhom iżommu ftit dinjità u awtonomija sabiex igawdu d-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2013/33.
48. Tali approċċ imur kontra wkoll l-għan tad-Direttiva 2013/33, kif imfisser fil-premessa 8 tagħha, li “[j]kun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, [billi] tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemmjitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti”(29). Il-proċedura ta’ trasferiment u ta’ teħid (lura) ta’ responsabbiltà ta’ applikant mill-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, immexxija skont ir-Regolament Dublin III, hija, minnha nnifisha, “proċedura li tirrigwarda l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali”(30). Minn qari tal-premessa 11 flimkien mal-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament jirriżulta, barra minn hekk, li l-istandards ta’ akkoljenza previsti fid-Direttiva 2013/33 japplikaw għall-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, liema proċedura tispiċċa biss meta dan l-Istat jieħu (lura) ir-responsabbiltà tal-applikant. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan fis-sentenza IPAT billi ddeċidiet li l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jagħti l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza lill-applikant “jintemm biss fil-mument tat-trasferiment definittiv ta’ dan tal-aħħar lejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba” (31).
49. Fl-aħħar lok u t-tielet nett, jekk wieħed jaċċetta li l-Istat Membru ospitanti jista’ jfixkel it-teħid ta’ responsabbiltà tal-applikanti minħabba li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, ikun qiegħed jonqos milli josserva l-għan tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil billi jissuġġetta parti kbira tal-applikanti għal standards nazzjonali ħafna inqas favorevoli mir-regoli armonizzati stabbiliti f’din is-sistema. Huwa ċar li tali miżura ma tippermettix li tiġi żgurata “kontinwità fil-protezzjoni u d-drittijiet mogħtija [mir-Regolament Dublin III] u [mill-istrumenti] legali rilevanti oħrajn rigward l-asil” li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament.
50. Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jien tal-fehma li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludu regola nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-applikanti li fir-rigward tagħhom tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-applikanti l-oħra.
51. Issa jmiss li jiġi eżaminat it-tieni aspett tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju: Stat Membru jiżgura lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom jekk jeskludi lil dawn tal-aħħar mid-dritt għall-għajnuna għall-ilbies u għal allowance ta’ kuljum li tkopri x-xiri ta’ oġġetti għall-użu ta’ kuljum u ta’ konsum domestiku?
2. Fuq il-portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat
52. Infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi l-prinċipju li l-miżuri nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza għandhom jiżguraw lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom.
53. Sabiex jiġu ddeterminati l-portata u l-arranġamenti tat-teħid ta’ responsabbiltà li teħtieġ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat u l-kontenut tal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minnu.
54. Fid-dritt ekonomiku, l-espressjoni “standard ta’ ħajja” tirreferi għall-benesseri ekonomiku u soċjali ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni, u b’mod partikolari għall-kapaċità tagħha li tissodisfa l-bżonnijiet essenzjali u mhux essenzjali tagħha. Fil-kuntest tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi kemm għar-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja “adegwat”, kif ukoll għal dak li jinżamm standard ta’ ħajja “dinjituż”, mingħajr ma jiddefinixxi l-portata ta’ dawn ir-rekwiżiti. Din il-qorti tistaqsi, għalhekk, jekk huwiex possibbli li jsir paragun bejniethom.
55. Fl-ewwel lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 ma fih ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “standard ta’ ħajja adegwat”. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi, billi mhux biss jittieħed inkunsiderazzjoni il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li din id-direttiva tfittex li tilħaq (32).
56. Huwa skont dan il-metodu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-portata tar-rekwiżit li jinżamm standard ta’ ħajja dinjituż stabbilit fl-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33 fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jqiegħdu lill-applikant f’sitwazzjoni ta’ privazzjoni materjali kbira li ma tippermettilux ilaħħaq mal-bżonnijiet l-iktar bażiċi tiegħu, bħal li jkollu fejn joqgħod, x’jiekol, x’jilbes u fejn jinħasel, u li tagħmel ħsara lis-saħħa fiżika u mentali tiegħu jew tixħtu fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli ma’ din id-dinjità (33). Fis-sentenza Cimade u GISTI, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li applikant ma setax jiġi mċaħħad mill-protezzjoni tal-istandards minimi ta’ akkoljenza previsti fid-Direttiva 2003/9, anki tul perijodu temporanju wara li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu u qabel ma jiġi effettivament ittrasferit, bir-riskju li, b’mod partikolari, ma jiġux osservati l-iskop ta’ din id-direttiva u r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Karta li jgħid li d-dinjità tal-bniedem għandha tiġi rrispettata u protetta (34).
57. Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-miżuri dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jiżguraw standard ta’ ħajja “adegwat” u mhux standard ta’ ħajja “dinjituż”.
58. Ninnota li l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan l-istandard ta’ ħajja permezz tal-miżuri dwar il-“kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, liema kundizzjonijiet huma, għalhekk, komponenti tal-imsemmi standard ta’ ħajja. Dawn il-kundizzjonijiet huma ddefiniti fl-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2013/33 fis-sens li jinkludu “akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum”. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni sa fejn għandha x’taqsam is-sura li fiha jiġu offruti l-imsemmija kundizzjonijiet, mill-banda l-oħra, huwa jiddefinixxi b’mod preċiż il-kontenut tagħha billi jidentifika l-bżonnijiet li għandhom jiġu ssodisfatti. Kif jixhed l-użu ta’ “u”, il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza huma kumulattivi u għandhom jitqiesu li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinfirdu sa fejn huma l-mezz sabiex jiġi żgurat standard ta’ ħajja adegwat lill-applikant li ma jkollux awtonomija finanzjarja. Fil-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, id-dritt għal standard ta’ ħajja adegwat huwa għalhekk maħsub bħala dritt kompost li t-tgawdija tiegħu tiddependi mill-issodisfar simultanju ta’ kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.
59. Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu sistema “à la carte” billi jirtiraw jew ineħħu xi wieħed minn dawn il-komponenti. F’dan ir-rigward, ninnota li l-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 huwa differenti minn dak użat fl-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu l-imsemmija kundizzjonijiet “kollha jew parti minnhom” meta l-applikant ikollu r-riżorsi tiegħu. Minn dan jirriżulta li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jevitaw l-obbligu tagħhom li jipprovdu kemm għall-bżonnijiet tal-applikant li jkollu fejn joqgħod u x’jiekol, kif ukoll għall-bżonn li jkollu x’jilbes, u li jagħtuh allowance ta’ kuljum.
60. Fit-tieni lok, it-terminu “adegwat” jimplika l-għoti ta’ benefiċċji li jkunu adattati sabiex jiggarantixxu s-sussistenza tal-applikant u l-protezzjoni tas-saħħa fiżika u mentali tiegħu u mhux l-aċċess għal sett ta’ drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. Barra minn hekk, fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi b’mod espliċitu għall-mezzi suffiċjenti sabiex l-applikanti jkollhom “standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom” (35). Dan jimplika l-għoti ta’ benefiċċji li l-kontenut tagħhom ikun adattat għas-sitwazzjoni individwali tal-applikant f’soċjetà partikolari u fi żmien partikolari (36). Il-kliem tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva huma partikolarment ċari f’dan ir-rigward, billi jeżiġi, għal dan il-għan, li l-ammont tal-allowances finanzjarji jew tal-vawċers li jingħataw għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jiġi ffissat “fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat”. Għall-kuntrarju, jekk l-għajnuna għall-ilbies tingħata in natura, jien tal-fehma li din tal-aħħar għandha tkun tali li l-applikant ikun jista’ jixtri ħwejjeġ u żraben li jkunu raġonevolment deċenti, xierqa skont is-sess u l-età ta’ min jilbishom, adattati għall-istaġun u b’biżżejjed kwantità.
61. Fid-dawl ta’ dawn l-aspetti testwali, ir-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33, kemm‑il darba jkopri l-bżonnijiet bażiċi tal-applikant, imur għalhekk lil hinn mid-dritt għas-sopravivenza biss. Dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jgħix ħajja dinjituża b’aċċess għal riżorsi li huma biżżejjed u adattati sabiex jissodisfa l-bżonnijiet li jkollu fejn joqgħod, x’jiekol, x’jilbes u li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, u sabiex jibbenefika minn awtonomija minima f’soċjetà partikolari u fi żmien partikolari (37).
62. Il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti li tiġi sostnuta l-interpretazzjoni fis-sens li dan ir-rekwiżit għandu portata materjali ħafna usa’ minn dak li jinżamm standard ta’ ħajja dinjituż.
63. Fil-fatt, ir-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat jagħmel parti mill-għoti tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, li l-arranġamenti tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, filwaqt li dak li jinżamm standard ta’ ħajja dinjituż jagħmel parti mit-tnaqqis, jew saħansitra mill-irtirar, tad-dritt għal dawn il-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 20 ta’ din tal-aħħar (38). Dan ir-rekwiżit tal-aħħar huwa għalhekk eċċezzjoni li tapplika biss f’sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn abbuż ta’ dritt jew aġir li jmur kontra d-dispożizzjonijiet legali min-naħa tal-applikant. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jeżiġi li jiġu żgurati l-integrità u d-dinjità tal-applikant meta jitneħħewlu l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza kollha jew parti minnhom, jistabbilixxi livell minimu li l-Istati Membri għandhom josservaw.
64. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 huwa r-regola u għandu neċessarjament portata materjali usa’. Dan tixhdu s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja żammet li l-livell tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, b’mod partikolari, l-għajnuna finanzjarja mogħtija għal dan il-għan, għandi jkun biżżejjed sabiex jiġi ggarantit standard ta’ ħajja “dinjituż u adegwat” għas-saħħa, kif ukoll sabiex tiġi żgurata s-sussistenza tal-applikanti.
65. Fl-aħħar nett, li kellu wieħed ineħħi mill-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza previsti fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 il-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tal-applikanti fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku, ikun qiegħed jikser manifestament l-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq.
66. Sa fejn għandha x’taqsam l-għajnuna għall-ilbies, huwa aċċettat li l-ilbies huwa prerekwiżit għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem b’mod ġenerali (39). Infakkar li, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-bżonn li dak li jkun ikollu x’jilbes huwa bżonn “bażiku”, bħalma huwa l-bżonn li wieħed ikollu fejn joqgħod u x’jiekol, tant li huwa aspett wieħed tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem. Barra minn hekk, ilbies imqatta’ u maħmuġ huwa l-iktar sinjal ċar ta’ privazzjoni. Li wieħed ikollu x’jilbes ma jgħinx biss sabiex titħares is-saħħa mentali ta’ dak li jkun, iżda tgħin wkoll – u b’mod ovvju – sabiex titħares is-saħħa fiżika tal-persuna kkonċernata peress li lbies adattat jipproteġi l-ġisem kontra l-maltemp, il-kesħa, ix-xita, eċċ. Li wieħed ikollu x’jilbes huwa wkoll il-mezz sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-applikant, bħalma huwa d-dritt li dak li jkun li jiċċaqlaq, li jattendi taħriġ professjonali jew ukoll li jkollu aċċess għas-suq tax-xogħol.
67. Sa fejn għandha x’taqsam l-allowance ta’ kuljum, din tal-aħħar hija wkoll element essenzjali tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza sa fejn, kif enfasizzat diversi drabi l-Kummissjoni waqt is-seduta, din tippermetti lill-applikant jibbenefika minn livell minimu ta’ awtonomija. Din l-allokazzjoni, li l-applikant jista’ jiddisponi minnha kif jidhirlu u li hija maħsuba bħala “pocket money” u li l-ammont tagħha jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandha tippermettilu jixtri oġġetti għall-użu ta’ kuljum li huma essenzjali, bħall-prodotti għall-iġjene personali jew ukoll biljetti tat-trasport. Fil-fehma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) (40), din l-allowance għandha diversi għanijiet: l-ewwel nett, li tippermetti lill-applikanti jilħqu livell minimu ta’ sussistenza fiżika, lil hinn mill-bżonnijiet bażiċi ta’ alloġġ, ikel u lbies; it-tieni nett, li tiżguralhom livell minimu ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja soċjokulturali tal-Istat Membru li fih jirrisjedu, u, it-tielet nett, li tippermettilhom igawdu ċerta awtonomija finanzjarja (41). Inżid ngħid li din l-allowance tippermetti wkoll lill-applikanti jissodisfaw l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, billi jwieġbu għal varji taħrikiet u billi jattendu għall-intervisti, u tippermettilhom ukoll igawdu d-drittijiet irrikonoxxuti lilhom li jibbenefikaw, pereżempju, minn taħriġ professjonali jew minn aċċess għal-kura tas-saħħa.
68. F’dan ir-rigward, ninnota li, fid-dritt internazzjonali, huwa aċċettat li d-dritt għal standard ta’ ħajja adegwat – li wieħed jista’ jsibu wkoll bħala d-dritt għal standard ta’ ħajja “suffiċjenti” jew “xieraq” – jeżiġi li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess mhux biss għal ikel adegwat, għal alloġġ adegwat, għal ilbies adegwat, għal kura medika u għal servizzi soċjali neċessarji, iżda wkoll għal drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali oħra, neċessarji f’soċjetà partikolari fi żmien partikolari, bħalma huwa d-dritt għall-edukazzjoni jew id-dritt għax-xogħol (42). L-oġġetti u s-servizzi għandhom jingħataw bi kwantità u bi kwalità suffiċjenti, adattati għas-sess u għall-età u xierqa minn perspettiva kulturali. Għalkemm jeżistu diverġenzi dwar il-portata eżatta ta’ dan id-dritt, huwa aċċettat li dan id-dritt huwa marbut mal-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra, xi wħud inqas restrittivi minn oħrajn, u għandu bħala bażi d-dritt għad-dinjità tal-bniedem (43). B’hekk, f’termini purament ekonomiċi, il-Bank Dinji jqis li standard ta’ ħajja adegwat ifisser li dak li jkun jgħix ’il fuq mil-livell ta’ faqar tas-soċjetà kkonċernata. Fil-fehma tiegħu, sabiex jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat jeħtieġ li jiġu koperti żewġ tipi ta’ spejjeż: l-ispejjeż meħtieġa għall-ikel u għax-xiri ta’ oġġetti essenzjali u l-ispejjeż addizzjonali, li jirriflettu l-prezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum fis-soċjetà u li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor (44).
69. Minn din l-informazzjoni kollha jirriżulta li r-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludi, għalhekk, li Stat Membru jċaħħad lil applikant minn benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tiegħu fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku.
70. Regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, fil-fehma tiegħi, iktar u iktar problematika peress li hija bbażata fuq esklużjoni awtomatika minn dawn il-benefiċċji.
71. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 huwa bbażat fuq għoti, fil-prinċipju, tal-allowance ta’ kuljum u tal-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tal-applikant li jkollu fejn joqgħod, x’jiekol u x’jilbes. Dan l-għoti fil-prinċipju huwa iktar u iktar meħtieġ peress li l-applikant ma għandux awtonomija finanzjarja u ma jistax ikollu aċċess immedjat għas-suq tax-xogħol sabiex ilaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu stess u b’hekk jiggarantixxi għalih innifsu ċertu standard ta’ ħajja. L-Istat Membru ospitanti jista’ jneħħi d-dritt, kollu jew parti minnu, għal dawn il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza biss fil-każ fejn l-applikant ikollu riżorsi tiegħu, imsemmi fl-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, jew fil-każ fejn ikun abbuża mis-sistema ta’ akkoljenza, jew ikun ġie ssanzjonat minħabba ksur gravi tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni jew minħabba aġir partikolarment vjolenti, imsemmi fl-Artikolu 20(1) sa (4) tagħha.
72. Issa, sistema legali bħal dik inkwistjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li huwa l-oppost ta’ dak li fuqu huwa bbażat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2013/33 peress li jistabbilixxi esklużjoni fil-prinċipju mill-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tal-applikant fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku. Mid-dibattiti li saru waqt is-seduta jirriżulta li d-deċiżjoni amministrattiva li teskludi l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji hija, minn naħa, waħda awtomatika, u dan meta tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment, u, min-naħa l-oħra, adottata mingħajr kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant. Dan tal-aħħar huwa għalhekk obbligat iressaq talba quddiem l-awtorità nazzjonali li permezz tagħha huwa jista’ jitlob biss ir-restawrazzjoni tal-għajnuna għall-ilbies kemm‑il darba jġib prova ta’ ċirkustanzi speċjali (45). F’dan il-każ, jidher li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata mingħajr ma sar eżami individwali qabel li kien jippermetti li jiġu evalwati l-bżonnijiet ta’ FB u l-konsegwenzi li l-esklużjoni tiegħu mill-għajnuna għall-ilbies u mill-allowance finanzjarja kien ikollha għat-tkomplija tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali.
73. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u (5) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi b’mod awtomatiku lil applikant minn benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tiegħu fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku għas-sempliċi raġuni li tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tiegħu, skont ir-Regolament Dublin III.
C. Fuq il-limitazzjoni jew l-irtirar tad-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minħabba l-preżentata ta’ applikazzjoni sussegwenti (it-tieni domanda)
74. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel it-tieni domanda preliminari tagħha kemm‑il darba s-sistema legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit li jiġi ggarantit standard ta’ ħajja adegwat stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u (5) tad-Direttiva 2013/33.
75. Permezz tat-tliet subdomandi li fiha din tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li tiddetermina jekk sistema bħal dik inkwistjoni tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33, li bis-saħħa tiegħu l-Istat Membru ospitanti jista’ jillimita d-dritt għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti kif iddefinita fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata l-Ġermanja tista’, fil-fatt, tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Issa, la waħda u lanqas l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jiddeċiedu l-kwistjoni jekk hemmx applikazzjoni sussegwenti ukoll f’każ li jinvolvi diversi Stati Membri. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk tali sistema tissodisfax il-garanziji previsti b’mod espliċitu fl-Artikolu 20(5) u (6) tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dik dwar ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem.
76. Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li dawn id-domandi ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma din tal-aħħar għamlet kjarifiki essenzjali dwar il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” fis-sentenza Khan Yunis u Baabda, li qiegħed nirreferi għaliha.
77. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, ikopri s-sitwazzjoni fejn applikant jippreżenta applikazzjoni ġdida wara li Stat Membru ieħor ikun diġà adotta deċiżjoni dwar applikazzjoni li huwa jkun ippreżenta qabel (46). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tippreċiża li l-ewwel Stat Membru li quddiemu l-applikant ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għandu jkun ta “deċiżjoni finali” dwar din l-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva (47).
78. Issa, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-applikazzjoni l-ġdida ppreżentata minn FB fis‑6 ta’ Settembru 2021 il-Ġermanja ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 u b’hekk tirrendi inapplikabbli l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33. Il-parteċipanti kollha fis-seduta jaqblu għalhekk dwar il-fatt li l-imsemmija applikazzjoni ġiet ippreżentata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni li huwa kien ippreżenta qabel fis‑6 ta’ Awwissu 2021 ir-Rumanija u li kien sussegwentement irtira b’mod impliċitu.
79. Terminu ta’ erba’ ġimgħat kien manifestament qasir wisq sabiex l-awtoritajiet Rumeni jkunu jistgħu jagħmlu eżami komplet ta’ din l-ewwel applikazzjoni, li jippermettilhom jiddeterminaw jekk FB kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.
80. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li l-applikazzjoni ppreżentata minn FB il-Ġermanja kienet inammissibbli ġiet adottata qabel ma skada t-terminu ta’ disa’ xhur li l-Istati Membri huma mitluba josservaw fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/32 qabel ma jipproċessaw applikazzjoni ġdida qua applikazzjoni sussegwenti, fil-każ fejn l-ewwel waħda tkun ġiet irtirata b’mod impliċitu.
81. Fl-aħħar nett, nifhem li, skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III, il-Ġermanja skattat ir-responsabbiltà tar-Rumanija u talbet li FB jittieħed lura abbażi tal-Artikolu 18(1)(c) ta’ dan ir-regolament minħabba li dan tal-aħħar ippreżenta applikazzjoni ġdida quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi wara li rtira b’mod impliċitu l-applikazzjoni li kien ippreżenta qabel lill-awtoritajiet Rumeni. Ir-Rumanija aċċettat li tieħu lura lill-persuna kkonċernata abbażi ta’ dan l-artikolu. Issa, fil-fehma tiegħi, dan jippreżupponi li l-ewwel talba ma ġietx miċħuda u, konsegwentement, li ma ġietx adottata deċiżjoni finali (48).
82. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, li għalih jirreferi l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” ma jkoprix is-sitwazzjoni li fiha applikant jippreżenta applikazzjoni ġdida fi Stat Membru qabel ma Stat Membru ieħor ikun adotta deċiżjoni finali dwar applikazzjoni li l-imsemmi applikant ikun ippreżenta qabel.
V. Konklużjoni
83. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Federali għall-Kwistjonijiet Soċjali, il-Ġermanja) kif ġej:
(1) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi b’mod awtomatiku persuna li tapplika għal protezzjoni internazzjonali mill-benefiċċji li jkopru l-bżonnijiet tagħha fejn jidħlu l-ilbies, l-oġġetti għall-użu ta’ kuljum u l-konsum domestiku għas-sempliċi raġuni li tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tagħha, skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida.
(2) L-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, li għalih jirreferi l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” ma jkoprix is-sitwazzjoni li fiha applikant għal protezzjoni internazzjonali jippreżenta applikazzjoni ġdida fi Stat Membru qabel ma Stat Membru ieħor ikun adotta deċiżjoni finali dwar applikazzjoni li l-imsemmi applikant ikun ippreżenta qabel.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Iktar ’il quddiem l-“applikanti”.
3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).
4 Iktar ’il quddiem l-“Istat Membru ospitanti”.
5 Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).
6 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)
7 C‑179/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cimade u GISTI”, EU:C:2012:594.
8 C‑233/18, EU:C:2019:956.
9 C‑322/19 u C‑385/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza IPAT”, EU:C:2021:11.
10 C‑422/21, EU:C:2022:616. Ara wkoll il-kawża Sidi Bouzid (C‑184/24), li għadha pendenti.
11 C‑123/23 u C-202/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Khan Yunis u Baabda”, EU:C:2024:1042.
12 Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
13 BGBl. 1997 I, p. 2022.
14 BGBl 2021 I, p. 5162.
15 BGBl. 1992 I, p. 1126.
16 BGBl. 2008 I, p. 1798.
17 BGBl 2021 I, p. 2467.
18 Din is-sitwazzjoni tikkorrispondi għal dik tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32.
19 Mid-dritt nazzjonali jirriżulta li l- “bżonnijiet personali essenzjali” tal-applikanti jinkludu l-ispejjeż tat-trasport, tal-komunikazzjoni, tal-passatempi, tad-divertiment, tal-kultura, tas-servizzi ta’ alloġġ u tal-forniment tal-ikel u ta’ oġġetti u servizzi oħra.
20 Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ trasferiment”.
21 Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”.
22 Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 1997, Franzén (C‑189/95, EU:C:1997:504, punt 79) u tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Sony Computer Entertainment Europe (C‑159/23, EU:C:2024:887, punt 28).
23 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2020:642, punt 53).
24 Ara s-sentenza IPAT (punt 65).
25 Ara s-sentenzi IPAT (punt 67), kif ukoll Cimade u GISTI (punt 40).
26 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza IPAT (punti 64 u 68).
27 Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punti 42 u 43).
28 Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punti 44 u 45).
29 Korsiv miżjud minni.
30 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2020:642, punt 67).
31 Ara s-sentenza IPAT (punt 68).
32 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12); tad‑29 ta’ Frar 2024, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Konverżjoni reliġjuża sussegwenti) (C‑222/22, EU:C:2024:192, punt 25) u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Casa Judeoeană de Asigurări de Sănătate Mureș et (C‑489/23, EU:C:2025:651, punt 31).
33 Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Ministero dell’Interno (Irtirar tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza) (C‑422/21, EU:C:2022:616, punti 39 u 40), li tirreferi għas-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956, punti 46 sa 48).
34 Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punt 56).
35 Korsiv miżjud minni.
36 Ara, dwar dan is-suġġett, Smith, R. K. M., International Human Rights Law, l-għaxar edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2022, b’mod partikolari l-Kapitolu 16, intitolat “The right to an adequate standard of living”, p. 307 sa 321, punt 16.1.2, kif ukoll Eide, A. u Eide, W. B., “Article 25” fi Alfredsson, G. u Eide, A., The Universal Declaration of Human Rights: a Common Standard of Achievement, Kluwer Law International, Den Haag, 2023, p. 523 sa 550.
37 Ara Eide, A. u Eide, W. B. “Adequate Standard of Living”, op. cit., b’mod partikolari l-punt 2. Ara wkoll Trebilcock, A., “La notion de droit à un niveau de vie suffisant”, fi Thouvenin, J.‑M., u Trebilcock, A., Le droit international social: Droits Économiques, Sociaux et Culturels, p. 1664 sa 1680, b’mod partikolari l-punt 19.
38 Ara wkoll il-premessi 11 u 35 tad-Direttiva 2013/33.
39 Fuq il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ dritt għal ilbies adegwat, ara Graham, L. G., “Reasserting the Right to Adequate Clothing in International Human Rights Law”, Human Rights Law Review, Vol. 24, Nru 1, 2024.
40 L-EUAA ħadet post l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO).
41 EASO, Gwida dwar il-kondizzjonijiet tal-akkoljenza: standards u indikaturi, Settembru 2016, p. 33.
42 Dan id-dritt huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 25(1) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assembla Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948, li tipprovdi li “[k]ulħadd għandu l-jedd għal livell ta’ ħajja suffiċjenti biex jiżguralu saħħtu, għajxien tajjeb għalih u għall-familja tiegħu, speċjalment f’dak li hu ikel, ilbies, dar, kura medika kif ukoll servizzi soċjali meħtieġa; għandu wkoll il-jedd għas-sigurtà f’każ ta’ qgħad, mard, mankament, armla, xjuħija u fil-każi l-oħra meta minħabba ċirkostanzi li m’għandux kontroll fuqhom jitlef il-mezzi tal-għajxien” (ara Eide, A. u Eide, W. B., “Article 25”, op. cit., b’mod partikolari p. 531 u 532). Dan id-dritt huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit‑3 ta’ Jannar 1976, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati partijiet f’dan il-Patt jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull persuna għal livell ta’ ħajja suffiċjenti għaliha nnifisha u għall-familja tagħha, inkluż ikel, ilbies u alloġġ suffiċjenti, kif ukoll għal titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħha” [traduzzjoni libera].
43 Ara Trebilcock, A., op. cit., b’mod partikolari l-punti 14, 20 u 21, kif ukoll Smith, R. K. M., op. cit., b’mod partikolari l-punt 16.1.
44 Ara Eide A., u Eide W. B., “Adequate Standard of Living”, op. cit., b’mod partikolari l-punt 2.
45 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-applikant “instema’” fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.
46 Ara s-sentenza Khan Yunis u Baabda (punt 53).
47 Ara s-sentenza Khan Yunis u Baabda (punt 74). Il-kunċett ta’ “deċiżjoni finali” jfisser, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32, “deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-[Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V [tad-Direttiva 2013/32]”.
48 Skont id-dispożizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, huwa, f’dan il-każ, l-Istat Membru rikjest li għandu jiżgura li “l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti” (korsiv miżjud minni).